EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009DC0008

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - L-iskopijiet strateġiċi u r-rakkomandazzjonijiet għall-politika tat-trasport marittimu tal-UE sal-2018

/* KUMM/2009/0008 finali */

52009DC0008

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - L-iskopijiet strateġiċi u r-rakkomandazzjonijiet għall-politika tat-trasport marittimu tal-UE sal-2018 /* KUMM/2009/0008 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussell, 21.1.2009

KUMM(2009) 8 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

L-iskopijiet strateġiċi u r-rakkomandazzjonijiet għall-politika tat-trasport marittimu tal-UE sal-2018

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

L-iskopijiet strateġiċi u r-rakkomandazzjonijiet għall-politika tat-trasport marittimu tal-UE sal-2018

1. Daħla

Għall-Ewropa, it-trasport bil-baħar kien wieħed mill-punti prinċipali għat-tkabbir ekonomiku u l-prosperità matul l-istorja tagħha. Is-servizzi tat-trasport marittimu[1] huma essenzjali sabiex jgħinu l-ekonomija Ewropea u l-kumpaniji Ewropej jikkompetu globalment. Barra minn hekk, it-trasport bil-baħar u l-industriji marittimi relatati kollha huma sors importanti ta' dħul u ta’ xogħolijiet fl-Ewropa.

80% tal-kummerċ dinji jsir bil-baħar filwaqt li 40% tal-merkanzija ġewwa l-Ewropa tinġarr bit-trasport bil-baħar għal distanzi qosra. B'aktar minn 400 miljun passiġġier tal-baħar li jgħaddu mill-portijiet Ewropej kull sena, it-trasport marittimu għandu impatt dirett ukoll fuq il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini, sew bħala turisti u kif ukoll bħala abitanti tal-gżejjer u r-reġjuni periferali.

Fis-snin riċenti, it-tkabbir fl-ekonomija tad-dinja u l-kummerċ tal-merkanzija internazzjonali kabbar it-talba għas-servizzi tat-trasport marittimu. Madankollu, fl-aħħar tal-2008, l-impatt tal-kriżi finanzjarja fuq l-ekonomija reali qed jinħass ukoll fis-settur tat-trasport bil-baħar. Huwa meħtieġ approċċ xieraq ta' politika sabiex tkun żgurata l-prestazzjoni kontinwa tas-sistema tat-trasport marittimu tal-UE u l-kontribuzzjoni tagħha għall-irkupru tal-ekonomija dinjija. Lil hinn miċ-ċirkustanzi attwali, dan l-approċċ ta' politika għandu jiżgura li l-Ewropa żżomm l-għarfien bażiku uman u teknoloġiku li jservi s-sostenibbiltà u l-kompetittività tal-operazzjonijiet tat-trasport bil-baħar attwali u tal-ġejjieni.

L-għan ta' din il-Komunikazzjoni huwa li tippreżenta l-iskopijiet strateġiċi prinċipali għas-sistema Ewropea tat-trasport marittimu sal-2018 u sabiex tidentifika l-oqsma prinċipali għall-azzjoni f’każ fejn azzjoni tal-UE se ssaħħaħ il-kompetittività tas-settur filwaqt li ttejjeb il-prestazzjoni ambjentali tiegħu. Tqiesu l-kuntest ekonomiku bażiku u l-karatteristiċi taċ-ċikli tas-suq tat-trasport bil-baħar.

Din il-komunikazzjoni tinsab fil-kuntest iktar wiesgħa tal-Politika tat-Trasport tal-UE[2] (“Inżommu lill-Ewropa miexja: politika tat-trasport għall-mobilità sostenibbli”) u l-Politika Integrata Marittima tal-UE[3] (“il-Karta l-Blu”). Hija timmira wkoll li tappoġġa politiki relevanti oħrajn, primarjament il-politika tal-UE dwar l-enerġija u l-ambjent. Hija r-riżultat ta' djalogu kontinwu mal-esperti tal-Istati Membri, tal-parir indipendenti ta’ grupp ta’ professjonisti ta’ livell għoli tat-trasport bil-baħar u ta' studju analitiku li eżamina x-xejriet u s-sinjali ta' bidla fit-trasport fuq il-baħar[4].

2. It-trasport bil-baħar Ewropew fis-swieq globalizzati

L-Ewropa għandha rwol ewlieni fid-dinja tat-trasport bil-baħar tal-lum, bil-kumpaniji Ewropej li għandhom 41% tal-flotta totali dinjija (f'dwt). L-addattament tat-trasport bil-baħar Ewropew għall-ħtiġijiet tal-ekonomija globali ġab tibdiliet strutturali sinifikanti fis-settur. B'riżultat tal-globalizzazzjoni żdiedet ukoll b'mod sinifikanti l-pressjoni kompetittiva min-nazzjonijiet tat-trasport bil-baħar madwar id-dinja.

Numru ta' miżuri introdotti mill-Istati Membri, skont il- Linji ta’ Gwida tal-Komunità dwar l-għajnuniet mill-Istat għat-trasport marittimu , ikkontribwew sabiex iżommu parti mill-flotta fuq ir-reġistri Ewropej u joħolqu x-xogħolijiet għall-baħħara Ewropej. Madankollu, l-bnadar Ewropej qed ikomplu jaffaċċaw kompetizzjoni akuta mir-reġistri ta’ pajjiżi terzi. Spiss, il- kompetituri barranin għandhom vantaġġi sinifikanti f'termini tal-appoġġ mill-gvern, l-aċċess għal kapital li ma jiswiex ħafna, u l-abbundanza tal-ħaddiema jew l-infurzar flessibli tal-istandards maqbula b’mod internazzjonali.

Fil-kuntest tal-kriżi ekonomika kurrenti, fatturi oħra bħar-riskji ta' kapaċità żejda f'ċerti sezzjonijiet tas-suq, miżuri tal-kummerċ li jipproteġu mill-pajjiżi terzi, il-volatilità fis-swieq tal-enerġija u t-telf tal-għarfien minħabba l-iskarsezza ta' riżorsi umani mħarrġin fis-sengħa fl-Ewropa jistgħu jġiegħlu l-uffiċċji prinċipali tat-trasport bil-baħar u l-industriji marittimi sabiex imorru x'imkien ieħor, u b'hekk ixekklu l-isforzi tal-UE sabiex jiġi żgurat trasport bil-baħar ta' kwalità madwar id-dinja kollha .

Il-konklużjonijiet tal-eżerċizzju tar-reviżjoni strateġika tal-Kummissjoni huma kif ġej:

- Huwa ta' interess prinċipali għall-UE li tikseb u tmantni kundizzjonijiet kompettitivi globali stabbli u li jistgħu jitbassru għat-trasport bil-baħar u industriji marittimi oħrajn. Qafas attraenti għat-trasport bil-baħar ta' kwalità u għal operaturi ta' kwalità fl-Ewropa se jikkontribwixxi għas-suċċess tal-Istrateġija tat-Tkabbir u x-Xogħolijiet ta' Liżbona, u se jsaħħaħ il-kompetittività tal-gruppi marittimi Ewropej. Dan se jiżgura wkoll il-kapaċità tas-settur tat-trasport marittimu Ewropew li jirkupra f'dan iż-żmien fejn l-ekonomija miexja bil-mod ħafna .

