Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010DC0106

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol (konsultazzjoni tal-ewwel fażi tal-imsieħba soċjali f'livell tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 154 tat-TFUE)

/* KUMM/2010/0106 finali */

52010DC0106




[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussell, 24.3.2010

KUMM(2010) 106 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol(konsultazzjoni tal-ewwel fażi tal-imsieħba soċjali f'livell tal-Unjoni Ewropeaskont l-Artikolu 154 tat-TFUE)

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol(konsultazzjoni tal-ewwel fażi tal-imsieħba soċjali f'livell tal-Unjoni Ewropeaskont l-Artikolu 154 tat-TFUE)

1. INTRODUZZJONI

L-għan ta' din il-Komunikazzjoni huwa li ssir taf il-fehmiet tal-imsieħba soċjali f'livell tal-Unjoni Ewropea, skont l-Artikolu 154 tat-TFUE, dwar id-direzzjoni possibbli tal-azzjoni tal-UE fir-rigward tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol[1].

Fl-2004, il-Kummissjoni ressqet proposta biex temenda d-Direttiva[2], wara konsultazzjonijiet wiesgħa. Madankollu, f'April 2009, il-Kunsill u l-Parlament ikkonkludew li huma ma setgħux jilħqu ftehim dwar il-proposta, minkejja żewġ qari u proċess ta' konċiljazzjoni.

Dan ir-riżultat negattiv joħloq qagħda diffiċli għal bosta Stati Membri u għall-imsieħba soċjali f'livell nazzjonali. Iċ-ċarezza legali mhijiex biżżejjed dwar kif għandhom jiġu interpretati għadd ta' kwistjonijiet li għadhom ma ssolvewx minħabba n-nuqqas ta' deċiżjoni mill-ko-leġiżlaturi. Jeżistu wkoll diffikultajiet sostanzjali għal xi Stati Membri fl-implimentazzjoni ta' xi aspetti tal-acquis. Minħabba dan, f'għadd ta' Stati Membri, qed iqumu dubji serji dwar il-konformità tal-liġi jew il-prassi nazzjonali mal-liġi tal-UE. Fil-fehma tal-Kummissjoni, il-qagħda attwali tidher biċ-ċar li mhijiex sodisfaċenti: ma tiżgurax li s-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema qed jiġu mħarsa b'mod effettiv madwar l-Unjoni Ewropea f'konformità mal-liġi tal-UE, u lanqas ma tiżgura li l-flessibbiltà li qed tingħata lin-negozji u lill-ħaddiema hija biżżejjed fl-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol.

Kienu diversi l-atturi istituzzjonali li esprimew tħassib dwar il-prospett ta' żamma ta' sitwazzjoni bħal din għal perjodu indefinit. Il-Kummissjoni tqis li hija meħtieġa reviżjoni tar-regoli dwar il-Ħin tax-Xogħol fl-UE, u temmen li għandha obbligu speċjali biex twettaq dan. Fil-fatt, beħsiebha twettaq reviżjoni bħal din, imsejsa fuq stima tal-impatt b'dimensjoni soċjali qawwija u b'konsultazzjoni fl-intier tagħha mal-imsieħba soċjali.

Kwistjoni ewlenija li trid tiġi ttrattata hija l-ambitu ta' reviżjoni bħal din. Alternattiva waħda tista' tkun konċentrazzjoni fuq l-aspetti tad-Direttiva li kienu l-aktar problematiċi matul in-negozjati tal-2004-2009, u attentat mill-ġdid li jintlaħqu s-soluzzjonijiet li l-ko-leġiżlaturi issa lesti li jaqblu magħhom. Iżda billi tagħmel dan, il-Kummissjoni tkun qed titlef l-opportunità li tevalwa d-Direttiva mill-ġdid fid-dawl tal-bidliet fundamentali li saru fil-mudelli tax-xogħol mindu din bdiet teżisti oriġinarjament, u fid-dawl tal-ħtiġijiet prospettivi tal-ħaddiema, tan-negozji u tal-konsumaturi fis-Seklu 21.

Il-Kummissjoni għalhekk qed tippjana reviżjoni komprensiva tad-Direttiva, li għandha tibda b'valutazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tagħha, biex b'hekk tidentifika kwistjonijiet attwali jew potenzjali relatati mal-applikazzjoni tagħhom, u mbagħad tkun tista' tqis l-alternattivi għat-trattament ta' kwistjonijiet bħal dawn. Il-Kummissjoni tistieden lill-imsieħba soċjali biex jirriflettu fil-wisgħa dwar l-implikazzjonijiet tal-bidliet fundamentali deskritti hawn taħt, u dwar it-tip ta' regolamentazzjoni tal-ħin tax-xogħol li l-UE teħtieġ biex tkun tista' tlaħħaq mal-isfidi tas-Seklu 21 – sfidi soċjali, ekonomiċi, teknoloġiċi, u demografiċi.

