Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009DC0626

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew - Reviżjoni tad-direttiva li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq b'distanza ta' servizzi finanzjarji ta’ konsumaturi (2002/65/KE)

/* KUMM/2009/0626 finali */

52009DC0626

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew - Reviżjoni tad-direttiva li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq b'distanza ta' servizzi finanzjarji ta’ konsumaturi (2002/65/KE) /* KUMM/2009/0626 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 20.11.2009

KUMM(2009) 626 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

REVIŻJONI TAD-DIRETTIVA LI TIKKONĊERNA T-TQEGĦID FIS-SUQ B'DISTANZA TA' SERVIZZI FINANZJARJI TA’ KONSUMATURI (2002/65/KE)

INTRODUZZJONI

1. L-Artikolu 20 tad-Direttiva dwar it-Tqegħid fis-Suq b’Distanza ta’ Servizzi Finanzjarji ta' Konsumaturi 2002/65/KE (id-Direttiva) jipprovdi għal reviżjoni tal-Kummissjoni dwar il-funzjonament tat-tqegħid fis-suq b'distanza fis-servizzi finanzjarji biex jiġi żgurat l-iżvilupp xieraq tat-tqegħid fis-suq b’distanza transkonfinali f'dan is-settur.

2. L-għanijiet tad-Direttiva huma li tikkonsolida s-suq wieħed filwaqt li tikseb livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur. B’konformità mal-Artikolu 20, ir-reviżjoni tiffoka b’mod partikolari fuq id-differenzi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali b’rabta ma’ aspetti tad-Direttiva li mhumiex armonizzati għal kollox, jiġifieri dispożizzjonijiet ta’ tagħrif prekuntrattwali u d-dritt ta’ rtirar tal-konsumatur. Din tanalizza d-diffikultajiet li jistgħu jħabbtu wiċċhom magħhom il-konsumaturi u l-fornituri b’riżultat ta’ dawn id-differenzi u teżamina jekk hemmx ħtieġa li tiġi emendata d-Direttiva.

3. Id-Direttiva, miżura orizzontali li tkopri s-servizzi finanzjarji kollha, ġiet adottata fit-23 ta’ Settembru 2002, u tagħti lill-Istati Membri sentejn biex jittrasponuha fil-liġi nazzjonali. Ir-rapport tal-Kummissjoni, li ġie ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill f’April 2006,[1] jiddikjara li r-reviżjoni kienet se tiġi posposta minħabba d-dewmien tal-Istati Membri biex jittrasponu d-Direttiva[2]. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ttrasponewha biss fl-2005/2006.

4. Dan ir-rapport iqis il-konklużjonijiet mill-istudji, l-analiżi u r-rispons dwar l-istat tas-suq u dwar jekk il-flessibbiltà espliċita applikata mill-Istati Membri għad-dispożizzjonijiet mhux armonizzati għal kollox, kellhiex impatt fuq il-kisba tal-għanijiet tad-Direttiva fir-rigward tas-suq intern u tal-ħarsien tal-konsumatur. Il-biċċa l-kbira tal-analiżi ġejja minn żewġ studji li tnedew mill-Kummissjoni[3]. L-Istudju Legali jeżamina l-impatt tad-Direttiva minn perspettiva legali, u s-sejbiet tiegħu tqiesu fl-Istudju Ekonomiku li jesplora l-impatt ekonomiku tad-Direttiva fuq it-tqegħid fis-suq b’distanza transkonfinali tas-servizzi finanzjarji.

5. Barra minn hekk, id-diskussjonijiet mal-gruppi tal-konsumatur u l-industrija tas-servizzi finanzjarji seħħew fl-2007 u 2008. F’Settembru 2007 ġie ċċirkolat kwestjonarju fost l-Istati Membri u f’Marzu 2008 ġie organizzat workshop mal-Istati Membri. Ir-rapport iqis ukoll ir-riżultati tal-istħarriġ, nazzjonali u madwar l-UE, bħall-Ewrobarometru, kif ukoll ir-riżultat tal-gruppi speċifiċi tal-Kummissjoni fl-2007 dwar it-tagħrif prekuntrattwali, kif ukoll il-kontrolli ta’ traspożizzjoni tal-Kummissjoni. Id-dejta miġbura hija msejsa fuq materjal miksub qabel il-kriżi ekonomika u finanzjarja. Ma teżistix dejta aktar riċenti.

