EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009DC0147

White paper - L-adattament għat-tibdil fil-klima : lejn Qafas Ewropew għall-azzjoni {SEC(2009) 386} {SEC(2009) 387} {SEC(2009) 388}

/* KUMM/2009/0147 finali */

52009DC0147

White paper - L-adattament għat-tibdil fil-klima : lejn Qafas Ewropew għall-azzjoni {SEC(2009) 386} {SEC(2009) 387} {SEC(2009) 388} /* KUMM/2009/0147 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 1.4.2009

KUMM(2009) 147 finali

WHITE PAPER

L-adattament għat-tibdil fil-klima: Lejn Qafas Ewropew għall-azzjoni

{SEC(2009) 386} {SEC(2009) 387} {SEC(2009) 388}

WERREJ

1. Daħla. 3

2. Għalfejn għandna bżonn strateġija għall-adattament? Għaliex fil-livell tal-UE? 4

2.1 L-impatt ta' klima li qed tinbidel 4

2.2 L-argument ekonomiku għal approċċ strateġiku għall-adattament 6

2.3 Għaliex jeħtieġ azzjoni fil-livell tal-UE? 6

3. Il-Qafas propost tal-UE: Għanijiet u Azzjoni 7

3.1 L-iżvilupp tal-bażi tal-għarfien 7

3.2 L-integrazzjoni tal-adattament fil-politiki tal-UE 9

3.2.1 Tqawwija tar-reżistenza tal-politiki tas-saħħa u dawk soċjali 9

3.2.2 Tqawwija tar-reżistenza tal-agrikolutra u tal-foresti 11

3.2.3 It-tisħiħ tar-reżistenza tal-bijodiversità, l-ekosistemi u l-ilma 12

3.2.4 It-tisħiħ tar-reżistenza taż-żoni kostali u marini 13

3.2.5 Tisħiħ tar-reżistenza tas-sistemi ta' produzzjoni u l-infrastruttura fiżika 14

4. Strumenti - finanzjament 15

5. Ħidma bi sħab mal-Istati Membri 16

6. Id-dimensjoni esterna u l-ħidma li għaddejja taħt il-UNFCCC 18

7. Konklużjonijiet - il-passi li jmiss 20

1. Daħla

It-tibdil fil-klima jżid it-temperaturi tal-art u l-baħar u jibdel il-kwantità u l-mudelli ta' preċipitazzjoni, li jirriżulta f'żieda tal-medja globali tal-livell tal-baħar, riskju ta' erożjoni kostali u żieda mistennija fis-severità tad-diżastri naturali relatati mat-temp. Minħabba t-tibdil fil-livelli tal-ilma, tat-temperaturi u l-flussi se jkunu milquta l-provvista tal-ikel, is-saħħa, l-industrija, it-trasport u l-integrità tal-ekosistema. It-tibdil fil-klima se jwassal għall-impatti ekonomiċi u soċjali sinifikanti fejn ċerti reġjuni u setturi x'aktarx li jsofru effetti ħżiena ikbar. Mistennija jsofru iktar ukoll ċerti setturi tas-soċjetà (l-anzjani, il-persuni b'diżabilità u l-familji fqar).

Meħtieġa żewġ tipi ta' tweġibiet sabiex ikun indirizzat it-tibdil fil-klima. L-ewwel, u importanti ferm, jeħtiġilna nnaqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra (GHG) (jiġifieri nieħdu azzjoni ta' taffija), u t-tieni rridu nieħdu azzjoni ta' adattament sabiex ikollna l-ilqigħ mill-impatti li ma nistgħux nevitaw. Il-leġiżlazzjoni tal-UE maqbula riċentament dwar it-tibdil fil-klima timplimenta l-miżuri konkreti sabiex jintlaħaq l-impenn sabiex sal-2020 l-emissjonijiet jonqsu sa 20% inqas mil-livelli tal-1990, u tista’ tiġi emendata sabiex tagħti tnaqqis ta' 30% jekk jinqabel hekk bħala parti minn qbil internazzjonali fejn pajjiżi żviluppati oħrajn jaqblu fuq tnaqqis komparabbli u kontribuzzjonijiet adegwati minn pajjiżi li qed jiżviluppaw li huma ekonomikament iktar avvanzati, abbażi tar-responsabbiltajiet u l-kapaċitajiet tagħhom. Madankollu, anke jekk id-dinja jirnexxielha tillimita u mbagħad tnaqqas l-emissjonijiet GHG, il-pjaneta tagħna se tieħu ż-żmien sabiex tirkupra mill-gassijiet serra li diġà qegħdin fl-atmosfera. Għalhekk se nkunu ffaċċati bl-impatt tat-tibdil fil-klima tal-inqas għall-50 sena li ġejjin. Għalhekk jeħtieġ li nieħdu l-miżuri sabiex nadattaw.

L-adattament qiegħed iseħħ imma biċċa biċċa. Jeħtieġ approċċ iżjed strateġiku sabiex ikun żgurat l-adattament effikaċi u f'waqtu tal-miżuri meħuda, biex b’hekk ikollna l-koerenza fis-setturi u l-livelli kollha differenti ta' governanza.

Din il-White Paper qed tipproponi qafas sabiex tonqos il-vulnerabbiltà tal-UE għall-impatt tat-tibdil fil-klima. Din tibni fuq il-konsultazzjoni wiesgħa varata fl-2007 mill-Green Paper dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima fl-Ewropa[1] u sforzi ulterjuri tar-riċerka li identifikaw l-azzjoni li għandha tittieħed fiż-żmien il-qasir. Il-qafas huwa ddisinjat sabiex jevolvi hekk kif issir disponibbli iktar evidenza. S e jikkumplimenta l-azzjoni mill-Istati Membri u jappoġġja l-isforzi usa' internazzjonali sabiex jadattaw għat-tibdil fil-klima, partikolarment fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. L-UE qed taħdem ma' pajjiżi oħra sħab fil-UNFCCC[2] lejn qbil dwar il-klima lil hinn mill-2012 li se jindirizza kemm l-adattament kif ukoll il-taffija. Il-proposti tal-Kummissjoni f'dan il-kuntest qegħdin stipulati fil-Komunikazzjoni intitolata "Lejn qbil komprensiv dwar it-tibdil fil-klima f'Kopenħagen"[3].

It-tkabbir tal-kapaċità tal-UE li tassorbi l-impatti tat-tibdil fil-klima ifisser ukoll l-opportunità għall-UE sabiex tinvesti f'ekonomija ta' karbonju baxx, per eżempju, billi tippromovi l-effiċjenza fl-enerġija u l-użu ta' prodotti ekoloġiċi. Dan huwa wieħed mill-għanijiet prinċipali tal-Pjan ta' Rkupru Ekonomiku Ewropew, li jispjega t-tweġiba tal-UE għall-kriżi ekonomika, u li jwassalna lejn ekonomija bbażata fuq l-għarfien u l-kreattività. Fl-istess ħin, nistgħu niffaċilitaw it-tibdiliet strutturali bil-modernizzazzjoni tal-infrastruttura Ewropea u nqawwu l-kompettitività tal-ekonomija tagħna.

L-iżvilupp ta' dan il-qafas kien eżerċizzju trażversali u din il-White Paper hija akkumpanjata minn tliet testi settorjali dwar l-agrikoltura[4], is-saħħa[5], u l-ilma, il-kosti u l-kwistjonijiet tal-baħar[6]. Testi settorjali oħra jistgħu jiġu ppreżentati fil-futur.

2. Għalfejn għandna bżonn strateġija għall-adattament? Għaliex fil-livell tal-UE?

2.1 L-impatt ta' klima li qed tinbidel

Is-severità tal-impatti tat-tibdil fil-klima jvarjaw skont ir-reġjun. L-iżjed reġjuni vulnerabbli fl-Ewropa huma n-Nofsinhar tal-Ewropa, il-Baċir tal-Mediterran, ir-reġjuni l-iktar imbiegħda u l-Artiku. Barra minn hekk, qed jiffaċċaw problemi partikolari ż-żoni tal-muntanji, partikolarment l-Alpi, il-gżejjer, iż-żoni kostali u urbani u l-art vulnerabbli għall-għargħar b'densità ta' popolazzjoni għolja. Barra mill-Ewropa, jibqgħu partikolarment vulnerabbli l-pajjiżi li qed jiżviluppaw (inklużi l-istati li huma gżejjer żgħar).

