EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009DC0390

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni - Rapport dwar il-Kompetittività Diġitali tal-Ewropa : kisbiet ewlenin tal-istrateġija i2010 mill-2005 sal-2009 {SEC(2009) 1060} {SEC(2009) 1103} {SEC(2009) 1104}

/* KUMM/2009/0390 finali */

52009DC0390

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni - Rapport dwar il-Kompetittività Diġitali tal-Ewropa : kisbiet ewlenin tal-istrateġija i2010 mill-2005 sal-2009 {SEC(2009) 1060} {SEC(2009) 1103} {SEC(2009) 1104} /* KUMM/2009/0390 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 4.8.2009

KUMM(2009) 390 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Rapport dwar il-Kompetittività Diġitali tal-Ewropa Kisbiet ewlenin tal-istrateġija i2010 mill-2005 sal-2009 {SEC(2009) 1060} {SEC(2009) 1103} {SEC(2009) 1104}

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Rapport dwar il-Kompetittività Diġitali tal-EwropaKisbiet ewlenin tal-istrateġija i2010 mill-2005 sal-2009

WERREJ

1. Daħla 3

2. Kisbiet ewlenin tal-i2010 4

2.1. Tisħiħ tas-Suq Uniku għan-negozji u l-utenti Ewropej 5

2.2. Stimulazzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni fl-ICT fl-Ewropa 6

2.3. Assigurazzjoni li ċ-ċittadini kollha jibbenefikaw mill-ICT 8

3. Impatt tal-i2010 fl-Istati Membri 9

4. Inħarsu 'l quddiem – sfidi futuri għall-politika 9

5. Konklużjonijiet 12

1. Daħla

L-Ewropa għadha forza dinjija fit-teknoloġiji avvanzati tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (l-ICT). Il-“World wide web”, l-istandard tal-GSM tat-telefowns ċellulari, l-istandard tal-MPEG għall-kontenut diġitali, u t-teknoloġija tal-ADSL kollha ġew ivvintati fl-Ewropa. Għan importanti tal-politika huwa li tinżamm din il-pożizzjoni fuq quddiem nett u li din tinbidel f’vantaġġ kompetittiv. Huwa għalhekk li fl-2005, il-Kummissjoni ressqet l-istrateġija i2010 sabiex issaħħaħ il-pożizzjoni tal-Ewropa fuq quddiem nett fl-ICT u sabiex tiftaħ il-benefiċċji tas-soċjetà tal-informazzjoni għat-tkabbir u l-impjiegi Ewropej[1]. Din l-istrateġija tat dettalji dwar miżuri konkreti tal-politika:

- Sabiex jissaħħaħ is-suq uniku għan-negozji u għall-utenti billi jitneħħa x-xkiel regolatorju u tittejjeb il-konsistenza regolatorja fis-settur tat-telekomunikazzjoni u għas-servizzi tal-midja awdjoviżivi (b’mod partikulari t-televiżjoni u l-filmati b’talba);

- Sabiex jitħeġġu r-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tal-ICT fl-Ewropa billi jinġabru flimkien il-fondi pubbliċi u privati għar-riċerka u billi dawn jiġu mmirati lejn oqsma li fihom l-Ewropa tinsab fuq quddiem nett, jew tista’ tiġi fuq quddiem nett, bħat-teknoloġija tat-telefowns ċellulari tal-LTE (l-evoluzzjoni fit-tul), li se tirrevoluzzjona l-“broadband” bla fili, jew l-ESC (il-kontroll elettroniku tal-istabbiltà), li jgħin biex jiġu evitati l-inċidenti bil-karozzi f’każ li jkun hemm manuvra f’daqqa waħda jew manuvri f’toroq li jkunu jiżolqu;

- Sabiex jiżguraw li ċ-ċittadini kollha jgawdu mill-pożizzjoni tal-Ewropa fuq quddiem nett fl-ICT, b’mod partikulari permezz ta’ servizzi pubbliċi online mill-aqwa li kulħadd ikollu aċċess għalihom; permezz ta’ mezzi tat-trasport aktar sikuri, intelliġenti, nodfa u b'użu effiċjenti tal-enerġija, u billi l-patrimonju kulturali tal-UE jkun disponibbli għal kulħadd b’mod faċli bil-ħolqien tal-librerija diġitali Ewropea.

Matul l-erba’ snin li għaddew, il-politiki dwar l-ICT ikkonfermaw ir-rwol tagħhom bħala forza li qed tmexxi l-immodernizzar soċjali u ekonomiku Ewropew u għamlu lill-Ewropa reġjun li jiflaħ aktar għall-kriżijiet. Illum il-ġurnata, jinsabu ankrati sew fil-politiki ewlenin Ewropej dwar it-tkabbir u l-impjiegi. L-Istati Membri tal-UE kollha għandhom politiki tal-ICT li huma kkunsidrati bħala kontributur prinċipali lejn it-tkabbir nazzjonali u l-impjiegi skont l-aġenda mġedda ta' Liżbona. i2010 influwenzat ukoll setturi oħra ta' politika, bħas-Suq Uniku u l-Aġenda tal-Konsumatur. Illum il-ġurnata, il-politiki dwar l-ICT qed jiġu implimentati permezz ta’ diversi strumenti, fosthom il-Fondi Strutturali u l-Fondi għall-Iżvilupp Rurali.

L-ICT, u b’mod partikulari l-internet bil-'broadband', huwa fattur kruċjali fil-pjan Ewropew għall-irkupru ekonomiku[2]. L-ICT huwa responsabbli għal nofs iż-żieda fil-produttività tal-UE u l-'broadband' ta’ veloċità għolja huwa fattur ewlieni fil-ħolqien ta’ impjiegi, ħiliet u swieq ġodda u fit-tnaqqis tal-ispejjeż. Huwa importanti ferm għan-negozji, għas-servizzi pubbliċi u sabiex l-ekonomija moderna taħdem sew. Dan ġie rikonoxxut fil-proposti tal-Kummissjoni sabiex jitgħaġġel il-pass tal-irkupru ekonomiku permezz ta’ investimenti intelliġenti fin-netwerks tal-'broadband' f'żoni rurali, li ġew approvati mill-Kunsill Ewropew, li jammontaw sa EUR 1.02 biljun.