STAT TAS-SUQ

6. Is-suq għan-negozji fil-qasam tas-servizzi finanzjarji transkonfinali b’mod ġenerali, indipendentement mill-mezzi ta’ tqegħid fis-suq, għadu ferm limitat fis-settur tal-bejgħ bl-imnut, kemm fil-qasam bankarju kif ukoll dak tal-assigurazzjoni. Ir-riżultati tal-Ewrobarometru[4] għaċ-ċittadini tal-UE li kisbu, pereżempju, kont bankarju transkonfinali[5], jagħtu 4 % bħala ċ-ċifra għall-2003 fl-Istati Membri tal-UE-15. Din żdiedet għal 8 % (fl-UE-25) fl-2006[6].

L-aħħar Ewrobarometru, li jqabbel it-tqegħid fis-suq b’distanza (transkonfinali u domestiku) b’mod globali ta’ oġġetti u servizzi ġenerali mat-tqegħid fis-suq b’distanza tas-servizzi finanzjarji, juri li filwaqt li fl-2007, aktar minn nofs (52 %) l-Ewropej kollha xtraw oġġetti jew servizzi permezz ta’ tqegħid fis-suq b’distanza fl-Unjoni Ewropea[7], iċ-ċifra għas-servizzi finanzjarji bi tqegħid fis-suq b’distanza kienet ferm aktar baxxa, bi 12 %[8]. Filwaqt li l-livell huwa baxx, ix-xejra fit-tqegħid fis-suq b'distanza tas-servizzi finanzjarji hija 'l fuq, meta jitqies li ċ-ċifra għall-2006 kienet biss madwar 7 %[9].

Jekk wieħed iħares lejn il-kummerċ transkonfinali, għall-kuntrarju ta’ dak domestiku fis-servizzi finanzjarji, il-kuntrast huwa saħansitra ikbar. Mit-12 % taċ-ċittadini Ewropej li xtraw servizz finanzjarju ta’ xi tip permezz ta' tqegħid fis-suq b'distanza, 10 % għamlu dan mingħand fornituri f'pajjiżhom, filwaqt li 1 % biss xtraw servizzi finanzjarji b'distanza mingħand fornituri tal-UE barra minn pajjiżhom, u 1 % mingħand fornituri barra mill-UE[10]. L-aktar statistika riċenti turi li l-kummerċ transkonfinali b’mod ġenerali qiegħed jistaġna[11]. Din is-sejba hija msaħħa mill-Istudju Ekonomiku li osserva li l-livell ta’ tqegħid fis-suq b’distanza tas-servizzi finanzjarji transkonfinali huwa baxx ħafna.

7. Il-profil tax-xerrej transkonfinali tipiku huwa dak ta' żagħżugħ professjonista b'edukazzjoni tajba b’konnessjoni tal-Internet, li bla dubju ta’ xejn huwa l-aktar mezz popolari ta’ tqegħid fis-suq b’distanza, kif juri l-istudju tal-gruppi speċifiċi tal-Kummissjoni[12]. Fil-fatt, 31 % taċ-ċittadini Ewropej mhumiex interessati f’xiri transkonfinali għax ma għandhomx aċċess għall-Internet[13]. Għaldaqstant, il-pajjiżi b’rati għoljin ta’ penetrazzjoni tal-Internet, bħalma huma l-pajjiżi Nordiċi, x’aktarx li għandhom livelli ogħla ta’ tqegħid fis-suq b’distanza.

