Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010DC0491

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Strateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015

/* KUMM/2010/0491 finali */

52010DC0491




[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 21.9.2010

KUMM(2010) 491 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Strateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel2010-2015

SEG(2010) 1079 SEG(2010) 1080

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Strateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel2010-2015

WERREJ

Introduzzjoni 3

1. Indipendenza ekonomika ugwali 4

2. L-istess paga għall-istess xogħol u xogħol tal-istess valur 6

3. L-ugwaljanza fit-teħid tad-deċiżjonijiet 7

4. Dinjità, integrità u tmiem għall-vjolenza minħabba d-differenza ta' sess 8

5. L-ugwaljanza bejn is-sessi f'azzjonijiet esterni 9

6. Kwistjonijiet orizzontali 11

Introduzzjoni

Il-kisbiet tal-Unjoni Ewropea fil-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel għenu biex issir bidla għall-aħjar fil-ħajja ta' bosta ċittadini Ewropej u biex ikun ipprovdut is-sisien li fuqu issa rridu nibnu soċjetà li hija waħda tassew ugwali fejn jidħlu s-sessi.

Fl-1975, il-prinċipju ta' paga l-istess għal xogħol l-istess kien ġie invokat b'suċċess biex tkun iddefenduta Gabrielle Defrenne, li kienet air hostess mal-linja tal-ajru nazzjonali Belġjana, u d-drittijiet li joħorġu mill-każ ta' Defrenne huma wirt b'saħħtu għan-nisa fl-Unjoni Ewropea. Il-każ wassal biex jiġu adottati l-ewwel direttivi Ewropej dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi.

Xi tendenzi inkoraġġanti, u riċenti, jinkludu ż-żieda fl-għadd ta' nisa fis-suq tax-xogħol u l-progress tagħhom fil-ksib ta' edukazzjoni u taħriġ aħjar. Madankollu, huma bosta l-oqsma fejn għadek issib diskrepanzi bejn is-sessi, u fis-suq tax-xogħol in-nisa għadhom irrappreżentati bil-bosta fis-setturi li jħallsu ftit filwaqt li mhumiex rappreżentati biżżejjed f'pożizzjonijiet ta' livell ta' teħid ta' deċiżjonijiet. Ir-rwol ta' ġenitur għadu jżomm ir-rata ta' nisa li jaħdmu waħda baxxa, u n-nisa għadhom jaħdmu aktar sigħat bla ħlas, id-dar, mill-irġiel.

In-nuqqas ta' ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel jirrappreżenta ksur ta' drittijiet fundamentali. Dan jimponi wkoll piż kbir fuq l-ekonomija u jirriżulta f'ħela ta' talenti. Min-naħa l-oħra, riżultat tal-ugwaljanza bejn is-sessi jistgħu jinkisbu benefiċċji ekonomiċi u anki għan-negozju[1]. Sabiex jinkisbu l-objettivi tal-Ewropa 2020[2], jiġifieri tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, jeħtieġ li l-potenzjal u l-firxa tat-talenti tan-nisa jintużaw b'mod aktar estensiv u effiċjenti.

Ir-rwoli li jingħataw lis-sessi għadhom jinfluwenzaw deċiżjonijiet individwali kruċjali: dwar l-edukazzjoni, il-karrieri li jittieħdu, l-arranġamenti b'rabta max-xogħol, il-familja u l-fertilità. Dawn id-deċiżjonijiet, imbagħad, iħallu impatt fuq l-ekonomija u s-soċjetà. Għaldaqstant huwa fl-interess ta' kulħadd li jingħataw għażliet ġenwini u b'mod ugwali lin-nisa u lill-irġiel tul l-istadji differenti ta' ħajjithom.

L-ugwaljanza hija waħda mill-ħames valuri li fuqhom tistrieħ l-Unjoni. L-Unjoni hija marbuta li tiġġieled għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-attivitajiet kollha tagħha[3]. Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali[4] tipprovdi għal din l-ugwaljanza u tipprojbixxi d-diskriminazzjoni abbażi tas-sess.

F'Marzu 2010, fl-okkażjoni tal-15-il anniversarju mid-dikjarazzjoni u l-pjattaforma għal azzjoni adottata fil-Konferenza Dinjija tan-NU f'Beijing dwar in-Nisa u t-30 anniversarju mill-Konvenzjoni tan-NU dwar it-Tneħħija ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, il-Kummissjoni adottat il-Karta dwar in-Nisa[5] fejn fiha l-Kummissjoni ġeddet l-impenn tagħha dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u dwar li ssaħħaħ il-perspettiva tas-sessi fil-politiki kollha tagħha.

Filwaqt li tkompli tibni fuq il-Pjan ta' Rotta għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel tal-2006-2010, kif ukoll fuq il-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi[6], din l-Istrateġija tidentifika azzjonijiet taħt ħames oqsma ta' prijorità ddefiniti fil-Karta dwar in-Nisa, kif ukoll qasam li jindirizza kwistjonijiet ewlenin. Għal kull qasam ta' prijorità huma deskritti azzjonijiet prinċipali biex jistimulaw il-bidla u jinkiseb il-progress, u aktar proposti dettaljati jinsabu fid-dokument ta' ħidma tal-istaff mehmuż. L-azzjonijiet proposti jsegwu l-approċċ doppju tal-integrazzjoni tas-sessi (jiġifieri l-integrazzjoni tal-kunċett tas-sess tal-individwu fl-oqsma kollha ta' politika) u miżuri speċifiċi. L-Istrateġija tirrappreżenta l-programm ta' ħidma tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi, u tfittex ukoll li tistimula żviluppi fil-livell nazzjonali u li tipprovdi l-bażi għall-koperazzjoni mal-istituzzjonijiet Ewropej l-oħrajn u mal-partijiet interessati.

