EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009AR0091

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar it-Tisħiħ tal-Approċċ Globali lejn il-Migrazzjoni: Żieda fil-Koordinazzjoni, il-Koerenza u s-Sinerġiji

OJ C 211, 4.9.2009, p. 43–46 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

4.9.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 211/43


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar it-tisħiħ tal-approċċ globali lejn il-migrazzjoni: żieda fil-koordinazzjoni, il-koerenza u s-sinerġiji

(2009/C 211/05)

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Il-KtR jemmen li l-awtoritajiet reġjonali u lokali huma minn ta' quddiem fit-tfassil, l-implimentazzjoni, l-evalwazzjoni u l-monitoraġġ tal-politika dwar il-migrazzjoni u għalhekk għandhom jitqiesu bħala msieħba ċentrali fl-iżvilupp tagħha.

Huwa jenfasizza li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Komunitarji għandhom jippromovu sħubija interistituzzjonali aktar b'saħħitha.

Huwa jqis li għandha tingħata attenzjoni akbar lill-iżvilupp tal-kapaċitajiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, għax dawn jaqdu rwol ċentrali fit-tfassil u l-ġestjoni tal-politika dwar il-migrazzjoni u b'mod partikolari fit-trawwim ta' kooperazzjoni ma' amministrazzjonijiet ta' pajjiżi terzi responsabbli mill-impjiegi u l-immigrazzjoni; il-KtR fakkar f'dan l-approċċ fl-opinjonijiet preċedenti tiegħu.

Il-KtR jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-għodod u l-istrutturi istituzzjonali eżistenti, bħall-inizjattiva tal-Kumitat tar-Reġjuni – l-Assemblea Ewro-Mediterranja Reġjonali u Lokali (ARLEM), il-Kunsill tal-Ewropa u netwerks rilevanti oħra għandhom jiġu involuti meta jiġu indirizzati kwistjonijiet marbuta mal-migrazzjoni.

Huwa jenfasizza li hemm bżonn li titjieb l-integrazzjoni tal-migranti fis-soċjetajiet li jkunu qed jilqgħuhom, għaliex il-migranti huma elementi importanti għall-iżvilupp kemm tal-pajjiż tal-oriġini kif ukoll tal-pajjiż tad-destinazzjoni.

Barra minn hekk, huwa jenfasizza l-bżonn ta' sforzi komuni għal ġestjoni aħjar tal-fruntieri esterni, b'mod partikolari tal-fruntieri marittimi tan-Nofsinhar u tar-reġjuni kollha li jħabbtu wiċċhom ma' influssi kbar ta' migranti li jkunu f'kundizzjonijiet umanitarji kritiċi.

Il-KtR jenfasizza r-rwol tan-Netwerk tal-Uffiċjali tal-Komunikazzjoni dwar l-Immigrazzjoni biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fil-Komunikazzjoni; b'mod parallel jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-awtoritajiet lokali u reġjonali kompetenti jkunu jistgħu jkollhom aċċess għal u jibbenefikaw mill-iskambju tal-aħjar prattiki u tal-informazzjoni miġbura permezz tan-Netwerk.

Fl-aħħar nett, huwa jilqa' l-estesjoni tal-Approċċ Globali għal pajjiżi u reġjuni oħra, bħall-Ażja, l-Amerka Latina u l-Karibew u jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tkompli tavvanza f'din id-direzzjoni, filwaqt li jenfasizza l-bżonn li jiġu definiti d-dispożizzjonijiet tad-djalogu ma' dawn ir-reġjuni biex b'hekk titwitta wkoll it-triq għal kooperazzjoni u koordinazzjoni aktar mill-qrib mal-Afrika u r-reġjuni ġirien tan-Nofsinhar u x-Xlokk tal-UE.

Rapporteur

:

Is-Sur Arnoldas Abramavičius (LT/PPE), Sindku tal-Muniċipalità Distrettwali ta' Zarasai

Dokument ta' referenza

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar it-Tisħiħ tal-Approċċ Globali lejn il-Migrazzjoni: Żieda fil-Koordinazzjoni, il-Koerenza u s-Sinerġiji

COM(2008) 611 finali

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali

1.

Jemmen li l-awtoritajiet reġjonali u lokali huma minn ta' quddiem fit-tfassil, l-implimentazzjoni, l-evalwazzjoni u l-monitoraġġ tal-politika dwar il-migrazzjoni u għalhekk għandhom jitqiesu bħala msieħba ċentrali fl-iżvilupp tagħha;

2.

