EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010DC0242

Rapport mill-Kummissjon i lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew - Rapport annwali Hong Kong 2009

/* KUMM/2010/0242 finali */

52010DC0242

Rapport mill-Kummissjon i lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew - Rapport annwali Hong Kong 2009 /* KUMM/2010/0242 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 1.6.2010

KUMM(2010) 242 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

RAPPORT ANNWALI ĦONG KONG 2009

Daħla għat-12-il Rapport Annwali dwar Ħong Kong mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew

Catherine Ashton, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea.

Huwa bi pjaċir kbir li ngħid kelmtejn minn qabel għat-12-il Rapport Annwali tal-Kummissjoni Ewropea dwar Ħong Kong, li jiffoka fuq l-iżviluppi fl-2009. F'termini tal-kummerċ, l-investiment u d-djalogu tagħna dwar kwistjonijiet ta' interess komuni, ir-relazzjonijiet u l-kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u Ħong Kong baqgħu għaddejin 'il quddiem fuq riżultati pożittivi ħafna.

Il-Kummissjoni Ewropea żammet monitoraġġ mill-qrib fuq l-iżviluppi politiċi, istituzzjonali, ekonomiċi u soċjali f'Ħong Kong. L-implimentazzjoni tal-prinċipju 'pajjiż wieħed, żewġ sistemi' jibqa' sodisfaċenti, hekk kif id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tan-nies ta' Ħong Kong ġew irrispettati, l-istat tad-dritt tħares, u l-ekonomija tas-suq, flimkien ma' ambjent pożittiv ta' negozju baqgħu f'posthom.

F'dan il-perjodu ta' tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, ir-rabtiet finanzjarji u ekonomiċi b'saħħithom bejn l-Unjoni Ewropea u Ħong Kong kienu ta' fejda kbira. L-ekonomija ta' Ħong Kong ħarġet mill-kriżi finanzjarja globali mingħajr l-ebda problemi sistemiċi kbar. Peress li għandu waħda mill-akbar komunitajiet Ewropej ta' negozju fl-Asja u bħala fulkru finanzjarju u ekonomiku għar-reġjun, Ħong Kong ser ikompli jkun ta' importanza strateġika bħala msieħeb ta' kummerċ u ta' investiment għall-Ewropa hekk kif aħna nagħtu impetu għat-tkabbir proprju tagħna.

Il-Gvern tar-RAS ta' Ħong Kong issa ppubblika wkoll sett ta' proposti għall-elezzjonijiet leġiżlattivi u ta' tmexxija tal-2012, wara konsultazzjoni pubblika dwar din il-kwistjoni. L-Unjoni Ewropea għadha tagħti appoġġ qawwi għal progress bikri u sostanzjali lejn l-għan ta' suffraġu universali ġenwien, skont il-Liġi Bażika ta' Ħong Kong u x-xewqat taċ-ċittadini tiegħu.

Ħong Kong jibqa' jkun parteċipant importanti fir-reġjun, u l-Unjoni Ewropea, taħt l-arranġamenti tat-Trattat ta' Lisbona, se tkun kapaċi li tintensifika r-rabtiet, speċjalment permezz tal-Uffiċċju tagħna f'Ħonk Kong innifsu.

Catherine Ashton |

Ir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta’ Ħong Kong: Rapport Annwali 2009

Introduzzjoni

Sa mit-trasferiment ta’ Ħong Kong liċ-Ċina Kontinentali aktar minn tnax-il sena ilu, il-Kummissjoni Ewropea kienet qed tissorvelja mill-qrib l-iżviluppi ekonomiċi u politiċi fir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta’ Ħong Kong (RAS), sabiex tissodisfa l-impenn li fl-1997 tat lill-Parlament Ewropew biex toħroġ rapport annwali dwar żviluppi f’Ħong Kong. Dan huwa t-tnax-il rapport li jkopri l-2009.

Matul dan il-perjodu, il-prinċipju ta’ ‘pajjiż wieħed, żewġ sistemi’, kif stabbilit mid-Dikjarazzjoni Sino-Brittannika u fil-Liġi Bażika ta’ Ħong Kong, għadu jaħdem sew. Id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-poplu ta’ Ħong Kong ġew rispettati, l-istat tad-dritt ġie protett, u s-sistema ekonomika tas-suq u l-ambjent kummerċjali ġew miżmuma.

Fl-2009, ir-relazzjonijiet bilaterali u l-kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u Ħong Kong komplew jikbru. L-Unjoni Ewropea żammet il-pożizzjoni tagħha bħala t-tieni l-akbar sieħeb kummerċjali ta' Ħong Kong, minkejja tnaqqis fil-kummerċ bilaterali. Dan huwa l-akbar sors ta’ investiment barrani dirett ta’ Ħong Kong (wara ċ-Ċina Kontinentali u l-Gżejjer Verġni Brittaniċi). Bħala waħda mill-akbar komunitajiet kummerċjali Ewropej fl-Asja, Ħong Kong huwa għalhekk sieħeb strateġiku fil-kummerċ u l-investiment għall-Unjoni Ewropea.

L-Unjoni Ewropea tagħti importanza kbira lill-istabilità, il-prosperità, l-iżvilupp demokratiku u l-progress ta’ Ħong Kong lejn l-għan ewlieni ta’ suffraġju ġenwin universali, skont il-Liġi Bażika tar-RAS ta’ Ħong Kong u x-xewqat tal-poplu ta’ Ħong Kong. Għalhekk, l-UE ser tkompli tappoġġja l-progress f’waqtu u sostanzjali lejn din il-mira.