2. Kisbiet ewlenin tal-i2010

L-i2010 tfasslet bħala l-qafas strateġiku għall-politiki Ewropej dwar is-soċjetà tal-informazzjoni u l-midja. Tat deskrizzjoni tal-linja ġenerali tal-politika sabiex tippromwovi ekonomija diġitali, miftuħa u kompettitiva madwar l-Ewropa kollha u saħqet għall-ewwel darba fuq l-importanza tal-ICT biex tittejjeb l-kwalità tal-ħajja. L-għan aħħari tagħha huwa li jitlesta s-suq uniku għall-prodotti u s-servizzi tal-ICT għall-benefiċċju tal-konsumaturi, in-negozji u l-awtoritajiet Ewropej.

L-isforzi tal-politika favur il-kompetizzjoni u favur il-konsumaturi, mmexxija mill-“i2010”, wasslu għal ħafna riżultati tanġibbli:

- Dejjem aktar Ewropej qed ikunu online. L-għadd ta’ utenti regolari tal-internet żdied minn 43 % fl-2005 għal 56 % fl-2008; il-parti l-kbira minnhom jużaw l-internet kważi kuljum u għandhom aċċess għall-internet b’veloċità għolja. L-użu tal-internet b’mod regolari wkoll qed isir aktar inklużiv, bl-għadd ta’ utenti li jagħmlu parti minn gruppi żvantaġġati (dawk li ma jaħdmux, dawk inqas edukati u dawk ta’ bejn il-55 u l-64 sena) jikber bl-aktar rata mgħaġġla;

- L-Ewropa tinsab fuq quddiem nett fid-dinja fil-qasam tal-internet bil-'broadband'. B’114-il miljun abbonat, hija l-ikbar suq dinji u r-rati ta’ penetrazzjoni qed jiżdiedu b’rata mgħaġġla. Nofs il-familji Ewropej u aktar minn 80 % tan-negozji Ewropej għandhom konnessjoni 'broadband' fissa, tliet kwarti minnhom b'veloċitajiet medja ta’ tniżżil tad-dejta ta' ogħla minn 2 Mbps Id-disponibbiltà tal-Internet bil-'broadband' żdied minn 87 % fl-2005 għal 93 % tal-popolazzjoni tal-UE25;

- Ir-rati għolja ta' konnessjoni bil-'broadband' irriżultaw f'użu ogħla ta' servizzi avvanzati. L-Ewropej qegħdin ibiddlu l-abitudinijiet tagħhom b'mod rapidu u qed jadottaw modi ġodda biex jikkomunikaw. 80 % tal-utenti regolari tal-internet jokkupaw rwieħhom f'attivitajiet dejjem aktar interattivi, pereżempju jikkomunikaw, jużaw servizzi finanzjarji online, jaqsmu u joħolqu kontenut ġdid u jipparteċipaw fi proċessi innovattivi;

- Is-suq għat-telefown ċellulari għandu aktar minn 100 % ta' penetrazzjoni - żieda minn 84 % fl-2004 għal 119 % fl-2009 tal-popolazzjoni tal-UE. B'hekk l-Ewropa hija fuq quddiem nett fid-dinja fil-penetrazzjoni tat-telefown ċellulari, peress li r-rati fl-Istati Uniti u fil-Ġappun huma ta' madwar 80 %. Il-konsumaturi jgħaddu aktar ħin jitkellmu u jibagħtu l-messaġġi bi prezzjiet li huma tal-inqas 34.5 % anqas milli kienu fl-2004, inkluż tnaqqis ta' 70 % fit-tariffi tar-'roaming' mill-2005 'l hawn;

- L-Ewropa għamlet progress imgħaġġel fil-provvista u l-użu ta' 20 servizz pubbliku ta' riferiment online. Il-provvista ta' servizzi totalment disponibbli għaċ-ċittadini żdiedet għal 50 % fl-2007 (27 % fl-2004) u għal 70% għan-negozji (58 % fl-2004). Terz miċ-ċittadini Ewropej u kważi 70 % tan-negozji fl-UE jużaw is-servizzi elettroniċi tal-Gvern;

- Ir-riċerka fl-ICT finanzjata mill-UE kellha rwol prinċipali fl-iżviluppi industrijali l-aktar importanti pereżempju fil-mikroelettronika u n–nanoelettronika, fil-kura tas-saħħa u fl-aġenda tal-UE rigward is-sikurezza fit-toroq. L-Ewropa hija wkoll magħrufa għar-riċerka rivoluzzjonarja, bħat-tekonoloġija Giant Magneto-Resistance, li rrivoluzzjonat in-negozju tal-hard disk, u rebħet il-premju Nobel fl-2007 għall-fiżika, u t-teknoloġija tal-ADSL, il-bażi tas-suċċess tal-internet bil-'broadband' illum;

- Il-politiki tal-ICT ġew dejjem aktar integrati. L-Istati Membri rrikonoxxew l-importanza tal-ICT għall-produttività u t-tkabbir u l-potenzjal tal-ICT għal kisba ta' medda ta' għanijiet soċjali u ekonomiċi. Ħafna Stati Membri issa integraw l-istrateġiji nazzjonali tal-ICT ma' għanijiet simili għal dawk tal-inizjattiva i2010.

Dawn huma wħud mill-ġrajjiet ewlenin ta' suċċess tal-aħħar erba' snin[3]. Għalkemm il-potenzjal għadu ma ġiex sfruttat totalment il-kisbiet ġenerali tal-i2010 jistgħu jiġu vvalutati bl-aħjar mod billi jitqabblu mal-għanijiet stipulati fl-2005 għat-tliet pilastri strateġiċi tal-inizjattiva.

2.1. Tisħiħ tas-Suq Uniku għan-negozji u l-utenti Ewropej

Wieħed mill-oqsma l-aktar importanti fejn il-politika tal-ICT għamlet differenza għall-Ewropej huwa fil-promozzjoni ta' suq uniku fis-servizzi ta' telekomunikazzjonijiet u tal-midja awdjoviżivi għall-benefiċċju taċ-ċittadini.