2. IL-ĦIN TAX-XOGĦOL: XEJRIET U PROSPETTI

Id-Direttiva attwali tikkodifika żewġ direttivi preċedenti, li minnhom l-aktar waħda importanti ġiet adottata fl-1993, fuq il-bażi ta' proposta li saret mill-Kummissjoni fl-1990[3].

Matul dawn l-aħħar 20 sena, seħħew bidliet fundamentali fid-dinja tax-xogħol, u dawn kellhom impatt ċar fuq it-tul u d-distribuzzjoni ġenerali tal-ħin tax-xogħol. Ix-xejriet ewlenin huma:

- Tnaqqis ġenerali mill-ħin totali tax-xogħol: Is-sigħat medja ta' xogħol fil-ġimgħa fl-UE naqqsu minn 39 siegħa fl-1990 għal 37,8 sigħat fl-2006[4];

- Polarizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol bejn gruppi ta' ħaddiema. Il-ħaddiema partajm, ħafna minnhom volontarji, żiedu s-sehem tagħhom fil-forza tax-xogħol minn 14 % fl-1992 għal 18,8 % fl-2009; Madankollu, 10 % tal-impjegati kollha xorta għadhom qed jaħdmu aktar minn 48 siegħa fil-ġimgħa u kważi 7 % tal-impjegati kollha jaħdmu f'impjiegi multipli[5];

- De-standardizzazzjoni progressiva tal-ħin tax-xogħol individwali, b'varjetà li qed tiżdied fil-ħinijiet tax-xogħol matul is-sena jew tul il-ħajja tax-xogħol, flimkien ma’ prattiki aktar flessibbli fil-kumpaniji (il-ħin flessibbli, l-annwalizzazzjoni ta' ħinijiet tax-xogħol, banek tal-ħin, krediti ta' ħin, u l-bqija.).

Dawn l-iżviluppi jirriflettu l-influwenza tal-bidliet bi strutturi multipli bħall-bidla mill-manifattura għas-servizzi, u ż-żieda fil-produttività minħabba l-progress teknoloġiku u ambjent kummerċjali li qed isir dejjem aktar kompetittiv. Ukoll, iż-żieda fis-sehem tan-nisa fl-impjiegi kif ukoll l-individwalizzazzjoni ta' stili ta' ħajja li qed tiżdied (bl-emerġenza ta' varjetà akbar ta' preferenzi fir-rigward tad-distribuzzjoni tal-ħin bejn ix-xogħol u l-ħin liberu) kienu ta' influwenza fuq dawn l-iżviluppi. Għall-ġejjieni dawn il-bidliet strutturali għandhom probabbilment jaċċelleraw waqt li l-ekonomija globali tissokta bit-tranżizzjoni minn ekonomija msejsa fuq l-industrija għal ekonomija msejsa fuq l-għerf. Qegħdin jinħolqu impjiegi ġodda f'xogħlijiet analitiċi, xjentifiċi u tekniċi, jiġifieri ħaddiema involuti b'mod attiv fil-ħolqien u fid-diffużjoni tal-għerf. Din it-tranżizzjoni qed taffettwa mhux biss it-tipi u l-kwalità ta' impjiegi disponibbli fl-ekonomija u l-ħiliet li din tirrikjedi; iżda qed taffettwa wkoll il-mod ta' kif ix-xogħol qed jiġi organizzat. It-tagħrif u t-teknoloġiji tal-komunikazzjoni mtejba jistgħu jnaqqsu l-ħtieġa għall-preżenza fiżika f'lok ta' xogħol ċentralizzat u jippromwovu tipi aktar mobbli u awtonomi ta' xogħol (tele-xogħol, xogħol nomadiku).

Għal għadd li qed jikber ta' 'ħaddiema tal-għerf', ix-xogħol jista' jiġi evalwat mhux skont in-numru ta' sigħat maħduma, iżda skont l-oriġinalità u l-kwalità tal-prodott imwassal. Ħaddiema bħal dawn għandhom mnejn igawdu awtonomija estensiva fuq l-organizzazzjoni u l-post tax-xogħol tagħhom, fejn iqajjmu mistoqsijiet dwar l-applikazzjoni tar-regoli tal-ħin tax-xogħol normali. Madankollu, l-ekonomija l-ġdida msejsa fuq l-għerf qed tipproduċi wkoll ħafna impjiegi fis-servizzi tal-produzzjoni ta' rutina (ċentri telefoniċi, trattament tad-dejta), li jinvolvu ħidmiet repetittivi b'superviżjoni mill-qrib. F'dawn il-każijiet, jistgħu jinstabu livelli għolja ta' intensità fix-xogħol u ta' stress, li għandhom mnejn jeħtieġu regolamentazzjoni fl-interess tas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema, l-istess bħal fl-attivitajiet industrijali tradizzjonali.

