EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010DC0245

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI Aġenda Diġitali għall-Ewropa

/* KUMM/2010/0245 finali */


MT

IL-KUMMISSJONI EWROPEA

Brussel 19.5.2010

KUMM(2010)245 finali

 

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Aġenda Diġitali għall-Ewropa

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Aġenda Diġitali għall-Ewropa

WERREJ

1.Daħla1

2.l-oqsma t'azzjoni tal-Aġenda Diġitali1

2.1.Suq uniku diġitali vivaċi1

2.2.Interoperabbiltà u standards1

2.3.Fiduċja u sigurtà1

2.4.Aċċess veloċi u ultraveloċi għall-internet1

2.5.Riċerka u innovazzjoni1

2.6.Titjib tal-litteriżmu, il-ħiliet u l-inklużjoni diġitali1

2.7.Benefiċċji li joħorġu mill-ICT għas-soċjetà tal-UE1

2.8.Aspetti internazzjonali tal-Aġenda Diġitali1

3.Implimentazzjoni u gvernanza1

1.Daħla

L-għan kumplessiv tal-Aġenda Diġitali huwa li jintraddu benefiċċji ekonomiċi u soċjali sostenibbli minn suq uniku diġitali msejjes fuq internet veloċi u ultraveloċi u applikazzjonijiet interoperabbli.

Il-kriżi ġabet fix-xejn snin ta' progress ekonomiku u soċjali u esponiet dgħufijiet strutturali fl-ekonomija tal-Ewropa. L-għan primarju tal-Ewropa llum huwa li l-Ewropa titreġġa' lura fit-triq it-tajba. Sabiex tikseb ġejjieni sostenibbli, trid diġà tibda tħares lil hinn mill-qasir żmien. Għandna tliet għażliet aħna u nħabbtu wiċċna mat-tixjieħ demografiku u l-kompetizzjoni globali: naħdmu aktar, naħdmu aktar fit-tul jew naħdmu b'mod aktar intelliġenti. X'aktarx se jkollna nagħmlu t-tlieta li huma, imma t-tielet alternattiva hija l-unika mod li biha nistgħu niggarantixxu livelli tal-għixien ogħla għall-Ewropej. Sabiex dan jintlaħaq, l-Aġenda Diġitali tagħmel proposti għal azzjonijiet li jridu jittieħdu b'urġenza sabiex l-Ewropa titqiegħed fi triqitha lejn tkabbir ekonomiku intelliġenti, sostenibbli u inklussiv. Il-proposti tagħha sejrin iwittu t-triq għat-trasformazzjonijiet għaż-żmien aktar fit-tul li se jġibu magħhom l-ekonomija u s-soċjetà li qegħdin isiru dejjem aktar diġitali.

Il-Kummissjoni Ewropea f'Marzu 2010 nediet l-Istrateġija Ewropa 2020 1 sabiex toħroġ mill-kriżi u tħejji l-ekonomija tal-UE għall-isfidi tad-deċennju li jmiss. L-Istrateġija Ewropa 2020 għandha viżjoni għall-ksib ta' livelli għolja ta' impjiegi, eknomija b'użu baxx ta' karbonju, produttività u koeżjoni soċjali. Din il-viżjoni se tiġi implimentata bis-saħħa ta' azzjonijiet konkreti fuq il-livelli nazzjonali u tal-UE. Din il-ġlieda għat-tkabbir u l-impjiegi teħtieġ li tiġi adottata fl-ogħla livell politiku u mobilitazzjoni mill-atturi kollha madwar l-Ewropa.

L-Aġenda Diġitali għall-Ewropa hija waħda mis-seba' inizjattivi ewlenin tal-Istrateġija Ewropa 2020, li għandha l-għan li tiddefinixxi r-rwol kruċjali li se jkollu l-użu tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICT) jekk l-Ewropa trid tirnexxi fl-ilħiq tal-ambizzjonijiet tagħha għall-2020 2 .

L-għan ta' din l-Aġenda huwa li jitfassal pjan sabiex jiġi mmassimizzat il-potenzjal ekonomiku u soċjali tal-ICT, partikolarment l-internet li huwa mezz vitali għall-attività ekonomika u soċjali: għan-negozju, biex naħdmu, nilagħbu, nikkomunikaw u nesprimu lilna nfusna liberament. It-twettiq b'suċċess ta' din l-Aġenda se jixpruna l-innovazzjoni, it-tkabbir ekonomiku u t-titjib fil-ħajja ta' kuljum sew għaċ-ċittadini kif ukoll għan-negozji. Użu aktar imxerred u effettiv tat-teknoloġiji diġitali sejjer għalhekk jippermetti 'l-Ewropa tindirizza l-isfidi ewlenin tagħha, u ser jipprovdi lill-Ewropej bi kwalità tal-ħajja aħjar permezz ta', pereżempju, kura tas-saħħa aħjar, trasport aktar sikur u effiċjenti, ambjent aktar nadif, opportunitajiet ġodda fil-midja u aċċess eħfef għas-servizzi pubbliċi u l-kontenut kulturali.

Is-settur tal-ICT huwa direttament responsabbli għal 5% mill-PDG Ewropew, b'valur tas-suq ta' €660 biljun fis-sena, iżda jikkontribwixxi bil-wisq aktar għat-tkabbir kumplessiv fil-produttività (20% direttament mis-settur tal-ICT u 30% mill-investimenti fl-ICT). Dan huwa dovut għal-livelli għoljin ta' dinamiżmu u innovazzjoni li hemm inerenti fis-settur, u r-rwol faċilitattiv li għandu s-settur biex ibiddel il-mod ta' kif is-setturi l-oħra jagħmlu n-negozju. Fl-istess ħin, l-impatt soċjali tal-ICT sar wieħed sinifikanti – pereżempju, l-istil tal-ħajja nbidel meta wieħed josserva l-fatt li hemm aktar minn 250 miljun utent tal-internet kuljum fl-Ewropa u li virtwalment l-Ewropej kollha għandhom mowbajl.

L-iżvilupp ta' netwerks ta' veloċità kbira qed ikollu llum l-istess impatt rivoluzzjonarju li kellu seklu ilu l-iżvilupp tan-netwerks tal-elettriku u tat-trasport. Bl-iżviluppi li għaddejjin bħalissa fl-elettronika għall-konsumatur, il-fruntieri bejn il-mezzi diġitali qed jisfumaw. Is-servizzi qed jikkonverġu u mexjin lil hinn mid-dinja fiżika għal dik diġitali, u qed isiru universalment aċċessibbli fuq kull mezz, ikunx smartphone, tablet, kompjuter personali, radju diġitali jew televixin b'definizzjoni għolja. Qed jitbassar li sal-2020 il-kontenut u l-applikazzjonijiet diġitali kważi kollha se jkunu pprovduti online.

Il-potenzjal kbir tal-ICT jista' jinħareġ bis-saħħa ta' ċiklu virtwuż ta' attività li jkun jiffunzjona sew. Il-kontenut u s-servizzi attraenti jridu jkunu disponibbli f'ambjent tal-internet interoperabbli u mingħajr fruntieri. Dan iqanqal it-talba għal veloċitajiet u kapaċità akbar, li mbagħad toħloq l-opportunità għal investimenti f'netwerks aktar veloċi. It-twaqqif u l-użu ta' netwerks aktar veloċi mbagħad jiftaħ it-triq għal servizzi innovattivi li jisfruttaw dawn il-veloċitajiet ogħla. Il-proċess muri fiċ-ċirku ta' barra tal-Grafika 1 (taħt).

Grafika 1: Iċ-ċiklu virtwuż tal-ekonomija diġitali

Dan il-fluss ta' attività jaf ikun wieħed li jsaħħaħ lilu nnifsu. Jeħtieġ ambjent tan-negozju li jrawwem l-investimenti u l-imprenditorjat. Iżda filwaqt li hija ċara s-setgħa transformattiva tal-ICT, wieħed għandu wkoll jikkonfronta sfidi serji sabiex ikun jista' jrażżan din l-istess setgħa. Anki jekk għal bosta ċittadini Ewropej qed jinbet stil ta' ħajja diġitali, imsejjes fuq teknoloġija li tiddikjara lilha nnifisha bħala "dinjija: u mingħajr fruntieri, xorta waħda ma jistgħux jaċċettaw li suq uniku mfassal qabel l-internet għadu, fid-dimensjoni online, jippreżenta wisq nuqqasijiet. Bħala ċittadini, konsumaturi jew ħaddiema, in-nies ma jistgħux igawdu għal kollox mit-teknoloġiji diġitali minħabba x-xkiel assoċjat mal-privatezza u s-sikurezza, l-aċċess insuffiċjenti għall-internet, in-nuqqas ta' ħiliet relevanti jew in-nuqqas ta' aċċessibbiltà minn kulħadd. L-Ewropej jiffrustraw irwieħhom meta l-ICT ma jżommux mal-wegħda ta' servizzi pubbliċi aħjar. Jitħassbu dwar il-fatt li, filwaqt li l-internet qed jagħti spinta lill-kompetizzjoni għall-investimenti, l-impjiegi u l-influwenza ekonomika fuq livell globali, l-Ewropa mhix qed tgħammar lilha nnifisha kif xieraq biex tkun tista' tgawdi minn dan is-settur ta' tkabbir fl-ekonomija tal-għarfien.

Il-Kummissjoni identifikat l-aktar seba' ostakli sinifikanti skont il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati u r-riflessjonijiet tad-Dikjarazzjoni ta' Granada u r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew. Dawn huma elenkati fiċ-ċirku ta' ġewwa tal-Grafika 1, u huma deskritti fil-qosor hawn taħt. Weħidhom jew flimkien, dawn l-ostakli jimminaw gravament l-isforzi għall-isfruttament tal-ICT, u dan jagħmel ċar il-ħtieġa ta' reazzjoni politika komprensiva u unita fuq il-livell Ewropew. Dan juri li l-Ewropa qed taqa' lura wara s-sħab industrijali tagħha. Illum fl-Istati Uniti titniżżel erba' darbiet aktar mużika milli fl-UE minħabba swieq frammentati u nuqqas ta' offerti legali; 30% tal-Ewropej għadhom qatt ma użaw l-internet; l-Ewropa għandha biss penentrazzjoni ta' 1% tan-netwerks ta' veloċità għolja bbażati fuq il-fibra, filwaqt li l-Ġappun għandu 12% u l-Korea t'Isfel 15%; u n-nefqa tal-UE fuq ir-riċerka u l-iżvilupp fl-ICT hija biss 40% tal-livell tal-Istati Uniti.

·Swieq diġitali frammentati

L-Ewropa tixbah mappa kollha rqajja' meta niġu għas-swieq nazzjonali online. Problemi li hemm soluzzjoni għalihom qegħdin iżommu lill-Ewropej milli jgawdu mill-benefiċċji ta' suq uniku diġitali. Il-kontenut kummerċjali u kulturali għandu bżonn jgħaddi minn fruntiera għall-oħra, u dan għandu jinkiseb bis-saħħa tal-eliminazzjoni tal-ostakli regolatorji u l-faċilitazzjoni tal-ħlasijiet u l-fatturazzjoni elettroniċi, ir-riżoluzzjoni tat-tilwimiet, u l-fiduċja min-naħa tal-klijenti. Jista' jsir u għandu jsir aktar taħt il-qafas regolatorju kurrenti sabiex jintiseġ suq uniku fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet.

·Nuqqas ta' interoperabbilità

L-Ewropa għadha ma bdietx taħsad l-aħjar benefiċċji mill-interoperabbiltà. Id-dgħufijiet fl-iffissar tal-istandards, l-akkwist pubbliku u l-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi jxekklu s-servizzi u l-mezzi diġitali użati mill-Ewropej milli jaħdmu tajjeb daqskemm suppost. L-Aġenda Diġitali tista' tirranka biss jekk il-partijiet u l-applikazzjonijiet differenti tagħha jkunu interoperabbli u bbażati fuq pjattaformi u standards miftuħa.

·Iċ-ċiberkriminalità dejjem tikber u r-riskju tan-nuqqas ta' fiduċja fin-netwerks

L-Ewropej mhumiex se jidħlu għal attivitajiet online aktar sofistikati jekk ma jħossux li huma jew uliedhom jistgħu jiddeppendu għal kollox fuq in-netwerks tagħhom. L-Ewropa trid għalhekk tindirizza ż-żieda f'forom ġodda ta' kriminalità – "iċ-ċiberkriminalità" – li jvarjaw mill-abbuż tat-tfal għas-serq tal-identità u l-attakki elettroniċi, u tiżviluppa mekkaniżmi ta' reazzjoni. Fl-istess ħin, it-tkattir tal-bażijiet tad-dejta u teknoloġiji ġodda li jippermettu l-kontroll remot tal-individwi jqajmu sfidi ġodda għall-ħarsien tad-drittijiet funadmentali tal-Ewropej għad-dejta personali u l-privatezza. L-internet issa sar infrastruttura tal-informazzjoni tant kruċjali, sew għall-individwi sew għall-ekonomija Ewropea, li s-sistemi u n-netwerks tal-IT tagħna jridu jsiru reżiljenti u sikuri biex jilqgħu għal kull xorta ta' theddid ġdid.

·Nuqqas ta' investiment fin-netwerks

Irid isir aktar biex jiġu żgurati l-implimentazzjoni u l-użu tal-broadband għal kulħadd, b'veloċitajiet dejjem akbar, permezz ta' teknoloġiji kemm fissi kif ukoll bla fili, u sabiex jiġi ffaċilitat l-investiment fin-netwerks miftuħa, kompetittivi u veloċi ħafna tal-internet li se jkunu l-arterji ta' ekonomija tal-ġejjieni. L-azzjoni tagħna trid tkun iffukata fuq l-għoti tal-inċentivi t-tajbin sabiex jiġi stimolat l-investiment privat, flimkien ma' investimenti pubbliċi mmirati bil-galbu, mingħajr monopolizzazzjoni mill-ġdid tan-netwerks tagħna, kif ukoll fuq it-titjib tal-allokazzjoni tal-ispettru.

·Sforzi insuffiċjenti fir-riċerka u l-innovazzjoni

L-Ewropa għadha tinvesti inqas milli jmissha, tifframmenta l-isforzi tagħha, tuża mill-inqas il-kreattività tal-SMEs u tonqos milli tikkonverti l-iżvantaġġ intellettwali tar-riċerka fil-vantaġġ kompetittiv tal-innovazzjonijiet imsejsa fuq is-suq. Jeħtieġ nibnu fuq it-talent tar-riċerkaturi tagħna sabiex inwasslu ekosistema ta' innovazzjoni fejn il-kumpaniji tal-ICT ta' kull daqs ibbażati fl-Ewropa jkunu jistgħu jiżviluppaw prodotti ta' klassi dinjija li jiġġeneraw domanda. Irridu għalhekk nindirizzaw il-karattru subottimali tal-isforzi kurrenti fir-riċerka u l-innovazzjoni billi nqanqlu aktar investiment privat, koordinazzjoni u tgħaqqid aħjar tar-riżorsi, aċċess 'eħfef u aktar veloċi' mill-SMEs diġitali għall-fondi ta' riċerka tal-unjoni, infrastrutturi ta' riċerka u konġunti, u l-iżvilupp ta' standards u pjattformi miftuħa għal applikazzjonijiet u servizzi ġodda.

·Nuqqas ta' litteriżmu u ħiliet diġitali

L-Ewropa qed tbati minn skarsezza dejjem tikber ta' ħiliet professjonali f'ICT u minn nuqqas fil-litteriżmu diġitali. Dawn in-nuqqasijiet qed jeskludu bosta ċittadini mis-soċjetà u l-ekonomija diġitali u qed iżommu lura l-effett multiplikatur kbir li jwassal l-użu tal-ICT għat-tkabbir fil-produttività. Dan jeħtieġ reazzjoni koordinata, bl-Istati Membri u partijiet involuti oħrajn li jkunu fil-qalba tagħha.

·Opportunitajiet mitlufa fl-indirizzar tal-isfidi tas-soċjetà

L-isfruttament tal-potenzjal sħiħ tal-ICT jista' jgħin lill-Ewropa tindirizza ħafna aħjar xi wħud mill-aktar isfidi soċjali akuti tagħha: it-tibdil fil-klima u pressjonijiet oħra fuq l-ambjent tagħna, popolazzjoni qed tixjieħ u kura tas-saħħa tqum dejjem aktar, l-iżvilupp ta' servizzi pubbliċi aktar effiċjenti u l-integrazzjoni tan-nies b'diżabilità, id-diġitizzazzjoni tal-wirt kulturali u d-disponibbiltà tiegħu għall-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni, eċċ.

L-Aġenda Diġitali għall-Ewropa tinkwadra l-azzjonijiet tagħha madwar il-ħtieġa li jiġu affrontati sistematiakment dawn is-seba' oqsma problematiċi, li bħala inzjattiva orizzontali tkopri t-tliet dimensjonijiet tat-tkabbir stipulati f'Ewropa 2020. Dawn l-oqsma problematiċi huma żviluppati f'aktar dettall fit-taqsimiet individwali, li juri l-bżonn urġenti għall-azzjonijiet identifikati bħala sett ta' aġendi pożittivi biex iqawwu l-prestazzjoni soċjali u ekonomika tal-Ewropa. Il-Kummissjoni se żżomm viġilanti għall-feġġ ta' ostakli oħra u ser tirreaġixxi kif ikun meħtieġ.

L-Aġenda Diġitali se teħtieġ livell sostnut ta' impenn fuq il-livelli sew tal-UE kif ukoll tal-Istati Membri (inkluż fuq livell reġjonali). Ma tistax tirnexxi mingħajr kontribut kbir minn partijiet involuti oħra, fosthom "nattivi diġitali" żgħażagħ li għandhom ħafna x'jgħallmuna. Din l-Aġenda hija ritratt tal-problemi u l-opportunitajiet attwali u prevedibbli, u se tevolvi fid-dawl tal-esperjenza u tal-bidlet rapidi fit-teknoloġija u s-soċjetà.

