EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009XX0923(01)

Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata f'wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta' pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat (COM(2008) 820 finali)

OJ C 229, 23.9.2009, p. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

23.9.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 229/1


Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata f'wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta' pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat (COM(2008) 820 finali)

2009/C 229/01

IL-KONTROLLUR EWROPEW GĦALL-PROTEZZJONI TAD-DEJTA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 286 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 8 tagħha,

Wara li kkunsidra d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni tal-individwi rigward l-ipproċessar tad-dejta personali u dwar il-moviment ħieles ta’ tali dejta (1),

Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 41 tiegħu,

Wara li kkunsidra t-talba għal opinjoni skont l-Artikolu 28 (2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 riċevuta fit-3 ta' Diċembru 2008 mill-Kummissjoni,

ADOTTA L-OPINJONI LI ĠEJJA:

I.   INTRODUZZJONI

Konsultazzjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta (KEPD)

1.

Il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata f'wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta' pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat (minn issa 'l quddiem, “Proposta” jew “Proposta tal-Kummissjoni”) intbagħtet mill-Kummissjoni lill-KEPD għal konsultazzjoni fit-3 ta' Diċembru 2008, skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001. Din il-konsultazzjoni għandha tissemma b'mod espliċitu fil-preambolu tar-Regolament.

2.

Il-KEPD ikkontribwixxa għall-proposta fi stadju aktar bikri, u bosta mill-punti li huwa qajjem informalment matul il-proċess preparatorju kienu kkunisdrati mill-Kummissjoni fit-test finali tal-Proposta tagħha.

Il-proposta fil-kuntest tagħha

3.

Il-proposta hija riformulazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 tat-18 ta' Frar 2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-asil iddepożitata f'wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta' pajjiż terz (3) (minn hawn ’il quddiem, “ir-Regolament ta' Dublin”). Hija kienet ippreżentata mill-Kummissjoni bħala parti mill-ewwel pakkett ta' proposti li jimmiraw biex jiġi żgurat grad għoli ta' armonizzazzjoni f'dan il-qasam u standards aħjar għall-protezzjoni għas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil, kif mitlub mill-Programm tal-Aja tal-4–5 ta' Novembru 2004 u kif imħabbar fil-Pjan ta' Politika dwar l-Asil tal-Kummissjoni tas-17 ta' Ġunju 2008. Il-Programm tal-Aja stieden lill-Kummissjoni biex tikkonkludi l-evalwazzjoni tal-ewwel fażi tal-istrumenti legali u biex tippreżenta miżuri u strumenti tat-tieni fażi lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew bil-ħsieb tal-adozzjoni tagħhom fl-2010.

4.

Il-Proposta kienet soġġetta għal proċess intensiv ta' evalwazzjoni u konsultazzjoni. B'mod partikolari hija tieħu kont tar-riżultati fir-Rapport ta' Evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-sistema ta' Dublin maħruġ fis-6 ta' Ġunju 2007 (4), li identifika għadd ta' nuqqasijiet legali u prattiċi li jeżistu fis-sistema attwali, kif ukoll kontribuzzjonijiet riċevuti mill-Kummissjoni minn diversi partijiet interessati b'rispons għall-Green Paper dwar il-futur tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil (5).

5.

L-għan ewlieni tal-Proposta huwa li tiżdied l-effiċjenza tas-sistema ta' Dublin u li jkunu żgurati standards ogħla għall-protezzjoni mogħtija lil dawk li japplikaw għall-protezzjoni internazzjonali skont il-proċedura ta' Dublin. Barra minn hekk, hija timmira għat-tisħiħ tas-solidarjetà lejn dawk l-Istati Membri li jħabbtu wiċċhom ma' sitwazzjonijiet ta' pressjonijiet migratorji partikolari (6).

6.

