EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009DC0282

Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tar-regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 259/93 tal-1 ta’ Frar 1993 dwar is-superviżjoni u l-kontroll ta’ vjaġġi bil-baħar ta’ skart fi, għal u mill-Komunità Ewropea - Il-ġenerazzjoni, it-trattament u l-ġarr transkonfinali bil-baħar tal-iskart perikoluż u skart ieħor fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, 2001-2006 {SEC(2009) 811}

/* KUMM/2009/0282 finali */

52009DC0282

Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tar-regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 259/93 tal-1 ta’ Frar 1993 dwar is-superviżjoni u l-kontroll ta’ vjaġġi bil-baħar ta’ skart fi, għal u mill-Komunità Ewropea - Il-ġenerazzjoni, it-trattament u l-ġarr transkonfinali bil-baħar tal-iskart perikoluż u skart ieħor fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, 2001-2006 {SEC(2009) 811} /* KUMM/2009/0282 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 24.6.2009

KUMM(2009) 282 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 259/93 tal-1 ta’ Frar 1993 dwar is-superviżjoni u l-kontroll ta’ vjaġġi bil-baħar ta’ skart fi, għal u mill-Komunità Ewropea Il-ġenerazzjoni, it-trattament u l-ġarr transkonfinali bil-baħar tal-iskart perikoluż u skart ieħor fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, 2001-2006 {SEC(2009) 811}

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 259/93 tal-1 ta’ Frar 1993 dwar is-superviżjoni u l-kontroll ta’ vjaġġi bil-baħar ta’ skart fi, għal u mill-Komunità EwropeaIl-ġenerazzjoni, it-trattament u l-ġarr transkonfinali bil-baħar tal-iskart perikoluż u skart ieħor fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, 2001-2006{SEC(2009) 811}

Rapport fil-Qosor:Żviluppi dwar il-ġenerazzjoni, it-trattament u l-ġarr bil-baħar tal-iskart perikoluż u skart ieħor fl-Istati Membri tal-UE,2001-2006

1. DAħLA

L-esportazzjonijiet u l-importazzjonijiet tal-iskart huma amministrati f'livell internazzjonali mill-Konvenzjoni ta' Basel tat-22 ta' Marzu 1989 dwar il-kontroll taċ-ċaqliq transkonfinali tal-iskart perikoluż u r-rimi tiegħu. Il-Komunità Ewropea tifforma parti minn din il-Konvenzjoni u għamlet transpożizzjoni tagħha bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 259/93[1], magħruf bħala r-Regolament dwar il-Ġarr tal-Iskart bil-Baħar. L-iskop ta' dan ir-Regolament huwa li jiġu organizzati s-superviżjoni u l-kontroll ta' ġarr bil-baħar ta' skart b'tali mod li tiġi kkunsidrata l-ħtieġa li tiġi ppreservata, protetta u mtejba l-kwalità tal-ambjent u s-saħħa tal-bniedem.

Abbażi tal-prinċipji ta' gwida tal-istrateġija tal-Komunità dwar il-ġestjoni tal-iskart, ir-Regolament jistipula serje ta' regoli li għandhom jgħinu lill-Komunità kollha fir-rimi tal-iskart tagħha u se jgħinu wkoll lill-Istati Membri individwalment biex jersqu lejn dik il-mira, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkustanzi ġeografiċi u l-ħtieġa għal installazjonijiet speċjalizzati fl-immaniġġjar ta' ċerti tipi ta' skart.

Ir-Regolament introduċa għadd ta' miżuri għall-kisba tal-kontroll tal-ġarr bil-baħar tal-iskart fi, lejn u mill-Komunità. B'mod partikulari:

- jistabbilixxi definizzjonijiet u terminoloġija komuni dwar il-ġarr bil-baħar tal-iskart;

- jistipula regoli għall-esportazzjoni, l-importazzjoni u t-transitu tal-iskart għar-rimi jew l-irkupru;

- jispeċifika t-tagħrif li l-Istati Membri u l-Kummissjoni iridu jagħtu.

L-Artikolu 41 tar-Regolament jgħid li:

1. "Qabel it-tmien ta' kull sena kalendarja, l-Istati Membri għandhom iħejju rapport skont l-Artikolu 13(3) tal-Konvenzjoni ta' Basel u jibagħtuh lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni ta' Basel u b'kopja tiegħu tintbagħat lill-Kummissjoni.

2. Il-Kummissjoni għandha, ibbażat fuq dawn ir-rapporti, tistabbilixxi rapport kull tliet snin dwar l-implementazzjoni ta' dan ir-Regolament mill-Komunità u mill-Istati Membri tagħha. Tista' titlob informazzjoni addizzjonali skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/692/KEE."

Fl-2006 ġie ppubblikat rapport tal-bidu tal-Kummissjoni dwar il-ġarr transkonfinali bil-baħar tal-iskart li jkopri s-snin 1997 sal-2000[2]. Ħafna mill-istati Membri kienu bagħtu r-rapporti annwali tagħhom għas-snin 2001 sal-2006 lill-Kummissjoni sal-aħħar tal-2008. It-tabella fid-daħla ġenerali tad-dokument ta' ħidma mhemuż fiha lista tal-Istati Membri (UE-25; mingħajr il-Bulgarija u r-Rumanija). Din it-tabella tirrifletti r-reazzjonijiet tal-Istati Membri għall-obbligazzjonijiet tar-rappurtar tagħhom.