2.l-oqsma t'azzjoni tal-Aġenda Diġitali

2.1.Suq uniku diġitali vivaċi

Wasal iż-żmien għal suq uniku ġdid li jrodd il-benefiċċji tal-era diġitali.

L-internet m'għandux fruntieri, imma s-swieq online, sew globalment kif ukoll fl-UE, għadhom mifruda minn diversi ostakli li jaffettwaw mhux biss l-aċċess għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni pan-Ewropej iżda anki għal dawk li suppost ikunu servizzi u kontenut tal-internet globali. Din hija ħaġa insostenibbli. L-ewwel nett, il-ħolqien ta' kontenut u servizzi online attraenti u ċ-ċirkolazzjoni ħielsa tagħhom fl-UE u minn fruntiera għall-oħra tal-Unjoni Madankollu, il-frammentazzjoni persistenti qiegħda toħnoq il-kompetittività tal-Ewropa fl-ekonomija diġitali. Mhix sorpriża, għalhekk, li l-UE qed taqa' lura fi swieq bħal m'huma s-servizzi tal-midja, sew f'termini ta' dak li jistgħu jaċċessaw il-konsumaturi, sew f'termini ta' mudelli ta' negozju li jistgħu joħolqu l-impjiegi fl-Ewropa. Bosta min-negozji riċenti li rnexxew fil-qasam tal-internet (bħal Google, eBay, Amazon u Facebook) joriġinaw lil hinn mill-Ewropa 3 . It-tieni, minkejja l-ġabra ta' leġiżlazzjoni ewlenija tas-suq uniku, rigward il-Kummerċ-e, il-Fatturazzjoni-e u l-Firem-e, it-tranżazzjonijiet fl-ambjent diġitali għadhom kumplessi wisq, b'implimentazzjoni inkonsistenti tar-regoli madwar l-Istati Membri. It-tielet, il-konsumaturi u n-negozji għadhom iħabbtu wiċċhom ma' inċertezza konsiderevoli dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom meta jagħmlu n-negozju online. Ir-raba', l-Ewropa għadha 'l bogħod milli jkollha suq uniku għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni. Jeħtieġ għalhekk li s-suq uniku jiġi aġġornat b'mod fundamentali sabiex jinġieb fl-era tal-internet.

Dawn il-problemi jeħtieġ jiġu affrontati bis-saħħa ta' azzjonijiet estensivi fl-oqsma deskritti taħt:

2.1.1.Il-ftuħ tal-aċċess għall-kontenut 

Il-konsumaturi jistennew, bir-raġun, li jkunu jistgħu jaċċessaw il-kontenut online b'mod effettiv mill-inqas daqs kif wieħed jista' fid-dinja offline L-Ewropa nieqsa minn suq unifikat fis-settur tal-kontenut. Nagħtu kas, biex jitwaqqaf servizz pan-Ewropew, ħanut online tal-mużika jkollu jinnegozja ma' bosta soċjetajiet tal-ġestjoni tas-drittijiet ibbażati f'27 pajjiż. Il-konsumaturi jistgħu jixtru s-CDs minn kull ħanut imma sikwit ma jistgħux jixtru l-mużika minn pjattaformi online madwar l-UE għaliex id-drittijiet huma lliċenzjati fuq bażi nazzjonali. Dan jikkuntrasta mal-mogħdijiet relattivament sempliċi li jieħdu n-negozju u d-distribuzzjoni f'reġjuni oħra, partikolarment fl-Istati Uniti, u jirrifletti swieq frammentati oħrajn bħal dawk fl-Ażja (Grafika 2).

Sabiex tinżamm il-fiduċja tad-detenturi ta-drittijiet u tal-utenti u sabiex jiġi ffaċilitat il-liċenzjar transkonfinali, il-ġovernanza u t-trasparenza tal-ġestjoni tad-drittijiet kollettivi trid titjieb u tadatta għall-progress teknoloġiku. Soluzzjonijiet eħfef, aktar uniformi u teknoloġikament newtrali għal-liċenzjar transkonfinali u pan-Ewropew fis-settur awdjoviżiv sejrin jistimolaw il-kreattività u jgħinu lil-produtturi tal-kontenut u x-xandara, għall-benefiċċju taċ-ċittadini Ewropej. Dawn is-soluzzjonijiet għandhom jippreżervaw il-libertà kuntrattwali tad-detenturi tad-drittijiet. Id-detenturi tad-drittijiet ma jkunux obbligati jilliċenzjaw għat-territorji Ewropej kollha, imma jkunu ħielsa li jirrestrinġu l-liċenzji tagħhom għal ċertu territorji u jistipulaw kuntrattwalment il-livell tal-miżata tal-liċenzja.

Jekk ikun meħtieġ, jiġu eżaminati miżuri addizzjonali li jqisu l-ispeċifiċitajiet tal-forom differenti kolha ta' kontenut online. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma teskludix jew tippreferi f'dan l-istadju xi alternattiva jew strument partikolari. Dawn il-kwistjonijiet ġew ukoll indirizzati mill-Professur Monti fir-rapport tiegħu "A new strategy for the Single Market", ippreżentat lill-President tal-Kummissjoni Ewropea fid-9 ta' Mejju 2010, li l-Kummissjoni se twettaq azzjoni ta' segwitu għalih b'Komunikazzjoni qabel is-sajf tal-2010. 4

Id-distribuzzjoni diġitali tal-kontenut kulturali, ġurnalistiku u kreattiv, billi hija irħas u aktar veloċi, tgħin lill-awturi u l-fornituri tal-kontenut jilħqu udjenzi ġodda u akbar. L-Ewropa teħtieġ tmexxi aktar bil-ħolqien, il-produzzjoni u d-distribuzzjoni (fuq il-pjattaformi kollha) tal-kontenut diġitali. L-Ewropa, pereżempju, għandha pubblikaturi b'saħħithom iżda jinħtieġu pjattaformi online aktar kompetittivi. Dan jeħtieġ mudelli ta' negozju innovattivi, li minnhom wieħed ikun jista' jaċċessa l-kontenut u jħallas għalih b'diversi modi, tant li jintlaħaq bilanċ ġust bejn l-introjtu tad-detenturi tad-drittijiet u l-aċċess tal-pubbliku ġenerali għall-kontenut u l-għarfien. Il-leġiżlazzjoni taf ma tkunx meħtieġa biex tippermetti lil mudelli ġodda ta' negozju jirnexxu, jekk il-partijiet interessati kollha jikkoperaw fuq bażi kuntrattwali. Id-disponibbiltà ta' offerta legali online wiesgħa u attraenti tkun ukoll reazzjoni effettiva għall-piraterija.

Grafika 2: It-tniżżil tal-mużika – Il-livell tal-Istati Uniti erba' darbiet dak tal-UE

Sors : Sommarju għall-Iskrin

L-awtoritajiet pubbliċi jridu jagħtu sehemhom fil-promozzjoni tas-swieq għall-kontenut online. L-isfidi tal-konverġenza għandhom jiġu indirizzati fl-istħarriġ kollu tal-ordni pubbliku, inklużi kwistjonijiet dwar taxxa. Bħal eżempju, il-gvernijiet jistgħu jistimolaw lis-swieq tal-kontenut billi jagħmlu disponibbli informazzjoni dwar is-settur pubbliku skont termini trasparenti, effettivi u nondiskriminatorji. Din hija għajn importnati ta' tkabbir potenzjali ta' servizzi online innovattivi. L-użu mill-ġdid ta' dawn ir-riżorsi ta' informazzjoni ġei parzjalment armonizzat 5 , iżda l-korpi pubbliċi addizzjonalment jridu jiġu obbligati jiftħu r-riżorsi tad-dejta għall-applikazzjonijiet u s-servizzi transkonfinali 6 .

Azzjonijiet

Il-Kummissjoni sejra:

·Azzjoni Ewlenija 1: Tħaffef ir-rilaxx, il-ġestjoni u l-liċenzjar transkonfinali tad-dritt tal-awtur billi

·Ittejjeb il-governanza, it-trasparenza u l-liċenzjar pan-Ewropew għall-ġestjoni tad-drittijiet (online) billi tipproponi Direttiva kwadru dwar il-ġestjoni tad-drittijiet kollettivi sal-2010;

·Toħloq qafas ġuridiku li jiffaċilita d-diġitizzazzjoni u t-tixrid tax-xogħlijiet kulturali fl-Ewropa billi tipproponi Direttiva dwar ix-xogħlijiet orfni sal-2010, sabiex jitmexxa djalogu bejn il-partijiet interessati bil-għan li jittejbu l-miżuri dwar xogħlijiet barra mill-istampa, ikkumplimentati minn bażijiet tad-dejta b'informazzjoni dwar id-drittijiet;

·Sal-2012, tiġi eżaminata d-Direttiva dwar l-Użu mill-Ġdid tal-Informazzjoni tas-Settur Pubbliku, partikolarment l-ambitu u l-prinċipju tagħha dwar iż-żamma ta' tariffi għall-aċċess u l-użu.

·Azzjonijiet oħra:

·Wara djalogu estensiv mal-partijiet interessati, rapport sal-2012 dwar il-ħtieġa ta' miżuri addizzjonali li hinn mill-ġestjoni tad-drittijiet kollettivi li jippermettu liċ-ċittadini tal-UE, il-fornituri tas-servizzi tal-kontenut online u d-detenturi tad-drittijiet li jgawdu mill-potenzjal sħiħ tas-suq diġitali intern, inklużi miżuri għall-promozzjoni tal-liċenzji transkonfinali u pan-Ewropej, mingħajr l-esklużjoni jew il-preferenza f'dan l-istadju ta' kwalunkwe alternattiva legali possibbli.

·Bi tħejjija għal dan, sal-2010 tinħareġ Green paper li tindirizza l-opportunitajiet u l-isfidi tad-distribuzzjoni online tax-xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej u kontenut kreattiv ieħor;

·Abbażi tal-eżaminar tad-Direttiva dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, u wara djalogu estensiv mal-partijiet interessati, rapport sal-2012 dwar il-ħtieġa ta' miżuri addizzjonali għat-tisħiħ tal-ħarsien minn ksur persistenti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fl-ambjent online, konsistenti mal-garanziji pprovduti fil-Qafas tat-Telekomunikazzjonijiet u d-drittijiet fundamentali tal-protezzjoni tad-dejta u l-privatezza.

2.1.2.Tranżazzjonijiet online u transkonfinali bla kumplikazzjonijiet 

Il-konsumaturi Ewropej għadhom mhumiex qed igawdu mill-benefiċċji tal-prezz u tal-għażla li missu joffri s-suq uniku, minħabba li t-tranżazzjonijiet online għadhom ikkumplikati wisq. Il-frammentazzjoni tillimita wkoll it-talba għat-tranżazzjonijiet Kummerċ-e transkonfinali. Inqas minn waħda minn kull għaxar tranżazzjoni tal-Kummerċ-e hija transkonfinali, u l-Ewropej sikwit isibuha aktar faċli li jwettqu tranżazzjoni transkonfinali ma' negozju mill-Istati Uniti milli ma' wieħed minn pajjiż Ewropew ieħor. Daqs 92% tal-individwi li jordnaw oġġetii jew servizzi minn fuq l-internet jagħmlu dan minn bejjigħa nazzjonali aktar milli transkonfinalment. Daqs 60% tax-xiri transkonfinali bl-internet ma jirnexxix minħabba raġunijiet tekniċi bħar-rifjut ta' karti tal-kreditu domestiċi. Dan jikxef l-urġenza li jiġu affrontati l-ostkali regolatorji li qed iżommu n-negozji Ewropej mill-kummerċ transkonfinali. Il-Kummissjoni identifikat dawn l-ostakli fil-Komunikazzjoni dwar in-Negozju Transkonfinali san-Negozju Elettroniku tal-Konsumatur fl-UE 7 .

L-Ewropa għandha munita komuni iżda s-suq għall-ħlasijiet elettroniċi u l-Fatturazzjoni-e għadu fframmentat tul il-fruntieri nazzjonali. Huwa biss f'suq integrat tal-ħlasijiet illi jkun possibbli għall-impriżi u l-konsumaturi jiddependu fuq metodi tal-ħlas li jkunu sikuri u effiċjenti 8 . Huwa għal din ir-raġuni li trid titlesta mingħajr dewmien iż-Żona Unika tal-Pagamenti bl-Euro (SEPA). Is-SEPA se tipprovdi wkoll pjattaforma tat-tluq għal servizzi b'valur miżjud marbuta mal-pagamenti, bħall-iżvilupp ta' qafas Ewropew għall-Fatturazzjoni-e.

Id-Direttiva dwar il-flus-e 9 għandha tiġi implimentata malajr sabiex twitti t-triq għal min dieħel ġdid fis-suq sabiex toffri soluzzjonijiet innovattivi għall-flus-e – bħal kartieri mobbli – mingħajr telf ta' protezzjoni għall-fondi tal-konsumatur. Dan is-suq jaf jiswa daqs €10 biljun sal-2012.

It-teknoloġiji tal-identità elettronika (eID) u s-servizzi ta' awtentikazzjoni huma essenzjali għat-tranżazzjonijiet fuq l-internet fis-setturi sew pubbliċi kif ukollprivati. Illum l-aktar mod ta' awtentikazzjoni komuni huwa l-użu tal-passwords. Għal bosta applikazzjonijiet dan jista' jkun biżżejjed, iżda hemm dejjem aktar bżonn ta' soluzzjonijiet aktar sikuri 10 . Billi se jkun hemm bosta soluzzjonijiet, l-industrija, appoġġat minn azzjonijiet ta' politika - partikolarment servizzi ta' Gvern-e - għandha tiżgura l-interoperabilità msejsa fuq l-istandards u l-pjattaformi tal-iżvilupp miftuħa.

Azzjonijiet

Il-Kummissjoni sejra:

·Azzjoni Ewlenija 2: Tiżgura t-tlestija taż-Żona Unika tal-Pagamenti bl-Euro (SEPA), eventwalment permezz ta' miżuri ġuridiċi vinkolanti li jiffissaw data tat-tmiem għall-migrazzjoni qabel l-2010 u l-faċilitazzjoni ta' qafas Ewropew interoperabbli tal-fattureazzjoni-e bis-saħħa ta' Komunikazzjoni dwar il-fatturazzjoni-e u billi jitwaqqaf forum għal bosta partijiet interessati;

·Azzjoni Ewlenija 3: Fl-2011 tipproponi reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Firma-e bil-għan li tipprovdi qafas ġuridiku għar-rikonoxximent u l-interoperabilità transkonfinali ta' sistemi sikuri ta' Awtentikazzjoni-e.

·Azzjonijiet oħra:

·Tevalwa sa tmiem l-2010 l-impatt tad-Direttiva dwar il-Kummerċ-e fuq is-swieq online u tagħmel proposti konkreti.

L-Istati Membri għandhom:

·Jimplimentaw malajr u koerentement id-Direttivi ewlenin li jappoġġaw is-suq diġitali uniku, inkluż id-Direttiva dwar is-Servizzi, id-Direttiva dwar il-Prattiki Kummerċjali Mhux Ġusti u l-Qafas dwar it-Telekomunikazzjonijiet;

·Tittrasponi sal-2013 id-Direttiva dwar il-VAT 11 li tiżgura trattament indaqs għall-fatturazzjoni-e b'fatturi fuq karta.

2.1.3.It-tiswir tal-fiduċja diġitali 

Illum, skont il-liġi tal-UE, iċ-ċittadini fl-UE jgawdu minn sensiela ta' drittijiet li huma rilevanti għall-ambjent diġitali, bħal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, il-protezzjoni tad-dejta personali u tal-privatezza, ir-rekwiżiti għat-trasparenza u servizzi universali ta' telefown u internet funzjonali, u kwalità minima tas-servizz.

Dawn id-drittijiet madankollu huma mifruxa fuq liġijiet varji u mhux dejjem faċli jinftiehmu. L-utenti għandhom ikunu jistgħu jsibu spjegazzjonijiet faċli u kodifikati tad-drittijiet u l-obbligi tagħhom, imfissra b'mod trasparenti u li jinftiehem, eż. permezz ta' pjattaformi online, li jibnu fuq il-prototip tal-gwida eYou 12 .

Sadanittant, nuqqas ta' fiduċja fl-ambjent online qiegħed ixekkel serjament l-iżvilupp tal-ekonomija online tal-Ewropa. Fost in-nies li ma ordnawx online fl-2009, ir-raġunijiet ewlenin kienu: tħassib dwar is-sikurezza tal-ħlasijiet, tħassib dwar il-privatezza, u tħassib dwar il-fiduċja (Grafika 3, taħt). L-istħarriġ ġenerali li għaddej tal-qafas regolatorju tal-protezzjoni tad-dejta għandu l-għan jimmodernizza l-istrumenti ġuridiċi rilevanti kollha sabiex jilqa' għall-isfidi tal-globalizzazzjoni u jħoloq modi teknoloġikament newtrali għat-tkabbir tal-fiduċja bis-saħħa tat-tisħiħ tad-drittijiet taċ-ċittadini.

Grafika 3: Raġunijiet għan-nuqqas ta' xiri online (% ta' individwi li ma ordnawx online fl-2009)

Sors : Stħarriġ Komunitarju Eurostat dwar l-Użu tal-ICT fid-Djar u minn Individwi, 2009.

Il-konsumaturi ma jixtrux online jekk ma jħossux li drittijiethom huma ċari u mħarsa. Minkejja li d-Direttiva dwar il-Kummerċ-e timponi rekwiżiti ta' trasparenza u informazzjoni fuq il-fornituri tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni u tistabbilixxi rekwiżiti minimi tal-informazzjoni fuq il-komunikazzjonijiet kummerċjali 13 , il-monitoraġġ mill-qrib huwa meħtieġ sabiex jiġi żgurat li r-rekwiżiti tal-informazzjoni jiġu osservati.