Żviluppi politiċi

Fl-2009, il-Kummissjoni Ewropea kompliet tissorvelja mill-qrib l-iżviluppi politiċi, istituzzjonali u soċjali f’Ħong Kong, skont l-impenn tagħha tal-1997 lill-Parlament Ewropew. Fl-2009 dan il-proċess kien is-suġġett tal-proposti tal-Gvern ta’ Ħong Kong għal riforma fil-metodi elettorali tal-Elezzjoni għal Kap Eżekuttiv fl-2012, u l-għażla tal-Kunsill Leġiżlattiv fl-2012.

Fil-15 ta’ Jannar 2009 il-Kap Eżekuttiv ta’ Ħong Kong Donald Tsang ħabbar li ser tkun posposta l-kunsultazzjoni pubblika tal-Gvern ta’ Ħong Kong dwar ir-riforma tal-metodi elettorali għall-elezzjonijiet tal-2012, inizjalment ippjanati għall-ewwel nofs tal-2009, sabiex jippermetti lill-gvern tiegħu sabiex jiffoka fuq it-‘tħassib ekonomiku u tal-għajxien’ minħabba l-kriżi finanzjarja.

Fit-18 ta’ Novembru il-Gvern tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta’ Ħong Kong ħareġ il-karta tal-konsultazzjoni dwar l-arranġamenti elettorali tal-2012 għal-leġiżlatura u l-mexxej tiegħu. Dan għandu jkollu effett sinifikanti fuq il-progress tal-belt lejn suffraġju universali. Id-Dokument ta' Konsultazzjoni dwar il-Metodi għall-Għażla tal-Kap Eżekuttiv u għall-Formazzjoni tal-Kunsill Leġiżlattiv fl-2012 (‘Dokument ta’ Konsultazzjoni’) kien is-suġġett ta’ konsultazzjoni ta’ tliet xhur li stiednet lil membri mill-pubbliku biex jikkummentaw dwar il-proposti mressqa mill-Gvern. Il-perjodu ta’ konsultazzjoni spiċċa fid-19 ta’ Frar 2010.

Henry Tang, is-Segretarju Ġenerali għall-Amministrazzjoni, ħabbar il-konsultazzjoni fil-Kunsill Leġiżlattiv u enfasizza l-fatt li sistema elettorali aktar demokratika f’Ħong Kong fl-2012 tkun pass kruċjali lejn elezzjonijiet diretti fl-2017. Il-Gvern ta’ Ħong Kong saħaq il-fatt li l-proposti kienu skont id-Deċiżjoni tal-Kumitat Permanenti tal-Kungress Popolari Nazzjonali dwar Kwistjonijiet li Jirrelataw mal-Metodi għall-Għażla tal-Kap Eżekuttiv u għall-Formazzjoni tal-Kunsill Leġiżlattiv.

Id-Dokument ta' Konsultazzjoni jipproponi li fl-2012 in-numru ta’ siġġijiet leġiżlattivi għandu jiżdied minn 60 għal 70. Ħamsa minn dawn is-siġġijiet jiġu eletti direttament permezz ta' kostitwenzi ġeografiċi u l-ħamsa l-oħra jiġu allokati għal kostitwenzi funzjonali, biex b’hekk jinżamm il-proporzjon preżenti ta’ siġġijiet eletti direttament u dawk funzjonali. Id-Dokument ta’ Konsultazzjoni qajjem il-possibilità li dawn il-ħames siġġijiet ġodda jingħataw lura permezz ta' elezzjoni fost membri eletti tal-Kunsill Distrettwali.

Fir-rigward tal-metodu tal-elezzjoni tal-Kap Eżekuttiv ta' Ħong Kong, id-Dokument ta’ Konsultazzjoni jipproponi t-tkabbir tal-Kumitat Elettorali li jagħżel il-mexxej tal-belt minn 800 għal 1200 membru, ‘sabiex ikun sodisfatt ir-rekwiżit ta’ progress gradwali u bl-ordni, li jagħti aktar spazju lill-membri tal-komunità sabiex jipparteċipaw fl-elezzjoni, u sabiex tkompli tittejjeb ir-rappreżentanza tal-Kumitat Elettorali’. Dan jista’ jsir billi jiġu miżjuda 100 membru ma’ kull wieħed mill-erba’ setturi rappreżentati fil-Kumitat Elettorali. Il-limitu tan-nominazzjoni fil-Kumitat Elettorali jinżamm fil-proporzjon preżenti tiegħu ta’ wieħed minn kull tmienja tas-sħubija totali ta’ dan il-Kulleġġ Elettorali (jiġifieri, 150 vot mill-isħubija miżjuda ta’ 1200). Id-Dokument ta' Konsultazzjoni ppropona wkoll li jinżamm ir-rekwiżit eżistenti li l-Kap Eżekuttiv m’għandu jkollu l-ebda sħubija politika.

Id-Dokument ta’ Konsultazzjoni tal-Gvern dwar riformi elettorali għall-2012 ma kienx appoġjat mill-membri tal-qasam pan-demokratiku ta’ Ħong Kong, li jixtieq jara suffraġju universali sħiħ u ġenwin implimentat malajr kemm jista’ jkun. Dawn jemmnu li d-Dokument ta’ Konsultazzjoni mhux biżżejjed. Meta indirizza dan it-tħassib, is-Segretarju Ġenerali għall-Ammininstrazzjoni Henry Tang qal li ‘d-deċiżjoni tal-NPCSC ma twaqqaf l-ebda kundizzjoni perċedenti u li għandu jsir progress demokratiku għall-elezzjonijiet tal-2012 qabel ma jiġi implimentat suffraġju universali għall-Kap Eżekuttiv u għall-Kunsill Leġiżlattiv. Madankollu, jekk jista’ jsir żvilupp kostituzzjonali fl-2012, dan ikun ta’ benefiċċju għal transizzjoni soda tas-sistema elettorali ta’ Ħong Kong għal suffraġju universali’.