L-immaniġġjar tal-ħin tax-xogħol qed issir dejjem aktar element importanti tal-istrateġiji kompetittivi tan-negozji. Il-qtugħ tal-ispejjeż medji fil-manifattura u fl-estensjoni tas-sigħat ta' ftuħ fis-servizzi t-tnejn ifissru li l-ħin tal-produzzjoni totali għandu jkun itwal. L-adattament għall-varjazzjonijiet fid-domanda tal-konsumatur u għal ċikli staġjonali jirrikjedu distribuzzjoni aktar varjata ta' ħinijiet ta' produzzjoni. Għalhekk, minħabba dan, forom ġodda ta' flessibbiltà fil-ħin tax-xogħol qed jiġu u se jkomplu jiġu implimentati, bħall-organizzazzjoni ta' rosters u ta' xifts biex jippermettu għall-flessibbiltà organizzazzjonali, u għall-adozzjoni ta' skedi flessibbli ta' xogħol[6].

Aktar riċenti, fil-kriżi attwali, il-flessibbiltà fil-ħin tax-xogħol saret strument ewlieni għal ħafna negozji biex jadattaw għad-domanda li naqqset sew. Ġew introdotti skedi ta' xogħol b'ħinijiet qosra, ta' sikwit b'kumpens ta' salarju parzjali jew ikkumbinati ma' taħriġ, u xi Stati Membri ħadu miżuri politiċi biex jipprovdu l-appoġġ finanzjarju għal prattiki bħal dawn.

B'mod parallel ma’ dawn il-bidliet misjuqa mill-kummerċ, qed jikber l-għarfien li l-flessibbiltà fil-ħin tax-xogħol tista' tgħin lill-ħaddiema biex jirrikonċiljaw il-ħajja tax-xogħol tagħhom mal-ħajja privata. Issa li għandna forza tax-xogħol aktar diversifikata fl-UE, l-iskedi flessibbli tax-xogħol jistgħu jipprovdu lill-ħaddiema b'aktar opportunitajiet biex jadattaw il-ħin tax-xogħol mal-ħtiġijiet individwali. Taħt ċerti ċirkostanzi, dan jista' wkoll isaħħaħ l-opportunitajiet ugwali għall-progress fl-impjiegi u fil-karrieri, u jiffaċilita l-aċċess għall-impjiegi għall-kategoriji żvantaġġjati ta' dawk li qed ifittxu x-xogħol[7].

Iżda għandna wkoll nirrikonoxxu li xi forom ta' flessibbiltà fil-ħin tax-xogħol jistgħu jwasslu għall-intensifikazzjoni tax-xogħol, b'effetti fuq is-saħħa u s-sikurezza, fuq is-sodisfazzjon tal-ħaddiema, fuq il-produttività organizzazzjonali u fuq l-opportunitajiet għat-taħriġ. Jista' jitfaċċa nuqqas ta' persunal, b'mod partikolari fi professjonijiet ta' ħiliet għolja, li jirrendi x-xogħol aktar attraenti għal dawk li jistgħu jiksbu salarji ogħla, waqt li jeżerċita pressjoni 'l fuq, fuq il-ħin tax-xogħol ta' ħaddiema b'ħiliet baxxi.

It-tixjiħ tas-soċjetajiet tagħna jista' wkoll ikollu impatt fuq il-mod ta' kif il-ħaddiema jqassmu l-ħin tagħhom bejn ix-xogħol u l-ħin liberu, li jżid ix-xewqa għal bilanċ aħjar bejn il-xogħol u l-ħajja privata b'konsegwenza ta' reazzjoni negattiva kontra l-kultura tas-sigħat twal.

3. REGOLAMENTAZZJONI TAL-ĦIN TAX-XOGĦOL

F'kull pajjiż, ir-regolamentazzjoni mandatorja tal-ħin tax-xogħol hija taħlita kumplessa ta' regoli ġenerali u settorali msejsa fuq il-liġi statutorja u fuq ftehimiet kollettivi. Ir-regolamentazzjoni internazzjonali f'dan il-qasam hija estensiva, u storikament ħalliet influwenza deċiżiva fuq it-tnaqqis progressiv tas-sigħat maħduma mill-impjegati[8]. Ir-rwol tal-istandards (li minnhom hemm 39 differenti) tal-ILO għadu dejjem sinifikanti ħafna globalment, b'mod partikolari f'pajjiżi b'kundizzjonijiet ifqar ta' xogħol. Il-prinċipji bażiċi li fuqhom hija msejsa r-regolamentazzjoni tal-ħin tax-xogħol huma stipulati fl-Artikolu 31 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE[9].

Id-Direttiva tal-UE 2003/88/KE tistipula standards minimi għal massimu ta' sigħat ta' xogħol fil-ġimgħa, perjodi ta' mistrieħ kuljum u fil-ġimgħa, serħan mix-xogħol u liv annwali mħallas, kif ukoll xogħol ta' bil-lejl u perjodi ta' referenza għall-kalkolu ta' sigħat ta' serħan fil-ġimgħa u ħinijiet massimi ta' xogħol fil-ġimgħa. Id-Direttiva hija pjuttost ddettaljata fid-dispożizzjonijiet tagħha, u tikkonforma mal-għan speċifiku tal-ħarsien tas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema. Madankollu, tagħti lok għall-flessibbiltà fl-organizzazzjoni attwali tal-ħin tax-xogħol.