It-tibdil fil-klima se jkollu impatt fuq għadd ta' setturi. It-tibdil fil-klima pproġettat fl- agrikoltura se jaffettwa r-rendiment tal-uċuħ tar-raba’, il-ġestjoni tal-bhejjem u l-lok tal-produzzjoni. Il-probabbiltà dejjem tikber u s-severità ta' avvenimenti estremi tat-temp se żżid konsiderevolment ir-riskju ta' falliment tal-uċuħ tar-raba’. It-tibdil fil-klima se jaffettwa wkoll il-ħamrija bit-tnaqqis tal-materja organika – kontributur prinċipali għall-fertilità tal-ħamrija. L-effetti tat-tibdil fil-klima fuq il- foresti x’aktarx li jinkludu tibdiliet fis-saħħa u l-produttività tal-foresta u tibdiliet fil-firxa ġeografika ta' ċerti speċijiet ta' siġar. It-tibdil fil-klima se jkun stress miżjud fuq is-setturi tas-sajd u l-akkwakultura . L-effetti se jkunu severi wkoll fuq il-kosta u l-ekosistemi marini. Ir-rati tal-erożjoni kostali se jiżdiedu u d-difiżi eżistenti jistgħu ma jipprovdux protezzjoni suffiċjenti. F'dan il-kuntest, il-gżejjer u r-reġjuni l-iktar imbiegħda jeħtieġu kunsiderazzjoni speċjali.

Fis-settur tal- enerġija , it-tibdil fil-klima se jkollu effett dirett kemm fuq il-provvista tal-enerġija kif ukoll id-domanda għaliha. L-impatt ipproġettat tat-tibdil fil-klima fuq il-preċipitazzjoni u t-tidwib tal-glaċieri jindika li l-produzzjoni tal-idroenerġija tista' tiżdied b'5% jew iktar fit-Tramuntana tal-Ewropa u tonqos b'25% jew iktar fin-Nofsinhar tal-Ewropa[7]. It-tnaqqis fil-preċipitazzjoni u l-mewġiet tas-sħana huma mistennija li jkollhom effett negattiv ukoll fuq il-proċess tat-tkessiħ tal-impjanti tal-enerġija termali. Id-domanda għat-tkessiħ fl-aqwa tas-sajf, fejn is-sħana dejjem qed tiżdied, u l-impatti minn avvenimenti tat-temp estremi se jaffettwaw b’mod partikolari d-distribuzzjoni tal-elettriku.

L-avvenimenti estremi tal-klima joħolqu impatti ekonomiċi u soċjali enormi. L-infrastruttura (il-bini, it-trasport, l-enerġija u l-provvista tal-ilma) hija affettwata, u b'hekk qed toħloq theddida speċifika għaż-żoni b'densità ta' popolazzjoni għolja. Is-sitwazzjoni tista' tiħrax biż-żieda fil-livell tal-baħar. Se jkun jeħtieġ approċċ iżjed strateġiku lejn l-ippjanar spazjali u għal żmien twil, kemm fuq l-art kif ukoll fiż-żoni marini, inkluż fit-trasport, l-iżvilupp reġjonali, l-industrija, it-turiżmu u l-politiki tal-enerġija.

It- turiżmu x'aktarx li se jbati mit-tnaqqis ta' kopertura tas-silġ fiż-żoni Alpini u miż-żieda ta' temperatura fir-reġjuni tal-Mediterran. It-tipi ta' turiżmu li mhumiex sostenibbli jistgħu jħarrxu l-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima.

It-tibdil fil-kundizzjonijiet tat-temp se jkollhom effetti profondi wkoll fuq is-saħħa tal-bniedem u s-saħħa tal-animali u l-pjanti . Kif l-avvenimenti estremi jibdew isiru iżjed regolari, l-imwiet u l-mard relatati mat-temp jistgħu jiżdiedu. It-tibdil fil-klima jista' wkoll iżid it-tifrix ta' mard serju u li jittieħed mill-arja li jinfetta, inklużi ż-żoonożi[8]. It-tibdil fil-klima se jhedded il-kwalità tal-ħajja tal-annimali u jista' wkoll ikollu impatt fuq is-saħħa tal-pjanti, billi jiffavorixxi organiżmi ġodda jew il-migrazzjoni ta' organiżmi li jagħmlu l-ħsara, li jista' jkollhom effett ħażin fuq il-kummerċ tal-annimali, il-pjanti u l-prodotti tagħhom.

It-tibdil fil-klima se joħloq tibdil sinifikanti fil-kwalità u d-disponibbiltà tar- riżorsi tal-ilma , u b'hekk jaffettwa ħafna setturi inkluż il-produzzjoni tal-ikel, fejn l-ilma għandu rwol kruċjali. Iktar minn 80% tal-art agrikola tiddependi mix-xita. Il-produzzjoni tal-ikel tiddependi wkoll mid-disponibbiltà tar-riżorsi tal-ilma għall-irrigazzjoni. Id-disponibbiltà limitata tal-ilma diġà toħloq problema f'ħafna partijiet tal-Ewropa u s-sitwazzjoni mistennija tkompli tmur għall-agħar minħabba t-tibdil fil-klima, b'żieda fiż-żoni Ewropej li għandhom nuqqas qawwi tal-ilma mid-19% illum għal 35% sal-2070. Din tista' wkoll tqawwi l-pressjonijiet tal-migrazzjoni.

It-tibdil fil-klima dejjem se jżid l-effett fuq it-telf tal- ekosistemi inklużi l-ekosistemi marini u l-bijodiversità , jaffettwa speċijiet individwali u jkollu impatt sinifikanti fuq l-ekosistemi u s-servizzi relatati tagħhom, li fuqhom tiddependi s-soċjetà. L-ekosistemi għandhom rwol dirett biex jirregolaw il-klima, bl-artijiet tal-pit, dawk mistgħadra u l-baħar fond jiprovdu ħażna sinifikanti tal-karbonju. Barra minn hekk, l-ekosistemi tal-art mistgħadra bl-ilma baħar u d-duni jipprovdu protezzjoni kontra l-maltemp. Se jkunu affetwati wkoll servizzi oħra tal-ekosistema bħall-provvista tal-ilma tax-xorb, il-produzzjoni tal-ikel u l-materjali tal-bini, u l-oċeani jistgħu jiddeterjoraw minħabba l-aċidità. Xi prattiki tal-użu tal-art u deċiżjonijiet dwar l-ippjanar (eż. il-kostruzzjoni fuq art vulnerabbli għall-għargħar), kif ukoll l-użu mhux sostenibbli tal-baħar (eż. wisq sajd) l-ekosistemi u s-sistemi soċjoekonomiċi ġabuhom iżjed vulnerabbli għat-tibdil fil-klima u għalhekk inqas kapaċi li jadattaw.

L- isfida għal dawk li jagħmlu l-politika hija li jifmhu dawn l-impatti tat-tibdil fil-klima u li jiżviluppaw u jimplimentaw politiki sabiex jiżguraw livell ottimu ta' adattament. Mod wieħed sabiex ikollna nilqgħu għall-impatt huwa l-ħolqien ta' strateġiji dwar il-ġestjoni u l-konservazzjoni tar-riżorsi tal-ilma, l-art u dawk bijoloġiċi sabiex jinżammu u jiġġeddu l-ekosistemi b'saħħithom, li jiffunzjonaw b'mod effikaċi u jirreżistu għat-tibdil fil-klima, u jistgħu wkoll jikkontribwixxu għall-prevenzjoni ta' diżastri, kif kien indirizzat riċentament f'Komunikazzjoni tal-Kummissjoni[9]. L-evidenza[10] tissuġerixxi li l-ħidma flimkien mal-kapaċità tan-natura li tassorbi jew tikkontrolla l-impatt fiż-żoni urbani u rurali jistgħu jkunu mod iżjed effiċjenti ta' adattament milli sempliċiment niffukaw fuq l-infrastruttura fiżika. L-Infrastruttura Ekoloġika[11] jista' jkollha rwol kruċjali fl-adattament billi jipprovdu riżorsi essenzjali għal skopijiet soċjali u ekonomiċi taħt kundizzjonijiet klimatiċi estremi. Eżempji jinkludu t-titjib tal-kapaċità tal-ħżin tal-ilma u l-karbonju tal-ħamrija, u l-konservazzjoni tal-ilma fis-sistemi naturali sabiex jelevaw l-effett tan-nixfa u jipprevjenu l-għargħar, l-erożjoni tal-ħamrija u d-deżertifikazzjoni.

