EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009DC0200

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Strateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ : Investiment u Responsabbilizzazzjoni - Metodu miftuħ u mġedded ta’ koordinazzjoni biex jindirizza l-isfidi u l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ {SEC(2009) 545} {SEC(2009) 546} {SEC(2009) 548} {SEC(2009) 549}

/* KUMM/2009/0200 finali */

52009DC0200




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 27.4.2009

KUMM(2009) 200 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LlLL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Strateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ – Investiment u Responsabbilizzazzjoni Metodu miftuħ u mġedded ta’ koordinazzjoni biex jindirizza l-isfidi u l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ {SEC(2009) 545}{SEC(2009) 546}{SEC(2009) 548}{SEC(2009) 549}

1. Introduzzjoni

“Il-futur tal-Ewropa jiddependi miż-żgħażagħ tagħha[1]. Madankollu, l-opportunitajiet tal-ħajja għal ħafna żgħażagħ huma mħassra.” Din hija l-konklużjoni tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-‘Aġenda Soċjali Mġedda’[2] li tfittex li toħloq aktar opportunitajiet għaċ-ċittadini tal-UE, ittejjeb l-aċċess għall-opportunitajiet għal kulħadd kif ukoll turi solidarjetà.

Iż-żgħażagħ huma prijorità tal-viżjoni soċjali tal-Unjoni Ewropea, u l-kriżi attwali żżid il-ħtieġa li jitrawwem il-kapital uman taż-żgħażagħ. Din il-komunikazzjoni twieġeb billi tfassal strateġija għall-ġejjieni tal-politiki għaż-żgħażagħ fl-Ewropa. Din tipproproni Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni (MMK) ġdid u aktar qawwi li jkun flessibbli u ssimplifikat fir-rappurtar tiegħu u jsaħħaħ ir-rabta mal-oqsma politiċi koperti mill-Patt Ewropew għaż-Żgħażagħ fl-Istrateġija ta’ Liżbona għat-Tkabbir u l-Impjiegi. Billi tadotta approċċ intersettorjali, din tinkorpora rispons fuq medda qasira ta’ żmien fi sforz ta’ responsabbilizzazzjoni taż-żgħażagħ fuq medda twila ta’ żmien. L-istrateġija toħloq kundizzjonijiet favorevoli għaż-żgħażagħ biex jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom, jissodisfaw il-potenzjal tagħhom, jipparteċipaw b’mod attiv fis-soċjetà, u jinvolvu ruħhom aktar fil-bini tal-proġett tal-UE. Iż-żgħażagħ mhumiex responsabbiltà diffikultuża iżda riżorsa kritika għas-soċjetà li tista’ tiġi mobilizzata biex jinkisbu għanijiet soċjali ogħla.

2. L-isfidi u l-Opportunitajiet taż-Żgħażagħ tal-Lum

L-Ewropej qegħdin jgħixu aktar fit-tul, qed ikollhom it-tfal aktar tard u ż-żgħażagħ qegħdin jonqsu. Il-grupp ta’ etajiet bejn il-15 u d-29 sena hu mbassar li fl-2050 ikun jirrappreżenta 15,3 % tal-popolazzjoni tal-Ewropa, filwaqt li bħalissa huwa 19,3 %[3]. Dawn il-bidliet demografiċi jaffettwaw lill-familji, lis-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet kif ukoll lit-tkabbir ekonomiku. Il-globalizzazzjoni tista’ ġġib magħha tkabbir u impjiegi, iżda tista’ wkoll toħloq sfidi speċifiċi għal ħaddiema vulnerabbli bħalma huma ż-żgħażagħ, kif uriet il-kriżi[4]. Il-kwistjonijiet dwar il-bidla fil-klima u s-sigurtà tal-enerġija jirrikjedu aġġustamenti fl-imġiba u fl-istili ta’ ħajja tal-ġenerazzjonijiet futuri. Il-kompetenzi ewlenin flessibbli biżżejjed biex jiżviluppaw ħiliet xierqa tul il-ħajja huma vitali, u t-tluq bikri mill-iskola għadu kwistjoni ċentrali.

Iż-żgħażagħ jgħożżu l-ħbiberija, ir-rispett, it-tolleranza u s-solidarjetà u din il-ġenerazzjoni x’aktarx li hija l-aktar edukata, avvanzata teknikament kif ukoll l-aktar mobbli li qatt kien hawn qabel. Madankollu, bħall-bqija tas-soċjetà, dawn iħabbtu wiċċhom ma’ individwaliżmu u pressjonijiet kompetittivi akbar u mhux neċessarjament jaqsmu l-istess opportunitajiet.

Permezz ta’ konsultazzjoni estensiva fl-Ewropa kollha[5], instab li l-isfidi speċifiċi li ġejjin jinsabu fuq quddiem nett fost it-tħassib taż-żgħażagħ: l-edukazzjoni, l-impjieg, l-inklużjoni soċjali u s-saħħa. Jeħtieġ li ż-żgħażagħ tal-Ewropa jkunu attrezzati biex jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet bħall-parteċipazzjoni ċivika u politika, il-volontarjat, il-kreattività, l-intraprenditorija, l-isport u l-impenn globali.

Id-diffikultajiet fl-edukazzjoni, l-impjiegi, l-inklużjoni u s-saħħa, flimkien ukoll mal-problemi fil-finanzi, djar jew trasport, jagħmluha diffiċli għaż-żgħażagħ biex jiksbu l-awtonomija, sitwazzjoni fejn għandhom ir-riżorsi u l-opportunitajiet li jmexxu ħajjithom huma stess, jipparteċipaw bis-sħiħ fis-soċjetà u jiddeċiedu b’mod indipendenti.