Id-Dokument ta’ Konsultazzjoni ma jindirizzax l-eżistenza fit-tul ta’ kostitwenzi funzjonali. Matul is-sessjoni ta’ mistoqsija u tweġiba tal-Kunsill Leġiżlattiv tal-15 ta’ Ottubru 2009, il-Kap Eżekuttiv Donald Tsang ammetta li siġġijiet ta' kostitwenza funzjonali ‘mhumiex kompletament kompatibbli’ mal-prinċipji ta’ suffraġju ugwali u universali, u li kostitwenzi funzjonali ma jistgħux jibqgħu jeżistu fil-forma preżenti tagħhom. Il-leġiżlaturi pan-demokratiċi ta’ Ħong Kong għamlu talba biex il-kostitwenzi funzjonali jkunu aboliti kompletament.

Fit-28 ta’ Diċembru 2009, il-Kap Eżekuttiv Donald Tsang iltaqa’ mal-President Ċiniż Hu Jintao u l-Premier Wen Jiabao f’Beijing bħala parti miż-żjara annwali tiegħu. Skont ir-rapporti tal-midja, il-President Hu ġibed l-attenzjoni ta’ Donald Tsang sabiex jieħu azzjoni xierqa u effettiva dwar l-iżviluppi politiċi biex jinżammu l-istabilità u l-armonija ta’ Ħong Kong. Il-Premier Wen Jiabao talab ukoll lil Donald Tsang biex isib soluzzjoni aktar effettiva għall-‘kunflitti profondi’ ta’ Ħong Kong. Il-Gvern ta’ Ħong Kong huwa mistenni jippreżenta l-proposti tiegħu biex ibiddel il-metodi elettorali tal-2012 aktar tard fl-2010. Maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-leġiżlaturi jridu jivvutaw favur.

Il-Kummissjoni Ewropea tkompli tieħu interess aktar mill-qrib fl-iżviluppi politiċi f’Ħong Kong u tinnota l-proposti tal-Gvern tar-RAS ta’ Ħong Kong għar-riforma elettorali fl-2012 kif ukoll id-dibattitu pubbliku kontinwu dwar l-evoluzzjoni kostituzzjonali ta’ Ħong Kong. Skont il-Kummissjoni Ewropea, l-aqwa garanzija ta’ stabilità u prosperità għal Ħong Kong tinsab f’bidla għal sistema ta’ suffraġju universali ġenwin, skont il-Liġi Bażika u kif stabbilita mid-deċiżjoni tal-Kumitat Permanenti tal-Kungress Popolari Nazzjonali tal-2007. Għalhekk, il-Gvern ta’ Ħong Kong u l-partijiet kollha konċernati huma mħeġġa li jidħlu fi djalogu li jiffaċilita u jgħaġġel dan il-proċess.

Ir-residenti f’Ħong Kong jorganizzaw viġilja annwali bix-xemgħa biex ifakkru l-20 anniversarju tal-konfrontazzjoni tal-Gvern Ċiniż mal-moviment tal-istudenti fi Pjazza Tiananmen fl-4 ta’ Ġunju 1989.

L-attendenza għall-viġilja bix-xemgħa tal-2009 qabżet kull aspettazzjoni (l-organizzaturi ikkalkulaw xi 150,000 persuna; il-pulizija kkalkulaw 62,800), li probabbli kien l-akbar ammont ta’ nies mill-viġilja bix-xemgħa tal-1990. Il-Kap Eżekuttiv Donald Tsang qal lill-Kunsill Leġiżlattiv li hu jifhem is-sentimenti tal-poplu ta’ Ħong Kong dwar l-4 ta’ Ġunju. ‘Imma dan l-inċident seħħ ħafna snin ilu. L-iżvilupp tal-pajjiż laħaq riżultati tremendi, u wassal għal prosperità ekonomika f’Ħong Kong. Nemmen li l-poplu ta’ Ħong Kong ser jagħmel valutazzjoni oġġettiva tal-iżvilupp tal-pajjiż.’

Attivitajiet bħal din, inkluż id-dimostrazzjonijiet annwali tal-1 ta’ Lulju, juru li l-prinċipju ta’ ‘pajjiż wieħed, żewġ sistemi’ qed jaħdem sew f’Ħong Kong. Dan juri wkoll li d-drittijiet u l-libertajiet garantiti taħt il-Liġi Bażika tar-RAS ta’ Ħong Kong, bħal-libertà tal-espressjoni u tal-laqgħat, huma ġeneralment rispettati. Madankollu, diversi assoċjazzjonijiet ta’ ġurnalisti f’Ħong Kong esprimew ħsibijiet ġodda dwar il-libertà tal-istampa, partikolarment inċidenti fejn il-pulizija taċ-Ċina Kontinentali aġixxew kontra l-ġurnalisti ta’ Ħong Kong li jirrappurtaw dwar stejjer miċ-Ċina Kontinentali (bħal attivitajiet dwar ir-Reġjun Awtonomu ta' Xinjiang fiċ-Ċina Kontinentali). Fid-9 ta’ Settembru 2009, il-Kap Eżekuttiv Donald Tsang qal li l-Gvern tiegħu kien wassal l-opinjonijiet tal-ġurnalisti ta’ Ħong Kong lill-Kunsill tal-Istat ta’ Ħong Kong u lill-Uffiċċju tal-Affarijiet tal-Makaw u l-awtoritajiet ta' Xinjiang.