Id-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali 14 u d-Direttiva dwar it-Tqegħid Remot fis-Suq tas-Servizzi Finanzjarji (tqegħid fis-suq b'distanza ta' servizzi finanzjarji) 15 sejra ssolvi s-sitwazzjoni sa ċert punt. Id-Direttiva proposta dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur 16 jeħtieġ tiġi adottata maljar, sabiex issawwar il-fiduċja għall-konsumaturi u l-kummerċjanti fix-xiri online transkonfinali. Iżda l-Kummissjoni se tinvestiga wkoll kif tista' ttejjeb id-drittijiet tal-konsumaturi li jixtru prodotti diġitali. It-tranżazzjonijiet online transkonfinali jistgħu anki jsiru eħfef billi tikber il-koerenza tad-dritt Ewropew dwar il-kuntratti, ibbażat fuq livell għoli ta' ħarsien tal-konsumatur. Il-Kummissjoni sejra wkoll tniedi strateġija madwar l-UE sabiex ittejjeb is-sistemi tar-Riżoluzzjoni Alternattiva tat-Tilwimiet u ser tipproponi għodda online għal madwar l-UE ta' tiftix ta' rimedju għall-Kummerċ-e, u sejra ttejjeb l-aċċess għall-ġustizzja online. Minbarra dan, il-komparabbiltà tal-prezzijiet għall-konsumatur, pereżempju permezz ta' ffissar ta' liveli, ittestjar ta' prodotti jew siti ta' tqabbil tal-prezzijiet, tista' tittejjeb sabiex tixpruna l-kompetizzjoni u ssaħħaħ il-protezzjoni tal-konsumatur.

Hemm ambitu għall-bini tal-fiduċja bis-saħħa tal-ħolqien ta' marki ta' fiduċja tal-UE għas-siti elettroniċi tal-bejgħ bl-imnut. Il-Kummissjoni qed taħseb biex tmexxi b'din l-idea, b'konsultazzjoni mal-partijiet interessati kollha.

Azzjonijiet

Il-Kummissjoni sejra:

·Azzjoni Ewlenija 4 Tistħarreġ il-qafas regolatorju tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta bil-għan li ssaħħaħ il-fiduċja tal-individwi u d-drittijiet tagħhom, sa tmiem l-2010;

·Azzjonijiet oħra:

·Tipproponi sal-2012 strument fakultattiv tal-liġi kuntrattwali li jikkumplimenta d-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur sabiex tingħeleb il-frammentazzjoni tal-liġi kuntrattwali, partikolarment fir-rigward tal-ambjent online.

·Tesplora sal-2011, permezz ta' Green paper, inizjattivi dwar ir-Riżoluzzjoni Alternattiva tat-Tilwimiet għall-konsumaturi fl-UE bil-għan li jsiru proposti għal sistema madwar l-UE ta' Riżoluzzjoni Online tat-Tilwimiet għat-tranżazzjonijiet tal-Kummerċ-e sal-2012;

·Tesplora proposti fil-qasam tar-rimedju kollettiv, skont konsultazzjoni mal-partijiet interessati;

·Toħroġ Kodiċi tal-UE tad-Drittijiet Online sal-2012 li jagħti fil-qosor id-drittijiet tal-utenti diġitali fl-UE b'mod ċar u aċċessibbli, flimkien ma' lista annwali ta' ksur tad-dritt tal-protezzjoni tal-konsumatur online u miżuri xierqa ta' infurzar, b'koordinazzjoni man-Netwerk Ewropew tal-Aġenziji tal-Protezzjoni tal-Konsumatur;

·Toħloq pjattaforma tal-partijiet involuti sal-2012 għall-marki ta' fiduċja online tal-UE, partikolarment għal siti elettroniċi tal-bejgħ bl-imnut.

2.1.4.It-tisħiħ tas-suq uniku għas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet

Illum, is-swieq tat-telekomunikazzjonijiet tal-Ewropa huma maqsuma fuq bażi ta' Stati Membri, bi skemi purament nazzjonali, aktar milli Ewropej, ta' numerar, liċenzjar u assenjar ta' spettru. Dawn l-istrutturi nazzjonali qegħdin iħabbtu wiċċhom dejjem aktar mal-isfida tal-kompetizzjoni globali u tal-internet.

L-ewwel prijorità tal-Kummissjoni se tkun l-implimentazzjoni rapida u konsistenti tal-qafas regolatorju emendat, flimkien ma' koordinazzjoni akbar tal-użu tal-ispettru u, fejn meħtieġ, l-armonizzazzjoni tal-faxex tal-ispettru, sabiex jinħolqu ekonomiji tal-kobor fit-tagħmir u fis-swieq tas-servizzi. Billi s-suq uniku jitlob li kwistjonijiet regolatorji simili jingħataw trattament simili, il-Kummissjoni sejra tipprijoritzza l-għoti ta' gwida dwar kunċetti regolatorji ewlenin taħt ir-regoli tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, partikolarment metodoloġiji tal-ikkostjar u n-nondiskriminazzjoni, u se tħares ukoll lejn soluzzjonijiet sostenibbli għall-2012 għar-roaming bil-leħen u bid-data.

Il-Kummissjoni sejra wkoll tħaddem l-għarfien tal-Korp li għadu kemm inħoloq tar-Regolaturi Ewropej għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi sabiex taffronta l-ostakli li jżommu lin-negozji u liċ-ċittadini Ewropej milli jużaw bl-aħjar u bl-isħeħ mod possibbli servizzi transkonfinali tal-komunikazzjonijiet elettroniċi. Pereżempju, l-armonizzazzjoni mtejba tas-sistemi nazzjonali tan-numerar abbażi tal-qafas kurrenti tista' tgħin lill-manifatturi u l-bejjiegħa bl-imnut Ewropej billi tiffaċilta servizzi biex il-konsumaturi jistaqsi dwar il-bejgħa u warajha fuq numru uniku għall-Ewropa kollha, filwaqt li t-tħaddim aħjar ta' numri soċjalment utli (eż. in-numri 116 użati għall-hotlines għat-tfal neqsin) igawdi minnu ċ-ċittadin. Bl-istess mod, il-komparabbiltà mtejba (eż. permezz ta' ffissar ta' livelli) tal-prezzijiet tal-utent u l-konsumatur se jixprunaw il-kompetizzjoni u jsaħħu l-protezzjoni tal-konsumatur.

Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni se tivvaluta, abbażi ta', fost l-oħrajn, il-kontribut prattiku mill-partijiet, x'jiswa soċjoekonomikament li ma jkunx hemm l-Ewropa fis-swieq tat-telekomunikazzjonijiet, toħroġ il-benefiċċji ta' suq integrat aħjar, u tipproponi passi xierqa sabiex jitnaqqs dan il-piż soċjo-ekonomiku.

Azzjonijiet

Il-Kummissjoni sejra:

·Tipproponi miżuri għal aktar armonizzazzjoni fin-numerazzjoni tar-riżorsi għall-forniment ta' servizzi ta' negozju madwar l-Ewropa, sal-2011.

·Fuq il-bażi ta' Programm ta' Politika għall-Ispettru Ewropew tar-Radju 17 , il-koordinazzjoni tal-kundizzjonijiet tekniċi u regolatorji li japplikaw għall-użu tal-ispettru u, fejn meħtieġ, l-armonizzazzjoni tal-faxex tal-ispettru sabiex jinħolqu ekonomija fil-kobor fis-swieq tat-tagħmir u sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jużaw l-istess tagħmir u jużaw l-istess servizzi madwar l-UE;

·Sal-2011, titmexxa investigazzjoni dwar kemm jiswa n-nuqqas tal-Ewropa fis-swieq tat-telekomunikazzjoni sabiex jittieħdu miżuri ulterjuri biex jissaħħu l-benefiċċji tas-suq uniku.

2.2.Interoperabbiltà u standards 

Neħtieġu interoperabilità effettiva bejn il-prodotti u s-servizzi tal-IT sabiex nibnu soċjetà verament diġitali

L-internet huwa l-aħjar eżempju tas-setgħa tal-interoperabilità teknika. L-arkittettura miftuħa tiegħu taħt mezzi u applikazzjonijiet interoperabbli lil biljuni madwar id-dinja. Iżda biex jittieħdu l-benefiċċji sħaħ tat-tħaddim tal-ICT, trid tittejjeb l-interoperabilità bejn il-mezzi, l-applikazzjonijiet, ir-repożitorji tad-dejta, is-servizzi u n-netwerks.

2.2.1.It-titjib tal-iffissar tal-istandards tal-ICT

Il-qafas tal-Ewropa għall-iffissar tal-istandards irid ilaħħaq mas-swieq veloċi tat-teknoloġija għaliex l-istandards huma essenzjali għall-interoperabilità Il-Kummissjoni se tkompli r-reviżjoni tal-politika Ewropea dwar l-istandardizzazzjoni bis-segwiti għall-White Paper "Il-Modernizzazzjoni tal-Istandardizzazzjoni tal-ICT fl-UE" 18 u l-konsultazzjoni pubblika relatata. Għan importanti huwa li jiġi permess l-użu tagħhom fil-leġiżlazzjoni u l-akkwist pubbliku. Dan fid-dawl taż-żieda fl-istandards ICT u l-importanza dejjem tikber tagħhom kif żviluppati minn ċertu fora u konsorzji globali.

Barra minn hekk, il-gwida dwar regoli trasparenti ta' żvelar ex-ante għad-drittijiet essenzjali tal-proprjetà intellettwali u t-termini u l-kundizzjonijiet tal-liċenzjar fil-kuntest tal-iffissar tal-istandards, li għandhom jiġu pprovduti partikolarment fir-riforma li jmiss tal-politika tal-UE dwar l-istandardizzazzjoni kif ukoll f'regoli aġġornati tal-antitrust dwar ftehimiet orizzontali ta' kooperazzjoni, tkun tista' tikkontribwixxi għal talbiet aktar baxxi għar-royalties għall-użu tal-istandards u għalhekk għal spejjeż aktar baxxi ta' dħul fis-suq.

2.2.2.Il-promozzjoni ta' użu aħjar tal-istandards

L-awtoritajiet pubbliċi jridu jagħmlu l-aħjar użu mill-firxa sħiħ ta' standards rilevanti meta jakkwistaw hardware, software u servizzi tal-IT, pereżempju billi jagħżlu standards li jistgħu jiġu implimentati mill-fornituri interessati kollha, biex b'hekk ikun hemm aktar kompetizzjoni u riskju inqas ta' saturazzjoni tas-suq.

2.2.3.It-titjib tal-interoperabilità permezz tal-koordinazzjoni

Azzjoni ewlenija għall-promozzjoni tal-interoperabilità bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi se tkun l-adozzjoni tal-Kummissjoni għal Strateġija Ewropea ambizzjuża għall-Interoperabilità u l-Qafas Ewropew tal-Interoperabilità li għandu jitfassal taħt il-programm (Soluzzjonijiet ta’ Interoperabbiltà għall-Amministrazzjonijiet Pubbliċi Ewropej 19 ).

Billi mhux it-teknoloġiji pervażivi kollha huma msejsa fuq standards, hemm riskju li f'dawn l-oqsma jintilfu l-benefiċċji tal-interoperabilità. Il-Kummissjoni se teżamina l-fattibbiltà ta' miżuri li jistgħu jwasslu protagonisti sinifikanti tas-suq jilliċenjzaw l-informazzjoni dwar l-interoperabilità filwaqt li fl-istess ħin jippromwovu l-innovazzjoni u l-kooperazzjoni.

Azzjonijiet

Il-Kummissjoni sejra:

·Azzjoni Ewlenija 5: Bħala parti mill-istħarriġ tal-politika tal-UE dwar l-istandardizzazzjoni, jiġu proposti miżuri legali dwar l-interoperabilità sal-2010 sabiex jiġu rriformati r-regoli dwar l-implimentazzjoni tal-istandards ICT fl-Ewropa sabiex ikun permess l-użu ta' ċertu standards ta' fora u konsorzji ICT.

·Azzjonijiet oħra:

·Il-promozzjoni ta' regoli xierqa għad-drittijiet essenzjali tal-proprjetà intellettwali u l-kundizzjonijiet tal-liċenzjar fl-iffissar tal-istandards, inkluż għall-iżvelar ex-ante, partikolarment bis-saħħa ta' linji gwida sal-2011;

·Il-ħruġ ta' Komunikazzjoni fl-2011 sabiex tingħata gwida dwar ir-rabta bejn l-istandardizzazzjoni u l-akkwist pubbliku fl-ICT sabiex tgħin lill-awtoritajiet pubbliċi jużaw standards għall-promozzjoni tal-effiċjenza u jnaqqsu s-saturazzjoni tas-suq.

·Il-promozzjoni tal-interoperabilità permezz tal-adozzjoni fl-2010 ta' Strateġija Ewropea għall-Interoperabilità u l-Qafas Ewropew tal-Interoperabilità

·L-istħarriġ tal-fattibbiltà ta' miżuri li jistgħu jwasslu li jistgħu jwasslu protagonisti sinifikanti tas-suq jilliċenjzaw l-informazzjoni dwar l-interoperabilità, u rapport dwar dan sal-2012.

L-Istati Membri għandhom:

·Japplikaw il-Qafas Ewropew tal-Interoperabilità fuq livell nazzjonali sal-2013;

·L-implimentazzjoni tal-impenji dwar l-interoperabilità u l-istandards fid-Dikjarazzjonijiet ta' Malmö u Granada Declarations sal-2013.

2.3.Fiduċja u sigurtà

L-Ewropej mhumiex se jħaddnu teknoloġija li ma jafdawx – l-era diġitali mhi la "big brother" u lanqas "ġungla cibernetika".

L-utenti jridu jkunu sikuri meta jaqbdu online. L-istess bħal fid-dinja fiżika, iċ-ċiberkriminalità ma tistax tiġi ttollerata. Barra minn hekk, xi wħud mis-servizzi online l-aktar innovattivi u avvanzati – bħal Banek-e jew is-Saħħa-e – sempliċement ma kinux jeżistu li kieku t-teknoloġi ġodda ma kinux affidabbli għal kollox. S'issa, l-internet irnexxielu juri lilu nnifsu bħala sikur, reżiljenti u stabbli, iżda n-netwerks tal-IT u terminals tal-utenti aħħarin għadhom vulnerabbli għal firxa kbira ta' theddidiet li qed jevolvu: f'dawn l-aħħar snin, l-ispam żdied sal punt li beda jimblokka t-traffiku tal-posta elettronika fuq l-internet – bosta stimi jissuġġerixxu bejn 80% u 98% tal-emails ċirkolanti kollha 20 – u dan jifrex sensiela sħiħa ta' vajrusis u software malizzjuż. Hemm it-theddia dejjem tikber tas-serq tal-identità u l-frodi online. L-attakki qegħdin dejjem isiru aktar sofistikati (trojans, botnets, eċċ) u sikwit ikunu mmotivati minn għanijiet finanzjarji. Jistgħu jkunu wkoll politikament motivati kif muri miċ-ċiberattakki riċenti li laqtu l-Estonja, il-Litwanja u l-Ġeorġja.

L-indirizzar ta' dawn it-theddidiet u t-tisħiħ tas-sikurezza fis-soċjetà diġitali huma responsabbiltà ta' kulħadd – sew tal-individwi kif ukoll tal-korpi privati u pubbliċi, kemm id-dar kif ukoll globalment. Bħala eżempju, sabiex jiġi affrontat l-isfruttament sesswali u l-pornografija tat-tfal, ikunu jistgħu jiġu implimentati pjattaformi ta' twissija f'waqtha fuq il-livelli nazzjonali u tal-UE, flimkien ma' miżuri biex jitneħħa l-kontenut ta' ħsara u ma jitħalliex jintwera. Huma essenzjali wkoll attivitajiet edukattivi u kampanji ta' tqajjim ta' kuxjenza: l-UE u l-Istati Membri jistgħu jżidu l-isforzi tagħhom, pereżempju bis-saħħa tal-Programm għal Internet Aktar Sikur (Safer Internet Programme), l-għoti ta' informazzjoni u edukazzjoni lit-tfal u l-familji dwar is-sikurezza online, kif ukoll l-analiżi tal-impatt fuq it-tfal li jużaw it-teknoloġiji diġitali. L-industriji għandhom ukoll ikunu mħeġġa jiżviluppaw aktar u jimplimentaw skemi awtoregolatorji, partikolarment fir-rigward tal-ħarsien tal-minuri li jużaw s-servizzi tagħhom.

Id-dritt għall-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta huma drittijiet fundamentali fl-UE li għandhom jiġu infurzati effettivament -anki online – bl-użu tal-usa' firxa ta' mezzi: mill-applikazzjoni wiesgħa tal-prinċipju tal-"Privatezza b'Disinn" 21  fit-teknoloġiji ICT rilevanti, għal azzjonijiet disswassivi fejn meħtieġa. Il-qafas rivedut tal-UE għall-komunikazzjonijiet elettroniċi jiċċara r-responsabbiltajiet tal-operaturi tan-netwerks u l-fornituri tas-servizzi, inkluż l-obbligu tagħhom li jinnotifikaw ksur tas-sikurezza tad-dejta personali. L-istħarriġ li tnieda dan l-aħħar tal-qafas ġenerali tal-protezzjoni tad-dejta se jinkludi estensjoni possibbli tal-obbligu li jiġi nnotifikat il-ksur tas-sikurezza tad-dejta. L-implimentazzjoni tal-projbizzjoni tal-ispam se tissaħħaħ bl-użu tan-netwerk tal-Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur (CPC).