1. Indipendenza ekonomika ugwali

L-indipendenza ekonomika hija prerekwiżit biex in-nisa u l-irġiel ikunu jistgħu jeżerċitaw kontroll fuq ħajjithom u biex jagħmlu għażliet ġenwini. L-aqwa mod kif wieħed jasal sa hawn huwa billi jkun f'sitwazzjoni fejn jaqla' hu stess l-għajxien tiegħu u, f'dik li hi paretċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, fl-aħħar deċennju kien hemm titjib, bir-rata ta' nisa li jaħdmu togħla għal 62.5%[7]. Fl-UE, bejn l-2000 u l-2009, 9.8 miljun impjieg minn 12.5 miljun f'żieda ta' impjiegi kienu tan-nisa. Din iż-żieda fil-parteċipazzjoni kkontribwiet għat-tkabbir ekonomiku fl-UE.

Li jiżdied l-għadd ta' nisa fis-suq tax-xogħol jgħin biex jikkumpensa l-effetti ta' tnaqqis fil-popolazzjoni fl-età li taħdem b'mod li tonqos il-pressjoni fuq il-finanzi pubbliċi u s-sistemi tal-ħarsien soċjali, tikber il-bażi tal-kapital uman u l-kompetittività. Il-miżuri biex jitħaffef il-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol jista' jkollhom impatt pożittiv fuq il-fertilità. Biex jintlaħaq l-objettiv tal-Ewropa 2020 ta' rata ta' impjiegi ta' 75% għan-nisa u l-irġiel, trid tingħata attenzjoni speċjali lill-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' nisa mdaħħlin fiż-żmien, ġenituri weħidhom, nisa b'diżabbiltà, nisa migranti u nisa minn minoritajiet etniċi. Ir-rati tal-impjieg ta' dawn il-gruppi għadhom relattivament baxxi u d-diskrepanzi li għad hemm bejn is-sessi jeħtieġ jitnaqqsu kemm f'termini kwantitattivi kif ukoll kwalitattivi[8].

L-impatt tar-rwol ta' ġenitur fuq il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol għadha bil-wisq differenti bejn in-nisa u l-irġiel fl-UE tal-lum u dan minħabba li n-nisa għadhom jieħdu fuqhom parti wisq kbira mir-responsabbiltajiet involuti fit-tmexxija ta' familja. Bosta nisa jħossu li għadhom iridu jagħżlu bejn karriera u wliedhom. Ix-xejriet demografiċi tal-preżent jindikaw ukoll li kulma jmur in-nisa u l-irġiel qed ikollhom jieħdu ħsieb dejjem iktar ta' dipendenti oħra apparti minn uliedhom, u dan għal perjodi indefiniti ta' żmien. L-Istati Membri li jkunu daħħlu fis-seħħ politiki ta' rikonċiljazzjoni qed ikollhom għadd għoli kemm ta' rġiel u kemm ta' nisa jaħdmu u rati ta' twelid relattivament sostenibbli. L-UE riċentement rat progress f'dak li hu titjib tal-qafas ġenerali għal bilanċ aħjar bejn ħajja u xogħol[9]. Il-Kummissjoni se tara li jkun hemm aktar progress f'dan il-qasam u se tkun qed tagħti attenzjoni partikolari lid-disponibbiltà ta' kura ta' livell għoli għall-but ta' kulħadd.

Il-proporzjon ta' imprendituri nisa, bir-rata ta' 33%[10] (30% f'dawk li bdew negozju), hija ftit ’il bogħod minn dak li wieħed jixtieq u bosta nisa għadhom mhumiex jikkunsidraw l-intraprenditorija bħala għażla ta' karriera rilevanti. L-implimentazzjoni tad-direttiva riveduta[11] dwar in-nisa li jaħdmu għal rashom għandha twarrab ostaklu ewlieni għall-intraprenditorija femminili[12]. In-nisa żgħażagħ għandhom ukoll jibbenefikaw mill-enfasi dejjem akbar fuq l-intrprenditorija bħala waħda mill-ħiliet bażiċi li l-iskejjel għandhom jgħallmu lill-istudenti kollha, kif previst fl-inizjattiva ewlenija Żgħażagħ Attivi[13].

Ir-rata tal-impjiegi tan-nisa migranti għadha baxxa[14], speċjalment tul l-ewwel tliet snin fil-pajjiż ospitanti. Għal din ir-raġuni teżisti ħtieġa qawwija biex jingħata sostenn minn kmieni lin-nisa migranti u biex ikun osservat l-effett ta' din l-għajnuna. Huwa ferm importanti li dawn isiru iktar konxji mid-drittijiet tagħhom u li jkunu ffaċilitati l-integrazzjoni u l-aċċess tagħhom għall-edukazzjoni u l-ħarsien ta' saħħithom.