Il-kwestjonarju tas-Segretarjat tal-Konvenzjoni ta' Basel fih il-mistoqsijiet dwar id-dispożizzjonijiet legali, l-implimentazzjoni u l-miżuri tal-protezzjoni ambjentali. Abbażi tal-Artikolu 41(2), il-Kummissjoni fl-1999 adottat Deċiżjoni[3] li teħtieġ tagħrif addizzjonali li għandu jingħata mill-Istati Membri fil-forma ta' kwestjonarju. Il-kwestjonarju tal-Kummissjoni primarjament jinkludi mistoqsijiet dwar ir-restrizzjonijiet tal-ġarr bil-baħar, il-monitoraġġ, il-miżuri kontra il-ġarr bil-baħar illegali, u l-kopertura finanzjarja. B'differenza mill-ewwel rapport tal-Kummissjoni, ir-rapport kurrenti fih tagħrif minn dan il-kwestjonarju (ara d-Dokument ta' Ħidma, Daħla Ġenerali).

It-Taqsima 2 tar-rapport hija analiżi tal-forma u l-kontenut tat-tweġibiet tal-Istati Membri. Aktar tagħrif dettaljat dwar il-kummenti tal-Istati Membri fuq iż-żewġ kwestjonarji jinsab fit-Taqsimiet B u E tad-dokument ta' ħidma. Sussegwentament il-konklużjonijiet prinċipali se jinġiebu mid-dejta kwantitattiva tal-Istati Membri dwar il-ġenerazzjoni, it-trattament u l-ġarr bil-baħar tal-iskart. Id-dejta bażika tinsab fit-Taqsima A tad-dokument ta' ħidma.

Wieħed għandu jinnota li l-Konvenzjoni ta' Basel tuża t-termini "importazzjoni" u "esportazzjoni" għal kull ġarr bil-baħar ġewwa jew barra minn pajjiż individwali li jifforma Parti mill-Konvenzjoni. Skont il-liġi tal-UE dawn it-termini japplikaw biss għall-ġarr bil-baħar ġewwa jew barra mill-Unjoni Ewropea kollha kemm hi; għalhekk ma jintużawx f'dan ir-rapport sabiex jirreferu għall-ġarr bil-baħar bejn l-Istati Membri. Madankollu, fl-interess ta' min qed jaqra, jidhru bejn il-parenteżi, u xi kultant jintużaw sabiex jirreferu għall-ġarr bil-baħar tal-iskart b'mod ġenerali. Iż-żewġ termini iżda jidhru fid-dokument ta' ħidma fis-sens li jintużaw fih fil-Konvenzjoni ta' Basel.

2. Ir-rappurtar mill-Istati Membri

Għal dan ir-rapport ġew utilizzati t-tweġibiet kollha tal-Istati Membri kemm tal-kwestjonarju ta' Basel kif ukoll dak tal-Kummissjoni għas-snin 2001 sal-2006. Is-sena 2004 ġiet magħżula bħala s-sena ta' referenza, għaliex xi rapporti importanti għas-snin 2005 u 2006 kienu għadhom neqsin sal-aħħar tas-sena 2008. Madankollu, minħabba r-relevanza tagħha, id-dejta kwantitattiva kollha ġiet inkorporata, u fejn kien possibbli ingħataw ukoll iċ-ċifri għas-sena 2005. Minn 300 tweġiba potenzjali, waslu 219–il tweġiba li kellhom iva/le bħala risposti, spjegazzjonijiet verbali u ċifri. Dan ir-rispons kien biżżejjed għall-iskopijiet ta' analiżi kwalitattiva u kwantitattiva.

Ir-rata ta' tweġibiet għall-kwestjonarju ta' Basel kienet 73%, u r-rata ta' tweġibiet għall-kwestjonarju tal-Kummissjoni kienet 67%. 4% oħra tat-tweġibiet miġbura għall-kwestjonarju ta' Basel li huwa iżjed kumpless ma setgħux jintużaw jew ma kinux kompluti. L-analiżi kwantitattiva tad-dejta dwar l-iskart teħtieġ li d-dejta primarja tingħata f'format konsistenti. Ħafna mit-tweġibiet tressqu elettronikament, għalkemm f'xi każijiet dan ġara biss fuq talba speċifika. Fit-tabella sinottika, il-kwestjonarji kollha li mtlew kompletament jew li jistgħu jintużaw huma mmarkati bl-ittra "Y", filwaqt li l-bqija tal-kwestjonarji li ġew ritornati huma mmarkati bl-ittra "P" (ara d-Dokument ta' Ħidma, Daħla Ġenerali).

Ħafna mir-rapporti waslu sena sa sentejn wara s-sena ta' referenza. F'ħafna każijiet l-Istati Membri kkoreġew id-dejta tagħhom fir-rapporti ta' wara. Wieħed għandu jinnota li f'dak li jikkonċerna l-31% tal-kwestjonarji tal-Kummissjoni li ġew ikkategorizzati bħala "neqsin", qabel l-2004, l-Istati Membri tal-UE l-"ġodda" (UE-10) ma kinux obbligati jwieġbu. Id-dejta kwantitattiva għal Malta hija nieqsa minn dan ir-rapport ladarba r-rapport ta' Basel ma kienx disponibbli għal Malta. Il-Ġreċja ma pprovditx il-kwestjonarju tal-Kummissjoni bejn l-2001 u l-2006. Fi ftit każijiet, il-lakuni mtlew bit-tagħrif ta' snin oħra qrib.

