This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52009AE1939
Opinion of the European Economic and Social Committee on the ‘Communication from the Commission to the European Parliament and the Council on a European initiative on Alzheimer's disease and other dementias’ COM(2009) 380 final
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar inizjattiva Ewropea dwar il-marda ta’ Alzheimer u dimenzji oħrajn” COM(2009) 380 finali
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar inizjattiva Ewropea dwar il-marda ta’ Alzheimer u dimenzji oħrajn” COM(2009) 380 finali
ĠU C 255, 22.9.2010, p. 76–80
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
22.9.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 255/76 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar inizjattiva Ewropea dwar il-marda ta’ Alzheimer u dimenzji oħrajn”
COM(2009) 380 finali
(2010/C 255/14)
Relatur: is-Sinjura O'NEILL
Nhar it-22 ta’ Lulju 2009, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar inizjattiva Ewropea dwar il-marda ta’ Alzheimer u dimenzji oħrajn
COM(2009) 380 finali.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-10 ta’ Novembru 2009. Ir-relatur kienet is-Sinjura O’Neill.
Matul l-458 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fis-16 u s-17 ta’ Diċembru 2009 (seduta tas-16 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’vot unanimu.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 Konklużjoni
1.1.1 Il-KESE jilqa’ l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar Inizjattiva Ewropea dwar il-marda ta’ Alzheimer u dimenzji oħrajn għaliex din hija kwistjoni ta’ importanza kritika fl-Ewropa, b’implikazzjonijiet għal individwi, familji u s-soċjetà, meta wieħed iqis li l-popolazzjoni qed tixjieħ.
1.1.2 Il-KESE jirrikonoxxi li r-responsabbilità ewlenija għall-indirizzar tad-dimenzja u l-għoti tal-kura hija f’idejn l-Istati Membri, iżda jilqa’ l-attenzjoni li tiġbed il-komunikazzjoni għar-rwol tal-UE fit-tisħiħ tal-progress nazzjonali.
Nota dwar it-terminoloġija: billi l-frażi “marda ta’ Alzheimer” ma tinkludix id-dimenzji kollha, dan id-dokument ser jirriferi għal “marda ta’ Alzheimer u dimenzji oħrajn” jew sempliċiment għal “dimenzja”.
1.2 Rakkomandazzjonijiet (mhux prijoritizzati iżda mniżżla fl-ordni kif jidhru fit-test)
1.2.1 Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tappoġġja kampanji ta’ sensibilizzazzjoni sabiex jitjieb l-għarfien pubbliku dwar id-dimenzja biex b’hekk tiżdied id-dijanjosi f’waqtha u titnaqqas l-istigma.
1.2.2 Il-KESE jirrakkomanda firxa usa’ ta’ oqsma ta’ riċerka li jeħtieġu appoġġ.
1.2.3 Hu u jilqa’ l-approċċ ta’ Programmar Konġunt fir-riċerka, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex timplimentah fi żmien f’waqtu.
1.2.4 Il-KESE jirrakkomanda li l-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni jiġi estiż għas-saħħa sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tinkoraġġixxi b’mod attiv l-iżvilupp ta’ strateġiji nazzjonali speċifiċi u oqfsa ta’ kwalità għad-dimenzja.
1.2.5 Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromovi b’mod wiesa’ l-użu tal-Programm tas-Saħħa sabiex tiżviluppa mudelli ta’ kura u taħdem b’mod attiv mal-gvernijiet nazzjonali fuq l-użu tal-Fondi Strutturali Ewropej sabiex jiġi żviluppat u implimentat fil-livell lokali taħriġ fil-kura tad-dimenzja fil-qasam tal-kura intensiva u dik fit-tul, u fi ħdan il-komunità.
1.2.6 Il-KESE jenfasizza bil-qawwa l-importanza tal-applikazzjoni tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem għal nies bid-dimenzja.
1.2.7 Il-KESE jappoġġja l-punt ta’ azzjoni fil-Komunikazzjoni dwar it-twaqqif ta’ Netwerk Ewropew li juża l-faċilitajiet pprovduti mill-Programm tas-Saħħa.