Din kienet il-mira prinċipali tal-għan strateġiku għall-ewwel pilastru tal-i2010.

Għan Nru 1: Spazju Uniku Ewropew tal-Informazzjoni li joffri komunikazzjonijiet b'medda ta' frekwenzi għolja bi prezz raġjonevoli u li huma sikuri, kontenut għani u varjat u servizzi diġitali.

Il-frammentazzjoni fis-suq tal-Ewropa ta' 500 miljun konsumatur hija ta' ostaklu għal ekonomiji ta' daqs kbir, b'detriment għan-negozji u l-konsumaturi. Dan huwa aktar il-każ fl-ekonomija diġitali; ma hemm l-ebda raġuni teknika għala l-fruntieri għandhom ifixklu l-flussi tal-ħolqien tal-ġid. Il-Kummissjoni fittxet b'mod attiv li tiftaħ il-kompetizzjoni fil-komunikazzjonijiet elettroniċi, tneħħi l-limiti regolatorji, ittejjeb il-konsistenza regolatorja u toħloq livell ta' opportunitajiet indaqs għall-operaturi, l-industriji u l-konsumaturi Ewropej. Rawmet approċċ aktar koordinat lejn l-ispektrum u l-użu potenzjali tad-dividend diġitali mal-Istati Membri kollha. Iż-żewġ Regolamenti Roaming immirraw lejn il-ħolqien ta' suq domestiku Ewropew għall-konsumaturi u n-negozji[4].

Ir-riforma fil-qafas tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, li għandha tiġi adottata dalwaqt, għandha ttejjeb aktar is-suq uniku b'għadd ta' modi. L-aktar importanti hu li se tagħti aktar għażla lill-konsumaturi u se ttejjeb it-trasparenza filwaqt li tipproteġihom aħjar kontra ksur fis-sigurtà u fid-dejta personali u l-ispamm billi tħeġġeġ il-kompetizzjoni f'netwerks ġodda. Korp regolatorju ġdid fuq livell Ewropew għandu jgħin sabiex jiżgura kompetizzjoni ġusta u aktar konsistenza fir-regolazzjoni nazzjonali. Fl-istess ħin, ir-regolaturi nazzjonali se jakkwistaw indipendenza akbar. Sena wara sena, rapporti annwali tal-progress dwar il-qafas tat-telekomunikazzjoni urew li r-regoli tal-Ewropa favur il-kompetizzjoni ppromwovew il-kompetizzjoni, l-investiment u l-innovazzjoni, il-prezzijiet tbaxxew u l-konsumaturi għandhom aktar għażla, aktar drittijiet u servizzi ta' kwalità aħjar.

It-tnedija tal-Gwida e You f'Mejju 2009 kienet pass importanti lejn l-għoti ta' aktar setgħa lill-utenti permezz tal-ispjegazzjoni fi kliem ċar tal-liġi Ewropea applikabbli għad-dinja online. L-ewwel gwida online multilingwistika dwar id-drittijiet tal-utenti fl-Ewropa tindirizza oqsma prinċipali tal-protezzjoni tal-konsumatur online, inklużi l-privatezza u d-dejta personali, is-sikurezza u s-sigurtà online, il-pubbliċità online, id-dritt tal-awtur u x-xiri online[5].

It-televiżjoni għaddej minn perjodu ta' bidla drammatika u l-Kummissjoni żammet lill–Ewropa fuq quddiem nett tal-iżviluppi billi ppromwoviet ix-xandir diġitali u t-televiżjoni mobbli. Bil-prinċipju tal-'pajjiż tal-oriġini' bħala bażi, kien hemm ftehim dwar regoli aġġornati dwar il-kontenut sabiex tinfetaħ it-triq lejn servizzi awdjoviżivi ġodda li jiġbru mhux biss midja ġodda (terrestri, mobbli, bis-satellita, fuq il-web) imma wkoll f'formati differenti (televiżjoni interattiva, filmati b'talba, netwerking soċjali, eċċ.). Illum, l-Ewropa għandha regoli ċari dwar il-fornituri tas-servizzi tal-midja awdjoviżiva u l-kwalità ta' dak li qed jixxandar tibqa' assigurata permezz ta' limiti fuq il-pubbliċità matul id-dokumentarji, l-aħbarijiet u l-programmi tat-tfal. Barra minn hekk, ġew estiżi r-regoli dwar kontenut li huwa razzist jew li jinċita l-mibgħeda għas-servizzi b'talba[6].

L-appoġġ tal-Kummissjoni għall-films skont il-programm EU MEDIA, estiż mill-2007 sal-2013 b'baġit ta' EUR 755 miljun, għin sabiex il-films u l-kontenut li saru fl-UE jaslu għall-wiri internazzjonali. Ħafna films li akkwistaw fama globali kienu sempliċiment lanqas iħallu l-pajjiż ta' produzzjoni tagħhom mingħajr l-appoġġ Ewropew[7]. Il-valur miżjud tal-UE mhuwiex biss fil-finanzjament ta' dawn il-produzzjonijiet artistiċi, iżda li jwasslu l-ħajja u l-kultura Ewropea lil udjenza internazzjonali wiesgħa billi jippermettu li l-films Ewropej ikunu disponibbli fl-Ewropa u lil hinn minnha.

2.2. Stimulazzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni fl-ICT fl-Ewropa

Fl-ewwel deċennju tas-seklu 21, l-UE tinsab wara żoni oħra tad-dinja rigward ir-riċerka u l-iżvilupp (R&D) fl-ICT, b'mod partikolari l-Istati Uniti, il-Ġappun u l-Korea t'Isfel. Għalhekk, nediet programmi ambizzjużi ta' riċerka biex tittieħed azzjoni kontra d-defiċit u jappoġġjaw R&D li jħares 'il quddiem. Matul l-aħħar ħames snin, l-UE involviet ruħha fl-insegwiment intensiv tal-mexxejja globali fir-riċerka fl-ICT, filwaqt li fis-snin li ġejjin se taħdem bis-sħiħ sabiex tkun fuq quddiem nett f'dan il-qasam.

