EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010AE0445

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Ir-reviżjoni tal-politika Komunitarja dwar l-innovazzjoni f’dinja li qed tinbidel” COM(2009) 442 finali

OJ C 354, 28.12.2010, p. 80–84 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

28.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 354/80


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Ir-reviżjoni tal-politika Komunitarja dwar l-innovazzjoni f’dinja li qed tinbidel”

COM(2009) 442 finali

2010/C 354/19

Relatur: is-Sur MALOSSE

Nhar it-2 ta' Settembru 2009, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Ir-reviżjoni tal-politika Komunitarja dwar l-innovazzjoni f’dinja li qed tinbidel

COM(2009) 442 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-2 ta' Marzu 2010.

Matul l-461 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-17 u t-18 ta' Marzu (seduta tas-17 ta' Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’108 voti favur, vot 1 kontra u 2 astensjonijiet.

1.   X’inhi l-innovazzjoni?

1.1   Skont id-definizzjoni kkwotata fil-Komunikazzjoni: “L-innovazzjoni hija l-kapaċità li wieħed jieħu l-ideat ġodda u jittrasformahom f’riżultati kummerċjali permezz ta' proċessi, prodotti jew servizzi ġodda b’tali mod li dawn ikunu aqwa u aktar effiċjenti minn dawk tal-kompetituri (1)”.

1.1.1   L-innovazzjoni hija pjuttost azzjoni milli kapaċità, fid-dawl tal-fatt li huwa proċess li jagħmilha possibbli li l-ideat ġodda jew dawk eżistenti jitbiddlu f’riżultati.

1.1.2   L-innovazzjoni hija sikwit il-frott ta' ħidma kollettiva (assoċjazzjoni tal-intrapriżi, imsieħba soċjali, riċerkaturi, eċċ.); hija tapplika wkoll għall-funzjonament intern tal-intrapriża, b’mod partikolari permezz tal-ideat tal-impjegati. Fil-konfront tal-kompetizzjoni globali, l-intrapriżi Ewropej għandhom jiżviluppaw proċeduri aħjar biex jinvolvu lill-impjegati fir-riżultati tal-intrapriża u jħeġġu l-kreattività tagħhom.

1.1.3   L-innovazzjoni tista’ tinvolvi wkoll oqsma li m’għandhomx impatt dirett fuq is-suq, bħall-iżvilupp uman, is-saħħa, l-innovazzjoni soċjali u ambjentali, is-servizzi ta' interess ġenerali, iċ-ċittadinanza u l-għajnuna għall-iżvilupp.

1.2   Fil-fatt, l-innovazzjoni hija pjuttost għan tas-soċjetà inġenerali, li tagħmel l-aħjar użu mill-kreattività tal-bniedem biex tippromovi żvilupp ekonomiku sostenibbli u aktar armonjuż.

1.2.1   L-innovazzjoni għandha ssib soluzzjonijiet għall-isfidi tas-soċjetà tagħna ta' dan is-seklu: il-provvista tal-enerġija sostenibbli u l-protezzjoni tal-klima, l-iżvilupp demografiku, il-globalizzazzjoni, il-miżuri meħuda bil-għan li r-reġjuni tal-UE jkunu attraenti, il-ħolqien tal-impjiegi, il-koeżjoni u l-ġustizzja soċjali.

1.3   L-innovazzjoni mhijiex il-mira aħħarija; din tgħin biex jintlaħqu l-għanijiet tas-soċjetà – li fil-qosor nistgħu nirreferu għalihom bħala “progress” u “sostenibbiltà” – madanakollu rridu naqblu dwar kif għandhom jiġu definiti u mkejla dawn iż-żewġ kunċetti.

Il-KESE jemmen li tkun idea tajba li l-Unjoni tkun pijuniera f’dan il-qasam billi tiddefinixxi u tuża indikaturi ġodda fil-qasam ekonomiku u u dak tas-soċjetà li jistgħu jkejlu t-tkabbir u kif dan jiżvolġi fil-milja taż-żmien (2).

2.   X’wettqet l-Unjoni Ewropea?

Il-Komunikazzjoni naturalment tpinġi kwadru sabiħ ħafna tal-azzjonijiet meħuda mill-Unjoni rigward it-titjib tal-kundizzjonijiet qafas, l-appoġġ mogħti bil-għan li l-prodotti u s-servizzi innovattivi fis-suq jiġu adottati b’mod aktar wiesa’, il-ħolqien ta' sinerġiji u l-aspett finanzjarju. Għandu jiġi enfasizzat li l-analiżi tagħha tissejjes l-aktar fuq l-innovazzjonijiet teknoloġiċi.

