Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009AE0875

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd COM(2008) 721 finali – 2008/0216 (CNS)

OJ C 277, 17.11.2009, p. 56–61 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

17.11.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 277/56


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd”

COM(2008) 721 finali – 2008/0216 (CNS)

(2009/C 277/11)

Rapporteur: is-Sur ADAMS

Nhar il-15 ta’ Diċembru 2008, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 37 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd

COM(2008) 721 finali – 2008/0216 (CNS).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-17 ta’ April 2009. Ir-rapporteur kien is-Sur Espuny Moyano.

Matul l-453 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-13 u l-14 ta’ Mejju 2009 (seduta tat-13 ta’ Mejju 2009), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew irrifjuta l-opinjoni tas-Sezzjoni Speċjalizzata u adotta l-kontropinjoni mressqa mis-Sur Adams bi 98 vot favur, 75 vot kontra u 11-il astensjoni.

1.1.   Il-KESE jappoġġja r-riforma sostanzjali tas-sistema ta’ kontroll tal-Politika Komuni tas-Sajd proposta mill-Kummissjoni u jagħraf li din ir-riforma hija element ċentrali tal-PKS u li hija mezz ta’ ristrutturar rilevanti ħafna u urġenti li ser itejjeb l-effikaċità tal-PKS qabel ir-rifoma kbira li ġiet proposta.

1.2.   Il-KESE jemmen li s-sistema attwali ta’ kontroll fl-UE għandha bosta nuqqasijiet. Hija ineffiċjenti, għalja, kumplessa u ma tagħtix frott. Dan kollu għandu konsegwenzi sinifikanti fuq is-sostenibbiltà tar-riżorsi tas-sajd, l-industrija tas-sajd, ir-reġjuni li jiddependu mis-sajd u l-ambjent. Il-KESE jinnota li l-Kummissjoni hija tal-istess fehma f’dan ir-rigward.

1.3.   B’mod partikolari, il-PKS ħolqot attitudni ta’ dewmien, logħob bil-kliem, nuqqas ta’ rieda għall-implimentazzjoni u nuqqas ta’ konformità min-naħa ta’ ċerti partijiet ikkonċernati. L-għan tar-riforma tas-sistema ta’ kontroll huwa li twassal għal bidla f’din il-kultura antagonista u li mhijiex kompjaċenti. Tirrifletti l-approċċ il-ġdid imfassal fil-Green Paper dwar ir-Riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd ta’ April 2009 u għaldaqstant tanalizza kemm il-partijiet interessati huma lesti li jimpenjaw ruħhom għall-bidla.

1.4.   Aktar minn 75 % tal-istokkijiet tal-ħut tad-dinja huma sfruttati bis-sħiħ jew iż-żejjed. 88 % tal-istokkijiet tal-UE jinqabdu b’rata li tosboq il-produzzjoni massima sostenibbli tagħhom.

1.5.   Fl-UE, is-sistema attwali ta’ kontroll mhijiex adegwata u ddgħajjef l-affidabbiltà tad-data bażika li fuqha huma bbażati l-pariri xjentifiċi. Minħabba nuqqas ta’ data affidabbli għad hemm livelli ta’ qabdiet mhux sostenibbli. Huwa diffiċli li wieħed jiskopri l-prattiki qarrieqa, u l-pieni li jiġu imponuti sikwit ikunu ħafna anqas mill-potenzjal ta’ profitt li jista’ jsir mis-sajd żejjed. Barra minn hekk, il-Kummissjoni m’għandhiex biżżejjed għodod legali u b’hekk ma tistax taġixxi minnufih u b’mod effettiv meta tiskopri problema fil-prestazzjoni tas-sistemi ta’ kontroll nazzjonali. Fl-istess waqt, it-teknoloġiji l-ġodda joffru potenzjal li mhuwiex qed jintuża bis-sħiħ.

1.6.   Il-KESE jemmen li s-sistema l-ġdida tistabbilixxi approċċ globali u integrat għall-kontroll, li jiffoka fuq l-aspetti kollha tal-Politika Komuni tas-Sajd u jkopri l-katina kollha tal-qbid, il-ħatt, it-trasport, l-ipproċessar u t-tqegħid fis-suq – mill-qabda sal-konsumatur.