- L-Istati Membri jistgħu jadattaw regoli tal-UE għaċ-ċirkostanzi nazzjonali tagħhom (pereżempju, il-ħin massimu ta' xogħol fil-ġimgħa ġie stipulat għal anqas minn 48 siegħa f'ħafna pajjiżi);

- Jeżisti ambitu sostanzjali għall-arranġamenti flessibbli ta' xogħol permezz ta' negozjar kollettiv (pereżempju, l-annwalizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol);

- Hemm ħafna derogi u eċċezzjonijiet mid-dispożizzjonijiet ġenerali (pereżempju, dwar il-ħin ta' mistrieħ kompensatorju, jew id-deroga (opt-out) individwali mir-regola tat-48 siegħa).

Ir-regolamentazzjoni tal-ħin tax-xogħol segwiet b'mod tradizzjonali l-għanijiet ta' saħħa u sikurezza, u r-riformi ta' sikwit assumew li l-progress tekniku jwassal b'mod inevitabbli għal aktar ħin liberu. Il-ġustifikazzjoni tas-soltu għar-regolamentazzjoni tal-ħin tax-xogħol hija l-ħtieġa li jiġu kkumpensati l-effetti negattivi tal-istress li jista' jirriżulta minn tranżazzjonijiet individwali mhux regolati.

Dan l-aħħar madankollu, il-punt fokali fuq id-dibattitu nbidel, u l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol qiegħda dejjem aktar titqies bħala ferm importanti għat-titjib fil-produttività u fil-kompetittività, għall-appoġġ tal-bilanċ bejn il-ħajja privata u x-xogħol, u fil-ġlieda rigward id-diversità dejjem tikber ta' preferenzi u ta' mudelli tax-xogħol. Għalhekk tqum il-mistoqsija: ir-regolamentazzjoni tal-ħin tax-xogħol qiegħda żżomm il-pass ma' dawn l-iżviluppi? Jew jeħtieġu riformi biex jadattaw ir-regoli attwali għall-ħtiġijiet tal-kumpaniji, tal-ħaddiema u tal-konsumaturi fis-Seklu 21?

Fl-2004, il-Kummissjoni pproponiet[10] l-emenda tad-Direttiva 2003/88/KE bi tliet għanijiet speċifiċi:

- Il-kjarifika tal-applikazzjoni tad-Direttiva f'sitwazzjonijiet ta' ħin ta' disponibbiltà (on-call), bi qbil mal-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-każijiet SIMAP , Jaeger u Dellas .

- Il-permess li l-perjodu ta' referenza għall-medja tal-ħinijiet ta' xogħol fil-ġimgħa jiġi estiż b' leġiżlazzjoni nazzjonali għal massimu ta' tnax-il xahar.

- Ir-reviżjoni tan-nuqqas ta' applikazzjoni (opt-out) individwali mil-limitu tat-48 siegħa fir-rigward tal-medja tal-ħinijiet ta' xogħol fil-ġimgħa (din ir-reviżjoni kienet speċifikament meħtieġa mill-Artikolu 22 tad-Direttiva).

Din l-istrateġija kienet tirrifletti sew il-problemi li baqgħu ma ssolvewx bil-leġiżlazzjoni jew bil-ġurisprudenza eżistenti. Madankollu, matul id-dibattitu tal-2004-2009, żdiedu kwistjonijiet oħra ma' dan, jew min-naħa tal-Parlament jew tal-Kunsill, bħar-rikonċiljazzjoni tax-xogħol mal-ħajja familjari, u t-trattament ta' sitwazzjonijiet speċjali bħall-'ħaddiema awtonomi' u l-ħaddiema b'aktar minn impjieg wieħed fl-istess ħin. Dawn il-kwistjonijiet tal-aħħar huma relatati mal-iżviluppi strutturali msemmija hawn fuq.

4. L-GĦANIJIET TA' REVIŻJONI KOMPRENSIVA

Il-bidliet fundamentali li qed iseħħu fid-dinja tax-xogħol jirrikjedu adattament tal-qafas regolatorju kemm f'livell tal-UE kif ukoll f'livell nazzjonali. Reviżjoni komprensiva bħal din għandha titfassal permezz ta' sensiela ta' għanijiet ta' politika li kapaċi jattiraw kunsens wiesa' fost il-partijiet interessati.

Il-ħarsien tas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema għandu jibqa' jitqies bħala l-għan ewlieni ta' kwalunkwe regolamentazzjoni tal-ħin tax-xogħol, billi l-bażi legali għad-Direttiva hija l-Artikolu 153(1a) 'it-titjib tal-ambjent ta' fuq ix-xogħol għall-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema'.

