EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009AE0883

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-linji gwida għal politika dwar l-impjiegi tal-Istati Membri COM(2008) 869 finali – 2008/0252 (CNS)

OJ C 277, 17.11.2009, p. 100–101 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

17.11.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 277/100


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-linji gwida għal politika dwar l-impjiegi tal-Istati Membri”

COM(2008) 869 finali – 2008/0252 (CNS)

(2009/C 277/21)

Relatur uniku: is-Sur JANSON

Nhar it-3 ta’ Frar 2009, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-linji gwida għal politika dwar l-impjiegi tal-Istati Membri

COM(2008) 869 finali – 2008/0252 (CNS).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-6 ta’ April 2009. Ir-relatur kien is-Sur Thomas Janson.

Matul l-453 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-13 u l-14 ta’ Mejju 2009 (seduta tat-13 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’193 vot favur, 7 voti kontra u 9 astensjonijiet.

1.   Sommarju u rakkomandazzjonijiet

1.1.   B’konformità mal-Artikolu 128(2) tat-Trattat, il-validità tal-linji gwida attwali għas-sena 2009 għandha tiġi kkonfermata permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill, wara li jikkonsulta lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-KESE.

1.2.   Il-KESE jappoġġja l-proposta li l-validità tal-linji gwida għall-politika tal-impjiegi għall-perijodu 2008-2010 għandha tiġi kkonfermata għall-2009, iżda jixtieq jiġbed l-attenzjoni għall-kummenti li ġejjin.

1.3.   Il-Programmi ta’ Riforma Nazzjonali għandhom ikunu aktar ambizzjużi f’dak li għandu x’jaqsam mal-politika tal-impjiegi u d-drittijiet u l-obbligi tal-ħaddiema.

1.4.   L-integrazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol għandha tiġi enfasizzata aktar u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni għandha tibqa’ tingħata l-attenzjoni mistħoqqa.

1.5.   It-tranżizzjoni lejn ekonomija msejsa fuq l-għarfien għandha tkun aktar rigoruża u għandhom isiru aktar sforzi mmirati fil-qasam tat-taħriġ vokazzjonali u t-tagħlim tul il-ħajja. Huwa importanti li l-investimenti fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni jsiru b’mod aktar konsistenti.

1.6.   Il-KESE huwa tal-fehma li l-linji gwida għall-impjiegi ma jqisux biżżejjed l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u l-ħtieġa li l-ħaddiema jsibu kompromess xieraq bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja.

1.7.   Il-kriżi ekonomika qed iġġib magħha żieda fil-qgħad u tnaqqis fir-rati tal-impjiegi, u qed ixxekkel lill-UE milli tikseb l-għanijiet tagħha stipulati fil-linji gwida għall-impjiegi.

1.8.   Huwa importanti li l-Istati Membti jagħtu preċedenza lil dawk il-linji gwida li huma essenzjali għall-impjiegi u t-tkabbir, jiġfieri (1) li jiġu implimentati politiki tal-impjiegi bil-għan li jinħoloq xogħol għal kulħadd, jittejbu l-kwalità u l-produttività fuq ix-xogħol, u jissaħħu l-koeżjoni soċjali u territorjali; (2) li jiġi żgurat suq tax-xogħol inklużiv, jinħolqu impjiegi li jkunu aktar attraenti u jiġi żgurat li dawk il-persuni li qed ifittxu x-xogħol, fosthom il-persuni żvantaġġati u dawk inattivi, ikollhom impjieg li jrendi; u (3) li jiżdied u jittejjeb l-investiment fil-kapital uman (1).

1.9.   Il-KESE jenfasizza li l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili għandhom jieħdu sehem f’kull fażi tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-linji gwida.

2.   Il-punti ewlenin tad-dokument tal-Kummissjoni

2.1.   Il-linji gwida jsarrfu f’impenji nazzjonali stabbiliti fil-livell tal-UE u jistabbilixxu wkoll għanijiet globali għall-Istati Membri li għandhom jiġu implimentati permezz tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma. Il-linji gwida integrati jiskadu fi tmiem l-ewwel ċiklu ta’ tliet snin, u għalhekk għandhom jiġġeddu għaċ-ċiklu li jmiss.

