EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009BP0096

Linji gwida għall-proċedura tal-baġit 2010 - I-II, IV-IX Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 10 ta’ Marzu 2009 dwar il-linji gwida għall-proċedura baġitarja 2010, Sezzjoni I – Parlament Ewropew, Sezzjoni II – Kunsill, Sezzjoni IV – Qorti tal-Ġustizzja, Sezzjoni V – Qorti ta’ l-Awdituri, Sezzjoni VI – Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, Sezzjoni VII – Kumitat tar-Reġjuni, Sezzjoni VIII – Ombudsman, Sezzjoni IX – Kontrollur Ewropew għal Protezzjoni tad-Data (2009/2004(BUD))

OJ C 87E, 1.4.2010, p. 327–332 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

1.4.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 87/327


It-Tlieta, 10 ta’ Marzu 2009
Linji gwida għall-proċedura tal-baġit 2010 - I-II, IV-IX

P6_TA(2009)0096

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Marzu 2009 dwar il-linji gwida għall-proċedura baġitarja 2010, Sezzjoni I – Parlament Ewropew, Sezzjoni II – Kunsill, Sezzjoni IV – Qorti tal-Ġustizzja, Sezzjoni V – Qorti ta’ l-Awdituri, Sezzjoni VI – Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, Sezzjoni VII – Kumitat tar-Reġjuni, Sezzjoni VIII – Ombudsman, Sezzjoni IX – Kontrollur Ewropew għal Protezzjoni tad-Data (2009/2004(BUD))

2010/C 87 E/48

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 272 tat-Trattat KE,

wara li kkunsidra l-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (1),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/597/KE, Euratom tad-29 ta’ Settembru 2000 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (2),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (3),

wara li kkunsidra r-rapport annwali mis-Segretarji Ġenerali tal-Istituzzjonijiet dwar ix-xejriet fl-intestatura 5 tal-prospettivi finanzjarji ta’ Mejju 2006,

wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2007, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet (4),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A6-0057/2009),

A.

billi f’dan l-istadju tal-proċedura annwali, il-Parlament Ewropew qed jistenna l-estimi tal-istituzzjonijiet l-oħra u l-proposti tal-Bureau tiegħu għall-baġit tal-2010,

B.

billi ġie propost li jitkompla l-eżerċizzju pilota dwar il-koperazzjoni mtejba u r-relazzjonijiet imsaħħa bejn il-Bureau u l-Kumitat għall-Bagits għal sena oħra matul il-proċedura baġitarja għall-2010,

C.

billi l-limitu massimu tal-intestatura 5 fl-2010 hu ta’ EUR 8 088 000 000, (li jirrapreżenta żieda ta’ EUR 311 000 000, jew 4 % meta mqabbel mal-2009, inklużi 2 % għall-inflazzjoni),

D.

billi l-baġit tal-Parlament Ewropew għall-2009 jammonta għal EUR 1 529 970 930, li jirrapreżenta 19,67 % tal-intestatura 5 din is-sena,

Parlament Ewropew

Il-Qafas Ġenerali

1.

Ma jistax jenfasizza biżżejjed il-prinċipju fundamentali li l-Membri kollha għandhom jiġu pprovduti b’mod indaqs b’servizzi sħaħ u ta’ kwalità li jippermettulhom li jaħdmu u li jesprimu ruħhom u li jirċievu dokumenti fil-lingwa nativa tagħhom sabiex ikunu jistgħu jaġixxu f’isem l-elettorat tagħhom bl-aħjar mod possibbli; iqis li l-leġiżlatura l-ġdida hija opportunità li tiżgura li dan iseħħ u jaqbel li, f’dan is-sens, “l-aħjar aċċess possibbli u aċċess indaqs għal faċilitajiet tal-lingwi għall-Membri” se jkun waħda mil-linji gwidi kruċjali għall-baġit 2010;

2.

Iqis, l-istess bħal fil-pożizzjoni preċedenti tiegħu, li għandha tingħata l-istess enfasi għall-aspetti kollha li jirrigwardaw l-irwol leġiżlattiv tal-Parlament; b’mod partikulari, l-allinjament prijoritarju tal-istaff u tar-riżorsi relatati għandu jqis qabel kollox ix-xogħol parlamentari u x-xogħol tat-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-qasam tad-deċiżjonijiet konġunti;

3.