- Għandu jinżamm u fejn jixraq, jittejjeb, qafas ċar u kompettitiv tal-UE għat- taxxa fuq it-tunnellaġġ, it-taxxa fuq id-dħul u l-għajnuna mill-istat fid-dawl tal-esperjenza miksuba mil-linji ta’ gwida tal-għajnuna mill-Istat għat-trasport marittimu. Il-qafas għandu jippermetti miżuri posittivi sabiex jiġu appoġġati l-isforzi għal trasport bil-baħar iżjed favur l-ambjent, l-innovazzjoni tekonoloġika u kif ukoll il-karrieri marittimi u s-snajja professjonali. Għandha tkun eżaminata l-possibbiltà ta' rabta msaħħa bejn l-għoti tax-xogħol fl-oqsma marittimi u l-għajnuna.

- Hija vitali azzjoni b'saħħitha li tappoġġa kundizzjonijiet favur il-kummerċ marittimu internazzjonali ġust u l-aċċess għas-swieq. Il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ fis-servizzi marittimi għandha tkompli fuq il-livelli kollha. Il-KE għandha wkoll tintensifika d-djalogu u l-ftehimiet bilaterali mal-imsieħba prinċipali tal-kummerċ u t-trasport bil-baħar, meta tkun qed tinnegozja fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (id-WTO).

- Parti minn dawn l-isforzi għandu jkun l-impenn lejn sforzi ta' trasport bil-baħar ta' kwalità, fejn, b'mod ġenerali, naħdmu flimkien sabiex jintlaħaq ambjent ekwu għat-trasport marittimu, billi jkunu osservati r-regoli maqbula b’mod internazzjonali fuq livell globali.

- B'rispett lejn il-liġi ta’ kontra l-monopolji (tal-“anti-trust”), il-Kummissjoni reċentement għamlet reviżjoni tar-regoli speċifiċi tal-kompetizzjoni applikabbli għall-forniment tas-servizzi tat-trasport marittimu lejn u mill-Ewropa. Il-Kummissjoni se tkompli tagħmel il-monitoraġġ tal-kundizzjonijiet tas-suq, teżamina l-impatt ekonomiku tal-approċċ il-ġdid ta’ kontra l-monopolji u tieħu l-azzjoni xierqa fejn meħtieġ. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tkun minn tal-ewwel sabiex tippromwovi l-allinjament tar-regoli sostantivi tal-kompetizzjoni b’mod globali .

- Il-globalizzazzjoni intensifikata qiegħdet ukoll aktar pressjoni fuq il-bilanċ delikat tal-qafas internazzjonali li jirregola d-drittijiet u r-responsabbiltajiet tan-nazzjonijiet bħala stati tal-bnadar, tal-port u tal-kosta. Il-prinċipju tar-“rabta ġenwina” kif imniżżel fil- Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar għandu jkun strument prinċipali fl-isforzi internazzjonali sabiex ikunu appoġġati skopijiet sostenibbli tal-iżvilupp.

3. Ir-riżorsi umani, l-għarfien tat-tbaħħir u dak marittimu

Matul is-snin riċenti, l-industriji tat-trasport marittimu ħolqu diversi impjiegi, direttament u indirettament. Madwar 70% tax-xogħolijiet relatati mat-trasport bil-baħar huma xogħolijiet ta’ ħafna għarfien u ta' kwalità għolja fuq l-art. In- numru dejjem jonqos ta' professjonisti marittimi , uffiċjali u skali oħra qed joħloq ir-riskju tat-telf tal-massa kritika tar-riżorsi umani li jsostnu l-kompetittività tal-industriji marittimi Ewropej b'mod ġenerali.

Hemm interess ġenwin mill-UE li tkun enfasizzata l-attrazzjoni tal-professjonijiet marittimi lill-Ewropej permezz ta' azzjonijiet li jinvolvu, fejn jixraq, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-industrija nfisha.

L-azzjonijiet tal-Komunità għandhom jimmiraw, partikolarment, sabiex:

- Jadottaw miżuri posittivi li jiffaċilitaw il-prospetti ta’ karriera tul il-ħajja kollha fl-oqsma marittimi, billi jagħtu konsiderazzjoni speċjali lejn l-iżvilupp ta’ ħiliet u kwalifiki avvanzati tal-uffiċjali tal-UE sabiex itejbu l-prospetti tax-xogħol tagħhom, u jiżguraw li l-iskali l-oħra jkollhom modi tajbin għall-iżvilupp tal-karriera sabiex jilħqu uffiċjali.

- Itejbu l-immaġni tat-trasport bil-baħar u tal-karrieri fuq il-baħar, itejbu l-għarfien dwar l-opportunitajiet tax-xogħol, jiffaċilitaw il-mobilità tal-ħaddiema fl-industriji marittimi madwar l-Ewropa u jħeġġu l-aħjar prassi fil-kampanji ta' promozzjoni u ta’ reklutaġġ.

- Jappoġġaw ix-xogħol tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) u tal-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol (ILO) dwar it-trattament ġust tal-baħħara , sabiex ikun żgurat, fost l-oħrajn, li l-linji ta’ gwida dwar it-trattament tal-baħħara fil-każ ta' inċident marittimu, l-abbandun, ferita fuq il-persuna jew il-mewt tal-baħħara, u l-kundizzjonijiet tal-btajjel fuq l-art ikunu implimentati kif jixraq fl-UE u madwar id-dinja.

- Isegwu l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-valutazzjoni mill-ġdid tal-qafas regolatorju soċjali għal aktar xogħolijiet fuq il-baħar u li jkunu aħjar fl-UE[5].

- Jippromwovu l-użu aħjar tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT) għat-titjib tal-kwalità tal-ħajja fuq il-baħar . Irawmu d-disponibbiltà tal-komunikazzjonijiet tal-broadband bis-satellita f'oqsma bħall-kura tas-saħħa abbord, it-tagħlim mill-bogħod u kif ukoll il-komunikazzjonijiet personali.

- Jimplimentaw miżuri ta' simplifikazzjoni sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv minn fuq il-Kaptani u l-uffiċjali anzjani abbord il-vapuri.

Hawnhekk, irid jintlaħaq il-bilanċ it-tajjeb bejn il-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-baħħara tal-UE u l-kompetittività tal-flotta Ewropea. Se jitwaqqaf grupp ta' ħidma sabiex jidentifika l-modi ta' kif jista’ jintlaħaq dan il-għan.

Il-manteniment ta' standards għolja ta' taħriġ u l-kompetenza professjonali tal-ekwipaġġi huma essenzjali sabiex ikunu żgurati u operazzjonijiet tat-trasport bil-baħar sikuri, żguri u li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent. Għalhekk hemm il-bżonn li l-UE u l-Istati Membri tagħha jipprovdu l-qafas xieraq għall-provediment tal-edukazzjoni u tat-taħriġ għall-ekwipaġġi fil-forma ta' miżuri mmirati partikolarment lejn:

- L-iżgurar ta’ infurzar sħiħ tar-rekwiżiti internazzjonali u Komunitarji skont il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Istandards tat-Taħriġ, iċ-Ċertifikazzjoni u s-Sorveljanza għall-Baħħara (STCW) min-nazzjonijiet kollha li jagħtu ċ-ċertifikati ta' kompetenza tal-baħħara.

- It-twettiq ta’ kontribuzzjoni sostanzjali lejn ir-reviżjoni tal-Konvenzjoni tas-STCW , bl-użu tal-istrumenti tal-Komunità sabiex ikunu żgurati kemm id-dħul fis-seħħ bikri tal-konvenzjoni rreveduta u l-implimentazzjoni u l-infurzar effettivi tagħha.