1.2.8 Il-KESE jħeġġeġ it-tixrid u l-implimentazzjoni tal-Komunikazzjoni fil-livell lokali, nazzjonali, tal-UE u internazzjonali, f’kollaborazzjoni ma’ organizzazzjonijiet tal-Alzheimer, gvernijiet nazzjonali, il-Kummissjoni u korpi adatti oħrajn, inkluż il-KESE.
2. Sfond
2.1 Il-White Paper “Flimkien għas-Saħħa: Approċċ Strateġiku għall-UE 2008–2013” (1) tidentifika b’mod espliċitu u tindirizza l-importanza tal-iżvilupp ta’ fehim aħjar tal-mard newrodeġenerattiv bħall-Alzheimer’s u dimenzji oħrajn.
2.2 Il-Kummissjoni tat prijorità biex tiżgura li jkun hemm għarfien xieraq tal-kwistjoni meta wieħed iqis kemm hi serja l-problema u l-impatt li għandha fuq individwi, dawk li jikkurawhom u l-ispiża għas-soċjetà.
2.3 L-azzjoni fit-tul li hija proposta ser tikkofa fuq strateġiji ta’ prevenzjoni, interventi mhux mediċi, ħiliet għal dawk li jikkurawhom kemm professjonisti kif ukoll volontarji, u enfasi fuq approċċ kollaborattiv bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fil-qasam tar-riċerka (2).
2.4 Il-Kummissjoni Ewropea ser tipprova wkoll torbot il-partijiet rilevanti tal-ħidma futura fuq il-marda ta’ Alzheimer mal-Patt Ewropew għas-Saħħa u l-Benesseri Mentali, li ġie stabbilit fl-2008, u b’hekk tirrikonoxxi li s-saħħa mentali hija dimensjoni waħda partikulari tal-marda ta’ Alzheimer.
2.5 Il-Parlament Ewropew għadda wkoll Dikjarazzjoni (3) dwar il-prijoritajiet fil-ġlieda kontra l-marda ta’ Alzheimer u dimenzji oħrajn sabiex jagħti impenn politiku lir-riċerka, il-prevenzjoni u l-ħarsien soċjali, jelimina l-istigma u jenfasizza l-importanza li assoċjazzjonijiet tal-Alzheimer jiġu appoġġjati.
3. Kuntest
3.1 Id-dimenzja hija kkaratterizzata minn telfien progressiv tal-funzjonijiet mentali kkawżat minn bosta kundizzjonijiet, li minnhom l-iktar waħda komuni hija l-marda ta’ Alzheimer li taffettwa madwar 50–60 % tal-persuni b’dimenzja. Kundizzjonijiet oħrajn jinkludu dimenzja vaskulari u d-dimenzja Lewy-Body. Proġett li sar mill-pjattaforma tal-pazjenti tal-UE u Alzheimer Europe appoġġjat mill-Kummissjoni tal-UE identifika l-forom rari l-iktar sinifikanti ta’ dimenzja (4).
3.2 Fl-2008 ġie stmat li fis-27 Stat Membru tal-UE 7,3 miljun persuna bejn l-età ta’ 30 u 99 sena kienu qed ibatu minn tipi differenti ta’ dimenzja. Huma affettwati iktar nisa (4,9 miljuni) milli rġiel (2,4 miljuni) (4).
3.3 Minħabba ż-żjieda ġenerali fl-istennija tal-għomor, u t-tixjiħ tal-ġenerazzjoni tal-“baby boomers”, l-ammont ta’ anzjani huwa mbassar li jikber sostanzjalment, bl-ikbar tkabbir relattiv fost l-ixjeħ gruppi. Hija mistennija tkompli ż-żjieda fin-numru ta’ kundizzjonijiet marbutin mal-età, b’mod partikulari d-dimenzja, u attwalment qed jitbassar irduppjar tan-numru ta’ persuni affettwati fl-20 sena li ġejjin. L-Alzheimer’s Disease International jistma li sal-2050 104 miljun ruħ ser ibatu minn dimenzja madwar id-dinja.