Il-modi li bihom in-nisa u l-irġiel iġarrbu l-faqar u l-esklużjoni soċjali għadhom pjuttost differenti. In-nisa huma ppreżentati b'riskju ta' faqar ogħla, partikolarment il-ġenituri weħidhom u l-anzjani, u dan meta l-qabża fil-paga tirriżulta f’'qabża fil-pensjoni'. L-ostakli għax-xogħol huma riflessi wkoll f'rati ogħla ta' nuqqas ta' attività u f'rati ogħla ta' qgħad fit-tul. Barra minn hekk, fost il-gruppi żvantaġġati (i.e. il-ħaddiema migranti, dawk b'diżabbiltà u l-anzjani), id-distinzjoni abbażi tas-sess għandha tendenza tkun ikbar u tikkawża bosta problemi għan-nisa. Hemm bżonn ta' politiki marbuta mat-tixjiħ attiv u miżuri speċifiċi fis-settur tal-pensjoni sabiex ikun żgurat li meta jirtiraw in-nisa jkollhom mezzi adegwati ta' għajxien[15].

Azzjonijiet ewlenin

Il-Kummissjoni se tkun qed:

- Issostni l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-implimentazzjoni tal-aspetti kollha u tal-inizjattivi prinċipali tal-istrateġija Ewropa 2020 , speċjalment fir-rigward tad-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-miżuri nazzjonali rilevanti, permezz tas-sostenn tekniku kif ukoll tal-Fondi Strutturali u programmi ewlenin oħra ta' finanzjament bħalma hu s-Seba' Programm Qafas għar-Riċerka. Fil-kuntest tal-Linji Gwida dwar ix-Xogħol u l-evalwazzjoni tal-politiki nazzjonali marbuta max-xogħol, il-Kummissjoni se tkun qed tissorvelja mill-qrib il-politiki nazzjonali adottati sabiex ittejjeb l-ugwaljanza bejn is-sessi fis-suq tax-xogħol u ssaħħaħ l-inklużjoni soċjali tan-nisa.

- Tippromwovi l-intraprenditorija femminili u l-impjieg indipendenti (meta taħdem għal rasek).

- Teżamina l-qabżiet li għadhom jeżistu fl-intitolament ta' liv marbut mal-familja , primarjament dak tal-paternità u tal-indukraturi, u l-għażliet biex dawn jiġu indirizzati. L-imsieħba soċjali se jkunu kkonsultati dwar aktar miżuri skont l-Artikolu 154 TFUE.

- Tirrapporta dwar il-prestazzjoni tal-Istati Membri fir-rigward tal- faċilitajiet tal-indukrar tat-tfal , u taħdem mal-Istati Membri dwar il-miri marbuta mal-faċilitajiet tal-kura għal dipendenti oħrajn.

- Tippromwovi ugwaljanza bejn is-sessi fl-inizjattivi kollha dwar l-immigrazzjoni u l-integrazzjoni tal-migranti .

2. L-istess paga għall-istess xogħol u xogħol tal-istess valur

Il-prinċipju ta' paga indaqs għall-irġiel u n-nisa għal xogħol tal-istess valur huwa minqux fit-Trattati tal-UE. Minkejja dan, il-qabża fil-paga skont is-sess (id-differenza medja bejn id-dħul gross fis-siegħa għall-irġiel u n-nisa fl-ekonomija komplessivament) fl-UE għadha ta' 17.8 %, bil-perċentwal ta' 30.9 % fl-Estonja, 26.2 % fir-Repubblika Ċeka, 25.5 % fl-Awstrija, u 23.2 % fil-Ġermanja, b'paragun ma' dik ta' 4.9 % fl-Italja, 8.5 % fis-Slovenja, u 9 % fil-Belġju u r-Rumanija[16]. Naturalment din hi sitwazzjoni li maż-żmien jeħtieġ tinbidel kif jitlob l-ispirtu tat-Trattati tal-UE.

Is-sors tal-inugwaljanza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel tmur bil-wisq lil hinn mill-problema ta’ paga indaqs għall-istess xogħol. Teżisti qabża bejn il-kisbiet edukattivi u l-iżvilupp professjonali tan-nisa b'mod li trid tingħata attenzjoni speċjali lit-tranżizzjoni bejn l-edukazzjoni u s-suq tax-xogħol. Il-kawżi tal-qabża fil-paga joriġinaw ukoll mis-segregazzjoni fis-suq tax-xogħol minħabba li n-nisa u l-irġiel donnhom xorta għadhom jaħdmu f'setturi/impjiegi differenti. Min-naħa l-oħra, in-nisa u l-irġiel ta' spiss ikunu rrappreżentati żżejjed f'ċerti setturi u l-impjiegi 'tan-nisa' (l-aktar fil-ħarsien tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-amministrazzjoni pubblika) ġeneralment ikunu stmati inqas mill-professjonijiet tipikament 'tal-irġiel'. Barra minn hekk, fl-istess settur jew kumpanija, ix-xogħlijiet magħmula min-nisa normalment ikunu ta' valur iktar baxx u jitħallsu inqas.