Il-Proposta testendi l-ambitu tal-applikazzjoni tar-Regolament ta' Dublin biex tinkludi l-applikanti għall-protezzjoni sussidjarja (u l-benefiċjarji tagħha). L-emenda hija meħtieġa biex tiżgura konsistenza mal-acquis tal-UE, partikolarment id-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE tad-29 ta' April 2004 dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi jew persuni mingħajr Stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (7) (minn issa 'l quddiem “Direttiva dwar il-Kwalifikazzjoni”), li introduċiet l-idea tal-protezzjoni sussidjarja. Barra minn dan, il-Proposta tallinja d-definizzjonijiet u t-terminoloġija użati fir-Regolament ta' Dublin ma' dawk stabbiliti fi strumenti oħra tal-asil.

7.

Sabiex tiżdied l-effiċjenza tas-sistema, il-Proposta tiddetermina b'mod partikolari l-iskadenza għall-preżentazzjoni tat-talbiet għat-teħid lura u tnaqqas l-iskadenza għat-tweġiba tat-talbiet għal informazzjoni. Hija tikkjarifika wkoll il-klawsoli dwar it-tmiem tar-responsabbiltà kif ukoll iċ-ċirkostanzi u l-proċeduri għall-applikazzjoni tal-klawsoli diskrezzjonarji (umanitarji u sovranità). Hija żżid ir-regoli dwar it-trasferimenti u testendi l-mekkaniżmu ta' soluzzjoni ta' tilwim attwali. Il-Proposta fiha wkoll dispożizzjoni dwar l-organizzazzjoni ta' intervista obbligatorja.

8.

Barra minn hekk, u anke sabiex jiżdied il-livell ta' protezzjoni mogħti lill-applikanti, il-Proposta tal-Kummissjoni tipprevedi d-dritt ta' appell kontra deċiżjoni ta' trasferiment kif ukoll obbligu għall-awtorità kompetenti li tiddeċiedi jekk l-infurzar tagħha għandux ikun sospiż jew le. Hija tindirizza d-dritt għal assistenza u/jew rappreżentanza legali u għal assistenza legali. Il-Proposta tirreferi wkoll għall-prinċipju li persuna m'għandhiex tinżamm f'detenzjoni għall-unika raġuni li hija tkun qed tfittex protezzjoni internazzjonali. Hija testendi wkoll id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja u tindirizza l-ħtiġiet ta' minuri mhux akkumpanjati u gruppi vulnerabbli oħrajn.

Fokus tal-opinjoni

9.

Din l-opinjoni għandha tindirizza partikolarment l-emendi tat-test li huma l-aktar relevanti mill-perspettiva tal-protezzjoni tad-dejta personali:

dispożizzjonijiet li jimmiraw għal implimentazzjoni aħjar tad-dritt għall-informazzjoni, eż. kienu kkjarifikati l-kontenut, il-forma u ż-żmien għall-għoti tal-informazzjoni u kienet proposta l-adozzjoni ta' fuljett ta' informazzjoni komuni;

mekkaniżmu ġdid ta' kondiviżjoni ta' informazzjoni relevanti bejn l-Istati Membri qabel ma jsiru t-trasferimenti;

l-użu tal-kanal ta' trasmissjoni sigur DubliNet għall-iskambju ta' informazzjoni.

II.   RIMARKI ĠENERALI

10.

Il-KEPD jappoġġja l-objettivi tal-Proposta tal-Kummissjoni, b'mod partikolari dak li tiżdied l-effiċjenza tas-sistema ta' Dublin u li jkunu żgurati standards ogħla għall-protezzjoni mogħtija lil dawk li japplikaw għall-protezzjoni internazzjonali skont il-proċedura ta' Dublin. Huwa jikkondividi wkoll l-intendiment tar-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni ddeċidiet li tirrevedi s-sistema ta' Dublin.

11.