- Il-promozzjoni tal-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet Ewropej tat-taħriġ marittimu sabiex jittejbu l-kompetenzi tal-baħħara u jiġu adattati r-rekwiżiti għall-prerekwiżiti tal-industrija tat-trasport bil-baħar tal-lum (bastimenti sofistikati, l-ICT, is-sigurtà u s-sikurezza).

- Il-ħidma bi sħab bejn l-istituzzjonijiet tat-taħriġ u l-industrija sabiex jiġu stabbiliti “ ċertifikati marittimi tal-eċċellenza ” (korsijiet marittimi Ewropej ta' wara l-lawrja) li jistgħu jmorru ferm lil hinn mir-rekwiżiti tas-STCW. F'dak il-kuntest, jista' jkun ikkunsidrat il-ħolqien ta' netwerk taċ-ċentri ta' eċċellenza għat-taħriġ marittimu fl-Ewropa (Akkademja Marittima Ewropea).

- L-introduzzjoni ta' mudell tat-tip tal-“Erasmus” għall-edukazzjoni tal-uffiċjali, għall-iskambji bejn l-istituzzjonijiet tat-taħriġ marittimu tal-Istati Membri.

- Il-promozzjoni tal-forniment ta' postijiet, bi sħubija mal-industrija, fejn meħtieġ appoġġati b’inċentivi, għall- kadetti biex jittieħdu abbord matul l-istudji tagħhom fl-istituzzjonijiet tat-taħriġ tal-UE.

F’dak li għandu x’jaqsam mal- kundizzjonijiet tax-xogħol , l-ewwel prijorità tal-Unjoni Ewropea hija li tiżgura l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tal-2006 tal-ILO dwar ix-Xogħol Marittimu (MLC) għat-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien abbord il-vapuri. Il-ftehim bejn l-imsieħba soċjali tal-UE dwar l-implimentazzjoni tal-elementi prinċipali ta' din il-Konvenzjoni juri l-appoġġ qawwi fi ħdan l-industrija f'dan il-qasam. L-azzjoni tal-UE u tal-Istati Membri tagħha għandha timmira sabiex:

- Tersaq lejn ir-ratifika ta’ malajr tal-MLC tal-2006 mill-Istati Membi u lejn l-adozzjoni bikrija tal-proposta tal-Kummissjoni bbażata fuq il-ftehim tal-industrija għall-implimentazzjoni tal-elementi prinċipali tagħha fil-liġi tal-UE.

- Tiżgura l-infurzar effettiv tar-regoli l-ġodda bl-użu ta' miżuri xierqa, li jinkludu rekwiżiti ta’ kontroll għall-Istati tal-bnadar u tal-port.

- Tippromwovi l-iżvilupp ta' qafas għall-ġestjoni sikura tal-vapuri bbażat fuq l-iskopijiet , li jindirizza l-kwistjoni tal-għejja u l-kundizzjoniet xierqa tas-sorveljanza fuq il-livell internazzjonali u dak tal-UE.

- Trawwem u tappoġġa r-riċerka li tindirizza l-fattur tal-element uman , li huwa kwistjoni kumplessa u multidimensjonali li taffettwa l-benesseri tan-nies fuq il-baħar, spiss b'implikazzjonijiet diretti għas-sikurezza marittima u l-protezzjoni ambjentali.

- Tikkunsidra miżuri għat-titjib tal-kura tas-saħħa abbord.

4. It-trasport bil-baħar ta' kwalità bħala vantaġġ kompetittiv ewlieni

Sal-2018, il-flotta dinjija jista' jkollha madwar 100,000 bastiment (ta’ 500 dwt u iktar) li jkunu qed jitħaddmu (77,500 bastiment fl-2008). F'termini ta' volum, iż-żieda se tkun iżjed spettakulari: il-kapaċità totali tagħha hija mistennija tilħaq aktar minn 2,100 miljun dwt fl-2018 (iktar mill-1,156 miljun dwt fl-2008)[6].

4.1. It-titjib tal-prestazzjoni ambjentali

Fis-snin riċenti, l-amministrazzjonijiet Ewropej tat-trasport marittimu u l-industrija Ewropea tat-trasport bil-baħar għamlu sforzi sinifikanti sabiex itejbu r-rekord ambjentali tat-trasport marittimu. Il-qafas regolatorju tal-UE issaħħaħ u żdiedet il-kooperazzjoni mal-Istati Membri sabiex ikunu indirizzati l-kwistjonijiet li jinkludu l-prevenzjoni tal-aċċidenti u l-inċidenti, l-emissjonijiet atmosferiċi, it-trattament tal-ilma tas-saborra u r-riċiklaġġ tal-vapuri.

Dawn l-isforzi jridu jkomplu. Il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-industrija marittima Ewropea għandhom jaħdmu flimkien sabiex jiskbu l-għan għall-perjodu t-twil ta' trasport marittimu “bl-ebda skart u l-ebda emissjonijiet” . Għal dan il-għan, il-prijoritajiet prinċipali għandhom ikunu li:

- Ikun żgurat progress stabbli lejn approċċ koerenti u komprensiv sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett tas-serra (GHG) mit-trasport bil-baħar internazzjonali, bl-għaqda ta’ miżuri tekniċi, operazzjonali u bbażati fuq is-suq.

- F'dak ir-rigward, l-UE għandha taħdem b'mod attiv fl-IMO sabiex tfittex li tillimita jew li tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett tas-serra mill-vapuri[7]. Għandha tkun adottata skema li torbot legalment waqt il-Konferenza tal-UNFCCC f’Kopenħagen f'Diċembru 2009. Fin-nuqqas ta' progress f'dawn l-isforzi, l-UE għandha tagħmel proposti fil-livell Ewropew.

- Ikun żgurat li l-Istati Membri jistgħu jilħqu " stat ambjentali tajjeb " fl-ibħra marittimi koperti mis-sovranità jew mill-ġurisdizzjoni tagħhom sal-2020, kif meħtieġ mid-Direttiva l-ġdida dwar il-Qafas Strateġiku Marittimu[8].

- Tissaħħaħ il-leġiżlazzjoni tal-UE f’dak li għandu x’jaqsam mal- faċilitajiet tar-riċeviment tal-port għall-iskart iġġenerat mill-vapuri u r-residwu tal-merkanzija, filwaqt li jittejbu l-arranġamenti tal-implimentazzjoni. F'dak ir-rigward, għandhom jiġu żgurati kemm id-disponibbiltà ta' faċilitajiet xierqa u kif ukoll il-proċeduri amministrattivi sabiex ilaħħqu maż-żieda mistennija fit-traffiku.

- Jkun hemm segwitu għall-proposti spjegati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-istrateġija tal-UE għal żarmar aħjar tal-bastimenti [vapuri] [9]. Ikunu żgurati l-adozzjoni tal-Konvenzjoni tal-IMO dwar ir-Riċiklaġġ tal-Vapuri u l-progress stabbli lejn l-implimentazzjoni tagħha fil-futur.

- Tkun issorveljata l-implimentazzjoni mingħajr xkiel tal-emendi tal-Anness VI tal-MARPOL adottati mill-IMO f'Ottubru 2008 sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-ossidi tal-kubrit u tal-ossidi tan-nitroġenu mill-vapuri . Dan jinkludi l-valutazzjoni ta' liema żoni tal-baħar Ewropej jikkwalifikaw bħala Żoni għall-Kontroll tal-Emissjonijiet, id-disponibbiltà tal-karburanti xierqa u l-impatti fuq it-trasport bil-baħar għal distanzi qosra. Il-proposti tal-Kummissjoni għandhom jiżguraw li tkun evitata l-bidla mit-trasport bil-baħar għal distanzi qosra lejn il-“mod l-antik” tat-trasport bit-triq.