L-użu tat-terminu “politika Komunitarja” meta nkunu qed nirreferu għall-innovazzjoni huwa kemxejn pompuż peress li, kif tixhed sewwa l-analiżi mressqa f’din il-Komunikazzjoni, hawnhekk aktar qed nitħaddtu dwar firxa ta' miżuri u azzjonijiet li qed jiġu kkoordinati Fil-fatt, l-UE m’għandha l-ebda kompetenza legali f’dan il-qasam (kompetenza ta' appoġġ).

2.1   It-titjib tal-kundizzjonijiet qafas

2.1.1   Ċerti miżuri meħuda mill-UE, bħar-reviżjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-istat li jħeġġu l-investimenti ekoloġiċi u l-investiment fir-R&Ż jew il-fużjoni tal-Euro Info Centres u l-Innovation Relay Centres (ċentri li jaħdmu bi sħab fil-qasam tal-innovazzjoni) fil-kuntest tal-Enterprise Europe Netwerk, kellhom impatt pożittiv ġenwin. It-tnedija tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar qanqlet ħafna stennijiet li sal-lum il-ġurnata għadhom ma wasslux għal biżżejjed kisbiet konkreti u viżibbli għall-SMEs (3). Nistgħu nsemmu wkoll il-Komunikazzjoni “Ħiliet ġodda għal impjiegi ġodda” li hija pass ’il quddiem fit-triq it-tajba, iżda sa issa kienet biss komunikazzjoni bl-ebda mezz li tiġi implimentata.

2.1.2   Għall-kuntrarju, in-nuqqas ta' deċiżjoni dwar il-brevett Komunitarju huwa rikonoxximent espliċitu ta' kemm il-Kunsill Ewropew huwa inkapaċi li jadotta l-miżuri meħtieġa li jkollhom effett dirett fuq l-innovazzjoni, kif jagħti xhieda t-tnaqqis kontinwu tal-brevetti rreġistrati fl-Ewropa meta mqabbla mal-bqija tad-dinja, iżda wkoll l-ispejjeż konsiderevolment ogħla għall-Ewropej. Minħabba f’hekk, l-UE ma tipprovdix biżżejjed protezzjoni u dan jolqot ħażin lill-intrapriżi, b’mod partikolari l-SMEs.

2.1.3   Il-politiki u l-istrumenti proposti mill-Kummissjoni Ewropea s’issa kienu qed jiffukaw prinċipalment fuq il-fażijiet inizjali meħtieġa tal-innovazzjoni u fuq il-korpi pubbliċi u privati kbar tar-riċerka. Dan l-approċċ għandu jiġi kkumplementat permezz ta' miżuri u strumenti addizzjonali, pereżempju proċessi għat-tfassil tar-regoli li jiffukaw aktar u b’mod sistematiku fuq il-proċess innovattiv.

2.1.4   B’mod ġenerali, l-amministrazzjonijiet – partikolarment fil-livell lokali – jistgħu jkunu sors ta' innovazzjoni, fl-oqsma kollha.

2.1.4.1   Rigward l-akkwisti pubbliċi, bosta u bosta drabi, il-kuntratturi jagħtu preferenza lill-offerti l-aktar baxxi, bi ħsara għall-kwalità tal-offerti. L-innovazzjoni tista’ titħeġġeġ billi l-akkwisti pubbliċi jiġu diretti lejn l-innovazzjoni u b’hekk tittejjeb il-kwalità tas-servizzi liċ-ċittadini (4).

2.2   Implimentazzjoni tal-politiki tal-innovazzjoni

2.2.1   Il-Komunikazzjoni tenfasizza ż-żieda fil-possibbiltajiet għall-finanzjament mill-baġit Ewropew fil-qafas tal-perspettivi finanzjarji għall-2007–2013.

2.2.1.1   Iżda għal dawk li jobogħdu d-dewmien u l-kumplessità tal-proċeduri, din iż-żieda diffiċilment tidher, b’mod partikolari rigward is-Seba’ Programm Kwadru għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku. Dan jista’ jingħad ukoll għall-Fondi Strutturali Ewropej: il-piż burokratiku, in-nuqqas ta' viżibbiltà dovuta għall-fatt li l-għajnuna titqassam f’ammonti żgħar ħafna u r-regola tal-addizzjonalità ma jħalluhomx ikunu xpruni ġenwini għall-innovazzjoni.