L-iżgurar ta' livell adegwat ta' protezzjoni tad-dejta personali hija condicio sine qua non biex jiġu żgurati l-implimentazzjoni effettiva u l-livell għoli ta' protezzjoni ta' drittijiet fundamentali oħrajn. Il-KEPD joħroġ din l-opinjoni kompletament konxju mid-dimensjoni wiesgħa tad-drittijiet fundamentali tal-Proposta li tikkonċerna mhux biss l-ipproċessar ta' dejta personali iżda anke bosta drittijiet oħrajn ta' ċittadini ta' pajjiż terz u/jew persuni mingħajr Stat, bħal, partikolarment, id-dritt għall-asil, id-dritt għall-informazzjoni f'sens wiesa’, id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja, id-dritt għal rimedju effettiv, id-dritt għal-libertà u l-moviment ħieles, id-drittijiet tat-tfal u d-drittijiet tal-minuri mhux akkumpanjati.

12.

Kemm il-Premessa 34 tal-Proposta kif ukoll il-Memorandum ta' Spjegazzjoni jenfasizzaw l-isforzi magħmula mil-leġiżlatur biex tiġi żgurata l-konsistenza tal-Proposta mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. F'dan il-kuntest, il-Memorandum ta' Spjegazzjoni jirreferi espliċitament għall-protezzjoni tad-dejta personali u d-dritt għall-asil. Il-Memorandum ta' Spjegazzjoni jissottolinja wkoll il-fatt li l-Proposta kienet soġġetta għal skrutinju bir-reqqa sabiex ikun żgurat li d-dispożizzjonijiet tagħha huma kompletament kompatibbli mad-drittijiet fundamentali bħala prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja u internazzjonali. Madankollu, minħabba l-mandat tal-KEPD, din l-opinjoni ser tiffoka prinċipalment fuq l-aspetti tal-protezzjoni tad-dejta fil-Proposta. F'dan il-kuntest il-KEPD jilqa’ l-attenzjoni konsiderevoli li ngħatat fil-Proposta għal dan id-dritt fundamentali u jikkunsidra dan bħala essenzjali biex tiġi żgurata l-effiċjenza tal-proċedura ta' Dublin f'konformità sħiħa mar-rekwiżiti tad-drittijiet fundamentali.

13.

Il-KEPD jinnota wkoll li l-Proposta tal-Kummissjoni timmira għal konsistenza ma' strumenti legali oħrajn li jirregolaw l-istabbiliment u/jew l-użu ta' sistemi tal-IT fuq skala kbira oħrajn. B'mod partikolari huwa jixtieq jevidenzja l-fatt li kemm il-kondiviżjoni tar-responsabbiltajiet fir-rigward tal-bażi tad-dejta kif ukoll il-mod kif il-mudell ta' sorveljanza huwa fformulat fil-Proposta, huma konsistenti mal-qafas tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen II u mas-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża.

14.

Il-KEPD jilqa’ l-fatt li r-rwol tiegħu fil-qasam tas-sorveljanza kien stabbilit biċ-ċar, li ma kienx il-każ, għal raġunijiet ovvji, fit-test preċedenti.

III.   ID-DRITT GĦALL-INFORMAZZJONI

15.

Artikolu 4(1)(f-g) tal-Proposta jistipula:

“Malli applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tkun iddepożitata, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-persuna li qed tfittex l-asil dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament , u b' mod partikulari:

(f)

il-fatt li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jagħmlu skambju tad-dejta dwarha għar-raġuni biss tal-implimentazzjoni tal-obbligi li jiġu minn dan ir-Regolament;

(g)

l-eżistenza tad-dritt għall-aċċess għad-dejta dwarha, u d-dritt li titlob li dejta mhux eżatta dwarha tkun ikkoreguta jew li dejta pproċessata mhux skont il-liġi dwarha tkun imħassra, inkluż id-dritt li tirċievi informazzjoni dwar il-proċeduri għall-eżerċizzju ta' dawk id-drittijiet u d-dettalji tal-Awtoritajiet Nazzjonali dwar il-Protezzjoni tad-Dejta li għandhom jisimgħu pretensjonijiet rigward il-protezzjoni tad-dejta personali”.

L-Artikolu 4(2) jiddeskrivi kif l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tad-dispożizzjoni għandha tkun ipprovduta lill-applikant.

16.