1.7.   Il-KESE jqis li l-Kummissjoni wettqet ir-responsabbiltajiet tagħha li tikkonsulta l-partijiet interessati, ħejjiet valutazzjoni tal-impatt ibbażata fuq riċerka tajba, u jaqbel li l-Kummissjoni tħeġġeġ riforma minnufih u li ma ttawwalx iż-żmien għal azzjoni sakemm jiġi stabbilit il-ġejjieni tal-Politika Komuni tas-Sajd għal wara l-2012.

Brussell, it-13 ta’ Mejju 2009

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


APPENDIĊI

Din l-opinjoni ġiet irrifjutata u minflokha l-Assemblea adottat il-kontropinjoni, però din l-opinjoni rċeviet għall-inqas kwart tal-voti mixħuta.

1.   Konklużjonijiet

1.1.   Il-KESE jagħraf il-ħtieġa li tiġi ssemplifikata s-sistema ta’ kontroll tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) u jaqbel mal-prinċipji tar-riforma proposta.

1.2.   Madankollu, il-Kumitat jemmen li bħalissa mhux l-aħjar żmien sabiex titwettaq din ir-riforma billi għadu kemm infetaħ id-dibattitu dwar il-futur tal-PKS wara l-2012 u x’aktarx ser isiru xi bidliet f’din il-politika li jolqtu bis-sħiħ is-sistema ta’ kontroll. Għaldaqstant, il-KESE jirrakkomanda li l-ewwel isir studju serju tal-elementi bażiċi tal-PKS u tal-varji mudelli ta’ ġestjoni applikabbli biex imbagħad il-miżuri l-ġodda jiġu msejsa fuq dan l-istudju.

1.3.   Il-Kumitat jiddispjaċih li, billi riedet tniedi din ir-riforma malajr kemm jista’ jkun, il-Kummissjoni ma kkonsultatx b’mod xieraq lill-partijiet ikkonċernati. Il-KESE jemmen li l-partijiet ekonomiċi u soċjali kkonċernati għandhom jiġu involuti aktar sabiex ir-riforma tirnexxi.

1.4.   Barra minn hekk, il-Kumitat jemmen li l-bidliet proposti għall-mekkaniżmi ta’ kontroll ser iżidu b’mod sostanzjali n-numru ta’ obbligi tal-bastimenti u tal-amministrazzjonijiet tas-sajd minflok jissemplifikaw is-sistema ta’ kontroll. Jirrakkomanda wkoll li jiġi stabbilit perijodu ta’ tranżizzjoni suffiċjenti.

1.5.   Il-KESE jemmen li l-konsegwenzi soċjoekonomiċi ta’ dawn il-miżuri ma ġewx evalwati kif jixraq.

1.6.   Sabiex tiġi ffaċilitata l-konformità ma’ dawn il-miżuri, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tippubblika anness bil-limiti ta’ żmien u l-obbligi skont it-tip ta’ bastiment.

1.7.   Fir-rigward tal-kwistjonijiet tekniċi speċifiċi, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew jikkunsidraw il-punti mressqa fil-parti tal-kummenti partikolari ta’ din l-opinjoni.

2.   Introduzzjoni

2.1.   Nhar l-14 ta’ Novembru 2008, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat tliet dokumenti marbuta mar-riforma tas-sistema ta’ kontroll tal-Politika Komuni tas-Sajd (minn issa ’l quddiem imsejħa l-PKS): il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi sistema ta’ kontroll Komunitarja li tiżgura konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (1), il-Proposta għal Regolament (2) u l-valutazzjoni tal-impatt (3).

2.2.   Il-Kummissjoni temmen li s-sistema ta’ kontroll imwaqqfa fl-2002 għandha nuqqasijiet serji li qed jheddu l-effiċjenza globali tagħha: għalja, kumplessa, mhix effiċjenti u ma tagħtix ir-riżultati mixtieqa. Għaldaqstant qed tipproponi riforma sostanzjali tas-sistema ta’ kontroll tal-PKS.

Skont il-Kummissjoni, l-għan ewlieni tar-riforma huwa li titwaqqaf sistema Komunitarja għall-ispezzjoni, il-monitoraġġ, il-kontroll, is-sorveljanza u l-infurzar sabiex jinħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni effettiva tar-regoli tal-PKS.