Implimentazzjoni effettiva u rapida tal-pjan ta' azzjoni tal-UE għall-protezzjoni tal-infrastruttura informatika kritika 22 u l-Programm ta' Stokkolma 23 se tagħti bidu għal firxa wiesgħa ta' miżuri fil-qasam tas-sikurezza ta' netwerks u tal-informazzjoni u l-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità. Pereżempju, biex ikun hemm reazzjoni f'kundizzjonijiet ta' ħin reali, għandu jiġi stabbilit fl-Ewropa, inkluż għall-istituzzjonijiet Ewropej, netwerk usa' u jiffunzjona sew ta' Skwadri tal-Kompjuter ta' Reazzjoni għall-Emerġenza (CERTs). Il-kooperazzjoni bejn is-CERTs u l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi hija essenzjali u għandha tiġi promossa sistema ta' punti ta' kuntatt sabiex tipprevjeni ċ-ċiberkriminalità u twieġeb għall-emerġenzi, bħaċ-ċiberattakki. L-Ewropa għandha wkoll bżonn ta' strateġija dwar l-immaniġġjar tal-identità, partikolarment għal servizzi sikuri u effettivi tal-Gvern-e 24 .

Fl-aħħarnett, il-kooperazzjoni bejn l-atturi rilevanti trid tiġi organizzata fuq livell globali sabiex ikunu jistgħu jiġu miġġielda u mtaffija effettivament it-theddidiet għas-sikurezza. Dan jista' jiġi inkluż bħala parti mid-diskussjonijiet dwar il-Governanza tal-Internet. Fuq livell aktar operattiv, għandhom jitwettqu azzjonijiet immirati ta' sikurezza tal-informazzjoni kkoordinati internazzjonalment, u għandha tittieħed azzjoni konġunta sabiex tiġi miġġielda l-kriminalità tal-informatika, bl-appoġġ tal-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Networks u l-Informazzjoni (ENISA).

Azzjonijiet

Il-Kummissjoni sejra:

·Azzjoni Ewlenija 6: Tippreżenta fl-2010 miżuri li jimmiraw għal Politika msaħħa u tal-livell għoli dwar is-Sikurezza tan-Netwerks u tal-Informazzjoni, inkluż inizjattivi leġiżlattivi bħal Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Networks u l-Informazzjoni (ENISA) modernizzata, u miżuri li jippermettu reazzjonijiet aktar rapidi fil-każ ta' ċiberattakki, inkluż CERT għall-istituzzjonijiet tal-UE.

·Azzjoni Ewlenija 7: Tippreżenta miżuri, inklużi inizjattivi leġiżlatti, biex jiġu miġġielda ċ-ċiberattakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni sal-2010, u regoli relatati dwar il-ġurisdizzjoni fi-ċiberspazju fuċ livelli Ewropew u internazzjonali sal-2013;

·Azzjonijiet oħra:

·Twaqqaf pjattaforma Ewropea kontra ċ-ċiberkriminalità sal-2012;

·Tistħarreġ il-fattibbiltà sal-2011 li jinħoloq ċentru Ewropew kontra ċ-ċiberkriminalità;

·Taħdem mal-partijiet interessati globali, partikolarment biex tissaħħaħ il-ġestjoni globali tar-riskju fl-isferi diġitali u fiżiċi u t-tmexxija ta' azzjonijiet immirati kkoordinati internazzjonalment kontra l-kriminalità informatika u l-attakki fuq is-sikurezza;

·Tappoġġa eżerċizzji ta' tħejjija madwar l-UE fir-rigward taċ-ċibersikurezza, mill-2010;

·Bħala parti mill-proċess ta' modernizzazzjoni tal-qafas regolatorju tal-UE għall-protezzjoni tad-dejta personali, 25 metodu għal aktar koerenza u ċertezza ġuridika, tesplora l-estensjoni tad-dispożizzjonijiet ta' notifika dwar il-ksur tas-sikurezza;

·Tipprovdi gwida sal-2011 għall-implimentazzjoni tal-Qafas ġdid dwar it-Telekomunikazzjonijiet fir-rigward tal-protezzjoni tal-privatezza u d-dejta personali tal-individwu.

·L-appoġġ għall-punti ta' rappurtar ta' kontenut illegali online (hotlines) u kampanji ta' tqajjim ta' kuxjenza dwar is-sikurezza online għat-tfal fuq livell nazzjonali, u tisħiħ ta' kooperazzjoni pan-Ewropea u l-qsim tal-aħjar prattiki f'dan il-qasam;

·Trawwem djalogu bejn bosta partijiet interessati u l-awtoregolamentazzjoni tal-fornituri Ewropej u globali tas-servizzi (eż. pjattaformi ta' netwerkjar soċjali, fornituri ta' komunikazzjonijiet mobbli), speċjlament fir-rigward tal-użu tas-servizzi tagħhom mill-minuri.

L-Istati Membri għandhom:

·Iwaqqfu sal-2012 netwerk li jiffunzjona sew ta' CERTs fuq livell nazzjonali li jkopri l-Ewropa kollha;

·F'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, iwettqu simulazzjoni ta' attakk fuq skala kbira u jittestjaw strateġiji ta' mitigazzjoni sal-2010;

·Jimplimentaw bis-sħiħ hotlines għar-rappurtar ta' kontenut online offensiv jew ta' ħsara u kampanji ta' tqajjim ta' kuxjenza dwar is-sikurezza online għat-tfal, u joffru tagħlim tas-sikurezza online fl-iskejjel, u jħeġġu lill-fornituri tas-servizzi online biex jimplimemtaw miżuri awtoregolatorji fir-rigward tas-sikurezza online għat-tfal, sal-2013;

·Jimplimentaw jew jadattaw pjattaformi nazzjonali ta' twissija lill-pjattaforma taċ-ċiberkriminalità tal-Europol, sal-2012, b'bidu mill-2010.

2.4.Aċċess veloċi u ultraveloċi għall-internet

Neħtieġu Internet veloċi ħafna biex l-ekonomija tikber bil-qawwa u biex noħolqu l-impjieġi u l-ġdid, u biex niżguraw li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jaċċessaw il-kontenut u s-servizzi li jixtiequ.

L-ekonomija tal-ġejjieni se tkun ekonomija tal-għarfien ibbażata fuq in-netwerks bl-internet fiċ-ċentru tagħha. L-Ewropa teħtieġ aċċess għall-internet veloċi u ultraveloċi li jkun disponibbli b'mod wiesa' u bi prezzijiet kompetittivi. L-Istrateġija Ewropa 2020 saħqet dwar l-importanza tal-mobilitazzjoni tal-broadband sabiex jiġu promossi l-inklużjoni soċjali u l-kompetittività fl-UE. Reġgħet stqarret l-għan li sal-2013 jinġieb il-broadband bażiku għall-Ewropej kollha, u tfittex li tiżgura li, sal-2020, (i) l-Ewropej kollha jkollhom aċċess għal veloċitajiet ferm ogħla tal-internet ta' aktar minn 30 Mbps u (ii) 50% jew aktar tad-djar Ewropej jabbonaw għal konnessjonijiet tal-internet ta' 'l fuq minn 100 Mbps.

Sabiex jintlaħqu dawn il-miri ambizzjużi, jeħtieġ tiġi żviluppata politika komprensiva, imsejsa fuq taħlita ta' tekonoloġiji, li tiffoka fuq żewġ għanijiet paralleli: minn naħa, li tiġi ġġarantita kopertura universali bil-broadband (tagħqida ta' fiss u bla fili) b'veloċitajiet tal-internet li jiżdiedu gradwalment għal 30 Mbps u aktar, u biż-żmien jitrawmu l-implimentazzjoni u l-użu ta' netwerks tal-aċċess tal-ġenerazzjoni li jmiss (NGA) f'parti kbira tat-territorju tal-UE, li jippermettu konnessjonijiet tal-internet ultraveloċi ta' 'l fuq minn 100 Mbps.

2.4.1.Il-garanzija ta' koperatura universali bil-broadband b'veloċitajiet dejjem akbar

Mingħajr intervent pubbliku qawwi, hemm ir-riskju ta' eżitu subottimali, b'netwerks tal-broadband veloċi kkonċentrati fi ftit żoni b'densità għolja u bi spejjż tad-dħul sinifikanti u prezzijiet għoljin. Il-benefiċċji sussegwenti maħluqa minn dawn in-netwerks għall-ekonomija u s-soċjetà jiġġustifikaw politiki pubbliċi li jiggarantixxu kopertura broadband universali b'veloċitajiet dejjem akbar.

Għal dan il-għan, il-Kummissjoni biħsiebha tadotta Komunikazzjoni li tfassal qafas komuni li fih il-politiki nazzjonali u tal-UE għandhom jiġu żviluppati sabiex jilħqu l-miri ta' Ewropa 2020. Dawn il-politiki għandhom partikolarment ibaxxu l-kosti tal-mobilitazzjoni tal-broadband fit-territorju kollu tal-UE, u dan jiżgura l-ippjanar u l-koordinazzjoni xierqa u tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jassiguraw, pereżempju: li xogħlijiet pubbliċi u privati tal-inġinerija ċivili jipprovdu sistematikament għal netwerks tal-broadband u konnessjonijiet inkorporati fil-bini; ir-rilaxx tad-dritta għall-passaġġ; u l-immappjar tal-infrastruttura passiva disponnibbli xierqa għall-kablaġġ.

Il-broadband bla fili (terrestri u satellitari) jista' jkollu rwol kruċjali fl-iżgurar tal-kopertura taż-żoni kollha, inklużi reġjuni remori u rurali. Il-problema ċentrali illum għall-iżvilupp ta' netwerks tal-broadband bla fili hija l-aċċess għall-ispettru tar-radju. L-utenti tal-internet mobbli ġa jesperjenzaw il-konġestjoni fin-newterks minħabba użu insuffiċjenti tal-ispettru tar-radju. Minbarra l-frustrazzjoni għall-utenti, hemm il-fatt li tinħonoq l-innovazzjoni fis-swieq għat-teknoloġiji ġodda, li teffettwa € 250 biljun tal-attività kull sena 26 . Politika Ewropea dwar l-ispettru li tħares 'il quddiem għandha, filwaqt li takkomoda x-xandir, tippromowovi ġestjoni effiċjenti tal-ispettru, billi jingħata mandat għall-użu ta' ċerti ferekwenzi tad-dividen diġitali għall-broadband bla fili sa data fiss fil-ġejjieni, permezz tal-iżgurar ta' flessibbiltà addizzjonali (jiġi permess ukoll il-kummerċ fl-ispettru), u bis-saħħa tal-appoġġ għall-kompetizzjoni u l-innovazzjoni.

Minbarra dan, l-istrumenti ta' finanzjament nazzjonali, tal-UE u tal-BEI għandhom jintużaw għal investimenti fil-broadband immirati sew f'oqsma fejn ix-xenarju tan-negozju jkun dgħajjef, u għalhekk l-intervent iffukat biss jista' jagħmel l-investiment sostenibbli.

2.4.2.It-trawwim ta' netwerks NGA

Illum fl-Ewropa, l-aċċess għall-internet huma bbażat l-aktar fuq l-ewwel ġenerazzjoni tal-broadband, li jfisser internet aċessat minn netwerks antiki tal-kejbils tat-telefown tar-ram u kejbils tat-TV. Madankollu, iċ-ċittadini u n-negozji madwar id-dinja qegħdin dejjem jeżiġu netwerks NGA aktar veloċi. F'dan ir-rigward, l-Ewropa għadha lura fil-konfront tal-kontropartijiet internazzjonali tagħha. Indikatur sinifikanti huwa l-livell tal-penetrazzjoni tal-fibra għad-dar, li huwa baxx ħafna fl-Ewropa u ferm aktar baxx mill-livell ta' ċerti nazzjonijiet fuq qudiem tal-G20 (ara l-Grafika 4).

Grafika 4: Penetrazzjoni tal-Fibra għad-Dar (FTTH) f'Lulju 2009

Sors : Point Topic

Sabiex trawwem l-iżvilupp tal-NGA u tħeġġeġ l-investiment kummerċjali f'netwerks miftuħa u kompetittivi l-Kummissjoni ser tadotta Rakkomandazzjoni dwar l-NGA ibbażata fuq tliet prinċipji li (i) ir-riskju tal-investiment għandu jitqies kif xieraq meta tistabbilixxi l-prezzijiet kostorjentati tal-aċċess, (ii) l-Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali għandhom ikunu jistgħu jimponu l-aktar rimedji xierqa tal-aċċess f'kull każ u li jippermettu pass raġonevoli ta' investiment għal operaturi alternattivi, filwaqt li jqisu l-livell ta' kompetizzjoni fi kwalunkwe qasam partikolari u (iii) għandhom jiġu promossi mekkaniżmi ta' koinvestiment u kondiviżjoni tar-riskji.

2.4.3.Internet miftuħ u newtrali

Il-Kummissjoni ser timmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi ġodda dwar il-kwalità miftuħa u newtrali tal-internet, li jħarsu d-drittijiet tal-utenti li jkollhom aċċess għall-informazzjoni online kif ukoll li jiddistribwuha, u li jiżguraw it-trasparenza dwar l-immaniġġjar tat-traffiku 27 . Qabel is-sajf tal-2010 il-Kummissjoni se tniedi konsultazzjoni pubblika bħala parti mill-impenn usa' tagħha li, fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi u tas-suq, tirrapporta sal-aħħar tas-sena dwar jekk hiex meħtieġa aktar gwida sabiex jintlaħqu l-miri bażiċi tal-libertà tal-espressjoni, it-trasparenza, il-ħtieġa ta' investiment f'netwerks effikaċi u miftuħa, il-kompetizzjoni ġusta u l-ftuħ għal mudelli innovattivi tan-negozju.

Azzjonijiet

Il-Kummissjoni sejra:

·Azzjoni Ewlenija 8: Fl-2010 tadotta Komunikazzjoni dwar il-Broadband li tistipula qafas komuni għall-azzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri biex jintlaħqu l-miri għall-broadband tal-Ewropa 2020, fosthom:

·Li sal-2014 jissaħħaħ u jiġi razzjonalizzat f'dan il-qafas il-finanzjament għall-broadband b'veloċità għolja permezz tal-istrumenti tal-UE (eż. il-FEŻR, l-ERDP, il-FAEŻR, it-TEN, is-CIP) u jiġi esplorat kif jista' jinġibed kapital għall-investimenti fil-broadband permezz ta' tisħiħ tal-kreditu (sostnuta mill-fondi tal-BEI u tal-UE);

·Li fl-2010 jiġi propost Programm għall-Politika Ewropea dwar l-Ispettru għal deċiżjoni mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill u li joħloq politika tal-ispettru kkoordinata u strateġika fil-livell tal-UE sabiex tiżdied l-effiċjenza fil-ġestjoni tal-ispettru tar-radju u jiġu mmassimizzati l-benefiċċji għall-konsumaturi u l-industrija;

·Li fl-2010 tinħareġ Rakkomandazzjoni biex tħeġġeġ l-investiment fin-netwerks b'Aċċess tal-Ġenerazzjoni li Jmiss permezz ta' miżuri regolatorji ċari u effikaċi.

L-Istati Membri għandhom:

·Sal-2012 jiżviluppaw u joperaw pjanijiet nazzjonali għall-broadband li jilħqu l-miri tal-kopertura u l-veloċità u l-użu ddefiniti fl-Ewropa 2020, billi jużaw finanzjament pubbliku f'konformità mar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni u l-għajnuna mill-istat 28 , u l-Kummissjoni, bħala parti mill-governanza tal-Agenda Diġitali, se tirrapporta kull sena dwar il-progress;

·Jieħdu miżuri, fosthom dispożizzjonijiet ġuridiċi, biex jiffaċilitaw l-investiment fil-broadband, pereżempju billi jiżguraw li x-xogħlijiet tal-inġenerija ċivili jinvolvu lill-investituri potenzjali, jikkjarifikaw id-drittijiet tal-użu, l-immappjar tal-infrastruttura passiva disponibbli u adatta għall-kejbils u t-titjib tas-sistema tal-wajers fil-bini;

·Jużaw bis-sħiħ il-Fondi Strutturali u tal-Iżvilupp Rurali li diġà huma mwarrba għall-investiment fl-infrastrutturi u s-servizzi tal-ICT;

·Jimplimentaw il-Programm għall-Politika Ewropea dwar l-Ispettru, sabiex jiżguraw l-allokazzjoni kkoordinata tal-ispettru meħtieġ sabiex sal-2020 tintlaħaq il-mira ta' 100% koperta bl-internet ta' 30mbs, kif ukoll jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni dwar l-NGA.

2.5.Riċerka u innovazzjoni

L-Ewropa trid tinvesti aktar fir-R&Ż u tiżgura li aħjar ideat tagħha jidħlu fis-suq.

L-Ewropa għadha mhix tinvesti biżżejjed fir-riċerka u l-iżvilupp b'rabta mal-ICT. Meta mqabbla ma' sħab ewlenin kummerċjali bħalma huma l-Istati Uniti, ir-R&Ż tal-ICT fl-Ewropa mhuwiex biss proporzjon ħafna iżgħar tat-total li jintefaq fir-R&Ż (17% meta mqabbel ma' 29%, iżda fl-termini assoluti jirrappreżenta xi 40% tan-nefqa Amerikana (il-Grafika 5 - EUR 37 biljun, kontra EUR 88 biljun fl-2007).

Grafika 5: Infiq totali fir-R&Ż tal-ICT f'biljuni ta' Euro (2007)

Sors : L-Eurostat u l-IPTS-JRC

Fid-dawl li l-ICT tirrapreżenta sehem sinifikanti mit-total tal-valur miżjud fil-pilastri tal-industrija Ewropea bħal karozzi (25%), l-apparat tal-konsumatur (41%) jew is-saħħa u l-mediċina (33%), in-nuqqas ta' investiment fir-R&Ż tal-ICT huwa ta' theddida għas-setturi Ewropej tal-manifattur u s-servizzi sħaħ.

Id-differenza fl-investiment hija relatata ma' tliet problemi prinċipali:

·Sforż pubbliku fl-R&Ż dgħajjef u mxerred; eż. is-settur pubbliku tal-UE jonfoq anqas minn EUR 5.5 biljuni fis-sena fir-R&Ż tal-ICT, ħafna anqas mill-ekonomiji kompetitturi.