- Issir il-promozzjoni ta' soluzzjonijiet alternattivi għall-karburanti fil-portijiet, bħall-użu tal-elettriku fuq ix-xatt. Fir-reviżjoni li jmiss tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni tal-Enerġija, il-Kummissjoni se tipproponi eżenzjoni mit-taxxa għall-użu tal-elettriku fuq ix-xatt għal żmien limitat bħala l-ewwel pass u se telabora qafas ta’ inċentivi u regolatorju komprensiv.

- Għandha terġa’ titnieda l-“ Kampanja tat-Trasport bil-Baħar ta' Kwalità” tal-Kummissjoni , bl-użu ta' ftehimiet tas-sħubija mal-amministraturi marittimi tal-UE, l-industriji marittimi in ġenerali u l-utenti tas-servizzi tat-trasport marittimu.

- F'dak il-kuntest, ikun hemm promozzjoni ta' Sistema Ewropea tal-Ġestjoni Ambjentali għat-Trasport Marittimu (EMS-MT), li timmira lejn it-titjib kontinwu tal-prestazzjoni ambjentali tat-trasport bil-baħar; u tikkunsidra l-modulazzjoni tal-ħlasijiet ta' reġistrazzjoni, id-drittijiet tal-port u spejjeż oħra, bil-ħsieb li jkunu ppremjati l-isforzi favur trasport bil-baħar iżjed favur l-ambjent.

4.2. Is-sikurezza tat-trasport marittimu

Bl-adozzjoni u sussegwentement l-implimentazzjoni tat-tielet Pakkett tas-Sikurezza Marittima, l-UE issa għandha wieħed mill-iżjed oqfsa regolatorji komprensivi u avvanzati għat-trasport bil-baħar fid-dinja. Barra minn hekk, sew l-amministrazzjonijiet marittimi tal-UE u t-trasport bil-baħar Ewropew investew ħafna fl-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tas-sikurezza u tas-sigurtà.

Madankollu, it-tkabbir tal-flotta, id-dħul fis-servizz ta' bastimenti tal-ġarr kbar ħafna sew għall-passiġġieri u kif ukoll għall-merkanzija, u t-tkabbir esponenzjali fl-operazzjonijiet tat-trasport bil-baħar se jżidu b'mod sinifikanti l-pressjoni fuq is-sikurezza marittima. Iż-żieda fl-għadd tal-ibħra miftuħa u navigabbli inevitabbilment se tattira t-traffiku f'dik li hija magħrufa bħala r-Rotta tal-Baħar tat-Tramuntana bir-rekwiżiti speċjali tagħha. Espansjoni tal-Kanal ta' Suez se tkun tfisser bastimenti ikbar u iktar traffiku fil-Mediterran b'riskji ikbar.

Fis-snin li ġejjin, l-UE u l-Istati Membri għandhom:

- Jagħtu prijorità lill-infurzar tar-regoli eżistenti tal-UE u internazzjonali u lill-implimentazzjoni ta’ malajr tal-miżuri introdotti mit-tielet Pakkett tas-Sikurezza Marittima.

- Jirrevedu l-mandat u t-tħaddim tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà [Sikurezza] Marittima , sabiex tittejjeb iktar l-assistenza teknika u xjentifika li din tista' tagħti lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni.

- Iżidu l-effettività tal-involviment tal-UE fl-IMO u jsaħħu l-kooperazzjoni internazzjonali mal-imsieħba tal-kummerċ u tat-trasport bil-baħar tal-UE, filwaqt li jippromwovu kultura ta' sikurezza marittima maqsuma bejniethom u sforzi komuni, per eż. fl-ispezzjonijiet tal-kontroll tal-istati tal-port, partikolarment mal-pajjiżi ġirien.

- F'dak il-kuntest, għandhom jagħtu attenzjoni speċjali lejn l-isfidi li jirriżutaw minn kundizzjonijiet estremi tan-navigazzjoni , bħas-silġ, u kif ukoll mid-daqs dejjem jikber tal-bastimenti. Għandhom japplikaw standards xierqa dwar in-navigazzjoni fis-silġ u l-kostruzzjoni u rekwiżiti għall-assistenza (bastimenti li jkissru s-silġ) b'rispett tal-bastimenti kollha li joperaw fiż-żoni tal-baħar l-iktar esposti.

- Jieħdu ħsieb jiżguraw l-applikazzjoni sistematika tal-" Linji ta’ gwida tal-IMO dwar it-trattament tal-persuni salvati minn fuq il-baħar ". L-Ewropa għandha tkun minn ta' quddiem nett fl-isforzi sabiex tipprovdi l-assistenza u tiċċara l-obbligi li jikkonċernaw is-salvataġġ ta' persuni fil-periklu. Partikolarment, sforzi bħal dawn għandhom jiżguraw li l-istati kostali jikkoordinaw u jikkooperaw mal-partijiet kollha kkonċernati, filwaqt li jservu wkoll ta' inċentiv għall-kaptani sabiex jissodisfaw l-obbligi tagħhom.

- Jiżguraw li l-amministrazzjonijiet marittimi Ewropej kollha jiskjeraw ir-riżorsi ekonomiċi u umani meħtieġa sabiex tkun żgurata s-sodisfazzjoni tar-responsabbiltajiet tagħhom bħala stati tal-bnadar, tal-port u tal-kosta. L-Istati Membri tal-UE kollha għandhom ikunu fuq il- "Lista l-Bajda" tal-Memorandum ta' Ftehim ta' Pariġi dwar il-Kontroll tal-Istati tal-Port l-iktar tard sal-2012.

- Jaġixxu fi ħdan l-IMO bil-għan li jilħqu, kemm jista' jkun malajr, ftehim dwar qafas internazzjonali effiċjenti li jirregola r-responsabbiltà u l-kumpens għall-ħsara b'konnessjoni mal-ġarr bil-baħar ta' sustanzi perikolużi u li jagħmlu l-ħsara.

- Jiżguraw li, sal-2012, l-Istati Membri kollha jkunu marbutin, skont l-impenn tagħhom, bil-konvenzjonijiet internazzjonali relevanti kollha u li dawn jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Kodiċi għall- Implimentazzjoni tal-Istrumenti Mandatorji tal-IMO , u kif ukoll l-Iskema ta’ Verifika tal-Istati Membri tal-IMO.

4.3. Is-sigurtà tat-trasport marittimu

L-industrija Ewropea tat-trasport bil-baħar għamlet sforzi sostanzjali sabiex timplimenta l-miżuri mandatorji tas-sigurtà adottati fl-2002 mill-IMO u introdotti fil-liġi tal-UE fl-2004. Madankollu, it-theddida tat-terroriżmu mhijiex qed turi sinjali ta’ tnaqqis u kemm il-vapuri kif ukoll il-portijiet se jkomplu jaffaċċaw it-theddida tal-attakki terroristiċi . Barra minn hekk, qed ikompli għaddej tħassib serju ħafna dwar l-atti ta' piraterija u ta’ serq bl-użu tal-armi fuq il-baħar . Diffikultà oħra għandha x’taqsam mal-inċidenti li jinvolvu l- kuntrabandu tan-nies, it-traffikar tan-nies u dawk li jinħbew fuq il-bastimenti mingħajr ma jħallsu .