Il-kwalità tat-tweġibiet kienet varjabbli. Ir-rappurtar dwar inċidenti/aċċidenti speċifiċi u/jew it-twaqqif tal-ġarr bil-baħar tal-iskart illegali kien inkonsisteni u x'aktarx mhux realistiku. Xi drabi ma kienx ċar jekk kienx hemm okkorrenza ta' ġarr bil-baħar illegali jew jekk l-istat tal-għarfien kienx ikkunsidrat insuffiċjenti. Stqarrijiet dettaljati mill-Istati Membri bħall-Finlandja, il-Ġermanja, l-Irlanda u r-Renju Unit jissuġerixxu li dan huwa punt importanti għat-titjib fil-futur. (ara Taqsima B, Tabella 9).

L-Istati Membri kollha li wieġbu rrappurtaw estensivament fuq il-miżuri għall-prevenzjoni tal-ġenerazzjoni tal-iskart. Il-miżuri ffukaw primarjament fuq il-leġiżlazzjoni, u wara fuq l-istrateġiji nazzjonali (ara Taqsima B, Mistoqsija 5). Il-miżuri li ttieħdu sabiex jitnaqqas il-ġarr tal-iskart bil-baħar kienu inqas frekwenti (ara Taqsima B, Mistoqsija 6, u Taqsima E). Id-dejta amministrattiva essenzjali kienet kompluta u eżatta mill-bidu sal-aħħar (ara Taqsima B, Mistoqsijiet 4, 7, Tabelli 1, 2, 3, Taqsima C, u Taqsima E).

L-istħarriġ ma żvelax differenzi sinifikanti bejn l-UE-15 (il-15–il Stat Membru "qodma") u l-UE-10 dwar l-kompletezza, il-wasla fil-ħin u l-kwalità tar-rapporti annwali tagħhom.

3. Il-ġenerazzjoni tal-iskart perikoluż

Il-kwestjonarju tal-Konvenzjoni ta' Basel isaqsi lill-pajjiżi kollha sabiex jipprovdu tagħrif dwar l-ammont totali ta' skart perikoluż u "skart ieħor" iġġenerat. "Skart ieħor" f'dan il-kuntest ifisser skart miġbur mid-djar, u r-residwi li jirriżultaw mill-inċinerazzjoni tal-iskart domestiku - li huma żewġ kategoriji ta' skart li jeħtieġu konsiderazzjoni speċjali u li huma suġġett għall-kontrolli simili bħall-iskart perikoluż skont il-Konvenzjoni ta' Basel (Anness II għall-Konvenzjoni, entrati Y46 u Y47)[4]. L-iskart perikoluż huwa definit skont il-lista tal-flussi tal-iskart u/jew kostitwenti (entrati Y1-18 u Y19-45) u ċerti karatteristiċi tal-periklu (Anness III). Madankollu, jekk l-iskart huwa meqjus bħala perikoluż fil-leġiżlazzjoni domestika ta' stat esportatur, importatur jew transitu, jaqa' wkoll taħt dik id-definizzjoni għall-iskopijiet tal-Konvenzjoni.

L-Istati Membri kollha bl-eċċezzjoni ta' Malta ressqu tagħrif dwar il-ġenerazzjoni totali tal-iskart perikoluż. Meta mqabbla mal-ewwel rapport tal-Kummissjoni, id-dejta dwar il-ġenerazzjoni tal-iskart tjiebet (ara Taqsima A, Tabella 1); id-dejta supplimentarja u l-estrapolazzjonijiet kienu ġeneralment evitati.

Bħas-snin ta' qabel, il-Ġermanja kellha l-ikbar kwantitajiet ta' skart perikoluż. Iż-żieda li wieħed jista' jinnota sa ammont annwali stabbli ta' madwar 19-il miljun tunnellata mill-2002 hija marbuta mal-implimentazzjoni tal-lista Ewropea l-ġdida tal-iskart. Bejn l-2001 u l-2006, il-Ġermanja, l-Estonja, Franza, l-Italja u r-Renju Unit pproduċew l-ikbar ammonti, filwaqt li l-kwantitajiet żdiedu b'mod sinifikanti fl-Olanda u fil-Belġju (ara Taqsima A, Tabella 1). F'termini ta' ġenerazzjoni tal-iskart minn ras għal ras, il-Belġju u l-Olanda għal darb'oħra reġgħu kienu fuq nett fl-2005; għal perjodu itwal ta' żmien, il-Ġermanja u l-Finlandja qegħdin fuq quddiem. L-inqas kwantitajiet minn ras għal ras ġew reġistrati fil-Latvja, fil-Litwanja, fil-Portugal u fil-Greċja (ara Taqsima A, Tabella 2).