3.4 L-impatt tad-dimenzji kemm fil-preżent kif ukoll fil-ġejjieni fuq il-familji u l-professjonisti tal-kura, fuq is-saħħa pubblika u fuq l-ispiża tal-kura ser ikun sinifikanti. Alzheimer Europe (2008) stima li l-ispejjeż diretti u informali totali tal-kura tal-marda ta’ Alzheimer u dimenzji oħrajn fl-2005 ammontaw għal EUR 130 biljun fis-27 Stat Membru tal-UE – EUR 21 000 għal kull persuna/sena li minn dan l-ammont 56 % inħoloq permezz ta’ kura informali (5).
3.5 Matul il-Konferenza dwar “Il-ġlieda kontra l-marda ta’ Alzheimer u mard ieħor relatat” li saret tul il-Presidenza Franċiża ġie enfasizzat li kien vitali li bħala Ewropej naqsmu l-għarfien tagħna u nimmobilizzaw il-ħiliet u l-esperjenzi fi Stati Membri differenti sabiex niġġieldu din il-marda, u l-konklużjonijiet ġew diskussi fil-Kunsill tas-Saħħa f’Diċembru 2008.
3.6 L-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà ewlenija biex jindirizzaw id-dimenzja u jipprovdu l-kura. Madankollu taħt l-Artikolu 152 tat-Trattat b’rabta mas-saħħa l-UE hija mistennija tappoġġja azzjonijiet nazzjonali u taħt l-Artikolu 165 il-Komunità u l-Istati Membri huma mitluba jikkoordinaw ir-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku tagħhom sabiex jiżguraw li l-politiki nazzjonali u Komunitarji jkunu konsistenti b’mod reċiproku.
4. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni
L-objettiv tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni huwa li tistipula l-oqsma u l-azzjonijiet fil-livell tal-UE li jġibu valur miżjud bħala appoġġ għall-Istati Membri.
4.1 Il-Komunikazzjoni fissret ħames kwistjonijiet ewlenin li l-Azzjoni Komunitarja għandha tindirizza:
— |
il-prevenzjoni; |
— |
l-għarfien aħjar tad-dimenzji – il-koordinazzjoni tar-riċerka; |
— |
il-qsim tal-aqwa prattika; |
— |
l-iżgurar li jitħarsu d-drittijiet tan-nies bid-dimenzja; |
— |
it-twaqqif ta’ Netwerk Ewropew. |
4.2 Azzjoni konġunta bejn il-Kummissjoni tal-UE u l-Istati Membri mfissra fil-Pjan ta’ Ħidma għall-implimentazzjoni tat-Tieni Programm tas-Saħħa għall-2008–2013 ser titnieda fl-2010 u ser tagħmel parti mill-objettiv globali fl-Istrateġija ta’ Lisbona b’rabta mat-titjib fir-riżultati fil-qasam tas-saħħa (6).
5. Prevenzjoni
Attwalment mhuwiex possibbli li l-marda ta’ Alzheimer u dimenzji oħrajn jiġu evitati u m’hemmx kura għalihom, u l-mard li jattakka l-ħiliet konoxxittivi tal-persuna jitqies bħala parti inevitabbli tat-tixjiħ. Madankollu, b’aktar għarfien dwar it-tixjiħ u l-moħħ, qed jiġu investigati modi possibbli kif jista’ jiġi evitat dan il-mard.
5.1 Billi d-dimenzji jistgħu, sa ċertu punt, ikunu relatati ma’ problemi kardjovaskulari, il-prevenzjoni tinkludi li wieħed ikollu dieta tajba (7), jikkontrolla l-pressjoni tad-demm u l-kolesterol, kif ukoll li wieħed ma jpejjipx, jixrob alkoħol b’moderazzjoni (8) u jagħmel l-eżerċizzju.
5.2 Strateġiji preventivi oħrajn jinkludu attività, parteċipazzjoni u appoġġ soċjali, u stimulazzjoni intellettwali.
5.3 Saħħa fiżika u mentali tajba tul il-ħajja tista’ tgħin biex wieħed iżomm il-ħiliet konoxxittivi tiegħu. Xi kultant din hija magħrufa bħala “stil ta’ ħajja għal moħħ fsaħħtu” (9).