L-isfida hija li jitlesta x-xogħol li diġà nbeda biex jiġi stabbilit qafas komprensiv ta’ miżuri ta' sigurtà bbażati fuq il- prevenzjoni, il-kapaċità tar-reazzjoni u l-kapaċità ta’ rkupru ta’ malajr . Din għandha twassal għal “ kultura tas-sigurtà ” ġenwina li ssir parti integrali mill-operazzjonijiet tat-trasport bil-baħar u l-portijiet ta' kwalità, filwaqt li ma tqiegħedx f’periklu bla bżonn il-prestazzjoni tat-trasport bil-baħar u l-kwalità tal-ħajja tal-baħħara u tal-passiġġieri.

B'konsiderazzjoni xierqa għall-kompetenzi rispettivi f'dan il-qasam, l-azzjoni tal-UE u tal-Istati Membri tagħha għandu jkollha l-għanijiet li ġejjin:

- F’dak li għandu x’jaqsam mat- theddida tat-terroriżmu , il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom ikomplu jappoġġaw l-implimentazzjoni tal- miżuri tas-sigurtà internazzjonali li huma fi proporzjon mat-theddida tas-sigurtà li tkun għaddejja u li jkunu bbażati fuq metodoloġiji xierqa ta' analiżi tar-riskju. L-istati tal-bnadar u s-sidien tal-vapuri jridu jikkooperaw mill-viċin bejniethom u l-baħħara jridu jirċievu t- taħriġ xieraq bażiku u li jkompli.

- Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jieħdu vantaġġ bis-sħiħ tal-qafas offrut mill-emendi tas-sigurtà tal-Kodiċi Doganali Komunitarju, u b'hekk jikkontribwixxu għall-isforzi internazzjonali sabiex tiġi żgurata l-katina tal-provvista internazzjonali.

- F’dak li għandu x’jaqsam mal- piraterija u s-serq bl-użu tal-armi , il-Kummissjoni u l-Istati Membri jridu jadottaw tweġiba soda u jikkontribwixxu għal trasport bil-baħar iktar sikur fiż-żoni affettwati. L-Ewropa għandu jkollha rwol fl-iżvilupp u l-istabbilizzazzjoni tal-pajjiżi minn fejn ġejjin attakki bħal dawn.

- F'dak ir-rigward, l-iżjed prijorità urġenti hija li jitħarsu l-baħħara, is-sajjieda u l-passiġġieri fuq il-vapuri li qed ibaħħru lil hinn mill-kosta tas-Somalja, fil-Golf tal-Aden jew fi kwalunkwe reġjun ieħor tad-dinja li jista' jsir problematiku fil-futur .

- Barra minn hekk, l-istabbiltà tas-sistema dinjija tat-trasport fuq il-baħar teħtieġ li jiġu protetti r-rotot internazzjonali tat-trasport bil-baħar minn kwalunkwe atti li jistgħu jfixklu l-mogħdija tat-traffiku minnhom. Per eżempju, b'iktar minn 12% tal-volum totali taż-żejt ittrasportat bil-baħar minn ġol-Golf tal-Aden, id-devjazzjonijiet fuq skala kbira madwar il-Kap tat-Tama t-Tajba mhux biss se jirdoppjaw it-tul ta' vjaġġ tipiku mill-Golf sal-Ewropa, imma wkoll iżidu b'mod sinifikanti l-konsum tal-karburanti, l-emissjonijiet u l-ispejjeż tat-trasport.

- Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu pjanijiet għall-kapaċità ta' rkupru ta' malajr , li jinkludu sistemi ta’ twissija bikrija, il-monitoraġġ konġunt tal-avvenimenti u l-pjanijiet ta' protezzjoni. Mekkaniżmi bħal dawn għandhom jibbenifikaw mill-użu komplut tal-LRIT u ta’ sistemi oħra xierqa ta' sorveljanza, kif ukoll mill-koordinazzjoni rrinfurzata tal-awtoritajiet responsabbli fl-Istati Membri.

- Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jaħdmu flimkien sabiex jiżguraw it-titjib xieraq tal-Kodiċi Internazzjonali tas-Sigurtà tal-Vapuri u l-Faċilitajiet tal-Portijiet (l- ISPS ); għandu jitqies programm ta' assistenza teknika għall-amministrazzjonijiet tal-port u dawk marittimi.

4.4. Is-sorveljanza marittima

B'ħarsa ’l quddiem lejn l-2018, il-kapaċitajiet tas-sistema tat-trasport marittimu tal-UE għandhom jissaħħu billi tiddaħħal fis-seħħ sistema integrata għall-ġestjoni tal-informazzjoni sabiex ikunu jistgħu jiġu identifikati, mmonitorjati, rrintraċċati u rrappurtati l-bastimenti kollha fuq il-baħar u fuq il-mogħdijiet tal-ilma interni minn u lejn il-portijiet Ewropej u fi tranżitu ġewwa l-ibħra tal-UE jew viċin ħafna tagħhom.

Sistema bħal din se tkun parti mill-Inizjattiva Marittima elettronika u se tiżviluppa f'sistema integrata tal-UE li tipprovdi servizzi elettroniċi fuq il-livelli differenti fil-katina tat-trasport. F'dak ir-rigward, is-sistema għandha tkun kapaċi tagħmel interazzjoni mas-sistemi tal-Merkanzija elettronika, tad-Dwana elettronika u tat-Trasport Intelliġenti[10], u b'hekk tippermetti lill-utenti jintraċċaw u jsegwu l-merkanzija mhux biss fil-parti tal-vjaġġ li jsir fuq il-baħar, imma wkoll waqt il-vjaġġ bil-mezzi kollha tat-trasport fi spirtu vera ta' ħidma flimkien tal-mezzi tat-trasport (“co-modality").

F'kuntest usa’, filwaqt li tibni fuq ir-riżorsi li huma disponibbli attwalment, bħall-AIS, l-LRIT, is-SafeSeaNet jew il-CleanSeaNET, jew fuq dawk li qed ikunu żviluppati, bħall-Galileo u l-GMES, u filwaqt li titqies il-ħtieġa li jkun żviluppat kompletament l-EUROSUR[11], l-UE għandha tippromwovi l-ħolqien ta' pjattaforma sabiex tiżgura l- konverġenza tat-teknoloġiji bbażati fuq il-baħar, l-art u l-ispazju, l- integrità tal-applikazzjonijiet u l- ġestjoni u l-kontroll xierqa tal-informazzjoni abbażi tal-“ħtieġa għall-għarfien” biss. Sabiex tkun evitata d-duplikazzjoni, għandha tkun promossa l-kooperazzjoni militari u ċivili.

Il-Kummissjoni qed taħdem ukoll sabiex tinħoloq sistema ta' sorveljanza tal-UE integrata li taqsam l-fruntieri u s-setturi[12]. Wieħed mill-għanijiet prinċipali huwa li jkun stabbilit l-iskambju tan-netwerks tal-informazzjoni fost l-awtoritajiet nazzjonali, bil-ħsieb li tiżdied l-interoperabbiltà tal-attivitajiet ta' sorveljanza, li titjieb l-effettività tal-operazzjonijiet fuq il-baħar u li tkun iffaċilitata l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u tal-politiki relevanti tal-Komunità[13].