Madankollu, għandhom jitqiesu wkoll għanijiet oħra. L-arranġamenti tal-ħin tax-xogħol fl-UE għandhom rwol importanti ħafna fit-titjib tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja familjari, billi jipprovdu lill-ħaddiema bil-ħin li jeħtieġu biex iwettqu r-responsabbiltajiet familjari tagħhom, u jippermettulhom jinfluwenzaw l-allokazzjoni tal-ħin tax-xogħol tagħhom. Għandha titqies ukoll leġiżlazzjoni oħra tal-UE li tikkontribwixxi għal dan l-għan, bħad-direttivi tal-liv tal-maternità, il-liv tal-ġenituri, u x-xogħol partajm.

Ir-regolamentazzjoni tal-ħin tax-xogħol jista' jkollha wkoll effett sinifikanti fuq il-ħila tan-negozji li jirrispondu b'aktar flessibbiltà għaċ-ċirkostanzi esterni li qed jinbidlu. Aktar flessibbiltà fil-ħinijiet tal-produzzjoni u l-ħinijiet tal-ftuħ jistgħu joħolqu vantaġġi kompetittivi fl-ispiża għan-negozji. Il-flessibbiltà fil-ħin tax-xogħol hija importanti wkoll għall-ħaddiema individwali, biex ikunu jistgħu jaġġustaw l-iskedi ta' ħin tagħhom skont id-diversi stadji fil-ħajja tagħhom, u skont il-preferenzi individwali tagħhom.

Fl-aħħar nett, bi qbil mal-aġenda tal-UE dwar regolamentazzjoni aħjar, huwa importanti li r-regolamentazzjoni tal-ħin tax-xogħol f'livell tal-UE u f' dak nazzjonali tkun tista' tilħaq l-għanijiet tagħha mingħajr ma żżid piż amministrattiv bla meħtieġ fuq l-intrapriżi speċjalment fuq l-SMEs.

5. KWISTJONIJIET PRINĊIPALI FL-APPLIKAZZJONI TAD-DIRETTIVA

Reviżjoni komprensiva tad-Direttiva għandha tibda billi tanalizza l-impatt tal-bidliet emerġenti fil-mudelli tax-xogħol fuq l-applikazzjoni tad-Direttiva attwali, u billi tidentifika liema dispożizzjonijiet iridu jiġu adattati, issimplifikati jew iċċarati. Fil-parti l-kbira, dawn id-diffikultajiet fl-applikazzjoni tad-Direttiva jistgħu jirriflettu l-ħtieġa għal adattament aktar fundamentali tar-regoli preżenti.

1. Is-sigħat tax-xogħol

Is-sigħat medja tax-xogħol fil-ġimgħa fl-UE huma 'l isfel jew nieżla mil-limitu ta' 48 siegħa Madankollu, huwa ċar li xi gruppi ta' ħaddiema qed jissoktaw b'sigħat ta' xogħol medja itwal, li jvarjaw fil-wisgħa bejn id-49 siegħa u 'l fuq minn 80 siegħa fil-ġimgħa.

Mudelli ġodda ta' xogħol jistgħu jrendu lill-ħaddiema aktar awtonomi u mobbli, waqt li jqajmu tħassib dwar l-applikazzjoni jew l-adegwadezza tal-limiti tal-ħin tax-xogħol. Barra minn hekk, f'xi setturi jew professjonijiet, sigħat itwal jistgħu jitqiesu meħtieġa (fil-medda qasira ta’ żmien, jew anki f’dik twila) biex jiżguraw il-kompetittività, biex jirrispondu għall-flussi staġjonali jew għan-nuqqasijiet ta' xogħol tas-sengħa, jew biex jiggarantixxu servizzi pubbliċi essenzjali ta' 24 siegħa.

Dan il-limitu ta' 48 siegħa diġà ġie estiż f'xi każijiet, fl-alternattivi permessi mid-Direttiva. notevolment, fid-deroga għal ħaddiema hekk imsejħa awtonomi, u fid-deroga ('opt-out') individwali. L-użu tad-deroga (opt-out) żdied b'mod sostanzjali fis-snin reċenti madwar l-UE. Illum, ħames Stati Membri jużaw id-deroga fis-setturi kollha tal-ekonomija; 10 Stati Membri oħra jużawh f'ċerti setturi, l-aktar dawk fejn il-ħin ta' disponibbiltà (on-call) huwa prevalenti.

Hemm ukoll il-kwistjoni partikolari tal-ħaddiema b'aktar minn kuntratt wieħed, li jistgħu jaħdmu aktar minn 48 siegħa għall-istess sid jew għal sidien differenti[11].

Bosta partijiet interessati jqisu li l-ħaddiema ma għandhomx jinżammu milli jaħdmu iktar mill-medja ta' 48 siegħa, jekk jixtiequ jiksbu dħul addizzjonali, jew jakkwistaw progress aktar rapidu fil-karriera tagħhom. Bil-maqlub, intqal li restrizzjoni legali hija meħtieġa biex tħares is-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema, billi l-ħaddiema individwali ma jistgħux dejjem jagħmlu għażliet liberi dwar il-limiti tal-ħin tax-xogħol, minħabba l-pożizzjoni ta' negozjar inferjuri tagħhom fil-konfront tas-sidien. Flimkien ma' dan, sigħat twal ta' xogħol x'aktarx li jaffettwaw b'mod negattiv il-produttività, il-kreattività u l-ġenerazzjoni tal-impjiegi, kif ukoll ir-rikonċiljazzjoni tax-xogħol mal-ħajja familjari

2. Ħin ta' disponibbiltà (on-call)

F'xi setturi jew professjonijiet, il-ħin tax-xogħol jinkludi perjodi ta' ħin ta' disponibbiltà ('on-call'), fejn il-ħaddiem huwa obbligat jibqa' preżenti fil-post tax-xogħol u jkun lest li jaħdem jekk jissejjaħ biex jagħmel dan, iżda mhux meħtieġa attenzjoni kontinwa, wieħed jista' jorqod jew jistrieħ jekk ma jissejjaħx.