Huwa diffiċli li ssir valutazzjoni tal-iżvilupp kronoloġiku, ladarba xi Stati Membri rrappurtaw żidiet kbar fl-2001 sal-2006. Żviluppi bħal dawn mhux neċessarjament jirriflettu tkabbir reali fil-produzzjoni tal-iskart; jistgħu jkunu marbuta wkoll mat-tibdiliet fil-leġiżlazzjoni tal-iskart. Iż-żieda aritmetika fl-ammont ta' skart perikoluż iġġenerata mill-UE-15 bejn l-2000 u l-2005 hija 22% (li tikkorispondi għal 4% fis-sena), filwaqt li hija 10% biss għall-Komunità (UE-25) kollha. Id-dejta disponibbli tindika wkoll li l-ammont ta' skart perikoluż iġġenerat ġewwa l-UE-25 ma kienx sostanzjalment ikbar minn tas-sena 2002. Il-ġenerazzjoni tal-iskart perikoluż fl-UE-25 minn ras għal ras kien madwar 140 kg kull sena (it-tabelli kompluti huma disponibbli għall-2003 u l-2005 biss), b'medja ogħla fl-Istati Membri l-ġodda.

Il-kodiċijiet-Y għall-iskart skont il-Konvenzjoni ta' Basel intużaw b'mod varjat ħafna fl-Istati Membri; għalhekk tqabbil internazzjonali ma jfisser xejn (ara Taqsima A, Tabella 3, għal eżempji magħżula). Xi Stati Membri, bħad-Danimarka u l-Litwanja, kważi esklussivament irrappurtaw l-iskart miġbur mid-djar (Y46) u r-residwi li jirriżultaw mill-inċinerazzjoni tal-iskart domestiku (Y47).

4. Il-ġarr bil-baħar tal-iskart perikoluż 'il barra mill-Istati Membri

Il-ġarr transkonfinali bil-baħar tal-iskart irid jaddatta għall-prinċipji tal-qrubija li għandhom il-potenzjal iġibu kunflitt f'dak li jikkonċerna l-ġenerazzjoni u t-trattament tal-iskart, l-awtosuffiċjenza fil-livelli Komunitarji u nazzjonali, u r-rimi tal-iskart b'ċertu għaqal. Mhux l-Istati Membri kollha għandhom il-kapaċità suffiċjenti sabiex jamministraw l-iskart tagħhom stess (ara Taqsima B, Tabelli 2 u 3). Xi flussi speċifiċi tal-iskart jeħtieġu faċilitajiet speċjalizzati tat-trattament għall-irkupru jew rimi ekoloġikament vijabbli. Għalhekk, id-dejta dwar il-ġarr transkonfinali bil-baħar tal-iskart perikoluż bejn l-Istati Membri tal-UE hija indikatur tal-livell tal-ġestjoni tal-iskart fi ħdan il-Komunità.

L-Istati Membri kollha apparti Malta ressqu tagħrif dwar il-ġarr bil-baħar 'il barra ("esportazzjoni" fit-tifsira tal-Konvenzjoni ta' Basel) tal-iskart perikoluż għal tal-inqas erba' snin bejn l-2001 u l-2005; id-dejta għall-2005 hija kompluta. Id-dejta li hija disponibbli issa għas-sena 1997 sal-2000 tindika li ċ-ċifri korrispondenti fl-ewwel rapport tal-Kummissjoni kienu għoljin wisq. Dan jista' jkun spjegat bir-riżors iżjed komprensiv tad-dejta, kif ukoll il-korrezjonijiet li saru mill-Istati Membri.

Il-ġarr bil-baħar tal-iskart perikoluż 'il barra mill-Istati Membri juri tendenza ċara. Mill-1997 sal-2001 il-kwantità irduppjat, u reġgħet kważi rduppjat mill-2001 sal-2005. L-ammont totali għall-UE-25 kien 5.6 miljun tunnellata fl-2005, fejn il-parti li nġarret bil-baħar 'il barra mill-UE-10 kienet biss ta' 3 % (ara Taqsima A, Tabella 4).

Fl-2005, l-ikbar "esportatur" kienet b'ċertezza l-Olanda, li rat l-"esportazzjonijiet" tagħha jikbru minn 241,000 tunnellata fl-1997 għal 2.6 miljun tunnellata fl-2005. It-tieni kienet il-Belġju, u warajha hemm l-Italja, Franza u l-Irlanda. Il-Ġermanja, li kienet fl-ewwel post fl-1997 b'601,000 tunnellata, dan l-aħħar irrapurtat ammonti stabbli jew anke li qed jonqsu xi ftit. Il-ġarr bil-baħar 'il barra mill-Ġermanja fl-2005 kien 70% inqas mill-1997. L-Olanda qiegħda wkoll fuq quddiem fir-rigward tal-ġarr bil-baħar tal-iskart 'il barra f'kg minn ras għal ras; warajha eżatt hemm il-Lussemburgu, il-Belġju, l-Irlanda u l-Litwanja (ara Taqsima A, Tabella 5).

L-ewwel rapport tal-Kummissjoni stqarr li l-pajjiżi ż-żgħar se jġorru bil-baħar 'il barra iktar mill-iskart perikoluż tagħhom, għaliex ma kellhomx faċilitatjiet suffiċjenti tat-trattament. Madankollu, l-aħħar ftit snin ma urewx xi tendenza ċara għall-UE-25. Ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Greċja, il-Latvja, il-Polonja u l-Islovakkja ġarrew kwantitajiet sinifikament inqas bil-baħar minn ras għal ras fl-2005, filwaqt li "l-esportazzjonijiet" tal-Italja qegħdin dejjem jiżdiedu.

