EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009AE0635

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 92/79/KEE, 92/80/KEE u 95/59/KE dwar l-istruttura u r-rati ta’ dazju tas-sisa applikati fuq tabakk manifatturat

OJ C 228, 22.9.2009, p. 130–140 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

22.9.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 228/130


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 92/79/KEE, 92/80/KEE u 95/59/KE dwar l-istruttura u r-rati ta’ dazju tas-sisa applikati fuq tabakk manifatturat

(COM(2008) 459 finali – 2008/0150 (CNS))

2009/C 228/25

Nhar il-11 ta’ Settembru 2008, il-Kunsill Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 93 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 92/79/KEE, 92/80/KEE u 95/59/KE dwar l-istruttura u r-rati ta’ dazju tas-sisa applikati fuq tabakk manifatturat

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-5 ta’ Marzu 2009. Ir-rapporteur kien is-Sur CHREN.

Matul l-452 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-24 u l-25 ta’ Marzu 2009 (seduta tal-25 ta’ Marzu 2009), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni bi 32 vot favur, 2 voti kontra u l-ebda astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet

1.1

Filwaqt li l-objettiv ewlieni tal-ewwel dazji tas-sisa fuq it-tabakk kien fiskali biss, il-funzjoni tagħhom qiegħda tinbidel fid-dinja tal-lum, u kulma jmur qegħdin isiru għodda ta’ politika soċjali u tas-saħħa pubblika. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) japprova l-isforz tal-Kummissjoni Ewropea li tikkunsidra effetti oħra, barra dawk purament fiskali, tal-prodotti tat-tabakk fil-politiki tagħha tad-dazji tas-sisa. Dan l-approċċ politiku ġdid jiffoka l-aktar fuq il-ksib tal-għanijiet politiċi tas-saħħa inklużi fil-Konvenzjoni ta’ Qafas dwar il-Kontroll tat-Tabakk, li kienet adottata b’mod formali mill-Unjoni Ewropea fl-2005 u, għaldaqstant, saret torbot f’termini tat-tfassil tal-politiki futuri tagħha.

1.2

Madankollu, ta’ min wieħed jinnota li la għandhom jintesew lanqas m’għandhom jitwarrbu l-objettivi politiċi l-oħra ta’ reviżjoni tas-sisa fuq it-tabakk, inkluż l-objettiv primarju ta’ funzjonament xieraq tas-suq intern imsemmi fl-Artikolu 4 tad-Direttiva tat-taxxa tas-sisa fuq it-tabakk. Għaldaqstant, il-KESE jemmen li l-aktar biċċa xogħol iebsa għal dawk li jfasslu l-politika f’dan il-qasam hija li jinstab l-aħjar bilanċ bejn l-interessi ta’ politiki ekonomiċi, soċjali, tas-sigurtà u fiskali differenti. Għandhom jiġu kkunsidrati aspetti u valuri differenti.

1.3

Ta’ min wieħed ifaħħar il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea, sabiex ir-rati minimi għat- tabakk imqatta’ fin jinġiebu konformi b’mod gradwali mar-rata għas-sigaretti, u sabiex id-definizzjoni għas-sigaretti, is-sigarri u t-tabakk għall-pipa ssir aktar stretta biex ikunu evitati manipulazzjonijiet tal-ismijiet ta’ prodotti tat-tabakk bl-għan li jiġi applikat l-anqas dazju tas-sisa.

1.4

Il-KESE japprova l-approċċ tal-Kummissjoni Ewropea, li jagħti aktar libertà lill-Istati Membri fl-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet konformi mal-għanijiet politiċi tagħhom stess, bħal firxa usa’ għall-parti speċifika tal-piż tat-taxxa ntaxxat fuq is-sigaretti, jew regoli aktar ġenerużi għall-istabbiliment ta’ bażi minima tat-taxxa għas-sigaretti.

