EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009DC0085

Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew - Ir-Reġjun Amministrattiv Speċjali tal-Makaw: Rapport Annwali 2008

/* KUMM/2009/0085 finali */

52009DC0085

Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew - Ir-Reġjun Amministrattiv Speċjali tal-Makaw: Rapport Annwali 2008 /* KUMM/2009/0085 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 26.2.2009

KUMM(2009) 85 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Ir-Reġjun Amministrattiv Speċjali tal-Makaw: Rapport Annwali 2008

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Ir-Reġjun Amministrattiv Speċjali tal-Makaw: Rapport Annwali 2008

Sommarju Eżekuttiv

Disa' snin wara r-retroċessjoni, l-implimentazzjoni tal-kunċett ‘pajjiż wieħed/żewġ sistemi’ għall-Makaw baqgħet sodisfaċenti, u jippromwovi s-soċjetà unika, l-istil ta’ għajxien, l-istat tad-dritt u l-libertajiet fundamentali tiegħu. Fl-2008, il-kooperazzjoni mal-UE, mrawma minn approċċ prammatiku miż-żewġ naħat, baqgħet issir iktar profonda. Il-kooperazzjoni ser tkun imtejba iktar mill-Programm tal-Informazzjoni dwar in-Negozju tal-Unjoni Ewropea. L-irkupru eċċezzjonali tal-ekonomija tal-Makaw mill-2002 dovut l-iktar għall-liberalizzazzjoni u l-ispinta li rriżultat fis-settur tal-każinò u l-aċċess privileġjat għas-swieq tal-Makaw kontinentali hi fil-perikolu minħabba l-kriżi finanzjarja globali. Il-gvern tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali (RAS) tal-Makaw hu konxju sew mill-isfidi li qed jaffaċċja fis-setturi soċjali, ambjentali u amministrattivi. Dawn l-isfidi jiffurmaw l-aġenda għall-involviment tiegħu mal-ġirien tar-reġjun tal-Pearl River Delta kif ukoll għar-rabtiet internazzjonali, b'mod partikolari l-kooperazzjoni tiegħu mal-UE.

Introduzzjoni

Issa għaddew disà snin minn mindu l-Makaw sar Reġjun Amministrattiv Speċjali tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Il-Kummissjoni ħadet impenn fl-1999 biex toħroġ rapporti annwali dwar l-iżviluppi fir-Reġjun Amministrattiv Speċjali tal-Makaw (RAS). Dan ir-rapport ikopri s-sena 2008.

Ir-rijunifikazzjoni tal-Makaw maċ-Ċina kontinentali hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ ‘pajjiż wieħed / żewġ sistemi’ stabbilita fil-Liġi Bażika tal-Makaw, li kienet adottata mill-Kungress Nazzjonali tal-Poplu tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina fl-1993. Il-Liġi Bażika tiggarantixxi li s-sistema preċendenti tal-Makaw, l-ambjent tan-negozju tiegħu, l-istat tad-dritt u l-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali mhux ser jinbidlu għal 50 sena Dan il-prinċipju baqa' jaħdem sew fir-RAS tal-Makaw.

Żviluppi politiċi u ekonomiċi

L-2008 kienet sena diffiċli għar-Reġjun Amministrattiv Speċjali tal-Makaw, minkejja l-fatt li gawda minn tkabbir ekonomiku ta' iktar minn medja ta' 20% f'dawn l-aħħar ħames snin, wara l-liberalizzazzjoni tar-reġim tal-logħob. L-ispinta ta' ekonomija mmexxija mill-każinojiet fil-Makaw għamlet dan il-pajjiż wieħed mill-iktar postijiet sinjuri fl-Ażja. Għall-2007, il-PGD per kapita (US$ 36.357) kien iktar mid-doppju ta' dak tal-2003 (US$ 17.805).