Fl-2005, 91% tal-iskart perikoluż tal-Komunità ġie trattat fil-pajjiż tal-oriġini. Il-pajjiżi b'rata għolja ħafna ta' "esportazzjoni" ta' madwar 50% kienu l-Lussemburgu, l-Olanda, il-Belġju, l-Irlanda (ara Taqsima A, Ċifra 6), u potenzjalment il-Portugall (ara Taqsima A, Tabella 1 għas-snin 2001 u 2003).

B'differenza mis-sejbiet tar-rapport preċedenti tal-Kummissjoni bejn l-1997 u l-2000, il-perjodu ta' bejn l-1997 u l-2005 indika li l-parti tal-ġarr bil-baħar 'il barra notifikata kemm mill-UE-15 u l-UE-25 għal "skart ieħor" fi ħdan it-tifsira tal-Konvenzjoni ta' Basel (jiġifieri skart tad-djar imħallat u r-residwi tal-inċinerazzjoni) ivarja bejn 40% u 50% (ara Taqsima A, Tabelli 4 u 7).

Wieħed għandu jinnota li għal dawn il-kategoriji tal-iskart f'termini tal-kodiċijiet-Y skont il-Konvenzjoni ta' Basel, ħafna mill-Istati Membri speċifikaw l-iskart "esportat" tagħhom ħafna iżjed eżatt mis-snin ta' qabel. It-taħlita tal-kodiċijiet-Y ("taħlita") baqgħet prattikament ma ntużatx. L-iskart mingħajr speċifikazzjoni ("mhux klassifikat") inġarr bil-baħar 'il barra mill-Ġermanja u mill-Irlanda (ekwivalenti għal iktar minn 50% tal-ġarr bil-baħar tagħhom fl-2005), l-Olanda, Franza, l-Italja, u d-Danimarka (ara Taqsima A, Ċifra 9 u Tabella 9).

Id-dejta speċifika dwar il-ġarr bil-baħar 'il barra minn għaxar pajjiżi tal-UE-15 assenjati l-kodiċijiet-Y juru li ż-żieda temporanja ta' skart "mhux klassifikat" bejn l-1997 u l-2000 ma komplitx u anke ġiet imreġġa' lura, filwaqt li l-grupp Y1-18 żdied b'mod stabbli mill-1997, u fl-2004/2005 diġà kien jirrapreżenta l-ikbar frazzjoni ta' "esportazzjoni" (ara Taqsima A, Ċifra 10 u Tabella 10).

Il-massa tal-iskart perikoluż u skart ieħor li nġarrew bil-baħar 'il barra mill-Istati Membri (kemm l-UE-15 u l-UE-25) ġiet trattata f'operazzjoni ta' rkupru (ara Taqsima A, Tabelli 11 u 12). Fl-2004 u l-2005, 78 % tal-iskart li nġarr bil-baħar fl-UE-15 kien irkuprat. L-ogħla persentaġġi u ammonti totali tal-iskart li nġarr bil-baħar 'il barra għall-irkupru ġejjin mill-Olanda, mill-Ġermanja, mill-Belġju u minn Franza. Fl-2005, il-Portugall, il-Greċja, is-Slovenja u d-Danimarka l-ġarr bil-baħar tal-iskart tagħhom 'il barra kien predominament għar-rimi, għalkemm il-kwantitajiet il-kbar biss mid-Danimarka huma relevanti għall-istatistika tal-UE. L-Italja ġarret bil-baħar iktar minn miljun tunnellata ta' skart 'il barra, 45% minnu għar-rimi. Madankollu, il-parti tal-iskart "esportat" għall-irkupru vs. ir-rimi ma tagħtix indikazzjoni tal-livell tal-ġestjoni tal-iskart tal-Istat Membru, għaliex ħafna mill-iskart jiġi trattat fil-pajjiż tal-oriġini (eż. l-Italja fl-2005, 90%).

Kif diġà intqal fl-ewwel rapport tal-Kummissjoni, il-ġarr bil-baħar tal-iskart perikoluż 'il barra mill-Istati Membri huwa ristrett. L-esportazzjonijiet tal-iskart għar-rimi lejn pajjiżi li mhumiex parti mill-UE/EFTA u tal-iskart perikoluż għall-irkupru lejn pajjiżi li mhumiex parti mill-OECD huma projbiti skont ir-Regolament tal-Ġarr tal-Iskart bil-Baħar, il-ġdid[5]. L-Istati Membri, fir-rapporti tagħhom lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni ta' Basel, ipprovdew tagħrif dwar il-pajjiż destinatarju għall-iskart perikoluż esportat. Skont dawn ir-rapporti, il-maġġoranza vasta tal-iskart perikoluż u skart ieħor li nġarr bil-baħar lil hinn mill-konfini mill-1997 sal-2005 mar fi Stati Membri oħra tal-UE. Bejn l-2000 u l-2005, iktar minn 90% tal-iskart li nġarr bil-baħar baqa' fl-UE-15; tal-inqas 98% tal-ġarr bil-baħar fl-UE-15 mill-2001 kien destinat għall-UE-25 u l-pajjiżi tal-EFTA (ara Taqsima A, Tabella 14). Dan ifisser li l-prinċipji ta' qrubija u l-awtosuffiċjenza kibru fil-popolarità matul dawn l-aħħar snin.