2.2.   Skont il-Kummissjoni, l-Istati Membri ħabirku ħafna fl-implimentazzjoni tal-istrutturi ta’ riforma tul l-ewwel ċiklu ta’ tliet snin (2005–2008). Ir-riformi li saru fil-qafas tal-Istrateġija ta’ Lisbona kkontribwixxew għat-tisħiħ tal-potenzjal tat-tkabbir tal-ekonomiji nazzjonali Ewropej. Barra minn hekk, b’dawn ir-riformi l-ekonomija Ewropea saret aktar reżistenti għax-xokkijiet esterni, pereżempju ż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u l-materja prima kif ukoll il-fluttwazzjonijiet tar-rati tal-iskambju.

2.3.   Skont il-Kummissjoni, il-gvernanza l-ġdida tal-Istrateġija ta’ Lisbona, li tagħmel enfasi fuq is-sħubija bejn il-livell Ewropew u dak tal-Istati Membri, uriet kemm hija tabilħaqq siewja. Għalhekk, fil-fehma tal-Kummissjoni l-linji gwida integrati qed jaqdu r-rwol tagħhom u ma jeħtiġux reviżjoni.

3.   Kummenti preċedenti tal-KESE

3.1.   Il-KESE analizza l-linji gwida u n-nuqqasijiet tagħhom f’opinjoni li ħejja s-sena li għaddiet (2). Din l-analiżi tal-KESE għadha valida.

3.2.   Fil-fehma tal-Kumitat, il-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma mhumiex ambizzjużi biżżejjed f’dak li għandu x’jaqsam mal-politika tal-impjiegi u d-drittijiet u l-obbligi tal-ħaddiema. Dan ġej mill-fatt li l-linji gwida attwali jenfasizzaw li l-Istati Membri stess għandhom jistabbilixxu l-għanijiet tagħhom, u għaldaqstant wieħed jibża’ li l-miżuri marbuta mal-politika tal-impjiegi m’għadhomx jistgħu jiġu evalwati bil-għajnuna ta’ għanijiet speċifiċi li jistgħu jiġu kkwantifikati.

3.3.   Hemm bżonn li jkun hemm aktar enfasi fuq l-integrazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età, id-diżabilità, l-oriġini etnika jew l-orjentazzjoni sesswali għandha tibqa’ tingħata l-attenzjoni mistħoqqa.

3.4.   Biex l-UE ssir ekonomija msejsa fuq l-għarfien, it-tranżizzjoni lejn dan it-tip ta’ ekonomija għandha tkun aktar rigoruża u għandhom isiru aktar sforzi mmirati fil-qasam tat-taħriġ vokazzjonali u t-tagħlim tul il-ħajja bil-għan li l-persuni jadattaw ruħhom għal tekniki ġodda u għar-ristrutturazzjoni tal-bażi industrijali u biex ikollhom il-possibbiltà jakkwistaw kompetenzi trasferibbli. Mod tajjeb biex jinkiseb dan huwa li l-investimenti fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni jsiru b’mod aktar konsistenti sabiex tissaħħaħ l-ekonomija u jinħolqu impjiegi ġodda (3).

3.5.   Il-linja gwida għall-impjiegi ma jqisux biżżejjed l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u l-ħtieġa li l-ħaddiema jsibu kompromess xieraq bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja. Dan huwa importanti biex inkunu nistgħu nilqgħu għat-tibdil demografiku u għall-fatt li forza tax-xogħol qed tixjieħ.

3.6.   Il-Kumitat jisħaq ukoll fuq l-importanza li jkun hemm il-fondi xierqa fil-livell nazzjonali u Ewropew sabiex jiġu implimentati l-miżuri dwar il-politika tal-impjiegi.

4.   Kummenti ġenerali

4.1.   Fil-perijodu ta’ żmien medju u twil, il-kriżi ekonomika ser iġġib magħha żieda fil-qgħad u tnaqqis fir-rati tal-impjiegi, u ser ixekkel lill-UE milli tikseb l-għanijiet tagħha marbuta mal-aġenda ta’ Lisbona.