2.2.1.2   Ir-reviżjoni li jmiss tar-regolament finanzjarju għandha tipprovdi l-opportunità biex ir-regoli fil-qasam tal-parteċipazzjoni, l-eliġibbiltà u r-rappurtar jiġu ssemplifikati, ikkonċentrati u jservu ta' mudell.

2.2.2   Dan jista’ jingħad ukoll għall-istrumenti finanzjarji użati mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) li ġeneralment jaġixxi permezz tal-intermedjarji li japplikaw il-kundizzjonijiet tagħhom stess. Il-BEI u l-Kummissjoni ħabirku bil-bosta biex iħeġġu l-finanzjament għal SMEs innovattivi iżda l-effetti ma jidhrux. Is-suq Ewropew tal-finanzjament għadu frammentat fl-Ewropa u ftit li xejn jiffavorixxi l-SMEs innovattivi mhux teknoloġiċi. Fil-livell nazzjonali, hemm bżonn li s-settur bankarju jitħeġġeġ jieħu aktar riskji fil-finanzjament tal-SMEs.

2.2.3   Il-Programm Qafas għall-Kompetittività u l-innovazzjoni – li għadu kemm twaqqaf – kellu l-għan li jiġbor flimkien il-miżuri u l-programmi eżistenti iżda li kienu mxerrdin. Fil-fatt, l-attivitajiet għadhom imqassmin f’sottoprogrammi u ma hemm l-ebda garanzija li huma koerenti. Barra minn hekk, il-Programm Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni ngħata baġit ta' EUR 3,6 biljun fuq seba’ snin, li huwa ftit li xejn meta wieħed iqis dan x’isarraf għall-Unjoni Ewropea

2.2.4   Il-programmi Ewropej qed isibuha diffiċli jilħqu l-għanijiet tagħhom stess, l-aktar mil-lat tal-parteċipazzjoni tas-settur privat, u tal-SMEs b’mod partikolari. Il-fondi disponibbli jiġu allokati bħala prijorità lill-istituzzjonijiet pubbliċi, bi ħsara għas-settur privat. Fil-fehma tal-KESE, il-ġestjoni sodisfaċenti tal-fondi pubbliċi iddedikati għar-riċerka u l-innovazzjoni u l-impatt reali ta' dan l-investiment fuq l-ekonomija Ewropea huma kwistjonijiet serji.

2.2.5   Il-koordinazzjoni bejn il-programmi Komunitarji u dawk nazzjonali mhijiex effikaċi. Pereżempju, ma jeżisti l-ebda programm komuni għall-Istati Membri u l-UE li jagħmilha possibbli li tiġi evitata kwalunkwe konfużjoni rigward l-addizzjonalità u l-komplementarjetà.

2.3   Ħolqien ta' sinerġiji

2.3.1   Il-Programmi Nazzjonali ta' Riforma li ġew stabbiliti fil-qafas tal-Istrateġija ta' Lisbona jipprovdu qafas ta' referenza għall-Istati Membri fil-qasam tal-innovazzjoni. Madankollu, il-varjetà konsiderevoli tal-approċċi u l-parteċipazzjoni fqira tal-imsieħba soċjali u atturi oħra mis-soċjetà ċivili fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tagħhom inaqqsu l-impatt u l-effettività ta' din l-istrateġija.

2.3.2   “Iż-Żona Ewropea tar-Riċerka” twaqqfet biex tħeġġeġ il-koerenza fi ħdan is-sistema u s-sinerġiji mal-Istati Membri. Fil-fehma tal-KESE, dan l-aspett jistħoqqlu verament isir prijorità fil-ġejjieni, u għandu jkun hemm impenn ferm akbar.

2.3.2.1   Pereżempju, l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT), fl-għamla attwali tiegħu ma jistax jaqdi r-rwol oriġinali tiegħu li jqanqal id-djalogu bejn is-settur tar-riċerka, l-intrapriżi u l-qasam tal-edukazzjoni Fid-dawl tar-riżorsi finanzjarji relattivament baxxi tiegħu (EUR 2,8 biljun għall-perijodu 2008 sal-2013 (5), l-EIT għadu strument virtwali li ftit li xejn huwa aċċessibbli għall-intrapriżi li mhumiex midħla tal-programmi Ewropej.