L-implimentazzjoni effettiva tad-dritt għall-informazzjoni hija kruċjali għall-funzjonament adegwat tal-proċedura ta' Dublin. B'mod partikolari, huwa essenzjali li jiġi żgurat li l-informazzjoni tkun provduta b'tali mod li tippermetti lil min ifittex l-asil biex jifhem kompletament is-sitwazzjoni tiegħu kif ukoll il-medda sħiħa tad-drittijiet tiegħu, inklużi l-passi proċedurali li huwa jista' jieħu bħala segwitu għad-deċiżjonijiet amministrattivi meħudin fil-każ tiegħu.

17.

Fir-rigward tal-aspetti prattiċi tal-implimentazzjoni tad-dritt, il-KEPD jixtieq jirreferi għall-fatt li skont l-Artikolu 4(1)(g) u (2) tal-Proposta, l-Istati Membri għandhom jużaw fuljett komuni għall-applikanti, li għandu jinkludi, fost informazzjoni oħra, “id-dettalji ta' kuntatt tal-Awtoritajiet Nazzjonali għall-Protezzjoni tad-Dejta kompetenti biex jilqgħu talbiet rigward il-protezzjoni tad-dejta personali”. F'dan il-kuntest il-KEPD jixtieq jenfasizza li filwaqt li l-Awtoritajiet Nazzjonali għall-Protezzjoni tad-Dejta (minn issa 'l quddiem “ADPs”), imsemmija fl-Artikolu 4(2) tal-Proposta, huma fil-fatt kompetenti biex jilqgħu talbiet rigward il-protezzjoni tad-dejta personali, il-formulazzjoni tal-Proposta m'għandhiex timpedixxi lill-applikant (is-suġġett tad-dejta) milli jindirizza talba l-ewwel lill-kontrollur tad-dejta (f’dan il-każ, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti responsabbli mill-kooperazzjoni ta' Dublin). Id-dispożizzjoni tal-Artikolu 4(2) kif taqra attwalment jidher li timplika li l-applikant għandu jressaq it-talba tiegħu – direttament u f'kull każ – quddiem l-Awtorità Nazzjonali għall-Protezzjoni tad-Dejta, filwaqt li l-proċedura standard u l-prattika fl-Istati Membri huma li l-applikant iressaq l-ewwel it-talba tiegħu quddiem il-kontrollur tad-dejta.

18.

Il-KEPD jissuġġerixxi wkoll li l-formulazzjoni tal-Artikolu 4(g) għandha ssir mill-ġdid sabiex tikkjarifika d-drittijiet li għandhom jingħataw lill-applikant. Il-formulazzjoni kif proposta mhix ċara, peress li tista' tkun interpretata bħala li tikkonsidra id-dritt li wieħed jirċievi informazzjoni dwar il-proċeduri biex jiġu eżerċitati dawk id-drittijiet (…) bħala parti mid-dritt tal-aċċess għad-dejta u/jew id-dritt li ssir talba biex dejta mhix eżatta tkun ikkoreġuta (…). Barra minn hekk, skont il-formulazzjoni attwali tad-dispożizzjoni msemmija hawn fuq, l-Istati Membri għandhom jinformaw lill-applikant mhux bil-kontenut tad-drittijiet iżda bl-“eżistenza” tagħhom. Peress li din tal-aħħar tidher li hija kwistjoni ta' stil, il-KEPD jissuġġerixxi li l-Artikolu 4(1)(g) ikun ifformulat mill-ġdid kif ġej:

“Malli applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tkun iddepożitata, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-persuni li jfittxu asil (…) bi (…):

(g)

id-dritt għall-aċċess għad-dejta li tikkonċernahom, u d-dritt li jiġi mitlub li dejta mhux eżatta li tikkonċernahom tkun ikkoreġuta jew li dejta li tikkonċernahom ipproċessata mhux skont il-liġi tkun imħassra, kif ukoll dwar il-proċeduri għall-eżerċizzju ta' dawk id-drittijiet inklużi d-dettalji ta' kuntatt tal-Awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 33 ta' dan ir-Regolament u l-Awtoritajiet Nazzjonali għall-Protezzjoni tad-Dejta”.