Il-Kummissjoni Ewropea nnutat ukoll tħassib serju dwar inċidenti bejn il-fruntieri u ta’ immigrazzjoni li jistgħu jwasslu għal deċiżjonijiet ta’ ripatrijazzjoni u arranġamenti oħra li jinvolvu restrizzjonijiet tad-drittijiet u l-libertajiet bażiċi, bħal fil-każ tad-dissident Ċiniż Zhou Yongjun jew il-protesta tal-fruntiera Lo Wu fis-27 ta’ Diċembru 2009 favur l-attivist tar-reġjun prinċipali u Liu Xiaobo, l-awtur tal-Karta 08.

Fit-28 ta’ Awwissu 2009, il-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni ta’ Diskriminazzjoni Razzjali (UN CERD) ħareġ ir-rapport perjodiku tiegħu dwar iċ-Ċina, li jinkludi Ħong Kong u l-Makaw. Dan irrakkomanda li Ħong Kong għandu jadotta liġi dwar ir-refuġjati ‘bi ħsieb biex tkun stabbilita proċedura inklussiva għall-eżami analitiku ta’ talbiet individwali għall-asil.’ F’risposta għal dawn l-osservazzjonijiet, il-Gvern ta’ Ħong Kong iddikjara fi stqarrija għall-istampa li ‘t-talbiet għall-asil ppreżentati f’Ħong Kong kienu qed jiġu amministrati direttament mill-UNHCR, li tieħu deċiżjonijiet dwar l-eżami analitiku ta’ refuġjati ġenwini u l-proċess biex jintbagħtu f’pajjiż ieħor wara.’ Fir-rigward tal-Ordinanza dwar id-Diskriminazzjoni tar-Razza adottata fl-2008, l-UN CERD esprima tħassib dwar id-definizzjoni ta’ diskriminazzjoni razzjali fil-leġiżlazzjoni ta’ Ħong Kong, ‘li mhix kompletament konsistenti mal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni għax din ma tiddefinix b’mod ċar diskriminazzjoni indiretta fir-rigward ta’ lingwa, u ma tinkludix l-istat ta’ immigrazzjoni u nazzjonalità fost ir-raġunijiet ta' diskriminazzjoni li huma projbiti.’

Fit-2 ta’ Settembru 2009, il-Prim Imħallef Andrew Li ħabbar li kien se jirtira kmieni. Hu ser jirriżenja f’Settemrbu 2010, sabiex jippermetti lis-suċċessur tiegħu jaħtar suċċessuri għal numru ta’ mħallfin anzjani li ser jirtiraw fil-ħames snin li ġejjin. Il-Kummissjoni Ewropea tapprezza l-kontribuzzjoni tal-Prim Imħallef Li fil-ħarsien tal-indipendenza ġudizzjarja ta’ Ħong Kong, element ewlieni biex jiġi mħares il-mod tal-għajxien f’Ħong Kong, ir-rispett għall-istat tad-dritt u l-libertajiet fundamentali. Kif qal is-Sur Li fil-11 ta’ Jannar 2010 fil-Ftuħ Uffiċjali tas-Sena Legali, ‘Il-ġudikatura indipendenti għandha rwol kostituzzjonali ewlieni biex tiżgura li l-atti tal-Eżekuttiv u l-Leġiżlatura jikkonformaw bis-sħiħ mal-Liġi Bażika, u li l-liġi u d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tagħna, li huma fil-qalba tas-sistema ta’ Ħong Kong, jitħarsu bis-sħiħ.’

Is-sena 2009 rat ukoll titjib fir-rabtiet diplomatiċi bejn Ħong Kong u t-Tajwan. Il-Kummissjoni Ewropea tilqa’ dan b’sodisfazzjon. Is-Segretarju għall-Affarijiet tal-Kostituzzjonali u tat-Territorju Prinċipali, Stephen Lam, żar Taipei bejn il-5-6 ta’ Ġunju 2009 fuq stedina tal-Kunsill għall-Affarijiet tat-Territorju Prinċipali tat-Tajwan biex jistudjaw u jiddiskutu kwistjonijiet li jkomplu jtejbu l-kooperazzjoni bejn iż-żewġ naħat. Stephen Lam huwa l-ewwel Ministru ta' Ħong Kong li żar it-Tajwan f’kariga uffiċjali minn meta Ħong Kong ingħata lura liċ-Ċina fl-1997. Kemm Ħong Kong u kemm it-Tajwan ftehmu li jwaqqfu entitajiet mhux governattivi biex isaħħu l-kooperazzjoni fil-kummerċ, l-ekonomija, it-turiżmu, l-investiment u setturi oħra. Fl-indirizz tal-politika tiegħu f'Ottubru 2009, il-Kap Eżekuttiv ħabbar it-twaqqif ta' kooperazzjoni ekonomika u kulturali bejn Ħong Kong u t-Tajwan, kif ukoll kunsill ta’ promozzjoni biex jippromwovi l-kooperazzjoni bejn Ħong Kong u t-Tajwan.

Kollox ma’ kollox, il-Kummissjoni Ewropea temmen li l-prinċipju ta’ ‘pajjiż wieħed, żewġ sistemi’ kompla jaħdem sew fir-RAS ta’ Ħong Kong u li d-drittijiet u l-libertajiet tal-popolazzjoni tiegħu, garantiti fid-Dikjarazzjoni Konġunta Sino-Brittannika u l-Liġi Bażika, ġew irrispettati b’mod ġenerali.