1.5

Il-KESE jirrakkomanda li s-sisa minima proposta ta’ EUR 90 għandha titnaqqas jew li l-perjodu ta’ erba’ snin għandu jkun estiż għal 8 snin (jiġijifieri, sal-1 ta’ Jannar 2018). Fid-dawl tat-tradizzjonijiet differenti u tad-differenzi soċjali bejn l-Istati Membri, ta’ min wieħed jinnota li f’xi pajjiżi, l-aktar f’dawk li ssieħbu dan l-aħħar mal-UE, iż-żieda fid-dazju tas-sisa minimu minn EUR 64 għal EUR 90 għal kull 1 000 sigarett tista’ ġġib magħha diversi konsegwenzi negattivi. Xi wħud minn dawn il-pajjiżi xorta waħda lanqas biss laħqu l-livell ta’ dazju tas-sisa minimu kif jesiġu d-Direttivi attwali. Id-dazju tas-sisa minimu ta’ EUR 90 għall-prezzijiet kollha bl-imnut jikkostitwixxi żieda ta’ 41 % f’perjodu ta’ 4 snin u huwa għall-anqas 300 % ogħla miż-żieda mistennija fil-prezzijiet tal-konsumatur fl-UE. Hemm il-possibbiltà li pass radikali bħal dan inaqqas il-konsum b’mod insinifikanti, inaqqas id-dħul potenzjali mill-baġit, inaqqas il-poter tal-akkwist tal-konsumaturi, jinkoraġġixxi l-kuntrabandu u l-attivitajiet illegali, u jżid l-inflazzjoni.

1.6

Ta’ min wieħed jinnota li ftit mill-azzjonijiet proposti se jwasslu għal armonizzazzjoni aktar mill-qrib tar-rati tat-taxxa fl-Unjoni Ewropea. X’aktarx li, fid-dawl tal-azzjonijiet proposti, id-differenzi assoluti u relattivi fit-tassazzjoni bejn l-Istati Membri mhumiex se jgħibu.

1.7

Pereżempju, ir-raġuni storika għal rekwiżit proporzjonali hija l-armonizzazzjoni tad-dazju tas-sisa fl-UE; madankollu, dan ma wassal għal ebda armonizzazzjoni fl-imgħoddi u fil-fatt jista’ jġib miegħu riżultati opposti. Iż-żieda proposta fl-inċidenza tas-sisa minima minn 57 % għal 63 % kieku twassal għal aktar diverġenza tad-dazji tas-sisa f’termini assoluti u jista’ jkollha impatti serji ta’ inflazzjoni, kif jidher fir-Rapport ta’ Valutazzjoni tal-Impatt tal-Kummissjoni. Fid-dawl ta’ dawn l-effetti dubjużi ta’ dan ir-rekwiżit minimu proporzjonali, għal darba oħra għandhom jiġu analizzati bis-serjetà u jiġu kkunsidrati mill-ġdid kemm iż-żieda proposta tiegħu kif ukoll ir-raġunijiet għall-eżistenza tiegħu stess.

1.8

Is-sostituzzjoni tal-Kategorija tal-Prezzijiet l-Aktar Popolari (MPPC) mal-prezzijiet medji peżati (WAP) bħala punt ta’ referenza għar-rekwiżit minimu proporzjonali diffiċli li twassal għal aktar trasparenza fis-suq, la għal prevedibbiltà aħjar tad-dħul tal-gvern u lanqas għal aktar armonizzazzjoni fis-suq tas-sigaretti. Għaldaqstant, hawnhekk ta’ min wieħed jistaqsi jekk il-proposta tal-Kummissjoni setgħetx tiġi simplifikata aktar.