Dan l-approċċ huwa rifless fl-għan ġenerali tat-tieni pilastru tal-i2010.

Għan Nru 2: Prestazzjoni ta' klassi dinjija fir-riċerka u l-innovazzjoni fl-ICT billi jitnaqqas l-iżbilanċ mal-kompetituri ewlenin tal-Ewropa.

Skont dan il-għan, l-Ewropa adottat l-akbar baġit li qatt kellha għar-riċerka u l-innovazzjoni fl-ICT, aktar minn EUR 10 biljun għall-ICT taħt l-FP7 u s-CIP[8]mill-2007 sal-2013 biex jgħin fil-ġenerazzjoni tal-mewġa li jmiss ta' tkabbir ekonomiku u jmexxi t-tranżizzjoni lejn soċjetà b'livelli baxxi ta' karbonju.

Illum, l-infrastruttura elettronika bħall-GEANT, il-grids, is-superkompjuters u l-arkivji tad-dejta huma katalizzaturi ta' 'tiġdid xjentifiku' ġdid biex jistimulaw il-prosperità u t-tkabbir. Is-suċċess tal-iskema tat-Teknoloġija Futura u Emerġenti wera l-bżonn li jkun imsaħħaħ l-investiment fir-riċerka trasformattiva b'riskju għoli sabiex ikun żgurat li l-Ewropa tibqa' kompetittiva fl-ICT fuq żmien twil[9].

Barra minn hekk, tnedew sħubijiet pubbliċi-privati innovattivi. L-Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti Artemis u Eniac f'sistemi ta' kompjuters inkorporati u fin-nanoelettroniki jindirizzaw teknoloġiji kruċjali biex il-manifattura tinżamm kompetittiva, mill-karozzi u l-aerospazjali għat-tagħmir tal-enerġija u t-teknoloġiji fis-saħħa. L-Inizjattiva Għixien Megħjun Kontestwalment ('Ambient Assisted Living') bdiet sew u qed timmira sabiex tagħmel lill-Ewropa punt ċentrali għall-iżvilupp ta' soluzzjonijiet diġitali ġodda għan-nies avvanzati fl-età tal-Ewropa. Dawn l-inizjattivi qed jgħinu lill-industrija tal-UE tkun fuq quddiem nett fuq livell dinji u qed jiġbru l-investiment fl-R&D billi jipprovdu inċentivi kemm lill-industrija kif ukoll lill-Istati Membri. Ġew assenjati aktar minn EUR 6 biljuni għal dawn it-tliet inizjattivi fuq sitt snin.

L-UE hija wkoll mexxejja potenzjali fl-internet futur. Il-Kummissjoni bdiet xogħol fuq sħubija pubblika-privata li tista' tkun ta' appoġġ għad-disinn u l-arkitettura ta' internet futur li joffri trasport aktar mgħaġġel ta' aktar dejta, aktar indirizzi IP, internet aktar sigur, li jirrispetta l-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta li hu miftuħ, interoperabbli u li jippromwovi l-innovazzjoni, il-kompetizzjoni u l-għażla. Dan se jespandi l-użu tal-RFID u tas-servizzi tal-web. L-inizjattiva l-ġdida tibni fuq prijoritajiet eżistenti ta' riċerka. eż. il-Faċilità FIRE (Riċerka u Esperimentazzjoni dwar l-Internet Futur – 'Future Internet Research and Experimentation') bdiet toffri servizzi lill-komunità tar-riċerka biex tesperimenta fuq mudelli ġodda tan-netwerking u tas-servizzi. Il-Pjattaformi Ewropej tat-Teknoloġija wkoll kienu innovattivi billi aġixxu bħala pjattaformi miftuħa għall-kooperazzjoni bejn l-industrija, l-istituti akkademiċi u tar-riċerka.

L-Ewropa issa tista' tibni fuq dawn il-passi ewlenin sabiex jiżdied ir-ritmu li bih qed jingħalaq l-iżbilanċ fir-riċerka tal-ICT. Madanakollu, in-nefqa fir-riċerka hija biss mezz u mhux għan fiha nnifisha. Il-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti u servizzi innovattivi hija ta' importanza ewlenija għat-tkabbir, l-impjiegi u l-kompetittività fl-UE. Filwaqt li xi Stati Membri qegħdin fuq quddiem tal-listi globali tal-innovazzjoni, ir-rieda għall-innovazzjoni għadha frammentata. Għalhekk, huwa kruċjali li jkun hemm fokus aktar b'saħħtu u koordinat fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni. F'Marzu 2009 ħarġet strateġija mġedda għar-riċerka u l-innovazzjoni fl-ICT fl-Ewropa[10]. Din timmira sabiex tistabbilixxi post ta' tmexxija għall-Ewropa fl-ICT, tiffaċilita l-ħolqien ta' swieq u negozji ġodda għall-ICT u trendi l-Ewropa aktar attraenti għall-investiment fil-ħiliet, fir-riċerka u fl-innovazzjoni.

2.3. Assigurazzjoni li ċ-ċittadini kollha jibbenefikaw mill-ICT

L-i2010 inkludiet għall-ewwel darba għadd ta' inizjattivi li jqisu l-isfidi demografiċi tal-Ewropa, li jpoġġu liċ-ċittadini fiċ-ċentru tal-politika u li jenfasizzaw l-aspetti ekonomiċi ta' skemi varji.

Għan Nru 3: Soċjetà tal-Informazzjoni li hija inklussiva, tipprovdi servizzi ta' kwalità għolja lill-pubbliku u tippromwovi l-kwalità tal-ħajja.