Il-qabża fil-paga tirrifletti wkoll inugwaljanzi oħrajn fis-suq tax-xogħol li jaffettwaw l-aktar lin-nisa – b'mod partikolari s-sehem sproporzjonat tagħhom f'responsabbiltajiet tal-familja u d-diffikultajiet fejn tidħol ir-rikonċiljazzjoni bejn ix-xogħol u l-ħajja privata. Bosta nisa jaħdmu part-time jew b'kuntratti atipiċi: għalkemm dan jippermettilhom jibqgħu fis-suq tax-xogħol filwaqt li jkomplu jieħdu ħsieb ir-responsabbiltajiet tal-familja, jista' jkollu impatt negattiv fuq il-paga tagħhom, l-iżvilupp tal-karriera, il-prospetti ta' promozzjoni u l-pensjoni[17].

Azzjonijiet ewlenin

Il-Kummissjoni se tkun qiegħda:

- Flimkien mal-imsieħba soċjali Ewropej, u filwaqt li tirrispetta l-awtonomija tad-djalogu soċjali, tesplora l-metodi possibbli sabiex ittejjeb it-trasparenza tal-pagi kif ukoll l-impatt fuq il-paga ugwali ta' arranġamenti bħalma huwa x-xogħol part-time u kuntratti b'terminu fiss .

- Issostni inizjattivi ta' paga ugwali fuq il-post tax-xogħol bħalma huma t-tabelli dwar l-ugwaljanza, 'charters' u premijiet, kif ukoll l-iżvilupp ta' għodda għall-impjegaturi biex ikunu jistgħu jikkoreġu d-diskrepanzi fil-pagi skont is-sess.

- Tistabbilixxi Ġurnata Ewropea għall-Paga Indaqs li tiġi organizzata kull sena biex trawwem aktar kuxjenza dwar kemm in-nisa jridu jaħdmu iktar mill-irġiel biex jaqilgħu flus daqshom.

- Tara li tinkoraġġixxi n-nisa u l-irġiel biex jagħżlu professjonijiet mhux tradizzjonali , pereżempju fis-setturi "ħodor" u dawk innovattivi.

3. L-ugwaljanza fit-teħid tad-deċiżjonijiet

F'ħafna mill-Istati Membri, in-nisa għadhom mhumiex irrappreżentati biżżejjed fil-proċessi u l-pożizzjonijiet tat-teħid ta' deċiżjonijiet, partikolarment fl-ogħla livelli, u dan minkejja li jikkostitwixxu kważi nofs il-forza tax-xogħol u aktar minn nofs il-gradwati universitarji ġodda fl-UE.

Minkejja l-progress li qed isir fir-rigward tal-bilanċ bejn is-sessi fejn jidħol teħid ta' deċiżjonijiet b'rabta mal-politiki, għad fadal ħafna xi jsir: bħala medja, waħda biss minn kull erba' membri tal-parlamenti nazzjonali u tal-ministri tal-gvernijiet nazzjonali hija mara[18].

Fit-teħid ta' deċiżjonijiet ta' natura ekonomika, il-proporzjon tan-nisa huwa iktar baxx minn dak tal-irġiel fil-livelli kollha tal-maniġment u tat-teħid ta' deċiżjonijiet. In-nisa jirrappreżentaw biss waħda minn kull għaxar membri tal-bord tal-akbar kumpaniji rreġistrati pubblikament fl-UE u 3% mill-presidenti tal-bord. Ir-riċerka turi li d-diversità tas-sessi hija ta' benefiċċju u li hemm rabta pożittiva bejn in-nisa fil-pożizzjonijiet ta' tmexxija u l-prestazzjoni tan-negozju.

Minkejja l-għan tal-UE stabbilit fl-2005, jiġifieri li jkun hemm 25% tal-pożizzjonijiet ta' tmexxija fis-settur pubbliku tar-riċerka okkupati min-nisa, il-mira għadha ftit ’il bogħod minħabba li 19% biss tal-professuri fl-universitajiet tal-UE huma nisa[19]. L-iżbilanċ prevalenti bejn is-sessi fix-xjenza u r-riċerka għadu ostaklu kbir għall-objettiv Ewropew li tiżdied il-kompetittività u li jiġi massimizzat il-potenzjal tal-innovazzjoni.

Il-Kummissjoni se tapplika l-istess standards li hi tinkoraġġixxi li jistabbilixxu l-oħrajn billi tagħmel l-isforzi meħtieġa biex ittejjeb il-bilanċ intern tagħha bejn is-sessi, speċjalment fil-pożizzjonijiet ta' teħid ta' deċiżjonijiet.

Azzjonijiet ewlenin

Il-Kummissjoni sejra:

- Tikkunsidra inizjattiva biex ittejjeb il-bilanċ bejn is-sessi fit-teħid tad-deċi¿jonijiet .

- Tissorvelja l-mira ta' 25% ta' pre¿enza femminili fil-po¿izzjonijiet ta' livell għoli ta' teħid ta' deċi¿jonijiet fil-qasam tar-riċerka .

- Tissorvelja l-progress li jkun qed isir lejn l-għan li jkun hemm 40% tal-membri tal-istess sess fil-kumitati u gruppi ta' esperti stabbiliti mill-Kummissjoni.[20]

- Issostni l-isforzi biex tkun promossa parteċipazzjoni ikbar min-nisa fl- elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew , inkluż bħala kandidati.