3. Il-Ħtieġa għal Qafas Ġdid

3.1. Kooperazzjoni tal-UE

Il-kooperazzjoni bejn iż-żgħażagħ hija qasam politiku tal-UE żviluppat u strutturat sew. Il-programmi tal-UE għaż-żgħażagħ ilhom li ġew implimentati sa mill-1988. Il-proċess politiku kien żviluppat permezz tal-White Paper tal-2001[6] u bħalissa huwa msejjes fuq tliet pilastri:

- Iċ-ċittadinanza attiva taż-żgħażagħ permezz tal-MMK b’erba’ prijoritajiet (parteċipazzjoni, informazzjoni, volontarjat u għarfien aħjar taż-żgħażagħ), għanijiet komuni, rapporti tal-Istati Membri u djalogu strutturat maż-żgħażagħ;

- Integrazzjoni soċjali u professjonali permezz tal-implimentazzjoni tal-Patt Ewropew għaż-Żgħażagħ[7] skont l-Istrateġija ta’ Liżbona, bi tliet prijoritajiet (impjiegi/inklużjoni soċjali, edukazzjoni/taħriġ, rikonċiljazzjoni tax-xogħol u l-ħajja privata). Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Biex jinġieb ’il quddiem is-sehem sħiħ taż-żgħażagħ fl-edukazzjoni, l-impjieg u s-soċjetà”[8] kompliet tipproponi azzjonijiet addizzjonali;

- L-integrazzjoni taż-żgħażagħ f’politiki oħra (bħal antidiskriminazzjoni, saħħa).

3.2. Il-Valutazzjoni tal-Politiki taż-Żgħażagħ

L-Istati Membri ġew ikkonsultati dwar il-qafas attwali u azzjonijiet possibbli fil-ġejjieni. Il-Parlament Ewropew mexxa seduta dwar iż-żgħażagħ fi Frar 2009. Bħala parti mid-djalogu strutturat, kien hemm dibattiti b’eluf ta’ żgħażagħ fl-Ewropa kollha. Ġew organizzati laqgħat mal-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ kif ukoll mal-Kunsilli Nazzjonali taż-Żgħażagħ. Konsultazzjoni onlajn iġġenerat aktar minn 5 000 tweġiba. Ir-riċerkaturi u l-maniġers tal-programm Żgħażagħ Attivi taw ukoll il-fehmiet tagħhom.

B’mod ġenerali, l-MMK jitqies bħala għodda xierqa għall-kooperazzjoni, u l-prijoritajiet tiegħu għadhom rilevanti. Il-qafas ispira leġiżlazzjoni jew strateġiji relatati maż-żgħażagħ fil-livell nazzjonali. Aktar pajjiżi jinvolvu l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ fit-tfassil tal-politika tagħhom. Il-Patt Ewropew għaż-Żgħażagħ għolla l-profil taż-żgħażagħ fi ħdan l-Istrateġija ta’ Liżbona, b’mod partikolari fir-rigward tal-edukazzjoni u l-impjiegi, u nkiseb progress fil-qasam tal-antidiskriminazzjoni u tas-saħħa.

Madankollu, il-qafas – li għandu jiskadi fl-2009 – mhux dejjem ta prova tal-effiċjenza u tal-kapaċità tiegħu li jagħti r-riżultati. Mhuwiex ikkoordinat biżżejjed biex jindirizza l-isfidi kollha. Hemm kunsens għal approċċ trasversali msaħħaħ, kif mitlub mill-Parlament Ewropew f’Dikjarjazzjoni tal-2008 dwar ir-Responsabbilizzazzjoni taż-Żgħażagħ. Id-djalogu strutturat għandu wkoll ikun organizzat aħjar u jiffaċilita involviment akbar ta’ żgħażagħ mhux organizzati, b’mod partikolari dawk b’inqas opportunitajiet.

4. Żgħażagħ – Investiment u Responsabbilizzazzjoni

4.1. Il-Viżjoni tal-UE għaż-Żgħażagħ

Iż-żgħażagħ għandhom jagħmlu l-aħjar użu mill-potenzjal tagħhom. Din il-viżjoni hija indirizzata lil kulħadd, iżda l-azzjonijiet għandhom jiffokaw fuq dawk b’inqas opportunitajiet. Din hi msejsa fuq approċċ dupliċi:

- Investiment fiż-Żgħażagħ l-introduzzjoni ta’ aktar riżorsi biex jiġu żviluppati oqsma ta’ politika li jaffettwaw liż-żgħażagħ fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum u li jtejbu l-benessri tagħhom.

- Responsabbilizzazzjoni taż-Żgħażagħ: il-promozzjoni tal-potenzjal taż-żgħażagħ għat-tiġdid tas-soċjetà u biex jikkontribwixxu għall-valuri u l-miri tal-UE.

Se tkun żviluppata kollaborazzjoni akbar bejn il-politiki taż-żgħażagħ u oqsma oħra ta’ politika bħall-edukazzjoni, l-impjiegi, l-inklużjoni u s-saħħa, bl-attivitajiet taż-żgħażagħ u l-ħidma maż-żgħażagħ ikollhom rwol ta’ appoġġ. L-MMK imġedded fil-qasam taż-Żgħażagħ se jġedded tfassil ta’ politika ‘magħquda’ billi jdaħħal fil-proċessi l-oħra ta’ koordinazzjoni politika l-għarfien espert speċifiku tiegħu, kif ukoll jipprovdi liż-żgħażagħ bl-opportunità li jiġu kkunsidrati u li jsemmgħu leħinhom. Is-sehem tal-UE huwa li tgħin lill-Istati Membri, li huma responsabbli għall-politiki taż-żgħażagħ, jikkooperaw aħjar.

4.2. Strateġija għaż-Żgħażagħ fuq Medda Twila ta' Żmien bi Prijoritajiet għal Medda Qasira ta' Żmien

Fuq il-bażi tal-għarfien attwali tal-qagħda taż-żgħażagħ[9], qed tiġi proposta strateġija ġdida bi tliet miri ġenerali u interkonnessi li huma marbuta mill-qrib ma’ dawk tal-Aġenda Soċjali Mġedda:

- Il-Ħolqien ta’ aktar Opportunitajiet għaż-Żgħażagħ fl-edukazzjoni u l-impjiegi

- It-titjib tal-Aċċess u l-parteċipazzjoni sħiħa taż-żgħażagħ kollha fis-soċjetà

- It-Trawwim tas-Solidarjetà Reċiproka bejn is-soċjetà u ż-żgħażagħ

Għal kull mira, qed jiġu proposti tnejn jew tliet ‘oqsma ta’ azzjoni’ b’għanijiet għall-ewwel tliet snin, 2010-2012. Fi ħdan kull qasam hemm lista ta’ azzjonijiet speċifiċi possibbli li jistgħu jitwettqu mill-Istati Membri u/jew mill-Kummissjoni. L-isfidi u l-opportunitajiet li qed iħabbtu wiċċhom magħhom iż-żgħażagħ tal-lum se jiġu vvalutati u prijoritizzati kull tliet snin biex jiżguraw li jkun hemm flessibbiltà u li l-oqsma ta’ azzjoni jirriflettu l-ħtiġijiet li dejjem jinbidlu tal-ġenerazzjonijiet il-ġodda. Jistgħu jsiru wkoll aġġustamenti ladarba jiġi stabbilit is-segwitu għall-Istrateġija tal-UE għat-Tkabbir u l-Impjiegi lil hinn mill-2010.