2.3.3   Skont l-aħħar tabella dwar l-innovazzjoni (6), il-pajjiżi li qegħdin quddiem nett f’dan il-qasam fl-Ewropa lkoll kemm huma għandhom dawn l-elementi komuni: infiq sostanzjali fl-edukazzjoni, tagħlim tul il-ħajja, infiq sostanzjali fil-qasam tar-R&Ż u fl-istrumenti li jappoġġjaw l-innovazzjoni. Nistgħu nżidu wkoll prattika tajba rigward id-djalogu soċjali u ċivili.

Għad irridu nfittxu sinerġiji aħjar b’mod li dawn il-prattiki tajbin jinfirxu fl-Ewropa kollha u nkunu nistgħu nħeġġu b’mod aktar miftuħ il-konverġenza bejn l-UE u l-Istati Membri dwar deċiżjonijiet politiċi komuni u kkoordinati favur dawn il-fatturi li huma l-aktar importanti għas-suċċess.

2.3.4   Din is-sinerġija għandha tiġi estiża wkoll għall-atturi tas-soċjetà ċivili u l-isħubijiet pubbliċi/privati.

Pereżempju, attwalment, il-“clusters” (gruppi ta' intrapriżi) jagħmluha possibbli li l-universitajiet u l-istituti tar-riċerka jaħdmu bi sħab b’mod effikaċi mal-intrapriżi, fi ħdan strutturi li jirċievu investiment mis-settur pubbliku u dak privat. Din l-esperjenza tal-“clusters” hija waħda pożittiva fil-livell nazzjonali, iżda fin-nuqqas ta' politika ta' appoġġ Komunitarju, l-UE ma tistax tgawdi mill-benefiċċji tagħhom. L-UE għandha tieħu l-inizjattivi bil-għan li tiżviluppa l-clusters fl-Ewropa, li tagħmilhom internazzjonali u tiggvernahom b’mod aktar professjonali u b’hekk tagħmel l-aħjar użu mit-tħaddim u l-finanzjament tagħhom.

2.3.5   Is-sinerġiji bejn il-prijoritajiet stabbiliti mid-diversi programmi Ewropej li jappoġġjaw l-innovazzjoni għandhom jiġu inkoraġġiti mil-lat tal-isfidi għas-soċjetà. Fil-fatt, il-programmi Komunitarji differenti jħaddnu l-istess prijoritajiet, iżda ma jkunx hemm rabta bejniethom.

3.   Rakkomandazzjonijiet tal-KESE

Il-KESE jappoġġja l-ħolqien ta' strateġija Ewropea ambizzjuża fil-qasam tal-innovazzjoni li tipproponi viżjoni aktar wiesgħa u aktar integrata.

3.1   Prinċipji fundamentali

L-innovazzjoni għandha tinftiehem fis-sens wiesa’ tal-kelma, kemm rigward il-prodotti u s-servizzi mqiegħda fis-suq kif ukoll rigward is-settur mhux kummerċjali u l-oqsma ta' natura soċjali jew marbuta mas-soċjetà.

It-Trattat ta' Lisbona jwessa’ l-ambitu ta' azzjoni tal-politiki Komunitarji fl-oqsma li jiffavorixxu l-innovazzjoni: il-politika kummerċjali, l-enerġija, l-ispazju, it-turiżmu, il-kultura, is-saħħa, eċċ.

Essenzjalment, l-innovazzjoni hija interdixxiplinari u trasversali, u l-istrateġija u l-mezzi li jintużaw biex tiġi implimentata għandhom ikunu interdixxiplinari wkoll.

L-innovazzjoni trid tirrispetta l-prinċipji u l-valuri tal-Unjoni. Fil-fatt, ċerti innovazzjonijiet jistgħu jkunu “tajbin” mil-lat teknoloġiku iżda jkollhom konsegwenzi mhux mixtieqa fuq l-ambjent jew fuq il-koeżjoni fi ħdan is-soċjetà.

Hemm bżonn li ċ-ċittadini jiffamiljarizzaw ruħhom mat-teknoloġiji ġodda billi jiġu inklużi fid-dibattitu pubbliku (l-organiżmi modifikati ġenetikament, l-enerġija nukleari, eċċ.).