Żviluppi ekonomiċi u kummerċjali

L-ekonomija u s-sistema finanzjarja ta’ Ħong Kong ħarġu mill-kriżi finanzjarja globali mingħajr problemi sistematiċi kbar. L-ekonomija tal-pajjiż uriet titjib progressiv matul l-2009 u gradwalment reġgħat lura għal tkabbir pożittiv bis-saħħa tal-ekonomija b’saħħitha taċ-Ċina. Għall-2009 kollha, il-PGD naqas f’termini reali bi 2.7 %, l-ewwel riċessjoni annwali mill-kriżi finanzjarja tal-Asja fl-1998. Il-Gvern ta’ Ħong Kong wiegħed li jonfoq HK$ 87.6 biljun (EUR 8.1 biljun) f’sentejn, ekwivalenti għal 5.2 % tal-PGD tiegħu, biex itaffi l-effetti negattivi tal-kriżi finanzjarja globali fuq l-ekonomija, li għen biex iżomm il-kunfidenza. Ir-rata ta’ qgħad tjiebet u naqset għal 4.9% fir-raba’ kwart minn quċċata ta’ 5.4% fit-tieni kwart. Il-pressjonijiet tal-inflazzjoni malajr niżlu meta l-Indiċi tal-Prezz Kompost tal-Konsumatur tela’ b’1%, waqgħa qawwija mill-5.6% fl-2008.

Filwaqt li żamm il-kompetittività tiegħu bħala ċentru finanzjarju internazzjonali, Ħong Kong qiegħed iżid dejjem iżjed fis-servizz tiegħu lejn is-suq Ċiniż. Dwar servizzi finanzjarji, Ħong Kong stabbilixxa lilu nnifsu bħala ċentru offshore tal-Renminbi (RMB) u bħala bażi ta’ ttestjar għal-liberalizzazzjoni tal-kont kapitali taċ-Ċina. Bl-appoġġ tal-Gvern Ċentrali, Ħong Kong beda jniedi prodotti u servizzi ġodda ta’ RMB matul l-2009. L-aktar żvilupp sinifikanti kienet skema ta’ ftehim RMB ta’ kummerċ bejn il-fruntieri fejn Ħong Kong sar l-ewwel ġurisdizzjoni barra l-pajjiż li pparteċipa fil-programm pilota għal Guangdong. Il-banek ta’ Ħong Kong li joperaw fiċ-Ċina Kontinentali ġew awtorizzati joħorġu bonds RMB f’Ħong Kong. F’Ottubru, il-Gvern Ċentrali nieda l-ewwel sovereign bonds RMB f’Ħong Kong għal total ta’ 6 biljun Yuan (EUR 659 miljun).

Bħala riżultat ta’ żieda fil-likwidità globali, Ħong Kong fl-2009 attira dħul ta’ kapital bħal qatt qabel. Skont l-Awtorità Monetarja ta’ Ħong Kong, total ta’ HK$ 640 biljun (EUR 59 biljun) ta’ kapital barrani daħal fis-swieq tal-assi ta’ Ħong Kong, hekk kif investituri internazzjonali fittxew postijiet aktar sikuri għall-fondi, kif ukoll espożizzjoni għall-ekonomja taċ-Ċina li qed tikber b’rata mgħaġġla. Aktar min-nofs id-dħul kapitali kien relatat mal-attivitajiet ta’ ġbir ta’ flus minn kumpaniji taċ-Ċina Kontinentali f’Ħong Kong. Għalhekk, il-Borża ta’ Ħong Kong saret l-akbar suq ta’ Offerta Pubblika Inizjali (IPO) fid-dinja fl-2009. Rigward is-suq tal-proprjetà, il-prezzijiet tal-proprjetà residenzjali telgħu b’medja ta’ 27% matul l-2009, u l-prezzijiet ta’ appartamenti ta’ lussu reġgħu lura għall-quċċata tal-1997. Huwa rrapurtat li xiri spekulattiv u x-xewqa ta' xerrejja miċ-Ċina Kontinentali għal proprjetà f’Ħong Kong komplew għollew il-prezzijiet. Is-Segretarju Finanzjarju għalhekk introduċa sett ta’ miżuri fil-proposti għall-Baġit 2010-2011 biex jikkalma s-suq tal-proprjetà u jnaqqas ir-riskju ta’ bżieżaq ekonomiċi fil-prezz tal-assi.

L-ekonomija ta’ Ħong Kong tistrieħ ħafna fuq servizzi finanzjarji, li twassal biex il-Gvern ifittex oqsma ġodda ta’ tkabbir biex jindirizza l-isfidi ekonomiċi. Ħong Kong għandu jiffaċilita l-iżvilupp għal sitt industriji bbażati fuq l-għarfien: ittestjar u ċertifikazzjoni, l-industrija ambjentali, innovazzjoni u teknoloġija, industriji kulturali u kreattivi, servizzi mediċi u edukattivi. Il-Kummissjoni Ewropea tilqa’ b’sodisfazzjoni il-prospett li tesplora kooperazzjoni u skambji ma’ Ħong Kong f’oqsma ta’ interess komuni, partikolarment ittestjar u ċertifikazzjoni, l-industrija ambjentali, innovazzjoni u teknoloġija u industriji kreattivi.

Ħong Kong aġixxa mill-ewwel biex jimplimenta l-impenn tiegħu biex isostni l-istandard tal-OECD għall-iskambju effettiv ta’ informazzjoni fi kwistjonijiet ta’ taxxa war l-proċess tal-G20. Emenda għal-leġiżlazzjoni tat-taxxa relatata kienet imħabbra kmieni fl-2009, u l-emenda tal-liġi għaddiet b’mod unanimu f’Jannar 2010. Il-Kummissjoni Ewropea tilqa’ dan il-pass. Ħong Kong issa huwa lest li jiffirma ftehimiet tat-tassazzjoni doppja aktar komprensivi ma’ pajjiżi terzi, inklużi uħud mill-Istati Membri tal-UE.