4.2.1. Il-Ħolqien ta' aktar opportunitajiet għaż-Żgħażagħ

Qasam ta’ Azzjoni 1 – Edukazzjoni

Kważi 80 % taż-żgħażagħ bejn l-20 u l-24 sena fl-Ewropa temmew l-edukazzjoni sekondarja ogħla. Madankollu, kwart minn dawk li għandhom 15-il sena għandhom livell baxx fl-għarfien tal-qari[10] u sitt miljun żagħżugħ/a jitilqu mill-iskola mingħajr kwalifiki. Il-mobilità akbar tagħmel lill-UE spazju miftuħ għall-iżvilupp ta’ talenti u potenzjali taż-żgħażagħ[11] iżda xorta waħda għadha limitata.

Il-Kummissjoni Ewropea proponiet MMK ġdid għall-Edukazzjoni[12] li jindirizza l-isfidi strateġiċi fuq medda twila ta’ żmien li ġejjin: Tagħlim tul il-Ħajja u Mobilità, Kwalità u Effiċjenza, Ekwità u Ċittadinanza, Innovazzjoni u Kreattività, kif ukoll approċċ ġdid għat-tlaqqigħ tal-ħtiġijiet u l-ħiliet tas-suq tax-xogħol għas-Seklu 21[13]. It-tisħiħ ta’ edukazzjoni formali huwa prijorità ewlenija, iżda l-ħiliet jistgħu jinkisbu barra mill-klassi permezz tal-ħidma maż-żgħażagħ u l-użu ta’ teknoloġiji ġodda.

Għan

B’mod komplimentari mal-edukazzjoni formali, l-edukazzjoni mhux formali għaż-żgħażagħ għandha tkun appoġġjata biex tikkontribwixxi għat-Tagħlim tul il-Ħajja fl-Ewropa, billi tiġi żviluppata l-kwalità tagħha, jiġu rikonoxxuti r-riżultati tagħha, u tiġi integrata aħjar mal-edukazzjoni formali

Azzjonijiet mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni fi ħdan l-oqsma rispettivi ta' kompetenza tagħhom

- Jiżviluppaw opportunitajiet ta’ tagħlim mhux formali bħala waħda mill-firxa ta’ azzjonijiet biex jiġi indirizzat it-tluq bikri mill-iskola

- Jużaw b’mod sħiħ il-firxa ta’ għodod stabbiliti fil-livell tal-UE għall-validazzjoni tal-ħiliet u r-rikonoxximent tal-kwalifiki[14]

- Jippromwovu l-mobilità tat-tagħlim taż-żgħażagħ kollha

- Iħeġġu l-kooperazzjoni bejn dawk li jfasslu l-politika taż-żgħażagħ u dawk responsabbli mill-politika tal-edukazzjoni

- Jindirizzaw l-isterjotipi tas-sessi permezz ta’ sistemi ta’ edukazzjoni formali u mhux formali

- Jagħmlu disponibbli servizzi ta’ gwida u konsulenza ta’ kwalità tajba għaż-żgħażagħ

- Jiżviluppaw strutturi parteċipattivi fi ħdan is-sistema edukattiva kif ukoll kooperazzjoni bejn skejjel, familji u komunitajiet lokali

Il-Kummissjoni se tkompli tiżviluppa l-funzjoni ta’ awtovalutazzjoni tal-Europass, b’mod partikolari għal ħiliet żviluppati f’ambjenti mhux formali u tipprovdi ċertifikati bħalma hu l-Youthpass

Qasam ta’ Azzjoni 2 – Impjiegi

Il-perjodi ta’ tranżizzjoni taż-żgħażagħ mill-edukazzjoni għall-impjiegi saru ferm itwal u kumplessi. Il-qgħad fost iż-żgħażagħ huwa bħala medja mill-inqas darbtejn ogħla minn dak għall-ħaddiema b’mod ġenerali; il-kriżi ekonomika attwali titfa’ pressjoni ulterjuri fuq l-opportunitajiet tas-suq tax-xogħol għaż-żgħażagħ. Dawn jaħdmu ta’ spiss f’xogħlijiet temporanji u ta’ kwalità baxxa u mhumiex imħallsa tajjeb. Il-qgħad fost iż-żgħażagħ ħafna drabi huwa dovut għal nuqqas ta’ ħiliet jew tlaqqigħ ħażin tal-ħiliet. Jinħtieġu sistemi ta’ gwida u konsulenza rigward id-direzzjonijiet tal-kwalifiki kif ukoll opportunitajiet ta’ xogħol fil-ġejjieni.

Il-promozzjoni tal-aċċess għas-suq tax-xogħol u ta’ impjiegi ta’ kwalità kienet prijorità ewlenija tal-Istrateġija ta’ Liżbona għat-Tkabbir u l-Impjiegi u l-Patt Ewropew għaż-Żgħażagħ. Dan il-momentum għandu jinżamm. L-impatt tal-kriżi finanzjarja u ekonomika fuq is-swieq tax-xogħol iżid l-urġenza biex jiġu indirizzati l-impjiegi għaż-żgħażagħ fuq medda qasira u twila ta’ żmien. Il-moviment liberu tal-ħaddiema, li hu rilevanti speċjalment għaż-żgħażagħ fil-bidu tal-karrieri tagħhom, huwa l-qofol tas-Suq Uniku.

L-għanijiet

L-azzjoni politika għall-impjiegi fl-Istati Membri u fil-livell tal-UE għandha tkun ikkoordinata tul l-erba’ komponenti ta’ flessigurtà biex tiffaċilita t-tranżizzjonijiet mill-iskola għax-xogħol jew mill-inattività jew mill-qgħad għax-xogħol. Ladarba tkun fis-seħħ, iż-żgħażagħ għandhom ikunu jistgħu jagħmlu tranżazzjonijiet għal impjiegi aħjar.