Ifakkar li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom kompetenza konġunta u/jew esklużiva f'dan il-qasam; għalhekk l-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea għandhom jikkonsultawhom b'mod obbligatorju, u din il-konsultazzjoni għandha sseħħ ukoll fil-proċess preleġiżlattiv kif ukoll fil-proċedura ta' konsultazzjoni li tinvolvi lill-Kumitat tar-Reġjuni;

3.

Jenfasizza li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Komunitarji għandhom jippromovu sħubija interistituzzjonali aktar b'saħħitha;

4.

Iqis li għandha tingħata attenzjoni akbar lill-iżvilupp tal-kapaċitajiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, għax dawn jaqdu rwol ċentrali fit-tfassil u l-ġestjoni tal-politika dwar il-migrazzjoni u b'mod partikolari fit-trawwim ta' kooperazzjoni ma' amministrazzjonijiet ta' pajjiżi terzi responsabbli mill-impjiegi u l-immigrazzjoni; il-KtR fakkar f'dan l-approċċ fl-opinjonijiet preċedenti tiegħu (1);

5.

Jiddispjaċih li r-rwol kruċjali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-kooperazzjoni territorjali transkonfinali fil-qasam tal-migrazzjoni mhuwiex rikonoxxut biżżejjed;

6.

Jisħaq li għandha ssir evalwazzjoni aktar iddettaljata ta' ċerti inizjattivi bħalma huma t-tfittxija ta' metodoloġiji xjentifiċi ġodda għall-ġbir u l-iskambju tal-informazzjoni dwar rotot migratorji, kif ukoll dwar il-politiki ta' integrazzjoni u l-konsegwenzi tagħhom għall-awtoritajiet lokali u reġjonali fir-rigward tal-piżijiet finanzjarji u amministrattivi;

7.

Jitlob lill-Kummissjoni Ewropea taħdem biex ittejjeb il-produzzjoni u t-tixrid ta' informazzjoni ta' min joqgħod fuqha, aġġornata, kwantitattiva u kwalitattiva li hija s-sors ewlieni għall-abbozzar tal-profili individwali tal-immigrazzjoni tal-Istati Membri;

8.

Jilqa' l-idea li għandha ssir referenza espliċita għall-bżonn li jiżdiedu r-riżorsi umani u finanzjarji fil-qasam tal-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti, għax dan jirrappreżenta element ċentrali biex jinkiseb ambjent regolatorju aħjar;

9.

Iqis li l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tappoġġja organizzazzjonijiet lokali li jaħdmu mal-migranti fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom għandha tiġi mmirata direttament lejn kuntesti lokali u reġjonali, sabiex il-migranti jkunu aktar konxji tal-opportunitajiet fil-pajjiżi tal-oriġini; għalhekk, jirrakkomanda li l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-assoċjazzjonijiet nazzjonali tagħhom, b'mod partikolari f'pajjiżi msieħba u pajjiżi terzi oħra, jiġu involuti fl-implimentazzjoni ta' politika komuni dwar il-migrazzjoni;

10.

Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-għodod u l-istrutturi istituzzjonali eżistenti, bħall-inizjattiva tal-Kumitat tar-Reġjuni – l-Assemblea Ewro-Mediterranja Reġjonali u Lokali (ARLEM), il-Kunsill tal-Ewropa u netwerks rilevanti oħra għandhom jiġu involuti meta jiġu indirizzati kwistjonijiet marbuta mal-migrazzjoni;

11.

Jirrakkomanda li għandu jiġi adottat approċċ inklużiv fid-definizzjoni tal-politiki dwar il-migrazzjoni, u li għandu jiġi żgurat li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea ssemmi b'mod espliċitu l-atturi kollha kkonċernati fil-livelli lokali, reġjonali u ċentrali li jikkontribwixxu għat-tfassil tal-politiki u li jiżguraw l-effikaċja tagħhom fil-fażi tal-implimentazzjoni;

12.

Jirrimarka li l-konklużjonijiet tas-Summit tar-Reġjuni u l-Bliet tal-2009 li sar fi Praga jsejħu għal approċċ integrat u komprensiv għall-migrazzjoni u l-integrazzjoni, ibbażat fuq l-isforzi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

13.