19.

Fir-rigward tal-metodi għall-għoti ta' informazzjoni lill-applikanti, il-KEPD jirreferi għall-ħidma li saret mill-Grupp ta' Koordinazzjoni tas-Sorveljanza tal-Eurodac (8) (magħmul minn rappreżentanti tal-Awtorità għall-Protezzjoni tad-Dejta ta' kull wieħed mill-Istati parteċipanti u l-KEPD). Dan il-Grupp attwalment qiegħed jeżamina din il-kwistjoni fil-qafas tal-EURODAC bil-ħsieb li jipproponi gwida relevanti, hekk kif ir-riżultati tal-investigazzjonijiet nazzjonali jkunu disponibbli u jkunu ġew ipproċessati. Minkejja li din l-investigazzjoni kkoordinata tikkonċerna speċifikament l-EURODAC, ir-riżultati tagħha probabbilment ser ikunu ta' interess fil-kuntest ta' Dublin peress li huma jindirizzaw kwistjonijiet bħal-lingwi/it-traduzzjonijiet u l-valutazzjoni ta' kemm min ifittex asil jifhem tassew l-informazzjoni, eċċ.

IV.   LEJN IT-TRASPARENZA

20.

Fir-rigward tal-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 33 tal-Proposta, il-KEPD jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni għandha tippubblika lista konsolidata tal-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 1 tad-dispożizzjoni msemmija hawn fuq fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Meta jkun hemm emendi għaliha, il-Kummissjoni għandha tippubblika lista kkonsolidata aġġornata darba f'sena. Il-pubblikazzjoni tal-lista kkonsolidata ser tgħin biex tiġi żgurata t-trasparenza u tiġi faċilitata s-sorveljanza mill-APDs.

V.   MEKKANIŻMU ĠDID DWAR L-ISKAMBJU TA' INFORMAZZJONI

21.

Il-KEPD jinnota l-introduzzjoni tal-mekkaniżmu l-ġdid dwar l-iskambju ta' informazzjoni rilevanti bejn l-Istati Membri qabel ma jsiru t-trasferimenti (stabbilit fl-Artikolu 30 tal-Proposta). Huwa jikkonsidra l-għan ta' dan l-iskambju ta' informazzjoni bħala leġittimu.

22.

Il-KEPD jinnota wkoll l-eżistenza ta' salvagwardji speċifiċi tal-protezzjoni tad-dejta fil-Proposta, skont l-Artikolu 8(1-3) tad-Direttiva 95/46/KE dwar il-protezzjoni tal-individwi rigward l-ipproċessar tad-dejta personali u l-moviment ħieles ta' tali dejta, bħal pereżempju: (a) il-kunsens espliċitu tal-applikant u/jew ta' rappreżentant tiegħu, (b) tneħħija immedjata tad-dejta mill-Istat Membru li jittrasferixxi ladarba t-trasferimenti jkunu saru u (c) ipproċessar ta' dejta personali dwar is-saħħa minn professjonista tas-saħħa biss skont il-liġi jew ir-regoli nazzjonali stabbiliti mill-korpi nazzjonali kompetenti, soġġetti għall-obbligu tas-segretezza professjonali jew minn persuna oħra soġġetta għal obbligu ekwivalenti ta' segretezza (li tkun kisbet it-taħriġ mediku adegwat). Huwa jappoġġja wkoll il-fatt li l-iskambju jsir biss permezz tas-sistema sigura “DubliNet” u mill-awtoritajiet li jkunu ġew innotifikati minn qabel.

23.