Azzjoni (l-UE u l-Istati Membri) Sabiex jippromovu strateġiji li jsaħħu r-reżistenza għat-tibdil fil-klima tas-saħħa, il-propjetà u l-funzjonijiet produttivi tal-art, inter alia billi jtejbu l-ġestjoni tar-riżorsi tal-ilma u l-ekosistemi. |

- 2.2 L-argument ekonomiku għal approċċ strateġiku għall-adattament

Uħud mill-individwi jew l-impriżi (f'setturi bħall-agrikoltura u t-turiżmu) jistgħu jkunu kapaċi jwieġbu għas-sinjali tas-suq jew t-tibdiliet fl-ambjent li jirriżultaw minħabba t-tibdil fil-klima ('adattament awtonomu'). Madankollu, dan l-adattament awtonomu x'aktarx mhuwiex ottimu minħabba l-inċertezza, it-tagħrif mhux perfett jew ukoll ir-restrizzjonijiet finanzjarji. Dan ifisser li ma nistgħux inħallu l-isforzi tal-adattament f'idejn l-individwi jew l-impriżi.

Barra minn hekk, xi azzjonijiet tal-adattament li jittieħdu jistgħu jżidu l-vulnerabbiltà iktar milli jnaqsuha. Xi eżempji ta' dan l-"adattament ħażin" huma l-għoli tal-livell tal-baħar jew l-infrastruttura tal-protezzjoni mill-għargħar li tista' tiddisturba l-karattru dinamiku naturali tas-sistemi kostali u tax-xmajjar, jew it-teknoloġiji tat-tkessiħ jew tal-provvista tal-ilma li jistgħu jżidu l-konsum tal-enerġija.

L-azzjoni preventiva ġġib benefiċċji ċari ekonomiċi, ambjentali u soċjali billi tantiċipa l-impatti potenzjali u tnaqqas it-theddid tal-ekosistemi, is-saħħa tal-bniedem, l-ekonomija u l-infrastruttura. Għalkemm jeħtieġ iżjed tagħrif speċifiku dwar l-infiq għall-adattament, diversi sorsi[12] diġà jindikaw li l-infiq għat-teħid ta‘ azzjoni sabiex ikun indirizzat it-tibdil fil-klima (inklużi l-miżuri ta' taffija u adattament) se jkunu ħafna inqas mill-infiq li jirriżulta min-nuqqas ta' azzjoni matul iż-żmien medju għal dak twil.

2.3 Għaliex jeħtieġ azzjoni fil-livell tal-UE?

Minħabba l-varjabbiltà reġjonali u s-severità tal-impatt tal-klima ħafna mill-miżuri ta' adattment se jittieħdu fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali. Madankollu dawn il-miżuri jistgħu jkunu appoġġati u msaħħa b'approċċ integrat u koordinat fil-livell tal-UE.

L-UE għandha rwol partikolarment b'saħħtu meta l-impatt tat-tibdil fil-klima se jmur lil hinn mill-konfini tal-pajjiżi individwali (eż. il-baċiri tax-xmajjar u l-ibħra u r-reġjuni bijoġeografiċi). L-adattament se jeħtieġ is-solidarjetà[13] fost l-Istati Membri tal-UE sabiex jiżgura li r-reġjuni żvantaġġati u r-reġjuni l-iżjed affettwati mit-tibdil fil-klima jkunu kapaċi jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jadattaw. Barra minn hekk, tkun meħtieġa azzjoni koordinata tal-UE f'ċerti setturi (eż. in-netwerks tal-agrikoltura, l-ilma, il-bijodiversità, is-sajd u l-enerġija) li huma integrati mill-viċin fil-livell tal-UE f'politiki komuni u tas-suq uniku.

L-Artikolu 4 tal-UNFCCC[14] jistipula li għandu jsir kull sforz sabiex ikunu adottati strateġiji ta' adattament nazzjonali u reġjonali. Filwaqt li għadd ta' Stati Membri tal-UE ppreparaw strateġiji ta‘ adattament nazzjonali, oħrajn għadhom iridu jagħmlu dan. L-UE qiegħda f'pożizzjoni tajba sabiex tiffaċilita l-koordinazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri dwar il-klima.

3. Il-Qafas propost tal-UE: Għanijiet u Azzjoni

L- għan tal-Qafas ta' Adattament tal-UE huwa li jtejjeb il-kapaċità tal-UE li tilqa’ għall-impatt tat-tibdil fil-klima. Il-qafas se jirrispetta l-prinċipju ta' sussidjarjetà u l-appoġġ li jeċċedi l-għanijiet tal-UE dwar l-iżvilupp sostenibbli.

Il-qafas tal-UE jadotta approċċ maqsum f'fażijiet. L-intenzjoni hija li fażi 1 (2009-2012) tixħet is-sisien għall-preparazzjoni ta' strateġija komprensiva tal-adattament tal-UE li għandha tkun implimentata fil-fażi 2, li tibda fl-2013.

Fażi 1 se tiffoka fuq erba' pilastri tal-azzjoni: 1) il-bini ta' bażi solida ta' għarfien dwar l-impatt u l-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima għall-UE, 2) l-integrazzjoni tal-adattament fl-oqsma prinċipali tal-politika tal-UE; 3) it-tħaddim ta' għaqda tal-istrumenti tal-politika (strumenti bbażati fis-suq, linji gwida, sħubijiet pubbliċi-privati) sabiex ikun żgurat it-twassil effikaċi tal-adattament u 4) tiżdied il-kooperazzjoni internazzjonali dwar l-adattament. Sabiex fażi 1 tkun suċċess, l-UE, u l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali jridu jikkooperaw mill-viċin.

Il-proposti ppreżentati f'din il-White Paper ikopru l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu fl-ewwel fażi u li huma mingħajr preġudizzji għall-istruttura tal-futur tal-baġit tal-UE u għall-qafas finanzjarju multiannwali kurrenti u tal-futur.

3.1 L-iżvilupp tal-bażi tal-għarfien

Sabiex ikunu jistgħu jittieħdu deċiżjonijiet dwar l-aħjar mod ta' adattament, huwa essenzjali li jkun hemm aċċess għal dejta affidabbli dwar l-impatt probabbli tat-tibdil fil-klima, l-aspetti soċjo-ekonomiċi assoċjati u l-infiq u l-benefiċċji tal-għażliet ta' adattament differenti. Jeħtieġ iżjed għarfien dwar l-impatt tal-klima u l-vulnerabbiltà sabiex ikunu jistgħu jiġu żviluppati t-tweġibiet tal-politika adattata. L-għarfien iġġenerat dwar l-adattament għandu jkun disponibbli wkoll għall-pajjiżi oħra, partikolarment il-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

Diġà jeżisti ammont konsiderevoli ta' tagħrif u riċerka, imma dawn mhumiex maqsuma bejn l-Istati Membri. Mod effikaċi sabiex titjieb il-ġestjoni tal-għarfien ikun wieħed fejn ikun stabbilit Mekkaniżmu ta' Ċentru ta' Skambju ta' Tagħrif bħala għodda tal-IT u bażi tad-dejta dwar l-impatt tat-tibdil fil-klima, il-vulnerabbiltà u l-aħjar prattiki dwar l-adattament. Il-Mekkaniżmu ta' Ċentru ta' Skambju ta' Tagħrif ikun qed jikkontribwixxi għas-Sistema tal-Informazzjoni Ambjentali Kondiviża[15], l-inizzjativa kollaborattiva mill-Kummissjoni Ewropea u l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) sabiex tkun stabbilita mal-Istati Membri sistema ta' tagħrif fuq l-ambjent integrata u maqsuma bejn l-UE kollha[16]. Il-Mekkaniżmu ta' Ċentru ta' Skambju ta' Tagħrif ikun jiddependi wkoll mit-tagħrif ġeografiku pprovdut mill-Monitoraġġ Globali għall-Ambjent u s-Sigurtà (GMES).

Jeħtieġ politika tar-riċerka u l-edukazzjoni favur l-attività sabiex tippromovi ftehim aħjar tal-impatti tat-tibdil fil-klima u l-iżvilupp tal-ħiliet, il-metodi u t-teknoloġiji sabiex inkunu nistgħu nlaħħqu mal-konsegwenzi tal-klima. Dokument tal-Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni[17] riċenti jipprovdi tagħrif dettaljat dwar il-ħtiġijiet tar-riċerka, inkluż l-impatti tat-tibdil fil-klima u l-adattament. Barra minn hekk, it-tibdil fil-klima se jikkostitwixxi kwistjoni importanti għall-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija inawgurat riċentament, li qiegħed jifforma Komunità tal-Għarfien u l-Innovazzjoni dwar it-tibdil fil-klima u l-adattament.