L-ekonomija tal-Makaw kibret bi 33% fl-ewwel kwart tal-2008, bbażżata fuq dħul qawwi mill-logħob, li jirrappreżenta madwar żewġ terzi tal-PGD. Madankollu, it-tkabbir naqas għal 22% u 11% fiż-żewġ kwarti ta' wara rispettivament. L-Investiment fil-kostruzzjoni u l-makkinarju naqas ukoll b'mod partikolari wara t-tlestija gradwali tal-proġetti ta' kostruzzjoni ta' skala kbira. L-esportazzjonijiet ta' oġġetti baqgħet tonqos minħabba l-kummerċ tat-tessuti li qed jonqos li għadu jirrappreżenta madwar 60% tal-esportazzjonijiet totali tal-Makaw.

L-ekonomija tal-Makaw laħqet impjieg sħiħ minħabba l-impjieġi ġġenerati mis-settur tal-logħob (ir-rata tal-qgħad kienet 3.1% fit-tielet kwart tal-2008). Iżda t-tkabbir ekonomiku qawwi poġġa pressjoni fuq is-suq tax-xogħol b'mod partikolari fil-kategoriji ta' sengħa. Dan ta spinta lin-negozji biex ifittxu fil-pajjiżi barranin sabiex jilħqu l-ħtiġijiet tagħhom tal-persunal u dan irriżulta wkoll f'influss ta' ħaddiema mhux residenti. L-Inflazzjoni baqgħet għolja ħafna, madwar 8-9% għal biċċa l-kbira tas-sena. Il-prezzijiet tal-proprjetà u l-ispejjeż tal-kera għolew ħafna iktar malajr mill-pagi. Il-manteniment ta' prezzijiet stabbli saret sfida għall-Gvern tar-RAS tal-Makaw li introduċa konċessjonijiet u programmi soċjali, inkluż riformi fis-saħħa u l-edukazzjoni, sabiex inaqqas il-piż fuq il-gruppi bi dħul inqas.

L-industrija tal-każinò tal-Makaw daħlet f'fażi ta' aġġustament wara perjodu ta' espansjoni rapida. F'April 2008, il-Kap Eżekuttiv tal-Makaw Edmund Ho ħabbar iffriżar fuq il-liċenzji tal-logħob u fuq riżorsi ġodda tal-art għall-iżvilupp tal-każinojiet. In-numru tal-liċenzji tal-logħob fil-Makaw baqa' limitat sa sitta u Ho stqarr li din ir-restrizzjoni ser tkun applikabbli għal "perjodu twil ta' żmien". Sabiex titnaqqas l-intensità ta' kompetizzjoni fost l-operaturi tal-kasinos, il-Gvern tal-Makaw illeġiżla f'Awissu dwar il-limitazzjoni tal-livelli tal-kummissjonijiet imħallsa mill-operaturi junket , li l-iktar li jġibu n-negozju tal-VIP, (stmat li jirrappreżenta madwar 70% tad-dħul totali tal-logħob).

Iċ-Ċina kompliet ikollha influwenza kbira fuq l-iżvilupp ekonomiku tal-Makaw, peress li r-Reġjun Amministrattiv Speċjali jiddependi ħafna fuq it-turisti Ċiniżi kontinentali biex isostnu l-industrija tal-logħob u tat-turiżmu, li huma l-pilastri tal-ekonomija tal-Makaw. Iżda t-tħassib tal-Beijing dwar it-tkabbir rapidu tal-Makaw ġiegħel lill-Gvern Ċentrali biex jirrestrinġi b'mod gradwali, f'Ġunju u għal darb'oħra f'Settembru 2008, ir-restrizzjonijiet fuq il-ħruġ tal-viża għar-residenti taċ-Ċina Kontinentali biex iżuru l-Makaw.

Il-kriżi finanzjarja globali affettwat il-finanzjament tal-iżviluppi tal-każinojiet u lukandi ġodda fil-Makaw. Uħud mill-ikbar żviluppaturi tal-każinojiet tal-Makaw issospendew il-proġgetti ġodda jew dewmu l-pjanijiet ta' investiment tagħhom minħabba diffikultajiet finanzjarji. Dan ikkawża telf ta' xogħol lil eluf ta' ħaddiema, u qed ikollu impatt immedjat fuq l-ekonomija tal-Makaw.