Jisħaq li s-sena 2010 se tkun sena meta l-Parlament, wara l-elezzjonijiet Ewropej tal-2009 u l-bidliet fil-kompożizzjoni tiegħu li dawn se jġibu, jerġa’ jassumi b’mod gradwali l-attività sħiħa tiegħu matul is-sena u jinnota li dan jimplika ċertu numru ta’ aġġustamenti baġitarji; jinnota wkoll li ħafna punti relatati b’mod speċifiku mas-sena elettorali 2009 mhux se jkun hemm bżonnhom iktar;

4.

Jinnota li 1-2010 se tkun sena ta’ adattament kontinwu għall-Parlament f’dak li jikkonċerna t-titjib tal-metodi ta’ xogħol u l-modernizzazzjoni tagħhom, u dan jimxi id f’id mar-responsabilitajiet politiċi u leġiżlattivi tiegħu u l-evalwazzjoni li tikkonċerna sensiela ta’ inizjattivi pluriennali mnedija matul dawn l-aħħar ftit snin;

5.

Jikkonferma l-intenzjoni tiegħu li jieħu d-dispożizzjonijiet meħtieġa fid-dawl ta’ tkabbir eventwali tal-Unjoni fil-ġejjieni bid-dħul tal-Kroazja;

6.

Jinnota l-fatt li l-limitu massimu finanzjarju tal-intestatura 5, infiq amministrattiv, fit-teorija se jippermetti żieda ta’ 4 % jew EUR 311 000 000; jinnota, għalhekk, li, bħala mezz ta’ kejl, is-sehem volontarju ta’ 20 % tal-Parlament xorta jkun jista’ jimplika spazju “awtomatiku” addizzjonali għall-manuvrar ta’ EUR 62 000 000 ikkalkulat fuq il-limitu massimu u EUR 87 000 000 meta mqabbel mal-baġit reali adottat għall-2009; jinnota madanakollu li hemm inċertezzi dwar l-evoluzzjoni tal-UE-GNI u ċ-ċirkustanzi li l-Parlament Ewropew jopera fihom;

7.

Qed jistenna li l-Bureau jippreżenta talbiet realistiċi meta jippreżenta l-estimi, u hu lest li jeżamina l-proposti tiegħu fuq bażi prudenti u msejsa bis-sħiħ fuq il-bżonnijiet sabiex jiżgura funzjonament xieraq u effiċjenti tal-istituzzjoni;

8.

Hu tal-fehma li iktar milli tinħoloq riserva speċifika, għandu jinżamm marġni sinifikanti fl-estimi tal-baġit sabiex tkun imħarsa l-possibilità li l-Parlament il-ġdid jistipola l-prijoritajiet tiegħu huwa stess meta dan jitwaqqaf, jew li jadatta ruħu għall-bidliet fiċ-ċirkustanzi, mingħajr ma jonqos li jqis l-20 % tal-ispiża aministrattiva kollha kemm hi;

9.

Jemmen li, fil-każ li jiġi ratifikat it-Trattat ta’ Liżbona, kwalunkwe adattament meħtieġ li jkun jirrikjedi nfiq baġitarju għandu jiġi ttrattat f’dak iż-żmien skont il-proċeduri baġitarji fis-seħħ;

10.

Jitlob revizjoni ġenerali dettaljata u ċara ta’ dawk il-punti baġitarji li ma kenux implimentati biżżejjed fl-2008 u jistenna bil-ħerqa li janalizza r-raġunijiet għal dan; jixtieq ukoll li jingħata rendikont tat-trasferimenti kollha li tħallew għas-sena ta’ wara u l-użu tagħhom fl-2008, kif ukoll aġġornament dwar id-dħul aħħari assenjat imqabbel mal-ammonti li ngħataw fil-baġit;

11.