8. Filwaqt li jikkonferma l-preferenza għall-Internet u d-distakk bejn il-livelli domestiċi u transkonfinali tan-negozju, ir-Rapport riċenti tal-Kummissjoni dwar il-kummerċ elettroniku transkonfinali fl-UE[14] osserva li bejn l-2004 u l-2008, il-livell ta’ konsumaturi li ordnaw oġġetti jew servizzi permezz tal-Internet żdied minn 22 % għal 34 %. Madankollu, din iż-żieda kienet limitata għal swieq nazzjonali. Il-konsumaturi onlajn għadhom jirreżistu milli jixtru oġġetti jew servizzi transkonfinali, u dan iwassal biex id-distakk fil-fatt jitwessa’. il-kummerċ elettroniku transkonfinali żdied biss marġinalment, minn 6 % għal 7 % bejn l-2006 u l-2008.

9. Ix-xiri transkonfinali huwa aktar komuni fil-15-il Stat Membru oriġinali u fil-pajjiżi taż-żona euro milli fl-Istati Membri li ssieħbu wara l-2004 u fil-pajjiżi li mhumiex fiż-żona euro. B’mod ġenerali, l-Ewropej issa huma aktar kunfidenti dwar ix-xiri f'pajjiżi oħra tal-UE milli fl-2006[15].

10. Skont informazzjoni mis-settur bankarju, għadhom ma ntlaħqux livelli sinifikanti ta' tqegħid fis-suq b'distanza transkonfinali ta' servizzi finanzjarji, parzjalment minħabba li t-tqegħid fis-suq b’distanza għadu mhuwiex wieħed mill-mezzi ewlenin użati mill-banek. Kif huwa l-każ għax-xiri transkonfinali ta' oġġetti u servizzi ġenerali, l-aktar Ewrobarometru riċenti sab li ċ-ċittadini jqisu l-problemi tal-lingwa bħala l-akbar ostaklu għax-xiri ta' servizzi finanzjarji transkonfinali. Iċ-ċifra għall-problemi tal-lingwa kienet 37 %, segwita mir-riskju ta’ frodi (30 %), tagħrif ma jiftiehemx (29%) jew mhux biżżejjed (26 %) u l-ispejjeż żejda involuti (24 %)[16].

11. Hemm distinzjoni importanti bejn is-servizzi b’distanza offruti bejn il-fruntieri direttament mill-fornitur tas-servizz u dawk offruti indirettament mill-istabbiliment ta' fergħa, sussidjarja, bl-użu ta’ intermedjarju jew faċilità onlajn fi Stat Membru ieħor, b’dan tal-aħħar tipikament ikollu appoġġ amministrattiv mill-Istat Membru tal-oriġini. Barra minn hekk, normalment ma hemmx mudell distint għall-interazzjoni mal-klijent; minflok, il-fornituri tas-servizzi finanzjarji jużaw tqegħid fis-suq b’ħafna mezzi li jgħaqqad l-interazzjoni b’distanza kif ukoll dik wiċċ imb’wiċċ. Din il-preferenza qawwija hi enfasizzata fl-Istudju Ekonomiku, li sab li l-kuntratti rari jiġu konklużi b'mezz wieħed, jiġifieri l-internet, it-telefown jew wiċċ imb’wiċċ biss. Din il-preferenza ġiet ikkonfermata fl-istudju tal-gruppi speċifiċi tal-Kummissjoni,[17] li osserva kif, flimkien mat-tagħrif disponibbli fuq l-internet, il-konsumaturi riedu jirċievu parir mingħand professjonisti permezz ta’ intervisti wiċċ imb’wiċċ.

12. Għalkemm it-tendenza li wieħed iserraħ fuq pariri bħal dawn x’aktarx li ma tinbidilx, il-mezz li bih jitqiegħdu fis-suq is-servizzi finanzjarji għandu l-potenzjal li jiżviluppa biż-żmien. Is-sejbiet tal-Istudju Ekonomiku juru li hemm potenzjal għat-tkabbir fejn kumpaniji kbar li jidħlu fis-swieq jistgħu jiksbu ekonomiji ta’ skala, jew fi ħdan swieq kbar. Madankollu, huwa diffiċli li tinkiseb massa kritika fi swieq finanzjarji iżgħar u anqas żviluppati, għalkemm xi drabi d-differenzjali sinifikanti tal-prezzijiet jattiraw lill-banek lejn is-swieq, u b’hekk jegħlbu dan l-ostaklu. Il-konsolidazzjoni u l-integrazzjoni tas-suq kemm fis-settur bankarju kif ukoll f’dak tal-assigurazzjoni jirriżultaw f’għadd żgħir ta’ kumpaniji kbar li jmexxu negozju fuq bażi pan-Ewropea, u s-sehem tagħhom mis-suq jingħad li qiegħed jiżdied, kemm fl-assigurazzjoni[18] kif ukoll fil-banek[19].