5.4 L-evidenza li tappoġġja dawn l-istrateġiji għadha limitata u l-KESE jappoġġja l-Kummissjoni fis-sejħa tagħha għal iktar riċerka bil-għan li nifhmu aħjar l-istrateġiji preventivi potenzjali. Dan huwa appoġġjat minn Alzheimer Europe.
5.5 Il-KESE jilqa’ l-azzjoni proposta biex tiġi inkorporata d-dimensjoni tad-dimenzja fl-azzjonijiet attwali u futuri tal-UE dwar il-prevenzjoni tal-mard, inkluża l-edukazzjoni, u biex issir ħidma mal-Istati Membri sabiex tiġi żviluppata u pprovduta gwida għat-tixrid l-iktar usa’ possibli mal-pubbliku u l-organizzazzjonijiet tal-kura tas-saħħa u dawk soċjali.
5.6 Sfida ewlenija hija li ssir dijanjosi bikrija u iktar affidabbli. Dan għandu jnaqqas mill-inċertezza għall-individwi kkonċernati u dawk li jieħdu ħsiebhom sabiex ikunu jistgħu jagħmlu pjani legali, finanzjarji, mediċi u oħrajn kif xieraq.
5.7 Fost l-ostakoli għal dijanjosi bikrija hemm il-fatt li l-persuni ma jagħrfux is-sintomi jew iqisuhom parti normali mix-xjuħija. Hemm ukoll element ta’ ċaħda u biża’ minħabba l-istigma marbuta mad-dimenzja. Stħarriġ reċenti wera li d-dewmien medju minn sintomi għal dijanjosi jvarja b’mod konsiderevoli bejn il-pajjiżi Ewropej, minn 10 xhur fil-Ġermanja għal 32 xahar fir-Renju Unit.
5.8 Madankollu, il-KESE huwa mħasseb dwar in-numru ta’ nies madwar l-UE li jista’ jkun li ma jkollhomx aċċess għal dijanjosi minħabba n-nuqqas ta’ għarfien jew ta’ servizzi disponibbli, b’mod partikulari fiż-żoni rurali u fil-komunitajiet żvantaġġjati.
5.9 Il-KESE jappoġġja s-sejħa minn Alzheimer Europe lill-Kummissjoni tal-UE u l-gvernijiet nazzjonali biex jappoġġjaw kampanji ta’ sensibilizzazzjoni tal-pubbliku ġenerali, firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati fuq bażi lokali, reġjonali u nazzjonali, inklużi l-mezzi tax-xandir, sabiex jitjieb l-għarfien tas-sintomi tad-dimenzja u biex titnaqqas l-istigma (10).
6. Għarfien aħjar tal-kundizzjonijiet tad-dimenzji – il-koordinazzjoni tar-riċerka
6.1 Il-KESE jirrikonoxxi l-impenn li sar mill-Kummissjoni hi u tappoġġja r-riċerka permezz tal-Programmi Qafas b’rabta mar-riċerka tal-moħħ, il-kawżi u l-istrateġiji ta’ prevenzjoni għal tixjiħ f’saħħtu u s-saħħa pubblika.
6.2 Madankollu, il-KESE jenfasizza li hija meħtieġa wkoll riċerka dwar l-effikaċja ta’ mudelli varji ta’ kura, interventi psikosoċjali u mhux farmaċewtiċi, kif ukoll dwar l-impatt tat-tibdil demografiku, bħad-divorzju/iż-żwieġ mill-ġdid/il-koabitazzjoni, il-migrazzjoni u l-urbanizzazzjoni fuq l-esperjenza tad-dimenzja u l-kura tad-dimenzja.