Jemmen li politika Ewropea komuni dwar il-migrazzjoni f'dawk l-oqsma li l-Istati Membri jaħsbu li hi ġġustifikata, m'għandhiex iżżomm milli tiddaħħal regolamentazzjoni aktar ambizzjuża fl-Istati Membri;

Passi lejn it-tisħiħ tal-approċċ globali għall-migrazzjoni

Rakkomandazzjonijiet ġenerali

14.

Iqis li l-politika tal-UE dwar il-migrazzjoni fiha nfisha hija fenomenu trasversali u multidimensjonali u għalhekk hija responsabbiltà konġunta tal-Unjoni Ewropea u tal-livelli differenti ta' gvernanza fl-Istati Membri individwali u l-pajjiżi terzi; dawn kollha għandhom jaġixxu flimkien b'konformità mal-prinċipji tad-demokrazija, is-sussidjarjetà, is-solidarjetà u l-fiduċja reċiproka, skont l-ispeċifiċitajiet tal-kuntesti reġjonali u lokali differenti, filwaqt li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u l-valuri fundamentali li fuqhom twaqqfet l-UE;

15.

Jilqa' l-għan li jiġi promoss Approċċ Globali għall-Migrazzjoni koerenti, fejn it-tisħiħ tad-djalogu politiku u l-kooperazzjoni prattika bejn l-Istati Membri tal-UE, il-pajjiżi terzi u r-reġjuni jitqiesu bħala kwistjoni essenzjali, iżda jeħtieġ ukoll li tiġi żgurata l-konsistenza mal-prinċipji bażiċi u l-għanijiet prijoritarji tal-politiki soċjali, ekonomiċi u tal-affarijiet barranin tal-UE;

16.

Jenfasizza li l-linji gwida identifikati f'dokumenti preċedenti tal-UE (2) għadhom validi, speċjalment fir-rigward tat-tliet komponenti (il-ġestjoni tajba tal-migrazzjoni legali, il-ġlieda kontra l-immigrazzjoni irregolari, ir-relazzjoni bejn il-migrazzjoni u l-l-iżvilupp) u li hemm bżonn li jiġu implimentati b'mod bilanċjat;

17.

Jirrimarka li l-abbozz tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea jenfasizza biss il-livelli Ewropej u nazzjonali; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li għandha ssir aktar enfasi fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali u r-rwol tagħhom fl-implimentazzjoni ta' politika dwar il-migrazzjoni globali;

18.

Jitlob li tingħata attenzjoni akbar liċ-ċirkostanzi partikolarment vulnerabbli tal-immigranti nisa, li ġew indirizzati fl-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni fl-2007 (CdR 296/2007);

19.

Jappoġġja l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ta' Diċembru 2008 (3), li fakkru fil-bżonn li tiġi żgurata koerenza akbar fl-għoti ta' fondi sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni bla xkiel tal-miżuri previsti; jirrakkomanda li jsir użu mill-fondi Komunitarji eżistenti għat-titjib tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-organizzazzjonijiet ekwivalenti fil-pajjiżi tal-oriġini;

Dwar il-migrazzjoni ekonomika legali u l-mobbiltà

20.

Jaqbel li l-mobbiltà għandha tibqa' wieħed mill-elementi kruċjali tal-migrazzjoni legali u jenfasizza l-bżonn li din tiġi promossa aktar mill-awtoritajiet lokali u reġjonali, b'mod partikolari permezz tal-estensjoni tas-Sħubijiet pilota ta' Mobbiltà bħal dawk mal-Moldova u l-Kap Verde;

21.

Jistieden lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jinvolvu ruħhom bis-sħiħ fil-ġbir tal-informazzjoni dwar il-flussi migratorji regolari, imxerrda permezz ta' portali interattivi bħalma hu l-Portal tal-UE għall-Immigrazzjoni ġejjieni, il-Portal Ewropew għall-Mobbiltà tal-Impjiegi, in-netwerk EURES u l-Portal Ewropew għall-Mobbiltà tar-Riċerkaturi u n-netwerk Ewropew għall-Migrazzjoni, biex b'hekk jiżguraw li l-ispeċifiċitajiet lokali u reġjonali jiġu riflessi b'mod xieraq fl-iżvilupp tal-politiki dwar il-migrazzjoni;

22.

Jappoġġja l-proposti tal-Kummissjoni li tintensifika l-inizjattivi marbuta mas-suq tax-xogħol bil-għan li jinstabu soluzzjonijiet aktar flessibbli u effiċjenti għall-migranti, billi fost oħrajn jiġu analizzati inizjattivi ġodda dwar il-portabilità tad-drittijiet għall-pensjoni, ir-rikonoxximent tal-kwalifiki barranin u l-inklużjoni soċjali tal-migranti;

23.