13. L-offerti li jwasslu għal adattament b’suċċess għall-metodi ta’ tqegħid fis-suq b’distanza primarjament jinkludu prodotti sempliċi fi ħdan il-kategoriji ta’ tfaddil u investimenti, self u assigurazzjoni mhux fuq il-ħajja. L-Istudju Ekonomiku rrapporta s-self mhux ipotekarju u l-kontijiet ta’ tfaddil bħala l-aktar żewġ prodotti popolari ta’ tqegħid fis-suq b’distanza, segwiti mill-istokks, l-ishma, il-bonds u l-karti ta' kreditu. Meta wieħed jiġi għall-offerti transkonfinali ta’ prodotti bi tqegħid fis-suq b’distanza, il-firxa ta’ prodotti tidjieq, bit-tfaddil u l-karti ta’ kreditu jkunu l-aktar sempliċi u għalhekk l-aktar popolari għal dan is-suq.

TRASPOżIZZJONI TAD-DIRETTIVA

Traspożizzjoni fl-Istati Membri

14. Meta wieħed jiċċekkja l-konformità tad-dispożizzjonijiet nazzjonali mad-Direttiva, il-biċċa l-kbira tad-diffikultajiet fit-traspożizzjoni tad-Direttiva jidhru relatati ma’ ftit dispożizzjonijiet.

15. L-Artikolu 3 jittratta t-tagħrif li jrid jingħata lill-konsumatur qabel ma jiġi konkluż il-kuntratt b’distanza. Id-Direttiva tirrikjedi li l-konsumaturi jkunu mgħarrfa dwar l-identità tar-rappreżentant tal-fornitur stabbilit fl-Istat Membru fejn ikunu domiċiljati jew dwar l-identità ta’ kull professjonist, għajr il-fornitur, li jkollu x'jaqsam magħhom. Xi wħud mill-Istati Membri naqsu milli jittrasponu wieħed minn dawn ir-rekwiżiti.

16. L-Artikolu 6 jiddefinixxi d-dritt tal-irtirar u l-paragrafu (2) tiegħu jistabbilixxi fejn dan id-dritt ma japplikax. Xi wħud mill-Istati Membri jiddefinixxu l-ambitu li jmur lil hinn mill-eżenzjonijiet enumerati fl-Artikolu 6(2).

17. L-Artikolu 7 jikkonċerna l-ħlas tas-servizz mogħti qabel l-irtirar. Meta l-konsumaturi jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ rtirar dawn jistgħu jintalbu biss li jħallsu għas-servizz effettivament mogħti mill-fornitur skont il-kuntratt. Ġie stabbilit perjodu massimu ta’ 30 jum biex il-fornitur jew il-konsumatur jirritorna kull somma li rċieva. Xi wħud mill-Istati Membri naqsu milli jimplimentaw b’mod korrett wieħed minn dawn id-dispożizzjonijiet.

18. F’xi każijiet, kif imsemmi hawn fuq, il-Kummissjoni nediet proċeduri formali ta’ ksur u tista’ tagħmel l-istess għal każijiet oħra.

Drittijiet fil-qasam tat-tagħrif prekuntrattwali

19. L-Artikolu 4 (2) jagħti lill-Istati Membri d-dritt li jadottaw drittijiet addizzjonali fir-rigward tat-tagħrif prekuntrattwali (jew billi jinżammu d-drittijiet eżistenti jew billi jiġu introdotti oħrajn ġodda.

20. Skont it-tagħrif disponibbli, 16-il Stat Membru (l-Awstrija, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, Malta, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, l-Iżvezja u r-Renju Unit) użaw l-Artikolu 4 (2)[20].