Dan huwa partikolarment veru fis-Saħħa-e (saħħa elettronika), fejn il-politiki Ewropej qed itejbu s-saħħa u l-benessri tal-Ewropej, filwaqt li fl-istess ħin qed isarrfu f'benefiċċji fil-produttività ta' sistemi kumplessi u li jqumu ħafna flus fil-kura tas-saħħa fl-Istati Membri u qed iżidu l-kompetittività tal-industrija tal-kura tas-saħħa Ewropea. Fl-2008 tnedew żewġ inizjattivi ewlenin ta' politika. waħda sabiex tiffaċilita l-aċċess tal-pazjent għas-servizzi ta' telemediċina u tistimula l-iżvilupp tas-suq; u t-tieni inizjattiva għinet lill-Istati Membri jindirizzaw l-interoperabbiltà transkonfinali tas-sistemi elettroniċi tar-reġistri tas-saħħa biex jappoġġjaw liċ-ċittadini u lis-suq. Is-Saħħa-e hija wkoll waħda mill-oqsma ta' fokus għall-Inizjattiva tas-Suq Ewlieni tal-Kummissjoni, li timmira sabiex iżżid il-veloċità li biha jikber is-suq permezz ta' skemi biex jittejbu l-kooperazzjoni transkonfinali u t-tixrid tas-servizzi tas-saħħa.

Il-Gvern-e (gvern elettroniku) huwa qasam ieħor ta' politika ta' tmexxija, b'aktar minn 50 % tas-servizzi tal-gvern issa disponibbli totalment online. L-interoperabbiltà tas-servizzi tal-Gvern-e għadha tirrappreżenta sfida ewlenija. Għalkemm l-għadd ta' ċittadini li jużaw l-ICT sabiex jinteraġixxu mal-amministrazzjonijiet pubbliċi għadu baxx, dan qed jiżdied b'mod stabbli. It-tranżizzjoni minn punt ta' waqfa waħda ('one-stop shop') lejn servizzi ffukati fuq iċ-ċittadin kien il-fokus tal-politiki tal-Gvern-e f'dawn l-aħħar erba' snin. Il-Pjan ta' Azzjoni fuq 5 snin adottat fl-2006 impenja lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jipprovdu benefiċċji tanġibbli lill-Ewropej kollha. L-iskema ta' tħejjija dwar il-Parteċipazzjoni-e (parteċipazzjoni elettronika) turi li l-użu ta' teknoloġiji ġodda jista' jwassal għall-parteċipazzjoni akbar mill-pubbliku billi jipprovdi għodda ġdida lill-pubbliku biex isemma' leħnu. Il-programmi piloti CIP fuq skala kbira li huma għaddejjin dwar l-interoperabbiltà ta' sistemi ta' akkwist elettroniku u r-rikonoxximent pan-Ewropej ta' identitajiet elettroniċi se jgħinu biex jiftħu l-potenzjal tal-Gvern-e mal-UE kollha.

L-i2010 timmira wkoll sabiex turi kif l-ICT jista' jtejjeb il-kwalità ta' ħajja taċ-ċittadini. Din kienet il-mira prinċipali tal-politika tal-Inklużjoni-e (inklużjoni elettronika) mill-2005. L-2008 rat it-tnehid tal-inizjattiva 'Inklużjoni-E': Kun Parti Minnha!', li laħqet l-ogħla punt tagħha bil-konferenza ministerjali dwar l-Inklużjoni-e fi Vjenna. Eżempji oħra jinkludu l-inizjattivi li jimmiraw lejn it-tisħiħ tad-drittijiet tan-nies b'diżabbiltà, l-anzjani u l-persuni żvantaġġati soċjalment. Meta titqies il-korrelazzjoni mill-qrib bejn il-ħiliet fl-ICT u l-inklużjoni fis-soċjetà u s-suq tax-xogħol, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva dwar il-ħila diġitali fl-Ewropa.

Fl-2005, l-i2010 ipproponiet tliet inizjattivi ewlenin dwar 'il-kwalità tal-ħajja'. L- inizjattiva Għixien Megħjun Kontestwalment turi kif l-ICT jgħin jindirizza l-isfidi ta' popolazzjoni li qed tavvanza fl-età. L -Inizjattiva Karozza Intelliġenti , imnedija fl-2006, tippromwovi vetturi aktar intelliġenti, sikuri u nodfa. Karozzi li jkunu involuti f'inċidenti serji fil-futur qarib se jċemplu 112 għall-għajnuna. Din l-inizjattiva tefgħet ukoll l-attenzjoni tal-midja mad-dinja kollha lejn ir-riċerka tal-UE fis-sikurezza fit-toroq u infurmat lill-konsumaturi bil-benefiċċji ta' dawn is-sistemi ġodda ta' sikurezza bbażati fuq l-ICT. L-2008 rat il-ħolqien ta' Europeana, il-librerija multimidja online, il-mużew u l-arkivji Ewropej b'aktar minn tliet miljun ktieb, mappa, reġistrazzjoni tal-ħoss, ritratt, dokument arkivjat, pittura u film minn istituzzjonijiet kulturali aċċessibbli permess ta' 'web portal' disponibbli fil-lingwi kollha tal-UE[11]. Fl-2008 wkoll, l-i2010 laqgħet waħda mill-akbar sfidi futuri billi nediet ir-raba' inizjattiva ewlenija dwar l-ICT għal tkabbir sostenibbli, li tiffoka fuq il-kontribuzzjoni tal-ICT għall-effiċjenza tal-enerġija.

3. Impatt tal-i2010 fl-Istati Membri

L-inizjattiva i2010 ġiet implimentata fl-Istati Membri kollha minn strateġiji nazzjonali. Uħud huma strateġiji ġenerali tal-ICT u wħud jindirizzaw politiki aktar speċifiċi, bħall-'broadband', l-Inklużjoni-e, is-Saħħae, it-Tagħlim-e (tagħlim elettroniku) u n-Negozju-e (in-negozju elettroniku).

L-istrateġiji nazzjonali huma riveduti u aġġornati kontinwament bħala parti mill-proċess ta' Liżbona. Kważi l-pjanijiet kollha jirriflettu l-għanijiet tal-istrateġija i2010.