Il-metodi, il-mudelli, is-settijiet tad-dejta u l-għodod tat-tbassir, li jistgħu jsiru realtà bit-teknoloġiji tat-tagħrif u l-komunikazzjoni, jassistu fil-ftehim u t-tbassir tal-impatt tal-klima, fl-identifikazzjoni tal-vulnerabbiltajiet u l-iżvilupp ta‘ miżuri ta' adattament adegwati. Jeħtieġ iżjed xogħol sabiex jiġu żviluppati dawn l-għodod. B'kooperazzjoni mal-Istati Membri, trid issir valutazzjoni tal-vulnerabbiltà matul firxa wiesgħa ta' xenarji tal-klima u fuq skali ġeografiċi differenti sabiex il-miżuri tal-adattament ikunu jistgħu jiġu spjegati bl-iżjed mod preċiż possibbli. Il-Kummissjoni fil-preżent qed teżamina modi ta' titjib tal-monitoraġġ tal-impatti u l-miżuri ta' adattament sabiex jiġu żviluppati l-indikaturi tal-vulnerabbiltà. Jeħtieġ b'urġenza aktar tagħrif ikkwantifikat tal-kost u l-benefiċċji tal-adattament.

Barra minn hekk, il-koordinazzjoni għandha tikber fejn l-Istati Membri ikunu minn ta' quddiem fir-riċerka importanti dwar l-adattament.

Azzjoni (l-UE u l-Istati Membri) Jittieħdu l-passi meħtieġa sabiex sal-2011 ikun stabbilit il-Mekkaniżmu ta' Ċentru ta' Skambju ta' Tagħrif Jiġu żviluppati metodi, mudelli, settijiet tad-dejta u għodod tat-tbassir sal-2011 Jiġu żviluppati indikaturi sabiex isir monitoraġġ aħjar tal-impatt tat-tibdil fil-klima, inkluż l-impatti tal-vulnerabbiltà, u l-progress tal-adattament sal-2011 Valutazzjoni tal-kost u benefiċċji tal-għażliet tal-adattament sal-2011 |

- 3.2 L-integrazzjoni tal-adattament fil-politiki tal-UE

L-adattament jeħtieġ jidħol fil-qalba tal-politiki tal-UE. Dan l-eżerċizzju irid ikun ippreparat bir-reqqa, ibbażat fuq analiżi solida xjentifika u ekonomika. F'kull qasam ta' politika għandu jkun hemm reviżjoni ta' kif il-politiki jistgħu jerġgħu jiġu ffokati jew emendati sabiex jiffaċilitaw l-adattament. L-għażliet tal-adattament se jvarjaw skont is-settur u, f'ċerti każijiet, se jkunu jeħtieġu l-finanzjament. Għal kull settur, jeħtieġ li jsir iżjed xogħol sabiex jitjieb il-fehim tal-impatt tat-tibdil fil-klima, issir valutazzjoni tat-tweġibiet li jixirqu u jiġi żgurat il-finanzjament meħtieġ. Din ir-reviżjoni għandha tinbeda matul l-Fażi 1 (2009-2012).

F'kull żona ta' politika, jeħtieġ li jingħataw risposti għal dawn il-mistoqsijiet prinċipali li ġejjin:

- X'inhuma l-impatti attwali u potenzjali tat-tibdil fil-klima fis-settur?

- X'inhi l-kost tal-azzjoni / nuqqas ta' azzjoni?

- X'impatt għandhom il-miżuri proposti fuq il-politiki tas-setturi l-oħra u kif jirrelataw magħhom?

Minkejja dawn il-mistoqsijiet, fid-dawl tal-impatt proġettat, partikolarment dwar setturi ta' politika prinċipali tal-UE, tkun essenzjali l-azzjoni bikrija dwar l-adattament. Is-setturi ta' hawn taħt huma dawk li għandhom involviment qawwi fil-politika tal-UE li għalihom huma meħtieġa l-istrateġiji tal-adattament li jiddefinixxu it-tipi tal-azzjoni. Għandha tingħata prijorita lill-miżuri ta' adattament li se jiġġeneraw benefiċċji netti soċjali u/jew ekonomiċi irrispettivament mill-inċertezza fit-tbassir tal-futur (miżuri ta' bla xogħfa). Għandha tingħata wkoll prijorità lil miżuri li huma ta' benefiċċju kemm għat-taffija kif ukoll għall-adattament.

3.2.1 Tqawwija tar-reżistenza tal-politiki tas-saħħa u dawk soċjali

L-Istrateġija tas-Saħħa tal-UE[18] tipprevedi azzjoni dwar l-adattament. Filwaqt li l-azzjonijiet prinċipali tal-politika għandhom jittieħdu mill-Istati Membri, l-UE għandha tuża l-miżuri sabiex tassisti lill-Istati Membri skont il-Programm tas-Saħħa tal-UE[19], u bl-użu ta' metodi oħra skont l-Artikolu 152 tat-Trattat[20]. Għandha tesplora mal-aġenziji tad-WHO u tal-UE modi sabiex tkun żgurata s-sorveljanza adegwata u l-kontroll tal-impatt tat-tibdil fil-klima fuq is-saħħa, bħas-sorveljanza epidemjoloġika, il-kontroll tal-mard li jittieħed u l-effett ta' avvenimenti estremi. Aktar dettalji huma pprovduti f'dokument ta' ħidma speċifiku dwar is-saħħa u l-adattament għat-tibdil fil-klima.

L-impatt fuq is-saħħa tal-annimali jrid jiġi indirizzat prinċipalment fuq il-livell tar-razzett imma ukoll f'relazzjoni mad-densità tal-popolazzjoni tal-annimali f'ċerti reġjuni u l-metodi kurrenti tal-moviment tal-annimali ħajjin. L-Istrateġija ġdida tas-Saħħa tal-Annimali għall-Unjoni Ewropea[21] timmira li tagħti prijorita lill-kontroll tal-mard, ittejjeb il-ġbir tad-dejta u tqawwi s-sorveljanza eżistenti tal-mard tal-annimali. Tiffoka fuq il-prevenzjoni tal-mard bħall-bijosigurtà minflok miżuri reattivi u se tikkunsidra kif it-tibdil fil-klima jaffettwa l-okkorenza tal-mard.

Fil-qasam soċjali, hemm evidenza dejjem tiżdied li dawk li għandhom inqas riżorsi huma iżjed vulnerabbli għall-effetti tat-tibdil fil-klima. Huwa vitali għas-suċċess tal-politiki tal-adattament li dawn iqassmu r-responsabbiltajiet b'mod ekwu u li l-impatt fuq ix-xogħolijiet u jitqiesu l-kwalità tal-ħajja tal-gruppi li għandhom dħul baxx. Id-dimensjoni soċjali tal-politiki tal-adattament teħtieġ li tkun segwita fi ħdan il-proċessi tal-UE eżistenti fl-oqsma soċjali u tax-xogħol, u li s-sħab soċjali kollha jeħtieġ li jkunu involuti.

Azzjoni (l-UE u l-Istati Membri) L-iżvilupp ta' linji gwida u mekkaniżmi ta' sorveljanza fuq l-impatti tat-tibdil fil-klima fuq is-saħħa sal-2011. Jiżdiedu s-sistemi tas-sorveljanza eżistenti tal-mard tal-annimali u tal-kontroll. Valutazzjoni tal-impatti tat-tibdil fil-klima u politiki tal-adattament fuq ix-xogħol u fuq il-kwalità tal-ħajja tal-gruppi soċjali vulnerabbli. |

- 3.2.2 Tqawwija tar-reżistenza tal-agrikolutra u tal-foresti

Minħabba li l-maġġoranza tal-art agrikola fl-UE hija amministrata mill-bdiewa, il-Politika Agrikola Komuni (PAK) qiegħda f'pożizzjoni tajba li jkollha rwol ċentrali fil-kontribuzzjoni għall-adattament, mhux biss billi tgħin lill-bdiewa sabiex jadattaw il-produzzjoni tagħhom għas-sitwazzjoni tal-klima li qed tinbidel, imma wkoll billi tipprovdi servizzi usa' tal-ekosistemi li jiddependu mill-ġestjoni speċifika tal-art. F'dan is-sens, l-Istati Membri għandhom ikunu nkoraġġuti sabiex jintegraw l-adattament għat-tibdil fil-klima fi tliet oqsma tal-iżvilupp rurali mmirati lejn it-titjib tal-kompetittività, l-ambjent, u l-kwalità tal-ħajja fiż-żoni rurali. Barra minn hekk, l-applikabbiltà tal-miżuri fuq skala territorjali lill hinn mil-livell tal-farms tkun tista' tiġi eżaminata. Is-Sistema ta' Konsulenza tar-Razzett tista' tintuża sabiex ixxerred l-għarfien u tħeġġeġ l-adozzjoni ta' metodi ġodda tal-ġestjoni tar-razzett u teknoloġiji li jiffaċilitaw l-adattament għat-tibdil fil-klima.