Is-sitwazzjoni fl-Istati Membri l-ġodda hija diffiċli li tivvaluta minħabba l-ammonti konsiderevolment iżgħar tal-iskart li jinġarr bil-baħar (ara Taqsima A, Tabella 7), u l-perjodu iqsar ta' monitoraġġ. Għalkemm fil-medja l-maġġoranza tal-ġarr bil-baħar 'il barra mill-UE-10 fl-2000-2005 mar fil-pajjiżi tal-UE-15, u persentaġġ impressjonanti għoli tal-ġarr bil-baħar mar ukoll mill-UE-10 għall-pajjiżi li mhumiex fl-OECD. L-analiżi tal-futur se turi jekk kienx hemm tendenza ta' reġġiegħ lura mill-adeżjoni tal-UE-10 (kif tindika d-dejta tal-2004/2005) u jekk il-ġarr tal-iskart bil-baħar lejn l-UE-25 qiegħedx jiżdied.

5. Il-ġarr bil-baħar tal-iskart perikoluż għal ġol-Istati Membri

L-Istati Membri kollha apparti Ċipru, il-Litwanja u Malta ssottomettew tagħrif dwar il-ġarr bil-baħar 'il ġewwa ("importazzjoni" fis-sens ta' Basel) ta' skart perikoluż, għalkemm il-kwalità tad-dejta ġenerali kienet b'mod ċar inqas mill-livelli tal-"esportazzjoni". Ftit tagħrif huwa disponibbli dwar l-Istati Membri l-ġodda, għalkemm id-dejta għall-2005 hija kompluta (bl-eċċezjoni tal-pajjiżi msemmija hawn fuq). Bħal fil-każ tal-ġarr bil-baħar 'il barra mill-Istati Membri, il-kwantità ta' skart perikoluż li nġarr bil-baħar għal ġol-Istati Membri żdied ukoll. L-ammont totali rappurtat ta' "importazzjonijiet" kien dejjem terz inqas mill-"esportazzjonijiet", għalkemm meta wieħed iqabbel id-dejta hemm indikazzjoni li d-dejta disponibbli dwar l-"importazzjonijiet" hija plawsibbli. Bħal fil-każ tal-ġarr bil-baħar 'il barra, il-pajjiżi tal-UE-10 għandhom rwol iżgħar (ara Taqsima A, Tabella 15). Fl-2005, ġie rappurtat ġarr bil-baħar ta' 3.5 miljun tunnellata ta' skart perikoluż għal ġewwa l-UE-25.

Bejn l-2000 u l-2005, il-pajjiżi tal-UE li ħadu l-ikbar kwantitajiet ta' skart perikoluż minn barra kienu l-Ġermanja, il-Belġju, Franza u l-Olanda. Il-parti tagħhom tal-iskart kollu li nġarr bil-baħar lejn il-Komunità kienet ta' 80% fl-2005. Fl-2004, l-"importazzjonijiet" fil-Ġermanja qabżu l-miljun tunnellata għall-ewwel darba. Il-Belġju qiegħda fuq quddiem f'dak li jikkonċerna l-ġarr bil-baħar tal-iskart perikoluż minn ras għal ras; warajha hemm l-Olanda, l-Iżvezja, il-Ġermanja u d-Danimarka (ara Taqsima A, Tabella 16). Fost l-Istati Membri b'kwantitajiet ta' "importazzjoni" inqas, il-pajjiżi ż-żgħar huma predominanti, x'aktarx minħabba n-nuqqas ta' kapaċità għar-rimi.

Il-ġarr bil-baħar ta' "skart ieħor" ġewwa il-Komunità ħa l-ikbar parti mill-1999 l'hawn (ara Taqsima A, Tabelli 15 u 17). Madwar 78%, jiġifieri 4.6 miljun tunnellata, tal-ġarr bil-baħar tal-iskart kollu lejn il-Ġermanja fl-2005, kien ikklassifikat bħala "skart ieħor". B'differenza miċ-ċifri tal-UE-25 għall-"importazzjonijiet" u l-"esportazzjonijiet" tal-iskart perikoluż waħdu, iċ-ċifri korrispondenti għall-iskart perikoluż u l-"iskart ieħor" magħqudin flimkien jitqabblu viċin ħafna ta' xulxin (ara Taqsima A, Tabelli 5 u 15, Tabelli 7 u 17).

F'dak li jikkonċerna l-kodiċijiet-Y tal-iskart li nġarr bil-baħar lejn l-Istati Membri, ippredomina l-iskart mingħajr speċifikazzjoni ("mhux klassifikat"); it-taħlita tal-kodiċijiet-Y ("taħlita") kienet għal darba oħra prattikament mhux użata. L-iskart mingħajr speċifikazzjoni nġarr bil-baħar primarjament lejn il-Ġermanja, l-Italja, Franza, l-Iżvezja u r-Renju Unit. Fl-2005, l-iskart "mhux klassifikat" kien jifforma madwar 60 % tal-ġarr bil-baħar kollu lejn il-Komunità, Y1-18 20%, Y19-45 13%, u Y46-47 6% (ara Taqsima A, Tabella 19). Il-kwantità l-kbira ta' skart "mhux klassifikat" tissuġerixxi li l-kodiċijiet-Y li jinsabu fl-Anness I tal-Konvenzjoni ta' Basel mhumiex suffiċjenti biex jiddeskrivu kull fluss possibbli ta' skart perikoluż. Għal din ir-raġuni, il-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta' Basel kkunsidrat fid-Deċiżjoni IV/9 tagħha li l-kodiċijiet fil-lista A tal-Anness VIII u fil-lista B tal-Anness IX għall-Konvenzjoni ta' Basel jipprovdu mezz effiċjenti sabiex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni, filwaqt li l-kwestjonarju ta' Basel jipprovdi l-possibiltà ta' rappurtar ta' dawn il-kodiċijiet. Barra minn hekk, il-Partijiet tal-Konvenzjoni, fid-Deċiżjoni VIII/15 tagħhom, qablu fuq proċedura għar-reviżjoni, jew jekk ikun meħtieġ, l-aġġustar tal-listi msemmija hawn fuq.

