Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009XX0606(01)

Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar ir-Rapport Finali mill Grupp ta' Kuntatt ta' Livell Għoli UE-Stati Uniti dwar il-kondiviżjoni ta' informazzjoni u l-protezzjoni tal-privatezza u ta' data personali

OJ C 128, 6.6.2009, p. 1–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

6.6.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 128/1


Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar ir-Rapport Finali mill Grupp ta' Kuntatt ta' Livell Għoli UE-Stati Uniti dwar il-kondiviżjoni ta' informazzjoni u l-protezzjoni tal-privatezza u ta' data personali

2009/C 128/01

IL-KONTROLLUR EWROPEW GĦALL-PROTEZZJONI TAD-DATA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 286 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 8 tagħha,

Wara li kkunsidra d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data,

Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data, u b’mod partikolari l-Artikolu 41 tiegħu,

ADOTTA L-OPINJONI LI ĠEJJA

I.   INTRODUZZJONI – KUNTEST TAL-OPINJONI

1.

Fit-28 ta' Mejju 2008, il-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ħabbret lill-COREPER, fil-perspettiva tas-summit tal-UE tat-12 ta' Ġunju 2008, li l-Grupp ta' Kuntatt ta' Livell Għoli UE-Stati Uniti (minn hawn 'il quddiem HLCG) dwar il-kondiviżjoni ta' informazzjoni u l-protezzjoni tal-privatezza u ta' data personali kien iffinalizza r-rapport tiegħu. Dan ir-rapport ħareġ għall-pubbliku fis-26 ta' Ġunju 2008 (1).

2.

Dan ir-rapport ifittex li jidentifika prinċipji komuni għall-protezzjoni tal-privatezza u tad-data bħala l-ewwel pass lejn skambju ta' informazzjoni mal-Istati Uniti għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transnazzjonali serja.

3.

Fit-tħabbira tagħha, il-Presidenza tal-Kunsill tiddikjara li hija tilqa' kwalunkwe idea fir-rigward tas-segwitu għal dan ir-rapport, u b'mod partikolari r-reazzjonijiet għar-rakkomandazzjonijiet dwar il-passi 'l quddiem identifikati fir-rapport. Il-KEPD iwieġeb għal din l-istedina bil-ħruġ tal-opinjoni li ġejja, ibbażata fuq is-sitwazzjoni attwali kif inħarġet pubblikament u mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe pożizzjoni ulterjuri li huwa jista' jieħu bil-kunsiderazzjoni tal-evoluzzjoni tal-kwistjoni.

4.

Il-KEPD jinnota li l-ħidma tal-HLCG saret fil-kuntest tal-iżvilupp tal-iskambju ta' data bejn l-Istati Uniti u l-UE, b'mod partikolari mill-11 ta' Settembru 2001 'il hawn, permezz ta' ftehimiet internazzjonali u tipi oħra ta' strumenti. Fost dawn hemm il-ftehimiet tal-Europol u l-Eurojust mal-Istati Uniti, u wkoll il-ftehimiet tal-PNR u l-każ Swift li wasslu għal skambju ta' ittri bejn uffiċjali tal-UE u tal-Istati Uniti biex jiġu stabbiliti garanziji minimi tal-protezzjoni tad-data (2).

5.

Barra minn hekk, l-UE tinnegozja u tiftiehem ukoll dwar strumenti simili li jipprevedu l-iskambju ta' data personali ma' pajjiżi terzi oħra. Eżempju reċenti huwa l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta' data mir-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) li ġejja mill-Unjoni Ewropea minn trasportaturi bl-ajru lis-servizz doganali Awstraljan (3).

6.

Minn dan il-kuntest jidher li t-talba tal-awtoritajiet tal-infurzar ta' pajjiżi terzi għal informazzjoni personali qed tikber kontinwament, u li hija testendi wkoll minn bażijiet ta' data tradizzjonali tal-gvern għal tipi oħra ta' fajls, b'mod partikolari fajls ta' data miġbura mis-settur privat.

7.

Bħala element ta' sfond importanti, il-KEPD ifakkar ukoll li l-kwistjoni tat-trasferiment ta' data personali għal pajjiżi terzi fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja f'materji kriminali hija indirizzata fid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tad-data personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja f'materji kriminali (4) li x'aktarx tiġi adottata qabel tmiem l-2008.

8.

Dan l-iskambju ta' informazzjoni transatlantiku jista' biss ikun mistenni li jikber u li jolqot setturi addizzjonali li fihom tiġi pproċessata data personali. F'kuntest bħal dan, djalogu dwar l-“infurzar tal-liġi transatlantiku” huwa milqugħ u fl-istess ħin sensittiv. Huwa milqugħ fis-sens li huwa jista' jagħti qafas aktar ċar lill-iskambji tad-data li qed jew ser isiru. Huwa sensittiv ukoll billi qafas bħal dan jista' jilleġittma t-trasferimenti ta' data massivi f'qasam – l-infurzar tal-liġi – fejn l-impatt fuq l-individwi jkun partikolarment serju, u fejn huwa għalhekk aktar meħtieġ li jkun hemm salvagwardji stretti u affidabbli (5).

9.

Fil-kapitolu li jmiss, din l-opinjoni ser tindirizza s-sitwazzjoni attwali u l-passi possibbli 'l quddiem. Il-Kapitolu III ser jiffoka fuq l-ambitu u n-natura ta' strument li jippermetti l-kondiviżjoni tal-informazzjoni. Fil-Kapitolu IV, l-opinjoni ser tanalizza minn perspettiva ġenerali, kwistjonijiet legali marbutin mal-kontenut ta' ftehim possibbli. Hija ser tindirizza kwistjonijiet bħall-kondizzjonijiet ta' valutazzjoni tal-livell ta' protezzjoni pprovduta fl-Istati Uniti, u ser tiddiskuti l-kwistjoni tal-użu tal-qafas regolatarju tal-UE bħala punt ta' referenza sabiex jiġi vvalutat dan il-livell ta' protezzjoni. Dan il-kapitolu ser jelenka wkoll il-ħtiġiet bażiċi li għandhom jiddaħħlu fi ftehim bħal dan. Finalment, fil-Kapitolu V l-opinjoni ser tipprevedi analiżi tal-prinċipji tal-privatezza mehmużin ma' dan ir-rapport.

II.   IS-SITWAZZJONI ATTWALI U L-PASSI POSSIBBLI 'L QUDDIEM.

10.

Il-KEPD jevalwa s-sitwazzjoni attwali kif ġej. Sar xi progress lejn id-definizzjoni ta' standards komuni dwar il-kondiviżjoni ta' informazzjoni u l-protezzjoni tal-privatezza u ta' data personali.

11.

Madankollu, għadha ma tlestiet l-ebda ħidma preparatorja għal xi tip ta' ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti. Tenħtieġ ħidma addizzjonali. Ir-rapport tal-HLCG stess isemmi numru ta' kwistjonijiet pendenti li minnhom, hija l-aktar prominenti l-kwistjoni ta' 'rimedju'. Baqa' nuqqas ta' ftehim dwar l-ambitu neċessarju ta' rimedju ġudizzjarju (6). Ġew identifikati ħames kwistjonijiet pendenti oħra fil-Kapitolu 3 tar-Rapport. Barra minn hekk minn din l-opinjoni jidher li ħafna kwistjonijiet oħra għadhom ma ġewx solvuti, pereżempju dwar l-ambitu u n-natura ta' strument għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni.

12.

Billi l-għażla preferuta tar-rapport hija ftehim vinkolanti – il-KEPD jikkondividi din il-preferenza – tenħtieġ ukoll aktar prudenza. Jenħtieġu tħejjijiet kawti u fil-fond ulterjuri qabel ma jkun jista' jintlaħaq ftehim.

13.

Finalment, skont il-KEPD, il-konklużjoni ta' ftehim l-aħjar issir skont it-Trattat ta' Lisbona, naturalment skont id-dħul fis-seħħ tiegħu. Skont it-Trattat ta' Lisbona ma jkun hemm, tabilħaqq, l-ebda inċertezza legali dwar il-linja ta' demarkazzjoni bejn il-pilastri tal-UE. Barra minn hekk, ikun garantit l-involviment sħiħ tal-Parlament Ewropew kif ukoll kontroll ġudizzjarju mill-Qorti tal-Ġustizzja.

14.

F'dawn iċ-ċirkostanzi, l-aħjar mod 'il quddiem huwa l-iżvilupp ta' pjan direzzjonali lejn ftehim possibbli aktar 'il quddiem. Pjan direzzjonali bħal dan jista' jkun fih l-elementi li ġejjin:

Gwida għall-kontinwazzjoni tal-ħidma tal-HLCG (jew kwalunkwe grupp ieħor) kif ukoll skeda ta' żmien.

Fi stadju bikri, diskussjoni u possibbilment qbil dwar kwistjonijiet fundamentali bħall-ambitu u n-natura tal-ftehim.

Abbażi ta' intendiment komuni ta' dawn il-kwistjonijiet fundamentali, aktar elaborazzjoni tal-prinċipji tal-protezzjoni tad-data.

Involviment tal-partijiet interessati fi stadji differenti tal-proċedura.

Min-naħa Ewropea, indirizzar ta' restrizzjonijiet istituzzjonali.

III.   AMBITU U NATURA TA' STRUMENT DWAR IL-KONDIVIŻJONI TA' INFORMAZZJONI

15.