6.3 Għalkemm saret riċerka sostanzjali ffinanzjata mill-UE dwar it-Teknoloġija tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (ICT) u l-kura tad-dimenzja, jeħtieġ li ssir iktar, u s-sejbiet ewlenin jissuġġerixxu li jekk it-teknoloġija tintuża b’mod etiku u tiġi integrata fi pjani ta’ kura tista’ tgħin lin-nies bid-dimenzja sabiex jagħmlu għażliet, u jibqgħu siguri d-dar, u tista’ ttejjeb il-kwalità tal-ħajja f’kull aspett tagħha.
6.4 Il-KESE jilqa’ l-impenn tal-Kummissjoni għal azzjonijiet speċifiċi dwar ir-riċerka fl-ICT fil-Programmi Qafas kif ukoll il-proġetti pilota fuq skala kbira li ġew imnedija bejn l-UE u 23 pajjiż Ewropew dwar prodotti u servizzi tal-ICT (11).
6.5 Minħabba li d-dimenzja qed tiżdied huwa essenzjali li jkun hemm kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet ta’ riċerka u l-korpi ta’ finanzjament fl-Istati Membri. Il-KESE jilqa’ l-approċċ ta’ Programmar Konġunt, fuq bażi volontarja, sabiex ikun żgurat li l-fondi disponibbli fl-Istati Membri u mill-programmi tal-UE jintużaw bl-aħjar mod possibbli.
6.6 Il-KESE għalhekk jemmen li huwa essenzjali li l-Istati Membri jimpenjaw ruħhom għal din ir-riċerka, l-iffinanzjar tagħha u ħidma kollaborattiva.
7. Qsim tal-aqwa prattika
7.1 Meta wieħed iqis il-ħtieġa rikonoxxuta għal iktar riċerka, l-importanza ta’ dijanjosi bikrija, il-firxa ta’ trattamenti u l-kura tas-saħħa u l-kura soċjali li hemm disponibbli madwar l-Istati Membri, il-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni jaqdi rwol kruċjali meta wieħed jikkunsidra l-effikaċja tal-ħarsien soċjali, l-inklużjoni soċjali u s-servizzi tal-kura fit-tul disponibbli.
7.2 Il-forniment ta’ servizzi ta’ kwalità lil dawk li għandhom dimenzja u lil dawk li jieħdu ħsiebhom huwa essenzjali. Għal xi Stati Membri din hija parti minn strateġija globali iżda sal-lum żewġ Stati Membri biss ipproduċew strateġija b’mod formali fl-UE, u l-KESE jemmen li l-Kummissjoni, billi testendi l-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni għall-qasam tas-saħħa, tista’ tħeġġeġ kemm l-iżvilupp ta’ strateġiji nazzjonali speċifiċi kif ukoll oqfsa ta’ kwalità li jistgħu jipprovdu punti ta’ referenza għal Stati Membri oħrajn u għal titjib fil-politika, is-servizzi, it-taħriġ u r-riċerka.
7.3 Il-KESE jilqa’ l-impenn favur taħriġ speċjali għall-persunal fil-qasam tas-saħħa u tal-kura u għall-qraba ta’ persuni b’dimenzja, bl-approċċ olistiku tiegħu għall-kura. Il-KESE jemmen fl-użu tal-Programm tas-Saħħa tal-UE biex jiġu żviluppati mudelli ta’ kura kkomplementati mill-Istati Membri li jużaw il-Fondi Strutturali Ewropej biex jimplimentawhom. Dan huwa importanti b’mod partikulari fid-dawl tan-nuqqas ta’ nies imħarrġa fil-qasam tal-kura tas-saħħa u l-kura soċjali (12). It-taħriġ għal titjib fl-għarfien dwar il-marda ta’ Alzheimer u d-dimenzja u l-prattika etika għal persunal li qed jagħti kura intensiva u fit-tul, u fil-komunità, huma essenzjali.
7.4 Il-KESE jaġġoġġja l-qsim tal-prattika tajba fl-oqsma identifikati ta’ prevenzjoni, u servizzi li jtejbu l-kwalità tal-ħajja għal dawk bil-marda ta’ Alzheimer u dimenzji oħrajn.