Il-Finlandja qed tippjana li jkollha 1 Mbps bħala obbligazzjoni universali tas-servizz sal-2010 u 100 Mbps għal kullħadd sal-2015. Il-Ġermanja qed tippjana li jkollha l-'broadband' kullimkien sal-2010 u mill-inqas 50 Mbps għal 75 % tal-familji sal-2014. Diversi Stati Membri ffukaw ukoll fuq il-bżonn ta' 'broadband' bi prezzijiet raġjonevoli . Franza qed timmira li jkollha 'broadband' kullimkien għall-prezz massimu ta' €35 sal-2012. Il-Portugal qed jiffoka fuq l-infrastruttura tal-fibri ottiċi, servizzi avvanzati tal-broadband u netwerks ta' riċerka b'veloċità għolja. |

L-ewwel mewġa ta' strateġiji nazzjonali tal-ICT tnediet wara l-adozzjoni tal-i2010 fl-2005 u t-tieni mewġa bdiet reċentement. L-istrateġiji nazzjonali tal-ICT juru kif il-metodu miftuħ ta' kooridnazzjoni jaħdem fil-prattika: uħud jirreferu b'mod ċar għall-ispirazzjoni minn Stati Membri oħra. L-ewwel ġenerazzjoni ta' strateġiji nazzjonali tal-'broadband' iffukat fuq id-disponibbiltà tal-'broadband' lill-100 % tal-popolazzjoni; illum il-fokus huwa fuq veloċitajiet akbar, il-'broadband' bħala parti mill-obbligazzjoni ta' servizz universali jew fuq il-wasla tal-infrastruttura tal-fibri fid-djar.

L-istrateġiji aktar ġodda jindirizzaw oqsma ġodda, li jmorru lil hinn mill-prijoritajiet tal-'broadband', is-servizzi online għall-pubbliku u l-ħiliet diġitali maqsuma bejn l-Istati Membri kollha. Ħafna mill-Istati Membri iżgħar issa qed jaspiraw sabiex isiru atturi Ewropej fuq quddiem fl-ICT.

Xi pajjiżi qed idaħħlu suġġetti ġodda fl-aġenda tal-ICT, bħall-IT ekoloġiku, karti fuq id-drittijiet-e (id-drittijiet elettroniċi), miżuri legali kontra d-diskriminazzjoni u n-nuqqas ta' aċċessibbiltà u modi ġodda kif jiżviluppaw is-servizzi tal-Gvern-e, il-ħiliet u l-kapaċitajiet diġitali jew mudelli biex jistimulaw l-iżvilupp tal-kontenut diġitali.

4. Inħarsu 'l quddiem – sfidi futuri għall-politika

Is-suċċessi miksuba mill-Ewropa sal-lum imbnew fuq il-ħidma konsistenti lejn il-kompetizzjoni ġusta fis-swieq tat-telekomunikazzjoni u lejn suq mingħajr fruntieri għall-kontenut diġitali u s-servizzi tal-midja. Il-pożizzjoni ta' tmexxija li għandha l-Ewropa ġejja mill-isforzi kontinwi tagħha għall-istabbiliment ta' massa kritika ta' R&D fl-oqsma li ħerġin ġodda fl-ICT. Għandha kapaċità kbira li tikkapitalizza fuq ir-riżorsi kulturali tagħha, bħas-settur enerġetiku u ta' suċċess tal-films u tal-midja u l-librerija diġitali Ewropea. Din l-ispinta qawwija fil-politika ġenerali tibqa' valida għall-futur.

Madankollu, hemm bżonn li s-suċċess tal-istrateġija fl-ICT tal-UE matul l-aħħar erba' snin jitpoġġa fuq perspettiva globali. Illum qed isir aktar ovvju li, anke fl-oqsma fejn l-Ewropa tinsab fuq quddiem nett fid-dinja, qed tirriskja li titlef il-vantaġġ kompetittiv fejn jidħlu l-iżviluppi ġodda u innovattivi. Pereżempju, l-Ewropa hija l-mexxej dinji fl-internet 'broadband' iżda tinsab drammatikament wara l-Ġappun u l-Korea t'Isfel fil-fibri b'veloċità għolja. Bl-istess mod, is-suċċess tal-Ewropa fil-komunikazzjonijiet mobbli ma sarrafx f''broadband' mingħajr fili, fejn l-Ażja qed toħroġ dejjem aktar bħala l-mexxej fid-dinja. Barra minn hekk, l-Ewropa hija mwarrba fejn jidħlu s-servizzi u l-applikazzjonijiet tal-internet, bl-Istati Uniti tiddomina l-ħabitat interattiv ġdid fuq il-web, speċjalment il-blogs u n-nertwerks soċjali.

Għalhekk, l-Ewropa għandha bżonn aġenda diġitali ġdida biex tilqa' l-isfidi li qed jinħolqu, toħloq infrastruttura aħjar minn tal-bqija tad-dinja u tiftaħ il-potenzjal tal-internet bħala forza li tmexxi t-tkabbir u l-bażi għal innovazzjoni, kreattività u parteċipazzjoni miftuħa. F'Diċembru 2008 il-Kunsill Ewropew għamel sejħa għal pjan Ewropew għall-innovazzjoni fejn l-ICT tkun it-teknoloġija prinċipali. L-Ewropa għandha bżonn ittejjeb il-prestazzjoni tagħha bi strateġiji ta' tkabbir biex issaħħaħ l-irkupru ekonomiku u tibqa' fi klassi dinjija fis-setturi ta' teknoloġija għolja; biex tonfoq il-baġits fir-riċerka b'mod aktar effettiv sabiex jiġu kkumerċjalizzati idejat tajbin biex jiġġeneraw tkabbir ġdid; biex tagħti spinta lill-produttività mmexxija mill-ICT ħalli tagħmel tajjeb għall-istaġnar fil-GDP (Prodott Gross Domestiku) hekk kif l-għadd tal-ħaddiema jibda jonqos meta jirtiraw il-grupp ta' nies li twieldu fiż-żmien ta' żieda kbira[12]. biex trawwem teknoloġiji ġodda, aktar intelliġenti u nodfa li jistgħu jgħinu lill-Ewropa tikseb tkabbir b'fattur erbgħa[13] u li tuża għodda ta' netwerking li jibnu mill-ġdid il-fiduċja fl-Ewropa bħala soċjetà miftuħa u demokratika.