L-iżvilupp tat-teknoloġiji ewlenin (7) (in-nanoteknoloġiji, il-mikro u n-nanoelettronika, il-fotonika, il-materjali avvanzati, il-bijoteknoloġiji, it-teknoloġiji tal-informazzjoni u x-xjenza tas-simulazzjoni) għandu jiġi appoġġjat b’mod immirat filwaqt li titqies in-natura interdixxiplinari tiegħu. Iżda, hemm bżonn li l-programmi Ewropej tar-riċerka jkollhom dimensjoni għall-promozzjoni tal-approċċ interdixxiplinari u li l-applikazzjonijiet tat-teknoloġiji ewlenin ikunu jistgħu jintużaw fis-setturi tradizzjonali.

Il-prijoritajiet għandhom jiġu definiti b’rabta mal-għanijiet soċjali tal-UE (is-saħħa, l-ambjent, l-enerġija, eċċ.)

L-istrateġija Ewropea tal-innovazzjoni għandha tkun ibbażata fuq is-sinerġiji u l-isħubijiet mal-atturi tas-settur privat u tas-soċjetà ċivili.

L-SMEs għandhom ikunu fil-qalba tal-pjan Ewropew tal-ġejjieni favur l-innovazzjoni. Il-miżuri qafas, il-programmi u d-dispożizzjonijiet kollha li jippromovu l-innovazzjoni fl-SMEs għandhom jiġu inkoraġġiti.

3.2   Proposti

3.2.1   Bħala parti mill-ħidma tal-grupp ta' studju tiegħu, il-KESE organizza seduta pubblika fl-Istitut tal-Istudju tal-Prospettivi Teknoloġiċi, f’Sevilja fl-14 ta' Jannar 2009. Minn din is-seduta, li laqqgħet fi ħdanha r-rappreżentanti tal-Istitut u l-partijiet interessati lokali li jappoġġjaw l-innovazzjoni, ħarġu għadd ta' proposti konkreti.

3.2.2   Il-bażi ta' kull politika hija l-ħtieġa ta' indikaturi tajbin u strumenti ta' analiżi tajbin. Attwalment, l-UE għandha diversi strumenti ta' analiżi: “European innovation score board”, “Inno policy trendchart”, “European Clusters observatory”, “Innobaromètre”, “Sectoral Innovation watch” u “EU Industrial R&D Investments Scoreboard”. F’ġieħ il-koerenza, il-KESE jirrakkomanda t-twaqqif ta “Osservatorju Ewropew tal-Innovazzjoni” uniku, li jkun jiġbor fih l-istrumenti eżistenti kollha, iżda jagħmilhom aktar koerenti u viżibbli. Barra minn hekk, l-evalwazzjoni tkun utli biss jekk ir-riżultati jiġu pparagunati mal-għanijiet; il-pjan Ewropew tal-ġejjieni għandu jkollu għanijiet ċari b’indikaturi kwantitattivi. Dan l-osservatorju għandu jaħdem b’mod trasparenti u indipendenti permezz ta' objettivi u indikaturi ċari, bil-għan li l-politiki jiġu evalwati b’mod oġġettiv.

3.2.3   Ir-riċerka bażika toħloq il-kundizzjonijiet li huma indispensabbli għall-innovazzjonijiet futuri. Għalhekk il-KESE jappoġġja żieda sostanzjali fil-baġits Ewropej għar-riċerka relatata ma' dan, b’mod partikolari għall-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp tal-UE li jmiss, bil-kundizzjoni li l-prijoritajiet tiegħu jiġu mmirati (skont l-isfidi li qed tiffaċċja s-soċjetà), u bil-kundizzjoni li joħloq effett ta' xprun mal-programmi nazzjonali u s-settur privat.

3.2.3.1   Barra minn hekk, il-KESE jissuġġerixxi li jiġu eżaminati strateġiji ġodda bil-għan li jħeġġu l-SMEs jipparteċipaw fil-programmi Komunitarji, bħall-kunċett tas-sħubija responsabbli. Dan jinvolvi, fuq il-bażi ta' karta komuni, is-semplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi (verifiki, rappurtar).

3.2.4   L-iżvilupp ta' sħubijiet bejn l-istabbilimenti edukattivi u tar-riċerka, b’mod partikolari l-universitajiet, u l-atturi ekonomiċi u soċjali, huwa wkoll mod tajjeb kif tinħoloq sinerġija pożittiva favur l-innovazzjoni fl-intrapriżi, iżda wkoll fil-qasam edukattiv (8).

