Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009IP0334

Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u tal-Protokoll mhux Obligatorju marbut magħha Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 24 ta’ April 2009 dwar il-konklużjoni, min-naħa tal-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u tal-Protokoll mhux Obligatorju marbut magħha

OJ C 184E , 8.7.2010, p. 111–113 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

8.7.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 184/111


Il-Ġimgħa, 24 ta’ April 2009
Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u tal-Protokoll mhux Obligatorju marbut magħha

P6_TA(2009)0334

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ April 2009 dwar il-konklużjoni, min-naħa tal-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u tal-Protokoll mhux Obligatorju marbut magħha

2010/C 184 E/23

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill (COM(2008)0530),

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità tan-Nazzjonijiet Uniti tat-13 ta’ Diċembru 2006 (“il-Konvenzjoni”), adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fit-13 ta’ Diċemrbu 2006,

wara li kkunsidra l-Protokoll mhux Obligatorju għall-Konvenzjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità tan-Nazzjonijiet Uniti tat-13 ta’ Diċembru 2006 (“il-Protokoll mhux Obligatorju”), adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fit-13 ta’ Diċemrbu 2006,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta’ Settembru 2003 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew bit-titolu “Lejn strument tan-Nazzjonijiet Uniti li jorbot li jippromwovi u jħares id-drittijiet u d-dinjità tal-persuni b’diżbilità” (1),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Ottubru 2003 bit-titolu “Opportunitajiet indaqs għall-persuni b’diżbilità: Pjan ta’ Azzjoni Ewropew” (COM(2003)0650), u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-20 ta’ April 2004 dwarha (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta’ Jannar 2006 dwar id-diżabilità u l-iżvilupp (3),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Novembru 2005 bit-titolu “Il-qagħda tal-persuna b’diżabilità fl-Unjoni Ewropea mkabbra: il-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew 2006-2007”, (COM(2005)0604), u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-30 ta’ Novembru 2006 dwarha (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta’ April 2007 dwar il-qagħda tan-nisa b’diżabilitajiet fl-Unjoni Ewropea (5),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Mejju 2007 dwar il-promozzjoni ta’ xogħol deċenti għal kulħadd (6),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-26 ta’ Novembru 2007 bit-titolu “Il-qagħda tal-persuni b’diżabbiltà fl-Unjoni Ewropea: il-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew 2008-2009” (COM(2007)0738),

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-Sena Ewropea għall-Ġlieda Kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali (2010) (7),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, tas-17 ta’ Marzu 2008, dwar il-qagħda tal-persuni b’diżabilità fl-Unjoni Ewropea (8),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Mejju 2008 dwar il-progress imwettaq fl-opportunitajiet indaqs u n-non-diskriminazzjoni fl-UE (it-traspożizzjoni tad-Direttivi 2000/43/KE u 2000/78/KE) (9),

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tal-24 ta’ April 2009 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrigwarda l-konklużjoni, mill-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilitajiet (10),

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tal-24 ta’ April 2009 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrigwarda l-konklużjoni, mill-Komunità Ewropea, tal-Protokoll mhux Obligatorju għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilitajiet (11),

wara li kkunsidra r-rapporti tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A6-0229/2009 u A6-0230/2009),

wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.

billi l-Istati Membri kollha ffirmaw il-Konvenzjoni u l-Protokoll mhux Obligatorju, iżda s’issa sebgħa Stati Membri biss irratifikawhom,

B.

billi l-Konvenzjoni tippromwovi u tħares id-drittijiet tal-bniedem tal-persuni kollha b’diżabilità, inklużi dawk li għandhom bżonn iktar appoġġ intensiv,

C.

billi l-Protokoll mhux Obligatorju jipprovdi l-possibilità lil (gruppi ta’) persuni b’diżabilità, li jaffermaw li xi partijiet għall-Konvenzjoni jkunu kisru xi drittijiet previsti fil-Konvenzjoni, li jippreżentaw komunikazzjonijiet lil xi Kumitat,

1.