Jilqa’ d-deċiżjoni li l-eżerċizzju pilota dwar il-koperazzjoni msaħħa bejn il-Bureau u l-Kumitat għall-Baġits jittawwal għal sena oħra, hekk li jippermetti li tiġi implimenta proċedura baġitarja simplifikata kif ukoll li tippermetti li jkun hemm konsultazzjoni aktar f’waqtha u trasparenti dwar il-kwistjonijiet parlamentari kollha b’implikazzjonijiet finanzjarji sinifikanti; jenfasizza li l-prattika rigward meta l-Bureau jikkonsulta l-Kumitat għall-Baġits dwar kwistjonijiet b’implikazzjonijiet finanzjarji sinifikanti tista’ tiġi mtejba u jixtieq jiċċara u jiddefinixxi l-prattika kurrenti f’dan ir-rigward;

Aċċess indaqs għall-faċilitajiet tal-lingwi għall-Membri tal-Parlament Ewropew

12.

Iqis li l-2010 għandha tkun sena meta għandu jsir l-ikbar sforz sabiex il-Membri tan-nazzjonalitajiet u l-lingwi kollha jiġu ttrattati b’mod indaqs f’dak li għandu x’jaqsam mal-possibilità tagħhom li jwettqu bil-lingwa tagħhom stess id-dmirijiet tagħhom u l-attività politika kollha li taqa’ taħt ir-responsabilità tagħhom jekk huma jagħżlu li jagħmlu dan;

13.

Jirrikonoxxi li f’bosta ċirkustanzi u b’mod parikulari fl-istadji ta’ kumitati jew gruppi, skadenzi restrittivi jkabbru l-importanza li jkun hemm negozjati bejn il-parteċipanti prinċipali; jenfasizza, madankollu, il-prinċipju ta’ leġittimità demokratika tal-Membri kollha fil-kompożizzjoni tiegħu u d-dritt tagħhom għal servizz sħiħ ta’ multilingwiżmu; iqis, għalhekk, li dan il-baġit jista’ u għandu jintuża biex jaħdem għal dan il-għan u sabiex jinstab bilanċ tajjeb bejn ir-restrizzjonijiet tal-multilingwiżmu u t-twettiq bla xkiel tal-proċeduri leġiżlattivi;

14.

Għandu interess kbir fil-kwistjoni tal-multilingwiżmu u jitlob lis-servizzi biex jesponu s-sitwazzjoni attwali u l-iżviluppi li hemm previsti għall-2010, inklużi l-applikazzjoni tal-“Kodiċi” u l-possibilitajiet għal iktar titjib prattiku, il-proġett pilota dwar l-interpretazzjoni ad personam, inklużi l-kriterji u l-utilità tiegħu għall-Membri li jkunu ġejjin minn ambjenti lingwistiċi differenti, u biex jagħtu wkoll ħarsa ġenerali dwar kif biż-żmien jistgħu jiġu eliminati l-“ostakli materjali” għat-trattament indaqs (pereżempju, in-nuqqas ta’ kmamar adatti għal-laqgħat, kabini eċċ.); jixtieq li jiġi żgurat dwar kif il-Parlament il-ġdid se jkun mgħammar aħjar f’dawn il-kwistjonijiet kollha meta mqabbel mas-sitwazzjoni meta ġew il-Membri tal-aħħar tkabbir;

15.

Hu wkoll tal-opinjoni li għandu jsir kull sforz sabiex tiżdied il-flessibilità fl-interpretazzjoni bħala pass kruċjali biex tiġi żgurata prattika tajba ta’ xogħol u jinnota li, f’ħafna każi, jistgħu jiġu evitati l-problemi u l-ħela finanzjarja jekk ikun hemm il-possibilità li jinbidlu l-lingwi b’avviż fi żmien qasir fuq il-bażi tal-attendenza attwali għall-laqgħat, iktar milli fuq il-bażi tal-attendenza ppjanata;

L-aħjar użu tar-riżorsi biex jitjieb ix-xogħol leġiżlattiv tal-Parlament Ewropew

16.

Jenfasizza li għandha tingħata l-akbar attenzjoni sabiex jiġi żgurat li r-riżorsi globali baġitarji u r-risorsi għall-persunal li jkunu għad-dispożizzjoni tal-Parlament jintużaw bl-aktar mod effiċjenti fir-rigward tal-ispiża sabiex l-istituzzjoni u l-Membri tagħha jkunu jistgħu jaqdu b’suċċess il-missjoni leġiżlattiva finali tagħhom; itenni li dan jimplika ppjanar u organizzazzjoni bir-reqqa tal-metodi ta’ ħidma tiegħu u, meta jkun possibbli, li jingħaqdu flimkien funzjonijiet u strutturi biex ikunu evitati l-burokrazija mhux meħtieġa, it-titnija tal-funzjonijiet u t-titnija tal-isforzi;

17.