Għalhekk il-Makaw qed jipprova jiddiversifika l-ekonomija tiegħu mill-industrija tal-logħob għall-attivitajiet relatati mal-konvenzjonijiet u mal-eżibizzjonijiet. Sabiex jgħin lis-setturi tat-turiżmu u tal-catering, il-Gvern tar-RAS tal-Makaw f'Awwissu neħħa t-taxxa tal-konsum fuq l-inbid u fuq ix-xorb alkoħoliku kollu. Neħħa wkoll taxxi fuq il-fjuwil sabiex inaqqas il-pressjoni tal-inflazzjoni mill-prezzijiet tal-enerġija.

Il-Makaw u ċ-Ċina Kontinentali ffirmaw ftehim ta' qafas magħruf bħala "l-Arranġament ta' Sħubija Ekonomika Iktar mill-Qrib" fl-2003 (CEPA), li hu simili tal-arranġament bejn Hong Kong u ċ-Ċina Kontinentali. Mill-implimentazzjoni tiegħu fl-2004 sa' Ġunju 2008, 246 kumpanija tas-settur tas-servizz tal-Makaw ibbenefikaw mis-CEPA. Is-setturi tal-loġistika u tat-trasport għamlu l-iktar użu minn dan l-arranġament, segwiti mis-setturi tas-servizz tal-konvenzjoni u l-eżebizzjoni, konsultazzjoni tal-ġestjoni, il-kostruzzjoni u d-distribuzzjoni. Iżda l-ambitu tal-vantaġġ għall-kumpaniji involuti fil-kummerċ ta' prodotti ġie llimitat.

Il-Makaw għad għandu rwol importanti bħala l-pjattaforma tar-relazzjonijiet internazzjonali taċ-Ċina mal-Portugall u l-pajjiżi li jitkellmu bil-Portigiż. F'dan il-kuntest wieħed jinnota interess imġedded fil-lingwa u l-wirt tal-Portugall. Fattur li jikkontribwixxi hu r-rabtiet iktar b'saħħithom taċ-Ċina mal-Brażil u mal-pajjiżi li jitkellmu bil-Portugiż fl-Afrika.

Hemm ukoll żieda fin-numru tal-istudenti miċ-Ċina Kontinentali li jattendu l-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja tal-Makaw.

Fl-indirizz politiku annwali mwassal fil-11 ta' Novembru 2008, il-Kap Eżekuttiv Edmund HO għamilha ċara li l-prijorità tiegħu għall-2009 hi li jiżgura l-istabbilta ekonomika tal-Makaw fost il-kriżi finanzjarja globali. Hu ħabbar pjan ta' investiment ta' MOP10.2 biljuni (€1 biljun) fix-xogħlijiet ta' infrastruttura, inkluż it-titjib f'siti ta' wirt u akkomodazzjoni pubblika. Hu offra wkoll sensiela ta' inċentivi biex jgħinu r-residenti u impriżi żgħar u ta' daqs medju, inkluż sussidji għal djar ġodda u kontijiet domestiċi, eżenzjonijiet mit-taxxi tal-pagi, u tqassim ta' flus ta' mhux aktar minn MOP 5,000 (madwar €500) lir-residenti.