2.3.1.   B’mod speċifiku, il-Kummissjoni temmen li l-proposta għal riforma li qed tagħmel ser ittejjeb is-sitwazzjoni attwali billi:

tissemplifika l-qafas legali. Il-proposta tistabbilixxi standards ta’ kontroll komuni għar-regoli kollha tal-PKS. Tistipula l-prinċipji, però d-dettalji ser jiġu stabbiliti f’regolament ta’ implimentazzjoni wieħed;

testendi l-ambitu ta’ kontroll. Il-proposta tkopri oqsma li s’issa tħallew barra (it-trasport, is-swieq, it-traċċabilità) u tindirizza l-oqsma li fihom kibret il-ħtieġa ta’ kontroll (ir-rimi ta’ ħut lura fil-baħar, is-sajd rikreattiv, iż-żoni protetti tal-baħar);

toħloq parità ta’ kundizzjonijiet fil-qasam tal-kontroll. L-introduzzjoni ta’ proċeduri armonizzati ta’ spezzjoni u ta’ sistemi armonizzati u dissważivi ta’ sanzjonijiet ser tiggarantixxi li s-sajjieda jiġu ttrattati b’mod ugwali, indipendentement minn fejn ikunu qed jaħdmu, u ser issaħħaħ il-fiduċja fis-sistema kollha;

ittejjeb l-approċċ għall-kontroll u l-ispezzjoni. Bis-saħħa tas-sistema tal-ġestjoni tar-riskju, l-Istati Membri u l-Kummissjoni ser ikunu jistgħu jiffokaw ir-riżorsi ta’ kontroll tagħhom fuq l-oqsma bl-akbar riskju li jinkisru r-regoli;

tnaqqas il-piż amministrattiv;

tapplika r-regoli tal-PKS b’mod aktar effiċjenti. Il-Kummissjoni ser tħejji approċċ ibbażat fuq il-makroġestjoni u ser tiffoka fuq il-kontroll u l-verifika tal-implimentazzjoni tar-regoli mill-Istati Membri.

2.4.   Din il-Proposta għal Regolament tikkumplementa r-Regolament IUU (4) u r-Regolament dwar l-awtorizzazzjonijiet għall-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tas-sajd tal-Komunità barra mill-ilmijiet tal-Komunità (5). It-tliet regolamenti ser isawru l-qafas ta’ kontroll il-ġdid.

2.5.   Il-Kummissjoni tixtieq li r-Regolament il-ġdid jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2010.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.   Il-KESE jagħraf li s-suċċess tal-PKS jiddependi mill-applikazzjoni ta’ sistema ta’ kontroll effiċjenti, globali, integrata u mhux diskriminatorja “mix-xibka sal-platt”, li permezz tagħha r-riżorsi akkwatiċi ħajjin ikunu jistgħu jiġu sfruttati b’mod sostenibbli.

3.2.   Il-Kumitat jemmen ukoll li s-sistema ta’ kontroll Komunitarja attwali għandha tiġi riformata bil-għan li tittejjeb. U jaqbel mal-prinċipji ġenerali li fuqhom hija msejsa l-Proposta.

3.3.   Madankollu, fil-fehma tal-KESE l-Kummissjoni għandha tieqaf u tirrifletti sew dwar jekk dan hux l-aktar żmien adatt sabiex titwettaq din ir-riforma. Fl-2008 l-Kummissjoni fetħet dibattitu dwar il-ġejjieni tal-PKS wara l-2012. Matul is-snin li ġejjin ser issir reviżjoni tal-elementi bażiċi tagħha. Il-KESE jaħseb li s-sistema ta’ kontroll għandha tiġi riformata fuq il-bażi tal-kontenut tal-PKS il-ġdida.

3.4.   L-istrument prinċipali għall-ġestjoni tas-sajd fil-PKS attwali huwa s-sistema tat-TAC (6) u tal-kwoti. Din is-sistema kemm-il darba ġiet attakata (7). Billi wieħed mill-għanijiet ewlenin tar-Regolament huwa li jiġu rispettati t-TACs u l-kwoti li jingħataw lill-Istati Membri, u billi l-istituzzjonijiet għarfu li din is-sistema għandha tittejjeb b’mod sostanzjali, jidher li jagħmel aktar sens li l-ewwel issir ir-reviżjoni ta’ dawn is-sistemi ta’ ġestjoni qabel ma ssir ir-riforma tas-sistema ta’ kontroll. Il-KESE jirrakkomanda li l-ewwel u qabel kollox għandhom isiru reviżjoni serja u fil-fond tal-elementi bażiċi tal-PKS u analiżi tal-varji mudelli ta’ ġestjoni applikabbli, u li l-miżuri l-ġodda għandhom jiġu adattati għar-riżultati li jinkisbu minnhom.