Strument maħsub biex jiffaċilita l-integrazzjoni ekonomika bejn Ħong Kong u ċ-Ċina, jiġifieri s-Supplement VI mal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika Aktar mill-Qrib (CEPA), kien iffirmat f’Mejju 2009. Ħong Kong u ċ-Ċina ftehmu dwar pakkett ta’ aktar liberizzazzjoni ta’ kummerċ f’servizzi kif ukoll miżuri biex itejbu l-kooperazzjoni finanzjarja. Il-Supplement VI jinkludi wkoll miżuri għal implimentazzjoni kmieni u pilota ta' liberalizzazzjoni f’setturi magħżula ta’ servizzi fil-Provinċja ta’ Guangdong . Dawn il-miżuri huma maħsuba li jtejbu l-kooperazzjoni bejn Guangdong u Ħong Kong fl-industrija tas-servizzi. Il-parteċipazzjoni tal-kumpaniji Ewropej f’diversi ftehimiet CEPA qiegħda tiżdied bil-mod, sa 151 fornituri ta’ servizzi fl-2009 minn total ta’ aktar minn 1,300 kumpanija f’Ħong Kong. Kooperazzjoni mal-Gvern ta’ Ħong Kong kienet tassew importanti fit-tixrid ta’ informazzjoni dwar is-CEPA lill-komunità kummerċjali Ewropea.

Barra mis-CEPA, il-Gvern ta’ Ħong Kong adotta strateġija aktar proattiva fit-tfittxija għal ftehim ta’ kummerċ liberu ma' sħab kummerċjali oħra, filwaqt li pprova jassigura aċċess aħjar għas-suq għal servizzi fi swieq barranin. Ħong Kong ser ikompli jappoġġja s-sistema ta' kummerċ multilaterali fil-waqt li jipparteċipa f'diskussjonijiet bilaterali ta' ftehim għal kummerċ liberu, sakemm dawn ikunu konsistenti mal-WTO u jkunu jistgħu jikkontribwixxu għal-liberalizzazzjoni multilaterali fil-kummerċ. Fl-2009, Ħong Kong ikkonkluda n-negozjati FTA man-New Zealand li fisser Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika Aktar mill-Qrib. Beda wkoll diskussjonijiet maċ-Ċilì, il-Perù, il-Malażja u l-EFTA.

Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u Ħong Kong

Fl-2009 r-relazzjonijiet bilaterali u l-kooperazzjoni bejn l-UE u Ħong Kong komplew jikbru, abbażi ta’ interess reċiproku biex jiġu indirizzati tħassib reċiproku u globali. Ħong Kong huwa sieħeb strateġiku tal-kummerċ u l-investiment għall-Unjoni Ewropea. Dan għandu wkoll rwol importanti bħala pjattaforma ta’ intermedjazzjoni għall-kummerċ u l-flussi ta’ investiment bejn l-Unjoni Ewropea u ċ-Ċina.

Fl-2009, l-Unjoni Ewropea żammet il-pożizzjoni tagħha bħala t-tieni l-akbar sieħeb kummerċjali ta’ Ħong Kong wara ċ-Ċina Kontinentali. Min-naħa l-oħra, fl-istess sena Ħong Kong kien is-17 l-akbar sieħeb kummerċjali tal-Unjoni Ewropea. Il-kummerċ bilaterali totali bejn l-Unjoni Ewropea u Ħong Kong naqas b’10.4 % għal EUR 29.2 biljun hekk kif il-kriżi finanzjarja globali bdiet tħalli l-effett tagħha.

Wara ċ-Ċina Kontinentali u l-Gżejjer Verġni Brittaniċi, l-Unjoni Ewropea kienet l-akbar investitur barrani f’Ħong Kong, u kkontrobwixxiet għal madwar 10% tal-istokk ta’ investiment dirett barrani totali (FDI) fl-2008. Min-naħa l-oħra, l-investiment ta’ Ħong Kong fl-Ewropa baqa’ jikber b’rata soda, u dan sar wieħed mis-sorsi ewlenin ta' investiment dirett mill-Asja.

Minkejja l-kriżi ekonomika globali, Ħong Kong kompla jattira numru kbir ta’ ċittadini Ewropej biex jgħixu u jaħdmu fit-territorju, b’total ta’ madwar 28,320 fit-tmiem tal-2009 skont ċifri uffiċjali tal-Immigrazzjoni f’Ħong Kong. Dan għadu jirrapreżenta waħda mill-akbar konċentrazzjonijiet ta’ ċittadini tal-Unjoni Ewropea fl-Asja, u jkompli jkun fattur ta’ motivazzjoni għall-involviment tal-Unjoni Ewropea f'Ħong Kong. Stħarriġ dwar l-investiment li sar mid-Dipartiment taċ-Ċensiment u l-Istatistika ta' Ħong Kong wera li f’Ġunju 2009 kien hemm 1,252 kwartier ġenerali reġjonali u 2,328 uffiċċju reġjonali f’Ħong Kong, li lkoll jirrapreżentaw kumpaniji proprjetarji li jinsabu barra minn Ħong Kong. Minn dawn, l-Unjoni Ewropea tkompli tkun l-akbar sors ta’ kumpaniji barranin fit-territorju, b’419-il kwartier ġenerali reġjonali u 679 uffiċċju reġjonali. Il-preżenza kummerċjali tal-Unjoni Ewropea tkopri varjetà wiesgħa ta’ setturi, partikolarment servizzi finanzjarji u ta' negozju, kummerċ, loġistika, imma issa wkoll proġetti ta’ kostruzzjoni u infrastruttura.