Id-dejta, minn għaxar Stati Membri, dwar ġarr bil-baħar tal-iskart 'il ġewwa li ġiet assenjata il-kodiċijiet-Y turi żieda relattivament stabbli għall-gruppi kollha fis-snin bejn l-1997u l-2005. L-ikbar żieda dehret fil-grupp tal-iskart "mhux klassifikat". Dan il-grupp kien responsabbli għal iktar minn nofs l-"importazzjonijiet" mill-2001 l'hawn, primarjament minħabba l-ammonti ta' skart mhux klassifikat lejn il-Ġermanja.

Il-parti l-kbira tal-iskart li nġarr ġewwa l-Istati Membri ġie trattat f'operazzjoni ta' rkupru. Fl-2001-2005, ir-rata ta' rkupru kienet ogħla mis-snin preċedenti; fuq medja 85 % tal-iskart li nġarr bil-baħar ġewwa l-UE-15 kien irkuprat, li jsarraf f'ammont totali ta' madwar 40 miljun tunnellata (ara Taqsima A, Tabella 21). Il-ġarr bil-baħar tal-iskart 'il ġewwa għar-rimi wkoll żdied, għalkemm jibda minn livell ħafna inqas.

Id-dejta disponibbli turi differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri f'dak li jikkonċerna il-persentaġġ ta' rkupru vs. ir-rimi (ara Taqsima A, Ċifra 22). Fl-2005, madwar 38% tal-iskart li nġarr bil-baħar lejn l-Awstrija kien intenzjonat għar-rimi, filwaqt li fil-Finlandja, fil-Lussemburgu u fi Spanja ċ-ċifra kienet attwalment iktar minn 50%. Il-Ġermanja, b'631,000 tunnellata, irrapurtat l-ogħla ammont ta' skart "importat" għar-rimi, għalkemm dan kien isarraf fi 13% biss tal-iskart "importat" fil-Ġermanja fl-2005. Iċ-ċifri għolja msemmija qabel għar-rimi jistgħu jkunu minħabba faċilitajiet tat-trattament partikolari fil-pajjiżi li "jimportaw".

Kif issemma fl-ewwel rapport tal-Kummissjoni, il-ġarr bil-baħar tal-iskart perikoluż ġewwa l-Istati Membri huwa suġġett għal ċerti restrizzjonijiet, għalkemm dawn huma inqas rigorużi mir-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjonijiet. Fir-rapporti tagħhom, l-Istati Membri jipprovdu tagħrif dwar il-pajjiż tal-oriġini tal-iskart perikoluż importat.

Skont dawn ir-rapporti, bejn l-1997 u l-2005 il-maġġoranza assoluta tal-iskart (medja ta' 89% tal-UE-15), li nġarr bil-baħar ġewwa l-Istati Membri ġie minn Stati Membri oħra. Din ir-rata nbidlet biss bi ftit matul il-perjodu kollu. Tal-inqas 96% wasal mill-UE-25 u l-pajjiżi tal-EFTA, filwaqt li 1% biss wasal minn pajjiżi li mhumiex fl-OECD (ara Taqsima A, Tabella 24). Dan huwa skont il-prinċipji ta' qrubija u awtosuffiċjenza fil-livell tal-Komunità.

6. Sommarju u rakkomandazzjonijiet

Abbażi tar-rapporti li waslu mill-Istati Membri, ġew miġbura l-konklużjonijiet li ġejjin:

- Rappurtar

L-Istati Membri ġeneralment ressqu tagħrif suffiċjenti dwar il-ġarr bil-baħar fi, lejn u mill-Komunità. Ir-rata ta' rispons għaż-żewġ kwestjonarji kienet ta' madwar 70%. Għadd relattivament kbir tat-tweġibiet tal-kwestjonarju ta' Basel kien fihom l-iżbalji. Ħafna mir-rapporti waslu minn sena sa sentejn wara s-sena ta' referenza. Apparentament, l-Istati Membri ma qisux l-Artikolu 41(1) tar-Regolament bħala l-limitu taż-żmien li għandu jiġi rispettat.

Il-problemi li ltaqaw magħhom fit-trażmissjoni u l-evalwazzjoni tad-dejta kwantitattiva jixħtu dawl fuq il-ħtieġa ta' approċċ iżjed standard lejn il-ġbir u t-trażmissjoni, li jitqabbel mal-ħtiġijiet tar-Regolament dwar l-Istatistika tal-Iskart. Ma kienx hemm differenzi kbar bejn l-UE-15 u l-UE-10 f'dak li jikkonċerna r-rappurtar tagħhom, għalkemm għall-UE-10 hemm ftit li xejn tagħrif disponibbli dwar il-ġarr bil-baħar 'il ġewwa.