1.9

Il-kwistjoni tal-aħjar tip ta’ taxxa fuq il-prodotti tat-tabakk xorta waħda tibqa’ diskutibbli. L-enfasi fuq ir-rata proporzjonali tat-taxxa jista’ jkollha effetti pożittivi fuq l-eliminazzjoni tas-suq illegali; madankollu, dan l-effett jiddependi fuq diversi fatturi u, għaldaqstant, mhuwiex ċert. Il-preferenza ta’ rata tat-taxxa purament speċifika tista’ tgħin sabiex jinkiseb dħul ogħla mit-taxxa u tista’ twassal għal bażi minima ogħla tat-taxxa li tgħin sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-politika tas-saħħa u sabiex isseħħ l-approssimazzjoni tat-taxxa fis-Suq Intern.

1.10

Ir-rekwiżit ta’ inċidenza tat-taxxa tas-sisa minima obbligatorja (ta’ 38 % u 42 % rispettivament) għat-tabakk kollu mqatta’ fin, minflok tat-taxxa minima attwali stabbilita jew bħala perċentwali tal-prezz tal-bejgħ bl-imnut jew bħala rata fissa għal kull kilogramm, ikun jirriżulta fi struttura ta’ dazju tas-sisa ad valorem obbligatorju u jabolixxi l-libertà attwali ta’ struttura għat-tabakk imqatta’ fin u, għaldaqstant, ma jistax ikun rakkomandat.

1.11

Ir-rabta bejn il-politika tat-taxxa u dik tas-saħħa hija, fil-biċċa l-kbira tagħha, ikkondizzjonata mir-rabta tad-dħul mit-taxxa tas-sisa fuq it-tabakk mal-attivitajiet immirati lejn l-eliminazzjoni tal-konsegwenzi negattivi tal-konsum tat-tabakk. Madankollu, jekk jiġi kkunsidrat il-finanzjament totali ta’ tali attivitajiet illum il-ġurnata, joħroġ biċ-ċar li l-biċċa l-kbira tad-dħul mid-dazju tas-sisa fuq it-tabakk qiegħed jintefaq fuq attivitajiet u politiki li m’għandhom xejn x’jaqsmu ma’ tali għanijiet tal-politika tas-saħħa. Għaldaqstant, joħroġ biċ-ċar li l-għanijiet fiskali għadhom l-objettivi primarji tad-dazji tas-sisa fuq il-prodotti tat-tabakk.

2.   Daħla

2.1

Skont id-Direttivi tas-Sisa fuq it-Tabakk, il-Kummissjoni Ewropea hi meħtieġa teżamina kull erba’ snin it-tħaddim mingħajr xkiel tas-suq uniku, il-valur reali tar-rati tad-dazju tas-sisa u l-objettivi usa’ tat-Trattat. Ir-regoli tal-UE dwar it-tabakk iridu jiggarantixxu l-funzjonament kif suppost tas-Suq Intern filwaqt li, fl-istess ħin, ikunu konformi mal-objettiv tal-UE li jkun skoraġġit il-konsum tat-tabakk.

2.2

Ir-reviżjoni attwali hija r-raba’ reviżjoni li saret u tissuġġerixxi għadd ta’ emendi sinifikanti fil-leġiżlazzjoni Komunitarja eżistenti bl-għan li timmodernizza r-regoli eżistenti u tiżgura kondizzjonijiet ugwali għall-operaturi. Ir-riforma tinkludi diversi proposti, fosthom:

2.3

Għalkemm id-dazju tas-sisa huwa primarjament strument li jiġġenera d-dħul f’livell nazzjonali, it-tfassil tal-politika f’dan il-qasam irid jikkunsidra l-objettivi usa’ tat-Trattat (1). Barra minn hekk, il-ħarsien tas-saħħa pubblika huwa kwistjoni kruċjali f’din ir-reviżjoni minħabba l-fatt li l-Komunità Ewropea saret tagħmel parti, fit-30 ta’ Ġunju 2005, mill-konvenzjoni ta’ qafas dwar il-kontroll tat-tabakk tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) u li diversi Stati Membri qegħdin jitolbu għal livell ogħla ta’ ħarsien tas-saħħa umana u, konsegwentement, livelli minimi Ewropej ogħla għad-dazji tas-sisa fuq it-tabakk.