7.5 Il-KESE jappoġġja bil-qawwa l-għoti tas-setgħa lill-assoċjazzjonijiet nazzjonali, Ewropej u internazzjonali tal-Alzheimer u organizzazzjonijiet rilevanti oħrajn tal-pazjenti. Dawn l-organizzazzjonijiet jipprovdu firxa ta’ servizzi lil dawk bid-dimenzja u lil dawk li jieħdu ħsiebhom, u jaqdu rwol importanti fil-prevenzjoni tal-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni u fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-individwi bid-dimenzja.
7.6 Dawn l-organizzazzjonijiet jipprovdu informazzjoni siewja (13) li tista’ tinfluwenza u tinforma r-riċerka, il-politika u l-prattika u tagħti leħen lil dawk bid-dimenzja u lil dawk li jieħdu ħsiebhom. Il-KESE jixtieq jagħti l-appoġġ u l-influwenza tiegħu permezz tal-parteċipazzjoni tiegħu f’ħidma kooperattiva ma’ firxa ta’ organizzazzjonijiet madwar l-Istati Membri u fil-kamp internazzjonali.
7.7 Il-KESE jappoġġja s-sejħa tal-Alzheimer Europe lill-gvernijiet nazzjonali biex jirrikonoxxu l-kontribut importanti li jsir mill-assoċjazzjonijiet tal-Alzheimer u biex dawn jiġu ffinanzjati sabiex jiġi appoġġjat l-għadd li huwa mistenni jikber ta’ nies li huma affettwati mill-marda ta’ Alzheimer u dimenzji oħrajn fil-kuntest tas-solidarjetà pan-Ewropea.
8. L-iżgurar li jitħarsu d-drittijiet tan-nies bid-dimenzja
8.1 “L-ewwel u qabel kollox, il-persuni bid-dimenzja huma ħbieb, qraba, ġirien u membri bħalna tas-soċjetà. Il-fatt li għandhom kundizzjoni medika speċifika huwa sekondarju. (14)” Il-KESE jħares id-dritt tal-individwi bil-marda ta’ Alzheimer u dimenzji oħrajn li jiġu ttrattati b’dinjità u li jgawdu mid-dritt tal-awtoditerminazzjoni.
8.2 L-impatt tad-dijanjosi u tat-telfien progressiv tal-kapaċità fuq l-individwi u dawk li jieħdu ħsieb il-morda jista’ joħloq iżolament soċjali u effetti negattivi, li jaffettwaw is-saħħa u l-benessri tal-persuni kkonċernati. Il-KESE jsejjaħ lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet nazzjonali biex jinformaw u jedukaw lis-soċjetà biex tiġi eliminata l-istigma marbuta mad-dimenzja.
8.3 Il-KESE jinsisti li d-drittijiet ta’ dawk il-persuni bid-dimenzja jitħarsu fil-kuntest tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li ssaħħet iktar bid-drittijiet tal-persuni b’diżabilitajiet u d-drittijiet tal-pazjenti (15). Għandha tingħata informazzjoni kemm dwar il-kundizzjoni kif ukoll dwar is-servizzi disponibbli, u dawk l-individwi u dawk li jieħdu ħsiebhom għandhom jiġu involuti fid-deċiżjonijiet li jsiru dwarhom.
8.4 Il-KESE jappoġġja lill-Kummissjoni biex tinfluwenza t-tmexxija politika fl-UE fir-rigward tar-rikonoxximent tad-drittijiet tal-anzjani inkapaċitati sabiex id-drittijiet tagħhom ikunu jistgħu jitħarsu u ma jbatux minn abbandun u abbuż (16).
9. It-twaqqif ta’ Netwerk Ewropew
9.1 Il-KESE jqis li t-twaqqif ta’ Netwerk Ewropew, permezz tal-Programm tas-Saħħa huwa importanti ħafna. Dan għandu joħloq opportunitajiet biex isir skambju ta’ prattika tajba; jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ standards u approċċi konsistenti (17) b’rabta ma’ anzjani vulnerabbli madwar l-Istati Membri u joħloq l-opportunità biex jiġu żviluppati prinċipji u definizzjonijiet komuni dwar id-drittijiet tan-nies bil-marda ta’ Alzheimer u d-dimenzja.