Fil-fehma tal-KEPD huwa kruċjali li l-ambitu u n-natura ta' strument possibbli, inklużi l-prinċipji tal-protezzjoni tad-data, jkunu definiti b'mod ċar, bħala l-ewwel pass għall-iżvilupp ulterjuri ta' strument bħal dan.

16.

Rigward l-ambitu, xi mistoqsijiet importanti li għandhom jitwieġbu huma:

min huma l-atturi involuti, fi ħdan u barra l-qasam tal-infurzar tal-liġi;

x'inhu mifhum bil-“fini tal-infurzar tal-liġi”, u r-relazzjoni tiegħu ma' finijiet oħra bħas-sigurtà nazzjonali, u b'mod aktar speċifiku il-kontroll tal-fruntiera u s-saħħa pubblika;

x'inhu post l-istrument fil-perspettiva ta' żona ta' sigurtà transatlantika globali.

17.

Id-definizzjoni tan-natura għandha tikkjarifika l-kwistjonijiet li ġejjin:

jekk rilevanti, taħt liema pilastru ser jiġi nnegozjat l-istrument;

jekk l-istrument hux ser ikun vinkolanti għall-UE u għall-Istati Uniti;

jekk hux ser ikollu effett dirett, fis-sens li jkun fih drittijiet u obbligi għal individwi li jistgħu jiġu infurzati quddiem awtorità ġudizzjarja;

jekk l-istrument innifsu jkunx jippermetti skambju ta' informazzjoni jew jekk hux ser jistabbilixxi standard minimu għall-iskambju ta' informazzjoni li għandu jitkompla bi ftehimiet speċifiċi;

kif l-istrument ser ikun relatat ma' strumenti eżistenti: huwa ser jirrispettahom, jissostitwixxihom jew jikkomplimentahom?

III.1.   Ambitu tal-istrument

Atturi involuti

18.

Għalkemm m'hemm l-ebda indikazzjoni ċara fir-rapport tal-HLCG dwar l-ambitu preċiż tal-istrument futur, mill-prinċipji msemmijin fih wieħed jista' jiddeduċi li huwa jipprevedi li jkopri kemm trasferimenti bejn atturi privati u pubbliċi (7) kif ukoll dawk bejn awtoritajiet pubbliċi.

—   Bejn atturi privati u pubbliċi:

19.

Il-KEPD jara l-loġika tal-applikabbiltà ta' strument futur għal trasferimenti bejn atturi privati u pubbliċi. L-iżvilupp ta' strument bħal dan isir fi sfond ta' talbiet min-naħa tal-Istati Uniti għal informazzjoni minn partijiet privati fi snin reċenti. Il-KEPD jinnota saħansitra li l-atturi privati qed isiru sors sistematiku ta' informazzjoni fil-perspettiva tal-infurzar tal-liġi, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell internazzjonali (8). Il-każ SWIFT kien preċedent maġġuri fejn kumpannija privata ntalbet tittrasmetti sistematikament data miġbura lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi ta' stat terz (9). Il-ġbir ta' data tal-PNR minn kumpanniji tal-ajru jsegwi l-istess loġika. Fl-opinjoni tiegħu dwar abbozz ta' deċiżjoni qafas għal sistema PNR Ewropea, il-KEPD diġà kellu dubji dwar il-leġittimità ta' din it-tendenza (10).

20.

Hemm żewġ raġunijiet oħra għar-riluttanza dwar l-inklużjoni ta' trasferimenti bejn atturi privati u pubbliċi fl-ambitu ta' strument futur.

21.

L-ewwelnett, l-inklużjoni jista' jkollha effett mhux mixtieq fit-territorju tal-UE nnifisha. Il-KEPD għandu preokkupazzjonijiet serji li jekk tkun tista' tiġi trasferita data ta' kumpanniji privati (bħal istituzzjonijiet finanzjarji) għal pajjiżi terzi fil-prinċipju, dan jista' jqajjem pressjoni qawwija biex l-istess tip ta' data tkun disponibbli ugwalment fl-UE lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi. L-iskema tal-PNR hija eżempju ta' żvilupp mhux mixtieq bħal dan, li beda bi ġbir massiv ta' data dwar passiġġieri mill-Istati Uniti, li kellu mbagħad jiġi traspost għall-kuntest Ewropew intern ukoll (11) mingħajr ma jkunu ntwerew b'mod ċar il-ħtieġa u l-proporzjonalità tas-sistema.

22.

It-tieninett, fl-opinjoni tiegħu dwar il-proposta tal-Kummissjoni dwar il-PNR-UE, il-KEPD qajjem ukoll il-kwistjoni tal-qafas tal-protezzjoni tad-data (l-ewwel jew it-tielet pilastru) applikabbli għall-kondizzjonijiet tal-kooperazzjoni bejn l-atturi pubbliċi u privati: ir-regoli għandhom ikunu bbażati fuq il-kwalità tal-kontrollur tad-data (is-settur privat) jew fuq il-fini segwit (l-infurzar tal-liġi)? Il-linja ta' demarkazzjoni bejn l-ewwel u t-tielet pilastru xejn mhi ċara f'sitwazzjonijiet fejn jiġu stabbiliti obbligi fuq atturi privati biex jipproċessaw data personali għal finijiet tal-infurzar tal-liġi. F'dan il-kuntest huwa sinifikattiv li l-Avukat Ġenerali Bot fl-opinjoni reċenti tiegħu fil-każ taż-żamma ta' data (12), jipproponi linja ta' demarkazzjoni għal dawk is-sitwazzjonijiet iżda ma' din il-proposta jżid: “Din il-linja ta’ demarkazzjoni mhijiex eżentata minn kull kritika u tista’ tidher, f’ċerti aspetti, artifiċjali.” Il-KEPD jinnota wkoll li d-Deċiżjoni tal-Qorti dwar il-PNR (13) ma tweġibx bi sħiħ il-mistoqsija dwar il-qafas legali applikabbli. Pereżempju, il-fatt li ċerti attivitajiet mhumiex koperti bid-Direttiva 95/46/KE ma jfissirx awtomatikament li dawk l-attivitajiet jistgħu jiġu rregolati taħt it-tielet pilastru. Konsegwentement, hija possibbilment tħalli lakuna fir-rigward tal-liġi applikabbli u fi kwalunkwe każ tirriżulta f'inċertezza legali dwar il-garanziji legali disponibbli għas-suġġetti ta' data.

23.

F'din il-perspettiva, il-KEPD jisħaq li għandu jiġi żgurat li strument futur bi prinċipji ġenerali dwar il-protezzjoni tad-data ma jistax bħala tali jilleġittima verament it-trasferiment transatlantiku ta' data personali bejn partijiet privati u pubbliċi. Dan it-trasferiment jista' biss jiddaħħal fi strument futur, dment li:

l-istrument futur jistipola li t-trasferiment huwa permess biss jekk ikun ġie ppruvat li huwa assolutament meħtieġ għal fini speċifika, li għandha tiġi deċiża abbażi ta' każ b'każ.

it-trasferiment innifsu jkun imdawwar b'salvagwardji għolja tal-protezzjoni tad-data (kif deskritt f'din l-opinjoni).

Barra minn hekk, il-KEPD jinnota l-inċertezza dwar il-qafas tal-protezzjoni d-data applikabbli u għalhekk jitlob li fi kwalunkwe każ it-trasferiment tad-data personali bejn partijiet privati u pubbliċi m'għandux jiddaħħal taħt l-istat attwali tal-liġi tal-UE.

—   Bejn awtoritajiet pubbliċi:

24.

L-ambitu preċiż tal-iskambju ta' informazzjoni mhux ċar. Bħala l-ewwel pass fil-ħidma ulterjuri lejn strument komuni, l-ambitu previst ta' strument bħal dan għandu jiġi kkjarifikat. Baqa' mistoqsijiet b'mod partikolari dwar jekk:

F'dak li jirrigwarda l-bażijiet ta' data li jinsabu fl-UE, l-istrument ikunx immirat lejn bażijiet ta' data ċentralizzati ġestiti (parzjalment) mill-UE bħall-bażijiet ta' data tal-Europol u l-Eurojust, jew bażijiet ta' data deċentralizzati ġestiti mill-Istati Membri, jew it-tnejn;

L-ambitu tal-istrument jestendix għal netwerks interkonnessi, jiġifieri, jekk il-garanziji previsti humiex ser ikopru data li tiġi skambjata bejn Stati Membri jew aġenziji, fl-UE kif ukoll fl-Istati Uniti;

L-istrument ikunx ikopri biss l-iskambju bejn bażijiet ta' data fil-qasam tal-infurzar tal-liġi (il-pulizija, il-ġustizzja, possibbilment id-dwana) jew ukoll bażijiet ta' data oħra bħall-bażijiet ta' data tat-taxxa;

L-istrument ikunx relatat ukoll ma' bażijiet ta' data ta' aġenziji ta' sigurtà nazzjonali, jew ikunx jippermetti aċċess minn dawk l-aġenziji għall-bażijiet ta' data tal-infurzar tal-liġi fit-territorju tal-parti kontraenti l-oħra (l-UE għall-Istati Uniti u viċi versa);

L-istrument ikunx ikopri trasferiment ta' informazzjoni abbażi ta' każ b'każ, jew aċċess permanenti għal bażijiet ta' data eżistenti. Din l-aħħar ipotesi ċertament tqajjem kwistjonijiet ta' proporzjonalità, kif diskuss ulterjorment fil-Kapitolu V, taħt il-punt 3.

Fini tal-infurzar tal-liġi

25.