B’dawn il-flussi sostanzjali kummerċjali u ekonomiċi, u bi preżenza importanti tal-Unjoni Ewropea, ir-relazzjonijiet ma’ Ħong Kong huma mmexxija mill-qafas ta’ politika li jinstab fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea ‘L-UE, Ħong Kong u l-Makaw: prospetti għal kooperazzjoni 2007-2013’. Din tistabbilixxi numru ta’ għanijiet ta’ sfida maħsuba biex ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u Ħong Kong jimxu ’l quddiem billi tikber fil-fond u fil-wisgħa l-kooperazzjoni f’oqsma ewlenin ta’ interess reċiproku.

Il-kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u Ħong Kong kompliet issaħħet fl-2009, l-ewwel sena ta’ tħaddim tal-‘Programm tal-Unjoni Ewropea ta’ Informazzjoni dwar in Negozju’ għal Ħong Kong u l-Makaw (EUBIP). L-EUBIP implimenta programm ta’ ħidma għal attivitajiet relatati man-negozju, xprunati mill-kontenut bi sħubija mill-qrib ma’ assoċjazzjonijiet ta’ negozju u industrijali mill-Unjoni Ewropea u minn Ħong Kong. Oqsma li fl-2009 kienu fil-mira kienu: Skambji regolatorji, servizzi finanzjarji, l-ambjent, il-proprjetà intellettwali u s-sikurezza fl-ikel/fil-prodotti. Eżempju ċar ta’ dan kien seminar b’attendenza numeruża dwar ir-regolamentazzjoni kimika tal-Unjoni Ewropea (REACH), b’numru ta’ esperti mill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi u appoġġjata mill-Gvern ta’ Ħong Kong. B’hekk l-EUBIP qed tkun strument importanti għall-promozzjoni ta’ għarfien aħjar u skambju ta’ għarfien bejn Ħong Kong u l-Unjoni Ewropea.

It-tielet Djalogu Strutturat bejn il-Kummissjoni Ewropea u Ħong Kong sar f’Ħong Kong fis-17 ta’ Diċembru 2009. Dan stabbilixxa ruħu bħala pjattaforma effettiva ta’ livell għoli għal uffiċjali miż-żewġ naħat biex ikomplu jkabbru r-relazzjonijiet bilaterali permezz ta’ djalogu u kooperazzjoni sostantivi. It-tielet Djalogu iffoka fuq sinjali evidenti ta’ rkupru mill-kriżi finanzjarja globali. Matul diskussjonijiet kontinwi, iż-żewġ naħat qablu li jkomplu jtejbu l-kooperazzjoni bilaterali, inkluż permezz tal-EUBIP, dwar servizzi finanzjarji, it-teknoloġija tal-informatika u l-komunikazzjoni, l-ambjent, kwistjonijiet ta’ standardizzazzjoni u edukazzjoni, kif ukoll biex ikomplu jkabbru l-kooperazzjoni u l-inizjattivi dwar ittestjar u ċertifikazzjoni, innovazzjoni u teknoloġija, u industriji kreattivi. Dawn l-oqsma ġodda huma parti mis-sitt industriji bbażati fuq l-għarfien li Ħong Kong jixtieq ikompli jiżviluppa. Kanali għal skambju ta’ informazzjoni dwar l-istandards regolatorji u tekniċi tal-Unjoni Ewropea, passaproti elettroniċi, u leġiżlazzjoni finanzjarja wkoll se jkomplu jissaħħu.

In-numru ta’ żjarat ta’ livell għoli mill-Kummissjoni f’Ħong Kong żdied fl-2009, biex b’hekk jikkontribwixxi għat-tisħiħ tar-relazzjonijiet bilaterali bejn l-Unjoni Ewropea u Ħong Kong, u għall-iżvilupp ta' inizjattivi ġodda ta' kooperazzjoni f'oqsma bħal, l-avjazzjoni, is-servizzi finanzjarji, is-saħħa u l-protezzjoni tal-konsumatur, l-inizjattivi kontra l-korruzzjoni, l-edukazzjoni u l-kummerċ kif ukoll approfondiment tad-djalogu li għaddej bħalissa fil-qasam tat-tassazzjoni tat-tfaddil. Il-Professur K.C. Chan, Segretarju għas-Servizzi Finanzjarji u tat-Teżor, żar Brussell f’Mejju 2009 biex jiddiskuti regolamenti finanzjarji tas-suq. Grupp ta’ żjara mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali ltaqa’ ma’ rappreżentanti mis-soċjetà ċivili ta’ Ħong Kong f’Lulju 2009.

Bl-akbar kompetenzi finanzjarji fl-Asja, kif ukoll suq irregolat tajjeb u sistema tajba ta’ arbitraġġ, Ħong Kong huwa kandidat serju biex isir pjattaforma reġjonali ta’ kummerċ għal prodotti finanzjarji ambjentali innovattivi, li possibbilment jibbenefika mill-esperjenza tal-UE fl-iskambju ta’ karbonju permezz tas-Sistema Ewropea ta’ Skambju (SES). Ħong Kong kien ukoll attiv f’Kopenħagen, bis-Segretarju għall-Ambjent, Edwar Yu, li attenda l-konferenza bħala membru tad-Delegazzjoni Ċiniża. Is-soċjetà ċivili ta’ Ħong Kong kienet ukoll irrapreżentata sew.