Il-mod kif dan il-mekkaniżmu għandu jkun strutturat huwa ta' importanza kruċjali għall-konformità tiegħu mas-sistema tal-protezzjoni tad-dejta, b'mod partikolari peress li l-iskambju ta' informazzjoni ser ikopri wkoll dejta personali sensittiva ferm, bħal pereżempju informazzjoni dwar “xi bżonnijiet speċjali tal-applikant li qed ikun ittrasferit, li f'każijiet speċifiċi tista' tinkludi informazzjoni dwar l-istat tas-saħħa fiżika u mentali tal-applikant li se jkun ittrasferit”. F'dan il-kuntest, il-KEPD jappoġġja kompletament l-inklużjoni tal-Artikolu 36 tal-Proposta li jobbliga lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiġi żgurat li kwalunkwe użu ħażin tad-dejta (…) ikun punibbli b'penali, inklużi penali amministrattivi u/jew kriminali skont il-liġi nazzjonali.

VI.   REGOLAZZJONI TAL-ISKAMBJU TA' INFORMAZZJONI FIL-QAFAS TAS-SISTEMA TA' DUBLIN

24.

L-Artikolu 32 tal-Proposta tal-Kummissjoni jirregola l-kondiviżjoni tal-informazzjoni. Il-KEPD ikkontribwixxa għal din id-dispożizzjoni fi stadju aktar bikri, u huwa jappoġġja l-formulazzjoni kif proposta mill-Kummissjoni.

25.

Il-KEPD jenfasizza li huwa importanti li l-awtoritajiet tal-Istati Membri jiskambjaw informazzjoni dwar individwi li jużaw in-netwerk DubliNet. Dan jippermetti mhux biss biex tiġi prevista sigurtà aħjar iżda anke biex tiġi żgurata traċċabbiltà aħjar tat-transizzjonijiet. F'dan ir-rigward, il-KEPD jirreferi għad-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ġunju 2007, “Dokument li jakkumpanja r-Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-evalwazzjoni tas-sistema ta' Dublin” (9) li fih il-Kummissjoni tfakkar li l-użu ta' DubliNet huwa dejjem obbligatorju ħlief għall-eżenzjonijiet iddefiniti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1560/2003 tat-2 ta' Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex jiġi determinat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-asil iddepożitata f'wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta' pajjiż terz (10) (minn issa 'l quddiem, “ir-Regolament Implimentattiv ta' Dublin”). Il-KEPD jinsisti li l-possibbiltà ta' deroga mill-użu ta' DubliNet imsemmija fl-Artikolu 15(1) hawn fuq għandha tkun interpretata b'mod restrittiv.

26.

Xi dispożizzjonijiet iddaħħlu jew kienu abbozzati mill-ġdid fil-Proposta biex dan jiġi żgurat, u l-KEPD jilqa’ dawn l-isforzi kollha. Pereżempju, l-Artikolu 33(4) l-ġdid tal-Proposta kien abbozzat mill-ġdid sabiex jiġu kkjarifikati mhux biss it-talbiet iżda anke t-tweġibiet, u l-korrispondenza kollha bil-miktub għandha tkun soġġetta għar-regoli li jikkonċernaw l-istabbiliment ta' kanali ta' trasmissjoni elettronika siguri (stabbiliti fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament Implimentattiv ta' Dublin). Barra minn hekk, it-tħassir tal-paragrafu 2 fl-Artikolu 38 il-ġdid li fit-test preċedenti (Artikolu 25) obbliga lill-Istati Membri jibagħtu t-talbiet u t-tweġibiet permezz ta' metodu li jipprovdi prova ta' riċevuta, għandu jikkjarifika li l-Istati Membri għandhom jużaw DubliNet anke f'dan ir-rigward.

27.

Il-KEPD jinnota wkoll li relattivament ftit ġie rregolat fil-qafas tas-sistema ta' Dublin fir-rigward tal-iskambju tal-informazzjoni personali. Minkejja li ċerti aspetti tal-iskambju diġà kienu indirizzati fir-Regolament Implimentattiv ta' Dublin, il-leġiżlazzjoni attwali jidher li ma tkoprix l-aspetti kollha tal-iskambju ta' informazzjoni personali, li huwa ta' dispjaċir (11).

28.