3.5.   Il-Kumitat huwa diżappuntat li l-Kummissjoni ppreżentat il-pakkett leġiżlattiv, jiġifieri l-Komunikazzjoni, il-Proposta għal Regolament u l-valutazzjoni tal-impatt, fl-istess żmien. Normalment, il-Kummissjoni l-ewwel tippreżenta l-komunikazzjoni sabiex tintuża bħala gwida għad-dibattitu dwar il-proposta. Il-KESE jemmen li sabiex ir-riforma tirnexxi għandhom jiġu involuti l-partijiet ekonomiċi kkonċernati kollha bil-għan li jipparteċipaw f’diskussjoni fil-fond dwar il-kwistjoni. Riforma daqstant kbira żgur li ma tistax issir kif ġib u laħaq.

3.6.   Il-Proposta għal Regolament iżżid b’mod sostanzjali n-numru ta’ obbligi tal-bastimenti u tal-amministrazzjonijiet tas-sajd. Il-KESE jaħseb li din is-sitwazzjoni tista’ toħloq problemi prattiċi serji billi la l-Istati Membri u lanqas il-Kummissjoni m’għandhom il-persunal u l-istruttura meħtieġa sabiex tinġabar l-informazzjoni kollha mitluba mill-Proposta u tiġi pproċessata. Barra minn dan, il-Proposta żżid ukoll l-obbligi tal-partijiet ekonomiċi kkonċernati. Skont il-Kumitat, f’dan il-perijodu ta’ kriżi wieħed m’għandux iżid il-piż amministrattiv tal-Istati Membri u l-partijiet ekonomiċi minħabba li dan jista’ jħalli impatt negattiv ħafna kemm fuq l-intrapriżi kif ukoll fuq l-impjiegi, b’mod partikolari l-impjiegi li toħloq il-flotta ta’ bejn 10 u 15-il metru.

3.7.   Il-KESE jemmen li l-proċess ta’ semplifikazzjoni għandu jsir pass wara pass għaliex l-analiżi u l-applikazzjoni sussegwenti tiegħu huma kumplessi, l-introduzzjoni tas-sistemi tiswa l-flus, u fil-bidu n-nies mhux ser ikollhom l-esperjenza neċessarja u mhux ser ikunu midħla biżżejjed tal-proċess. Billi l-bidliet proposti huma kbar, il-Kumitat jemmen li dawn għandhom jiġu diskussi fil-fond u matul perijodu twil ta’ żmien. Għal din ir-raġuni, il-Kumitat jaħseb li l-Artikolu 16 għandu jistabbilixxi perijodu ta’ tranżizzjoni suffiċjenti sabiex wieħed ikun jista’ jadatta ruħu għall-bidliet li fl-aħħar mill-aħħar jidħlu fil-leġiżlazzjoni marbuta mal-kontroll.

3.8.   Fil-fehma tal-KESE, il-kultura tal-konformità mar-regoli għandha tkun imsejsa fuq il-kooperazzjoni, il-ftehim u d-dispożizzjoni tal-partijiet ikkonċernati, u mhux fuq iż-żieda tal-miżuri u l-proċeduri ta’ kontroll u sanzjoni. Sett ta’ regoli aktar sempliċi li jinfiehmu aħjar mill-partijiet ikkonċernati għandu jiffaċilita l-konformità mar-regoli.

3.9.   Il-Kummissjoni beħsiebha testendi s-setgħa tagħha fil-qasam tal-kontroll. Però l-Kumitat jissuġġerixxi li jitqies il-bilanċ bejn il-Kunsill u l-Kummissjoni sabiex ma jkunx hemm kunflitti bejn il-kompetenzi fil-ġejjieni.

3.10.   Il-KESE jemmen li r-Regolament għandu jikkunsidra l-possibbiltà li jiġu sfruttati l-kwoti li ma jintużawx billi jerġgħu jitqassmu lil Stati Membri oħra bil-għan li jtejbu l-vijabbiltà ekonomika tas-sajd tagħhom.