4. Dinjità, integrità u tmiem għall-vjolenza minħabba d-differenza ta' sess

Jeżistu bosta tipi ta' vjolenza li n-nisa jġarrbu minħabba li huma nisa. Dawn jinkludu l-vjolenza domestika, il-fastidju sesswali, l-istupru, il-vjolenza sesswali waqt kunflitt u prattiċi ta' abitudni jew inkella tradizzjonali li jikkawżaw ħsara, bħalma hi l-mutilazzjoni tal-ġenitali tal-mara, żwiġijiet ta' bilfors u krimini tal-unur. Huwa stmat li fl-Ewropa, 20% sa 25% tan-nisa ġarrbu vjolenza fiżika tal-anqas darba f'ħajjithom[21] u hemm stimi li jgħidu li hemm sa nofs miljun mara li tgħix fl-Ewropa li kienet suġġetta għall-mutilazzjoni tal-ġenitali[22].

Għaldaqtant, il-Pjan ta' Azzjoni biex jimplimenta l-Programm ta' Stokkolma[23] jenfasizza l-ħarsien tal-vittmi tal-krimini, inklużi l-vittmi nisa ta' vjolenza u tal-mutilazzjoni tal-ġenitali, u jħabbar strateġija komprensiva tal-UE dwar il-vjolenza abbażi tas-sess. Barra minn dan, il-Karta dwar in-Nisa timmira li tintroduċi qafas ta' politika komprensiv u effettiv kontra l-vjolenza abbażi ta' sess kif ukoll miżuri, inkluża l-liġi kriminali, fil-limiti tal-poteri li għandha, biex teqred il-mutilazzjoni tal-ġenitali tal-mara fl-Ewropa darba għal dejjem.

L-inugwaljanzi abbażi ta' sess huma preżenti wkoll fil-qasam tal-ħarsien tas-saħħa u l-kura fit-tul kif ukoll fir-riżultati marbuta mal-kundizzjonijiet tas-saħħa. In-nisa u l-irġiel għandhom iħabbtuha ma' riskji għas-saħħa u ma' mard marbut mas-sess tagħhom li jeħtieġ ikunu indirizzati b'mod adegwat fir-riċerka medika u s-servizzi tas-saħħa. Hemm bżonn li jkun żgurat li s-servizzi soċjali u tas-saħħa ikomplu jitjiebu fl-adattament tagħhom għall-ħtiġijiet speċifiċi tan-nisa u l-irġiel speċifikament.

Kwistjonijet marbuta mas-sessi huma wkoll partikolarment importanti fil-qasam tal-ażil. Il-proposti tal-Kummissjoni tal-2008 u l-2009 li jemendaw l-istrumenti preżenti tal-UE għall-ażil jindirizzaw, fost l-oħrajn, l-oqsma prinċipali fejn jeħtieġu jissaħħu elementi marbuta ma' sess speċifiku.

Azzjonijiet ewlenin

Il-Kummissjoni se tkun qiegħda:

- Tadotta strateġija għall-UE kollha li tiġġieled il-vjolenza kontra n-nisa li se timmira, pereżempju, li teqred il-mutilazzjoni tal-ġenitali tal-mara permezz tal-istrumenti xierqa kollha inkluża l-liġi kriminali fil-limiti tal-poteri tal-UE, sostnuta minn kampanja fl-Ewropa kollha biex titqajjem kuxjenza dwar il-vjolenza kontra n-nisa.

- Tiżgura li l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-ażil tqis il-kunsiderazzjonijiet tal-ugwaljanza bejn is-sessi, tippromwovi taħriġ marbut ma' sess speċifiku u l-aqwa prassi fl-Uffiċċju Ewropew għall-Appoġġ fil-Qasam tal-Ażil kif ukoll permezz ta' finanzjament mill-Fond Ewropew għar-Refuġjati.

- Tfassal rapport dwar Saħħet ir-Raġel, fuq l-istess mudell tar-rapport tal-2010 dwar Saħħet il-Mara.

5. L-ugwaljanza bejn is-sessi f'azzjonijiet esterni

Il-politika tal-UE dwar il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-UE hija marbuta mill-qrib max-xogħol li daħlet għalih l-Unjoni f'pajjiżi terzi. Permezz tal-politiki kollha rilevanti taħt l-azzjoni esterna tagħha, l-UE jista' jkollha influwenza sinifikanti fil-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u fit-tisħiħ tan-nisa madwar id-dinja.

Il-pajjiżi kandidati jridu jħaddnu l-prinċipju fundamentali tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel b'mod sħiħ. Is-sorveljanza tat-traspożizzjoni, l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-UE f'dan il-qasam jibqa' prijorità fil-proċess tat-tkabbir, li l-UE ssostni finanzjarjament.

Fil-kuntest tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (il-PEV), l-UE ssostni l-isforzi tal-pajjiżi sħab biex jippromwovu l-uwaljanza bejn is-sessi. Il-Pjanijiet ta' Azzjoni tal-PEV jistabbilixxu aġenda bi qbil konġunt ta' prijoritajiet għar-riforma u jinkludu impenji min-naħa ta' pajjiżi sħab biex jidħlu fi djalogu dwar kwistjonijiet relatati u biex iwettqu riformi ta' natura politika u leġiżlattiva.