Il-Kummissjoni Ewropea jiddispjaċiha li r-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u Ħong Kong fil-qasam tal-avjazzjoni ftit li xejn għamlu progress fl-2009. Il-Kummissjoni żammet kuntatti ma’ uffiċjali biex tħeġġeġ lil Ħong Kong jaġġorna ftehim bilaterali ta' servizzi bl-ajru mal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, u biex jagħti ċertezza legali għal ftehim eżistenti, jew bl-inklużjoni ta’ Klawżola ta' Deżinjazzjoni Komunitarja jew billi jagħżel ftehim orizzontali ta’ servizzi bl-ajru. L-iskambji bejn esperti tal-UE u ta’ Ħong Kong ser ikomplu, imma għad iridu jagħtu riżultati, minħabba li Ħong Kong jibqa’ wieħed mill-ftit ġurisdizzjonijiet fl-Asja li ma jagħrafx d-deżinjazzjoni tal-UE.

Il-kompetizzjoni hija wieħed mill-oqsma tal-iskambju bilaterali. Matul id-Djalogu Strutturat tal-2009, il-Gvern ta' Ħong Kong ikkonferma li l-Liġi dwar il-Kompetizzjoni, li għadha fl-istat ta’ abbozz, ser tiġi implimentata fis-sena leġiżlattiva 2009-2010. Il-Kummissjoni Ewropea tħeġġeġ lil Ħong Kong biex jimplimenta l-Liġi dwar il-Kompetizzjoni mill-aktar fis possibbli.

Fir-reġjun, Ħong Kong huwa ċentru għal-libertà tal-istampa u l-libertà tal-kelma, u pern ewlieni għall-midja u l-entratura għaċ-Ċina Kontinentali. L-isforzi diplomatiċi tal-Unjoni Ewropea għalhekk komplew jiffukaw biex jagħmlu l-Unjoni Ewropea iktar viżibbli f'Ħong Kong u biex titwassal informazzjoni f’waqtha u sostanzjali dwar: il-kummerċ u l-politika regolatorji tal-Unjoni Ewropea, l-enerġija u t-tibdil fil-klima, ir-regolamenti finanzjarji, id-djalogu interkulturali, l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, it-Trattat ta’ Liżbona u r-rwol tal-Unjoni Ewropea fid-dinja. Dawn l-isforzi kienu possibbli bis-saħħa tal-ħidma siewja tal-Uffiċċju tal-Unjoni Ewropea f’Ħong Kong, u tal-Istati Membri rappreżentati uffiċjalment fit-territorju.

Perspettivi għall-futur

L-ekonomija ta’ Ħong Kong irkuprat sew mill-impatt tal-kriżi finanzjarja globali, abbażi ta’ prinċipji fundamentali ekonomiċi u finanzjarji sodi u ekonomija ta’ suq miftuħ. Fatturi importanti għall-ħolqien ta’ aktar kummerċ u investiment Ewropew f’Ħong Kong fl-2010 u fil-futur huma ż-żamma ta’ strateġija soda ta’ rkupru u l-istat ta' Ħong Kong bħala ċentru finanzjarju internazzjonali, ibbażat fuq ir-regola tal-liġi, indipendenza ġudizzjarja u ambjent legali stabbli.

Ħong Kong qed jaffronta wkoll l-isfida doppja li jkompli jiżviluppa bħala pjattaforma unika għall-kummerċ, kooperazzjoni ekonomika u investiment maċ-Ċina Kontinentali, partikolarment mar-reġjun tal-Pearl River Delta, u li jżomm ir-rwol tiegħu bħala intermedjarju finanzjarju bejn iċ-Ċina u l-bqija tad-dinja.

Ħong Kong ser jibqa' sieħeb importanti għall-Unjoni Ewropea fl-Asja, minħabba l-kummerċ bilaterali u l-flussi tal-investiment tagħna, kooperazzjoni ekonomika estensiva u preżenza u interessi Ewropej wesgħin. L-Unjoni Ewropea ser iżżomm l-impenn sostanzjali tagħha mal-Gvern tar-RAS ta’ Ħong Kong biex tkompli ssaħħaħ l-iskambji regolatorji tagħna, tiffaċilita l-kummerċ u tkabbar il-kooperazzjoni tagħna f’oqsma ta’ interess reċiproku, inkluż is-saħħa, l-ambjent u teknoloġiji ġodda. Għandha ssir enfasi fuq it-titjib ta’ skambju tal-għarfien u tal-esperjenza fi kwistjonijiet relatati mal-kompetizzjoni, servizzi finanzjarji, ċertifikazzjoni u immigrazzjoni. Skambji bejn persuni u kuntatti għandhom ikomplu jiżviluppaw sabiex il-poplu ta’ Ħong Kong ikun jista’ jibbenefika mid-diversità kulturali tal-Ewropa, u biex l-Ewropej ikunu jistgħu jitgħallmu mill-kultura ta’ Ħong Kong fejn il-Lvant jiltaqa’ mal-Punent.

Id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Liżbona f’Diċembru 2009 għandu jwassal għal aktar tisħiħ fl-isforzi konġunti tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea biex l-Unjoni Ewropea tkun aktar viżibbli f'Ħong Kong. It-Trattat ġie milqugħ mill-awtoritajiet ta’ Ħong Kong. Mit-twaqqif tiegħu fl-1 ta’ Jannar 2010, l-Uffiċċju tal-Unjoni Ewropea għal Ħong Kong u l-Makaw (li qabel kien magħruf bħala l-Uffiċċju tal-Kummissjoni Ewropea) qed jirrapreżenta lill-Unjoni Ewropea bħala koordinatur u negozjatur f’dan ir-Reġjun Amministrattiv Speċjali. Dan ser ikompli jaħdem biex itejjeb ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u Ħong Kong.

Top