Fit-22 ta' Ottubru 2008, il-Kap Eżekuttiv Emund Ho ppreżenta l-Pjan tiegħu biex ikunu adottati liġijiet ta' sigurtà nazzjonali skont l-Artikolu 23 tal-Liġi Bażika. L-Artikolu 23 jeħtieġ li r-RAS tal-Makaw jadotta waħdu liġijiet biex "jipprojbixxi kull att ta' tradiment, seċessjoni, tixwix, sovverżjoni kontra l-Gvern Ċentrali tal-Poplu, jew serq ta' sigrieti, biex jipprojbixxi organizzazzjonijiet jew entitajiet politiċi barranin milli jeżerċitaw attivitajiet politiċi fir-Reġjun u biex jipprojbixxi organizazzjonijiet jew entitajiet politiċi fir-reġjun milli jistabbilixxu rabtiet ma' stabbilimenti jew entitajiet politiċi barranin." Il-Kap Eżekuttiv Edmund Ho nieda konsultazzjoni pubblika ta' 40 jum dwar il-liġi ta' sigurtà nazzjonali li ddum sat-30 ta' Novembru 2008, bl-għan li tiżgura l-approvazzjoni mill-Assemblea Leġiżlattiva qabel ma jispiċċalu t-terminu fid-19 ta' Diċembru 2009. Il-liġi ta' siġurtà nazzjonali tkopri seba' reati, bħal l-att ta' tradiment, seċessjoni, tixwix, u sovverżjoni kontra l-Gvern Ċentrali tal-Poplu, jew serq ta' sigrieti tal-Istat. Il-Kummissjoni Ewropea tittama ħafna li d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali mnaqqxa fil-Liġi Bażika mhux ser ikunu mnaqqsa mil-liġi tas-sigurtà nazzjonali li bħalissa qed tgħaddi mill-proċedura ta' leġiżlazzjoni.

Is-servizzi ġudizzjarji u ta’ infurzar tal-liġi fil-Makaw baqgħu jkollhom rekord tajjeb. Dan kien muri fit-30 ta' Jannar 2008, meta s-segretarju preċedenti tat-trasport u tax-xogħlijiet pubbliċi Ao Man-long kien instab ħati li ħa miljuni ta' MOP f'tixħim u li abbuża mill-poter tiegħu li jgħin lill-iżviluppaturi tal-proprjetà b'kuntratti ta' kostruzzjoni. Hu kien mogħti s-sentenza ta' 27 sena l-ħabs. Il-Kap Eżekuttiv qal li s-sentenza kienet ġusta u li "l-qorti tat is-sentenza skont il-liġi".

Is-sena 2008 rat numru ta' protesti, minkejja li fuq skala ħafna iżgħar mill-protesta tal-ewwel ta' Mejju fl-2007 li saret vjolenti wara li d-demonstratturi ma qablux mal-pulizija. Dawn il-protesti kienu paċifiċi u talbu lil Gvern biex itejjeb il-ħajja tan-nies u biex jagħti lir-residenti lokali prijorità b'opportinitajiet ta' xogħol, wara influss ta' residenti mhux tal-Makaw.

Il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Makaw

Il-Makaw kompla jkun imsieħeb importanti għall-UE. Hu għandu wirt Ewropew importanti u għandu valuri simili fl-oqsma bħal l-ekonomija, l-ambjent, l-edukazzjoni u l-kultura. Il-qafas għall-iżvilupp tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Makaw hu l-Ftehim għall-Kummerċ u l-Kooperazzjoni iffirmat fl-1992 bejn il-Kummissjoni u l-Makaw. Il-laqgħa tal-kumitat Konġunt fl-2008, li ssir darba f'sena taħt dan il-ftehim ta' qafas, ġiet posposta għal Frar 2009.

Il-kummerċ bilaterali fl-oġġetti bejn l-UE u l-Makaw kompla jonqos minħabba l-importazzjonijiet li qegħdin jonqsu ta’ ħwejjeġ mill-Makaw wara l-eliminazzjoni gradwali tal-Ftehim dwar it-Tessili u l-Ħwejjeġ. Għall-ewwel disa’ xhur tal-2008, l-importazzjonijiet mill-Makaw naqsu b’madwar 48% għal €190 miljun. L-esportazzjonijiet tal-UE għall-Makaw naqsu wkoll b'10.2% għal €131 miljun.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, "l-UE, Hong Kong u l-Makaw: possibbiltajiet għall-kooperazzjoni 2007-2013", tibqa' il-qafas politiku ta' gwida għall-attivitajiet ta' kooperazzjoni tal-UE mal-Makaw. Din tistabbilixxi numru ta' għanijiet ta' sfida biex ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Makaw jitressqu 'l quddiem billi l-kooperazzjoni issir iktar profonda u iktar wiesgħa f'seba' oqsma ewlenin: il-kummerċ u d-dazju, il-finanzi, ir-rabtiet bejn in-nies, it-trasport, l-ambjent, is-saħħa u s-sigurtà tal-ikel.