21. Dawn ir-rekwiżiti addizzjonali fil-qasam tat-tagħrif jinkludu, pereżempju, id-dettalji tal-indirizz tal-provveditur/fornitur, l-iskemi ta’ awtorizzazzjoni u liċenzjar, il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt li jitbiddlu t-termini kuntrattwali, forma ta’ tagħrif biex jintlaħqu l-ħtiġijiet ta’ persuni b’diżabilità, it-tul ta' żmien tal-kuntratt, id-dettalji dwar il-fondi ta' garanzija u l-iskemi ta’ garanzija, jekk il-provveditur huwiex suġġett għal xi proċedura ta’ insolvenza, il-lingwa li trid tintuża, l-irċevuti, id-dettalji tal-iskemi ta’ kumpens jew id-dritt tal-irtirar, ir-riskji involuti, il-mod kif għandu jinħażen it-tagħrif u r-rekwiżiti tal-iżvelar fil-kuntest tat-telefonati.

22. Bħalissa, ma hemm l-ebda evidenza li d-differenzi legali minħabba l-użu tal-Artikolu 4 (2) mill-Istati Membri jikkostitwixxu ostakli kbar għat-tranżazzjonijiet eżistenti jew li għandhom impatt dirett fuq il-livell ta’ tqegħid fis-suq b’distanza tas-servizzi finanzjarji madwar l-UE. L-Istudju Legali ma osserva l-ebda ilment jew tħassib speċifiku marbut mal-użu ta' din id-dispożizzjoni.

Dritt għall-irtirar

23. L-Artikolu 6 (3) jippermetti lill-Istati Membri biex jeskludu d-dritt tal-irtirar f’xi każijiet speċifiċi, bħal (a) kull kreditu maħsub prinċipalment għall-għan li jinksibu jew jinżammu d-drittijiet tal-proprjetà fuq art jew f’bini eżistenti jew li se jinbena, jew għall-iskop ta' rinnovazzjoni jew titjib ta' bini, (b) kull kreditu assigurat jew b'ipoteka fuq proprjetà immobbli jew bi dritt relatat għal proprjetà immobbli, jew (c) dikjarazzjonijiet minn konsumaturi li jużaw servizzi ta' uffiċjal, sakemm dak l-uffiċjal jikkonferma li l-konsumatur huwa garantit id-dritt skont l-Artikolu 5 (1).

24. Skont it-tagħrif disponibbli, 14-il Stat Membru (il-Belġju, il-Bulgarija, id-Danimarka, Franza, l-Irlanda, il-Litwanja, il-Lussemburgu, l-Olanda, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, Spanja, l-Iżvezja u r-Renju Unit) użaw l-għażliet previsti skont a) u b). Erba’ Stati Memrbi (l-Italja, il-Lussemburgu, il-Polonja u r-Rumanija) użaw l-għażla prevista taħt c)[21].

25. Bħalissa, ma hemm l-ebda evidenza li d-differenzi rigward id-dritt ta' rtirar minħabba l-Artikolu 6(3) joħolqu ostaklu legali sinfikanti jew li għandhom impatt dirett fuq il-livell ta’ tqegħid fis-suq b’distanza tas-servizzi finanzjarji madwar l-UE. L-Istudju Legali ma osserva l-ebda ilment jew tħassib speċifiku b’rabta ma’ din id-dispożizzjoni.