- Kwalità tad-dejta

Il-kwalità tat-tweġibiet kienet varjabbli. Bi ftit eċezzjonijiet, ir-rappurtar dwar l-inċidenti/aċċidenti u/jew il-ġarr bil-baħar illegali ma kienx adegwat. Jidher li dan il-qasam jeħtieġ li jittejjeb ħafna fil-futur.

Il-kwalità ġenerali tad-dejta għall-"esportazzjonijiet" tal-iskart kienet għola mill-"importazzjonijiet"; iżda, meta ġiet mqabbla d-dejta hemm indikazzjoni li d-dejta tal-"importazzjoni" hija wkoll probabbli. Id-dejta għall-2001sal-2006 kienet sinifikament aħjar mill-perjodu preċedenti.

- Klassifikazzjoni tal-iskart

L-Istati Membri użaw l-kodiċijiet-Y għall-iskart skont il-Konvenzjoni ta' Basel b'mod varjat ħafna, u ġie rrapurtat ammont sinifikanti ta' skart "mhux klassifikat". L-Istati Membri użaw kodiċijiet miż-żewġ sistemi differenti tal-klassifikazzjoni tal-iskart flimkien bi tpartit (il-leġiżlazzjoni Ewropea tal-iskart vs. il-Konvenzjoni ta' Basel).

- Ġenerazzjoni tal-iskart

Huwa diffiċli li ssir valutazzjoni tal-iżvilupp kronoloġiku bejn l-2001u l-2006, għaliex xi Stati Membri rrapurtaw żidiet kbar minħabba t-tibdiliet fil-leġiżlazzjoni tal-iskart. L-ammont ta' skart perikoluż iġġenerat mill-UE-15 żdied bi 22% bejn l-2000 u l-2005, jiġifieri b'4% fis-sena. Id-dejta disponibbli tindika li l-ammont ta' skart iġġenerat ġewwa l-UE-25 ma żdiedx b'mod sinifikanti mill-2002 l'hawn.

- Ġarr bil-baħar tal-iskart

Mill-1997 sal-2001, il-ġarr bil-baħar tal-iskart perikoluż 'il barra mill-Istati Membri irdoppja u mill-2001 sal-2005 reġa' kważi irdoppja. L-ammont totali għall-UE-25 fl-2005 kien 5.6 miljun tunnellata. Għalkemm kien hemm dik iż-żieda, 91 % tal-iskart perikoluż tal-Komunità fl-2005 ġie trattat fil-pajjiż tal-oriġini. Il-ġarr bil-baħar 'il ġewwa żdied bl-istess mod u manjiera. Skont ir-rapporti tagħhom, il-pajjiżi tal-UE-10 għandhom rwol żgħir fil-ġarr bil-baħar tal-iskart.

Il-parti l-kbira tal-iskart li nġarr 'il ġewwa bil-baħar ġie trattat f'operazzjoni ta' rkupru. Fl-2001 sal-2005, medja ta' 85% tal-iskart li nġarr bil-baħar għal ġol-UE-15 ġie rkupurat, jiġifieri madwar 40 miljun tunnellata. Il-ftit "importazzjonijiet" kbar tal-UE-15 għar-rimi kienu minħabba l-eżistenza ta' faċilitajiet tat-trattament partikolari fil-pajjiżi tal-"importazzjoni".

Mill-1997 sal-2005, il-maġġoranza vasta tal-ġarr bil-baħar tal-iskart saret ġewwa l-konfini tal-UE. Fl-2000 sal-2005, iktar minn 90% tal-iskart li nġarr bil-baħar baqa' fl-UE-15; tal-inqas 98% tal-ġarr bil-baħar tal-UE-15 mill-2001 mar fl-UE-25 u l-pajjiżi tal-EFTA. Id-dejta għall-ġarr bil-baħar 'il ġewwa tindika li 96% tal-"importazzjonijiet" kollha tal-UE-15 ġew mill-UE-25 u l-pajjiżi tal-EFTA, filwaqt li 1% biss ġie mill-pajjiżi li mhumiex fl-OECD.

[1] Tal-1 ta' Frar 1993 dwar is-superviżjoni u l-kontroll tal-ġarr bil-baħar tal-iskart fi, għal u mill-Komunità Ewropea, ĠU L 30, 6.2.1993, pġ. 1, imħassar bir-Regolament il-ġdid (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta' skart, applikabbli mit-12 ta' Lulju 2007. Dan ir-regolament il-ġdid huwa estraneju għal dan l-istħarriġ.

[2] Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 259/93 tal-1 ta’ Frar 1993 dwar is-superviżjoni u l-kontroll ta’ vjaġġi bil-baħar ta’ skart fi, lejn u mill-Komunità Ewropea. Il-ġenerazzjoni, it-trattament u l-ġarr transkonfinali bil-baħar tal-iskart perikoluż u skart ieħor fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, 1997-2000 {SEC(2006) 1053}, 1.8.2006.

[3] Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/412/KE tal-3 ta' Ġunju 1999, ĠU L 156, tal-23.6.1999, p. 37.

[4] Ara Taqsima D tad-dokument ta' ħidma mehmuż

[5] Ara n-nota fil-qieh 1.

Top