Iż-żieda u t-titjib tal-investimenti biex ikun hemm il-ħiliet tajbin għal dawk l-impjiegi li hemm domanda għalihom fis-suq tax-xogħol, bi tlaqqigħ aħjar fuq medda qasira ta’ żmien kif ukoll antiċipazzjoni aħjar fuq medda itwal ta’ żmien tal-ħiliet meħtieġa.

Azzjonijiet mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni fi ħdan l-oqsma rispettivi ta' kompetenza tagħhom

- Jiżguraw li l-impjiegi għaż-żgħażagħ jibqgħu prijorità

- Jippromwovu opportunitajiet professjonali u vokazzjonali transkonfinali għaż-żgħażagħ, inkluża l-familjarizzazzjoni minn kmieni taż-żgħażagħ mad-dinja tax-xogħol

- Jiżviluppaw il-ħidma maż-żgħażagħ bħala riżorsa biex jappoġġjaw il-kapaċità taż-żgħażagħ għall-impjieg

- Iħeġġu l-kooperazzjoni bejn dawk li jfasslu l-politika taż-żgħażagħ u dawk responsabbli mill-politika tal-impjiegi, kif ukoll l-involviment taż-żgħażagħ fil-politika tal-impjiegi

- Jiżguraw li l-fondi tal-UE disponibbli għall-promozzjoni tal-impjiegi għaż-żgħażagħ, b’mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew, jintużaw b’mod effettiv

- Jiżviluppaw miżuri fuq medda qasira ta’ żmien fil-pjanijiet tagħhom ta’ rkupru biex jistimolaw l-impjiegi għaż-żgħażagħ kif ukoll miżuri strutturali favur iż-żgħażagħ

- Jiżviluppaw servizzi ta’ konsulenza u gwida għall-karriera

- Inaqqsu l-ostakoli għall-moviment liberu tal-ħaddiema fl-UE kollha

- Jippromwovu apprendistati ta’ kwalità fi ħdan l-iskemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ u/jew tal-impjiegi

- Itejbu l-kura tat-tfal biex jgħinu r-rikonċiljazzjoni bejn il-ħajja professjonali u dik privata tal-adulti żgħażagħ

Qasam ta’ Azzjoni 3 – Kreattività u Intraprenditorija

It-teknoloġija toffri lill-ġenerazzjoni tal-‘internet’ tal-lum, opportunitajiet ġodda ta’ tagħlim, ħolqien u parteċipazzjoni, filwaqt li ġġib magħha wkoll sfidi fir-rigward tal-privatezza, is-sikurezza tal-internet u l-litteriżmu medjatiku.

L-inkoraġġiment tal-intraprenditorija u l-innovazzjoni għaż-żgħażagħ huwa parti mill-Programm ta’ Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni tal-2007-2013 u l-Qafas Ewropew ta’ Referenza dwar Kompetenzi Ewlenin – li jinkludi l-kultura. Il-kreattività u l-innovazzjoni huma wkoll it-temi għas-Sena Ewropea 2009 kif ukoll waħda mill-isfidi strateġiċi identifikati fl-MMK il-ġdid fl-edukazzjoni u t-taħriġ.

Iż-żgħażagħ għandhom ikunu mħeġġa jaħsbu u jaġixxu b’mod innovattiv u t-talenti taż-żgħażagħ għandhom jiġu rikonoxxuti. Il-kultura tistimola l-kreattività, u l-edukazzjoni intraprenditorjali għandha titqies bħala mezz għall-promozzjoni ta’ tkabbir ekonomiku u impjiegi ġodda kif ukoll sors ta’ ħiliet, parteċipazzjoni ċivika, awtonomija u stima personali.

Għan

L-iżvilupp tat-talenti, il-ħiliet kreattivi, l-inklinazzjonijiet intraprenditorjali u l-espressjonijiet kulturali taż-żgħażagħ għandhom jitħeġġu fost iż-żgħażagħ kollha

Azzjonijiet mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni fi ħdan l-oqsma rispettivi ta' kompetenza tagħhom

- Jiżviluppaw aktar il-fondi tal-bidu u jħeġġu r-rikonoxximent tal-intrapriżi mmexxija miż-żgħażagħ

- Jagħmlu t-teknoloġiji ġodda faċilment disponibbli biex jagħtu s-setgħa lit-talent żagħżugħ u jolqtu l-interess fl-arti u fix-xjenza

- Jippromwovu l-kontribuzzjoni tal-ħidma maż-żgħażagħ għall-kreattività u l-intraprenditorija taż-żgħażagħ

- Twessa’ l-aċċess għal għodod kreattivi, b’mod partikolari dawk li jinvolvu teknoloġiji ġodda

4.2.2. It-Titjib tal-Aċċess u l-Parteċipazzjoni Sħiħa taż-Żgħażagħ fis-Soċjetà

Qasam ta’ Azzjoni 4 – Saħħa u Sport

L-Istrateġija tas-Saħħa tal-UE (2008-2013) tidentifika s-saħħa tat-tfal u taż-żgħażagħ bħala prijorità għal azzjoni, u ġiet ikkonfermata minn Riżoluzzjoni tal-Kunsill[15]. Is-saħħa ta’ ħafna żgħażagħ tinsab f’riskju minħabba raġunijiet ta’ stress, dieta ħażina, nuqqas ta’ eżerċizzju fiżiku, sess mingħajr protezzjoni, tabakk, alkoħol u abbuż mid-drogi. Il-fatturi ambjentali u soċjoekonomiċi usa’ jistgħu wkoll iwasslu għal problemi ta’ saħħa li min-naħa tagħhom jistgħu jostakolaw il-parteċipazzjoni attiva. Għaldaqstant, jeħtieġ li l-ispeċifiċità taż-żgħażagħ fi kwistjonijiet ta’ saħħa tiġi trattata b’mod intersettorjali. Minbarra li jtejjeb is-saħħa fiżika u l-kundizzjoni psikoloġika taċ-ċittadini żgħażagħ, l-isport għandu dimensjoni edukattiva kif ukoll rwol soċjali importanti[16].

Għan

L-inkoraġġiment ta’ stil ta’ ħajja b’saħħitha għaż-żgħażagħ, kif ukoll l-edukazzjoni fiżika, l-attività sportiva u l-kollaborazzjoni bejn ħaddiema responsabbli miż-żgħażagħ, professjonisti tas-saħħa u organizzazzjonijiet sportivi, b’enfasi fuq il-prevenzjoni u t-trattament tal-obeżità, tidrib, vizzji u abbuż minn sustanzi, u ż-żamma tas-saħħa mentali u sesswali.