IMPATT GLOBALI TAD-DIRETTIVA

26. L-Istudju Ekonomiku jiżvela li l-ostakoli għall-iżvilupp ta’ negozju fil-qasam tas-servizzi finanzjarji transkonfinali bi tqegħid fis-suq b’distanza jiffokaw prinċipalment fuq il-fornitur. Madankollu, l-istudju jikklassifika biss bħala ostakli sinifikanti ħafna, ir-rekwiżiti nazzjonali kontra l-ħasil tal-flus u n-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, jew in-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tal-UE, dwar punti mhux inklużi fl-ambitu tad-Direttiva. Filwaqt li l-ewwel kategorija tikkonċerna d-diverġenza tar-regoli nazzjonali dettaljati, li jippreskrivu kif l-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom jikkonfermaw l-indirizz u l-identità tal-klijent, it-tieni tikkonċerna prinċipalment ir-regoli nazzjonali speċifiċi għall-prodott. L-ebda waħda minn dawn il-kategoriji ma taqa’ fi ħdan l-ambitu tad-Direttiva. Barra minn hekk, hemm evidenza insuffiċjenti u parzjalment kontradittorja dwar l-importanza tat-tieni ostaklu għax il-fornituri tas-servizzi finanzjarji nfushom u l-għaqdiet bankarji għandhom fehmiet diverġenti dwar l-importanza ta’ dan l-ostaklu. Filwaqt li l-għaqdiet bankarji qiesu l-ostaklu bħala sinifikanti, għadd żgħir biss ta’ kumpaniji (fornituri tas-servizzi finanzjarji) qisuh bħala sinfikanti. Barra minn hekk, il-Kumitat għall-Industrija Bankarja Ewropea, li jirrappreżenta l-għaqdiet bankarji fil-livell Ewropew, jappoġġja s-sejba li d-differenzi fir-regolamenti legali fl-Istati Membri ma jfixklux it-tqegħid fis-suq b'distanza transkonfinali tas-servizzi finanzjarji[22].

27. L-aktar ostakli sinifikanti min-naħa tad-domanda ġejjin mid-differenzi fil-lingwa u l-kultura, kif ukoll in-nuqqas ta’ tagħrif disponibbli dwar prodotti transkonfinali. Il-Kummissjoni Ewropea diġà ħadet passi biex ittejjeb il-kwalità tat-tagħrif prekuntrattwali disponibbli għall-konsumaturi, pereżempju fl-Iskeda ta' Informazzjoni Ewropea Standard dwar il-Kreditu għall-Konsumatur, annessa mad-Direttiva l-ġdida dwar il-Kreditu għall-Konsumatur[23], kif ukoll fid-dokument dwar it-Tagħrif Ewlieni għall-Investitur, li qed jiġi ttestjat għar-reviżjoni tad-Direttiva UCITS[24]. Fil-qasam tal-ipoteki, l-eżami tal-Iskeda ta' Informazzjoni Ewropea Standard jimmira li jtejjeb il-preżentazzjoni tat-tagħrif prekuntrattwali għall-konsumaturi[25]. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Pakketti ta’ Prodotti ta’ Investiment Mhux Professjonali tipproponi miżuri biex jitwassal tagħrif prekuntrattwali ċar u komparabbli lil dawk li investew f’dawn il-prodotti[26]. L-impatt ta’ dawn il-miżuri huwa li tiġi standardizzata l-preżentazzjoni ta’ tagħrif prekuntrattwali b’mod li jkun aktar faċli għall-konsumatur li jqabbel l-offerti ta’ fornituri differenti. Dan inaqqas il-periklu li l-konsumaturi jħallsu aktar jew jieħdu riskji bla bżonn fir-rigward tal-prodotti ta’ servizzi finanzjarji. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qed tniedi studju komportamentali dwar is-servizzi ta’ investiment mhux professjonali. Dan l-istudju se jipprovdi analiżi tax-xejriet ta’ mġiba ewlenin li jaffettwaw l-għażliet tal-konsumaturi f’dan is-settur.

28. Il-kombinazzjoni ta’ inibituri min-naħa tal-provvista u min-naħa tad-domanda hija msaħħa min-natura tas-servizzi finanzjarji. Meta mqabbla ma’ oġġetti u servizzi mhux finanzjarji, is-servizzi finanzjarji juru fatturi distinti, prinċipalment għax normalment huma aktar kumplessi u ħafna drabi jirrikjedu impenn ekonomiku sostanzjali u importanti fuq medda twila ta’ żmien biex jintlaħaq riżultat determinat. Dan jirrikjedi l-għoti ta’ pariri biex il-konsumatur ikun jista' jwettaq dan l-impenn. Barra minn hekk, xi servizzi bħall-assigurazzjoni tal-vetturi huma lokali minħabba l-lok tar-riskju u għalhekk ma jiġux trasferiti faċilment minn fruntiera għal oħra. Għalkemm id-Direttiva tipprovdi infrastruttura regolatorja li tista’ tappoġġja t-tqegħid fis-suq b’distanza ta’ servizzi finanzjarji, din ma tbiddilx in-natura kumplessa tagħhom.