9.2 Barra minn hekk, Netwerk Ewropew jista’ jikkontribwixxi għal:
— |
edukazzjoni mtejba għal grupp usa’ ta’ persunal tas-saħħa u tal-kura soċjali b’rabta mad-dimenzja u kif dawk affettwati u min jieħu ħsiebhom jistgħu jiġu appoġġjati; |
— |
edukazzjoni mtejba dwar id-dimenzja sabiex titnaqqas l-istigma u titħeġġeġ id-dijanjosi bikrija; |
— |
koordinazzjoni mtejba bejn il-professjonisti li jaħdmu man-nies bid-dimenzja u dawk li jieħdu ħsiebhom sabiex il-ħtiġijiet individwali tagħhom ikunu jistgħu jiġu ssodisfati (18); |
madwar l-Istati Membri.
9.3 In-Netwerk jista’ jinkludi ħidma mal-gvernijiet nazzjonali dwar l-iżvilupp ta’ dikjarazzjonijiet bil-quddiem għal individwu waqt li jkun għadu kapaċi jagħti l-kunsens tiegħu, fejn jitqiesu t-trattament mediku, il-kura, l-appoġġ, kwistjonijiet finanzjarji u legali u l-potenzjal biex tinħatar bil-quddiem persuna affidabbli li tista’ titkellem f’ismu.
9.4 Il-KESE jħeġġeġ kollaborazzjoni mill-qrib bejn in-Netwerk u Alzheimer’s Europe sabiex jiġi żgurat il-forniment ta’ informazzjoni tajba u konsistenti dwar id-dimenzja li hija ta’ importanza vitali sabiex titnaqqas l-istigma, sabiex in-nies jitħeġġu jfittxu parir mediku u jiżviluppaw għarfien dwar is-servizzi u l-appoġġ li huma disponibbli għalihom, kif ukoll sabiex jiġu promossi d-drittijiet ta’ individwi biex b’hekk jinżammu d-dinjità u l-awtoditerminazzjoni tagħhom.
Brussell, 16 ta’ Diċembru 2009.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI
(1) ĠU C 77, 31.3.2009, p. 96.
(2) Dementia Year Book 2008 Alzheimer Europe.
(3) Dikjarazzjoni tal-PE, PE414.434.
(4) COM(2009) 380 finali.
(5) Alzheimer Europe (2008) Dementia in Europe Yearbook.
(6) Deċiżjoni Nru 1350/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 li tistabbilixxi t-tieni programm ta’ azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-saħħa (2008-13). Ara http://ec.europa.eu/health/ph_information/indicators/lifeyears_en.htm.
(7) ĠU C 24, 31.1.2006, p. 63. (mhux disponibbli bil-Malti).
(8) ĠU C 318, 23.12.2009, p. 10.
(9) Dementia Risk Reduction: The evidence. Alzheimer’s Australia Paper 13 ta’ Settembru 2007.
(10) Id-Dikjarazzjoni tal-Alzheimer Europe f’Pariġi dwar il-prijoritajiet politiċi tal-moviment Alzheimer. (2006).
(11) Deċiżjoni Nru 742/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008, COM(2007) 332 finali, ĠU L 201, 30.7.2008, p. 49.
(12) ĠU C 317, 23.12.2009, p. 105.
(13) Il-Kollaborazzjoni Ewropea dwar id-Dimenzja (EuroCoDe) teżisti biex tipproduċi indikaturi kunsenswali u biex twettaq stħarriġ konġunt.
(14) Alzheimer Europe Year Book 2008.
(15) ĠU C 10, 15.1.2008, p. 67.
(16) ĠU C 44, 16.2.2008, p. 109.
(17) ĠU C 204, 9.8.2008, p. 103.
(18) Evalwazzjoni ta’ bazi tal-forniment attwali ta’ informazzjoni lin-nies bid-dimenzja u lil dawk li jieħdu ħsiebhom; Alison Bowes Titjib fil-Kwalità tal-NHS l-Iskozja u ċ-Ċentru tal-Iżvilupp tas-Servizzi tad-Dimenzja fi Stirling, l-Iskozja.