Għandha tingħata iżjed konsiderazzjoni lill-PAK li qed tipprovdi qafas adegwat għall-produzzjoni sostenibbli, b'mod iktar ġenerali, u b'hekk qed tgħin is-settur agrikolu fl-ilqigħ tal-isfidi li qed jinħolqu minħabba l-kundizzjonijiet klimatiċi li qed jinbidlu. Dan se jinvolvi, inter alia, valutazzjoni ta' liema ħtiġijiet ta' kwantità u kwalità tal-ilma għandhom jiġu integrati iżjed fil-fond fl-istrumenti relevanti tal-CAP u kif ukoll it-titjib tal-effiċjenza tal-użu tal-ilma mill-agrikoltura speċjalment fir-reġjuni fejn hemm nuqqas tal-ilma. Tista' tinbeda wkoll riflessjoni dwar l-appoġġ possibbli għall-irziezet li huma partikolarment vulnerabbli għall-impatti tat-tibdil fil-klima. Aktar dettalji jinsabu f'dokument tal-ħidma speċifiku dwar l-agrikoltura u l-adattament għat-tibdil fil-klima. Fi kwalunkwe każ, se jkun hemm il-ħtieġa tal-eżaminazzjoni tal-kontribuzzjoni possibbli tal-PAK għall-adattament għat-tibdil fil-klima fil-kuntest tar-reviżjoni tal-PAK wara l-2013.

Fejn jikkonċerna l-foresti, l-istrateġija tal-forestrija tal-UE tista' tkun aġġornata dwar aspetti relatati mal-klima; fil-qafas tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Foresti tal-UE għandu jiġi varat dibattitu dwar l-għażliet għall-approċċ tal-UE dwar il-protezzjoni tal-foresta u s-sistemi ta' għarfien tal-foresti.

Azzjoni (l-UE u l-Istati Membri) Ikun żgurat li l-miżuri għall-adattament u l-ġestjoni tal-ilma qegħdin fil-qalba tal-istrateġiji u l-programmi tal-iżvilupp rurali nazzjonali għall-2007-2013 Jiġi kkunsidrat kif l-adattament jista' jkun integrat fit-tliet partijiet tal-PAK u jagħtu appoġġ adegwat għall-produzzjoni sostenibbli, inkluż kif il-PAK tikkontribwixxi għall-użu effiċjenti tal-ilma fl-agrikoltura Issir eżami tal-kapaċità tas-Sistema ta' Konsulenza tar-Razzett sabiex tinforza it-taħriġ, l-għarfien u l-adozzjoni ta' teknoloġiji ġodda li jiffaċilitaw l-adattament Tiġi aġġornata l-istrateġija tal-forestrija u jiġi varat dibattitu dwar l-għażliet għall-approċċ tal-UE dwar il-protezzjoni tal-foresta u s-sistemi tal-għarfien tal-foresta |

- 3.2.3 It-tisħiħ tar-reżistenza tal-bijodiversità, l-ekosistemi u l-ilma

Is-servizzi tal-ekosistema bħas-sekwestru tal-karbonju, il-protezzjoni mill-għargħar u l-protezzjoni kontra l-erożjoni tal-ħamrija huma direttament marbuta mat-tibdil fil-klima u l-ekosistemi b'saħħithom huma difiża essenzjali kontra wħud mill-impatti l-iżjed estremi tagħha. Jeħtieġ approċċ komprensiv u integrat lejn iż-żamma u t-titjib tal-ekosistemi u l-għanijiet u s-servizzi li dawn jipprovdu. Għadd ta' Stati Membri żviluppaw inizzjattivi ddisinjati sabiex jipproteġu l-infrastruttura tagħhom ibbażata fl-art u fl-ilma. Il-koordinazzjoni ikbar fil-livell tal-UE tista' twassal għall-benefiċċji addizzjonali.

Dwar l-ilma, għadd ta' politiki eżistenti tal-UE jikkontribwixxu għall-isforzi tal-adattament. Partikolarment, id-Direttiva Kwadru dwar l-Ilma[22] tistabbilixxi qafas legali sabiex tipproteġi u ġġedded l-ilma nadif fl-Ewropa kollha sal-2015 u sabiex tiżgura l-użu sostenibbli tal-ilma għal żmien twil. Il-Pjanijiet Amministrattivi tal-Baċiri tax-Xmajjar li huma mistennija fl-2009 skont id-Direttiva se jqisu l-impatti tat-tibdil fil-klima u l-pjanijiet tal-ġenerazzjoni li jmiss li huma mistennija fl-2015 għandhom ikunu kompletament tajbin għall-klima. Barra minn hekk, it-tibdil fil-klima irid ikun integrat sew fl-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Għargħar[23]. L-implimentazzjoni sħiħa ta' din id-Direttiva mill-Istati Membri tal-UE se tgħin biex tqawwi l-kapaċità u tiffaċilita l-isforzi tal-adattament.

Għall-iskarsezza tal-ilma, il-Kummissjoni se tagħmel valutazzjoni tal-ħtieġa biex tirregola aktar l-istandards tat-tagħmir li juża l-ilma u l-prestazzjoni tal-ilma fl-agrikoltura, fid-djar u fil-bini. Fir-reviżjoni tal-2012 tal-implimentazzjoni tad-Direttiva Kwadru dwar l-Ilma u l-istrateġija tal-Iskarsezza tal-Ilma u n-Nixfa[24], għandha ssir evalwazzjoni tal-għażliet sabiex titjib il-kapaċità tal-ħażna tal-ilma tal-ekosistemi sabiex tiżdid ir-reżistenza kontra n-nixfa u jonqsu r-riskji tal-għargħar. Rakkont iżjed dettaljat dwar il-kwistjonijiet tal-ilma jinsab fid-dokument anness.

Fejn jikkonċerna l-ħabitats, l-impatt tat-tibdil fil-klima irid ukoll jiġi fatturiżżat fil-ġestjoni tan-Natura 2000[25] sabiex tkun żgurata d-diversita ta', u l-konnettività bejn ż-żoni naturali u sabiex tkun tista' issir il-migrazzjoni tal-ispeċijiet u s-sopravvivenza meta jinbidlu l-kundizzjonijiet tal-klima. Fil-futur, jista' jkun meħtieġ li jiġi kkunsidrat l-istabbiliment ta' pajsaġġ permeabbli sabiex titjib l-interkonnettività taż-żoni naturali.

Azzjoni (l-UE u l-Istati Membri) L-esplorazzjoni tal-possibiltajiet sabiex jittejbu l-politiki u jiġu żviluppati miżuri li jindirizzaw it-telf tal-bijodiversità u t-tibdil fil-klima f'manjiera integrata sabiex isir l-aħjar użu tal-benefiċċji ta' flimkien u jkunu evitati r-reazzjonijiet tal-ekosistema li jaċċeleraw it-tisħin globali Jiġu żviluppati linji gwida u sett ta' għodod (gwida u skambju tal-aħjar prattiki) sal-aħħar tal-2009 sabiex ikun żgurat li l-Pjanijiet Amministrattivi tal-Baċiri tax-Xmajjar (RBMP) huma kompletament tajbin għall-klima Jiġi żgurat li t-tibdil fil-klima jitqies fl-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Għargħar. Issir valutazzjoni tal-ħtieġa għall-iktar miżuri sabiex tikber l-effiċjenza tal-ilma fl-agrikoltura, fid-djar u l-bini Jiġi esplorat il-potenzjal għal politiki u miżuri sabiex titjib l-kapaċità tal-ħżin tal-ekosistema għall-ilma fl-Ewropa Jitħejja abbozz ta' linji gwida sal-2010 dwar kif se naffaċċaw l-impatt tat-tibdil fil-klima fejn jikkonċerna l-ġestjoni tas-siti tan-Natura 2000 |

- 3.2.4 It-tisħiħ tar-reżistenza taż-żoni kostali u marini

It-tibdil fil-klima irid jiġi integrat sew ukoll fl-implimentazzjoni tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina[26] li tesiġi l-ilħiq ta' stat tajjeb ambjentali tal-ibħra tal-UE sal-2020. L-implimentazzjoni kompluta ta' din id-Direttiva se tgħin iżżid ir-reżistenza tal-ambjent marin u tiffaċilita l-isforzi għall-adattament.