Japprova l-konklużjoni, min-naħa tal-Komunità, tal-Konvenzjoni u tal-Protokoll mhux Obligatorju;

2.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, bħala rappreżentanti legali tal-Komunità, sabiex jiddepożitaw l-istrument tar-ratifika quddiem in-Nazzjonijiet Uniti qabel it-3 ta’ Diċembru 2009;

3.

Iħeġġeġ lill-Iistati Membri kollha sabiex jipproċedu b’ħeffa għar-ratifika tal-Konvenzjoni fis-sħuħija tagħha, jimplimentaw il-kontenut tagħha u joħolqu l-infrastruttura materjali meħtieġa;

4.

Jistieden lill-Istati Membri biex jaderixxu mal-Protokoll Mhux Obbligatorju u/jew jirratifikawh, sabiex jagħtu lill-persuni b’diżabilità li d-drittijiet tagħhom ġew miksura l-possibilità li jiġġieldu kontra dan il-ksur u biex ikun żgurat il-ħarsien tagħhom kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni;

5.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tiċċara d-daqs potenzjali tal-kompetenza tal-Komunità fir-rigward tal-Konvenzjoni; jissuġġerixxi li tiġi enfasizzata n-natura indikattiva tal-atti Komunitarji mniżżla fid-Dikjarazzjonijiet (12); Jenfasizza l-importanza li fid-Dikjarazzjonijiet tiġi enfasizzata l-kompetenza tal-Komunità fl-appoġġ għad-drittijiet u għall-inklużjoni tal-persuni b’diżabilità fil-koperazzjoni għall-iżvilupp u fl-għajnuna umanitarja, fis-saħħa u fl-affarijiet tal-konsumatur;

6.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tuża l-Artikolu 3 tat-Trattat KE bħala bażi biex tiddefinixxi l-firxa tal-kompetenzi tal-Komunità fir-rigward tal-Konvenzjoni, li huma mniżżla fid-Dikjarazzjoni tal-Komunità Ewropea għall-applikazzjoni tal-Artikolu 44(1) tal-Konvenzjoni, stipulata fl-Anness 2 tal-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill; jisħaq l-importanza kbira li jsir enfasi fuq il-koperazzjoni fl-iżvilupp, is-saħħa u l-affarijiet tal-konsumatur fl-applikazzjoni tad-Dikjarazzjoni;

L-Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni u tal-Protokoll mhux Obligatorju

7.

Jappoġġja l-Istati Membri li bdew il-proċess ta’ implimentazzjoni progressiva tal-Konvenzjoni u tal-Protokoll mhux Obligatorju, u jistieden lill-bqija tal-Istati Membri sabiex ukoll jagħmlu dan;

8.

Jistieden lill-Komunità u lill-Istati Membri biex jinkorporaw id-dispożizzjonijiet kollha tal-Konvenzjoni fil-liġi, biex jieħdu l-miżuri u jipprovdu l-mezzi finanzjarji meħtieġa għall-applikazzjoni tagħhom fi żmien skadenzi preċiżi u biex jiffissaw objettivi kwantitattivi għal dan; Iħeġġeġ lill-Istati membri sabiex jagħmlu skabju ta’ informazzjoni u tal-aħjar prattiki dwar l-implimentazzjoni;

9.

Jistieden lill-Istati Membri sabiex japplikaw l-integrazzjoni tal-perspettiva tas-sessi fid-deċiżjonijiet dwar politiki u dwar miżuri għan-nisa u irġiel, bniet u subien b’diżabilità u għall-implimentazzjoni tagħhom fl-oqsma kollha, speċjalment fir-rigward tal-integrazzjoni tagħhom fil-post tax-xogħol, tal-edukazzjoni u tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, u sabiex jintroduċu leġiżlazzjoni li tħares id-drittijiet tan-nisa u l-bniet b’diżabilità f’każijiet ta’ abbuż sesswali u vjolenza psikoloġika u fiżika fil-pubbliku u fl-ambjent ta’ darhom, u biex jappoġġjaw il-fejqan ta’ nisa u bniet b’diżabilità li jkunu batew xi vjolenza;

10.

Jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-Komunità sabiex jiżguraw li jkun hemm aċċess liberu, taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-organizzazzjonijiet ta’ persuni b’diżabilità, għall-informazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom skont il-Konvenzjoni u l-Protokoll mhux obligatorju, u biex jiżguraw it-tixrid tagħha lil dawn iċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet f’format li jkun aċċessibbli għaċ-ċittadini;

11.

Jenfasizza l-importanza li l-Kummissjoni tingħata r-riżorsi finanzjarji u umani kollha meħtieġa sabiex tkun tista’ sservi bħala punt ta’ riferiment fir-rigward ta’ materji li jaqgħu fl-ambitu tal-kompetenza tal-Komunità, f’dak li għandu x’jaqsam mal-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni; jappella għat-twaqqif ta’ proċedura li tippermetti li tingħata ħarsa ġenerali tal-politiki kollha Ewropej u nazzjonali li jħallu impatt fuq l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni; jitlob lill-Kummissjoni biex tirrapporta regolarment lill-Parlament u lill-Kunsill dwar il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni;

12.

Jistieden lill-Istati Membri, skont is-sistema tagħhom ta’ organizzazzjoni, sabiex jaħtru punt ta’ riferiment wieħed jew aktar fi ħdan il-gvernijiet rispettivi tagħhom għal kwistjonijiet marbuta mal-implimentazzjoni u l-monitoraġġ nazzjonali tal-Konvenzjoni u sabiex jikkunsidraw l-istabbiliment jew il-ħatra ta’ mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni fi ħdan il-gvern sabiex jiffaċilita l-azzjoni f’setturi differenti u f’livelli differenti, skont l-Artikolu 33(1) tal-Konvenzjoni; Jitlob li tingħata attenzjoni speċjali għall-istabbiliment ta’ mekkaniżmu xieraq ta’ monitoraġġ indipendenti skont l-Artikolu 33(2) tal-Konvenzjoni u skont il-prinċipju li huwa marbut mal-istituzzjonijiet nazzjonali - il-Prinċipji ta’ Pariġi - kif adottat fir-riżoluzzjoni 48/134 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tal-20 ta’ Diċembru 1993;

13.

Iħeġġeġ lill-Komunità u lill-Istati Membri sabiex jippromwovu djalogu soċjali kkoordinat sewwa bejn il-partijiet interessati u sabiex jinvolvu b’mod attiv l-organizzazzjonijiet ta’ persuni b’diżabilità fil-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni, skont l-Artikolui 4 u 33(2) tal-Konvenzjoni;

*

* *

14.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta’ l-Istati Membri.


(1)  ĠU C 76E, 25.3.2004, p. 231.

(2)  ĠU C 104E, 30.4.2004, p. 148.

(3)  ĠU C 287E, 24.11.2006, p. 336.

(4)  ĠU C 316E, 22.12.2006, p. 370.

(5)  ĠU C 74E, 20.3.2008, p. 742.

(6)  ĠU C 102 E, 24.4.2008, p.321.

(7)  Testi adottati, P6_TA(2008)0286.

(8)  ĠU C 75, 26.3.2008, p. 1.

(9)  Testi adottati, P6_TA(2008)0212.

(10)  Testi adottati, P6_TA(2009)0312.

(11)  Testi adottati, P6_TA(2009)0313.

(12)  Dikjarazzjoni tal-Komunità Ewropea għall-applikazzjoni tal-Artikolu 44(1) tal-Konvenzjoni (Anness 2 għall-Abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill, Vol I) u d-Dikjarazzjoni tal-Komunità Ewropea għall-applikazzjoni tal-Artikolu 12(1) tal-Protokoll mhux Obligatorju (Annes 2 għad-deċiżjoni tal-Kunsill, Vol. II).


Top