L-UE għadha impenjata biex l- Għanijiet tal-I¿vilupp tal-Millennju jinkisbu f'iqsar żmien, u biex tgħin biex jinkisbu standards stabbiliti mill-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, kif ukoll l-objettivi tal-Pjattaforma għal Azzjoni ta' Beijing, u l-Programm ta' Azzjoni tal-Kajr, kif previsti fil-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u t-Tisħiħ tan-Nisa fl-Iżvilupp (2010-2015)[24]. Il-linji gwida tal-UE dwar il- vjolenza kontra n-nisa u l-bniet u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta' diskriminazzjoni kontrihom jipprovdu gwida dwar kif għandu jitmexxa d-djalogu politiku u dwar x'azzjoni għandha tittieħed, fejn hu lokha, f'każi individwali ta' ksur tad-drittijiet tan-nisa. L-UE għandha tkompli tuża l- politiki tagħha ta' żvilupp biex tippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tisħiħ tan-nisa[25].

L-UE se tikkoopera wkoll attivament mal- organizzazzjonijiet internazzjonali li jaħdmu dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi bħalma huma l-ILO, l-OECD, in-NU u l-Unjoni Afrikana biex tipproduċi sinerġiji u tippromwovi t-tisħiħ tan-nisa, kif ukoll mal- Entità għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi tal-UN il-ġdida , UN WOMEN, u se tkun qed issostni l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, il-bini tal-kapaċità u l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tisħiħ tan-nisa.

L-UE hija impenjata wkoll li tħares in-nisa fi żmien ta' kunflitt u fil-perjodu li jsewgi, u li tiżgura l-parteċipazzjoni sħiħa tan-nisa fil- prevenzjoni tal-kunflitti , il- bini tal-paċi u l-proċessi ta' rikostruzzjoni, u timplimenta b'mod attiv l-Approċċ Komprensiv tal-UE skont ir-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 1325 u 1820 dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà. Il-kunsiderazzjonijiet abbażi ta' sess se jkomplu jiġu integrati f' għajnuna umanitarja [26].

L-UE tintegra wkoll l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-politika tagħha tal-kummerċ bħala parti minn qafas usa' ta' żvilupp sostenibbli u fil-ftehimiet tagħha dwar kummerċ preferenzjali tinkoraġġixxi l-applikazzjoni effettiva tal-istandards ċentrali tax-xogħol tal-ILO u l-Aġenda ta' Xogħol Diċenti tagħha, inkluż b'rabta man-nondiskriminazzjoni. Il-kwistjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi hija indirizzata wkoll fl-Istudji tal-Impatt tas-Sostenibbilità li jitħejjew biex jiggwidaw lin-negozjaturi fid-diskussjonijiet dwar il-kummerċ.

Azzjonijiet ewlenin

Il-Kummissjoni se tkun qiegħda:

- Tissorvelja u ssostni l-konformità mal-kriterji ta' Kopenħagen għad-dħul fl-UE fil-qasam tat-trattament ugwali bejn in-nisa u l-irġiel, u tgħin lill-pajjiżi Balkani tal-Punent u lit-Turkija fit-traspożizzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni.

- Timplimenta l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn is-Sessi u t-Tisħiħ tan-Nisa fl-Iżvilupp (2010-2015).

- Tkompli tinkoraġġixxi l-pajjiżi sħab tal-PEV biex jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi permezz ta' djalogu regolari dwar il-politiki, l-iskambju tal-esperjenzi u billi jesploraw possibbiltajiet ta' assistenza taħt l-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija.

- Tkompli tintegra kwistjonijiet marbuta mas-sess tal-individwu fl-għajnuna umanitarja tal-UE.

6. KWISTJONIJIET ORIZZONTALI

6.1. Ir-rwoli skont is-sessi

Rwoli skont is-sessi li jkunu riġidi kapaċi jfixklu l-għażliet individwali u jillimitaw il-potenzjal kemm tan-nisa kif ukoll tal-irġiel. Għaldaqstant, il-promozzjoni ta' rwoli skont is-sessi li mhumiex dikriminatorji fl-oqsma kollha tal-ħajja bħalma hi l-edukazzjoni, l-għażliet ta' karriera, ix-xogħol u l-isport hija kontribut essenzjali lejn l-ugwaljanza bejn is-sessi. L-ugwaljanza bejn is-sessi tesiġi s-sostenn u l-parteċipazzjoni attiva tal- irġiel u l-politiki jridu jindirizzaw ukoll l-inugwaljanzi marbutin mas-sess tal-individwu li jaffettwaw lis-subien/l-irġiel, bħalma huma r-rati tal-popolazzjoni li taf taqra u tikteb, it-tluq mill-iskola fi stadju bikri, u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol.

6.2. Il-leġiżlazzjoni

L-UE ilha tħaddan korp ta' liġi kontra d-diskriminazzjoni abba¿i ta' sess, u dan kemm fil-qasam tal-impjiegi kif ukoll fl-oqsma l-oħra tal-ħajja ta' kuljum. Permezz ta' simplifikazzjoni u modernizzazzjoni riċenti ta' din il-leġiżlazzjoni, din saret waħda aktar aċċessibbli biex tikkorrispondi mal-bidliet fis-soċjetà. Id-direttiva riformulata tal-2006[27] u d-direttivi tal-2010 dwar id-drittijiet għal-liv tal-ġenituri[28] u dwar dawk li jaħdmu għal rashom[29] huma passi importanti f'dan l-eżerċizzju.