4.5 It-trasport marittimu bħala element prinċipali tas-sigurtà tal-enerġija tal-UE

It-trasport marittimu huwa ċentrali għas-sigurtà tal-enerġija Ewropea u għalhekk huwa strument importanti tal-politika Ewropea dwar l-enerġija. It-trasport fuq il-baħar għandu jidher bħala parti mill-istrateġija tal-UE dwar id-diversifikazzjoni tar-rotot u tas-sorsi tal-enerġija. 90% taż-żejt huwa ttrasportat bil-baħar, filwaqt li hemm xejra li qiegħda dejjem tikber favur it-trasport ta' gass naturali f'forma likwida (l-LNG) bit-tankers. Ħafna prodotti oħra tal-enerġija huma ttrasportati bil-baħar ukoll[14].

Il-flotta li qed tittrasporta l-prodotti tal-enerġija, fl-oqsma kollha tal-attività tagħha – it-tankers taż-żejt mhux maħdum u tal-prodotti, il-bastimenti tal-LNG u l-LPG u dawk tas-servizzi lil hinn mix-xtut – hija dejjem iktar importanti sabiex tiżgura swieq tal-enerġija li jaħdmu sew u s-sigurtà tal-forniment , u b'hekk il-benesseri taċ-ċittadini Ewropej u tal-ekonomija Ewropea in ġenerali.

B’mod partikolari, it-tfixkil riċenti tal-forniment terrestri tal-gass u taż-żejt jenfasizzaw iżjed minn qatt qabel l-importanza tal-infrastruttura tal-LNG. Kif enfasizzat b’mod notevoli fit-Tieni Reviżjoni Strateġika tal-Enerġija[15], il-faċilitajiet tal-LNG huma essenzjali sabiex tiżdied il-flessibilità fil-fornimenti tal-gass fis-suq intern tal-enerġija, u b'hekk biex ikun jista’ jkun hemm is-solidarjetà fil-kriżi. Il-flotta li tittrasporta l-prodotti tal-enerġija trid tkun tħaddan l-ogħla standards tat-teknoloġija u l-ekwipaġġi li jservu l-flotta jridu jkunu mħarrġin sew, fil-qafas tal-isforzi tal-UE għal trasport bil-baħar ta' kwalità.

5. Naħdmu flimkien fix-xena internazzjonali

L-Unjoni Ewropea għandha impenn fit-tul favur il-kompetizzjoni miftuħa u ġusta fil-qasam tat-trasport bil-baħar u wkoll favur it-trasport bil-baħar ta' kwalità. Dan jispjega l-appoġġ tagħha għax-xogħol tal-organizzazzjonijiet internazzjonali speċjalizzati fil-qasam tat-trasport marittimu, li jinkludu l-IMO, l-ILO, il-WTO u l-WCO, u kif ukoll in-netwerk tagħha b'saħħtu u li qiegħed dejjem jikber ta' ftehimiet u djalogi bilaterali dwar it-trasport marittimu mal-imsieħba prinċipali tat-trasport bil-baħar u l-kummerċ.

Il-ftehim dwar it-trasport marittimu tal-2002 bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri u ċ-Ċina huwa eżempju tajjeb f'dan il-kuntest. L-istess approċċ qed ikun segwit fir-relazzjonijiet u n-negozjati bilaterali tal-UE li għaddejjin bħalissa fuq il-livell reġjonali, inkluż fil-Kooperazzjoni Ewro-Mediterranja (l-Euromed), fl-Unjoni għall-Mediterran jew mal-Mercosur.

L-isfidi globali li qed ikollhom jaffaċċaw is-servizzi tat-trasport bil-baħar u dawk marittimi llum qed jitolbu tweġibiet konvinċenti mill-komunità internazzjonali. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri qegħdin f'pożizzjoni tajba sabiex jaħdmu qatigħ favur bidla sabiex jinkiseb qafas regolatorju internazzjonali komprensiv għat-trasport bil-baħar , li jkun addattat sabiex jaffaċċa l-isfidi tas-seklu 21:

- L-azzjoni miftehma fil-livell Ewropew hija kruċjali f'diversi fora, per eżempju dawk li jikkonċernaw: il-governanza (l-UNCLOS), il-kummerċ internazzjonali (id-WTO u d-djalogi u l-ftehimiet bilaterali dwar it-trasport marittimu, l-UNCITRAL), is-sikurezza, is-sigurtà u l-protezzjoni ambjentali (l-IMO), ix-xogħol (l-ILO) u d-dwana (id-WCO).

- Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jimmiraw lejn, u jikkooperaw, sabiex jilħqu l-għanijiet kollha tal-politiki tal-UE dwar is-sikurezza u s-sigurtà marittimi permezz ta’ strumenti internazzjonali maqbulin permezz tal-IMO. Madankollu, jekk ifallu n-negozjati tal-IMO, imbagħad l-UE għandha tkun minn tal-ewwel fl-implimentazzjoni ta’ miżuri dwar kwistjonijiet li huma ta' importanza partikolari għall-UE, bħala l-ewwel pass, fl-istennija ta' qbil internazzjonali u filwaqt li tqis l-ambjent kompetittiv internazzjonali.

- Sabiex l-Istati Membri tal-UE jaħdmu bħala tim effiċjenti li jista' jiddependi fuq membri individwali b'saħħithom, jeħtieġ li jittejbu l-identifikazzjoni u l-viżibilità tal-UE fi ħdan l-IMO billi jkun fformalizzat il-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni tal-UE u billi jingħata stat formali ta' osservatur lill-UE f'din l-organizzazzjoni, jekk mhux sħubija totali. Dan mhux se jaffettwa d-drittijiet u l-obbligi tal-Istati Membri tal-UE fil-kapaċità tagħhom bħala partijiet kontraenti tal-IMO.

- Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jaħdmu lejn mekkaniżmu aħjar għar-ratifika ta’ malajr tal-konvenzjonijiet tal-IMO fuq livell dinji , li jinkludi l-eżaminazzjoni tal-possibbiltà li tinbidel ir-ratifika bbażata fuq il-bandiera bir-ratifika bbażata fuq il-flotta kif iddefinita mill-pajjiż tar-residenza.

- Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jaħdmu mal-imsieħba tat-trasport bil-baħar u tal-kummerċ sabiex jiżguraw il-konverġenza tal-opinjonijiet fl-IMO. L-isforzi ta' kooperazzjoni internazzjonali tal-UE għandhom iwasslu lejn l-istabbiliment ta' mekkaniżmu sabiex jiżgura l-infurzar reali tar-regoli maqbula b’mod internazzjonali mill-istati kollha tal-bnadar u tal-kosta fid-dinja .

- Il-Komunikazzjoni riċenti tal-Kummissjoni dwar ir-Reġjun tal-Artiku tippreżenta suġġerimenti[16] għall- ħarsien u l-preservazzjoni ta' dan il-baċir marittimu u, partikolarment, biex tiġi żgurata navigazzjoni kummerċjali sostenibbli fl-Artiku, li għandhom ikunu segwiti.