Id-definizzjoni tal-fini ta' ftehim possibbli tħalli wkoll inċertezza. Il-finijiet tal-infurzar tal-liġi huma indikati b'mod ċar fl-introduzzjoni kif ukoll fl-ewwel prinċipju anness għar-rapport, u ser jiġu analizzati aktar fil-Kapitolu IV ta' din l-opinjoni. Il-KEPD diġà jinnota li minn dawn id-dikjarazzjonijiet jidher li l-iskambju tad-data ikun jiffoka fuq materji tat-tielet pilastru, iżda wieħed jista' jkollu dubji dwar jekk dan hux biss l-ewwel pass lejn skambju usa' ta' informazzjoni. Jidher ċar li l-finijiet ta' “sigurtà pubblika” ddikjarati fir-rapport jinkludu l-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-kriminalità organizzata u reati kriminali oħra. Madankollu, hija maħsuba wkoll li tippermetti l-iskambju ta' data għal interessi pubbliċi oħra bħal possibbilment riskji tas-saħħa pubblika?

26.

Il-KEPD jirrakkomanda li l-fini jkun limitat għal ipproċessar ta' data li jkun identifikat b'mod preċiż, u li jiġu ġġustifikati l-għażliet ta' politika li jwasslu għal tali definizzjoni tal-fini.

Żona ta' sigurtà transatlantika globali

27.

L-ambitu ġenerali ta' dan ir-rapport għandu jitpoġġa fil-perspettiva taż-żona ta' sigurtà transatlantika globali diskussa mill-hekk imsejjaħ “Grupp dwar il-Futur” (14). Ir-rapport ta' dan il-grupp, maħruġ f'Ġunju 2008, jagħmel xi enfasi fuq id-dimensjoni esterna tal-politika dwar l-affarijiet interni. Huwa jiddikjara li “sal-2014, l-Unjoni Ewropea għandha tieħu deċiżjoni rigward l-objettiv politiku tal-ħolqien ta' żona ta' kooperazzjoni Euro-Atlantika fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja mal-Istati Uniti”. Kooperazzjoni bħal din tmur lil hinn minn sigurtà fis-sens strett tal-kelma u tkun tinkludi mill-inqas is-suġġetti ttrattati fit-Titolu IV attwali tat-Trattat KE bħall-immigrazzjoni, il-viża u l-ażil u l-kooperazzjoni tal-liġi ċivili. Għandu jiġi kkunsidrat safejn ftehim dwar il-prinċipji bażiċi tal-protezzjoni tad-data, bħal dawk imsemmijin fir-rapport tal-HLCG, jista' u għandu jkun il-bażi għal skambju ta' informazzjoni f'qasam daqshekk wiesa'.

28.

Normalment, sal-2014 l-istruttura tal-pilastri ma tkunx għada teżisti u jkun hemm biss bażi legali waħda għall-protezzjoni tad-data fl-UE stess (skont it-Trattat ta' Lisbona, l-Artikolu 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea). Madankollu, il-fatt li mhemmx armonizzazzjoni fil-livell tal-UE fir-rigward tar-regolament tal-protezzjoni tad-data, ma jfissirx li kwalunkwe ftehim ma' pajjiż terz jista' jippermetti t-trasferiment ta' kwalunkwe data personali, ikun xi jkun il-fini. Jistgħu jkunu meħtieġa garanziji adattati tal-protezzjoni tad-data, skont il-kuntest u l-kondizzjonijiet tal-ipproċessar, għal oqsma speċifiċi bħall-infurzar tal-liġi. Il-KEPD jirrakkomanda li l-konsegwenzi ta' dawn il-perspettivi differenti jiġu kkunsidrati fit-tħejjija ta' ftehim futur.

III.2.   Natura tal-ftehim

Il-qafas istituzzjonali Ewropew

29.

Fi kwalunkwe każ fil-perijodu qasir, huwa essenzjali li jiġi ddeterminat taħt liema pilastru ser jiġi nnegozjat l-arranġament. Dan huwa meħtieġ speċjalment minħabba l-qafas regolatorju intern għall-protezzjoni tad-data li ser jintlaqat minn ftehim bħal dan. Ser ikun il-qafas tal-ewwel pilastru – bażikament id-Direttiva 95/46/KE bir-reġim speċifiku tagħha għat-trasferiment tad-data għal pajjiżi terzi – jew ser ikun il-qafas tat-tielet pilastru b'reġim inqas restrittiv għat-trasferimenti għal pajjiżi terzi? (15)

30.

Filwaqt li l-finijiet tal-infurzar tal-liġi huma prevalenti, kif diġà msemmi, ir-rapport tal-HLCG madankollu jsemmi ġbir ta' data minn atturi privati, u l-finijiet jistgħu wkoll jiġu interpretati b'mod wiesa' li jista' jmur lil hinn minn sigurtà stretta, inkluż p.e. kwistjonijiet tal-immigrazzjoni u kontroll ta' fruntieri, iżda wkoll possibbilment is-saħħa pubblika. Minħabba dawn l-inċertezzi, ikun ferm preferibbli li wieħed jistenna l-armonizzazzjoni tal-pilastri skont il-liġi tal-UE, kif previst fit-Trattat ta' Lisbona, biex tiġi stabbilita b'mod ċar il-bażi legali għan-negozjati u r-rwol preċiż tal-istituzzjonijiet Ewropej, speċjalment il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni.

Natura vinkolanti tal-istrument

31.

Għandu jiġi ċċarat jekk il-konklużjonijiet tad-diskussjonijiet iwasslux għal Memorandum ta' Ftehim jew strument mhux vinkolanti ieħor, jew jekk hux ser ikun jikkonsisti minn ftehim internazzjonali vinkolanti.

32.

Il-KEPD jappoġġa l-preferenza fir-rapport għal ftehim vinkolanti. Ftehim vinkolanti uffiċjali huwa fil-fehma tal-KEPD prirekwiżit indispensabbli għal kwalunkwe trasferiment ta' data barra l-UE, irrispettivament mill-fini li għalih qed tiġi trasferita d-data. Ma jista' jsir l-ebda trasferiment għal pajjiż terz mingħajr kondizzjonijiet u salvagwardji adegwati inkluż qafas legali speċifiku (u vinkolanti). Fi kliem ieħor, Memorandum ta' Ftehim jew strument mhux vinkolanti ieħor jista' jkun utli biex tingħata gwida għal negozjati għal ftehimiet vinkolanti ulterjuri, iżda ma jista' qatt jissostitwixxi l-ħtieġa għal ftehim vinkolanti.

Effett dirett

33.

Id-dispożizzjonijiet tal-istrument għandhom ikunu ugwalment vinkolanti għall-Istati Uniti u għall-UE u l-Istati Membri tagħha.

34.

Barra minn hekk għandu jiġi żgurat li l-individwi huma intitolati li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom, u speċjalment biex jiksbu rimedju, abbażi tal-prinċipji maqbulin. Skont il-KEPD, dan ir-riżultat jista' jinkiseb l-aħjar jekk id-dispożizzjonijiet sostantivi tal-istrument jiġu fformulati b'tali mod li jkollhom effett dirett fir-rigward tar-residenti tal-Unjoni Ewropea u jkunu jistgħu jiġu invokati quddiem Qorti. L-effett dirett tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim internazzjonali, kif ukoll il-kondizzjonijiet tat-traspożizzjoni tiegħu fil-liġi interna Ewropea u dik nazzjonali biex tiġi żgurata l-effettività tal-miżuri, għandhom għalhekk ikunu ċari fl-istrument.

Relazzjoni ma' strumenti oħra

35.

Il-grad safejn il-ftehim jista' jibqa' indipendenti, jew ikollux jiġi kkompletat abbażi ta' każ b'każ bi ftehimiet ulterjuri dwar skambji ta' data speċifiċi hija wkoll kwistjoni fundamentali. Huwa pjuttost dubjuż jekk ftehim waħdieni, b'sett wieħed ta' standards, jistax ikopri b'mod adegwat l-ispeċifitajiet multipli tal-ipproċessar ta' data fit-tielet pilastru. Huwa anke aktar dubjuż jekk huwa jistax jippermetti, mingħajr diskussjonijiet u salvagwardji addizzjonali, approvazzjoni komprensiva ta' kwalunkwe trasferiment ta' data personali ikunu xi jkunu l-fini u n-natura tad-data kkonċernata. Barra minn hekk, il-ftehimiet ma' pajjiżi terzi mhumiex neċessarjament permanenti, billi huma jistgħu jkunu marbutin ma' theddid speċifiku, ikunu soġġetti għal reviżjoni, u jkunu soġġetti għal klawżoli sunset. Min-naħa l-oħra, standards minimi komuni, kif rikonoxxuti fi strument vinkolanti, jistgħu jiffaċilitaw kwalunkwe diskussjoni ulterjuri dwar it-trasferiment ta' data personali fir-rigward ta' bażi ta' data jew operazzjonijiet ta' pproċessar speċifiċi.

36.

Il-KEPD għalhekk jippreferi l-iżvilupp ta' sett minimu ta' kriterji tal-protezzjoni tad-data li għandu jiġi kkomplementat abbażi ta' każ b'każ b'dispożizzjonijiet speċifiċi addizzjonali, kif imsemmi fir-rapport tal-HLCG, aktar milli l-alternattiva ta' ftehim indipendenti. Dawn id-dispożizzjonijiet speċifiċi addizzjonali huma prekondizzjoni sabiex ikun possibbli t-trasferiment ta' data f'każ speċifiku. Dan jinkoraġġixxi approċċ armonizzat fir-rigward tal-protezzjoni tad-data.