Azzjonijiet mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni fi ħdan l-oqsma rispettivi ta' kompetenza tagħhom

- Jimplimentaw ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar is-Saħħa u l-Benessri taż-Żgħażagħ u jħeġġu l-kundizzjoni fiżika tajba u l-isport billi japplikaw il-Linji Gwida tal-UE dwar l-Attività Fiżika[17].

- Jippromwovu l-opportunitajiet ta’ taħriġ fil-qasam tas-saħħa għall-ħaddiema responsabbli miż-żgħażagħ u għal dawk responsabbli miż-żgħażagħ

- Iħeġġu l-kooperazzjoni bejn dawk li jfasslu l-politika taż-żgħażagħ u dawk responsabbli mill-politika tas-saħħa, kif ukoll l-involviment taż-żgħażagħ fil-politika tas-saħħa

- Jimmobilizzaw il-partijiet kollha interessati fil-livell lokali biex jagħrfu u jgħinu liż-żgħażagħ li jinsabu f’riskju

- Jiżviluppaw informazzjoni speċifika dwar is-saħħa għaż-żgħażagħ, b’mod partikolari dawk li jinsabu f’riskju ta’ esklużjoni soċjali, u jimmobilizzaw netwerks ta’ informazzjoni għaż-żgħażagħ

- Iħeġġu l-edukazzjoni dwar is-saħħa bejn il-pari fl-iskejjel u fl-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ

Qasam ta’ Azzjoni 5 – Parteċipazzjoni

Il-parteċipazzjoni sħiħa taż-żgħażagħ fil-ħajja ċivika u politika hija sfida li dejjem qed tikber, fid-dawl tad-distakk bejn iż-żgħażagħ u l-istituzzjonijiet. L-implimentazzjoni tal-għanijiet komuni attwali għall-parteċipazzjoni u l-informazzjoni turi li għad hemm lok għal titjib, b’mod partikolari fir-rigward tal-appoġġ tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, il-parteċipazzjoni f’demokrazija rappreżentattiva jew ‘it-tagħlim biex wieħed jipparteċipa’. Dawk li jfasslu l-politiki għandhom jippruvaw jikkomunikaw b’modi li jilħqu liż-żgħażagħ – inkluż dwar kwistjonijiet ċiviċi u Ewropej – b’mod partikolari biex jattiraw żgħażagħ mhux organizzati jew żvantaġġati.

Għan

Li tiġi żgurata l-parteċipazzjoni sħiħa taż-żgħażagħ fis-soċjetà, billi tiżdied il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja ċivika tal-komunitajiet lokali u f'demokrazija rappreżentattiva, billi jiġu appoġġjati l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ kif ukoll diversi forom ta’ ‘tagħlim biex wieħed jipparteċipa’, billi titħeġġeġ il-parteċipazzjoni ta’ żgħażagħ mhux organizzati u billi jingħataw servizzi ta’ informazzjoni ta’ kwalità

Azzjonijiet mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni fi ħdan l-oqsma rispettivi ta' kompetenza tagħhom

- Jiżviluppaw standards ta’ kwalità dwar il-parteċipazzjoni, l-informazzjoni u l-konsulenza taż-żgħażagħ

- Jappoġġjaw aktar, politikament u finanzjarjament, l-organizzazzjonijiet finanzjarji, kif ukoll il-kunsilli nazzjonali u lokali taż-żgħażagħ

- Jippromwovu d-demokrazija elettronika biex jilħqu aktar żgħażagħ mhux organizzati

- Jiżviluppaw aktar l-opportunitajiet għal dibattitu bejn l-istituzzjonijiet Ewropej/nazzjonali u ż-żgħażagħ

Il-Kummissjoni se ġġedded il-Portal Ewropew għaż-Żgħażagħ u tippromwovi involviment akbar taż-żgħażagħ

4.2.3. It-Trawwim tas-Solidarjetà Reċiproka bejn is-Soċjetà u ż-Żgħażagħ

Qasam ta’ Azzjoni 6 – Inklużjoni Soċjali

Jeħtieġ li s-soċjetà turi solidarjetà lejn iż-żgħażagħ, b’mod partikolari dawk li huma żvantaġġati. Fl-2006, wieħed minn kull ħames żgħażagħ ta’ bejn is-16 u l-24 sena kienu jinsabu f’riskju ta’ faqar. L-esklużjoni tista’ tiġi kkawżata mill-qgħad, diżabilità, l-attitudni tal-individwi u s-soċjetà lejn il-migrazzjoni, diskriminazzjoni, saħħa fiżika u/jew mentali, imġiba li twassal għal dipendenza, abbuż, vjolenza fil-familja u rekord kriminali. Din tista’ twassal ukoll għal radikalizzazzjoni u vjolenza.

It-tmiem tat-trażmissjoni interġenerazzjonali tal-faqar u l-esklużjoni jinsab fuq quddiem nett tal-aġenda politika tal-MMK soċjali[18]. Il-problema tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali fost iż-żgħażagħ tinvolvi firxa wiesgħa ta’ oqsma politiċi u teħtieġ azzjoni integrata. F’dan il-kuntest, il-politiki tat-tfal, tal-familji u taż-żgħażagħ huma marbuta flimkien u din il-Komunikazzjoni tikkomplementa l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ‘Lejn Strateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal’[19].