4.   Kummenti partikolari

4.1.   Il-Kumitat jaħseb li l-awtorizzazzjoni tas-sajd li tinħareġ għal bastiment tas-sajd Komunitarju m’għandhiex tkun limitata għall-ilmijiet tal-Komunità; għaldaqstant jirrakkomanda li titneħħa l-frażi “fl-ilmijiet tal-Komunità inġenerali” mill-Artikolu 4(8).

4.2.   Il-KESE jħoss li, fl-Artikolu 4(10), id-definizzjoni ta’ “żona protetta tal-baħar” – żoni li jinsabu fl-ilmijiet tal-Komunità u li jħallu impatt fuq l-attività tas-sajd – għandha tinkludi proċedura Komunitarja għall-ħolqien, l-użu, il-kontroll u l-monitoraġġ ta’ dawn iż-żoni.

4.3.   L-Artikolu 4(17) jagħti d-definizzjoni ta’ “proċessar” li tinkludi t-tindif, it-tkessiħ jew l-iffriżar. Il-KESE jemmen li d-definizzjoni ta’ “proċessar” għandha tirreferi għat-tibdil tal-karatteristiċi organolettiċi tar-riżorsi akkwatiċi u mhux għall-proċessi li jintużaw sabiex jiġi ppreservat il-prodott, proċessi li huma maħsuba biex jiggarantixxu s-sigurtà tal-prodotti tal-ħut għall-konsumatur. Għaldaqstant jipproponi li dawn l-attivitajiet jitneħħew mid-definizzjoni ta’ “proċessar”.

4.4.   Il-KESE jaħseb li l-Artikolu 7(f) għandu jsemmi ż-żoni tal-baħar miftuħ li mhumiex irregolati minn Organizzazzjoni Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd.

4.5.   Il-Kumitat jemmen li l-bastimenti ta’ bejn 10 u 15-il metru m’għandhomx ikunu obbligati jarmaw it-tagħmir imsemmi fl-Artikolu 9 li jippermetti li l-pożizzjoni u l-identità tal-bastiment jinstabu awtomatikament permezz tas-Sistema ta’ Monitoraġġ tal-Bastimenti bit-trażmissjoni tad-data dwar il-pożizzjoni f’intervalli regolari. L-attivitajiet tas-sajd ta’ dawn il-bastimenti xorta waħda huma limitati minħabba l-karatteristiċi tagħhom; fil-fatt dawn jaħdmu f’żoni qrib il-kosta li jistgħu jiġu kkontrollati faċilment. L-ispejjeż biex tiġi installata din is-sistema huma konsiderevoli u sproporzjonati għal din il-kategorija ta’ bastimenti li hija magħmula minn għadd ta’ intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju li jimpjegaw ħafna nies.

Il-KESE jħoss li d-dispożizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 14 b’rabta mal-ġurnal ta’ abbord għall-bastimenti tal-Komunità huma eċċessivi billi joħolqu piż burokratiku kbir sabiex jiġu ċċekkjati. Għalhekk, din il-kundizzjoni għandha tapplika biss għall-każijiet ġustifikati.

4.6.1.   L-Artikolu 14(1) jistipula li fil-ġurnal ta’ abbord għandhom jiġu rreġistrati l-kwantitajiet ta’ kull speċi li jintremew fil-baħar. Il-Kumitat jemmen li s-sajjieda għandhom ikunu marbuta jniżżlu fil-ġurnal kwantitajiet li jaqbżu ċertu ammont, pereżempju 50 kg.

4.6.2.   L-Artikolu 14(3) jgħid li l-marġini ta’ toleranza permess fl-istimi rreġistrati fil-ġurnal ta’ abbord tal-kwantitajiet f’kilogrammi ta’ ħut miżmum abbord għandu jkun ta’ 5 %. Il-KESE jinnota li diġà huwa diffiċli li jinżamm il-valur attwali, li huwa ta’ 8 % għall-aktar każijiet stretti tal-pjanijiet ta’ rkupru. Is-sajjieda mhux ser ikunu jistgħu jirrispettaw marġini ta’ tolleranza baxx wisq minħabba li dan iwassal għal piż burokratiku kbir u joħolqilhom il-kumplikazzjonijiet. Għalhekk ser jingħataw numru konsiderevoli ta’ sanzjonijiet, pass li jmur kontra l-għan li jiġu ssemplifikati s-sistemi ta’ kontroll. Għaldaqstant, il-KESE jirrakkomanda li din il-miżura ma tiġix applikata.