Jenfasizza li s-setgħat ta’ kodeċiżjoni li dejjem qed jikbru qed iżidu l-piż fuq is-servizzi tal-Parlament li għandhom x’jaqsmu max-xogħol leġiżlattiv u ser tkun meħtieġa effiċjenza qawwija u li l-persunal u r-riżorsi relatati jitqassmu skont il-prijoritajiet sabiex il-Membri jkunu jistgħu jwettqu xogħolhom kif suppost;

18.

Ifakkar li fl-2009 kien hemm qbil dwar żieda sinifikanti fil-livelli tal-persunal għalkemm, fl-istess ħin, kien hemm qbil b’mod ġenerali li r-riżorsi għall-persunal issa kienu daħlu f’fażi ta’ konsolidazzjoni u li t-tqassim mill-ġdid tal-persunal għandu jkun proċess kontinwu wara ż-żidiet sinifikanti ħafna li saru bit-tkabbir riċenti; itenni t-talba tiegħu lis-servizzi u lill-gruppi politiċi kollha biex jipprovdu ġustifikazzjonijiet sħaħ għat-talbiet tagħhom sa mill-bidu tal-proċedura;

19.

Jistenna bil-ħerqa s-suġġerimenti mill-gruppi ta’ ħidma dwar is-simplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi u jemmen li l-iffrankar mill-ispejjeż għandu jkun konsegwenza naturali tal-implimentazzjoni sussegwenti tagħha;

20.

Jitlob ukoll li t-talbiet tal-gruppi politiċi jkunu jistgħu jiddaħħlu fl-istadju tal-Estimi fir-rebbiegħa;

21.

Jemmen li, kultant tkun meħtieġa analiżi dwar kif ir-riżorsi qed jintużaw u kif inhu organizzat ix-xogħol, meta problemi speċifiċi jkunu identifikati b’mod ċar u l-għanijiet tal-eżami li jkun irid jitwettaq ikunu speċifikati, ikunu jistgħu jitkejlu u mmirati biżżejjed; jemmen li fl-2010 xi setturi u proġetti speċifiċi jistgħu jkunu identifikati u wieħed jista’ jħares lejhom b’dan il-mod; ifakkar, fl-istess waqt, fl-importanza tal-eżerċizzju ta’ kontroll li seħħ fl-2008; jixtieq li dan l-eżerċizzju jitkompla u jidħol aktar fil-fond sabiex ikun jista’ jiġi kkunsidrat meta tkun se tittieħed id-deċiżjoni dwar l-estimi tal-2010; ifakkar li jridu jitqiesu wkoll iċ-ċirkostanzi li qegħdin jinbidlu tal-Parlament ġdid elett, is-setgħat ta’ kodeċiżjoni akbar, kif ukoll bidliet oħrajn;

22.

Jiġbed l-attenzjoni tal-Bureau lejn il-kundizzjonijiet ta’ xogħol tal-persuni impjegati mill-kuntratturi li joperaw fil-Parlament; jitlob lill-Bureau, f’dan ir-rigward, biex jiżgura li dawn il-kumpaniji josservaw bis-sħiħ u b’mod komplut il-leġiżlazzjoni tax-xogħol applikabbli;

It-tixrid ta’ informazzjoni lill-Membri;

23.

Jenfasizza li mir-riforma maġġuri “Raising the Game” li tnediet xi snin ilu, mill-inqas ġew stabbiliti, jew qed jiġi stabbiliti, tliet proġetti sinifikanti sabiex tiġi pprovduta informazzjoni kemm jista’ jkun kompluta u relevanti f’relazzjoni mal-ħidma parlamentari; jinnota d-dipartimenti tal-politika tal-kumitati, is-servizzi analitiċi tal-librerija, u sistema ta’ ġestjoni tal-għarfien sabiex ikun faċilitat l-aċċess għal dawn u għal ħafna riżorsi oħra disponibbli; jinnota wkoll ki hemm numru ta’ riżorsi oħra fil-Parlament, bħal pereżempju l-“osservatorju leġiżlattiv”; jilqa’ dawn l-isforzi sabiex il-Parlament isir iktar professjonali fil-mod kif jassisti lill-Membri imma jqis li huwa meħtieġ li ssir evalwazzjoni tal-istokkijiet funzjonali u baġitarji;

24.