Il-Kummissjoni dalwaqt tniedi konsultazzjoni pubblika online dwar disa' oqsma prinċipali għall-futur tal-politiki tal-ICT u tal-midja tal-Ewropa[14]:

1. Tħalli l-ICT jkun forza li tmexxi lejn l-irkupru ekonomiku u fuq quddiem fil-kontribuzzjoni lejn l-aġenda ta' tkabbir u tal-impjiegi ta' Liżbona. Dan huwa kruċjali fil-kriżi ekonomika u finanzjarja attwali u sabiex jinksibu l-għanijiet ekonomiċi tal-Ewropa fuq żmien twil.

2. Jiżdied ir-rwol tal-ICT fit-tranżizzjoni għal ekonomija aktar sostenibbli b'livelli baxxi ta' karbonju . Ikun hemm fokus fuq l-ICT biex issir promozzjoni ta' konsum responsabbli tal-enerġija mill-familji, it-trasport, il-ġenerazzjoni tal-enerġija u l-manifattura, u jiżvela l-potenzjal lejn iffrankar sostanzjali ta' enerġija. Miters intelliġenti, dawl effiċjenti, 'cloud computing' u 'distributed software' se jbiddlu x-xejriet tal-użu tas-sorsi tal-enerġija. Soluzzjonijiet ibbażati fuq l-ICT se jkunu essenzjali għall-isforzi tal-Ewropa fil-ġestjoni tat-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli.

3. Titjieb il-prestazzjoni tal-Ewropa fir-riċerka u l-innovazzjoni fl-ICT. Minkejja l-kisbiet tas-snin li għaddew, l-R&D Ewropew huwa kontinwament sfidat. Bażi b'saħħitha tal-R&D tal-ICT fl-Ewropa hija kruċjali peress li l-innovazzjonijiet fl-ICT huma l-fattur prinċipali lejn is-soluzzjoni ta' għadd ta' sfidi, bħall-kura tas-saħħa, l-impenji li toħloq soċjetà li qed tavvanza fl-età, is-sigurtà u l-privatezza u l-ġestjoni tat-tranżizzjoni lejn ekonomija b'livelli baxxi ta' karbonju.

4. Tinħoloq ekonomija li hija konnessa 100 % permezz ta' internet b'veloċità għolja u miftuħ għal kulħadd. Il-potenzjal ta' infrastruttura b'veloċità għolja għall-irkupru ekonomiku, it-tkabbir fit-tul u l-innovazzjoni fl-Ewropa jrid jinfetaħ. Se jkun kruċjali li netwerks b'veloċità qawwija u ppreparati sew għall-futur jinżammu miftuħin biex titrawwem l-innovazzjoni f'servizzi u kontenut ġdid, mill-utenti u għall-utenti kollha fl-isfera online.

5. Tikkonsolida s-suq uniku online. Minkejja l-progress qawwi li sar tul l-aħħar snin għad irridu niksbu suq uniku online. L-Ewropa għada qed taffaċċja l-frammentazzjoni legali, b'sistemi ta' pagament, is-sigurtà, il-privatezza u ostakli oħra jiskoraġġixxu n-negozji u l-konsumaturi milli jaqilbu għal sistemi diġitali. . Dan japplika wkoll għas-suq għall-kontenut diġitali fejn il-frammentazzjoni tagħmilha diffiċli għaċ-ċittadini Ewropej li jkollhom aċċess għal kontenut sħiħ għani u varjat kuluralment disponibbli online mal-UE kollha.

6. Tippromwovi l-kreattività tal-utenti. Il-ħabitat diġitali ġdid (WEB 2.0 u lil hinn minnu) joffri ċans li qatt ma kien ingħata qabel sabiex il-kreattività taċ-ċittadini Ewropej titħalla libera. L-internet illum huwa forum politiku interattiv, netwerk soċjali mimli enerġija u sors wiesa' ħafna ta' għarfien. Bi pjattaformi u servizzi parteċipattivi ġodda, l-utenti saru atturi attivi, produtturi u 'prosumers' u huwa essenzjali li jkunu stabbiliti politiki ġodda li jinkoraġixxu l-kreattività u l-parteċipazzjoni tal-utenti.

7. Issaħħaħ il-pożizzjoni tal-UE bħala attur prinċipali fl-arena internazzjonali tal-ICT. Is-suċċess kontinwu tal-ICT modern jiddependi fuq il-ftuħ u l-kooperazzjoni internazzjonali, internet ħieles minn restrizzjonijiet ta' traffiku, siti, pjattaformi u tip ta' tagħmir marbut, u ħieles miċ-ċensura. Jiddependi wkoll fuq l-abbiltà tagħna li nittrattaw l-isfidi globali, bħal governanza internazzjonali, is-sigurtà, il-kontenut mhux adegwat u l-prattika ħażina, il-privatezza, il-protezzjoni tad-dejta personali u spazji kbar ġodda għall-indirizzi (IPv6), l-identifikaturi multilingwistiċi u aktar. Ħafna minn dawn il-kwistjonijiet jistgħu jissolvew biss fuq livell internazzjonali. Iżda, ħafna drabi, l-Ewropa ssib diffikultajiet biex issemma' leħinha.

8. Jkunu disponibbli u aċċessibbli għal kulħadd servizzi pubbliċi moderni u effiċjenti . Il-Gvern-e qed isir dejjem aktar reali fl-Istati Membri. Madankollu, jridu jsiru aktar sforzi biex tiżdied l-interoperabbiltà fost l-amministrazzjonijiet pubbliċi. Min-naħa tagħha, biex tikseb dan l-għan il-Kumissjoni pproponiet li tkompli fuq il-programm ta' suċċess IDABC billi tippreżenta proposta għal programm ġdid immirat lejn il-promozzjoni ta' Soluzzjonijiet ta' Interoperabbiltà għall-Amministrazzjonijiet pubbliċi (ISA)[15] u qed tkompli bix-xogħlijiet tagħha biex tirrevedi l-Qafas Ewropew ta' Interoperabbiltà, immirat lejn id-definizzjoni ta' regoli u prinċipji ġenerali għall-kollaborazzjoni fost l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri u tal-Istituzzjonijiet tal-UE[16]. L-użu tal-ICT fl-iskejjel żdied b'mod sinifikanti; diġà intlaħqu l-miri ta' Liżbona sabiex l-iskejjel kollha fl-Ewropa jkollhom it-tagħmir u jkunu konnessi, l-applikazzjonijiet tat-Tagħlim-e u s-Saħħa-e jistgħu jtejbu ħafna l-kwalità tal-edukazzjoni u tas-saħħa mal-UE kollha. Madankollu, il-beneficċji ta' dawn l-applikazzjonijiet kollha għadhom ma ttiħdux kompletament. Għandna bżonn nevitaw il-ftuħ ta' separazzjonijiet diġitali ġodda. Il-web parteċipattiv joffri opportunitajiet ġodda kif ukoll jisfida l-amministrazzjonijiet pubbliċi u jagħti s-setgħa liċ-ċittadini li janalizzaw ir-relazzjoni tagħhom mal-awtoritajiet.