F’dan il-kuntest ta' min isemmi li din il-kwistjoni dwar l-iskambju ta' informazzjoni dwar min ifittex asil kienet ukoll is-suġġett ta' diskussjoni fil-Grupp ta' Koordinazzjoni tas-Sorveljanza tal-Eurodac. Mingħajr ma jantiċipa r-riżultati tal-ħidma tal-Grupp, il-KEPD jixtieq isemmi diġà f'dan l-istadju li waħda mir-rakkomandazzjonijiet possibbli tista' tkun l-adozzjoni ta' sett ta' regoli simili għal dawk maqbula fil-Manwal SIRENE ta' Schengen.

VII.   KONKLUŻJONIJIET

29.

Il-KEPD jappoġġja l-Proposta tal-Kummissjoni għal Regolament li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-asil iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta' pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat. Huwa jikkondividi l-intendiment tar-raġunijiet biex is-sistema eżistenti tiġi eżaminata.

30.

Il-KEPD jilqa’ l-konsistenza tal-Proposta tal-Kummissjoni ma' strumenti legali oħrajn li jirregolaw il-qafas legali kumpless f'dan il-qasam.

31.

Il-KEPD jilqa’ l-attenzjoni konsiderevoli li l-Proposta tagħti għar-rispett tad-drittijiet fundamentali, b'mod partikolari l-protezzjoni tad-dejta personali. Huwa jikkunsidra dan l-approċċ bħala prerekwiżit essenzjali għat-titjib tal-proċedura ta' Dublin. Huwa jiġbed l-attenzjoni partikolari tal-leġiżlaturi għall-mekkaniżmi l-ġodda ta' skambju tad-dejta, li ser jinvolvu, fost l-oħrajn, id-dejta personali estremament sensittiva ta' dawk li jfittxu asil.

32.

Il-KEPD jixtieq jirreferi wkoll għall-ħidma importanti li saret f'dan il-qasam mill-Grupp ta' Koordinazzjoni tas-Sorveljanza tal-Eurodac u jemmen li r-riżultati tal-ħidma tal-Grupp jistgħu jikkontribwixxu b'mod utli għall-formulazzjoni aħjar tal-karatteristiċi tas-sistema.

33.

Il-KEPD jikkunsidra li uħud mill-osservazzjonijiet magħmulin f'din l-opinjoni jistgħu jkunu żviluppati aktar meta jara l-implimentazzjoni tas-sistema riveduta. B'mod partikolari, huwa għandu l-intenzjoni jikkontribwixxi għall-miżuri implimentattivi li jikkonċernaw l-iskambju ta' informazzjoni permezz ta' DubliNet kif imsemmi fil-punti 24 sa 27 ta' din l-opinjoni.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Frar 2009.

Peter HUSTINX

Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta


(1)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(2)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(3)  ĠU L 50, 25.2.2003, p. 1.

(4)  COM(2007) 299.

(5)  COM(2007) 301.

(6)  Ara: Memorandum ta' Spjegazzjoni għall-Proposta.

(7)  ĠU L 304, 30.9.2004, p. 12.

(8)  Għal spjegazzjoni dwar il-ħidma u l-istatus ta' dan il-Grupp, ara: http://www.edps.europa.eu/EDPSWEB/edps/site/mySite/pid/79. Dan il-Grupp jeżerċita sorveljanza kkoordinata tas-sistema EURODAC. Madankollu, mill-perspettiva tal-protezzjoni tad-dejta, il-ħidma tiegħu ser ikollha wkoll impatt fil-kuntest ġenerali tal-iskambju ta' informazzjoni ta' Dublin. Din l-informazzjoni hija relatata mal-istess soġġett tad-dejta u hija skambjata bl-istess proċedura li tikkonċernah.

(9)  SEC(2007) 742.

(10)  ĠU L 222, 5.9.2003, p. 3.

(11)  Dan isir saħansitra aktar evidenti meta wieħed iqabblu mal-mod estensiv li bih l-iskambju ta' informazzjoni supplimentari kien irregolat fil-qafas tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIRENE).


Top