Iqis li hu importanti li l-proċedura tal-2010 tiċċara s-sitwazzjoni għall-benefiċċju tal-Membri kollha, inklużi dawk li jitrattaw l-aspetti baġitarji, sabiex ikunu definiti b’mod iktar ċar ir-responsabilitajiet differenti u kif dawn l-inizjattivi jistgħu jiġu arranġati bl-aħjar mod u bl-iktar mod effiċjenti; jilqa’, għalhekk, seduta tal-Kumitat għall-Baġits dwar kif dawn għandhom jintużaw, il-ħsieb kurrenti dwar l-elementi differenti, u kif dawn jirrelataw ma’ xulxin; jinsisti li l-amministrazzjoni għandha tiżgura wkoll li l-Membri li jkunu għadhom kif ġew eletti jkollhom informazzjoni kompluta dwar is-servizzi li huma intitolati għalihom;

Nikkomunikaw il-Parlament liċ-ċittadin

25.

Jinnota r-referenza tal-Bureau għat-tliet proġetti maġġuri fil-qasam tal-politika ta’ komunikazzjoni - il-europarlTV, iċ-Ċentru tal-Viżitaturi u ċ-ċentru awdjoviżiv il-ġdid fil-bini JAN - li t-tkomplija u l-konsolidazzjoni tagħhom tirrappreżenta titjib kwalitattiv fl-istrumenti ta’ komunikazzjoni li huma għad-dispożizzjoni tal-istituzzjoni; iġedded l-impenn tiegħu li jimmoniterja mill-qrib l-iżvilupp ta’ dawn l-istrumenti u biex iżid sal-massimu l-impatt reali fuq l-opinjoni pubblika;

26.

Jiddeplora l-fatt li ċ-ċentru tal-viżitaturi mhux se jkun stabbilit qabel l-elezzjonijiet tal-2009 u jitlob informazzjoni sħiħa għar-raġunijiet ta’ dan id-dewmien;

27.

Jieħu nota tad-deċiżjoni tal-Bureau dwar id-“Dar tal-Istorja Ewropea” u jenfasizza l-bżonn li jkun hemm konsultazzjoni sħiħa u trasparenti mal-Kumitati kompetenti dwar il-kunċett, il-kontenut u l-aspetti baġitarji tagħha bi qbil mal-proġett pilota dwar il-koperazzjoni msaħħa bejn il-Bureau u l-Kumitat għall-Baġits;

Bini

28.

Ifakkar li dan is-settur għandu importanza kbira għall-Parlament, kemm f’dak li jirrigwarda l-bżonnijiet kurrenti u futuri tiegħu ta’ proprjetà bħala istituzzjoni, kif ukoll rigward l-aħjar ġestjoni possibbli tal-proprjetà li għandu; ifakkar li kwalunkwe proġett f’dan il-kuntest għandu jissalvagwardja l-interessi finanzjarji tal-Parlament; iqis li l-avvenimenti fl-2008, għalkemm jidher ċar li wħud ma kenux prevedibbli, jitfgħu dawl fuq il-bżonn li jkun hemm titjib f’dan il-qasam meta jitqies ir-rapport estern indipendenti dwar il-manutenzjoni tal-bini; jistenna wkoll li jirċievi informazzjoni dwar il-proposti għal riorganizzazzjoni potenzjali tad-DG INLO minħabba l-isfidi li dejjem qed jiżdiedu għall-Parlament Ewropew bħala sid magguri ta’ proprjetà;

29.

Itenni, f’dan ir-rigward, it-talba tiegħu li jara rapport speċifiku u kwalunkwe rakkomandazzjoni eventwali dwar spejjeż għoljin bla bżonn ta’ manutenzjoni, tiġdid u xiri relatati mal-bini tal-UE, inkluż dak tal-Parlament; jixtieq xorta li dan ikun sforz transversali biex jiġu stabbiliti l-kawżi fundamentali, sew jekk ikunu marbuta ma’ suq ristrett fi kwalunkwe mod, ma’ piżijiet imposti mir-Regolament Finanzjarju u mat-tfigħ ta’ offerti, jew inkella ma’ kwalunkwe fattur relevanti ieħor; jitlob konferma li r-regola li titlob li dawk il-kumpaniji li jkunu ressqu spejjeż għolja bla bżonn jitniżżlu f’lista sewda tiġi inforzata;

30.