9. Jintuża l-ICT għat-titjib tal-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini tal-UE permezz tal-ftuħ ta' mħażen tal-patrimonju kulturali tal-Ewropa u jitpoġġa online. L-inizjattiva tal-Inklużjoni-e tal-2008 wriet l-importanza soċjopolitika u ekonomika ta' dan u l-'każ tan-negozju bl-Inklużjoni-e' bħalissa huwa aktar b'saħħtu minn qatt qabel biex jgħeleb l-aspetti ewlenin ta' żvantaġġ bħall-età, l-edukazzjoni, is-sess u l-post. Fis-sitwazzjoni attwali ta' ekonomija li ħżienet, ċittadini mċaħħdin b'mod partikulari jirriskjaw li jkomplu jkunu esklużi mis-soċjetà u s-suq tax-xogħol.

5. Konklużjonijiet

Il-kisbiet tal-i2010 u l-modi kif ġiet implimentata mill-Istati Membri joffru stampa tad-dinamiżmu u l-medda tal-iskemi li jistgħu jkunu l-prodott ta' politiki innovattivi. L-i2010 poġġiet il-pedamenti għal soċjetà moderna li taħdem bl-ICT. Il-'broadband' illum huwa fuq l-aġenda politika b'mod sod.

Iżda l-Ewropa qed taffaċċja deċiżjonijiet importanti fuq kif tibni ekonomija konnessa b'mod diġitali lesta għall-irkupru. Barra minn hekk, matul is-snin li ġejjin, l-internet huwa mistenni jsir servizz essenzjali u kruċjali għalina sabiex nipparteċipaw b'mod sħiħ fis-soċjetà.

Sabiex jittieħdu dawn l-opportunitajiet, il-Kummissjoni talbet il-kooperazzjoni attiva tal-Istati Membri u tal-partijiet interessati fix-xhur li ġejjin sal-bidu tal-2010 sabiex titfassal aġenda diġitali ġdida biex l-Ewropa toħroġ mill-kriżi attwali b'ekonomija diġitali aktar b'saħħitha, aktar kompetittiva u aktar miftuħa, li tmexxi 'l quddiem it-tkabbir u l-innovazzjoni Ewropea.

[1] i2010 – Soċjetà Ewropea tal-Informazzjoni għat-Tkabbir u l-Impjiegi COM(2005) 229 .

[2] Ara “Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku” - COM(2008) 800 u “Ninvestu llum għall-Ewropa ta’ għada” - COM(2009) 36.

[3] Id-dokument ta' ħidma tal-persunal mehmuż SEC(2009) 1060 jagħti inventarju sħiħ tal-azzjonijiet kollha meħuda skont l-i2010 matul is-snin 2005-2009.

[4] Regolament (KE) Nru 717/2007 u (KE) Nru 544/2009 dwar roaming fuq networks pubbliċi tat-telefonija mobbli fi ħdan il-Komunità u d-Direttiva 2002/21/KE dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi

[5] http://ec.europa.eu/eyouguide.

[6] Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva, 2007/65/KE.

[7] eż. ‘La Vie en Rose’, ‘Das Leben der Anderen’, ‘Die Fälscher’, ‘Gomorra’, ‘Slumdog Millionaire’.

[8] Il-Programm ta' Appoġġ għall-Politika tal-ICT skont il-Programme ta' Kompetittività u Innovazzjoni (CIP) huwa wieħed mill-istrumenti finanzjarji ewlenin skont l-i2010, li beda fl-2007 u se jibqa' għaddej sal-2013 b'baġit ta' EUR 728 miljun. Jistimula l-innovazzjoni u l-kompetittività permezz ta' użu usa' tal-ICT miċ-ċittadini, mill-gvernijiet u min-negozji, b'mod partikolari l-SMEs, http://ec.europa.eu/information_society/activities/ict_psp/index_en.htm

[9] Inħarrku l-fruntieri fit-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICT) – strateġija għar-riċerka fit-teknoloġiji ġodda u tal-ġejjieni fl-Ewropa – COM(2009) 184

[10] Strateġija għar-R&D u l-Innovazzjoni fil-qasam tal-ICT fl-Ewropa: Ngħollu l-mira – COM(2009) 116.

[11] www.europeana.eu

[12] Ix-xogħol fl-UE huwa pproġettat li jonqos b'madwar 19-il miljun ruħ sas-sena 2060, minħabba t-tnaqqis fil-popolazzjoni ta' età li taħdem. Dan ifisser li l-produttività se jkollha tkun is-sors ta' tkabbir ekonomiku futur. Kalkolu riċenti huwa li t-tkabbir tal-produttività tax-xogħol fl-UE għandu jsarraf f'medja storiku fuq żmien twil 1¾%, minn COM(2009) 180 - Kif għandna nittrattaw l-impatt tat-tixjiħ tal-popolazzjoni fl-UE Rapport dwar it-Tixjiħ 2009.

[13] Tirdoppja l-Ġid, Tnaqqas bin-Nofs ir-Riżorsi Użati ('Doubling Wealth, Halving Resource Use' E von Weizsäcker, A. Lovins and H. Lovins (1995).

[14] Il-konsultazzjonijiet dwar it-temi (5) u (6) t'hawn taħt se jsiru b'mod konġunt mis-Soċjetà tal-Informazzjoni u l-Midja u mid-Direttorat Ġenerali tas-Suq Intern.

[15] Ara COM(2008)583.

[16] Ara http://ec.europa.eu/idabc/en/document/7728.

Top