Il-ħin ta' disponibbiltà huwa b'mod partikolari komuni f'servizzi ta' 24 siegħa ta' kura għas-saħħa, ta' kura residenzjali u ta' servizzi ta' emerġenza, bħall-pulizija u l-ħaddiema tat-tifi tan-nar. Il-livelli ta' attività attwali matul il-ħin ta' disponibbiltà jvarjaw sew bejn is-setturi u bejn l-Istati Membri. F'xi sitwazzjonijiet il-ħaddiema jridu jżommu livelli għolja ta' attività fuq perjodi twal bi ftit li xejn ċans ta' mistrieħ. F'sitwazzjonijiet oħra, dawn rarament jissejħu għax-xogħol fil-prattika, iżda xorta huma suġġetti għar-restrizzjoni li jibqgħu fil-post tax-xogħol.

Dan it-tip partikolari ta' flessibbiltà tal-ħin tax-xogħol meħtieġ mit-tħaddim ta' servizzi permanenti joħloq il-problema delikata ta' kif għandhom jiġu kkalkulati s-sigħat tax-xogħol u l-perjodi ta' mistrieħ f'każijiet ta' ħin disponibbli skont id-Direttiva. Sigħat twal fuq il-post tax-xogħol jistgħu jkollhom effetti ħżiena fuq is-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema kif ukoll fuq il-kompatibbiltà bejn ix-xogħol u l-ħajja familjari. Għalhekk jintqal ta' spiss li l-ħin kollu ta' disponibbiltà fil-post tax-xogħol għandu jitqies bħala ħin tax-xogħol, u l-ebda parti minnu ma għandha qatt titqies bħala ħin ta' mistrieħ. Fil-każijiet SIMAP-Jaeger-Dellas, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Direttiva għandha tiġi interpretata li tiddetermina li perjodi ta' disponibbiltà għandhom jgħoddu siegħa b'siegħa bħala ħin tax-xogħol.

Min-naħa l-oħra, ġie enfasizzat li l-fatt li l-perjodi ta' disponibbiltà jgħoddu bħala ħin ta' xogħol 100 % waqt li fl-istess ħin jiġi stabbilit il-limitu ta' 48 siegħa, jista' jkollu konsegwenzi ħżiena ħafna għat-tħaddim u l-iffinanzjar tas-servizzi li jeħtieġu flessibbiltà speċjali biex jiffunzjonaw fuq bażi ta' 24 siegħa. Intqal pereżempju li f'ċerti Stati Membri, l-ispejjeż tas-servizzi tas-saħħa għandhom mnejn jogħlew b'mod drammatiku, filwaqt li dan iżid ma' sfidi oħra bħall-ispiża li qed tiżdied ta' prodotti mediċinali u l-effetti tat-tixjiħ tal-popolazzjoni. In-nuqqas ta' xi ħaddiema tas-sengħa fil-qasam mediku diġà joħoq diffikultà kbira għal xi Stati Membri biex jirreklutaw jew iżommu biżżejjed persunal speċjalizzat.

Tqiesu alternattivi oħra biex jiġu evitati dawn il-konsegwenzi. Xi wħud minn dawn l-alternattivi jkunu jeħtieġu bidliet fl- acquis . Pereżempju, perjodi inattivi ta' ħin ta' disponibbiltà fil-post tax-xogħol jistgħu ma jitqisux meta jiġi kkalkulat il-ħin tax-xogħol. Jew alternattivament jistgħu jiġu kkalkulati bħala inqas minn ħin tax-xogħol 100 %, proporzjonali mal-livell ta' attenzjoni meħtieġa (l-hekk imsejħa sistema ta' ekwivalenza).

3. Flessibbiltà fuq is-sigħat medja ta' xogħol fil-ġimgħa

Il-flessibbiltà fid-distribuzzjoni ta' sigħat maħduma matul iż-żmien huwa fattur kompetittiv importanti b'mod partikolari għal dawk is-setturi li huma suġġetti għall-flussi fiċ-ċikli ta' attività tagħhom.