L-implimentazzjoni tal-miżuri miftiehma tal-politika u tal-kooperazzjoni regolatorja f'dawn is-seba' setturi kienet mogħtija spinta mit-tnedija fl-2008 tal-"Programm tal-Informazzjoni dwar in-Negozju tal-Unjoni Ewropea" għal Hong Kong u l-Makaw (EUBIP), li ser imexxi programm ta' avvenimenti b'tema sal-2011. L-EUBIP ser iservi bħala mezz biex jippromwovi ftehim aħjar u jqassam l-għarfien u l-aħjar prattiċi bejn il-Makaw u l-Unjoni Ewropea b'firxa ta' attivitajiet ta' kooperazzjoni bilaterali f'oqsma bħal kummerċ u l-investiment, standards, proprjetà intelletwali, l-ambjent, it-trasport u l-loġistika, saħħa, ikel u sigurtà tal-prodott. Sejħa għal-proposti kienet imnedija f'Awwissu 2008 u l-kuntratt kien mogħti lil konsorzju immexxi mill-Kamra tal-Kummerċ Ewropea f'Hong Kong, u b'parteċipazzjoni qawwija tal-Makaw, jiġifieri l-Istitut tal-Promozzjoni tal-Kummerċ u tal-Investiment tal-Makaw (IPIM), u l-Istitut tal-Istudji Ewropej tal-Makaw. L-EUBIP kien iffirmat f'Makaw f'Diċembru 2008 u hu mistenni li jkun operazzjonali bis-sħiħ fil-bidu tal-2009.

L-ambjent hu kwistjoni importanti għall-Gvern tar-RAS tal-Makaw u ser ikun l-attenzjoni ta' waħda mill-attivitajiet ta' kooperazzjoni fi ħdan l-EUBIP. L-awtoritajiet tal-Makaw qed jikkonċentraw l-isforzi tagħhom fuq l-itrattar tal-problemi dwar l-imluħa tal-ilma, il-promozzjoni tal-effiċjenza tal-enerġija u t-tisħiħ tal-għarfien pubbliku dwar il-protezzjoni tal-ambjent. Barra minn hekk, il-Makaw qed jipprova jtejjeb ir-rwol tiegħu bħala pjattaforma għall-iskambji dwar kwistjonijiet dwar l-ambjent bejn ir-Reġjun tal-Pan-Pearl River Delta u l-UE. Il-Kummissjoni nnutat li l-Gvern tar-RAS tal-Makaw poġġa biżżejjed riżorsi fit-tmexxija tal-organizzazzjoni ta' forum ta' kooperazzjoni u eżebizzjoni internazzjonali dwar l-ambjent biex jippromwovi l-għarfien internazzjonali tal-protezzjoni tal-ambjent u l-iżvilupp soċjali fil-Makaw. Il-Forum u l-Eżebizzjoni Internazzjonali tal-Makaw dwar il-Kooperazzjoni fil-qasam tal-Ambjent (MIECF) saru f'April 2008, bil-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea flimkien mal-Istati Membri. It-tieni forum hu ppjanat għall-2009.

Il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Makaw għamlet progress f'numru ta' setturi. Il-Makaw ippropona lill-Kummissjoni li l-programm ta' kooperazzjoni bejn l-UE u l-Makaw fil-qasam legali jidħol fit-tieni fażi, wara t-tlestija b'suċċess tal-ewwel fażi fl-2007, sabiex l-amministrazzjoni pubblika, l-għarfien legali u ġudizzjarju jkunu mtejba. Il-Kuntratti kienu mibdija f'Jannar 2008 bejn l-Uffiċjali għola tal-Kummissjoni u s-segretarju tal-Finanzi tal-Makaw, Francis Tam, sabiex jespolraw mezzi possibbli ta' kooperazzjoni fil-qasam tat-taxxa tat-tfaddil. Il-Kummissjoni kkontribwit ukoll għall-parteċipazzjoni konġunta tal-UE, flimkien mal-Istati Membri, fil-Fiera Internazzjonali tal-Makaw (MIF) f'Ottubru 2008 b'paviljun prominenti tal-UE. Hi sostniet ukoll is-siġġu ta' Jean Monnet fl-Università tal-Makaw billi pparteċipat b'suċċess fil-Konferenza ta' Jean Monnet li saret f'Mejju.