Qafas legali effettiv jirrikjedi sorveljar, infurzar, evalwazzjoni u aġġornament regolari , kif ukoll djalogu kontinwu mad-dinja tan-negozju, l-imsieħba soċjali, korpi għall-ugwaljanza u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, biex ikun żgurat li hu wieħed li jaqdi tajjeb l-iskop li tfassal għalih. Il-korpi għall-ugwaljanza fil-livell nazzjonali li jgħinu lill-vittmi, jippromwovu d-drittijiet u jiżviluppaw ir-riċerka huma essenzjali għall-applikazzjoni tad-drittijiet fil-prattika, u d-drittijiet tal-assoċjazzjonijiet u t-trade unions biex jiddefendu l-vittmi huma daqstant ieħor importanti.

F'dan is-sens, il-Kummissjoni nediet studju komprensiv dwar il-funzjonament tal-korpi għll-ugwaljanza fis-27 Stat Membru kif ukoll studju aktar ġenerali dwar l-aċċess għall-ġustizzja f'dan il-qasam. Barra minn dan, id-deliberazzjonijiet tal-Forum dwar id-dikriminazzjoni abbażi ta' sess fl-aċċess għall-assigurazzjoni u s-servizzi finanzjarji relatati stabbiliti bid-Direttiva 2004/113/KE għandhom, flimkien mar-riżultati ta' żewġ studji dettaljati dwar il-prattiki tal-assigurazzjoni u dwar id-diskriminazzjoni abbażi ta' sess potenzjali fl-edukazzjoni, jissarrfu fir-rapport ta' implimentazzjoni li ġej dwar id-Direttiva.

Il-konsegwenzi serji ta' diskriminazzjoni abba¿i ta¿-¿ewġ raġunijiet jew aktar , pereżempju l-età u s-sess fil-każ ta' nisa mdaħħlin aktar fiż-żmien li jkunu qed ifittxu xogħol, jeħtieġ ikunu indirizzati fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti kif ukoll tal-atti legali li jipprovdu ħarsien minn diskriminazzjoni abbażi tar-raġunijiet l-oħra li jissemmew fl-Artikolu 19 tat-TFUE. Il-Kummissjoni qiegħda wkoll tistudja l-kwistjonijiet speċifiċi marbuta mad-diskriminazzjoni abbażi ta' sess b'rabta mal-identità tas-sess tal-individwu.

6.3. Il-ġestjoni u l-għodda tal-ugwaljanza bejn is-sessi

It-tisħiħ tal-kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet u l-partijiet interessati varji attivi fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi — il-gvernijiet tal-Istati Membri, il-Parlament Ewropew, l-organizzazzjonijiet tal-imsieħba soċjali, is-soċjetà ċivili, il-korpi għall-ugwaljanza, l-organizzazzjonijiet internazzjonali, l-aġenziji tal-UE — se jkun kruċjali biex ikun żgurat il-progress.

Abbażi tar-Rapport Annwali tagħha dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, li ta' kull sena jiffoka fuq tema partikolari u jidentifika prassi tajba tal-Istati Membri, il-Kummissjoni se tistabbilixxi Djalogu dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi ta' livell għoli u li jsir kull sena u li jinvolvi l-Parlament Ewropew, il-presidenzi tal-Kunsill u l-partijiet interessati ewlenin bħalma huma l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili Ewropej, biex jevalwaw il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni ta' din l-istrateġija.

Il-kooperazzjoni mill-qrib mal-gvernijiet tal-Istati Membri se tkompli permezz tal-grupp ta' livell għoli dwar l-integrazzjoni tas-sessi. Il-Kumitat Konsultattiv, magħmul mir-rappreżentanti tal-Istati Membri, l-organizzazzjonijiet tal-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili Ewropej, se jkomplu jwasslu l-pariri tagħhom lill-Kummissjoni dwar inizjattivi ta' politika u ta' leġiżlazzjoni. Il-Kummissjoni se tintensifika l-iskambji ta' prattika tajba bejn l-Istati Membri fl-oqsma kollha koperti minn din l-istrateġija.

Il-Kummissjoni se tkompli taħdem mill-qrib mal-imsieħba soċjali Ewropej u l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw is-soċjetà ċivili.

L-integrazzjoni tas-sessi se tkun implimentata bħala parti integrali mit-tfassil tal-politika tal-Kummissjoni, inkluż permezz tal-istudju tal-impatt u l-proċessi ta' evalwazzjoni. Il-Kummissjoni se żżid il-bażi ta' għarfien dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi. Wara li jitwaqqaf l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi, huwa mistenni impatt sinifikanti. Bħala parti mill-programm ta' ħidma tiegħu, l-Istitut se jkun qed jgħin lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jirrappurtaw fuq l-indikaturi fil-livell tal-UE stabbiliti skont il-Pjattaforma għal Azzjoni ta' Beijing f'oqsma ta' interess partikolari u biex jiġu żviluppati aktar indikaturi meta jinħass il-bżonn (bħal dak dwar in-nisa u l-ambjent).