4.6.3.   Il-KESE jaħseb li fatturi tal-konverżjoni użati sabiex il-piż tal-ħut maħżun jinqaleb f’piż ta’ ħut ħaj – li jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor u għalhekk jaffettwaw il-kalkolu tal-qabdiet ta’ kull pajjiż – m’għandhomx jiġu stabbiliti fuq il-bażi tal-medja tal-valuri applikati fl-Istati Membri biss, iżda għandhom jikkunsidraw ukoll il-partikolaritajiet u l-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull attività tas-sajd. Irid jitqies ukoll l-impatt tal-bidla minn fatturi tal-konverżjoni nazzjonali għal fatturi tal-konverżjoni Komunitarji fuq l-istabbiltà relattiva.

4.7.   Ir-Regolament dwar l-użu ta’ ġurnal elettroniku (8) ma jistipulax li din il-miżura għandha tiġi applikata għall-bastimenti ta’ anqas minn 15-il metru. Il-KESE jaħseb li l-bastimenti ta’ bejn 10 u 15-il metru m’għandhomx jiġu inklużi qabel ma l-awtoritajiet tal-Istati Membri jevalwaw l-applikazzjoni prattika ta’ din il-miżura u l-konsegwenzi tagħha għall-bastimenti ta’ aktar minn 15-il metru u jiksbu l-esperjenza prattika meħtieġa. Ta’ min ifakkar li għall-bastimenti ta’ aktar minn 24 metru l-ġurnal elettroniku mhux obbligatorju sal-1 ta’ Jannar 2010 u għall-bastimenti ta’ aktar minn 15-il metru sal-1 ta’ Lulju 2011. Barra minn hekk, l-Artikolu 15 tal-Proposta ma jinkludix id-derogi attwali rigward il-proċeduri elettroniċi għall-bastimenti ta’ aktar minn 15-il metru. Il-Kumitat jitlob li jkun hemm aktar konsistenza bejn iż-żewġ dispożizzjonijiet.

4.8.   Il-KESE jemmen li n-notifika minn qabel stabbilita fl-Artikolu 17 għandha tkun limitata għal sitwazzjonijiet li fihom tkun ġustifikata biss, bħalma huwa l-każ bħalissa: in-notifika minn qabel hija mitluba biss għall-bastimenti li jkunu qed iġorru speċi inklużi fil-pjanijiet ta’ rkupru. B’hekk jiġi evitat ix-xogħol żejjed li ħafna drabi ma jipprovdix informazzjoni siewja, bħalma huwa l-każ tal-qabdiet żero. Il-Kumitat jaħseb li n-notifika tal-qabdiet għandha tintalab fuq il-bażi ta’ kwantità minima rappreżentattiva.

4.9.   Il-Kumitat jemmen li n-notifika minn qabel tal-kaptan tal-bastiment jew tar-rappreżentant tiegħu għandhom jintbagħtu dejjem lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-bandiera u mhux lill-awtoritajiet tal-Istat kostali jew tal-post fejn jinħatt il-ħut. Bħalissa, bastiment dejjem għandu jgħaddi l-informazzjoni liċ-ċentru tal-komunikazzjoni tal-Istat tal-bandiera, imbagħad iċ-ċentri tal-komunikazzjoni jgħaddu din l-informazzjon lill-Istati Membri l-oħra (9).

4.10.   Il-KESE jemmen li l-projbizzjoni tat-trażbord tal-ħut fuq il-baħar stipulata fl-Artikolu 18 tista’ tikkawża problemi serji għal ċerti tipi ta’ sajd u b’hekk thedded il-vijabbiltà ekonomika tal-flotot ikkonċernati. Barra minn hekk, il-fatt li ma jistax isir trażbord tal-ħut fuq il-baħar jew qrib iż-żoni tas-sajd sabiex dan ikompli jiġi pproċessat u ffriżat jista’ jaffettwa l-kwalità tal-ħut li jixtri l-konsumatur.

4.11.   Fir-rigward tal-Artikolu 21, il-KESE jaħseb li l-limitu ta’ sagħtejn wara li jinħatt il-ħut sabiex tintbagħat id-data tad-dikjarazzjoni tal-ħatt lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-bandiera b’mezzi elettroniċi huwa qasir wisq u għalhekk kapaċi ma jiġix rispettat. Għal din ir-raġuni, il-Kumitat jipproponi li l-limitu jkun ta’ 24 siegħa fid-dawl tal-fatt li bħalissa dan huwa ta’ 48 siegħa.