2.4

Il-proposta tal-Kummissjoni tissuġġerixxi l-iffissar ta’ dazju minimu monetarju u l-istabbiliment ta’ “bażi minima” ta’ taxxa għas-sigaretti kollha mibjugħa fl-UE, u b’hekk ikun indirizzat it-tħassib dwar is-saħħa għall-kategoriji kollha ta’ sigaretti. Hija żżid ir-rekwiżiti minimi bl-għan li tikkontribwixxi għat-tnaqqis fil-konsum tat-tabakk fil-ħames snin li ġejjin, l-aktar billi ma tħallix li l-politiki tal-kontroll tat-tabakk fl-Istati Membri jiddgħajfu minn livelli konsiderevolment aktar baxxi fi Stati Membri oħra. Barra minn hekk, il-proposta tippermetti aktar flessibbiltà lill-Istati Membri sabiex japplikaw dazji speċifiċi u sabiex jintaxxaw dazji tas-sisa minimi fuq is-sigaretti bl-għan li jiksbu l-objettivi tas-saħħa. Fl-aħħar nett, hija tikkonforma r-rati minimi u l-istruttura għat-tabakk imqatta’ fin intiż għall-brim tas-sigaretti mar-rata u l-istruttura għas-sigaretti, bl-għan li tiskoraġġixxi s-sostituzzjoni tas-sigaretti mat-tabakk imqatta’ fin.

3.   Sommarju tal-azzjoni proposta tal-Kummissjoni

3.1

Li tissostitwixxi l-MPPC mal-prezzijiet medji peżati (WAP) bħala punt ta’ referenza għar-rekwiżit minimu proporzjonali. Il-Kummissjoni targumenta li l-MPPC, bħala punt ta’ referenza għar-rati minimi, mhix konformi mal-objettivi tas-Suq Intern għaliex tinvolvi il-qsim tas-swieq tat-tabakk tal-Istati Membri.

3.2

Li żżid id-dazju tas-sisa minimu għas-sigaretti b’konformità mal-armonizzazzjoni tal-prezzijiet tas-suq intern u mal-konsiderazzjonijiet dwar is-saħħa. Qiegħed jiġi propost li fl-1 ta’ Jannar 2014 jiżdiedu d-dazju tas-sisa minimu minn EUR 64 għal EUR 90 għal kull 1 000 sigarett u r-rekwiżit minimu proporzjonali minn 57 % għal 63 % tal-prezzijiet medji peżati. Madankollu, l-Istati Membri li jintaxxaw dazju tas-sisa għall-anqas ta’ EUR 122 għal kull 1 000 sigarett abbażi tal-prezz medju peżat tal-bejgħ bl-imnut ma jkunux meħtieġa li jikkonformaw mar-rekwiżit ta’ 63 %. Barra minn hekk, pajjiżi li għandhom perjodi transitorji sabiex jiksbu l-livelli minimi attwali tat-tassazzjoni fuq is-sigaretti jistgħu jużaw ukoll perjodi transitorji ta’ sena jew sentejn sabiex jiksbu dawn ir-rekwiżiti ġodda li humaogħla.

3.3

Li tapplika r-rekwiżit ta’ rata minima tad-dazju tas-sisa stabbilit fid-Direttiva tal-Unjoni Ewropea mhux biss għas-sigaretti fl-MPPC (kif imniżżel fid-disposizzjonijiet attwali), iżda għas-sigaretti kollha mibjugħin fil-pajjiż. Skont il-Kummissjoni, dan il-fattur kieku jistabbilixxi wkoll “bażi minima” ta’ taxxa għas-sigaretti mibjugħa fl-UE, li għandha tindirizza t-tħassib dwar is-Suq Intern u s-saħħa għall-kategoriji kollha ta’ sigaretti.