Il-Kummissjoni se tkompli trawwem aktar kuxjenza dwar il-benefiċċji ta' politiki ta' ugwaljanza bejn is-sessi u tippubbliċizzahom. Ngħidu aħna, se ttejjeb il-portal tal-web dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi b'links u aġġornamenti dwar il-progress li jkun qed isir.

Il-Qafas Finanzjarju Multiannwali tal-UE li jmiss se jitressaq fl-ewwel nofs tal-2011. Dan se jipprovdi sostenn wara l-2013 għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet maħsuba f'din l-istrateġija. Barra minn hekk, l-integrazzjoni aħjar tal-kwistjonijiet marbuta mal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-implimentazzjoni u r-rappurtar dwar il-programmi attwali (2007-2013) se tipprovdi bażi f'saħħitha biex ikun żgurat li l-perspettiva tas-sess tal-individwu tkun inkorporata fit-tfassil tal-ġenerazzjoni ta' programmi li jkun imiss, u dan sabiex dawn jintrifdu minn studju b'saħħtu tas-sitwazzjoni tan-nisa u l-irġiel.

Azzjonijiet ewlenin

Il-Kummissjoni se tkun qiegħda:

- Tindirizza r- rwol tal-irġiel fl-ugwaljanza bejn is-sessi; tippromwovi prattika tajba dwar ir-rwoli tas-sessi fil-qasam taż-żgħażagħ, l-edukazzjoni, il-kultura u l-isport.

- Tissorvelja l-implimentazzjoni xierqa tal- liġijiet tal-UE dwar trattament ugwali billi tiffoka partikolarment fuq id-Direttivi 2004/113/KE and 2006/54/KE. Tissorvelja l-punt safejn ikun tqies is-sess tal-individwu fl-applikazzjoni tad-direttivi dwar in-nondiskriminazzjoni.

- Tippromwovi l-implimentazzjoni sħiħa tal- Pjattaforma għal Azzjoni ta' Beijing inkluż l-iżvilupp u l-aġġornar tal-indikaturi, bl-għajnuna tal- Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi .

- Tressaq Rapport Annwali dwra il-progress li jkun sar fl-ugwaljanza bejn is-sessi, speċjalment fl-oqsma koperti minn din l-istrateġija, u dan bi tħejjija għad- Djalogu dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi multiannwali u ta' livell għoli bejn il-Parlament, il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-partijiet interessati ewlenin.

-

[1] Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi: aktar tkabbir u impjiegi, l-2980 laqgħa tal-Kunsill tal-EPSCO, 30.11.2009.

[2] COM(2010) 2020.

[3] L-Art. 2 u 3 tat-TUE, l-Art. 8 tat-TFUE.

[4] ĠU C 303/1, 14.12.2007, p.1, Art. 23.

[5] COM(2010) 078.

[6] Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, Marzu 2006 7775/1/06.

[7] Minn 57.3 % għal 62.5 % bejn l-2000 u l-2009 (il-grupp b'età bejn l-20 u l-64).

[8] Ara, b'mod partikolari, Il-Linja Gwida dwar ix-Xogħol Nru 7, id-dokument tal-Kunsill 10907/10, 9.6.2010.

[9] COM(2008) 635 finali, Id-Direttiva 2010/18/UE li timplimenta l-Ftehim Qafas rivedut dwar il-leave tal-ġenituri, ĠU L 68/13, 18.3.2010; Id-Direttiva 2010/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2010 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa li jeżerċitaw attività li fiha jaħdmu għal rashom u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 86/613/KEE, ĠU L 180, 15.7.2010.

[10] Stħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol, 2008.

[11] Ara n-nota 9 f’qiegħ il-paġna.

[12] Ara wkoll il-Linja Gwida dwar ix-Xogħol Nru 8.

[13] COM(2010)477

[14] Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri dwar l-Integrazzjoni bħala Forza għall-Iżvilupp u l-Koeżjoni Soċjali, 10307/10, 3.6.2010.

[15] Ara wkoll il-Linja Gwida dwar ix-Xogħol Nru 10.

[16] Ċifri tal-2008 ħlief għall-Estonja (2007).

[17] Ara wkoll il-Linja Gwida dwar ix-Xogħol Nru 7.

[18] http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=762&langId=en&furtherPubs=yes

[19] Staff akkademiku fil-Grad A (professuri) (She Figures 2009)".

[20] 2000/407/KE Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Ġunju 2000

[21] Il-Kunsill tal-Ewropa, Il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa: Rendikont tal-miżuri u l-azzjonijiet li ttieħdu fl-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa (2006).

[22] Ir-Riżoluzzjoni tal-PE tal-24.3.2009 kontra l-Mutilazzjoni tal-Ġenitali tal-Mara fl-UE.

[23] COM(2010) 171 finali.

[24] L-Anness għall-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-MDGs għal-laqgħa plenarja tan-NU fi New York u lil hinn.

[25] Ara r-referenza preċedenti.

[26] ĠU C 25/1 30.1.2008, Il-Konsensus Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja.

[27] 2006/54/KE.

[28] 2010/18/KE.

[29] Ara n-nota 9 f’qiegħ il-paġna.

Top