·Il-framentazzjoni tas-suq u t-tixrid tal-mezzi finanzjarji għall-innovaturi huma fatturi li jillimitaw it-tkabbir u l-iżvilupp ta' negozju innovattiv fl-ICT u speċjalment tal-SMEs.

·L-Ewropa ddum biex tibda tuża l-innovazzjonijiet ibbażati fuq l-ICT, speċjalment fl-oqsma b'interess pubbliku. Filwaqt li l-isfidi soċjali huma motivaturi ewlenin tal-innovazzjoni, l-Ewropa ftit li xejn takkwista l-innovazzjoni u R&Ż sabiex ittejjeb il-kwalità u l-prestazzjoni tas-servizzi pubbliċi tagħha.

2.5.1.Żieda fl-isforzi u fl-effiċjenza

Fl-2010 il-Kummissjoni se tippreżenta strateġija komprenżiva għar-riċerka u l-innovazzjoni li hija l-inizjattiva ewlenija "Unjoni tal-Innovazzjoni" biex timplimneta l-Ewropa 2020 29 . L-Ewropa għandha tibni fuq l-istrateġija Ewropea għal rwol ta' tmexxija fl-ICT 30 , l-Ewropa trid iżżid, tiffoka u tiġbor l-investimenti tagħha sabiex iżżomm il-vantaġġ kompetittiv tagħha f'dan il-qasam u tkompli tinvesti f'riċerka ta' riskju għoli, fosthom riċerka fundamentali multidixxiplinari.

L-Ewropa għandha tibni wkoll il-vantaġġ innovattiv tagħha f'oqsma ewlenin permezz ta' infrastrutturi-e msaħħa 31 u permezz tal-iżvilupp immirat ta' raggruppamenti f'oqsam ewlenin. Għandha tiżviluppa strateġija għall-UE kollha għall-"cloud computing" speċjalment għall-gvern u xjenza 32 .

2.5.2.Immotivar tal-innovazzjoni fl-ICT billi jiġi sfruttat is-suq uniku

In-nefqa tas-settur pubbliku Ewropew għandha tintuża biex tixpruna l-innovazzjoni filwaqt li żżid l-effiċjenza u l-kwalità tas-servizzi pubbliċi. L-awtoritajiet pubbliċi Ewropej iridu jingħaqdu sabiex jallinjaw ir-regolamentazzjoni, iċ-ċertifikazzjoni, l-akkwist pubbliku u l-istandardizzazzjoni favur l-innovazzjoni. Huma meħtieġa sħubijiet pubbliċi u privati u fora tal-partijiet interessati ħalli jfasslu pjanijiet ġenerali konġunti għat-teknoloġija, mir-riċerka sal-kummerċjalizzazzjoni, mit-trawwim tal-innovazzjoni sal-ħtieġa soċjali. It-trasferiment tal-għarfien għandu jiġi ġestit b'mod effikaċi 33 u sostnut minn strumenti finanzjarji xierqa 34 u r-riċerka ffinanzjata b'fondi pubbliċi għandha tixxerred ma' kullimkien billi d-dejta u l-istudji xjentifiċi jiġu ppubblikati fl-Open Access 35 .

2.5.3.Inizjattivi għall-innovazzjoni miftuħa ggwidati mill-industrija

L-ICT tixpruna il-ħolqien tal-valur u t-tkabbir fl-ekonomija. Dan ifisser li l-industrija tinsab fi bżonn dejjem ikbar għal soluzzjonijiet miftuħa u interoperabbli ħalli tisfrutta l-ICT fis-setturi kollha. L-inizjattivi ggwidati mill-industrija li jimmiraw lejn standards u pjattaformi miftuħa għal prodotti u servizzi ġodda ser ikunu sostnuti fil-programmi ffinanzjati mill-UE. Il-Kummissjoni ser issaħħaħ l-attivitajiet li jiġbru flimkien lill-partijiet interessati madwar aġendi komuni għar-riċerka f'oqsma bħalma hi l-Internet tal-Futur li tinkludi l-Internet tal-Oġġetti u fit-teknoloġiji ewlenin fl-ICT li jiftħu l-possibbiltajiet.

Azzjonijiet

Il-Kummissjoni sejra:

·Azzjoni ewlenija 9: Timmobilizza aktar investiment privat permezz tal-użu strateġiku tal-akkwist pubbliku prekummerċjali 36 u s-sħubijiet pubbliċiprivati 37 , billi tuża fondi strutturali għar-riċerka u l-innovazzjoni u billi żżomm il-pass taż-żieda ta' 20% fis-sena fil-baġit għall-R&Ż tal-ICT stabbilit fl-FP7;

·Azzjonijiet oħra:

·Issaħħaħ il-koordinazzjoni u l-ġabra tar-riżorsi mal-Istati Membri u l-industrija 38 , u tiffoka aktar fuq is-sħubijiet xprunati mid-domanda u l-utenti bħala sostenn mill-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni tal-ICT;

·Mill-2011 tidba tipproponi miżuri għal aċċess 'ħafif u veloċi' għall-fondi tal-UE għar-riċerka fl-ICT u b'hekk tagħmilhom aktar attraenti speċjalment għall-SMEs u r-riċerkaturi żgħażagħ fid-dawl ta' implimentazzjoni usa' fir-reviżjoni tal-Qafas tal-UE għall-RTD 39 ;

·Tiżgura sostenn finanzjarju suffiċjenti għall-infrastrutturi tar-riċerka tal-ICT u r-raggrupamenti tal-innovazzjoni, tiżviluppa aktar Infrastrutturi-e u tistabbilixxi strateġija tal-UE għall-'cloud computing' speċjalment għall-gvern u x-xjenza;

·Taħdem mal-partijiet interessati biex tiżviluppa ġenerazzjoni ġdida ta' applikazzjonijiet u servizzi bbażati fl-internet, fosthom għall-kontenut u s-servizzi multilingwali, billi sostni l-istandards u l-pjattaformi miftuħa permezz tal-programmi ffinanzjati mill-UE.

L-Istati Membri għandhom:

·Sal-2020, jirduppjaw in-nefqa pubblika annwali fir-riċerka u l-iżvilupp tal-ICT minn EUR 5.5 biljuni għal EUR 11-il biljun (li jinkludu l-programmi tal-UE), b'modi li jimmobilizzaw żieda ekwivalenti fin-nefqa privata minn EUR 35 biljun għal EUR 70 biljun;

·Jidħlu għal proġetti fuq skala kbira biex jittestjaw u jiżviluppaw soluzzjonijiet innovattivi u interoperabbli f'oqsma ta' interess pubbliku li huma ffinanzjati mis-CIP.

2.6.Titjib tal-litteriżmu, il-ħiliet u l-inklużjoni diġitali

L-era diġitali għandha tfisser l-għoti tas-setgħa u l-emanċipazzjoni; l-ambjent u l-ħiliet ta' dak li jkun ma għandhomx ikunu ta' ostaklu biex wieħed ikollu aċċess għal dan il-potenzjal.

Hekk kif aktar attivitajiet ta' kuljum qed jitwettqu online, minn applikazzjoni għal impjieg sal-ħlas tat-taxxi jew ir-riżervazzjoni ta' biljetti, l-użu tal-internet sar parti integrali mill-ħajja ta' kuljum ta' ħafna Ewropej. Madankollu, 150 miljun Ewropew - xi 30% - għadhom qatt ma użaw l-internet. Ta' spiss jgħidu li ma għandhomx għalfejn jew li jiswa wisq. Dan il-grupp huwa magħmul l-aktar min-nies ta' bejn 65 u 74 sena, nies bi dħul baxx, dawk qiegħda u dawk inqas edukati.

F'ħafna każijiet id-differenza fl-użu tiġi minħabba li l-utent ikollu nuqqas ta' ħiliet bħalma hu l-litteriżmu diġitali u medjatiku, mhux biss b'rabta mal-impjegabbiltà iżda wkoll mat-tagħlim, il-kreattività, il-parteċipazzjoni u l-kunfidenza u l-ġudizzju fl-użu tal-midja diġitali. L-aċċessibbiltà u l-faċiltà tal-użu huma wkoll problema għall-Ewropej b'diżabbiltà. Ir-rebħa fuq din il-qasma diġitali tista' tgħin lil dawk li jinsabu fi gruppi soċjalment żvantaġġjati biex jipparteċipaw b'mod aktar ugwali fis-soċjetà diġitali (fosthom servizzi li jinteressawhom direttament bħat-Tagħlim-e, il-Gvern-e, is-Saħħa-e) u biex jindirizzaw l-iżvantaġġ tagħhom permezz ta' impjegabbiltà akbar. Il-kompetenza diġitali hija għalhekk waħda mit-tmien kompetenzi ewlenin li huma fundamentali għall-individwi f'soċjetà bbażata fuq l-għarfien 40 . Hija wkoll element importanti biex kulħadd jifhem kif juża l-internet b'mod sikur.

Barra minn dan, l-ICT ma tistax tkun b'mod effikaċi settur tat-tkabbir Ewropew u mutur tal-kompetittività u ż-żieda fil-prodottività fl-ekonomija Ewropea mingħajr ħaddiema ta' ħila. L-ekonomija tal-UE hija ostakolata b'nuqqas ta' ħaddiema b'ħiliet fl-ICT: L-Ewropa tista' qed tbati minn nuqqas ta' ħiliet biex jitmlew sa 700 000 impjieg fl-IT sal-2015 41 .

2.6.1.Litteriżmu u ħiliet diġitali

Huwa essenzjali li ċ-ċittadini Ewropej jiġu edukati biex jużaw l-ICT u l-midja diġitali u partikolarment li ż-żgħar jiġi attirati lejn l-edukazzjoni tal-ICT. L-ammont ta' ħaddiema fl-ICT u b'ħiliet fin-negozju-e, jiġifieri l-ħiliet diġitali meħtieġa għall-innovazzjoni u tkabbir, jeħtieġlu jikber u jittejjeb. Barra minn dan, fid-dawl li hemm li 30 miljun mara li għandhom bejn 15-24 42 sena, huwa neċessarju li titjieb l-attrazzjoni tas-settur tal-ICT għall-użu professjonali u partikolarment għall-produzzjoni u d-diżin tat-teknoloġija. Iċ-ċittadini kollha għandhom jiġu mgħarrfa bil-potenzjal tal-ICT għal kull tip ta' professjoni. Dan isejjaħ għal sħubijiet bejn diversi partijiet interessati, aktar tagħlim, rikonnoxximent tal-kompetenzi diġitali fl-edukazzjoni formali u s-sistemi tat-taħriġ, kif ukoll sensibilizzazzjoni u taħriġ effikaċi fl-ICT u ċertifikazzjoni barra mis-sistemi edukattivi formali, fosthom l-użu tal-għodod online u l-midja diġitali għat-tagħlim ta' ħiliet ġodda u l-iżvilupp professjonali kontinwu 43 . Abbażi tal-esperjenza miksuba mill-ewwel "Ġimgħa Ewropea tal-Ħiliet-e" (1-5 ta' Marzu 2010) 44 , mill-2010 'l hemm il-Kummissjoni ser issostni attivitajiet nazzjonali u Ewropej ta' sensibilizzazzjoni bil-ħsieb li tippromwovi l-edukazzjoni, il-karrieri u l-impjiegi fl-ICT maż-żgħażagħ kif ukoll trawwem il-litteriżmu diġitali fost iċ-ċittadini u t-taħriġ fl-ICT għall-ħaddiema u l-adozzjoni tal-aħjar prattiki.

2.6.2.Servizzi diġitali inklussivi

Il-benefiċċji tas-soċejtà diġitali għandhom ikunu disponibbli għal kulħadd. Fid-dawl tal-konsultazzjoni pubblika riċenti tagħha 45 , il-Kummissjoni ser teżamina kif l-aħjar tissodisfa d-domanda għal servizzi bażiċi tat-telekomunikazzjoni fis-swieq kompetittivi tal-lum, xi rwol jista' jkollhom is-servizzi universali fl-ilħiq tal-mira tal-broadband għal kulħadd, u kif għandhom jiġu ffinanzjati s-servizzi universali. Jekk jidher li jkun meħtieġ li tagħmel hekk, il-Kummissjoni ser tressaq proposti fir-rigward tad-Direttiva dwar is-Servizzi Universali 46 sal-aħħar tal-2010.

Huma meħtieġa wkoll azzjonijiet koordinati biex ikun żgurat li l-kontenut elettroniku ġdid ikun disponibbli bis-sħiħ għall-persuni b'diżabbiltà. Partikolarment, il-websajts pubbliċi u s-servizzi online fl-UE u li huma importanti biex wieħed jieħu sehem sħiħ fil-ħajja pubblika għandhom jinġiebu konformi mal-istandards internazzjonali tal-aċċessibbiltà tal-internet 47 . Barra minn dan, il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-persuni b'diżabbiltà fiha obbligi marbuta mal-aċċessibbiltà 48 .

Azzjonijiet

Il-Kummissjoni sejra:

·Azzjoni Ewlenija 10: Tipproponi li l-litteriżmu u l-kompetenzi diġitali jkunu prijorità fir-regolament tal-Fond Soċjali Ewropew (2014-2020); 

·Azzjoni Ewlenija 11: Sal-2012 tiżviluppa għodod għall-identifikazzjoni u r-rikonoxximent tal-kompetenzi tal-ħaddiema u l-utenti tal-ICT, marbuta mal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki 49 u mal-EUROPASS 50 u tiżviluppa Qafas Ewropew għall-Professjonaliżmu fl-ICT ħalli jiżdiedu l-kompetenzi u l-mobbiltà tal-ħaddiema tal-ICT madwar l-Ewropa;

·Azzjonijiet oħra:

·Tagħmel il-litteriżmu u l-ħiliet diġitali prijorità fl-inizjattiva ewlenija "Ħiliet ġodda għal impjiegi ġodda" li ser titnieda fl-2010 51 , fosthom it-tnidija ta' kunsill settorjali b'diversi partijiet interessati għall-ħiliet u l-impjiegi fl-ICT ħalli jiġu indirizzati l-aspetti tad-domanda u l-provvista;

·Tippromwovi parteċipazzjoni akbar fis-suq tax-xogħol tal-ICT minn nisa żgħażagħ u nisa li jirritornaw fid-dinja tax-xogħol permezz ta' sostenn għar-riżorsi ta' taħriġ ibbażat fuq l-internet, tagħlim-e bbażat fuq il-logħob u netwerking soċjali;

·Fl-2011 tiżviluppa għodda online għall-edukazzjoni tal-konsumaturi dwar it-teknoloġiji tal-midja ġdida (eż. id-drittijiet tal-konsumatur fuq l-internet, il-Kummerċ-e, il-protezzjoni tad-dejta, il-litteriżmu medjatiku, in-netwerks soċjali eċċ.). Din l-għodda ser tipprovdi informazzjoni ppreparata apposta u materjal edukattiv għall-konsumaturi, l-għalliema u persuni oħra li għandhom effett multiplu fis-27 Stat Membru;

·Sal-2013 tipproponi indikaturi għall-UE kollha tal-kompetenzi diġitali u l-litteriżmu medjatiku;

·Tivvaluta b'mod sistematiku l-aċċessibbiltà fir-reviżjonijiet tal-leġiżlazzjoni li twettqu skont l-Aġenda Diġitali, eż. il-Kummerċ-e, l-Identità-e u l-Firma-e, abbażi tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabbiltà;

·Abbażi ta' analiżi tal-alternattivi u sal-2011 tagħmel proposti li jiżguraw li l-websajts tas-settur pubbliku (u l-websejts li jipprovdu servizzi bażiċi liċ-ċittadini) ikunu aċċessibbli bis-sħiħ sal-2015;

·Tiffaċilita, sal-2012, b'kooperazzjoni mal-Istati Membri u l-partijiet interessati rilevanti, Memorandum ta' Qbil dwar l-Aċċess Diġitali għall-persuni b'diżabbiltà f'konformità mal-Konvenzjoni tan-NU.

L-Istati Membri għandhom:

·Jimplimentaw sal-2011 politiki fuq perjodu twil ta' żmien għall-ħiliet-e u l-litteriżmu diġitali u jippromwovu inċentivi rilevanti għall-SMEs u l-gruppi żvantaġġjati;

·Jimplimentaw sal-2011 id-dispożizzjonijiet dwar id-diżabbiltà li hemm fil-Qafas tat-Telekomunikazzjonijiet u d-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva;

·Jissimplifikaw il-politiki nazzjonali tat-Tagħlim-e għall-modernizzazzjoni tal-edukazzjoni u t-taħriġ, fosthom fil-kurrikula, il-valutazzjoni tar-riżultati tat-tagħlim u l-iżvilupp professjonali tal-għalliema u t-trejners.

2.7.Benefiċċji li joħorġu mill-ICT għas-soċjetà tal-UE

Użu intelliġenti tat-teknoloġija u l-esplojtazzjoni tal-informazzjoni ser jgħinuna nindirizzaw l-isfidi li qed taffronta s-soċjetà bħat-tibdil fil-klima u l-populazzjoni li qed issir dejjem aktar anzjana.

Wieħed irid iħares lejn is-soċjetà diġitali bħala soċjetà b'riżultati aħjar għal kulħadd. L-użu tal-ICT qiegħed isir fattur kritiku sabiex jitlaħqu l-għanijiet politiċi bħas-sostenn ta' soċjetà li qed issir dejjem aktar anzjana, it-tibdil fil-klima, it-tnaqqis fil-konsum tal-enerġija, titjieb l-effiċjenza fit-trasport u l-mobbiltà, tingħata s-setgħa lill-pazjenti u tkun żgurata l-inklużjoni tal-persuni b'diżabbiltà.