4.12.   Il-Kumitat jaħseb li l-Artikolu 28 għandu jistabbilixxi l-proċeduri biex il-kwoti żejda li ma jkunux jistgħu jintużaw minn Stat Membru jingħataw, b’ċerti kundizzjonijiet, lil Stati Membri oħra, u biex Stat Membru jkun jista’ jittrasferixxi l-kwoti żejda għas-sena ta’ wara. Barra minn dan, f’każ ta’ miżuri korrettivi, il-kumpens ta’ Stat Membru minħabba l-għeluq tal-attività tas-sajd għandu jsir permezz ta’ mekkaniżmi rapidi li jkunu jistgħu jiġu implimentati b’mod faċli.

4.13.   Il-KESE jħoss li l-Artikolu 33 jista’ joħloq xi problemi għal ċerti flotot partikolari li jaqbdu speċi pelaġiċi żgħar u jittrasferixxu l-qabdiet tagħhom fil-port sabiex jiġu pproċessati f’bastimenti tal-friża. Dan l-Artikolu jista’ jaffettwa wkoll il-flotot ta’ Stat Membru li jħottu l-qabdiet tagħhom fi Stat Membru ieħor biex jinġarru fit-trakkijiet lejn il-portijiet ta’ Stati Membri oħra fejn imbagħad jitqiegħdu fis-suq.

4.14.   Il-KESE jaqbel li, kif inhu stipulat fl-Artikolu 35, l-ispeċi inklużi fi pjan ta’ rkupru għandhom jiġu stivati f’kaxxi differenti mill-bqija tal-qabda u dawn il-kaxxi għandhom jiġu mmarkati permezz ta’ tikketta. Madankollu, ma jemminx li dawn il-kaxxi għandhom jinħażnu fl-istiva b’mod separat mill-kaxxi l-oħra għaliex dan ma jfissirx li b’hekk il-qabdiet jistgħu jiġu kkontrollati aħjar billi l-kaxxi bl-ispeċi inklużi fi pjan ta’ rkupru diġà jkollhom tikketta li tindika l-kodiċi tal-FAO tal-ispeċi.

4.15.   Il-KESE jemmen li r-reġistrazzjoni tar-rimi lura fil-baħar stipulata fl-Artikolu 41 hija essenzjali sabiex jitħarsu r-riżorsi u tittejjeb il-kwalità tal-evalwazzjonijiet xjentifiċi, speċjalment fil-każ tal-attivitajiet tas-sajd imħalltin. Il-Kumitat iħeġġeġ it-tnaqqis tar-rimi lura fil-baħar bħala prinċipju fundamentali tas-sostenibbiltà. Madankollu jemmen li l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni tar-rimi lura fil-baħar huma eżaġerati, mhumiex kompatibbli mal-attività tas-sajd u ser joħolqu ħafna xogħol żejjed li jista’ jhedded is-sigurtà tal-bastiment, il-benesseri tas-sajjieda u l-istandards tal-iġjene. Il-frażi “mingħajr dewmien” hija vaga wisq u tista’ toħloq inċertezza legali.

4.16.   Il-KESE jemmen li l-kwistjoni tal-għeluq fil-ħin reali ta’ żona tas-sajd, stipulata fl-Artikoli 43, 44, 45 u 46, hija waħda delikata u għalhekk għandha tiġi analizzata bir-reqqa qabel ma tiġi implimentata. Fid-dawl tal-fatt li l-Proposta għal Regolament dwar il-miżuri tekniċi (10) ser twaqqaf qafas leġiżlattiv speċifiku, skont il-KESE ikun aħjar li wieħed jistenna li l-istudju u l-analiżi tal-kwistjoni jkunu ntemmu. Fi kwalunkwe każ, il-mekkaniżmi biex tingħalaq u terġa’ tinfetaħ żona tas-sajd għandhom ikunu sempliċi u flessibbli. F’dan il-kuntest, fil-fehma tal-Kumitat huwa diffiċli li l-proċedura stipulata għall-ftuħ mill-ġdid ta’ żona magħluqa temporanjament – li titlob li l-bastimenti jkollhom osservatur xjentifiku abbord – tiġi rispettata, b’mod partikolari jekk irridu li dawn iż-żoni jerġgħu jinfetħu fiż-żmien stipulat mingħajr ma ssir l-ebda ħsara inutli lis-sajjieda.