Id-Direttiva diġà tagħti lok għal ammont ta' flessibbiltà – meta jiġi kkalkulat il-limitu ta' 48 siegħa fir-rigward ta' ħin tax-xogħol, is-sigħat medja maħduma fil-ġimgħa jiġu kkalkulati fuq 'perjodu ta' referenza'. Normalment, il-perjodu ta' referenza ma jistax jaqbeż l-erba' xhur, iżda d-derogi jippermettu sa sitt xhur f'ċerti attivitajiet, jew (permezz ta' ftehim kollettiv biss) sa 12-il xahar fi kwalunkwe attività.

Madankollu, intwera tħassib dwar ir-restrizzjonijiet tal-estenzjoni tal-perjodu ta' referenza bażiku ta' erba' xhur min-negozji li jaħdmu f'setturi jew f'pajjiżi fejn ma hemmx tradizzjoni ta' negozjar kollettiv, u b'mod aktar ġenerali, mill-SMEs. Dawn iħossu rwieħhom żvantaġġati b'dawn ir-restrizzjonijiet, u li l-ħtieġa għal flessibbiltà fil-ħin tax-xogħol mhijiex marbuta mal-mudell tar-relazzjonijiet indjustrijali jew mad-daqs tal-intrapriża.

Dawn ir-regoli jistgħu jsiru aktar flessibbli billi l-liġi nazzjonali titħalla tistabbilixxi perjodu ta' referenza sa 12-il xahar. Dan ċertament għandu jgħin lill-kumpaniji jaġġustaw il-ftuħ jew il-ħinijiet ta' produzzjoni għal varjazzjonijiet fl-attività kkawżati minn ċikli staġjonali jew ekonomiċi.

Min-naħa l-oħra, perjodi twal ta' referenza jistgħu jitqiesu bħala inkoraġġiment għal sigħat twal ta' xogħol fuq perjodu ta' żmien imtawwal, u għalhekk, bħala li jipprovokaw effetti mhux mixtieqa fuq is-saħħa u s-sikurezza u għar-rikonċiljazzjoni bejn ix-xogħol u l-ħajja familjari. Xi tip ta' kundizzjoni protettiva għandha mnejn tkun meħtieġa biex jiġi evitat dan l-eżitu.

4. Flessibbiltà fuq it-tul ta' ħin ta' mistrieħ minimu ta' kuljum u fil-ġimgħa

Kwistjoni oħra importanti hija l-flessibbiltà li jibqa' għan-negozji biex jiġi ddeterminat meta għandhom jittieħdu l-perjodi ta' mistrieħ ta' kuljum u fil-ġimgħa mistħoqqa skont id-Direttiva.

Id-Direttiva attwalment tippermetti li parti jew saħansitra l-perjodu kollu ta' mistrieħ jittardja, sakemm is-sigħat minimi mitlufa kollha ta' mistrieħ jiġu kkumpensati bis-sħiħ aktar tard. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sigħat ta' mistrieħ kompensatorji bħal dawn għandhom jittieħu malajr kemm jista' jkun; fi kwalunkwe każ, ħin ta' mistrieħ ta' kuljum mitluf għandu jittieħed minnufih wara xift estiż.

Xi partijiet interessati qalu li l-mistrieħ minimu (sew ta' kuljum kif ukoll jekk fil-ġimgħa) għandu dejjem jittieħed minnufih; jew, għall-inqas, ittardjat għall-iqsar żmien possibbli u kkumpensat bis-sħiħ minnufih. Huma jiġbdu l-attenzjoni lejn ir-riskji potenzjali għas-saħħa u s-sikurezza li jinħolqu għall-ħaddiema għajjenin kemm għalihom infushom kif ukoll għal oħrajn, u lejn il-ħsarat għall-kapaċità funzjonarja u għall-produttività li jistgħu jirriżultaw min-nuqqas ta' mistrieħ.

Min-naħa l-oħra, flessibbiltà akbar fil-ħinijiet u fl-organizzazzjoni ta' mistrieħ kompensatorju tista' tgħin lin-negozji jorganizzaw ix-xogħol, b'mod partikolari meta dawn jipprovdu servizzi ta' 24 siegħa f'żoni remoti, jew meta jaffaċċjaw nuqqas ta' ħaddiema tas-sengħa. F'xi każijiet, flessibbiltà bħal din tista' tgħin lill-ħaddiema wkoll fir-rikonċiljazzjoni tax-xogħol u l-ħajja familjari, jew tgħinhom jadattaw skont il-preferenzi individwali tagħhom.

6. IL-PASSI LI JMISS

Din il-Komunikazzjoni tikkostitwixxi l-ewwel fażi ta’ konsultazzjoni stipulata fl-Artikolu 154(2) tat-TFUE. F'din il-fażi, il-Kummissjoni qed tfittex il-fehmiet tal-imsieħba soċjali dwar jekk hijiex meħtieġa azzjoni f'livell tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol, u dwar l-ambitu ta' inizjattiva bħal din.

Il-Kummissjoni għandha teżamina l-fehmiet espressi matul l-ewwel fażi, u mbagħad għandha tiddeċiedi jekk hijiex xierqa li tittieħed azzjoni tal-UE Jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi favur dan, għandha tniedi konsultazzjoni tat-tieni fażi tal-imsieħba soċjali f'livell tal-UE. Din il-fażi għandha tkopri l-kontenut ta' kwalunkwe proposta għall-azzjoni, skont l-Artikolu 154(3) TFUE.