3.2.4.1   L-EIT għandu jagħmilha ta' “kap” tan-netwerk tal-istrutturi eżistenti bil-għan li jitħeġġeġ it-tixrid ta' teknoloġiji ġodda lejn is-setturi kollha. Eventwalment, l-EIT għandu jkun jista’ jiffinanzja l-investiment ta' infrastrutturi fuq skala Ewropea, li jlaqqa’ fi ħdanu l-politiki tar-riċerka, l-edukazzjoni u l-innovazzjoni.

3.2.4.2   Barra minn hekk, il-programmi li jagħmluha aktar faċli għar-riċerkaturi li jiċċaqilqu bejn l-Istati Membri u wkoll bejn is-settur privat u dak pubbliku għandhom jiġu inkoraġġiti; id-dottorat industrijali Daniż, li jagħmilha possibbli li l-inġiniera impjegati f’kumpanija jkunu jistgħu jistudjaw għal dottorat universitarju, b’mod partikolari billi jagħmlu l-kors fi Stat Membru ieħor (9), huwa eżempju ta' prattika tajba li jistħoqqilha tiġi ttestjata fil-livell Ewropew.

3.2.5   Fil-fehma tal-KESE, l-istrumenti maħsuba biex l-attivitajiet marbuta mal-appoġġ għall-innovazzjoni ma jibqgħux jitqassmu f’kompartimenti bejn l-UE u l-Istati Membri għandhom isiru l-elementi prinċipali tal-programm li jmiss. F’dan ir-rigward, hemm bżonn li n-netwerks lokali li jservu ta' pont bejn il-livell Ewropew u dak lokali jissaħħu permezz ta' skambju tal-ideat u l-proġetti. Il-KESE jirrakkomanda li jinħolqu pjattaformi ta' sħubijiet Ewropej li jkunu miftuħa għall-atturi tas-soċjetà ċivili. L-“Enterprise Europe Network”, li huwa l-operatur fil-livell lokali għall-intrapriżi, jista’ jservi ta' bażi għal din il-pjattaforma.

3.2.6   Huwa importanti ħafna li jsir titjib fil-finanzjament, b’mod partikolari għall-iżvilupp tal-SMEs innovattivi u l-istart-ups. Ir-rwol tal-BEI għandu jissaħħaħ, b’mod partikolari billi jitwessa’ l-mekkaniżmu tal-finanzjament permezz tal-qsim tar-riskji, u hemm bżonn li jiġi stabbilit suq Ewropew tal-kapital riskjuż.

3.2.6.1   Il-KESE jirrakkomanda wkoll miżuri speċifiċi fil-qafas tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar (Small Business Act – SBAE) bħall-promozzjoni tat-“tieni suq tal-ishma” fl-Ewropa u inċentivi fiskali għal dawk l-individwi li jinvestu fl-innovazzjoni, kif ukoll li titħeġġeġ il-parteċipazzjoni tal-impjegati.

3.2.7   Ġie nnutat li f’ħafna pajjiżi, iż-żgħażagħ qed jitilfu l-ħajra għall-innovazzjoni u l-intraprenditorija. Il-kreattività u s-sens ta' inizjattiva għandhom jiġu inkoraġġiti fil-kurrikuli tal-iskejjel.

3.2.7.1   Fid-dawl tal-esperjenza tal-ambaxxaturi tal-intraprenditorjat tan-nisa, il-KESE jissuġġerixxi li jitwaqqaf netwerk tal-ambaxxaturi tal-intraprendituri żgħażagħ, li jkollu l-appoġġ tal-istituzzjonijiet Ewropej.

3.2.8   Jinħtieġ li l-Fondi Strutturali jintużaw aħjar jekk nixtiequ ninkoraġġixxu l-innovazzjoni f’dawk il-pajjiżi involuti fil-politika ta' koeżjoni. Dan jinvolvi b’mod partikolari azzjonijiet immirati aħjar, u li jiġi evitat il-prinċipju obbligatorju tal-addizzjonalità li joħloq dewmien u nuqqas ta' trasparenza. Il-KESE jenfasizza l-potenzjal tal-innovazzjoni fil-livell tas-soċjetà permezz tal-atturi tas-soċjetà ċivili, li sal-lum il-ġurnata ġie injorat għalkollox mill-programmi strutturali u edukattivi.