Huwa neċessarju wkoll approċċ iktar koerenti u integrat għall-ippjanar u l-ġestjoni marittima u kostali. Il-Politika Integrata Marittima se tipprovdi qafas komprensiv sabiex tintegra l-isforzi tal-adattament b'mod koerenti f'politiki u miżuri settorali u speċifiċi. Iridu jiżdiedu l-isforzi sabiex ikun żgurat li d-dispożizzjonijiet tar-Rakkomandazzjoni tal-Ġestjoni Integrata taż-Żona Kostali (ICZM)[27] huma kompletament ripettati u msaħħa. Ir-reviżjoni ta' wara l-varar tal-Mappa tat-Triq għall-Ippjanar Spazjali Marittimu[28] se tinkorpora l-adattament għat-tibdil fil-klima fil-ġestjoni marittima u kostali. Rakkont iżjed dettaljat dwar it-tibdil fil-klima u l-kwistjonijiet marittimi u kostali jinsab fid-dokument anness.

It-tibdil fil-klima huwa wkoll każ ta' pressjoni żejda fuq is-sajd Ewropew u għandu jitqis bil-ħsieb li tkun żgurata s-sostenibbiltà għal żmien twil fil-Politika Komuni tas-Sajd riformata tal-futur.

Sabiex ikun ż gurat approċċ koordinat u integrat għall-adattament fiż-żoni kostali u marini u sabiex jitqiesu l-kwistjonijiet transkonfinali, il-Kummissjoni se tiżviluppa linji gwida għall-aħjar prattiki ta' adattament fiż-żoni kostali u marini.

Azzjoni (l-UE u l-Istati Membri) Jiġi żgurat li l-adattament fiż-żoni kostali u marini jitqis fil-qafas tal-Politika Marittima Integrata, fl-implimentazzjoni tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina u fir-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd. Jiġu żviluppati linji gwida Ewropej dwar l-adattament fiż-żoni kostali u marini |

- 3.2.5 Tisħiħ tar-reżistenza tas-sistemi ta' produzzjoni u l-infrastruttura fiżika

Il-protezzjoni tal-infrastruttura eżistenti u tal-futur mill-impatt tat-tibdil fil-klima se tkun responsabbiltà l-aktar tal-Istati Membri. Madankollu, l-UE xorta waħda għandha rwol importanti fil-promozzjoni tal-aħjar prattika, f'appoġġ għal żvilupp infrastrutturali u kif wkoll fl-iżvilupp tal-istandards għall-kostruzzjoni[29]. It-titjib tar-reżistenza tan-netwerks eżistenti tal-infrastruttura tat-trasport u l-enerġija jeħtieġ approċċ komuni u koordinat għall-valutazzjoni tal-vulnerabbiltà tal-infrastruttura kritika għall-avvenimenti estremi tat-temp. Dan jipprovdi bażi għall-għażliet strateġiċi dwar in-netwerks, sistemi ta' rinforz, u s-sigurtà tal-enerġija, u għaż-żamma ta‘ netwerks u servizzi stabbli tat-trasport. L-adattament għandu jkun ikkunsidrat fil-proċess tar-Reviżjoni Strateġika tal-Enerġija. Il-proġetti tal-infrastruttura li jirċievu l-fondi mill-UE għandhom iqisu kemm dawn huma tajbin għall-klima abbażi tal-metodoloġiji li jridu jiġu żviluppati. Dawn il-metodoloġiji mbagħad jiġu inkorporati fil-linji gwida tat-TEN-T[30], TEN-E[31] u l-Politika tal-Koeżjoni tal-UE. L-implikazzjonijiet li l-valutazzjoni ta' impatt tal-klima issir kundizzjoni għall-investiment pubbliku u privat se jkunu esplorati, kif ukoll il-fattibbiltà li jkunu inkorporati l-kriterji ta' sostenibbiltà - inkluż li jitqis it-tibdil fil-klima - fi standards armonizzati għall-kostruzzjoni, pereżempju bit-twessigħ possibbli jew l-estensjoni tal-Kodiċijiet Ewropej eżistenti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri u l-partijiet interessati għad-definizzjoni ta‘ linji gwida u l-iskambju tal-aħjar prattiki, sabiex tiżgura li se jitqisu l-impatti tat-tibdil fil-klima fl-implimentazzjoni tad-Direttivi dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali (EIA) u tal-Valutazzjoni Strateġika Ambjentali (SEA) u l-politiki tal-ippjanar spazjali.

Azzjoni (l-UE u l-Istati Membri) Jitqiesu l-impatti tat-tibdil fil-klima fil-proċess tar-Reviżjoni Strateġika tal-Enerġija Jiġu żviluppati l-metodoloġiji għall-proġetti tal-infrastruttura li huma tajbin għall-ambjent u jiġi kkunsidrat kif dawn jistgħu jiġu inkorporati fil-linji gwida u gwida dwar l-investimenti tat-TEN-T uTEN-E skont il-politika tal-Koeżjoni fil-perjodu kurrenti Tiġi esplorata l-possibbiltà li l-valutazzjoni tat-tibdil fil-klima ssir kundizzjoni għall-investiment pubbliku u privat Issir valutazzjoni tal-fattibbiltà tal-inkorporazzjoni tal-impatti tal-klima fl-istandards tal-kostruzzjoni, bħall-Kodiċi Ewropej Jiġu żviluppati linji gwida sal-2011 sabiex jiġi żgurat li l-impatti tal-klima qed jitiqiesu fid-Direttivi tal-EIA u s-SEA |

- 4. Strumenti - finanzjament

Ir-Reviżjoni Stern identifikat ir-restrizzjonijiet finanzjarji bħala wieħed mill-fatturi ewlenin ta’ xkiel għall-adattament. It-tibdil fil-klima huwa wieħed mill-prijoritajiet tal-qafas finanzjarju multiannwali kurrenti (2007-2013) u huwa importanti li jkun żgurat li l-fondi disponibbli jintużaw sabiex jirriflettu din il-prijorità. Hemm ambitu għat-titjib tal-bidu tal-azzjoni tal-adattament mill-Istati Membri u sabiex ikun immirat aħjar l-użu tar-riżorsi u strumenti finanzjarji disponibbli. Għandha tingħata attenzjoni sabiex ikun żgurat li l-fondi pubbliċi u l-għajnuna mill-Istat ma joħolqux adattament ħażin.

Il-Pjan addottat riċentament dwar l-Irkupru Ekonomiku Ewropew (EERP) fih għadd ta' proposti relatati mal-investimenti fit-tibdil tal-klima. L-eżempji jinkludu l-modernizzazzjoni tal-infrastruttura Ewropea, il-promozzjoni tal-effiċjenza fl-enerġija fil-bini u l-użu tal-prodotti ekoloġiċi[32]. Dawn il-proposti se jiffaċilitaw iktar l-adattament għat-tibdil fil-klima u r-riżultati tagħhom se jkunu evalwati sabiex ikunu determinati l-ħtiġijiet tal-futur. Dawk l-Istati Membri li qed jikkunsidraw l-investiment fl-infrastruttura bħala tweġiba għall-kriżi ekonomika għandhom jiżguraw li l-inizzjattivi li jirriżultaw qed iqisu kompletament il-ħtiġijiet tal-adattament.

Fis-snin li ġejjin huwa essenzjali li s-setturi rilevanti jiżviluppaw strateġiji u estimi tan-nefqa għall-azzjonijiet tal-adattment sabiex jitqiesu fid-deċiżjonijiet finanzjarji tal-futur.