4.17.   Il-Kumitat jaħseb li d-dispożizzjoni tal-Artikolu 47, li tistipula li l-ħut inkluż fi pjan ta’ rkupru multiannwali li jinqabad waqt is-sajd rikreattiv għandu jinqata’ mill-kwoti rilevanti tal-Istat Membru tal-bandiera, mhix raġonevoli għaliex dan huwa ta’ ħsara għas-sajjieda professjonali li jaqilgħu l-għaxja ta’ kuljum mis-sajd. Il-Kumitat jaħseb ukoll li s-sajd rikreattiv għandu jiġi rregolat u kkontrollat b’mod xieraq f’kull Stat Membru sabiex jiġu protetti r-riżorsi tas-sajd.

4.18.   L-Artikolu 84 jintroduċi sistema ta’ punti penali ġdida biex jiġu kkastigati dawk is-sajjieda li jiksru r-regoli tal-PKS. Il-Kumitat jemmen li din is-sistema mhix adatta għal żewġ raġunijiet. L-ewwel nett, din hija sistema diskriminatorja billi l-flotot ta’ pajjiżi terzi mhumiex inklużi fiha għalkemm jipprovdu ’l fuq minn 60 % tal-ħut li jittiekel fl-UE. It-tieni nett, din is-sistema ma tikkunsidrax jew ftit li xejn tikkunsidra l-prinċipju tal-proporzjonalità billi jekk jittieħed il-permess tas-sajd, l-intrapriża tas-sajd ikollha tagħlaq u jintilfu l-impjiegi.

4.19.   Il-Kumitat jemmen li l-miżuri finanzjarji stipulati fl-Artikolu 95 huma eċċessivi. Fil-fatt, is-sospensjoni u l-kanċellazzjoni tal-assistenza finanzjarja tal-Komunità lil Stat Membru għax ma jkunx seta’ jwettaq l-obbligi stipulati fir-Regolament ser iħallu impatt negattiv gravi fuq l-operaturi tal-qasam tas-sajd u b’hekk dawn ser jiġu penalizzati.

4.20.   L-Artikolu 96 jistabbilixxi l-għeluq tas-sajd minħabba n-nuqqas ta’ konformità mal-għanijiet tal-PKS min-naħa tal-Istati Membri. Il-Kumitat jaħseb li f’dan l-Artikolu jintużaw termini vagi ħafna li jistgħu jwasslu għal interpretazzjoni żbaljata. Il-KESE jemmen li s-sajd għandu jingħalaq biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali, u f’dawn iċ-ċirkustanzi għandu jkun hemm raġunijiet ġustifikati u kkonfermati. Għandhom jiġu determinati b’mod ċar il-kundizzjonijiet li fihom tista’ tiġi applikata din il-miżura.

4.21.   Il-Kumitat jinsab imħasseb dwar id-diffikultà li jiġu garantiti l-kunfidenzjalità u s-sigriet professjonali jew kummerċjali minħabba l-kwantità ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, in-numru ta’ persuni involuti fl-iskambju tal-informazzjoni kif ukoll il-ħafna tagħmir ta’ komunikazzjoni, pożizzjonar u identifikazzjoni meħtieġa.

Riżultat tal-votazzjoni

Favur: 75

Kontra: 98

Astensjonijiet: 11


(1)  COM(2008) 718 finali.

(2)  COM(2008) 721 finali.

(3)  SEC(2008) 2760.

(4)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (ĠU L 286, 29.10.2008).

(5)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 dwar l-awtorizzazzjonijiet għall-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tas-sajd tal-Komunità barra mill-ilmijiet tal-Komunità u l-aċċess ta’ bastimenti ta’ pajjiżi terzi għall-ilmijiet tal-Komunità (ĠU L 286, 29.10.2008).

(6)  Qabdiet totali permessi.

(7)  Rapport speċjali Nru 7/2007 tal-Qorti tal-Awdituri tal-UE.

(8)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1966/2006 tal-21 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni u r-rappurtar elettroniku tal-attivitajiet tas-sajd u dwar il-mezzi ta’ telerilevament (ĠU L 409, 30.12.2006).

(9)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1077/2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1966/2008 (ĠU L 295, 4.11.2008).

(10)  Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar il-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd permezz ta’ miżuri tekniċi (COM(2008) 324 finali).


Top