Għan

Il-prevenzjoni tal-faqar u l-esklużjoni soċjali fost gruppi ta’ żgħażagħ żvantaġġati u t-tmiem tat-trażmissjoni interġenerazzjonali tagħhom billi jiġu mobilizzati l-atturi kollha involuti fil-ħajja taż-żgħażagħ (il-ġenituri, l-għalliema, il-ħaddiema soċjali, il-professjonisti tas-saħħa, dawk responsabbli miż-żgħażagħ, iż-żgħażagħ infushom, il-pulizija u l-ġustizzja, min iħaddem…)

Azzjonijiet mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni fi ħdan l-oqsma rispettivi ta' kompetenza tagħhom

- Jindirizzaw kwistjonijiet relatati mal-adoloxxenti u ż-żgħażagħ, b’mod partikolari dawk b’anqas opportunitajiet, fil-politiki tal-ħarsien soċjali u tal-inklużjoni

- Jagħmlu l-aħjar użu mill-Fondi tal-UE u programmi sperimentali biex jappoġġjaw l-integrazzjoni soċjali taż-żgħażagħ

- Jisfruttaw il-potenzjal sħiħ tal-ħdima maż-żgħażagħ u taċ-ċentri komunitarji taż-żgħażagħ bħala mezz ta’ inklużjoni

- Jiżviluppaw għarfien interkulturali u kompetenzi għaż-żgħażagħ kollha

- Iħeġġu l-involviment taż-żgħażagħ fil-politika tal-inklużjoni u l-kooperazzjoni bejn dawk li jfasslu l-politika

- Jirrikonoxxu l-isfidi megħluba minn żgħażagħ żvantaġġati, inkluż permezz ta’ premji speċjali

- Jindirizzaw il-problema tal-persuni bla saqaf, akkomodazzjoni u esklużjoni finanzjarja

- Jippromwovu l-aċċess għal servizzi ta’ kwalità – eż. it-trasport, l-inklużjoni elettronika, is-saħħa u s-servizzi soċjali

- Jippromwovu appoġġ speċifiku għal familji żgħażagħ

Qasam ta’ Azzjoni 7 – Volontarjat

It-turija ta’ solidarjetà lejn is-soċjetà permezz ta’ volontarjat hija importanti għaż-żgħażagħ u hija strument ta’ żvilupp personali, mobilità fit-tagħlim, kompetittività, koeżjoni soċjali u ċittadinanza. Il-volontarjat fost iż-żgħażagħ jikkontribwixxi wkoll b’mod qawwi għas-solidarjetà interġenerazzjonali. Fir-Rakkomandazzjoni riċenti tiegħu, il-Kunsill sejjaħ għat-tneħħija tal-ostakoli għal mobilità transkonfinali għal voluntiera żgħażagħ[20].

Għan

L-appoġġ għall-volontarjat fost iż-żgħażagħ, billi jiġu żviluppati aktar opportunitajiet ta’ volontarjat għaż-żgħażagħ, issir aktar faċli biex wieħed jagħmel xogħol volontarju billi jitneħħew l-ostakoli, jiżdied l-għarfien dwar il-valur tal-volontarjat, jiġi rikonoxxut il-volontarjat bħala forma ta’ edukazzjoni mhux formali u tissaħħaħ mill-ġdid il-mobilità transkonfinali tal-volontarji żgħażagħ

Azzjonijiet mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni fi ħdan l-oqsma rispettivi ta' kompetenza tagħhom

- Isaħħu r-rikonoxximent tal-ħiliet permezz tal-Europass u l-Youthpass

- Jirrikonoxxu l-kontribuzzjonijiet tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ kif ukoll forom mhux strutturati ta’ volontarjat

- Jirriflettu dwar modi biex iħarsu aħjar id-drittijiet tal-voluntiera u jiżguraw il-kwalità fil-volontarjat, u jassoċjaw iż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet tagħhom fl-okkażjoni ta’ Sena Ewropea possibbli tal-Volontarjat (2011)

- Jiżviluppaw strateġiji nazzjonali dwar il-mobilità transkonfinali tal-voluntiera żgħażagħ

- Jiżviluppaw strateġiji nazzjonali għall-promozzjoni tas-solidarjetà interġenerazzjonali permezz tal-volontarjat

Qasam ta’ Azzjoni 8 – Iż-Żgħażagħ fid-Dinja

Iż-Żgħażagħ Ewropej jinsabu mħassba ħafna minħabba l-isfidi globali, bħall-ksur tad-drittijiet fundamentali, id-differenzi ekonomiċi, u d-degradazzjoni ambjentali. Huma jixtiequ juru s-solidarjetà mal-bqija tad-dinja billi jiġġieldu d-diskriminazzjoni, jgħinu lill-oħrajn u jħarsu l-ambjent.

Għan

Li jiġu mobilizzati ż-żgħażagħ fit-tfassil tal-politika globali fil-livelli kollha (lokali, nazzjonali u internazzjonali) billi jintużaw in-netwerks taż-żgħażagħ u l-għodod eżistenti (eż. id-djalogu strutturat) u jiġu indirizzati l-bidla fil-klima u l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp stabbiliti min-Nazzjonijiet Uniti

Azzjonijiet mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni fi ħdan l-oqsma rispettivi ta' kompetenza tagħhom

- Iħeġġu fost iż-żgħażagħ modi ta’ konsum u produzzjoni li jħarsu l-ambjent (eż. riċiklaġġ, konservazzjoni tal-enerġija, vetturi ibridi eċċ.)

- Jippromwovu l-opportunitajiet ta’ intraprenditorija u volontarjat ma’ reġjuni li jinsabu barra mill-Ewropa

- Jappoġġjaw l-iżvilupp tal-ħidma maż-żgħażagħ f’kontinenti oħra

- Iqajmu kuxjenza fost iż-żgħażagħ dwar id-drittijiet fundamentali u kwistjonijiet ta’ żvilupp madwar id-dinja

4.3. Rwol Ġdid għall-Ħidma maż-Żgħażagħ

Il-ħidma maż-żgħażagħ[21] hija forma ta’ edukazzjoni barra mill-iskola li titmexxa minn professjonisti jew volontarji responsabbli miż-żgħażagħ fi ħdan organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, kunsilli lokali, ċentri taż-żgħażagħ, knejjes eċċ., li tikkontribwixxi għall-iżvilupp taż-żgħażagħ. Flimkien mal-familji u ma’ professjonisti oħra, il-ħidma maż-żgħażagħ tista’ tgħin fil-ġlieda kontra l-qgħad, il-falliment fl-iskola, l-esklużjoni soċjali, kif ukoll tipprovdi ħin liberu. Tista’ żżid ukoll il-ħiliet u tappoġġja t-tranżizzjoni miż-żgħożija sal-età adulta. Minkejja li mhijiex ‘formali’, il-ħidma maż-żgħażagħ għandha tiġi professjonalizzata aktar. Il-ħidma maż-żgħażagħ tikkontribwixxi għall-oqsma kollha ta’ azzjoni kif ukoll għall-għanijiet identifikati tagħhom.