Prospetti għall-futur

L-2009 ser tkun sena importanti għar-RAS tal-Makaw. Hu ser jiċċelebra l-għaxar anniversarju tar-retroċessjoni tal-Makaw lir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

L-elezzjonijiet għall-Assemblea Leġiżlattiva u l-elezzjonijiet għall-Kap Eżekuttiv huma wkoll ppjanati fl-2009. Dan ser ikun pass importanti għall-proċess elettorali tal-Makaw. Il-kwistjoni tas-suffraġju universali mhijiex kwistjoni kontroversjali fil-Makaw (bħal ma kienet f'Hong Kong) B'differenza mill-Liġi Bażika ta' Hong Kong, il-Liġi Bażika tal-Makaw ma tistqarx li l-introduzzjoni tas-suffraġju universali hu l-għan ewlieni tal-iżvilupp kostituzzjonali. Madankollu ma tipprovdiex għall-possibbiltà tal-emenda tal-metodu ta' selezzjoni tal-Kap Eżekuttiv u l-membri tal-Assemblea Leġiżlattiva. Fi Frar 2008, is-Segretarju għall-Amministrazzjoni u l-Ġustizzja, Florinda Chan, pproponiet tibdiliet fil-liġijiet elettorali tal-Makaw. Dawn it-tibdiliet iffukaw fuq it-titjib tal-proċeduri tar-reġistrazzjoni tal-votanti u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Ma ssemmewx lanqas is-suffraġju universali jew in-numru li qed jikber ta' siġġijiet eletti direttament fl-Assemblea Leġiżlattiva. Chan qal li dawn il-bidliet ser jgħinu jiffaċċilitaw il-proċess tal-elezzjoni u enfassizza li l-iżviluppi demokratiċi ma jfissrux bilfors l-introduzzjoni ta' iktar siġġijiet eletti fil-leġiżlatura. Dawn il-bidliet huma konformi mad-dikjarazzjonijiet li ntqalu mill-Kap Eżekuttiv Ho fl-indirizz politiku annwali tiegħu għall-2008 (mwassal f'Novembru 2007), fejn hu enfassizza li jkun impossibbli li l-elezzjonijiet diretti jkunu introdotti fl-2009 jew immedjatament wara l-2009. Il-Kummissjoni tinkoraġixxa lir-RAS tal-Makaw biex jintroduċi miżuri li jwasslu għall-proċess elettorali iktar rappreżentattiv.

Edmund Ho, l-ewwel u l-unika Kap Eżekuttiv tar-RAS tal-Makaw mir-retroċessjoni, ser jitlaq mill-kariga tiegħu fl-aħħar tal-2009. Qabel dan, hu ser jaffaċċja sfida ta' prova fiż-żamma tal-istabbiltà ekonomika tal-Makaw fi kriżi finanzjarja globali u fil-manteniment tal-pożizzjoni tal-Makaw bħala ċentru turistiku fl-Ażja.

L-itrattar tal-isfidi ambjentali bħat-tniġġis tal-ilma, tniġġis tal-arja u l-ġestjoni tal-iskart, l-infurzar tal-qafas amministrattiv u legali, iż-żieda tal-iskambji bejn in-nies u l-promozzjoni tal-wirt kulturali tal-Makaw huma oqsma li fihom il-kooperazzjoni bejn l-UE mal-Makaw tista' tiġi estiża fl-2009.

Il-Kummissjoni ser tkompli tissorvelja mill-qrib l-iżviluppi istituzzjonali, ekonomiċi u soċjali fil-Makaw u ssostni l-implimentazzjoni tal-prċinipju "pajjiż wieħed żewġ sistemi".

Top