4.2.   Minkejja li qabel il-kriżi kien sar ċertu progress, għad hemm problema kbira minħabba d-differenzi li jeżistu fi ħdan l-Istati Membri u bejniethom fir-rigward ta’ kemm irnexxielhom jiksbu l-għanijiet u jimplimentaw id-diversi miżuri. Din is-sitwazzjoni aggravat minħabba l-kriżi ekonomika.

4.3.   Il-KESE huwa tal-fehma li biex l-Istati Membri jevitaw repetizzjoni tar-reċessjoni qawwija tat-tletinijiet, huwa importanti li jagħtu preċedenza lil dawk il-linji gwida li huma importanti għall-impjiegi u t-tkabbir. Il-kriżi ser tolqot l-aktar lil dawk il-pajjiżi li l-gvernijiet tagħhom ma ħadux passi biex jappoġġjaw l-impjiegi iżda komplew iħaddnu l-istess politika li tintuża f’perijodi ekonomiċi normali.

4.4.   Il-linji gwida attwali jindirizzaw dawn l-għanijiet: (1) li jiġu implimentati politiki tal-impjiegi bil-għan li jinħoloq xogħol għal kulħadd, li jittejbu l-kwalità u l-produttività fuq ix-xogħol, u jissaħħu l-koeżjoni soċjali u territorjali; (2) li jiġi żgurat suq tax-xogħol inklużiv, jinħolqu impjiegi li jkunu aktar attraenti u jiġi żgurat li dawk il-persuni li qed ifittxu x-xogħol, fosthom il-persuni żvantaġġati u dawk inattivi, ikollhom impjieg li jrendi; u (3) li jiżdied u jittejjeb l-investiment fil-kapital uman (4).

4.5.   F’dan il-kuntest huwa importanti immens li l-Kummissjoni u l-partijiet l-oħra jissemplifikaw ir-regoli għall-użu tal-Fondi Strutturali, il-Fond Soċjali u l-Fond ta’ Globalizzazzjoni biex tiġi ffinanzjata l-implimentazzjoni tal-linji gwida għall-impjiegi. Il-KESE jkompli jenfasizza l-importanza li fil-livell Ewropew u nazzjonali jkun hemm il-fondi neċessarji sabiex l-inizjattivi dwar l-impjiegi jingħataw preċedenza.

4.6.   Il-KESE jixtieq li l-Kummissjoni taqdi rwol aktar importanti fit-tfassil tal-objettivi Ewropej u nazzjonali, u fil-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-progress biex b’hekk jissaħħaħ u jiżdied il-valur tar-Rapporti Annwali li jinħarġu fil-qafas tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma f’kull Stat Membru.

4.7.   Il-KESE jenfasizza li l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili għandhom jieħdu sehem f’kull fażi tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-linji gwida.

Brussell, 13 ta’ Mejju 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Linji gwida integrati nru 17, 19 u 23 (COM(2007) 803 finali/3, Parti V).

(2)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adottata fit-13 ta’ Frar 2008 dwar “il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar linji gwida għall-Politika tal-Impjiegi tal-Istati Membri (skont l-Artikolu 128 tat-Trattat tal-KE)” (ĠU C 162, 25.6.2008), relatur: is-Sur Wolfgang Greif.

(3)  Il-KESE diġà indirizza din il-kwistjoni fl-opinjonijiet preċedenti tiegħu. Ara pereżempju:

L-opinjoni “Investiment fl-għarfien u l-innovazzjoni (Strateġija ta’ Lisbona)”, relatur: is-Sur Wolf (ĠU C 256, 27.10.2007), adottata mill-Kumitat fit-12.7.2007;

L-opinjoni “Il-kooperazzjoni u t-trasferiment tal-għarfien bejn l-organizzazzjonijiet ta’ riċerka, l-industrija u l-SMEs – prerekwiżit importanti għall-innovazzjoni”, relatur: is-Sur Wolf, (ĠU C 218, 11.9.2009, p. 8), adottata mill-Kumitat fis-26.02.2009.

(4)  Ara n-nota 1 f’qiegħ il-paġna.


Top