2.7.1.L-ICT għall-ambjent

L-UE impenjat ruħha li tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra tagħha b'mill-inqas 20% sal-2020 meta mqabbla mal-livelli tal-1990 u li ttejjeb l-effiċjenza fl-enerġija b'20%. Is-settur tal-ICT għandu rwol ewlieni x'jilgħab f'din l-isfida:

·L-ICT joffri potenzjal għal bidla strutturali lejn prodotti u servizzi li jużaw anqas riżorsi, għall-iffrankar tal-enerġija fil-bini u n-netwerks tal-elettriku, kif ukoll għal sistemi intelliġenti tat-trasport li jkunu aktar effiċjenti u jikkunsmaw anqas enerġija;

·Is-settur tal-ICT għandu jkun xempju billi jirrapporta dwar il-prestazzjoni ambjentali tiegħu stess billi jadotta qafas komuni għall-kejl bħala bażi biex jistabbilixxi miri għat-tnaqqis fl-użu tal-enerġija u l-emissjonijiet ta' gassijiet serra fil-proċessi kollha involuti fil-produzzjoni, id-distribuzzjoni, l-użu u r-rimi tal-prodotti tal-ICT u l-forniment tas-servizzi tal-ICT 52 .

Il-kooperazzjoni bejn l-industrija tal-ICT, setturi oħra u l-awtoritajiet pubbliċi hija essenzjali sabiex jitħaffef l-iżvilupp u t-tixrid fuq skala kbira ta' soluzzjonijiet ibbażati fuq l-ICT għall-grids u l-miters intelliġenti, bini b'użu ta' enerġija qrib iż-żero u s-sistemi intelliġenti tat-trasport. Huwa essenzjali li tingħata s-setgħa lill-individwi u l-organizzazzjonijiet permezz tal-informazzjoni li ser tgħinhom inaqqsu l-marka tal-karbonju tagħhom infushom 53 . Is-settur tal-ICT għandu jipprovdi għodod ta' mudellar, analiżi, monitoraġġ u viżwilizzazzjoni għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-enerġija u l-emissjonijiet tal-bini, il-vetturi, il-kumpaniji, il-bliet u-reġjuni. Il-grids intelliġenti huma essenzjali biex nersqu lejn ekonomija b'użu baxx ta' karbonju. Dawn ser jippermettu kontroll attiv tat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni permezz ta' pjattaformi avvanzati tal-ICT, l-infrastuttura, l-komunikazzjoni u l-kontroll. Sabiex il-grids differenti jaħdmu flimkien b'mod effiċjenti u sikur, ser ikunu meħtieġa interfaċċji tat-trażmissjoni-distribuzzjoni miftuħa.

Pereżempju, kważi 20% tal-konsum tal-elettriku madwar id-dinja kollha jintuża għad-dawl. Madwar 70% tal-konsum tal-elettriku jista' jiġi ffrankat billi jiġu kkombinati teknoloġiji avvanzati magħrufa bħala Solid State Lighting (SSL) ma' sistemi intelliġenti tal-ġestjon tad-dawl. Id-dawl SSL huwa bbażat fuq teknoloġiji żviluppati mill-industrija tas-semikondutturi u f'liema industrija l-Ewropa għandha pożizzjoni b'saħħitha. Sabiex jintlaħaq tnaqqis tal-emissjonijiet, hija meħtieġa taħlita ta' sensibbilizzazzjoni, taħriġ u kooperazzjoni bejn il-partijiet interessati.

Azzjonijiet

Il-Kummissjoni sejra:

·Azzjoni Ewlenija 12: Tivvaluta sal-2011 jekk is-settur tal-ICT issodisfax l-iskeda ta' żmien biex jadotta metodoloġiji komuni għall-kejl biex jirrapporta dwar il-prestazzjoni tal-enerġija u l-emissjonijiet tal-gassijiet serra tiegħu stess u tipproponi miżuri legali jekk ikun xieraq;

·Azzjonijiet oħra:

·Issostni sħubijiet bejn is-settur tal-ICT u setturi ewlenin li jemettu gassijiet serra (eż. il-bini u l-kostruzzjoni, it-trasport u l-loġistika, id-distribuzzjoni tal-enerġija) ħalli jtejbu l-effiċejnza tal-enerġija u l-emissjonijiet tal-gassijiet serra ta' dawn is-setturi sal-2013;

·Tivvaluta sal-2011 il-kontribuzzjoni potenzjali tal-grids intelliġenti lejn id-dekarbonizzazzjoni tal-forniment tal-enerġija fl-Ewropa u tiddefinixxi sett ta' funzjonalitajiet minimi ħalli tippromwovi l-interoperabbiltà tal-Grids Intelliġenti fil-livell Ewropew sal-aħħar tal-2011;

·Tippubblika fl-2011 Green Paper dwar is-Solid State Lighting (SSL) biex tesplora l-ostakli u tressaq suġġerimenti politiċi; serja wkoll fl-istess ħin issostni proġetti ta' dimostrazzjoni li jużaw is-CIP.

L-Istati Membri għandhom:

·Jaqblu sal-aħħar tal-2011 dwar funzjonalitajiet komuni addizzjonali għall-miters intelliġenti;

·Sal-2012 jinkludu speċifikazzjonijiet tal-kostijiet totali tal-ħajja sħiħa tal-prodott (minflok il-kostijiet tax-xiri inizzjali) fl-akkwisti pubbliċi kollha ta' stallazzjonijiet tad-dawl.

2.7.2.Kura tas-saħħa sostenibbli u sostenn ibbażat fuq l-ICT għal għejxien dinjituż u indipendenti 54

L-użu ta' teknoloġji tas-Saħħa-e fl-Ewropa jista' jtejjeb il-kwalità tal-kura, inaqqas il-kostijiet tal-mediċina u jrawwem għixien indipendenti, anki f'postijiet remoti. Kundizzjoni essenzjali għas-suċċess hija li dawn it-teknoloġiji jinkorporaw id-dritt tal-individwi li jkollhom aċċessibbli online l-informazzjoni personali tas-saħħa tagħhom maħżuna f'sistema tal-kura tas-saħħa. Sabiex jintuża l-potenzjal kollu ta' servizzi ġodda tas-Saħħa-e, l-UE jeħtiġilha tneħħi l-ostakli legali u organizzazzjonali, partikolarment dawk tal-interoperabbiltà pan-Ewropea, u ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri.

L-Inizjattiva tas-Suq tas-Saħħa-e li Jiggwida 55 ser jippromwovi l-istandardizzazzjoni, l-ittestjar tal-interoperabbiltà u ċ-ċertifikazzjoni tar-reġistri u t-tagħmir elettroniċi tas-saħħa. Servizzi ġodda tat-telemediċina bħalma huma l-konsultazzjonijiet mediċi online, kura tal-emerġenza aħjar u tagħmir portabbli li jippermetti l-monitoraġġ tal-kundizzjoni tas-saħħa ta' nies li jbatu minn mard u diżabbiltajiet kroniċi għandhom il-potenzjal li joffru l-libertà tal-moviment li l-pazjenti qatt qabel ma gawdew.

It-teknoloġiji tal-Għixien Mgħejun Kontestwalment (Ambient Assisted Living, AAL) ipoġġu l-ICT f'post fejn jista' jilħaqhom kulħadd. Il-Programm tal-UE Koġunt mal-Istati Membri ddedikat lill-AAL u riċerka avvanzata relatata, kif ukoll applikazzjonijiet bħalma huma t-telecare u l-għajnuna online għas-servizzi soċjali ser jissaħħu: ħalli jkopri ċ-ċertifikazzjoni tal-persuni li jipprovdu l-kura (jiġifieri, ħalli jkunu jistgħu jipprovdu interfaċċja għas-servizzi tal-informazzjoni għal nies li li kieku jkollhom diffikultà biex jużaw l-internet); u jistabbilixxu modi ġodda biex ipoġġu l-ICT għas-servizz tal-membri l-aktar vulnerabbli tas-soċjetà. Dan il-programm ser jiżgura li s-soċjetà diġitali tippermetti ħajja aktar indipendenti u dinjituża lil dawk li huma debboli jew ibatu minn kundizzjonijiet kroniċi u għall-persuni b'diżabbiltà. L-AAL ser tippromwovi l-innovazzjoni u l-iżvilupp tas-soluzzjonijiet tal-ICT f'oqsma ewlenin bħalma hija l-prevenzjoni tal-waqgħat (li jiġru lil aktar minn terz ta' dawk li għandhom aktar minn 65 sena) u għajnuna għal dawk li jbatu bid-demenżja (li tolqot lil aktar minn 7 miljun ruħ fl-UE), b'mira li sal-2015 jirdoppjaw l-arranġamenti tal-għejxien indipendenti għall-anzjani.

Azzjonijiet

Il-Kummissjoni ser taħdem mal-awtoritajiet tal-Istati Membri u mal-partijiet interessati kollha biex:

·Azzjoni Ewlenija 13: Twettaq azzjonijiet pilota ħalli tipprovdi lill-Ewropea b'aċċess online sikur għad-dejta medika tagħhom sal-2015 u biex sal-2020 jkun hemm użu wiesa' tas-servizzi tat-telemediċina;

·Azzjoni Ewlenija 14: Tipproponi rakkomandazzjoni li tiddefinixxi sett komuni minimu ta' dejta tal-pazjenti għall-interoperabbiltà tar-reġistri tal-pazjenti li sal-2011 għandhom ikunu aċċessibbli jew skambjati elettronikament fl-Istat Membri 56 ;

·Azzjonijiet oħra:

1.Trewwem, sal-2015, standards 57 għall-UE kollha, ittestjar tal-interoperabbiltà u ċertifikazzjoni tas-sistema tas-Saħħa-e permezz ta' djalogu mal-parti interessati;

2.Issaħħaħ il-Programm Konġunt Għixien Mgħejun Kontestwalment (Ambient Assisted Living AAL) ħalli tippermetti lill-persuni ixjaħ u lill-persuni b'diżabbiltà biex jgħixu indipendentament u jkunu attivi fis-soċjetà.

2.7.3.Promozzjoni tad-diversità kulturali u l-kontenut kreattiv 

Il-Konvenzjoni tal-2005 tal-UNESCO dwar id-diversità kulturali (irratifikata fil-livell tal-UE fl-2006) tipprovdi għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-diversità kulturali madwar id-dinja u tapplika bl-istess mod għall-ambjenti diġitali ġodda. Fil-fatt il-midja diġitali ġdida tista' tippermetti distribuzzjoni usa' ta' kontenut kulturali u kreattiv, minħabba li r-ripproduzzjoni hija irħas u aktar veloċi u toħloq aktar opportunitajiet għall-awturi u l-fornituri tal-kontenut biex jilħqu udjenzi ġodda u akbar - anki dinija. L-internet huwa wkoll xprun ta' aktar pluraliżmu fil-midja u jagħti kemm aċċess għal firxa usa' ta' sorsi u opinjonijiet kif ukoll iservi ta' mezz għal individwi - li kieku jkunu mċaħħda mill-opportunità - li jesprimu lilhom infushom b'mod sħiħ u miftuħ.

Fl-Ewropa, iċ-ċinema diġitali qed jaqbad aktar bil-mod milli previst minħabba kwistjonijiet tekniċi (standards) u ekonomiċi (mudell ta' negozju). Xi tipi ta' ċinema jinsabu fil-periklu li jagħlqu minħabba l-ispejjeż għolja tat-tagħmir diġitali. Għalhekk, hija meħtieġa għajnuna għad-diġitalizzazzjoni taċ-ċinemas ħalli titħares id-diversità kulturali.

Anki l-frammentazzjoni u l-kumplessità fis-sistemi attwali tal-liċenzjar tostakola d-diġitalizzazzjoni ta' parti kbira tal-wirt kulturali riċenti tal-Ewropa. L-approvazzjoni tad-drittijiet trid titjieb, u l-Europeana - il-librerija diġitali pubblika tal-UE għandha tissaħħaħ. Huma meħtieġa aktar finanzi pubbliċi sabiex tiġi ffinanzjata d-diġitalizzazzjoni fuq skala kbira, flimkien ma' inizjattivi ma' sħab privati sakemm dawn jippermettu aċċessibbiltà ġenerali online tal-wirt kulturali komuni Ewropew 58 . Il-wirt kulturali Ewropew għandu wkoll isir aktar aċċessibbli għall-Ewropej kollha billi jiġu żviluppati aktar it-teknoloġiji moderni tat-traduzzjoni u bl-użu tagħhom.

Id-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva tirregola l-koordinazzjoni fl-UE tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-midja awdjoviżiva kollha; kemm ix-xandir televiżiv tradizzjonali u kemm is-servizzi b'talba. Tinkludi dispożizzjonijiet għall-promozzjoni ta' xogħlijiet Ewropej kemm fis-servizzi li jixbħu t-televixin u kemm is-servizzi b'talba.

Azzjonijiet

Il-Kummissjoni sejra:

·Azzjoni ewlenija 15: Sal-2012 tipproponi mudell sostennibbli għall-iffinanzjar tal-librerija diġitali pubblika tal-UE Europeana u d-diġitalizzazzjoni tal-kontent.

·Azzjonijiet oħra:

3.Sal-2012 tipproponi miżuri skont ir-riżultati tal-konsultazzjoni fuq il-Green Paper tagħha dwar "It-tħeġġiġ tal-potenzjal ta' industriji kulturali u kreattivi";

4.Sal-2011 toħroġ Rakkomandazzjoni dwar id-diġitalizzazzjoni taċ-ċinema Ewropea;

5.Tiżgura l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva fir-rigward tad-diversità kulturali, fejn xieraq permezz ta' koregolarizzazzjoni u awtoregolarizzazzjoni u titlob informazzjoni mingħand l-Istati Membri dwar l-applikazzjoni tagħhom sal-aħħar tal-2011.

2.7.4.Gvern-e

Is-servizzi tal-Gvern-e joffru mod kosteffikaċi kemm biex jitjiebu s-servizzi għaċ-ċittadini u n-negozji kollha kif ukoll lejn gvern partiċipattiv miftuħ u trasparenti. Is-servizzi tal-Gvern-e jistgħu jnaqqsu l-kostijiet u jiffrankaw il-ħin lill-amministrazzjonijiet pubbliċi, liċ-ċittadini u lin-neguzji. Jistgħu wkoll jgħinu biex jittaffew ir-riskji tat-tibdil fil-klima, il-perikli naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem billi jinkludu l-kondiviżjoni tad-dejta ambjentali u l-informazzjoni relatata mal-ambjent. Illum, minkejja livell għoli ta' disponnibbiltà ta' servizzi tal-Gvern-e fl-Ewropa xorta għadhom jeżistu differenzi fost l-Istati Membri u l-użu tas-servizzi tal-Gvern-e miċ-ċittadini għandu baxx. Fl-2009, 38% biss miċ-ċittadini tal-UE użaw l-internet biex jaċċessaw is-servizzi tal-Gvern-e, meta mqabbla ma' 72% tan-negozji. L-użu ġenerali tal-internet jiżdied jekk jitjiebu l-firxa, il-kwalità u l-aċċessibbiltà tas-servizzi pubbliċi online.

Il-gvernijiet Ewropej huma impenjati li sal-2015 jagħmlu s-servizzi tal-Gvern-e, li jpoġġu l-utent fiċ-ċentru, ikunu personalizzati u bi pjattaformi multipli, realtà mifruxa 59 . Għal dak il-għan il-gvernijiet għandhom jieħdu passi biex jevitaw rekwiżiti tekniċi inutli, pereżempju applikazzjonijiet li jaħdmu biss f'ambjenti tekniċi speċifiċi jew ma' tagħmir speċifiku. Il-Kummissjoni ser tmexxi bl-eżempju billi timplimenta Gvern-e intelliġenti. Dawn is-servizzi ser isostnu proċessi amministrattivi ssimplifikati, jiffaċilitaw il-kondiviżjoni tal-informazzjoni u jissimplifikaw l-interazzjoni mal-Kummissjoni, b'hekk jagħtu s-setgħa lill-utenti u jtejbu l-effiċjenza, effikaċja u t-trasparenza tal-Kummissjoni.

Il-biċċa kbira tas-servizzi pubbliċi online ma jaħdmux fuq livell transkonfinali bi ħsara għall-mobbiltà tan-negozji u ċ-ċittadini. L-awtoritajiet pubbliċi s'issa ffukaw fuq il-ħtiġijiet nazzjonali u ma qisux biżżejjed id-dimenżjoni tas-suq uniku tal-Gvern-e. Madankollu diversi inizjattivi tas-suq uniku u strumenti legali (bħad-Direttiva dwar is-Servizzi jew il-Pjan ta' Azzjoni tal-Akkwist-e) jistrieħu fuq il-possibbiltà li n-negozji jinteraġixxu u jinnegozjaw mal-amministrazzjonijiet pubbliċi b'mezzi elettroniċi u fuq livell transkonfinali 60 .

Għalhekk l-Ewropa għandha bżonn kooperazzjoni amministrattiva aħjar biex tiżviluppa u tuża servizzi pubbliċi online u transkonfinali. Din tinkludi l-implimentazzjoni bla intoppi tal-Akkwist-e kif ukoll servizzi prattiċi tal-identifikazzjoni-e u l-awtentikazzjoni-e (fosthom rikonoxximent reċiproku tal-livelli tas-sigurtà għall-awtentikazzjoni) 61 .

Is-servizzi Ambjent-e, bħala kategorija ta' servizzi tal-Gvern-e, għadhom jew mhumiex żviluppati biżżejjed, jew huma frammentati skont il-fruntieri nazzjonali. Il-liġi Komunitarja f'dan il-qasam għandha tiġi eżaminata u mmodernizzata. It-tieni nett, soluzzjonijiet innovattivi bħalma huma n-netwerks avvanzati tas-sensuri, jistgħu jgħinu biex jintela' fejn hija nieqsa d-dejta meħtieġa.