B'mod parallel ma' dawn il-konsultazzjonijiet, il-Kummissjoni għandha twettaq stima ta' impatt estensiva, inkluż eżami tal-applikazzjoni legali tad-Direttiva fl-Istati Membri u studju dwar l-aspetti soċjali u ekonomiċi li huma pertinenti għal reviżjoni komprensiva tad-Direttiva. Naturalment, l-istima tal-impatt mhux se tippreġudika l-eżitu tal-konsultazzjonijiet. Il-Kummissjoni beħsiebha tippubblika r-riżultati tal-istima tal-impatt tagħha fil-ħin biex tgħarraf lid-dibattiti istituzzjonali bi kwalunkwe proposta leġiżlattiva.

Il-mistoqsijiet li l-Kummissjoni qed tipproponi li tikkonsulta l-imsieħba soċjali dwarhom huma kif ġej:

5. Kif nistgħu niżviluppaw proposti bilanċjati u innovattivi rigward l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol li jmorru lil hinn mid-dibattiti li ma wasslu mkien tal-aħħar proċess ta' konċiljazzjoni? X'inhi l-viżjoni tagħkom fil-medda t-twila ta' żmien għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol f'ambjent modern?

6. X'impatt kellhom il-bidliet fil-mudelli tax-xogħol u tal-prattika fuq l-applikazzjoni tad-Direttiva? X' dispożizzjonijiet partikolari ma għadhomx jgħoddu, jew saru aktar diffiċli biex jiġu applikati?

7. X'kienet l-esperjenza tagħkom sa issa dwar it-tħaddim ġenerali tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol? X'kienet l-esperjenza tagħkom rigward il-kwistjonijiet ewlenin identifikati fit-Taqsima 5 ta' dan id-dokument?

8. Taqblu mal-analiżi li tinsab f'dan id-dokument rigward l-organizzazzjoni u r-regolamentazzjoni tal-ħin tax-xogħol fl-UE? Taħsbu li hemm xi kwistjonijiet oħra li għandhom jiżdiedu?

9. Taħsbu li l-Kummissjoni għandha tniedi inizjattiva biex temenda d-Direttiva? Jekk iva, taqblu mal-għanijiet ta' reviżjoni kif stipulat f'dan id-dokument? X'taħsbu li għandu jkun l-ambitu tiegħu?

10. Taħsbu li, barra l-miżuri leġiżlattivi, hemm xi azzjoni oħra f'livell tal-Unjoni Ewropea li għandha tiġi kkunsidrata? Jekk iva, x'forma ta' azzjoni għandha tittieħed, u dwar liema kwistjonijiet?

11. Tixtiequ li jitqies il-ftuħ ta' djalogu skont l-Artikolu 155 TFUE dwar kwalunkwe minn dawn il-kwistjonijiet identifikati f'din il-konsultazzjoni? Jekk iva, dwar liema?

[1] Id-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, (ĠU L 299, 18.11.2003, p. 9).

[2] Il-proposta oriġinali COM(2004) 607: il-proposta emendata COM(2005) 246.

[3] Proposta għal direttiva li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħinijiet tax-xogħol — COM(90) 317, 20.9.1990.

[4] 37,2 sigħat esklużi l-10 Stati Membri li ssieħbu fl-UE fl-2004. Minkejja l-influwenza taċ-ċiklu ekonomiku, is-sigħat fil-ġimgħa maħduma minn impjegati full-time juru xejra li kemxejn qed tonqos matul l-istess perjodu. (dejta tal-Eurostat).

[5] Ir-Raba’ Stħarriġ Ewropew dwar il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol.

[6] 'Il-ħinijiet tax-xogħol fl-UE u f'ekonomiji globali oħra', Il-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kundizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol, 2008.

[7] Ibidem.

[8] L-ewwel konvenzjoni tal-ILO – il-Konvenzjoni dwar is-Sigħat tax-Xogħol (fl-Industrija) ippubblikata fl-1919 – tistipula l-istandard ta' tmien sigħat għal jum wieħed ta' xogħol u ta' 48 siegħa għal ġimgħa xogħol.

[9] 'l-Artikolu 31 Kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u xierqa1. Kull ħaddiem għandu d-dritt għal kundizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is-saħħa, is-sigurtà u d-dinjità tiegħu.2. Kull ħaddiem għandu d-dritt għal limitazzjoni ta' sigħat massimi tax-xogħol, għal perjodi ta' mistrieħ kuljum u fil-ġimgħa u għal perjodu annwali ta' liv imħallas.'

[10] Il-proposta oriġinali COM(2004) 607; il-proposta emendata COM(2005) 246.

[11] 0,6 % mill-ħaddiema fl-UE jaħdmu kemm aktar minn 48 siegħa fil-ġimgħa bħala medja, kif wkoll jaħdmu f'impjiegi multipli (Ir-raba' EWCS, 2005).

Top