Applikazzjoni ta' strumenti eżistenti

37.

Għandu jiġi eżaminat ukoll kif ftehim ġenerali possibbli jkun jikkombina ma' ftehimiet diġà eżistenti konklużi bejn l-UE u l-Istati Uniti. Għandu jiġi nnotat li dawn il-ftehimiet eżistenti m'għandhomx l-istess natura vinkolanti: għandu jissemma b'mod partikolari l-ftehim dwar il-PNR (dak li jippreżentalna l-aktar ċertezza legali), il-ftehimiet tal-Europol u l-Eurojust, jew l-iskambju ta' ittri ta' SWIFT (16). Qafas ġenerali ġdid ikun jissupplimenta dawn l-istrumenti eżistenti, jew dawn jibqgħu ma jintlaqtux, u l-qafas il-ġdid ikun japplika biss għal skambji futuri oħra ta' data personali? Fil-fehma tal-KEPD, il-konsistenza legali teħtieġ sett armonizzat ta' regoli, li japplika u jikkomplimenta kemm ftehimiet vinkolanti eżistenti kif ukoll dawk futuri dwar it-trasferimenti ta' data.

38.

L-applikazzjoni ta' ftehim ġenerali għal strumenti eżistenti jkollha l-vantaġġ li ssaħħaħ in-natura vinkolanti tagħhom. Dan jintlaqa' tajjeb b'mod partikolari fir-rigward ta' strumenti li mhumiex legalment vinkolanti, bħall-iskambju ta' ittri ta' SWIFT, għax mill-inqas ikun qed jimponi konformità ma' sett ta' prinċipji ġenerali dwar il-privatezza.

IV.   EVALWAZZJONI LEGALI ĠENERALI

39.

Dan il-kapitolu ser jikkunsidra kif il-livell ta' protezzjoni ta' qafas jew strument speċifiku għandu jiġi vvalutat, inkluża l-kwistjoni tal-punti ta' referenza li għandhom jintużaw u l-ħtiġiet bażiċi neċessarji.

Livell adegwat ta' protezzjoni

40.

Skont il-KEPD, għandu jkun ċar li wieħed mir-riżultati prinċipali ta' strument futur ikun li t-trasferiment ta' data personali lill-Istati Uniti jkun jista' jsir biss jekk l-awtoritajiet fl-Istati Uniti jiggarantixxu livell adegwat ta' protezzjoni (u viċi versa).

41.

Il-KEPD jikkunsidra li test ta' adegwatezza reali biss ikun jiżgura garanziji suffiċjenti rigward il-livell ta' protezzjoni tad-data personali. Huwa jqis li ftehim qafas ġenerali b'ambitu wiesa' daqs dak tar-rapport tal-HLCG isib diffikultà biex jgħaddi minn test ta' adegwatezza reali. L-adegwatezza ta' ftehim ġenerali tista' tiġi rikonoxxuta biss jekk huwa jkun ikkombinat ma' adegwatezza ta' ftehimiet speċifiċi konklużi abbażi ta' każ b'każ.

42.

L-apprezzament tal-livell ta' protezzjoni previst minn pajjiżi terzi mhux eżerċizzju ġdid, b'mod partikolari għall-Kummissjoni Ewropea: l-adegwatezza hija, skont l-ewwel pilastru, ħtieġa għal trasferiment. Hija tkejlet f'diversi okkażjonijiet taħt l-Artikolu 25 tad-Direttiva 95/46 abbażi ta' kriterji speċifiċi, u ġiet ikkonfermata b'deċiżjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea (17). Skont it-tielet pilastru, sistema bħal din mhix prevista b'mod espliċitu: il-kejl tal-adegwatezza ta' protezzjoni huwa preskritt biss fis-sitwazzjoni speċifika tal-Artikoli 11 u 13 tad-Deċiżjoni Qafas dwar il-Protezzjoni tad-data (18) – li għadha mhix adottata – u tħalla għall-Istati Membri.

43.

Fil-każ preżenti, l-ambitu tal-eżerċizzju jolqot il-finijiet tal-infurzar tal-liġi, u d-diskussjonijiet jitmexxew mill-Kummissjoni taħt is-superviżjoni tal-Kunsill. Il-kuntest huwa differenti mill-evalwazzjoni tal-prinċipji ta' Safe Harbour jew l-adegwatezza tal-leġislazzjoni Kanadiża, u għandu aktar konnessjonijiet man-negozjati reċenti tal-PNR mal-Istati Uniti u l-Awstralja li saru fil-qafas legali tat-tielet pilastru. Madankollu, il-prinċipji tal-HLCG issemmew ukoll fil-kuntest tal-Programm għall-Eżenzjoni mill-Viża, li jikkonċerna kwistjonijiet tal-fruntiera u l-immigrazzjoni u għalhekk kwistjonijiet tal-ewwel pilastru.

44.

Il-KEPD jirrakkomanda li kwalunkwe kejl tal-adegwatezza skont strument futur għandu jibni fuq esperjenzi f'dawn l-oqsma differenti. Huwa jirrakkomanda l-iżvilupp ulterjuri tal-kunċett tal-“adegwatezza” fil-kuntest ta' strument futur, abbażi ta' kriterji simili, bħal dawk li ntużaw f'determinazzjonijiet preċedenti tal-adegwatezza.

Rikonoxximent reċiproku – reċiproċità

45.

It-tieni element tal-livell ta' protezzjoni jirrigwarda r-rikonoxximent reċiproku tas-sistemi tal-UE u l-Istati Uniti. F'dan ir-rigward ir-rapport tal-HLCG jsemmi li l-objettiv ikun li “jinkiseb ir-rikonoxximent tal-effettività tas-sistemi tal-protezzjoni tal-privatezza u tad-data ta' xulxin għall-oqsma koperti minn dawn il-prinċipji” (19), u li tintlaħaq “applikazzjoni ekwivalenti u reċiproka tal-liġi dwar il-protezzjoni tal-privatezza u ta' data personali”.

46.

Għall-KEPD huwa ovvju li rikonoxximent reċiproku (jew reċiproċità) huwa biss possibbli jekk ikun garantit livell adegwat ta' protezzjoni. Fi kliem ieħor, l-istrument futur għandu jarmonizza livell minimu ta' protezzjoni (permezz ta' kejl tal-adegwatezza, b'kont meħud tal-ħtieġa għal ftehimiet speċifiċi abbażi ta' każ b'każ). Huwa biss skont din il-prekondizzjoni li tista' tiġi rikonoxxuta r-reċiproċità.

47.

L-ewwel element li għandu jiġi kkunsidrat huwa r-reċiproċità ta' dispożizzjonijiet sostantivi dwar il-protezzjoni tad-data. Fil-fehma tal-KEPD, ftehim għandu jittratta l-kunċett tar-reċiproċità ta' dispożizzjonijiet sostantivi dwar il-protezzjoni tad-data b'mod li jiżgura fuq naħa waħda li l-ipproċessar ta' data fit-territorju tal-UE (u tal-Istati Uniti) jirrispetta bis-sħiħ il-liġijiet domestiċi dwar il-protezzjoni tad-data, u fuq in-naħa l-oħra li l-ipproċessar barra l-pajjiż tal-oriġini tad-data u li jaqa' fl-ambitu tal-ftehim, jirrispetta l-prinċipji tal-protezzjoni tad-data kif inklużi fil-ftehim.

48.

It-tieni element huwa r-reċiproċità ta' mekkaniżmi ta' rimedju. Għandu jiġi żgurat li ċ-ċittadini Ewropej ikollhom mezz adegwat ta' rimedju meta tiġi pproċessata data relatata magħhom fl-Istati Uniti (irrispettivament mil-liġi li tapplika għal dak l-ipproċessar), iżda għandu ugwalment jiġi żgurat li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha jagħtu drittijiet ekwivalenti liċ-ċittadini tal-Istati Uniti.

49.

It-tielet element huwa r-reċiproċità ta' aċċess mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi għal data personali. Jekk kwalunkwe strument jippermetti lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti aċċess għal data li toriġina mill-Unjoni Ewropea, ir-reċiproċità tkun tinvolvi li l-istess aċċess għandu jingħata lill-awtoritajiet tal-UE, fir-rigward ta' data li toriġina mill-Istati Uniti. Ir-reċiproċità m'għandhiex tkun ta' ħsara għall-effettività tal-protezzjoni tas-suġġett ta' data. Din hija prekondizzjoni biex ikun permess aċċess 'transatlantiku' mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi. Konkretament dan ifisser li:

Aċċess dirett minn awtoritajiet tal-Istati Uniti għal data fit-territorju tal-UE (u viċi versa) m'għandux ikun permess. Għandu jingħata biss aċċess fuq bażi indiretta taħt sistema 'push'.

Dan l-aċċess għandu jsir taħt il-kontroll ta' awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data u l-awtoritajiet ġudizzjarji fil-pajjiż fejn isir l-ipproċessar tad-data.

L-aċċess minn awtoritajiet tal-Istati Uniti għal bażijiet ta' data fl-UE għandu jirrispetta d-dispożizzjonijiet sostantivi dwar il-protezzjoni tad-data (ara hawn fuq) u jiżgura rimedju sħiħ għas-suġġett ta' data.

Preċiżjoni tal-istrument

50.