·Azzjonijiet

·Il-Kummissjoni sejra:

·Azzjoni Ewlenija 16: Tipproponi sal-2012 Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Parlament biex tiżgura r-rikonoxximent reċiproku tal-identifikazzjoni-e u tal-awtentikazzjoni-e madwar l-UE kollha abbażi ta' 'servizzi ta' awtentikazzjoni' online li għandhom ikunu offruti fl-Istati Membri kollha (li jistgħu jużaw l-aktar dokumenti offiċjali u adattati taċ-ċittadini - maħruġa mis-settur pubbliku jew privat);

·Azzjonijiet oħra:

·Issostni servizzi transkonfinali u bla intoppi tal-Gvern-e fis-suq uniku permezz tal-Programm tal-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP) u l-Programm tas-Soluzzjonijiet Interoperabbli għall-Amministrazzjonijiet Pubbliċi Ewropej (ISA);

·Analiżi sal-2011 tal-aċċess Pubbliku għad-Direttiva dwar l-Informazzjoni Ambjentali 62 ;

·Taħdem mal-Istati Membri u l-partijiet interessati biex timplimenta servizzi transkonfinali tal-Ambjent-e, speċjalment in-netwerks avvanzati tas-sensuri;

·Tiddefinixxi sal-2011 passi konkreti f'White Paper dwar kif tinterkonnetja l-kapaċità tal-akkwist-e fis-suq uniku kollu;

·Fir-rigward tal-Gvern-e miftuħ u trasparenti, tmexxi bl-eżempju, billi fl-2010 toħloq u timplimenta pjan ta' azzjoni ambizzjuż għall-Kummissjoni-e 2011-2015, bi proċedura tal-akkwist totalment elettronika.

·L-Istati Membri għandhom:

·Jagħmlu s-servizzi tal-Gvern-e interoperabbli bis-sħiħ u jegħlbu l-ostakli organizzazzjonali, tekniċi jew semantiċi u konformi mal-IPv6;

·Jiżguraw li l-Punti ta' kuntatt Uniku jkunu ċentri veri u proprji tal-Gvern-e lil hinn mir-rekwiżiti u l-oqsma koperti mid-Direttiva tas-Servizzi;

·Sal-2011 jaqblu dwar lista komuni ta' servizzi pubbliċi transkonfinali ewlenin li tikkorrispondi ma' ħtiġijiet iddefiniti sew -li tippermetti li intraprendituri jistabbilixxu u jmexxu negozju fi kwalunkwe post fl-Ewropa indipendentament mill-post tal-oriġini tagħhom, u li tippermetti liċ-ċittadini jistudjaw, jaħdmu, joqogħdu u jirtiraw fi kwalunkwe post fl-Unjoni Ewropea. Dawn is-servizzi ewlenin għandhom ikunu disponibbli online sal-2015.

2.7.5Sistemi Intelliġenti tat-Trasport għal trasport effikaċi u mobbiltà aħjar

Is-Sistemi Intelliġenti tat-Trasport (ITS) jagħmlu t-trasport aktar effiċjenti, veloċi, eħfef u affidabbli. L-attenzjoni hija fuq soluzzjonijiet intelliġenti biex jiġi integrati l-flussi tal-passiġġieri u l-merkanzija fil-modi tat-trasport u jiġi pprovduti soluzzjonijiet sostennibbli għall-punti ewlieni ta’ konġestjoni infrastutturali li jaffetwaw it-toroq, il-ferroviji, l-ajru, il-baħar u l-mogħdijiet tal-ilma.

Għat-trasport bit-triq, u l-interfaċċji tiegħu mal-modi l-oħra, il-Pjan ta' Azzjoni tal-ITS u d-Direttiva assoċjata miegħu jsostnu l-użu tal-informazzjoni f'ħin reali dwar it-traffiku u l-ivvjaġġar u sistemi tal-immaniġġjar dinamiku tat-traffiku biex tittaffa l-konġestjoni u titħeġġeġ l-mobbiltà ambjentali, filwaqt li jitjiebu s-sigurezza u s-sigurtà. Is-Soluzzjonijiet tal-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru għas-Sema Uniku Ewropew (SESAR) ser jintegraw is-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru u s-sistemi ta' sostenn. Is-Servizzi tal-Informazzjoni dwar ix-Xmajjar (RIS) u s-servizzi Marittimi-e jippermettu trasport fuq ix-xmajjar u bil-baħar aħjar, iktar sikur u aktar effiċjenti. Is-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju qed timmira lejn sistema tal-kontroll tal-veloċità awtomatika madwar l-Ewropa kollha, filwaqt li applikazzjonijiet telematiċi għas-servizzi tal-merkanzija bil-ferrovija 63 u għas-servizzi tal-passiġġieri ser isostnu s-servizzi transkonfinali, jipprovdu lill-passiġġieri b'għodod biex jippjanaw il-vjaġġ (inklużi l-konnessjonijiet ma' ferroviji u modi oħra, għajnuna biex jirriżervaw, iħalsu u jittraċċaw il-bagalji ) kif ukoll b'aġġornamenti f'ħin reali.

·Azzjonijiet

·Il-Kummissjoni sejra:

·Tkabbar l-użu tal-ITS, partikolarment fit-trasport bit-triq u dak urban billi tapplika d-Direttiva propsota b'sostenn għall-interoperabbiltà u l-istandardizzazzjoni bla telf ta' żmien;

·Sal-2010, tadotta l-istrateġija għall-użu tas-Soluzzjonijiet tal-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru għas-Sema Uniku Ewropew (SESAR);

·Tipproponi sal-2011 Direttiva għall-użu tas-servizzi Marittimi-e;

·Tipproponi sal-2011 Direttiva li tistipula l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-applikazzjonijiet telematiċi għas-servizzi tal-ferrovija tal-passiġieri.

·L-Istati Membri għandhom:

·Jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont is-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS) billi jvaraw pjan, partikolarment fir-rigward tal-linji li għandhom jibdew jużaw it-tagħmir sal-2015.

2.8.Aspetti internazzjonali tal-Aġenda Diġitali

L-Aġenda Diġitali Ewropea għandha l-għan li tagħmel lill-Ewropa mutur ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv fix-xena globali. Is-seba' pilastri tal-Aġenda Diġitali kollha għandhom dimesjonijiet internazzjnali. B'mod partikolari s-Suq Uniku Diġitali jeħtieġ lat estern minħabba li progress f'ħafna kwistjonijiet politiċi jista' jsir biss fuq livell internazzjonali. Interoperabbiltà u standards rikonnoxxuti fuq skala dinija jistgħu jippromwovu aktar innovazzjoni rapida billi jnaqqsu r-riskji u l-kostijiet ta' teknoloġiji ġodda. It-theddid elettroniku għas-sigurtà li qed jiżdied ukoll jeħtieġlu li jiġi indirizzat f'kuntest internazzjonali. Barra minn dan, is-soluzzjonijiet regolatorji Ewropej li huma bbażati fuq opportunitajiet indaqs, gvern trasparenti u governanza u swieq li huma miftuħa għall-kompetizzjoni qed jipprovdu inspirazzjoni f'postijiet oħra madwar id-dinja. Fl-aħħar nett, huwa wkoll importanti li l-progress Ewropew fl-Agenda Diġitali jiġi mkejjel mal-aqwa prestazzjoni internazzjonali.

Għalhekk dimensjoni internazzjonali tal-Aġenda Diġitali sabiex iseħħu l-azzjonijiet t'hawn fuq hija kruċjali, partikolarment fid-dawl tal-importanza strateġika tal-internet. L-Ewropa trid tkompli tieħu rwol ewlieni, f'konformità mal-Aġenda ta' Tuneż, fil-promozzjoni ta' governanza ta' internet miftuħ u inklużiv kemm jista' jkun. Illum u wisq aktar fil-futur, l-internet ser iħaddan firxa wiesgħa ta' apparat u applikazzjonijiet mifruxa mal-aspetti kollha tal-ħajja - irrilevanti mill-ġeografika. Huwa strument formidabbli tal-libertà tal-kelma mad-dinja kollha.

Sabiex trawwem l-innovazzjoni anki internazzjonalment il-Kummissjoni ser taħdem biex jinkisbu kundizzjonijiet ta' kummerċ estern favorevoli kemm għall-oġġetti kif ukoll għas-servizzi diġitali, eż. tiżviluppa sħubija aktar b'saħħitha biex twassal għal aċċess tas-suq u opportunitajiet ta' investiment, tnaqqas l-ostakli tariffarji u mhux fil-livell dinji, ittejjeb il-protezzjoni tal-drittijiet ta' proprjetà intellettwali (DPI) u tevita t-tagħwiġ tas-suq.

Il-Ftehim dwar it-Teknoloġija tal-Informazzjoni (ITA) tal-1997 ta riżultati tanġibbli fil-promozzjoni tal-użu tat-teknoloġija tal-informazzjoni fl-Ewropa u madwar id-dinja. Madankollu l-ITA issa għandu bżonn jiġi aġġornat ħalli jqis l-iżviluppi l-ġodda, speċjalment il-konverġenza tat-teknoloġija mal-prodotti.

Barra minn dan ser ikun hemm bżonn li l-progress teknoloġiku fil-qasam tas-servizzi diġitali u tal-proprjetà intelletwali jiġi rifless aktar fil-ftehimiet internazzjonali dwar il-kummerċ.

·Azzjonijiet

·Il-Kummissjoni sejra:

·Tippromwovi l-internazzjonalizzazzjoni tal-governanza tal-internet u l-kooperazzjoni globali ħalli tinżamm l-istabbiltà tal-internet, abbażi tal-mudell b'diversi partijiet interessati;

·Issostni l-kontinwazzjoni tal-Forum dwar il-Governanza tal-Internet lil hinn mill-2010;

·Taħdem ma' pajjiżi terzi ħalli ttejjeb il-kundizzjonijiet tal-kummerċ internazzjonali għall-prodotti u s-servizzi diġitali, fosthom b'rabta mad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

·Tfittex mandat biex taġġorna l-ftehimiet internazzjonali skont il-progress teknoloġiku jew, fejn xieraq, tipproponi strumenti ġodda.

3.Implimentazzjoni u gvernanza

L-aktar sfida iebsa hija li tiġi żgurata l-adozzjoni u l-implementazzjoni bla telf ta' żmien ta' dawn il-miżuri neċessarji ħalli jintlaħqu l-miri tagħna. Jeħtiġilna nikkondividu l-istess determinazzjoni u viżjoni komuni ħalli nwettqu din il-bidla għall-Ewropa. 

Is-suċċess tal-Aġenda Diġitali jiddependi fuq l-eżekuzzjoni metikoluża tas-sett komprenżiv ta' azzjonijiet tagħha skont l-istruttura ta' governanza Ewropa 2020. Kif turi l-Grafika 6 'Iċ-Ċiklu Ewropew tal-Governanza tal-Aġenda Diġitali', il-Kummissjoni sejra għalhekk:

1.Tistabbilixxi mekkaniżmu ta' koordinazzjoni interna - fejn fil-qalba tiegħu ser ikun hemm Grupp tal-Kummissjoni biex jiżgura koordinazzjoni politika effikaċi bejn l-oqsma politiċi differenti, b'referenza partikolari għas-sett ta' inizjattivi leġiżlattivi proposti skont l-Aġenda Diġitali (l-Anness 1).

Grafika 5: Ċiklu Ewropew tal-Governanza tal-Aġenda Diġitali

2.Tikkoopera mill-qrib mal-Istati Membri, il-Parlament Ewropew u l-partijiet interessati kollha, partikolarment billi:

·Tistabbilixxi 'Grupp ta' Livell Għoli' biex jaħdem mal-Istati Membri;

·Izżomm djalogu regolari mar-rappreżentanti tal-Parlamenti Ewropej;

·Toħloq pjattaformi b'orjentazzjoni lejn l-azzjoni fuq is-seba' oqsma ta' azzjoni b'firxa wiesgħa ta' partijiet interessati.

3.Tkejjel il-progress fl-Aġenda Diġitali billi tippubblika f'Mejju ta' kull sena tabella bir-riżultati li tinkludi 64 :

·L-iżviluppi soċjoekonomiċi abbażi tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni, magħżula abbażi tar-rilevanza tagħhom għall-kwistjonijiet politiċi ewlenin (Anness 2) 65 ;

·Aġġornament tal-progress tas-sett sħiħ ta' azzjonijiet politiċi identifikati fl-Aġenda Diġitali.

4.Torganizza dibattitu wiesa' mal-partijiet interessati dwar il-progress kif imkejjel fit-tabelli tar-riżultati diġitali fil-forma ta' Assemblea Diġitali annwali f'Ġunju, li tlaqqa' flimkien lill-Istati Membri, l-Istituzzjonijiet tal-UE, ir-rappreżentanti taċ-ċittadini u l-industrija ħalli jivvalutaw il-progress u l-isfidi emerġenti. L-ewwel Assemblea ser titlaqqa' fl-ewwel nofs tal-2011.

5.Il-Kummissjoni ser tirrapporta dwar ir-riżultati ta' dawn l-attivitajiet f'Rapport Annwali dwar il-Progress lill-Kunsill Ewropew skont l-istruttura ta' governanza Ewropa 2020.



Anness 1: Tabella tal-azzjonijiet leġiżlattivi

Azzjonijiet/proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni

Data ppjanata ta' twettiq

Suq uniku diġitali vivaċi

Azzjoni Ewlenija 1: Tipproponi Direttiva ta' qafas dwar l-immaniġġjar tad-drittijiet kollettivi, billi tistabbilixxi liċenzjar pan-Ewropew għall-immaniġġjar tad-drittijiet (online)

2010

Azzjoni Ewlenija 1: Tipproponi Direttiva dwar ix-xogħlijiet orfni biex tiffaċilita d-diġitalizzazzjoni u tixrid ta' xogħlijiet kulturali fl-Ewropa

2010

Azzjoni Ewlenija 4: Teżamina l-qafas regolatorju tal-UE għall-protezzjoni tad-dejta, ħalli żżid il-konfidenza tal-individwi u ssaħħaħ id-drittijiet tagħhom

2010

Tagħmel proposti ta' aġġornament għad-Direttiva dwar il-Kummerċ-e għas-swieq online

2010

Azzjoni Ewlenija 2: Tipproponi miżuri biex il-migrazzjoni lejn iż-Żona Unika ta' Pagamenti bl-Euro (SEPA) tkun mandatorja sa data futura u stipulata

2010

Azzjoni Ewlenija 3: Teżamina d-Direttiva dwar il-Firem-e biex tiżgura r-rikonoxximent transkonfinali u l-interoperabbiltà tas-sistemi tal-Awtentikazzjoni-e

2011

Tipproponi strument ta' liġi kuntrattwali li jikkumplimenta lid-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur.

2011

Tipproponi miżuri għal aktar armonizzazzjoni fin-numerazzjoni tar-riżorsi għall-forniment ta' servizzi ta' negozju madwar l-Ewropa

2011

Rapport dwar l-eżami tad-Direttiva dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali

2012

Rapport dwar il-ħtieġa għall-miżuri addizzjonali meħtieġa għall-promozzjoni tal-liċenzji transkonfinali u pan-Ewropej

2012

Azzjoni Ewlenija 1: Eżami tad-Direttiva dwar l-Użu mill-Ġdid tal-Informazzjoni tas-Settur Pubbliku, partikolarment l-ambitu u l-prinċipji tagħha dwar l-imposti fuq l-aċċess u l-użu

2012

Tipproponi sistema madwar l-UE kollha ta' Soluzzjoni Online tat-Tilwim għat-transazzjonijiet tal-Kummerċ-e

2012

Interoperabbiltà u standards

Azzjoni Ewlenija 5: Tagħmel proposti biex jiġu riformulati r-regoli tal-implimentazzjoni tal-istandards tal-ICT fl-Ewropa ħalli jkunu jistgħu jintużaw l-istandards ta' ċerti fora u konsorzji tal-ICT.

2010

Toħroġ linji gwida dwar id-drittijiet essenzjali tal-proprjetà intelletwali u l-kundizzjonijiet tal-liċenzjar f'xenarju standard, inkluża d-divulgazzjoni ex-ante

2011

Rapport dwar il-fattibbiltà tal-miżuri li jistgħu jwasslu atturi sinifikanti tas-suq biex jilliċenzjaw informazzjoni dwar l-interoperabbiltà

2012

Fiduċja u sigurtà

Azzjoni Ewlenija 6: Tipproponi Regolament biex tiġi mmodernizzata l-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Networks u l-Informazzjoni (ENISA) u tagħmel proposti biex tiġi stabbilita skwadra ta' rispons f'emerġenza relatata mal-kompjuters (CERT) għall-istituzzjonjiet tal-UE

2010

Azzjoni Ewlenija 4: Bħala parti mill-modernizzazzjoni tal-qafas regolatorju tal-UE għall-protezzjoni tad-dejta personali, tesplora l-estenżjoni tad-dispożizzjonijiet dwar in-notifikazzjoni tal-ksur tas-sigurtà

2010

Azzjoni Ewlenija 7: Tipproponi miżuri legali biex tiġġieled l-attakki elettroniċi

2010

Azzjoni Ewlenija 7: Tipproponi regoli dwar il-ġuriżdizzjoni taċ-ċiberspazju fil-livelli Ewropej u internazzjonali

2013

Aċċess veloċi u ultraveloċi għall-internet

Azzjoni Ewlenija 8: Tipproponi deċiżjoni mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar Programm Ewropew għall-Politika tal-Ispettru għall-maniġġar aktar effikaċi tal-ispettru tar-radju.