Jistgħu jkunu esplorati wkoll l-ottimizzazzjoni tal-użu tal-assigurazzjoni u prodotti ta' servizzi finanzjarji oħra. Għandha ssir valutazzjoni jekk ċerti atturi/setturi privati (bħal dawk li jipprovdu s-servizzi pubbliċi, l-infrastruttura kritika) jeħtiġux li jkunu koperti minn assigurazzjoni obbligatorja standard u li hija relatata mat-temp. Fil-każijiet fejn l-assigurazzjoni mhijiex disponibbli, per eżempju għall-bini li jinsab fil-pjani tal-għargħar jistgħu jkunu meħtieġa skemi ta' assigurazzjoni appoġġjati pubblikament. Minħabba l-effetti transkonfinali tat-tibdil fil-klima, jista' jkun hemm benefiċċji fil-promozzjoni ta' assigurazzjoni madwar l-UE kollha kemm hi bil-kontra ta' skemi nazzjonali jew reġjonali.

Fi kwalunkwe qafas ta' adattament, għandha tingħata kunsiderazzjoni għar-rwol speċċjalizzat tal-Istrumenti Bbażati fis-Suq (MBI) u s-sħubiji pubbliċi-privati għandhom ikunu inkoraġġuti bil-ħsieb tal-qsim tal-investiment, riskju, l-ippremjar u r-responsabbiltajiet bejn is-settur pubbliku u dak privat fit-twassil tal-azzjoni ta' adattament. L-eżempji tal-MBI jinkludu skemi ta' inċentiva għal sevizzi ta' protezzjoni tal-ekosistema jew għall-proġetti li jkabbru r-reżistenza tal-ekosistemi u s-setturi ekonomiċi fil-forma tal-Pagamenti għas-Servizzi tal-Ekosistema (PES).

Il-possibbiltà tal-użu ta' dħul iġġenerat mill-irkanti ta' kwoti skont is-sistema ta' kummerċ tal-emissjonijiet tal-gass serra permess tal-Komunità (l-UE ETS) għal skopijiet ta' adattament għandhom jiġu utiliżżati. Id-Direttiva reveduta li tkopri l-iskema mill-2013[33] tipprovdi li tal-inqas 50% tad-dħul ġenerat mill-irkanti ta' kwoti għandhom jintużaw, fost l-oħrajn għall-adattament fl-Istati Membri u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Dan id-dħul addizzjonali se jkun kruċjali għall-qsim tan-nefqa tal-adattament bejn is-settur pubbliku u dak privat.

Azzjoni (l-UE u l-Istati Membri) Isiru estimi tan-nefqa ta' adattament għaż-żoni rilevanti tal-politika sabiex ikunu jistgħu jitqisu fid-deċiżjonijiet finanzjarji tal-futur Jiġi eżaminat iktar fil-fond l-użu potenzjali tal-miżuri tal-fondi innovattivi għall-adattament Jiġi esplorat il-potenzjal għall-assigurazzjoni u prodotti oħra finanzjarji sabiex jikkumplimentaw l-miżuri ta' adattament u sabiex jiffunzjonaw bħala strumenti ta' tqassim tar-riskju Jiġu inkoraġġuti l-Istati Membri sabiex jutiliżżaw id-dħul tal-ETS tal-UE għall-skopijiet ta' adattament |

- 5. Ħidma bi sħab mal-Istati Membri

Il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li toħloq Grupp ta' Tmexxija dwar l-Impatt u l-Adattament (IASG) sabiex tappoġġja il-kooperazzjoni fuq l-adattament u bil-ħsieb li tieħu dan il-qafas il-quddiem, u tipprovdi lis-segretarjat (wara l-evalwazzjoni tas-soltu tal-impatt tal-organizzazzjoni u tar-riżorsi ta' din l-azzjoni). Dan il-grupp se jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri tal-UE involuti fil-formulazzjoni tal-programmi ta' adattament nazzjonali u reġjonali u se jikkonsulta mar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivika u l-komunità xjentifika.

Il-Grupp ta' Tmexxija se jkun appoġġat minn għadd ta' gruppi tekniċi, li se jaħdmu speċifikament fuq l-iżviluppi fis-setturi prinċipali (l-agrikoltura u l-forestrija, il-bijodiversità, l-ilma, l-oċeani u l-ibħra, l-enerġija, is-saħħa, eċċ.).

Il-Grupp ta' Tmexxija se jkollu rwol fl-iżvilupp tal-erba' pilastri identifikati hawn fuq sabiex jgħinu l-iżvilupp tal-istrateġija tal-UE u jippreparaw strateġiji ta' adattament nazzjonali mill-Istati Membri. Il-Grupp ta' Tmexxija se jikkunsidra wkoll il-livell xieraq li fih l-azzjoni tkun implimentata l-aħjar.

Fil-fażi inizjali l-Grupp ta' Tmexxija se jiffoka fuq il-monitoraġġ tal-progress fit-tisħiħ tal-bażi tal-għarfien, partikolarment fil-ħolqien tal-Mekkaniżmu ta' Ċentru ta' Skambju ta' Tagħrif. Il-Grupp ta' Tmexxija se jipprovdi approċċ koordinat għall-bini tal-bażi ta' evidenza tal-impatt tat-tibdil fil-klima, jivvaluta r-riskji tat-tibdil fil-klima għall-UE, l-ambitu għaż-żieda fir-reżistenza tal-klima u n-nefqa tar-riskji u l-opportunitajiet.

Azzjoni (l-UE u l-Istati Membri) Tittieħed deċiżjoni sabiex sal-1 ta' Settembru 2009 jiġi stabbilit Grupp ta' Tmexxija tal-Impatt u l-Adattament (IASG) sabiex tiżdid il-kooperazzjoni dwar l-adattament Jiġi inkoraġġut iktar żvilupp tal-Istrateġiji ta' Adattament Nazzjonali u Reġjonali bil-ħsieb li jiġu kkonsidrati strateġiji ta' adattament mandatorji mill-2012 |

- 6. Id-dimensjoni esterna u l-ħidma li għaddejja taħt il-UNFCCC

Ħafna pajjiżi diġà qed ibatu l-impatt tat-tibdil fil-klima u hemm ħtieġa urġenti sabiex issir ħidma magħhom, partikolarment mal-pajjiżi ġirien u l-iżjed pajjiżi vulnerabbli li qed jiżviluppaw, sabiex titjieb ir-reżistenza tagħhom u l-kapaċità li jadattaw għall-effetti ħżiena. L-adattament għandu jsir ċentrali fil-politiki kollha esterni tal-UE. Fil-politika tal-kummerċ l-adattament għandu jiġi inkorporat, notevolment bil-liberalizzazzjoni tal-kummerċ fl-għanijiet u servizzi ambjentali u fl-elaborazzjoni ta’ Ftehimiet dwar il-Kummerċ Ħieles (FTA). Hemm potenzjal enormi għall-kummerċ ekoloġiku li jista' jikkontribwixxi għat-tkattir tat-tkabbir u joħloq ix-xogħlijiet. L-UE għandha tesplora dan u l-benefiċċji reċiproki relatati fir-relazzjoni mas-sħab prinċipali.

Il-kooperazzjoni esterna tal-UE għandha tagħti kontribut sinifikanti sabiex tippromwovi l-adattament fil-pajjiżi sħab. Il-programmi ta' assistenza finanzjarja bilaterali u reġjonali se jimmiraw sabiex jintegraw il-konsiderazzjonijiet għall-adattament fis-setturi rilevanti kollha. Ir-reviżjoni li għaddejja tal-Istrateġija tal-Integrazzjoni Ambjentali tal-UE se tkun opportunità tajba sabiex tkun enfasizzata l-ħtieġa għall-integrazzjoni tal-ħtiġijiet tal-adattament, kif se tkun ukoll ir-Reviżjoni ta' Nofs iż-Żmien tal-istrateġiji ta' kooperazzjoni tal-KE.

Bil-ħsieb li jingħata appoġġ għall-adattament fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, l-UE qed taħdem flimkien mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex jiffaċilitaw politiki ta' adattament effikaċi. L-Alleanza Globali dwar it-Tibdil fil-Klima (GCCA) ġiet varata fl-2008. L-UE se tappoġġja l-pajjiżi li qed jiżviluppaw bis-saħħa tal-GCCA u programmi oħra partikolarment fl-Inqas Pajjiżi Żviluppati u l-Istati li huma Gżejjer Żgħar li qed Jiżviluppaw.

Fil-UNFCCC, l-UE elenkat proposti ambizzjużi sabiex trawwem l-adattament fil-qbil globali ta' wara l-2012, notevolment bl-użu tal-Qafas komprensiv għall-Azzjoni dwar l-Adattament (FAA) [34].