L-ispeċifiċità tal-kondizzjonijiet ta' valutazzjoni (l-adegwatezza, l-ekwivalenza, ir-rikonoxximent reċiproku) hija essenzjali billi hija tiddetermina l-kontenut, fir-rigward tal-preċiżjoni, iċ-ċertezza legali u l-effettività tal-protezzjoni. Il-kontenut ta' strument futur għandu jkun preċiż u eżatt.

51.

Barra minn hekk, għandu jkun ċar li kwalunkwe ftehim speċifiku konkluż fi stadju ulterjuri jkun xorta jeħtieġ jinkludi salvagwardji dettaljati u kompleti dwar il-protezzjoni tad-data fir-rigward tas-suġġett tal-iskambju ta' data previst. Huwa biss livell doppju bħal dan ta' prinċipji konkreti dwar il-protezzjoni tad-data li jiżgura t-“taqbil preċiż” meħtieġ bejn il-ftehim ġenerali u ftehimiet speċifiċi, kif diġà ġie nnotat fil-punti 35 u 36 ta' din l-opinjoni.

Żvilupp ta' mudell għal pajjiżi terzi oħra

52.

Il-punt safejn ftehim mal-Istati Uniti jista' jkun mudell għal pajjiżi terzi oħra jixraqlu attenzjoni speċifika. Il-KEPD jinnota li minbarra l-Istati Uniti, ir-rapport imsemmi hawn fuq tal-Grupp dwar il-Futur jindika wkoll lir-Russja bħala msieħeb strateġiku tal-UE. Sakemm il-prinċipji jkunu newtrali u f'konformità ma' salvagwardji fundamentali tal-UE, huma jistgħu jikkonstitwixxu preċedent utli. Madankollu, l-ispeċifiċitajiet marbutin p.e. mal-qafas legali tal-pajjiż riċeventi jew il-fini tat-trasferiment jimpedixxu t-traspożizzjoni pura tal-ftehim. Ugwalment deċiżiva ser tkun is-sitwazzjoni demokratika ta' pajjiżi terzi: għandu jkun żgurat li l-prinċipji maqbulin ikunu garantiti u implimentati b'mod effettiv fil-pajjiż riċeventi.

Liema punti ta' referenza għall-valutazzjoni tal-livell ta' protezzjoni?

53.

Adegwatezza impliċita jew espliċita għandha tkun konformi fi kwalunkwe każ mal-qafas legali Internazzjonali u Ewropew u speċjalment mas-salvagwardji tal-protezzjoni tad-data maqbulin komunament. Dawn huma ddikjarati fil-Linji Gwida tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Konvenzjoni 108 tal-Kunsill tal-Ewropa u l-protokoll addizzjonali tagħha, il-Linji Gwida tal-OECD u l-abbozz ta' Deċiżjoni Qafas dwar il-Protezzjoni tad-Data, kif ukoll, għall-aspetti tal-ewwel pilastru, id-Direttiva 95/46/KE (20). Dawn l-istrumenti kollha fihom prinċipji simili li huma rikonoxxuti b'mod aktar wiesa' bħala l-qofol tal-protezzjoni tad-data personali.

54.

Għalhekk huwa aktar importanti li l-prinċipji msemmija hawn fuq jiġu kkunsidrati kif dovut, b'kont meħud tal-impatt ta' ftehim potenzjali bħal dak previst mir-rapport tal-HLCG. Strument li jindirizza s-settur sħiħ tal-infurzar ta' pajjiż terz ikun saħansitra sitwazzjoni mingħajr preċedent. Deċiżjonijiet eżistenti dwar l-adegwatezza fl-ewwel pilastru, u ftehimiet konklużi ma' pajjiżi terzi fit-tielet pilastru tal-UE (Europol, Eurojust) dejjem kienu marbutin ma' trasferiment speċifiku ta' data, filwaqt li hawn jistgħu jkunu possibbli trasferimenti b'fini ħafna usa', meta jitqies il-fini wiesa' segwit (il-ġlieda kontra reati kriminali, is-sigurtà nazzjonali u pubblika, l-infurzar fil-fruntieri) u n-numru mhux magħruf ta' bażijiet ta' data kkonċernati.

Ħtiġiet bażiċi

55.

Il-kondizzjonijiet li għandhom jiġu rispettati fil-kuntest tat-trasferiment ta' data personali għal pajjiżi terzi ġew żviluppati f'dokument ta' ħidma tal-Grupp ta' Ħidma dwar l-Artikolu 29 (21). Kwalunkwe ftehim dwar prinċipji minimi dwar il-privatezza għandhom jgħaddu minn test ta' konformità li jiżgura l-effettività tas-salvagwardji tal-protezzjoni tad-data.

Dwar is-sostanza: il-prinċipji tal-protezzjoni tad-data għandhom jipprovdu livell għoli ta' protezzjoni, u jilħqu standards f'konformità mal-prinċipji tal-UE. It-12-il prinċipju inklużi fir-rapport tal-HLCG ser jiġu analizzati aktar f'din il-perspettiva fil-Kapitolu V ta' din l-opinjoni.

Dwar l-ispeċifiċità: skont in-natura tal-ftehim, u speċjalment jekk huwa jikkostitwixxi ftehim internazzjonali uffiċjali, ir-regoli u l-proċeduri għandhom ikunu dettaljati biżżejjed, sabiex tkun possibbli implimentazzjoni effettiva.

Dwar sorveljanza: biex tiġi żgurata konformità mar-regoli maqbulin, għandhom jiġu stabbiliti mekkaniżmi speċifiċi ta' kontroll, kemm internament (verifiki) kif ukoll esternament (reviżjonijiet). Dawn il-mekkaniżmi għandhom ikunu disponibbli ugwalment għaż-żewġ partijiet tal-ftehim. Is-sorveljanza tinkludi mekkaniżmi li jiżguraw konformità fil-livell makro bħal mekkaniżmi ta' reviżjoni konġunti, kif ukoll konformità fil-livell mikro, bħal rimedju individwali.

56.

Minbarra dawn it-tliet ħtiġiet bażiċi, għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-ispeċifiċitajiet marbutin mal-ipproċessar ta' data personali fil-kuntest tal-infurzar tal-liġi. Dan huwa saħansitra qasam fejn id-drittijiet fundamentali jistgħu jbatu minn xi restrizzjonijiet. Għalhekk għandhom jiġu adottati salvagwardji li jikkumpensaw għar-restrizzjoni ta' drittijiet individwali, speċjalment fir-rigward tal-aspetti li ġejjin, bil-ħsieb tal-impatt fuq l-individwu:

Trasparenza: l-informazzjoni u l-aċċess għal data personali jistgħu jkunu limitati f'kuntest tal-infurzar tal-liġi, minħabba per eżempju l-ħtiġijiet ta' investigazzjonijiet diskreti. Billi fl-UE tradizzjonalment jiġu stabbiliti mekkaniżmi addizzjonali li jikkumpensaw għal din ir-restrizzjoni ta' drittijiet fundamentali (spiss bl-involviment ta' awtoritajiet indipendenti tal-protezzjoni tad-data), għandu jiġi żgurat li mekkaniżmi simili ta' kumpens ikunu disponibbli meta l-informazzjoni tiġi trasferita għal pajjiż terz.

Rimedju: għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, l-individwi għandhom jibbenefikaw minn possibbiltajiet alternattivi biex id-drittijiet tagħhom ikunu protetti, b'mod partikolari permezz ta' awtorità superviżorja indipendenti u quddiem tribunal.

Żamma ta' data: il-ġustifikazzjoni għall-perijodu taż-żamma ta' data tista' ma tkunx trasparenti. Għandhom jittieħdu miżuri sabiex dan ma jimpedixxix l-eżerċizzju effettiv ta' drittijiet mis-suġġetti ta' data jew mill-awtoritajiet superviżorji.

Akkontabililtà tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi: fin-nuqqas ta' trasparenza effettiva, il-mekkaniżmi ta' kontroll kemm mill-individwu kif ukoll minn partijiet interessati istituzzjonali ma jistgħu jkunu bl-ebda mod komprensivi. Jibqa' kruċjali li kontrolli bħal dawn jiġu stabbiliti b'mod sod, minħabba s-sensittività tad-data u l-miżuri koerċiżivi li jistgħu jittieħdu kontra individwi abbażi tal-ipproċessar tad-data. Ir-responsabbiltà hija kwistjoni deċiżiva fir-rigward ta' mekkaniżmi ta' kontroll nazzjonali tal-pajjiż riċeventi, iżda wkoll fir-rigward tal-possibbiltajiet ta' reviżjoni mill-pajjiż jew ir-reġjun tal-oriġini tad-data. Mekkaniżmi ta' reviżjoni bħal dawn huma previsti fi ftehimiet speċifiċi bħall-ftehim dwar il-PNR u l-KEPD jirrakkomanda bil-ħerqa li dawn jiġu inklużi fl-istrument ġenerali wkoll.

V.   ANALIŻI TAL-PRINĊIPJI

Introduzzjoni

57.

Dan il-kapitolu janalizza t-12-il prinċipju inkluż fid-dokument tal-HLCG mill-perspettiva li ġejja:

Dawn il-prinċipji juru li l-Istati Uniti u l-UE għandhom xi fehmiet komuni dwar il-livell tal-prinċipji, billi wieħed jista' jinnota similaritajiet mal-prinċipji tal-Konvenzjoni 108.

Madankollu, ftehim fil-livell tal-prinċipji mhux biżżejjed. L-istrument legali għandu jkun sod biżżejjed biex jiżgura l-konformità.

Il-KEPD jiddispjaċih li l-prinċipji mhumiex akkumpanjati minn memorandum ta' spjegazzjoni.