3.4

Li tippermetti lill-Istati Membri li jwessgħu l-iskala tas-sehem tad-dazju tas-sisa speċifiku tal-piż totali tat-taxxa minn 5 % – 55 % għal 10 % – 75 % sabiex l-istruttura tad-dazju tas-sisa ssir aktar flessibbli.

3.5

Li tikkonforma b’mod gradwali r-rati minimi għat-tabakk imqatta’ fin intiż għall-brim tas-sigaretti mar-rata għas-sigaretti. Ir-relazzjoni magħżula tat-tassazzjoni bejn it-tabakk imqatta’ fin u s-sigaretti hija ta’ żewġ terzi. Għaldaqstant, id-dazju tas-sisa minimu għat-tabakk imqatta’ fin għandu jkun ta’ EUR 43 għal kull kilogramm, u r-rekwiżit minimu proporzjonali għandu jkun ta’ 38 % tal-prezz medju peżat. Jekk mill-1 ta’ Jannar 2014 tiġi applikata r-relazzjoni msemmija qabel fuq iż-żidiet proposti tad-dazju tas-sisa għas-sigaretti, id-dazju tas-sisa fuq it-tabakk imqatta’ fin jiżdied għal EUR 60 u 42 %. Barra minn hekk, permezz ta’ din il-proposta, jiġi abolit l-użu fakoltattiv attwali jew ta’ rekwiżit proporzjonali jew ta’ taxxa speċifika minima għat-tabakk imqatta’ fin, fattur li jwassal għal struttura ta’ taxxa ad valorem obbligatorja għal dan it-tip ta’ prodott tat-tabakk.

3.6

Li taġġusta minħabba l-inflazzjoni r-rekwiżiti minimi għas-sigarri, is-sigarri ż-żgħar u t-tabakk għat-tipjip. Dan huwa meħtieġ biex jittieħed kont tal-inflazzjoni għall-perjodu 2003 – 2007, li kienet ta’ 8 % skont id-data tal-Eurostat dwar ir-rata annwali ta’ bidla tal-indiċi armonizzat tal-prezzijiet għall-konsumatur. Qiegħed jiġi propost li jiżdied ir-rekwiżit minimu għal EUR 12 għas-sigarri u s-sigarri ż-żgħar u għal EUR 22 għal tabakk ieħor għat-tipjip.

3.7

Li temenda u tagħmel aktar stretta d-definizzjoni għas-sigaretti, is-sigarri u t-tabakk għall-pipa sabiex tevita manipulazzjonijiet tal-ismijiet ta’ prodotti tat-tabakk li jimmiraw lejn id-dazju tas-sisa l-aktar baxx.

3.8

Il-Kummissjoni targumenta li, minn perspettiva tas-suq intern, baġitarja u wkoll tas-saħħa, dazji speċifiċi u minimi joffru vantaġġi ċari. Minħabba dan, il-Kummissjoni tipproponi li tipprovdi aktar flessibbiltà lil dawk l-Istati Membri li jiddependu aktar fuq dazji tas-sisa speċifiċi jew fuq dazji minimi.

3.9

Il-Kummissjoni Ewropea teżamina b’mod regolari l-istruttura u r-rati tad-dazju tas-sisa fl-Istati Membri u tuża l-informazzjoni dwar il-kwantitajiet u l-prezzijiet tal-prodotti tat-tabakk rilaxxati għall-konsum. Bl-għan li jkun żgurat il-ġbir effiċjenti u effettiv ta’ din l-informazzjoni mill-Istati Membri kollha, qegħdin jiġu proposti regoli ġodda kemm dwar l-għoti tal-informazzjoni kif ukoll dwar id-definizzjoni tad-data statistika neċessarja.