3.2.9   Il-politika tal-kompetittività tal-UE (l-għajnuna tal-istat, il-kooperazzjoni bejn l-intrapriżi) għandha wkoll tiġi adattata biex tipprovdi appoġġ akbar lill-promozzjoni tal-innovazzjoni u lit-trasferiment tat-teknoloġija. Setturi partikolari, bħall-bini tad-djar jew l-infrastrutturi u l-mezzi tat-trasport, għandhom jingħataw attenzjoni speċjali minħabba r-rwol li jaqdu fit-tibdil tal-klima.

3.2.10   Permezz tat-Trattat ta' Lisbona, l-UE ssaħħaħ il-kompetenzi tagħha fil-qasam tal-politika kummerċjali u ta' kooperazzjoni esterni. Hemm bżonn li naħtfu din l-opportunità biex insawru politika Ewropea li tiffaċilita l-iskambji xjentifiċi u tekniċi, li tkun ikkoordinata mal-politiki nazzjonali. L-iskambji u l-kooperazzjoni mal-pajjiżi ġirien tal-Ewropa għandhom jingħataw attenzjoni partikolari.

4.   Konklużjonijiet

4.1   Is-suċċess ta' din l-istrateġija jiddependi aktar mir-rieda politika ġenwina tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Istati Membri li jiżguraw l-implimentazzjoni tagħha, il-kwalità tas-sħubijiet, partikolarment mas-soċjeta ċivili, u t-twaqqif ta' djalogu maċ-ċittadini, milli mill-fondi baġitarji allokati. Il-KESE għalhekk jitlob lill-Kunsill Ewropew u lill-Kummissjoni Ewropea jressqu pjan ta' azzjoni favur l-innovazzjoni li huwa suġġett fil-qalba ta' strateġija għat-tkabbir u l-impjiegi fl-Ewropa (UE 2020).

4.2   Il-pjan Ewropew tal-ġejjieni favur l-innovazzjoni għandu jkun akkumpanjat minn pjan ta' azzjoni ġenwin, bi skeda għall-implimentazzjoni u għall-monitoraġġ tal-progress miksub. F’dan ir-rigward, l-għamla legali ta' dan il-pjan (rakkomandazzjonijiet, “att” jew kwalunkwe għamla oħra) taqdi rwol sekondarju. L-effikaċja tiegħu tiddependi mill-kontenut u l-impenji preċiżi, ikkwantifikati u bid-dati tal-implimentazzjoni miġbura fil-pjan.

4.3   L-għan ta' din l-istrateġija għandu jkun it-tħaddim ta' politika “Komunitarja” ġenwina li twitti t-triq għall-irkuprar tal-ekonomija Ewropea.

Brussell, 17 ta’ Marzu 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  “Creating a national innovation Framework” (Noħolqu Qafas Innovattiv Ġdid), Science Progress, Richard Nedis & Ethan Byler, April 2009.

(2)  B’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tar-rapport tal-Kummissjoni dwar il-kejl tal-prestazzjoni ekonomika u l-progress soċjali (www.stiglitz-sen-fitoussi.fr), dawn l-indikaturi għandhom imorru lil hinn milli sempliċement ikejlu l-PDG u għandhom iqisu l-kejl ta' miżuri kumplessi u ddivrenzjati tad-dħul disponibbli, l-edukazzjoni, l-ambjent u t-tqassim tal-ġid.

(3)  ĠU C 182, 4.8.2009, p. 30.

(4)  Ittieħed l-ewwel pass fil-kuntest tal-inizjattiva tas-suq ewlieni (li tlaqqa’ l-kuntratturi bil-għan li tinkoraġġixxi l-għoti tal-kuntratti marbuta mal-akkwisti pubbliċi lill-intrapriżi innovattivi), iżda r-riżultati għandhom jiġu eżaminati bir-reqqa (peress li l-iskema tnediet f’Settembru 2009).

(5)  Bħala paragun, ta' min jgħid li l-baġit operattiv annwali tal-MIT huwa ta' USD 2,4 biljun.

(6)  European Innovation Scoreboard – Pro Inno Europe.

(7)  Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea “Tħejjija għall-ġejjieni tagħna: Żvilupp ta' strateġija komuni għal teknoloġiji abilitanti essenzjali fl-UE”, COM(2009) 512 finali.

(8)  ĠU C 228, 22.9.2009, p. 9.

(9)  Iffinanzjat mill-boroż ta' studju Ewropej “Marie Curie”.


Top