29. Id-Direttiva ħolqot fl-Istati Membri kollha qafas legali offrut lill-fornituri u l-konsumaturi għax-xiri ta’ servizzi finanzjarji permezz ta’ għodod ta’ tqegħid fis-suq b’distanza. Filwaqt li t-tqegħid fis-suq b’distanza ta’ servizzi finanzjarji fil-livell nazzjonali żdied, anki jekk ġeneralment għadu f’livell baxx, wieħed ma jistax jikkonkludi f'dan l-istadju li l-eżistenza ta' dan il-qafas ikkontribwiet biex jitkompla l-iżvilupp ta’ attivitajiet transkonfinali. L-Istudju Legali rrapporta li bħalissa ma hemm l-ebda esperjenza prattika ta’ konsumaturi li jilmentaw dwar il-mod kif hi applikata d-Direttiva. L-esperti legali u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur li ġew ikkonsultati fil-kuntest tal-istudju spjegaw li dan in-nuqqas ta’ evidenza hu dovut għal-livell ta’ tranżazzjonijiet li għadu insinifikanti f’dan il-qasam.

KONKLUżJONI

30. Is-suq attwali għall-bejgħ b’distanza transkonfinali tas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur huwa żgħir ħafna. Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri l-liġijiet nazzjonali ta’ implimentazzjoni daħlu fis-seħħ biss mill-2005/2006 'l quddiem u s-suq ma nbidilx b'mod sinifikanti minn mindu ġiet introdotta d-Direttiva. Dan huwa konformi mal-konklużjonijiet tar-rapport dwar il-kummerċ elettroniku[27], li skonthom is-suq jista’ jikber fuq il-medda medja u twila ta’ żmien għax ix-xejriet tan-negozju ħafna drabi huma aktar definiti mill-perċezzjoni milli minn problemi reali u għax il-popolarità li dejjem qed tikber ta’ tranżazzjonijiet onlajn fost il-konsumaturi se toħloq domanda għal espansjoni transkonfinali.

31. Il-preferenzi tal-lingwa u dawk kulturali jirrappreżentaw l-aktar ostaklu sinifikanti għall-konsumaturi involuti f’dan is-suq. Madankollu, il-Kummissjoni ma tista' tieħu l-ebda miżura f’dan il-qasam. B’rabta man-nuqqas ta’ tagħrif dwar il-leġiżlazzjoni rigward il-prodotti finanzjarji fi swieq partikolari, il-Kummissjoni qed tieħu passi sinifikanti biex ittejjeb il-kwalità tat-tagħrif fil-qasam tal-krediti u l-investimenti.

32. Jekk il-progress futur fil-kummerċ elettroniku b’mod ġenerali ma jkunx segwit minn żviluppi simili fil-qasam tat-tqegħid fis-suq b'distanza tas-servizzi finanzjarji, il-Kummissjoni tista' tqis li teżamina mill-ġdid il-każ biex temenda d-Direttiva jew tieħu inizjattivi rilevanti oħra.

33. F’dan l-istadju, ma hemm l-ebda evidenza li l-konsumaturi qed iħabbtu wiċċhom ma’ problemi li ġejjin mill-implimentazzjoni ħażina tad-Direttiva. Lanqas ma hemm evidenza li tindika li d-diversità legali, li tirriżulta mill-Istati Membri li jużaw f’livelli differenti l-għażliet li jinsabu fid-Direttiva, għandha impatt dirett fuq il-livell baxx ta’ tqegħid fis-suq b’distanza tas-servizzi finanzjarji.

34. Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni hija tal-parir li fil-preżent mhuwiex xieraq li jiġu proposti xi emendi fid-Direttiva. Din se tkompli tissorvelja l-iżviluppi fis-suq u l-applikazzjoni tad-Direttiva.

[1] COM (2006) 161 finali.