Għandu jkun ċar, qabel ma jiġu deskritti l-prinċipji, li ż-żewġ partijiet għandhom l-istess intendiment tal-formulazzjoni użata, per eżempju fir-rigward tal-kunċett tal-informazzjoni personali jew l-individwi protetti. Definizzjonijiet f'dan ir-rigward ikunu milqugħa.

1.   Speċifikazzjoni tal-fini

58.

L-ewwel prinċipju elenkat fl-anness tar-rapport tal-HLCG jindika li l-informazzjoni personali għandha tiġi pproċessata għal finijiet leġittimi tal-infurzar tal-liġi. Kif imsemmi qabel, dan jirreferi għall-Unjoni Ewropea għall-prevenzjoni, l-individwalizzazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali. Għall-Istati Uniti iżda, l-interpretazzjoni tal-infurzar tal-liġi tmur lil hinn minn reati kriminali u tinkludi “finijiet bħall-kontroll tal-fruntiera, is-sigurtà pubblika u s-sigurtà nazzjonali”. Il-konsegwenzi ta' diskrepanzi bħal dawn bejn il-finijiet iddikjarati tal-UE u l-Istati Uniti mhumiex ċari. Filwaqt li r-rapport isemmi li fil-prattika l-finijiet jistgħu jikkoinċidu fil-parti l-kbira, jibqa' deċiżiv li wieħed ikun jaf preċiżament safejn huma ma jikkoinċidux. Fil-qasam tal-infurzar tal-liġi, bil-ħsieb tal-impatt tal-miżuri meħudin fuq individwi, il-prinċipju tal-limitazzjoni ta' fini għandu jiġi rispettat strettament u l-finijiet iddikjarati għandhom ikunu ċari u ċirkoskritti. B'kont meħud tar-reċiproċità prevista fir-rapport, l-approssimazzjoni ta' dawn il-finijiet tidher essenzjali ukoll. Fil-qosor, tenħtieġ kjarifika tal-intendiment ta' dan il-prinċipju.

2.   Integrità/kwalità tad-data

59.

Il-KEPD jilqa' d-dispożizzjoni li titlob informazzjoni personali preċiża, rilevanti, f'waqtha u kompleta, kif meħtieġ għal proċessar leġittimu. Prinċipju bħal dan huwa kondizzjoni bażika għal kwalunkwe pproċessar effiċjenti ta' data.

3.   Ħtieġa/proporzjonalità

60.

Il-prinċipju jagħmel rabta ċara bejn l-informazzjoni miġbura u l-ħtieġa ta' din l-informazzjoni għat-twettiq ta' fini tal-infurzar tal-liġi stabbilit bil-liġi. Din il-ħtieġa ta' bażi leġislattiva hija element pożittiv biex tkun żgurata l-leġittimità tal-ipproċessar. Madankollu, il-KEPD jinnota li, għalkemm dan jirrinforza ċ-ċertezza legali tal-ipproċessar, il-bażi legali għal proċessar bħal dan tikkonsisti minn liġi ta' pajjiż terz. Liġi ta' pajjiż terz fiha nnfisha ma tistax tikkostitwixxi bażi leġittima għal trasferiment ta' data personali (22). Fil-kuntest tar-rapport tal-HLCG, jidher li huwa preżunt li l-leġittimità tal-liġi ta' pajjiż terz, jiġifieri l-Istati Uniti, hija rikonoxxuta fil-prinċipju. Għandu jittieħed kont li, jekk raġunar bħal dan jista' jiġi ġġustifikat hawnhekk, billi l-Istati Uniti huwa Stat demokratiku, l-istess skema ma tkunx valida u ma tistax tiġi trasposta għal relazzjonijiet ma kwalunkwe pajjiż terz ieħor.

61.

Kwalunkwe trasferiment ta' data personali għandu jkun rilevanti, meħtieġ u adatt skont l-anness għar-rapport tal-HLCG. Il-KEPD jisħaq li biex ikun proporzjonat, l-ipproċessar m'għandux jinvolvi ndħil mhux dovut, u l-modalitajiet tal-ipproċessar għandhom ikunu bbilanċjati, b'kont meħud tad-drittijiet u l-interessi tas-suġġetti tad-data.

62.

Għal din ir-raġuni, l-aċċess għal informazzjoni għandu jsir abbażi ta' każ b'każ, skont il-ħtiġijiet prattiċi fil-kuntest ta' investigazzjoni speċifika. L-aċċess permanenti minn awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi ta' pajjiż terz għal bażijiet ta' data li jinsabu fl-UE jkun ikkunsidrat bħala sproporzjonat u mhux iġġustifikat biżżejjed. Il-KEPD ifakkar li anke fil-kuntest ta' ftehimiet eżistenti dwar l-iskambju tad-data, p.e. fil-każ tal-ftehim dwar il-PNR, l-iskambju tad-data huwa bbażat fuq ċirkostanzi speċifiċi u huwa konkluż għal perijodu ta' żmien limitat (23).

63.

Bl-istess loġika, il-perijodu taż-żamma tad-data għandu jiġi rregolat: id-data għandha tinżamm biss sakemm tkun meħtieġa, b'kont meħud tal-fini speċifiku segwit. Jekk hi ma tkunx għadha rilevanti f'relazzjoni mal-fini identifikat, hija għandha titħassar. Il-KEPD jopponi bil-qawwi l-kostituzzjoni ta' ħażniet ta' data fejn tinħażen informazzjoni dwar individwi mhux suspettati bil-ħsieb ta' ħtieġa ulterjuri possibbli.

4.   Sigurtà tal-informazzjoni

64.

Il-miżuri u l-proċeduri għall-protezzjoni tad-data minn użu ħażin, alterazzjoni u riskji oħra huma żviluppati fil-prinċipji, kif ukoll dispożizzjoni li tillimita l-aċċess għal individwi awtorizzati. Il-KEPD jikkunsidra li dan huwa sodisfaċenti.

65.

Barra minn hekk, il-prinċipju jista' jiġi kkomplimentat minn dispożizzjoni li ssemmi li għandu jinżamm reġistru ta' dawk li jkollhom aċċess għad-data. Dan isaħħaħ l-effettività tas-salvagwardji biex jiġi limitat l-aċċess u jiġi impedit l-użu ħażin tad-data.

66.

Barra minn hekk, għandha tiġi prevista informazzjoni reċiproka fil-każ ta' ksur ta' sigurtà: ir-riċeveturi fl-Istati Uniti kif ukoll dawk fl-UE jkunu responsabbli biex jinfurmaw lill-kontrapartijiet tagħhom f'każ li d-data li huma jirċievu tkun soġġetta għal żvelar illeġittimu. Dan jikkontribwixxi għal responsabbiltà msaħħa lejn proċessar sigur tad-data.

5.   Kategoriji speċjali ta' informazzjoni personali

67.

Il-prinċipju li jipprojbixxi l-ipproċessar ta' data sensittiva huwa, fil-fehma tal-KEPD, imdgħajjef b'mod konsiderevoli bl-eċċezzjoni, li tippermetti kwalunkwe pproċessar ta' data sensittiva li għaliha l-liġi domestika tipprevedi “salvagwardji adatti”. Preċiżament minħabba n-natura sensittiva tad-data, kwalunkwe deroga mill-prinċipju ta' projbizzjoni għandha tiġi ġġustifikata b'mod adegwat u preċiż, b'lista ta' finijiet u ċirkostanzi li taħthom jista' jiġi pproċessat tip identifikat ta' data sensittiva, kif ukoll b'indikazzjoni tal-kwalità ta' kontrolluri intitolati li jipproċessaw tali tipi tad-data. Fost is-salvagwardji li għandhom jiġu adottati, il-KEPD jikkunsira li data sensittiva m'għandhiex tikkostitwixxi element li jista' jwassal għal investigazzjoni. Hija tista' tkun disponibbli f'ċirkostanzi speċifiċi iżda biss bħala informazzjoni addizzjonali fir-rigward ta' suġġett ta' data li jkun diġà qed jiġi investigat. Dawn is-salvagwardji u l-kondizzjonijiet għandhom ikunu nnumerati b'mod limitattiv fit-test tal-prinċipju.

6.   Responsabbiltà

68.

Kif żviluppat fil-punti 55-56 ta' din l-opinjoni, ir-responsabbiltà ta' entitajiet pubbliċi li jipproċessaw data personali, għandha tiġi żgurata b'mod effettiv, u għandhom jingħataw assigurazzjonijiet fil-ftehim dwar il-mod li bih ser tiġi żgurata din ir-responsabbiltà. Dan huwa anke aktar importanti meta jiġi kkunsidrat in-nuqqas ta' trasparenza li huwa tradizzjonalment assoċjat mal-ipproċessar ta' data personali f'kuntest tal- infurzar tal-liġi. F'din il-fehma, li jissemma – kif huwa l-każ issa fl-anness – li entitajiet pubbliċi għandhom ikunu akkontabbli mingħajr ma tingħata spjegazzjoni ulterjuri dwar il-modalitajiet u l-konsegwenzi ta' responsabbiltà bħal din, mhuwiex garanzija sodisfaċenti. Il-KEPD jirrakkomanda li spjegazzjoni bħal din tingħata fit-test tal-istrument.

7.   Sorveljanza indipendenti u effettiva

69.