6. L-ISFRUTTAMENT TAL-POTENZJAL KOLLU TAT-TRASPORT BIL-BAħAR GħAL DISTANZI QOSRA U TAS-SERVIZZI TAT-TRASPORT BIL-BAħAR GħALL-KUMMERċ U ċ-ċITTADINI FL-EWROPA

Aktar integrazzjoni ekonomika tal-Istati Membri taż-ZEE u tal-pajjiżi ġirien se jkollha effetti pożittivi fuq il-konnessjonijiet tat-trasport marittimu intra-Ewropew. B'ħarsa ’l quddiem lejn l-2018, l-ekonomija Ewropea għandha tirkupra mill-kriżi attwali. B’hekk, it-trasport marittimu fl-UE-27 huwa mbassar li se jikber minn 3.8 biljun tunnellata fl-2006 għal madwar 5.3 biljun tunnellata fl-2018. Dan ifisser li fi żmien għaxar snin l-infrastruttura, li tinkudi l-portijiet, il-kuntatti tagħha maż-żoni interni, u l-industrija tat-trasport bil-baħar, trid tkun kapaċi tlaħħaq tal-inqas ma’ 1.6 biljun tunnellata aktar milli fil-preżent. It-traffiku tal-passiġġieri, li jinkludi l-laneċ u l-vapuri tal-kruċieri, se jikber ukoll. Il-kontinwità territorjali, il-koeżjoni reġjonali u l-istandards ta' kwalità għall-passiġġieri tal-baħar iridu jkunu żgurati.

L-isfida hija li tkun ipprovduta t-taħlita t-tajba tal-miżuri sabiex ikun żgurat li l-portijiet ikunu jistgħu jlaħħqu b'mod effiċjenti mal-funzjoni tagħhom ta' portal. Din se tkun teħtieġ sew il-forniment ta' infrastrutturi ġodda u kif ukoll it-titjib tal-użu tal-kapaċitajiet eżistenti billi tiżdied il-produttività tal-portijiet. Is-sistema eżistenti, li tinkludi l-konnessjonijiet għaż-żoni interni u l-mogħdijiet tal-merkanzija, trid tkun adattata sabiex tlaħħaq mat-tkabbir mistenni. F'dak ir-rigward, il-prijoritajiet prinċipali għandhom ikunu li:

- Ikun stabbilit “ spazju Ewropew tat-trasport marittimu mingħajr fruntieri ” ta’ veru, u jitneħħew il-fruntieri amministrattivi żejda, il-kontrolli transkonfinali doppji, in-nuqqas ta' dokumenti armonizzati u l-fatturi l-oħra kollha li jxekklu t-tkabbir potenzjali tat-trasport bil-baħar għal distanzi qosra.

- Ikunu implimentati l-miżuri mħabbrin fil-Komunikazzjoni dwar il-Politika tal-Portijiet Ewropej . B'osservazzjoni kompluta tar-rekwiżiti tas-sikurezza, tas-sigurtà u tat-tkabbir sostenibbli, is-servizzi tal-portijiet għandhom ikunu pprovduti fil-każijiet kollha skont il-prinċipji tal-kompetizzjoni ġusta, tat-trasparenza finanzjarja, tan-nuqqas ta’ diskriminazzjoni u tal-effiċjenza fl-ispejjeż.

- Ikunu żgurati l-kundizzjonijiet it-tajbin sabiex jiġu attirati flussi ta' investiment lejn is-settur tal-portijiet , billi tingħata prijorità lill-modernizzazzjoni u l-espansjoni proġetti tal-infrastruttura li jgħaqqdu l-portijiet u ż-żoni interni f'dawk l-inħawi li fihom hemm tendenza akbar ta’ problemi ta' konġestjoni.

- F’dak li għandu x’jaqsam mal-valutazzjonijiet ambjentali għall-espansjoni tal-portijiet, għandhom ikunu ġġeneralizzati proċeduri mgħaġġla li jnaqqsu l-ħin globali tat-twettiq b'mod sinifikanti. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni se toħroġ linji ta’ gwida dwar l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ambjentali relevanti tal-Komunità għall-iżvilupp tal-portijiet [17].

- Tkun infurzata mill-ġdid l-istrateġija tal-UE sabiex ikun żgurat l-użu komplut tal-proġetti tal- Awtostradi tal-Baħar , li tiffaċilita aktar it-tnedija ta' soluzzjonijiet innovattivi għal trasport integrat b’diversi mezzi, tissimplifika r-rekwiżiti amministrattivi u tappoġġa l-inizjattivi proposti mill-Kummissjoni sabiex it-trasport ikun aktarfavur l-ambjent.

- Il-programmi ta' fondi tal-UE bħall- proġetti tan-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport , l-istrument Marco Polo jew dak tal-Politika Reġjonali għandhom jgħinu f'dawk l-iżviluppi u jindirizzaw il-fatturi tal-bidla fil-mezzi.

- Issir promozzjoni tal-miżuri sabiex jiġu ffaċilitati konnessjoni aħjar tal-gżejjer u t-trasport tal-passiġġieri ġewwa l-Ewropa għal distanzi twal permezz ta' servizzi ta' kwalità tal-laneċ u tal-kruċieri, u l-vendi xierqa. Meta wieħed iqis l-esperjenza miksuba mill-adozzjoni tar-Regolament “Cabotage” li ilha li saret mill-1992, il-qafas għall-forniment ta’ servizzi pubbliċi tat-trasport marittimu li jissodisfaw bis-sħiħ ir-rekwiżiti ta' kontinwità territorjali jista' jittejjeb.

- Fil-kuntest t'hawn fuq, jiġu eżaminati l-istrumenti ekonomiċi (bħat-taxxi, il-miżati jew l-iskemi tal-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet) sabiex " insibu l-prezzijiet it-tajba "[18] li jinkoraġġixxi l-utenti sabiex jagħmlu użu mill-alternattivi tat-trasport bil-baħar għal distanzi qosra li jindirizzaw il-problemi tal-konġestjoni fit-toroq u, b'mod ġenerali jippromwovu soluzzjonijiet tas-suq li jikkontribwixxu lejn is-sostenibbiltà tal-katina tat-trasport b'mod globali.

- Tiġi indirizzata l-kwistjoni tad- drittijiet tal-passiġġieri għall-utenti tas-servizzi tal-laneċ u tal-kruċieri fl-Ewropa, billi ssir il-promozzjoni ta' kampanja ta' kwalità (li fiha jkunu ppremjati l-aħjar operaturi tal-laneċ).

7. L-Ewropa għandha tkun tal-ewwel fid-dinja fir-riċerka u l-innovazzjoni marittimi

Il-kompetittività tal-industriji marittimi Ewropej, u l-kapaċità tagħhom li jlaħħqu mal-isfidi ambjentali, tal-enerġija, tas-sikurezza u tal-fatturi umani li jaffaċċaw huma influwenzati fil-parti l-kbira tagħhom mill-isforzi tar-riċerka u l-innovazzjoni, li għandhom ikunu inkuraġġuti aktar.

L-isfidi tal-lum jirrappreżentaw opportunitajiet sinifikanti għat-tkabbir fl-industrija u l-effiċjenza. Bl-utenti finali jiffukaw dejjem aktar fuq il-livell ta' "miżuri favur l-ambjent" mill-kumpaniji matul il-katina tal-forniment, u b’dawk responsabbli għall-ġarr tal-merkanzija bil-baħar jitolbu għal trasportazzjoni li tkun veru favur l-ambjent, is-sostenibbiltà u r-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji qegħdin isiru dejjem iżjed meqjusin bħala fatturi li jagħtu vantaġġ kompetittiv.

Per eżempju, fis-settur tat-trasport marittimu hemm lok kbir għal titjib fl-effiċjenza tal-enerġija fil-vapuri, għal tnaqqis tal-impatt ambjentali tagħhom, għall-minimizzar tar-riskji tal-aċċidenti u għall-forniment ta’ kwalità tal-ħajja aħjar fuq il-baħar. Hemm il-ħtieġa dejjem tikber għal spezzjonijiet u għodda tal-monitoraġġ xierqa u għall-iżvilupp ta' standards teknoloġiċi u ambjentali avvanzati.