Għan

Il-ħidma maż-żgħażagħ għandha tiġi appoġġjata, rikonoxxuta għall-kontribuzzjoni ekonomika u soċjali tagħha, u professjonalizzata

Azzjonijiet mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni fi ħdan l-oqsma rispettivi ta' kompetenza tagħhom

- Jarmaw lill-ħaddiema responsabbli miż-żgħażagħ b’ħiliet professjonali u jippromwovu l-validazzjoni tagħhom permezz tal-istrumenti Ewropej xierqa (Europass, EQF, ECVET)

- Jippromwovu l-ħidma maż-żgħażagħ, fost l-oħrajn, permezz ta’ Fondi Strutturali

- Jiżviluppaw il-mobilità tal-ħaddiema responsabbli miż-żgħażagħ kif indikat fit-Trattat tal-KE

- Jiżviluppaw servizzi innovattivi, pedagoġiji u prattika tal-ħidma maż-żgħażagħ

Il-Kummissjoni se tiżviluppa l-analiżi tagħha tal-impatt ekonomiku u soċjali tal-ħidma maż-żgħażagħ

5. It-twassil tal-viżjoni f’qafas ġdid ta’ kooperazzjoni integrata

5.1. Approċċ Intersettorjali

Il-firxa ta’ kwistjonijiet li jolqtu liż-żgħażagħ titlob approċċi politiċi intersettorjali fil-livell tal-UE u f’dak nazzjonali. Il-politika taż-żgħażagħ ma tistax timxi ’l quddiem mingħajr koordinazzjoni effettiva ma’ setturi oħra. Min-naħa l-oħra, il-politiki taż-żgħażagħ jistgħu jikkontribwixxu għall-kisba tar-riżultati f’oqsma bħall-politika għat-tfal u l-familja, l-edukazzjoni, l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-impjiegi, id-djar u l-kura tas-saħħa.

L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw l-implimentazzjoni ta’ tfassil ta’ politiki intersettorjali fil-livell nazzjonali. Il-kooperazzjoni intersettorjali għandha tiġi żviluppata wkoll ma’ atturi lokali u reġjonali, li huma kruċjali għall-implimentazzjoni ta’ strateġiji taż-żgħażagħ. Il-Kunsill jista’ jipprevedi t-twaqqif ta’ kooperazzjoni bejn formazzjonijiet differenti tal-Kunsill u l-Kummissjoni se ssaħħaħ il-koordinazzjoni interna tagħha permezz ta’ gruppi bejn is-servizzi. Se tingħata attenzjoni biex tiġi evitata r-ripetizzjoni tal-mekkaniżmi eżistenti. Jinħtieġu wkoll bażi ta’ għarfien imtejba kif ukoll tixrid effettiv tal-aħjar prassi.

5.2. Djalogu maż-Żgħażagħ

Id-djalogu strutturat jissorvelja l-implimentazzjoni tal-Istrateġija u huwa spazju għal riflessjoni konġunta dwar il-prijoritajiet tagħha. Bħala parti mill-politiki nazzjonali għaż-żgħażagħ, l-Istati Membri huma mistiedna jorganizzaw djalogu permanenti u regolari maż-żgħażagħ. Bil-kooperazzjoni tar-Rappreżentazzjonijiet tal-Kummissjoni, dan id-djalogu jista’ jinkludi temi dwar l-UE.

Fl-2010 se jitwaqqaf grupp ta’ ħidma li jgħaqqad l-Istati Membri mal-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ biex jirrevedi d-djalogu strutturat (l-involviment tal-kunsilli lokali, reġjonali u nazzjonali taż-żgħażagħ, il-parteċipazzjoni ta’ żgħażagħ mhux organizzati, ir-rwol tal-avvenimenti tal-UE, il-miżuri ta’ segwitu, eċċ.). L-imsieħba soċjali kif ukoll il-partijiet interessati ġodda tal-politika taż-żgħażagħ (bħall-industrija, il-fondazzjonijiet, l-għaqdiet ta’ karità u l-midja mmirata lejn iż-żgħażagħ) se jkunu involuti fejn xieraq.

Huwa propost ċiklu ta’ djalogu strutturat maż-żgħażagħ għal kull sena. It-temi għall-perjodu li jmiss se jkunu deċiżi b’kollaborazzjoni mal-parteċipanti għad-djalogu u jistgħu jkunu:

- Impjiegi għaż-Żgħażagħ (2010)

- Iż-Żgħażagħ u d-Dinja (2011)

5.3. It-Tagħlim bejn il-pari għal Tfassil ta’ Politika Aħjar

Qed jiġu proposti żewġ tipi ta’ proċessi ta’ tagħlim bejn il-pari bejn l-Istati Membri: ‘Seminars ta’ Livell Għoli’ meta l-kooperazzjoni politika hija essenzjali, u ‘Gruppi’ meta jinħtieġ għarfien tekniku. Il-partijiet interessati għandhom ikunu involuti f’dawn l-eżerċizzji ta’ tagħlim bejn il-pari.

Il-proposti għall-perjodu li jmiss

- Seminar ta’ Livell Għoli dwar il-Kooperazzjoni Intersettorjali (2010)

- Grupp dwar il-Ħidma maż-Żgħażagħ (2011)

- Seminar ta’ Livell Għoli dwar il-Volontarjat fost iż-Żgħażagħ (2011)

- Grupp dwar is-Saħħa taż-Żgħażagħ (2012)

- Seminar ta’ Livell Għoli dwar il-Kreattività (2012)

5.4. Implimentazzjoni

L-Istati Membri huma l-forza ewlenija wara l-implimentazzjoni ta’ din l-Istrateġija. L-approċċ intersettorjali kif ukoll it-tisħiħ mill-ġdid tal-għodod tal-MMK għandhom ikunu ta’ għajnuna kbira. Il-laqgħat inawgurali għall-prijoritajiet għandhom jiġu organizzati fil-livell nazzjonali mal-partijiet interessati u ministeri oħra. L-awtoritajiet reġjonali u lokali għandhom ikunu wkoll involuti. Il-koordinazzjoni u l-parteċipazzjoni ta’ atturi rilevanti tul iċ-ċiklu sħiħ ta’ politika huma essenzjali.

Il-laqgħat tad-Diretturi Ġenerali għaż-żgħażagħ għandu jkollhom rwol ewlieni fl-implimentazzjoni tal-qafas ġdid ta’ kooperazzjoni.