2010

Azzjoni Ewlenija 8: Toħroġ Rakkomandazzjoni biex tħeġġeġ l-investiment f'netwerks NGA kompetittivi

2010

Titjib tal-litteriżmu, il-ħiliet u l-inklużjoni diġitali

Tagħmel proposti biex tiżguraw li l-websajts tas-settur pubbliku (u l-websejts li jipprovdu servizzi bażiċi liċ-ċittadini) ikunu aċċessibbli bis-sħiħ sal-2015

2011

Azzjoni Ewlenija 10: Tipproponi li l-litteriżmu u l-kompetenzi diġitali jkunu prijorità fir-regolament tal-Fond Soċjali Ewropew (2014-2020)

2013

Benefiċċji li joħorġu mill-ICT għas-soċjetà tal-UE

Tipproponi sett ta' funzjonalitajiet minimi għall-promozzjoni tal-interoperabbiltà tal-Grids Intelliġenti fil-livell Ewropew

2010

Tippropni, jekk ikun meħtieġ, metodoloġiji komuni għall-kejl tal-prestazzjoni tal-enerġija u l-emissjonijiet tal-gassijiet serra fis-settur tal-ICT

2011

Toħroġ Rakkomandazzjoni dwar id-diġitalizzazzjoni taċ-ċinema Ewropew

2011

Teżamina l-Aċċess Pubbliku għad-Direttiva dwar l-Informazzjoni Ambjentali

2011

Tipproponi Direttiva għall-użu tas-servizzi Marittimi-e;

2011

Tipproponi Direttiva li tistipula l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-applikazzjonijiet telematiċi għas-servizzi tal-ferrovija tal-passiġieri.

2011

Azzjoni Ewlenija 14: Toħroġ rakkomandazzjoni li tiddefinixxi sett komuni minimu ta' dejta tal-pazjenti għall-interoperabbiltà tar-reġistri tal-pazjenti li għandhom ikunu aċċessibbli jew skambjati elettronikament fl-Istat Membri

2012

Azzjoni Ewlenija 16: Tipproponi Deċiżjoni tal-Kunsill u l-Parlament li teżiġi lill-Istati Membri biex jiżguraw ir-rikonoxximent reċiproku tal-identifikazzjoni-e u l-awtentikazzjoni-e madwar l-Ewropa abbażi ta' 'servizzi ta' awtentikazzjoni' online

2012



Anness 2: Miri Ewlenin għall-Prestazzjoni

Dawn l-indikaturi huma prinċipalment meħuda mill-qafas tal-Benchmarking għall-2011-2015 66 approvat mill-Istati Membri tal-UE f'Novembru 2009.

1.    Miri għall-broadband:

·Broadband bażiku għal kulħadd sal-2013: kopertura b'broadband bażiku għal 100% taċ-ċittadini tal-UE. (Punt ta' tluq: Il-kopertura totali b'DSL (bħala perċentwali tal-populazzjoni totali tal-UE) kienet ta' 93% f'Diċembru 2008.)

·Broadband veloċi sal-2020: kopertura b'broadband ta' 30Mbps jew aktar għal 100% taċ-ċittadini tal-UE. (Punt ta' tluq: 23% tal-abbonamenti broadband kienu minn tal-anqas ta' 10 Mbps f'Jannar 2010.)

·Broadband ultraveloċi sal-2020: 50% tad-djar Ewropej għandu jkollhom abbonament b'aktar minn 100 Mbps. (L-ebda punt ta' tluq)

2.    Suq diġitali uniku:

·Il-promozzjoni tal-Kummerċ-e: 50 % tal-populazzjoni għandha tkun qed tixtri minn fuq l-internet sal-2015. (Punt ta' tluq: Fl-2009, 37% tan-nies b'età bejn 16-74 sena ordnaw prodotti jew servizzi għall-użu privat matul it-12-il xahar ta' qabel.)

·Kummerċ-e transkonfinali: 20% tal-populazzjoni għandha tkun qed tagħmel xiri transkonfinali minn fuq l-internet sal-2015. (Punt ta' tluq: Fl-2009, 8% tan-nies b'età bejn 16-74 sena ordnaw prodotti jew servizzi mingħand bejjiegħa minn pajjiż oħra tal-UE matul it-12-il xahar ta' qabel.)

·Kummerċ-e għan-negozju: 33% tal-SMEs għandhom ikunu qed jixtru/ibiegħu minn fuq l-internet sal-2015. (Punt ta' tluq: Matul l-2008, 24% u 12% tal-intrapriżi rispettivament kienu qed jixtru/ibigħu elettronikament, b'ammont li kien daqs 1% tal-fatturat/xiri totali jew aktar.

·Suq uniku għas-servizzi tat-telekomunikazzjonjiet: id-differenza bejn l-imposti tar-roaming u dawk nazzjonali għandha tispiċċa kważi għal kollox sal-2015. (Punt ta' tluq: Fl-2009, il-prezz medju tar-roaming kien ta' 38 ċenteżmu l-minuta (għal telefonata magħmula) u l-prezz medju tat-telefonati kollha fl-UE kien ta' 13-il ċenteżmu l-minuta (roaminginkluż).

3.    Inklużjoni diġitali:

·Jiżdiedu l-utenti regolari tal-internet minn 60% għal 75% sal-2015 u minn 41% għal 60% għal dawk żvantaġjati. (Ċifri tal-punt tat-tluq huma tal-2009).

·Jitnaqqas bin-nofs il-proporzjon tal-polulazzjoni li qatt ma uża l-internet sal-2015 (għal 15%). (Punt ta' tluq: Fl-2009, 30% ta' dawk b'età bejn 16-74 sena kienu għadhom qatt ma użaw l-internet.

4.    Servizzi pubbliċi:

·Gvern-e sal-2015: 50% taċ-ċittadini jkun qed jużaw il-Gvern-e, b'aktar min-nofshom jirritornaw il-formoli mimlijin. (Punt ta' tluq: Fl-2009, 38% ta' dawk b'età bejn 16-74 kienu użaw servizzi tal-Gvern-e matul it-12-il xahar ta' qabel, u 47% minnhom użaw is-servizzi tal-Gvern-e biex jibagħtu formoli mimlijin.)

·Servizzi pubbliċi transkonfinali: sal-2015 disponibbiltà online tas-servizzi pubbliċi transkonfinali ewlenin kollha li jkunu jinsabu fil-lista miftehema mill-Istati Membri sal-2011. (L-ebda punt ta' tluq)

5.    Riċerka u innovazzjoni:

·Żieda fl-R&Ż tal-ICT: Irduppjar tal-investiment pubbliku għal EUR 11-il biljun. (Punt ta' tluq: l-approprjazzjonijiet tal-baġit tal-governanza tal-ICT jew l-infiq fuq ir-R&Ż (ICT GBAORD) kienu ta' EUR 5.7 biljuni nominali fl-2007.)

6.    Ekonomija b'livell baxx ta' karbonju:

·Promozzjoni ta' dawl b'użu baxx ta' enerġija: Sal-2020 tnaqqis totali ta' mill-anqas 20% mill-enerġija użata għad-dawl. (L-ebda punt ta' tluq.)

·

(1)     EWROPA 2020 - Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv, COM (2010)2020 .
(2)    L-Aġenda Diġitali hija mibnija fuq konsultazzjonijiet wiesgħa, b'mod partikolari mill-kontributi tar-Rapport dwar il-Kompetittività Diġitali tal-Ewropa 2009 - (COM 2009)390; il-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni tal-2009 dwar il-prijoritajiet futuri tal-ICT; il-Konklużjonijiet tal-Kunsill TTE ta' Diċembru 2009, il-konsultazzjoni u l-istrateġija Ewropa 2020, u l-ICT Industry Partnership Contribution to the Spanish Presidency Digital Europe Strategy:, ir-rapport fuq inizjattiva proprja tal-Parlament Ewropew fuq 2015.eu u d-Dikjarazzjoni maqbula fil-laqgħa Ministerjali informali fi Granada f'April 2010 Dawn kollha jinsabu fuq:    
http://ec.europa.eu/information_society/eeurope/i2010/index_en.htm .
(3)    Waħda biss mid-disa' kumpaniji tal-applikazzjonijiet ICT preżenti fil-Financial Times Global 500 list hija Ewropea; erba' biss mill-aktar 54 sit elettroniku miżjura madwar l-Ewropa huma ta' oriġini Ewropea.
(4)    Ara http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/president/news/press-releases/pdf/20100510_1_en.pdf , kapitlu 2.3
(5)     Direttiva 2003/98/KE dwar l-użu mill-ġdid ta’ informazzjoni tas-settur pubbliku
(6)    Din ir-reviżjoni għandha tqies ukoll ir-Rakkomandazzjoni riċenti tal-
(7)     In-Negozju transkonfinali san-Negozju Elettroniku tal-Konsum [Konsumatur] fl-UE, - COM (2009) 557 .
(8)    Il-ħlas-e u l-fatturazzjoni-e huma prerekwiżiti għall-Ġustizzja-e bħal proċeduri dwar talbiet żgħar jew il-ħlas online ta' spejjeż proċedurali.
(9)     Direttiva 2009/110/KE dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali [prudenti] tal-kummerċ ta' istituzzjonijiet ta' flus elettronici
(10)    Li huwa għala l-Kummissjoni pproponet Strateġija Ewropea dwar l-Immaniġġjar tal-Identità skont il-Programm ta' Stokkolma - COM(2010) 171.
(11)    Temenda d- Direttiva 2006/112/KE , kif proposta mill-Kummissjoni fl-2009.
(12)     http://www.ec.europa.eu/eyouguide .
(13)     Direttiva 2000/31/EC. Barra minn hekk, jista' jkun meħtieġ li jiġu aġġornati skont il-progress tekniku dispożizzjonijiet bħar-responsabbiltà limitata tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni.
(14)     Direttiva 2005/29/KE
(15)     Direttiva 2002/65/KE
(16)    Ara .
(17)    Ara l-Azzjoni Ewlenija 8.
(18)     Il-Modernizzazzjoni tal-Istandardizzazzjoni tal-ICT fl-UE - It-Triq 'il Quddiem -COM(2009) 324.
(19)    Soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà għall-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej (ISA) (ĠU L 260, 3.10.2009, p. 20). L-ISA jieħu post il-programm IADBC (Twassil interoperabbli ta' servizzi ta' Gvern-e pan-Ewropej lill-amministrazzjonijiet pubbliċi, negozji u ċittadini (ĠU L 181, 18.5.2004, p. 25).
(20)    Ara pereżempju l- European Network and Information Society Agency spam survey 2009 (Jannar 2010).
(21)    Il-prinċipju jfisser li l-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta huma inkorporati tul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu kemm hu tat-teknoloġiji, mill-istadju tad-disinn bikri sal-implimentazzjoni, l-użu u l-iżmaltiment aħħari.
(22)     .
(23)     COM(2010) 171 .
(24)    Strateġija bħal din ġiet proposta taħt il-Programm ta' Stokkolma.
(25)    Ara l-Azzjoni Ewlenija 4.
(26)    Cf. Conditions and options in introducing secondary trading of radio spectrum in the European Community , Kummissjoni Ewropea 2004.
(27)    L-Artikolu 8(4)(g) tad- Direttiva 2002/21/KE dwar kwadru regolatorju komuni ghan-networks ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettronici ; L-Artikoli 20(1)(b) u 21(3)(c) u (d) tad-Direttiva dwar is-Servizz Universali.
(28)     Linji gwida Komunitarji għall-applikazzjoni ta' regoli dwar l-għajnuna mill-Istat b'rabta mat-tusigħ rapidu tan-netwerks tal-faxx wiesa’ (ĠU C 235, 30.9.2009, p. 4).
(29)    Cf. The 2009 Report on R&D in ICT in the European Union .
(30)     Strateġija għar-R&Du l-Innovazzjoni fil-qasam tal-ICT fl-Ewropa: Ngħollu l-mira  COM(2009) 116.
(31)     In-netwerk ta' kapaċità għolja tal-komunikazzjoni elettronika GÉANT u l- Infrastruttura tal-Grid Ewropea EGI .
(32)    L-istrateġija għandha tqis l-aspetti ekonomiċi, legali u istituzzjonali.
(33)    Ara r-Rakkomandazzjoni dwar l-immaniġġjar tal-proprjetà intelletwali fl-attivitajiet tat-trasferiment tal-għarfien u l-Kodiċi ta' mġiba tal-universitajiet u organizzazzjonijiet ta' riċerka pubbliċi oħra - C(2008) 1329.
(34)    Jiġġifieri garanziji ta' investiment mill-Fond Ewropew tal-Investiment u strumenti oħra tal-BEI.
(35)    Għal dan il-għan il-Kummissjoni ser testendi kif xieraq ir-rekwiżiti attwali tal-pubblikazzjoni Open Access kif stipulat fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008)4408 (aktar informazzjoni dwar dan il-proġett pilota tinsab f' http://ec.europa.eu/research/science-society/index.cfm?fuseaction=public.topic&id=1680 ).
(36)    Fl-2011-13 il-Kummissjoni ser tikkofinanzja ħames azzjonijiet ġodda fuq l-akkwist prekummerċjali li jinvolvi Stati Membri.
(37)    Eż. fl-2011-13, il-Kummissjoni ser tappoġġja sitt sħubijiet pubbliċiprivati mill-ICT fl-FP7 għal finanzjament totali ta' EUR 1 biljun u b'mobbilizzazzjoni ta' xi EUR 2 biljuni fi nfiq privat.
(38)    Ser ikunu proposti azzjonijiet ġodda għall-2011-12 f'oqsma bħalma huma s-Saħħa-e u d-dawl intelliġenti, liema proposti ser jibnu fuq l-esperjenza mill-programm AAL ikkoordinat b'mod konġunt u s-sejħiet marbuta mal-fotonika tal-ERANET+ .
(39)    Pass importanti hija l-Komunikazzjoni riċenti tal-Kummissjoni s-" Semplifikazzjoni tal-Implimentazzjoni tal-Programm Qafas tar-Riċerka", COM(2010)187.
(40)    Cf. Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja
(41)    eSkills Monitor study. Monitoring eskills supply and demand in Europe, il-Kummissjoni Ewropea 2009, are http://www.eskills-monitor.eu/ . Skont ix-xenarji ekonomiċi, in-nuqqas ta' Ħiliet-e jista' jkun ta' bejn 384,000 and 700,000 impjieg.
(42)    Dejta Eurostat 2008.
(43)    Ser isiru aktar proposti f'dan ir-rigward mill-inzjattiva ewlenija Ewropa 2020 "Unjoni tal-Innovazz".
(44)    Ara: http://eskills-week.ec.europa.eu.
(45)    See http://ec.europa.eu/information_society/policy/ecomm/library/public_consult/index_en.htm.
(46)     Id-Direttiva 2002/22/KE dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.
(47)    Speċjalment il- Web Content Accessibility Guidelines (WCAG) 2.0
(48)    Cf. http://www.un.org/disabilities/convention/conventionfull.shtml .
(49)    Cf. Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja .
(50)    Cf. Deċiżjoni Nru 2241/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2004 dwar qafas Komunitarju waħdieni għat-trasparenza tal-kwalifiki u tal-kompetenzi (Europass) .
(51)    Cf. Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda - COM(2008) - Ħiliet fl-Elettronika għas-seklu 21 COM(2007) 496 - u l-inzjattiva ewlenija li ġejja Ewropa 2020.
(52)     Il-Komunikazzjoni COM(2009) 111 u r- Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-mobilitazzjoni tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni biex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni għal ekonomija b'użu effiċjenti tal-enerġija u b’livell baxx ta' karbonju
(53)    F'termini ta' sfidi soċjali, l-istħarriġ tal-opinjoni tal-Eurobarometer madwar is-27 pajjiż tal-UE wara li għall-biċċa l-kbira taċ-ċittadini, ambjent san huwa importanti għall-kwalità tal-ħajja tagħhom daqs kemm hu l-istat tal-ekonomija. Maġġuranza ta' 64% tqis il-protezzjoni tal-ambjent għandha tingħata prijorità fuq il-kompetittività tal-ekonomija. Madankollu, 42% taċ-ċittadini jħossu li mhumiex infurmati biżżejjed - speċjalment dwar l-impatti tat-tniġġis fuq is-saħħa. Fl-istess ħin, 63% jaqblu li l-politiki mmirati lejn il-protezzjoni tal-ambjent iservu ta' motivazzjoni għall-innovazzjoni.
(54)    Dawn l-azzjonijiet ser jikkontribwixxu għal Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni, prevista fl-Ewropa 2020.
(55)    Cf. COM(2007) 860 u SEC(2009)1198 .
(56)    F'konformità mar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-dejta.
(57)    Bil-Mandat 403(CEN).
(58)    Il-Kummissjoni tablet lil "comité des sages" biex jagħmel rakkomandazzjoni dwar dawn il-kwistjonijiet sal-aħħar tal-2010, ara d- dikjarazzjoni għall-istampa IP/10/456 .
(59)    Il-Kummissjoni qed taħdem mal-Istati Membri fuq Pjan ta' Azzjoni biex timplimenta l-impenji fl-2009. eGovernment Declaration Malmö .
(60)    Is-servizzi pubbliċi onlajn tal-futur ser jiddependu fuq l-immanġġjar effikaċi u interoperabbli tal-identità u fuq oqfsa tal-awtentifikazzjoni u għodod kif deskritt hawn fuq.
(61)    L-iżvilupp ta' ambjent tad-dwana kompletament elettroniku fl-UE sal-2013 ser jipprovdi kwalità għolja ta' servizzi tal-Gvern-e għall-kummerċjanti, sistemi nazzjonali tal-IT interoperabbli u mmaniġġjar mal-komunità kollha tal-proċeduri tad-dwana.
(62)     Id-Direttiva 2003/4/KE dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali
(63)    ĠU L 13, 18.1.2006, p.1
(64)    Dawn it-tabelli tar-riżultati ser jistabbilixxu s-sisien għal qafas ta evalwazzjoni tal-Aġenda Diġitali.
(65)    L-indikaturi huma prinċipalment meħuda mill-qafas tal- Benchmarking għall-2011-2015 approvat mill-Istati Membri tal-UE f'Novembru 2009. Dan huwa qafas kunċettwali għall-ġbir tal-istatistika dawr is-soċjetà tal-informazzjoni kif ukoll lista ta' indikaturi ewlenin għall-kejl.
(66)    Għal aktar informazzjoni ara Benchmarking framework 2011-2015 ; Dan il-qafas kunċettwali għall-ġbir tal-istatistika dawr is-soċjetà tal-informazzjoni kif ukoll lista ta' indikaturi ewlenin għall-kejl.
Top