Il-KEPD jappoġġa bis-sħiħ l-inklużjoni ta' dispożizzjoni li tipprevedi superviżjoni indipendenti u effettiva, minn awtorità superviżorja pubblika waħda jew aktar. Huwa jikkunsidra li għandu jiġi ċċarat il-mod li bih hija interpretata l-'indipendenza', speċjalment minn min huma indipendenti dawn l-awtoritajiet u lil minn jirrappurtaw. Jenħtieġu kriterji f'dan ir-rigward, li għandhom jieħdu kont tal-indipendenza istituzzjonali u funzjonali, f'relazzjoni mal-korpi eżekuttivi u leġislattivi. Il-KEPD ifakkar li dan huwa element essenzjali biex tiġi żgurata konformità effettiva mal-prinċipji maqbulin. L-intervenzjoni u s-setgħat tal-infurzar ta' dawn l-awtoritajiet huma wkoll kruċjali bil-ħsieb tal-kwistjoni tar-responsabbiltà ta' entitajiet pubbliċi li jipproċessaw data personali, kif imsemmi hawn fuq. L-eżistenza u l-kompetenzi tagħhom għandhom ikunu viżibbli b'mod ċar għas-suġġetti tad-data, sabiex jippermettulhom jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom, speċjalment jekk bosta awtoritajiet ikunu kompetenti skont il-kuntest tal-ipproċessar.

70.

Barra minn hekk, il-KEPD jirrakkomanda li ftehim futur għandu jipprevedi wkoll mekkaniżmi ta' kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji.

8.   Aċċess individwali u rettifika

71.

Jenħtieġu garanziji speċifiċi fir-rigward tal-aċċess u r-rettifika f'kuntest tal-infurzar tal-liġi. F'dak is-sens, il-KEPD jilqa' l-prinċipju li jiddikjara li l-individwi ser/għandhom jingħataw aċċess għal u l-mezzi biex jitolbu “rettifika u/jew tħassir tal-informazzjoni personali tagħhom”. Madankollu, baqa' xi inċertezzi rigward id-definizzjoni ta' individwi (is-suġġetti tad-data kollha għandhom ikunu protetti u mhux biss iċ-ċittadini tal-pajjiż ikkonċernat), u l-kondizzjonijiet li fihom l-individwi jkunu jistgħu joġġezzjonaw għall-ipproċessar tal-informazzjoni tagħhom. Jenħtieġu preċiżjonijiet dwar il-“każijiet adatti” li taħthom tista' ssir, jew tkun tista' ssir oġġezzjoni. Għas-suġġetti ta' data għandu jkun ċar f'liema ċirkostanzi – skont p.e it-tip ta' awtorità, it-tip ta' investigazzjoni jew kriterji oħra – huma ser ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom.

72.

Barra minn hekk, jekk mhemm l-ebda possibbiltà diretta li ssir oġġezzjoni dwar l-ipproċessar għal raġunijiet iġġustifikati, għandha tkun disponibbli verifika indiretta, permezz tal-awtorità indipendenti responsabbli mis-sorveljanza tal-ipproċessar.

9.   Trasparenza u notifika

73.

Il-KEPD jisħaq għal darb'oħra l-importanza ta' trasparenza effettiva, sabiex l-individwi jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom, u jikkontribwixxu għar-responsabbiltà ġenerali tal-awtoritajiet pubbliċi li jipproċessaw id-data personali. Huwa jappoġġa l-prinċipji kif abbozzati, u jinsisti b'mod partikolari dwar il-ħtieġa għal notifika ġenerali u individwali għall-individwu. Dan huwa rifless fil-prinċipju kif abbozzat fil-punt 9 tal-anness.

74.

Madankollu, ir-rapport fil-Kapitolu 2, A. B tiegħu (“Qbil dwar prinċipji”) isemmi li fl-Istati Uniti it-trasparenza tista' tinkludi “individwalment jew ikkombinati, pubblikazzjoni fir-Reġistru Federali, notifika individwali, u żvelar fi proċedimenti tal-qorti”. Għandu jkun ċar li pubblikazzjoni fil-ġurnal uffiċjali waħedha mhix biżżejjed biex tiggarantixxi l-informazzjoni adatta tas-suġġett tad-data. Flimkien mal-ħtieġa ta' notifika individwali, il-KEPD ifakkar li l-informazzjoni għandha tingħata f'forma u b'lingwa li jinftehmu faċilment mis-suġġett tad-data.

10.   Rimedju

75.

Biex jiġi garantit l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tagħhom, l-individwi għandhom ikunu jistgħu jirreġistraw ilment quddiem awtorità indipendenti dwar il-protezzjoni tad-data, kif ukoll ikollhom rimedju quddiem tribunal indipendenti u imparzjali. Iż-żewġ possibbiltajiet ta' rimedju għandhom ikunu disponibbli ugwalment.

76.

L-aċċess għal awtorità indipendenti dwar il-protezzjoni tad-data huwa meħtieġ billi huwa jipprevedi assistenza flessibbli u anqas għalja, f'kuntest – l-infurzar tal-liġi – li tista' tkun pjuttost oskura għall-individwi. L-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data jistgħu wkoll jagħtu assistenza fl-eżerċitar tad-drittijiet għall-aċċess f'isem is-soġġetti tad-data, f'każ li xi eċċezzjoni timpedixxi lil dan tal-aħħar milli jikseb aċċess dirett għad-data personali tiegħu.

77.

L-aċċess għas-sistema ġudizzjarja huwa garanzija addizzjonali u indispensabbli li s-suġġetti tad-data jistgħu jfittxu rimedju quddiem awtorità li tappartjeni għal fergħa tas-sistema demokratika li hi distinta mill-istituzzjonijiet pubbliċi li fil-fatt jipproċessaw id-data tagħhom. Rimedju effettiv bħal dan quddiem qorti ġie kkunsidrat mill-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea (24) bħala “essenzjali sabiex tiġi żgurata protezzjoni effettiva tal-individwu għad-dritt tiegħu. (...) [Huwa] jirrifletti prinċipju ġenerali tal-liġi komunitarja sottostanti għat-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri u li ġie ddikjarat fl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali.” L-eżistenza ta' rimedju ġudizzjarju huwa wkoll previst b'mod espliċitu fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u fl-Artikolu 22 tad-Direttiva tal-KE 95/46, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv.

11.   Deċiżjonijiet individwali awtomati

78.

Il-KEPD jilqa' d-dispożizzjoni li tipprevedi salvagwardji adatti f'każ ta' pproċessar awtomatizzat ta' informazzjoni personali. Huwa jinnota li intendiment komuni ta' x'inhu kkunsidrat bħala “azzjoni negattiva sinifikanti dwar l-interessi rilevanti tal-individwu”, jiċċara l-kondizzjonijiet tal-applikazzjoni ta' dan il-prinċipju.

12.   Trasferimenti 'l quddiem

79.

Il-kondizzjonijiet tat-trasferimenti 'l quddiem mhumiex ċari għal xi wħud minnhom. B'mod partikolari, fejn it-trasferiment 'il quddiem għandu jikkonforma ma' arranġamenti u ftehimiet internazzjonali bejn il-pajjiżi li jibgħatu u dawk riċevituri, għandu jiġi speċifikat jekk dan jirreferix għal ftehimiet bejn iż-żewġ pajjiżi li jkunu inizjaw l-ewwel trasferiment, jew iż-żewġ pajjiżi involuti fit-trasferiment 'il quddiem. Skont il-KEPD, fi kwalunkwe każ huma meħtieġa ftehimiet bejn iż-żewġ pajjiżi li jkunu inizjaw l-ewwel trasferiment.

80.

Il-KEPD jinnota wkoll definizzjoni wiegħsa ħafna tal-“interessi pubbliċi leġittimi” li jippermettu trasferiment 'il quddiem. L-ambitu tas-sigurtà pubblika jibqa' mhux ċar, u l-estensjoni ta' trasferimenti f'każ ta' ksur ta' etika jew professjonijiet irregolati tidher mhux iġġustifikata u eċċessiva f'kuntest tal-infurzar tal-liġi.

VI.   KONKLUŻJONI

81.

Il-KEPD jilqa' l-ħidma konġunta tal-awtoritajiet tal-UE u l-Istati Uniti fil-qasam tal-infurzar tal-liġi fejn il-protezzjoni tad-data hija kruċjali. Madankollu huwa jrid jinsisti dwar il-fatt li l-kwistjoni hija kumplessa, b'mod partikolari fir-rigward tal-fini u n-natura preċiżi tagħha, u li għalhekk jixirqilha analiżi kawta u fil-fond. L-impatt ta' strument transatlantiku dwar il-protezzjoni tad-data għandu jiġi kkunsidrat b'attenzjoni f'relazzjoni mal-qafas legali eżistenti u l-konsegwenzi fuq iċ-ċittadini.

82.

Il-KEPD jappella għal aktar ċarezza u dispożizzjonijiet konkreti speċjalment dwar l-aspetti li ġejjin:

Kjarifika dwar in-natura tal-istrument, li għandu jkun legalment vinkolanti sabiex jipprovdi ċertezza legali biżżejjed;

Kejl fil-fond tal-adegwatezza, ibbażat fuq ħtiġiet essenzjali li jindirizzaw l-aspetti tas-sostanza, l-ispeċifiċità u s-sorveljanza tal-iskema. Il-KEPD jikkunsidra li l-adegwatezza tal-istrument ġenerali għandha tiġi rikonoxxuta biss jekk tkun ikkombinata ma' ftehimiet speċifiċi adegwati abbażi ta' każ b'każ.