Jistenna li jirċievi l-karta strateġika għal tul ta’ żmien medju u għal tul itwal ta’ żmien dwar il-politika tal-bini kif kien intalab diġà s-sena l-oħra sabiex jieħu d-deċiżjonijiet relevanti fl-ewwel qari;

Il-kontinwazzjoni ta’ aspetti diversi tal-proċedura tal-2009

31.

Jilqa’ l-intenzjoni tal-Bureau li jkompli jtejjeb l-appoġġ leġiżlattiv, lingwistiku u tekniku għall-Membri, ħaġa li ovvjament hija marbuta mill-qrib ma’ numru ta’ kwistjonijiet indikati hawn fuq;

32.

Jaqbel li se jkun hemm bżonn li jiġu segwiti mill-qrib l-implimentazzjoni fl-ewwel sena tal-Istatut il-ġdid tal-Membri u tal-Istatut tal-Assistenti u jqis li dawn għandhom jiġu konsolidati bl-aħjar mod possibbli, b’aġġornament kontinwu tal-implikazzjonijiet u l-previżjonijiet finanzjarji;

33.

Ikompli jenfasizza li t-titjib fis-settur tat-teknoloġija tal-informazzjoni m’għandux iwassal biss għal kapaċità ikbar biex jiġu ġestiti internament aspetti kruċjali, imma wkoll biex jintwera potenzjal ikbar sabiex dan il-qasam jiġi organizzat b’mod iktar effiċjenti fir-rigward tal-ispiża; jitlob li jsir rapport li jiċċara s-sitwazzjoni u l-prospetti attwali dwar l-internalizzazzjoni tal-esperti tat-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni u l-governanza xierqa; jitlob lill-Bureau biex jistabbilixxi strateġija ċara għall-approċċ tal-Parlament dwar it-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni - inklużi sinerġiji mal-gruppi politiċi - qabel ma jittieħdu passi ulterjuri f’dan il-qasam;

34.

Jilqa’ l-fatt li l-miri ambjentali jissemmew fid-dokument tal-Bureau u, wara il-proċess preċedenti tal-EMAS u l-ħidma fuq “l-impatt tal-karbonju”, iqis li s-sena 2010 se tipprovdi opportunità biex dawn l-isforzi jitkomplew, inter alia permezz tal-adozzjoni ġejjienija ta’ pjan ta’ azzjoni dwar id-CO2 mill-Bureau;

Istituzzjonijiet oħra

35.

Jilqa’ l-koperazzjoni kostruttiva mal-istituzzjonijiet l-oħra matul l-aħħar proċedura u, bħas-sena l-oħra, iħeġġiġhom biex jippreżentaw talbiet baġitarji li jkunu realistiċi u bbażati fuq l-ispiża u li jikkunsidraw bis-sħiħ il-bżonn li jiġu mmaniġġjati bl-aħjar mod ir-riżorsi skarsi;

36.

Jixtieq jesplora iktar il-possibilità li r-riżorsi jinqasmu aħjar bejn l-istituzzjonijiet kollha, speċjalment fejn jista’ jkun hemm kapaċità ħielsa f’qasam wieħed li, jekk tkun organizzata tajjeb, wieħed ikun jista’ jieħu vantaġġ minnha u jużaha f’qasam u/jew istituzzjoni oħrajn;

37.

Jistieden lir-rapporteur tiegħu għall-2010 biex iwettaq żjarat individwali lill-Kunsill, lill-Qorti tal-Ġustizzja, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Ombudsman u lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, sabiex jisma’ mingħandhom qabel l-istadju tal-estimi u jirraporta lura lill-Kumitat għall-Baġits tiegħu;

*

* *

38.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Ombudsman Ewropew, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.


(1)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(2)  ĠU L 253, 7.10.2000, p.42.

(3)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(4)  ĠU C 286, 10.11.2008, p. 1.


Top