Jenfasizza li hemm bżonn li titjieb l-integrazzjoni tal-migranti fis-soċjetajiet li jkunu qed jilqgħuhom, għaliex il-migranti huma elementi importanti għall-iżvilupp kemm tal-pajjiż tal-oriġini kif ukoll tal-pajjiż tad-destinazzjoni;

24.

Jilqa' l-ħolqien ta' netwerk ta' osservatorji tal-migrazzjoni, kif previst fil-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali adottati fit-8 ta' Diċembru 2008, għax dan jgħolli aktar il-valur tal-Profili tal-Migrazzjoni bħala għodda ċentrali għall-Politika Komuni għall-Immigrazzjoni tal-UE; għal dan il-għan, l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom ikunu involuti direttament fil-ħidma ta' dawn l-osservatorji u għandhom jaqdu rwol ewlieni fit-twaqqif u fl-implimentazzjoni tal-attivitajiet tagħhom.

Dwar il-ġlieda kontra l-migrazzjoni irregolari

25.

Jilqa' l-fatt li l-mandat tal-FRONTEX ġie estiż biex jappoġġja pajjiżi terzi fil-kontroll tal-fruntieri, kif diġà mbassar f'opinjoni preċedenti tal-KtR (CdR 210/2008);

26.

Jappoġġja l-idea mressqa mill-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil, li tiġi eżaminata l-possibbiltà li titwaqqaf sistema Ewropea ta' gwardjani tal-fruntieri;

27.

Jirrimarka li l-Komunikazzjoni tal-KE għandha tagħmel referenza għall-involviment tal-amministrazzjonijiet lokali u reġjonali, b'mod partikolari tar-reġjuni l-aktar affetwati mill-influssi migratorji, fit-Timijiet ta' Intervent Rapidu fil-Fruntieri (Rapid Border Intervention Teams);

28.

Jenfasizza l-bżonn ta' sforzi komuni għal ġestjoni aħjar tal-fruntieri esterni, b'mod partikolari tal-fruntieri marittimi tan-Nofsinhar u tar-reġjuni kollha li jħabbtu wiċċhom ma' influssi kbar ta' migranti li jkunu f'kundizzjonijiet umanitarji kritiċi;

29.

Jenfasizza r-rwol tan-Netwerk tal-Uffiċjali tal-Komunikazzjoni dwar l-Immigrazzjoni biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fil-Komunikazzjoni; b'mod parallel jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-awtoritajiet lokali u reġjonali kompetenti jkunu jistgħu jkollhom aċċess għal u jibbenefikaw mill-iskambju tal-aħjar prattiki u tal-informazzjoni miġbura permezz tan-Netwerk;

30.

Jaqbel mal-proposta tal-Kummissjoni li tagħti prijorità lill-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni ta' Ouagadougou dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, l-iktar in-nisa u t-tfal peress li r-rwol tal-assoċjazzjonijiet lokali u reġjonali huwa kruċjali fl-iżvilupp ta' strateġiji u pjanijiet ta' azzjoni kontra t-traffikar tal-bnedmin;

Dwar il-migrazzjoni u l-iżvilupp

31.

Jappoġġja l-programmi ta' ġemellaġġ bejn min iħaddem fis-servizz pubbliku u dak privat u l-istituzzjonijiet tal-Istati Membri tal-UE u tal-pajjiżi tal-oriġini, bil-għan li tiġi appoġġjata l-migrazzjoni ċirkulari u l-ġlieda kontra l-“brain drain”; jirrakkomanda li l-awtoritajiet lokali u reġjonali joffru l-għarfien u t-tagħrif espert tagħhom li hu tant prezzjuż biex jgħinu lill-migranti jerġgħu jintegraw fis-swieq tax-xogħol fil-pajjiżi tal-oriġini tagħhom;

32.

Jaqbel mal-proposta tal-Kummissjoni li jinkiseb għarfien aħjar tad-daqs u l-impatt tal-“brain drain”, b'konformità mat-talbiet speċifiċi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali f'opinjoni preċedenti tal-KtR (CdR 296/2007);

33.

Jenfasizza li għandhom isiru aktar sforzi biex tiġi analizzata r-rabta bejn il-bidla fil-klima u l-migrazzjoni;

34.