Il-politika esterna tal-UE għandha wkoll tagħti kontribut sostanzjali għall-adattament, bl-użu tal-ġestjoni tal-ilma (l-Inizzjattiva tal-Ilma tal-UE u l-Faċilità tal-Ilma UE-ACP), l-agrikoltura, il-bijodiversità, il-foresti, id-deżertifikazzjoni, l-enerġija, is-saħħa, il-politika soċjali (inkluż il-kwistjonijiet tal-ġeneru), ir-riċerka, l-erożjoni kostali, it-tnaqqis tar-riskju tad-diżastri[35], tal-aħħar huwa parti essenzjali tal-adattament b'suċċess.

Jekk ma jseħħx adattament, jista' jkun hemm implikazzjonijiet ta' sigurtà. L-UE għalhekk qed issaħħaħ l-analiżi u s-sistemi ta' twissija bikrija tagħha u tintegra t-tibdil fil-klima fl-għodod eżistenti bħal mekkaniżmi tal-prevenzjoni tal-konflitti u r-riforma tas-settur tas-sigurtà. L-effetti tat-tibdil fil-klima dwar il-flussi tal-migrazzjoni għandhom jitqisu wkoll fir-riflessjoni fil-wesgħa tal-UE dwar il-politiki tas-sigurtà, l-iżvilupp u l-migrazzjoni.

Azzjoni (l-UE u l-Istati Membri) Jiżdiedu l-isforzi sabiex l-adattament isir ċentrali fil-politiki esterni kollha tal-UE Jissaħħah id-djalogu mal-pajjiżi sħab dwar il-kwistjonijiet tal-adattament Jittieħed il-quddiem il-Qafas għall-Azzjoni tal-Adattament fil-UNFCCC |

- 7. Konklużjonijiet - il-passi li jmiss

L-adattament se jkun proċess twil u kontinwu. Se jopera fuq il-livelli kollha u jeħtieġ koordinazzjoni mill-viċin mal-partijiet interessati. L-UE se tappoġġa l-isforzi ta' adattament internazzjonali u nazzjonali filwaqt li tiżgura li hemm riżorsi adegwati għall-azzjoni ta' adattament effiċjenti u ta’ nfiq effikaċi sabiex tipprovdi bażi sostenibbli u soda għall-ġenerazzjonijiet tal-futur. Il-Kummissjoni se tirrevedi regolarment il-progress tal-implimentazzjoni tal-ewwel fażi tal-qafas għall-azzjoni identifikata f'din il-White Paper bil-ħsieb li tiżviluppa strateġija tal-adattament komprensiva mill-2013.

[1] COM(2007) 354.

[2] Il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC).

[3] COM(2009) 39, 28.1.2009.

[4] SEC(2009)417.

[5] SEC(2009)416

[6] SEC(2009)386

[7] EEA-JRC-WHO – L-Impatti tal-Klima li qed Tinbidel fl-Ewropa – 2008 Rapport ta' valutazzjoni abbażi tal-indikaturi 4/2008.

[8] Iż-żoonożi huma mard li jistgħu jiġu trażmessi mill-annimali għall-bnedmin.

[9] COM(2009) 82: Approċċ Komunitarju dwar il-prevenzjoni tad-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem.

[10] Ara Il-Valutazzjoni tal-Impatt L-Approċċ tal-Infrastruttura Ekoloġika, kapitolu 4.1, paġna 29.

[11] L-Infrastruttura Ekoloġika hija n-netwerk interkonnetjat ta' żoni naturali li jinkludu xi art agrikola, bħall-modijiet ekoloġiċi, l-artijiet mxarba, parks, riservi tal-foresta u komunitajiet indiġini tal-pjanti, u żoni marini li jirregolaw b'mod naturali l-flussi tal-maltemp, ir-riskju tal-għargħar, u l-kwalità tal-ilma, l-arja u l-ekosistema.

[12] L-Aspetti Ekonomiċi tal-Adattament għat-Tibdil fil-Klima (OECD, 2008) u Ir-Reviżjoni Stern dwar l-Ekonomiji tat-Tibdil fil-Klima, (HM Treasury, 2006).

[13] L-Artikolu 2 tat-Trattati tal-UE.

[14] L-Artikolu 4 jistipula li l-Partijiet Kollha, filwaqt li jqis ir-responsabbiltajiet komuni imma differenti minn xulxin tagħhom u l-prijoritajiet tal-iżvilupp speċifiċi reġjonali u nazzjonali tagħhom, l-oġġettivi u ċ-ċirkustanzi għandhom ... (b) .... Jifformulaw, jimplimentaw, jippubblikaw u jaġġornaw regolarment il-programmi nazzjonali, u fejn jixraq, dawk reġjonali li fihom il-miżuri sabiex jittaffa t-tibdil fil-klima billi jkunu indirizzati l-emissjonijiet antropoġeniċi minn sorsi u t-tneħħija rregolarizzata flimkien tal-gassijiet serra kollha li mhumiex ikkontrollati mill-Protokol ta' Montreal, u l-miżuri sabiex ikun iffaċilitat l-adattament adegwat tat-tibdil fil-klima.

[15] COM(2008) 46.

[16] Il-Mekkaniżmu ta' Ċentru ta' Skambju ta' Tagħrif ikun marbut ma' repożitorji oħra tad-dejta bħan-Netwerk Ewropew tal-Osservazzjoni Marina u d-Dejta, l-Osservatorju tan-Nixfa, is-Sistema ta' Tagħrif Ewropea dwar in-Nirien tal-Foresti, u l-EuroHeat (għodda ta' probabbiltà dwar il-mewġ tas-sħana). Il-Mekkaniżmu jkun jeħtieġ l-appoġġ sħiħ u l-parteċipazzjoni attiva tal-Istati Membri. Organizzazzjonijiet oħra bħall-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija jistgħu jikkontribwixxu għall-Mekkaniżmu ta' Ċentru ta' Skambju ta' Tagħrif.

[17] Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni SEC (2008) 3104.

[18] Il-White Paper Flimkien għas-Saħħa COM(2007)630

[19] Id-Deċiżjoni Nru°1350/2007/KE, 23.10.2007, ĠU L301.

[20] L-Artikolu 152 jistqarr li "livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa umana għandu jkun assigurat fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji u l-attivitajiet kollha Komunitarji.

[21] COM(2007) 539.

[22] Id-Direttiva 2000/60/KE.

[23] Id-Direttiva 2007/60/KE.

[24] COM(2007) 414 finali

[25] Natura 2000 huwa netwerk fil-wisa' tal-UE taż-żoni ta' konservazzjoni tan-natura stabbiliti skont id-Direttivi tan-natura tal-UE.

[26] Id-Direttiva 2008/56/KE

[27] Ir-Rakkomandazzjoni tat-30 ta' Mejju 2002

[28] COM(2008) 791

[29] Il-Kodiċi Ewropej huma sett ta' kodiċijiet internazzjonali unifikati għad-disinn tal-bini u l-istrutturi tal-inġenerija ċivika, li eventwalment se jieħdu post il-kodiċi internazzjonali. Ara r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/887/KE.

[30] Netwerk Trans-Ewropew għall-Programm tat-Trasport Il-vulnerabbiltà tat-TEN-T għat-tibdil fil-klima u l-ħtieġa għall-miżuri potenzjali ta' adattament hija parti mid-dibattitu varat mill-Kummissjoni Ewropea bl-adozzjoni tal-4 ta' Frar 2009 tal-Green Paper dwar it-'Ten-T: Reviżjoni tal-politika', COM(2009)44 finali.

[31] Netwerks Trans-Ewropej tal-Enerġija Ara l-Green Paper "Lejn in-netwerks tal-Enerġija Ewropej siguri, sostenibbli u kompetittivi" COM(2008)782 finali.

[32] VAT Ekoloġika, ħtiġijiet tal-prestazzjoni ambjentali, miżuri tal-iffrankar tal-enerġija.

[33] Għandha tiġi adottata fl-2009.

[34] L-elementi varji tal-Qafas tal-UE għall-azzjoni dwar l-Adattament (FAA) qegħdin spjegati fil-Komunikazzjoni, Lejn ftehim komprensiv dwar it-tibdil fil-klima f'Kopenħagen, COM(2009) 39, 28.01.2009.

[35] Il-Komunikazzjoni dwar Approċċ Komunitarju dwar il-prevenzjoni tad-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem, COM(2009)82.

Top