Ambitu ta' applikazzjoni ċirkoskritt, b'definizzjoni ċara u komuni tal-finijiet ikkonċernati tal-infurzar tal-liġi;

Preċiżjonijiet rigward il-modalitajiet skont liema l-entitajiet privati jistgħu jkunu involuti fl-iskemi tat-trasferiment ta' data;

Konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità, li jimplika skambju ta' data abbażi ta' każ b'każ fejn ikun hemm ħtieġa konkreta;

Mekkaniżmi ta' sorveljanza sodi, u mekkaniżmi ta' rimedju disponibbli għas-suġġetti tad-data, inkluż rimedji amministrattivi u ġudizzjarji;

Miżuri effettivi li jiggarantixxu lis-suġġetti ta' data kollha l-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom;

Involviment ta' awtoritajiet indipendenti tal-protezzjoni tad-data, speċjalment fir-rigward tas-sorveljanza u l-assistenza għas-suġġetti tad-data.

83.

Il-KEPD jinsisti dwar il-fatt li għandha tkun evitata kwalunkwe għaġla fl-elaborazzjoni tal-prinċipji billi din twassal biss għal soluzzjonijiet mhux sodisfaċenti, b'effetti opposti għal dawk intenzjonati f'termini ta' protezzjoni tad-data. Għalhekk, l-aħjar mod 'il quddiem f'dan il-punt huwa l-iżvilupp ta' pjan direzzjonali lejn ftehim possibbli fi stadju aktar tard.

84.

Il-KEPD jappella wkoll għal aktar trasparenza fir-rigward tal-proċess ta' elaborazzjoni tal-prinċipji tal-protezzjoni tad-data. Huwa biss bl-involviment tal-partijiet interessati kollha, inkluż il-Parlament Ewropew, li l-istrument ikun jista' jibbenefika minn dibattitu demokratiku u jikseb l-appoġġ u r-rikonoxximent meħtieġ.

Magħmul fi Brussell, 11 ta' Novembru 2008.

Peter HUSTINX

Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data


(1)  Dokument tal-Kunsill Nru 9831/08, disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/justice_home/fsj/privacy/news/index_en.htm

(2)  

Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija fis-6 ta' Diċembru 2001, u Supplemental agreement between Europol and the USA on exchange of personal data and related information (Ftehim supplimentari bejn l-Europol u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar skambju ta' data personali u informazzjoni relatata), ippubblikat fuq il-websajt tal-Europol;

Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Eurojust dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja, 6 ta' Novembru 2006, ippubblikat fuq il-websajt tal-Eurojust;

Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta' data mir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) minn trasportaturi bl-ajru lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti (DHS) (2007 Ftehim dwar il-PNR), iffirmat fi Brussell fit-23 ta' Lulju 2007 u f'Washington, fis-26 ta' Lulju 2007, ĠU L 204, 4.8.2007, p. 18;

Skambju ta' ittri bejn l-awtoritajiet tal-Istati Uniti u l-UE dwar il-Programm għat-Traċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu, it-28 ta' Ġunju 2007.

(3)  ĠU L 213, 8.8.2008, p. 49.

(4)  Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tad-data personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja f'materji kriminali, il-verżjoni tal-24 ta' Ġunju 2008 disponibbli fuq http://ec.europa.eu/prelex/detail_dossier_real.cfm?CL=en&DosId=193371

(5)  Dwar il-ħtieġa ta' qafas legali ċar, ara l-Kapitoli III u IV ta' din l-opinjoni.

(6)  Paġna 5 tar-rapport, taħt C.

(7)  Ara b'mod partikolari l-Kapitolu 3 tar-Rapport, “Kwistjonijiet pendenti rilevanti għar-relazzjonijiet transatlantiċi”, punt 1: “Konsistenza fl-obbligi ta' entitajiet privati waqt it-trasferimenti tad-data”.

(8)  Dwar din il-kwistjoni ara l-Opinjoni tal-KEPD tal-20 ta' Diċembru 2007 dwar il-Proposta għal Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar l-użu tad-data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) għal finijiet ta' infurzar tal-liġi, ĠU C 110, 1.5.2008, p. 1. “Tradizzjonalment, kienet teżisti differenza bejn l-attivitajiet ta' infurzar tal-liġi u l-attivitajiet tas-settur privat, fejn kompiti ta' infurzar tal-liġi jitwettqu minn awtoritajiet speċjali apposta, b'mod partikolari il-forzi tal-pulizija, u l-atturi privati jiġu ssoliċitati fuq bażi ta' każ b'każ biex jikkomunikaw data personali lil dawn l-awtoritajiet tal-infurzar. Issa hemm tendenza li tkun imponuta l-kooperazzjoni fuq atturi privati għal skopijiet ta' infurzar tal-liġi fuq bażi sistematika”.

(9)  Ara l-Opinjoni 10/2006 tal-Grupp ta' Ħidma dwar l-Artikolu 29, tat-22 ta' Novembru 2006 dwar l-ipproċessar ta' data personali mis-Society for Worldwide Interbank Financial Telecommunication (SWIFT), WP 128.

(10)  Opinjoni tal-20 ta' Diċembru 2007, op. cit.

(11)  Ara l-proposta għal Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar l-użu tad-data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) għal finijiet tal-infurzar tal-liġi, imsemmija fin-nota 8 ta' qiegħ il-paġna, kif diskussa attwalment fil-Kunsill.

(12)  Opinjoni tal-Avukat Ġenerali Bot tal-14 ta' Ottubru 2008, Irlanda v. Parlament Ewropew u Kunsill, (Kawża C-301/06), par 108.

(13)  Sentenza tal-Qorti tat-30 ta' Mejju 2006, Parlament Ewropew v Kunsill tal-Unjoni Ewropea (C-317/04) u Kummissjoni tal-Komunitarjiet Ewropej (C-318/04), Każijiet konġunti C-317/04 u C-318/04, Ġabra [2006], P. I-4721.

(14)  Rapport tal-Grupp Konsultattiv Informali ta' Livell Għoli dwar il-Futur tal-Politika Ewropea dwar l-Affarijiet Interni, “Libertà, Sigurtà, Privatezza – Affarijiet Interni Ewropej f'dinja miftuħa”, Ġunju 2008, disponibbli fuq register.consilium.europa.eu.

(15)  Ara l-Artikoli 11 u 13 tad-DPFD (Deċiżjoni Qafas dwar il-Protezzjoni tad-data), imsemmija fil-punt 7 ta' din l-opinjoni.

(16)  Ara n-nota 2 ta' qiegħ il-paġna.

(17)  Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-adegwatezza tal-protezzjoni tad-data personali f'pajjiżi terzi, inkluż l-Arġentina, il-Kanada, l-Isvizzera, l-Istati Uniti, Guernsey, l-Isle of Man u Jersey, huma disponibbli fuq http://ec.europa.eu/justice_home/fsj/privacy/thridcountries/index_en.htm

(18)  Ristretta għat-trasferiment għal pajjiż terz jew korp internazzjonali minn Stat Membru ta' data li waslet minn awtorità kompetenti fi Stat Membru ieħor.

(19)  Kapitolu A. Ftehim internazzjonali vinkolanti, p. 8.

(20)  

Linji gwida tan-Nazzjonijiet Uniti dwar fajls ta' data personali kompjuterizzati, adottati mill-Assemblea Ġenerali fl-14 ta' Diċembru 1990, disponibbli fuq www.unhchr.ch/html/menu3/b/71.htm

Konvenzjoni għall-Protezzjoni ta' Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku ta' Data Personali tal-Kunsill tal-Ewropa, 28 ta' Jannar 1981, disponibbli fuq www.conventions.coe.int/treaty/en/Treaties/html/108.htm

Linji gwida tal-OECD dwar il-Protezzjoni tal-Privatezza u l-Flussi Transkonfinali ta' Data Personali, adottati fit-23 ta' Settembru 1980, disponibbli fuq www.oecd.org/document/20/0,3343,en_2649_34255_15589524_1_1_1_1,00.html

Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tad-data personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja f'materji kriminali, disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/prelex/detail_dossier_real.cfm?CL=en&DosId=193371

Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment ħieles ta' tali data, ĠU L 281, tat-23.11.1995, p. 31.

(21)  Dokument ta' ħidma tal-24 ta' Lulju 1998 dwar Trasferimenti ta' data personali għal pajjiżi terzi: Applikazzjoni tal-Artikoli 25 u 26 tad-Direttiva tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data; Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 12.

(22)  Ara b'mod partikolari l-Artikolu 7(c) u (e) tad-Direttiva 95/46/KE. Fl-opinjoni tiegħu 6/2002 tal-24 ta' Ottubru 2002 dwar it-trasmissjoni ta' Informazzjoni dwar il-Lista ta' Passiġġieri u data oħra mill-Kumpanniji tal-ajru għall-Istati Uniti, il-Grupp ta' Ħidma dwar l-Artikolu 29 iddikjara li “ma jidhirx aċċettabbli li deċiżjoni unilaterali meħuda minn pajjiż terz għal raġunijiet tal-interess pubbliku tiegħu stess għandha twassal għat-trasferiment b'rutina jew bl-ingrossa ta' data protetta skont id-Direttiva”.

(23)  Il-Ftehim ser jiskadi u jieqaf minn kull effett seba' snin wara d-data tal-iffirmar sakemm il-partijiet ma jiddeċidux reċiprokament li jibdluh.

(24)  Kawża 222/84 Johnston [1986] Ġabra 1651; Kawża 222/86 Heylens [1987] Ġabra 4097; Kawża C-97/91 Borelli [1992] Ġabra I-6313).


Top