5.5. It-Tfassil tal-Politika msejjes fuq l-Evidenza

Għarfien aħjar huwa essenzjali għal politika soda. L-għodod attwali (eż. id-dejta tal-Eurostat, ir-rapporti nazzjonali, iċ-Ċentru Ewropew tal-Għarfien għall-Politika taż-Żgħażagħ (EKCYP), il-Programm ta’ Qafas dwar ir-Riċerka tal-UE) huma l-ewwel pass, kif ukoll ir-rapport triennali dwar iż-Żgħażagħ fl-Ewropa. Teżisti ħtieġa komuni li jinqasmu r-riżultati tar-riċerka u għan-netwerking tar-riċerkaturi madwar l-Ewropa kollha. Il-Kummissjoni tipproponi li:

- Jiġi kkonsolidat l-EKCYP billi jitlestew il-profili tal-pajjiżi

- Jiġu riveduti x-xejriet eżistenti għall-prijoritajiet permezz tal-Eurydice

- Jitfassal sett ta’ indikaturi u kriterji ta’ referenza eżistenti dwar iż-żgħażagħ fl-oqsma tal-edukazzjoni, l-impjiegi, l-inklużjoni u s-saħħa

- Jitwaqqaf Grupp ta’ Ħidma biex jiddiskuti ‘deskritturi’ (indikaturi sempliċi) għall-prijoritajiet ta’ parteċipazzjoni, volontarjat, kreattività u żgħażagħ fid-dinja, kif ukoll għaż-żgħażagħ li telqu mill-iskola, li huma qiegħda jew li mhux qed isegwu xi taħriġ.

- Jitnedew studji dwar:

- “Baby Bonds” - l-użu ta’ fondi miżmuma f’kontijiet fiduċjarji biex isostnu l-awtonomija taż-żgħażagħ aktar tard fil-ħajja (2010)

- L-Impatt Soċjali u Ekonomiku tal-Ħidma maż-Żgħażagħ (2011)

- Il-parteċipazzjoni elettronika taż-żgħażagħ u s-Soċjetà tal-Informazzjoni (2012)

- It-tnedija regolari ta’ Ewrobarometri dwar iż-żgħażagħ

- Jitħeġġeġ l-użu tal-Programm ta’ Qafas dwar ir-Riċerka tal-UE għar-riċerka dwar iż-żgħażagħ kif ukoll miżuri ta’ segwitu.

5.6. Rappurtar Issemplifikat

Kull tliet snin, se jiġi ppreżentat rapport konġunt tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet imsemmija hawn fuq. Dan ikun imsejjes fuq rappurtar simili mill-Istati Membri, akkumpanjat minn ‘Żgħażagħ fiċ-Ċifri’, ħarsa ġenerali lejn il-qagħda taż-żgħażagħ fl-UE preparata bl-għajnuna tal-Istati Membri u tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ. Il-Kummissjoni tirrakkomanda li r-rapporti nazzjonali jiġu ppubblikati.

5.7. Mobilizzazzjoni tal-Programmi u tal-Fondi tal-UE

Il-programm Żgħażagħ Attivi jappoġġja l-politika għaż-żgħażagħ u l-prijoritajiet tagħha, b’mod partikolari l-mobilità transkonfinali, il-volontarjat, il-parteċipazzjoni, il-ħidma maż-żgħażagħ u l-kooperazzjoni politika (eż. it-tagħlim bejn il-pari, id-djalogu strutturat, l-istudji, l-Ewrobarometri u l-għodod ta’ għarfien aħjar). Programmi u fondi oħra joffru wkoll ħafna opportunitajiet għaż-żgħażagħ kollha u dawn għandhom jiġu informati aħjar dwarhom, pereżempju dwar il-programmi Kultura, Tagħlim tul il-Ħajja, PROGRESS, MEDIA, Erasmus għall-Imprendituri Żgħażagħ, il-Programm għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni u l-Fondi Strutturali.

5.8. Kooperazzjoni ma’ Istituzzjonijiet oħra tal-UE u ma’ Organizzazzjonijiet Internazzjonali

Il-Parlament Ewropew jikkontribwixxi regolarment għall-politika taż-żgħażagħ. Il-Kummissjoni tistiednu jirreaġixxi għal din il-Komunikazzjoni u beħsiebha żżomm lill-Parlament aġġornat dwar l-implimentazzjoni tagħha. Il-Kummissjoni beħsiebha wkoll tikkoopera mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u mal-Kumitat tar-Reġjuni fl-oqsma rispettivi tagħhom.

Il-Kummissjoni se tkompli tikkoopera mal-Kunsill tal-Ewropa dwar oqsma ta’ interess komuni, bħall-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ, il-ħidma maż-żgħażagħ u l-għarfien aħjar taż-żgħażagħ.

[1] Li jfisser b’mod ġenerali adoloxxenti u żgħażagħ li għandhom bejn it-13 u t-30 sena. Għal finijiet ta’ statistika, l-istess firxa ma ntużatx dejjem fit-test kollu.

[2] COM(2008) 412

[3] Sors: Eurostat

[4] COM(2009) 34

[5] Ara l-Istima tal-Impatt mehmuża magħha kif ukoll ir-rapporti dwar il-konsultazzjoni

[6] COM(2001) 681

[7] Il-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew, Marzu 2005 (7619/05)

[8] COM(2007) 498

[9] Rapport tal-UE dwar iż-Żgħażagħ 2009

[10] COM(2008) 425

[11] Bħalma huma l-programmi Erasmus u Żgħażagħ Attivi

[12] COM(2008) 865

[13] COM(2008) 868

[14] Dik tal-ewwel hi assigurata permezz ta’ għodod bħall-Europass, l-EQF (Qafas Ewropew għall-Kwalifiki) jew l-ECVET (Krediti Ewropej fl-Edukazzjoni u fit-Taħriġ Vokazzjonali), u din tal-aħħar mid-Direttiva 2005/36/KE.

[15] 2008/C 319

[16] COM(2007) 391

[17] Azzjonijiet Politiċi Rakkomandati b’Sostenn għall-Attività Fiżika li Ttejjeb is-Saħħa, 2008

[18] COM(2008) 418 - COM(2005) 706

[19] COM(2006) 367

[20] 2008/C 319

[21] Terminu użat komunement biex ifisser ħidma maż-żgħażagħ – ‘edukaturi soċjoedukattivi’ hija t-terminu legali għal ‘ħaddiema responsabbli miż-żgħażagħ’, kif imsemmi fl-Artikolu 149(2) tat-Trattat

Top