[2] Il-Qorti sabet li żewġ Stati Membri ma rrispettawx l-obbligu li jittrasponu d-Direttiva fil-ħin; ara l-kawżi C-127/06, il-Kummissjoni/il-Lussemburgu , sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2006, ECR p. I-131, u C-141/06, il-Kummissjoni/Spanja , sentenza tad-19 ta’ April 2007, ECR p. I-58.

[3] Ara http://ec.europa.eu/consumers/rights/fin_serv mt.htm

[4] Ewrobarometru (EB) 60.2 (2004), Opinjoni Pubblika tal-UE fl-Ewropa: Servizzi Finanzjarji, Rapport B. p.53, http://ec.europa.eu/public_opinion/archives/ebs/ebs_205_fullreport_en.pdf

[5] Studju kwalitattiv fost ix-xerrejja transkonfinali tas-servizzi finanzjarji fl-Unjoni Ewropea, Optem. Diċembru 2003, p. 5. Għalkemm il-kampjun ma kienx rappreżentattiv, il-kontijiet bankarji nstabu li kienu l-aktar prodott faċli biex jitkejjel.

http://ec.europa.eu/consumers/cons_int/fina_serv/cons_experiences/cross_border_final_report_en.pdf

[6] EB speċjali 252 (2006), Il-Ħarsien tal-Konsumatur fis-Suq Intern, p. 106, ara n-nota tal-qiegħ 4

[7] EB speċjali 298 (2008), Il-Ħarsien tal-Konsumatur fis-Suq Intern, p. 14, ara n-nota tal-qiegħ 4

[8] Idem p. 84.

[9] Ara n-nota fil-qiegħ 6, p. 112.

[10] Ara n-nota fil-qiegħ 7 p. 84.

[11] It-Tieni Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur tal-Kummissjoni Ewropea, COM (2009) 25 finali, p. 3.

[12] Il-Kummissjoni Ewropea, Tagħrif Prekuntrattwali għas-servizzi finanzjarji. Studju kwalitattiv fis-27 Stat Membru, Jannar 2008.

http://ec.europa.eu/consumers/rights/docs/PCI_final_report_22Feb2008_en.pdf

[13] Ara n-nota fil-qiegħ 6, p. 57.

[14] SEC (2009) 283 finali, p. 5.

[15] Ara n-nota fil-qiegħ 7, p. 52.

[16] Ara n-nota fil-qiegħ 6, p. 89.

[17] Ara n-nota fil-qiegħ 12, p. 14.

[18] CEIOPS (2007), Report on Financial Conditions and Financial Stability in the European Insurance and Occupational Pension Fund Sector 2006-2007 (Risk Update) (Rapport dwar il-Kundizzjonijiet Finanzjarji u l-Istabbiltà Finanzjarja fl-Assigurazzjoni Ewropea u s-Settur tal-Fond tal-Pensjonijiet tax-Xogħol 2006-2007 – Aġġornament tar-Riskji), p. 16,http://www.ceiops.eu/media/files/publications/reports/CEIOPS-DOC-12-07.pdf

[19] SEC(2007) 1696, Rapport tal-2007 dwar l-Integrazzjoni Finanzjarja Ewropea, Anness II, Grafika 1.4, p.50 u Grafika 3.1, p. 64.

[20] Ara l-Istudju Legali; pp. 51-56, 63-74 u r-rapporti nazzjonali.

[21] Ara l-Istudju Legali, ir-rapporti nazzjonali.

[22] Il-Pożizzjoni tal-EBIC fuq l-Abbozz tar-Rapport Finali dwar l-Impatt Legali tad-Direttiva 2002/65 li tikkonċerna t-Tqegħid fis-Suq b'Distanza ta' Servizzi Finanzjarji għall-Konsumatur, p. 9.

[23] Id-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2008 dwar ftehim ta' kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE, Anness II, ĠU L 133, 22.5.2008, p. 66-92 .

[24] Riformulazzjoni tad-Direttiva 85/611/KEE, COM (2008) 458 finali, cf. Art. 76.

[25] White paper dwar l-Integrazzjoni tas-Swieq ta’ Kreditu b’Ipoteka fl-UE, COM (2007) 807 finali, p. 6.

[26] COM (2009) 204 finali.

[27] Ara n-nota fil-qiegħ 14, p. 20.

Top