L-industriji marittimi Ewropej għandhom jikkapitalizzaw fuq l-isforzi sinifikanti tar-riċerka fit-teknoloġija u l-iżvilupp (ir-RTŻ) imwettqin taħt il-Programmi suċċessivi tal-Qafas tar-Riċerka tal-UE u attivitajiet oħrajn:

- Sfida kbira hija kif jistgħu jinħolqu disinji ġodda tal-vapuri u tagħmir sabiex jitjiebu l-prestazzjoni ambjentali u s-sikurezza . L-inizjattivi immirati tar-RTŻ għandhom iwasslu għal forom ġodda tad-disinn, strutturi avvanzati, materjali, soluzzjonijiet ta' propulsjoni nodfa u effiċjenti fl-enerġija. Sabiex jinżamm dan il-vantaġġ kompetittiv, iridu jittieħdu l-miżuri xierqa sabiex jitħarsu b'mod xieraq l-għarfien u l-proprjetà intellettwali.

- L-iżvilupp teknoloġiku u l-kunċetti avvanzati tal-loġistika li jagħmlu l-aħjar użu mill- effiċjenza tal-katina globali tat-trasport bl-użu tat-trasport bil-baħar għal distanzi qosra u t-trasport bil-mogħdijiet tal-ilma interni huma meħtieġa wkoll sabiex tintlaħaq il-mobilità sostenibbli.

- Il-parteċipanti kollha kkonċernati għandhom ikunu involuti sabiex ikun żgurat li s-soluzzjonijiet li jirriżultaw minn dawn l-isforzi jaslu fis-suq. Għandu jsir użu sħiħ tal- pjattaformi tar-RTŻ bħall-pjattaforma tat-Tekonoloġija msejħa "WATERBORNE".

- Il-Komunikazzjoni riċenti tal-Kummissjoni dwar Strateġija Ewropea għar-Riċerka tal-Baħar u dik Marittima[19] tistipula qafas għall-industriji marittimi Ewropej sabiex jiġu indirizzati dawn l-isfidi teknoloġiċi permezz ta' integrazzjoni aħjar max-xjenza marina u r-riċerka.

- Għandhom ikunu żviluppati għodod xierqa għall-ispezzjonijiet u l-monitoraġġ tal-ICT , li huma relatati wkoll mas-sorveljanza. Il-ġestjoni teknika tal-flotta, inkluż il-kontroll mill-bogħod tal-prestazzjoni tal-magna, tas-saħħiet strutturali u tal-istat globali tal-operazzjoni tal-bastimenti għandha tkun iffaċilitata bl-użu ta' sistemi avvanzati tat-telekomunikazzjoni. Għal dan il-għan, għandu jkun stabbilit qafas ta' referenza sabiex ikunu jistgħu jintużaw is-servizzi marittimi elettroniċi [20] fuq il-livell Ewropew u dak globali. Dawn it-tip ta’ servizzi elettroniċi għandhom jinkludu wkoll l-amministrazzjonijiet pubbliċi, il-komunitajiet tal-port u l-kumpaniji tat-trasport bil-baħar.

8. Għeluq

L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha għandhom interess komuni qawwi li jippromwovu trasport bil-baħar ġewwa l-Ewropa u b’mod internazzjonali li mhuwiex perikoluż, u huwa sigur u effiċjenti u li jsir f'oċeani u ibħra nodfa, il-kompetittività fit-tul tal-industriji Ewropej tat-trasport bil-baħar u tal-industriji marittimi relatati fis-swieq dinjin, u l-adattament tas-sistema kollha tat-trasport fuq il-baħar għall-isfidi tas-seklu 21.

L-għażliet strateġiċi ppreżentati f'din il-Komunikazzjoni għat-trasport bil-baħar Ewropew u għas-sistema Ewropea tat-trasport marittimu, b'ħarsa ’l quddiem lejn l-2018, jirrappreżentaw viżjoni sabiex jinkisbu dawn l-iskopijiet.

L-għażliet proposti huma mibnija fuq approċċ għall-politika marittima integrat u bbażat fuq il-valuri bażiċi tal-iżvilupp sostenibbli, it-tkabbir ekonomiku u s-swieq miftuħa ibbażati fuq il-kompetizzjoni ġusta u standards ambjentali u soċjali għolja. Il-benefiċċji mniżżlin f'din il-viżjoni għandhom imorru lil hinn mill-fruntieri tal-Ewropa u għandhom jestendu lejn id-dinja marittima kollha, inklużi lejn il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw.

Il-Kummissjoni beħsiebha tfittex li tilħaq djalogu kostruttiv mal-partijiet interessati kollha kkonċernati bil-ħsieb li twettaq azzjoni favur l-implimentazzjoni prattika tal-miżuri identifikati f'din ir-reviżjoni strateġika.

[1] Għal tagħrif iddettaljat ara l-EUROSTAT – L-Istatistika tat-Trasport Marittimu - http://ec.europa.eu/eurostat/

[2] COM (2006) 314 finali tat-22.6.2006.

[3] COM (2007) 575 finali tal-10.10.2007.

[4] Din il-Komunikazzjoni għandha tinqara flimkien mar-Rapport tal-Grupp ta’ professjonisti ta’ livell għoli tat-trasport bil-baħar lill-Kummissjoni (ta’ Settembru 2008) u l-istudju msejjaħ “OPTIMAR – Nimmarkaw għażliet strateġiċi għat-trasport bil-baħar Ewropew u għas-sistema Ewropea tat-trasport marittimu fil-perjodu mill-2008 sal-2018”, li fihom jingħataw il-figuri u l-istatistika relevanti kollha.

[5] COM(2007) 591, 10.10.2007.

[6] Sors: L-istudju OPTIMAR, tal-LR Fairplay Research Ltd & Partners (Settembru 2008).

[7] Il-miżuri mandatorji ta' tnaqqis għandhom japplikaw għall-vapuri kollha fil-flotta dinjija. Illum, iktar minn 75% tal-flotta dinjija hija rreġistrata f'pajjiżi li mhumiex firmatarji tal-Protokoll ta' Kjoto.

[8] ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19.

[9] COM(2008) 767, 19.11.2008.

[10] COM (2007) 607, 18.10.2007.

[11] Ara l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5.6.2008 fir-rigward tal-iżvilupp tal-Frontex fil-futur, il-Eurosur u l-isfidi tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-UE fil-futur.

[12] SEC (2008) 2737 tat-3.11.2008.

[13] Fis-SEC (2008) 3727 tat-13.10.2008 hija disponibbli deskrizzjoni ġenerali tal-azzjonijiet li ttieħdu fl-2008 u għall-2009 hija prevista Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar is-sorveljanza marittima.

[14] Ara d-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni dwar "Il-Politika tal-Enerġija u l-politika marittima: niżguraw qies aħjar" – SEC (2007) 1283/2 tal-10.10.2007.

[15] SEC (2008) 2794 u SEC (2008) 2791.

[16] COM (2008) 763 tal-20.11.2008

[17] COM (2007) 616 tat-18.10.2007, Politika Ewropea għall-Portijiet

[18] COM (2008) 435, 8.7.2008

[19] COM (2008) 534, 3.9.2008. Il-programmi bħal dawk imsejħin “Leadership 2015” u “Life” ukoll jappoġġaw innovazzjoni li hija importanti għat-trasport marittimu.

[20] Ara l-punt 4.4.

Top