Jenfasizza l-importanza tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-trawwim tal-iżvilupp ekonomiku territorjali, it-tiswir tad-demokrazija u l-gvernanza tajba, kif ukoll tal-involviment tagħhom fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta' programmi ta' kooperazzjoni fil-qasam tal-migrazzjoni;

35.

Jilqa' l-Inizjattiva Konġunta għall-Migrazzjoni u l-Iżvilupp (JMDI) tal-KE-NU li tappoġġja l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali li jixtiequ jagħtu kontribut biex jgħaqqdu l-migrazzjoni u l-iżvilupp bil-għan li jiżdiedu kemm jista' jkun is-sinerġiji pożittivi bejn l-atturi lokali u reġjonali;

36.

Jenfasizza li l-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, permezz tal-assoċjazzjonijiet nazzjonali u reġjonali tagħhom, f'netwerks u pjattaformi ta' kooperazzjoni u li jinvolvu l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-assoċjazzjonijiet ta' pajjiżi terzi, għandha tikkontribwixxi b'mod sinifikanti biex tinkiseb kooperazzjoni aktar effettiva fit-taħriġ ta' uffiċjali għall-infurzar tal-liġi, fil-programmi ta' ġemellaġġ, fil-ġbir u t-tixrid ta' dejta, fil-monitoraġġ tal-flussi migratorji u proġetti simili;

37.

Jenfasizza l-importanza li jitwaqqfu pjattaformi permanenti ta' kooperazzjoni, djalogu u skambju fost l-assoċjazzjonijiet u l-awtoritajiet lokali u reġjonali, b'mod partikolari dawk tax-xtut tat-Tramuntana, in-Nofsinhar u l-Lvant tal-Mediterran; it-twaqqif tal-Assemblea Ewro-Mediterranja Reġjonali u Lokali tista' sservi ta' eżempju għal aktar żvilupp;

38.

Jenfasizza li r-rwol u l-kontribut tad-dijaspora għall-iżvilupp tal-pajjiżi tal-oriġini tagħhom, pereżempju permezz tat-trasferimenti ta' rimessi u tal-iżvilupp ta' assoċjazzjonijiet u n-netwerking tagħhom, jeħtieġ attenzjoni aktar sistematika.

Dwar l-approċċ ġeografiku

39.

Jappoġġja l-pożizzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (4) dwar it-twaqqif ta' djalogu tripartitiku bejn il-pajjiżi tal-oriġini, id-destinazzjoni u t-tranżitu f'żoni ġeografiċi differenti, li għandu jiġi esplorat filwaqt li jintużaw u jiġu estiżi l-għodod eżistenti bħalma huma s-sħubijiet għall-mobbiltà, il-kanali bilaterali, l-oqfsa tal-kooperazzjoni bħalma huma l-ECOWAS, il-proċess ta' Rabat, is-sħubijiet pilota għall-mobbiltà u oħrajn, filwaqt li mezzi u għodod konkreti għandhom jiġu diversifikati skont il-bżonnijiet prattiċi tar-reġjuni u l-pajjiżi terzi u l-bżonnijiet u l-possibiltajiet prattiċi tagħhom;

40.

Jilqa' l-estesjoni tal-Approċċ Globali għal pajjiżi u reġjuni oħra, bħall-Ażja, l-Amerka Latina u l-Karibew u jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tkompli tavvanza f'din id-direzzjoni, filwaqt li jenfasizza l-bżonn li jiġu definiti d-dispożizzjonijiet tad-djalogu ma' dawn ir-reġjuni biex b'hekk titwitta wkoll it-triq għal kooperazzjoni u koordinazzjoni aktar mill-qrib mal-Afrika u r-reġjuni ġirien tan-Nofsinhar u x-Xlokk tal-UE;

Brussell, is-17 ta' Ġunju 2009

Il-President

tal-Kumitat tar-Reġjuni

Luc VAN DEN BRANDE


(1)  Opinjoni tal-KtR dwar “Politika Komuni dwar l-Immigrazzjoni għall-Ewropa”, 210/2008 fin

(2)  COM(2007) 248 finali; COM(2007) 780 finali; COM(2008) 359 finali; Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, “Il-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil”, Nru. 13440/08, ASIM 72, Brussell, 24.09.2008, Dikjarazzjoni ta' Lima, 18 ta' Mejju, 2008.

(3)  L-2914-il Laqgħa tal-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali, Brussell, it-8 ta' Diċembru 2008

(4)  L-2914-il Laqgħa tal-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali, Brussell, it-8 ta' Diċembru 2008, par.22.


Top