4.   Approċċi differenti b’rabta mar-rata tat-taxxa tad-dazji tas-sisa

4.1   F’dan is-seklu u nofs minn mindu kien introdott, fl-1861, l-ewwel sigarett fis-suq f’Londra, it-tabakk u l-prodotti tat-tabakk kienu suġġetti għal Regolamenti estensivi u għat-tassazzjoni. L-introduzzjoni ta’ dazji tas-sisa kienet pass importanti f’dan il-qasam. Filwaqt li l-objettiv ewlieni tal-ewwel dazji tas-sisa fuq it-tabakk kien fiskali biss, il-funzjoni tagħhom qiegħda tinbidel fid-dinja tal-lum, u kulma jmur qegħdin isiru għodda tal-politika soċjali u tas-saħħa pubblika.

4.2   Din is-sitwazzjoni tqajjem bosta kwistjonijiet etiċi, ekonomiċi u oħrajn. Fost dawn il-kwistjonijiet, l-aktar waħda komuni hi l-kwistjoni tal-aktar forom xierqa ta’ tassazzjoni, b’mod speċjali fil-kuntest tas-suq wieħed Ewropew. Hawnhekk jitqajmu l-mistoqsijiet dwar kif għandu jintuża l-qligħ mit-tassazzjoni fuq it-tabakk u jekk l-objettivi soċjali u tas-saħħa jistgħux jinkisbu l-aħjar permezz tal-politika tat-taxxa.

4.3   L-Ewropa għaddiet minn aktar minn 30 sena ta’ tentattivi biex id-dazji tas-sisa fuq it-tabakk jiġu armonizzati. L-għan ta’ dan il-proċess kien li tkun armonizzata l-istruttura tat-tassazzjoni u, imbagħad, li jkunu armonizzati r-rati tat-taxxa wkoll. Għalkemm il-KESE jappoġġja b’mod ċar l-armonizzazzjoni f’dan il-qasam, huwa b’dispjaċir li jinnota li fir-realtà qatt ma ntlaħqet konverġenza reali. It-tradizzjonijiet nazzjonali u d-diverġenzi storiċi li ilhom jeżistu żmien twil f’sistemi nazzjonali tat-taxxa huma r-raġunijiet ewlenin tad-differenzi persistenti fost Stati Membri partikolari.

4.4   Illum il-ġurnata jistgħu jintużaw tliet tipi ta’ strutturi ta’ taxxa tas-sisa għat-tabakk u għall-prodotti tat-tabakk – speċifiċi, ad valorem u mħalltin. Bħalissa, l-Istati Membri huma obbligati jużaw l-istruttura mħallta fuq is-sigaretti, u huma liberi li jagħżlu liema minn dawn it-tliet tipi ta’ dazji tas-sisa fuq it-tabakk jużaw għal prodotti oħra tat-tabakk.

4.4.1   Ir-rata tat-taxxa ad valorem hija stabbilita bħala perċentwali tal-prezz tal-bejgħ bl-imnut tal-prodott tat-tabakk partikolari. Għal raġunijiet fiskali, f’sitwazzjoni fejn l-inflazzjoni hi waħda għolja, ir-rata tat-taxxa ad valorem hija l-aktar waħda effiċjenti għall-gvern, billi d-dħul mit-taxxa jiżdied b’mod awtomatiku ma’ kull żieda li sseħħ fil-prezzijiet tal-prodotti tat-tabakk. Madankollu, ir-rata tat-taxxa ad valorem tista’ tiskoraġġixxi wkoll lill-produtturi milli jtejbu l-kwalità tal-prodotti jekk din tfisser prezzijiet ogħla u, għaldaqstant, ħlasijiet ogħla tat-taxxa.

4.4.2   Ir-rata tat-taxxa speċifika hija stabbilita bħala ammont fiss għal kull kilogramm jew għal kull unità (f’każ ta’ sigarri u sigarri żgħar). Ir-rata tat-taxxa speċifika hija l-aktar għodda effiċjenti sabiex jitnaqqas il-konsum tal-prodotti tat-tabakk. Madankollu, iġġib magħha xi żvantaġġi wkoll. Il-produtturi tat-tabakk m’għandhom ebda influwenza fuq it-taxxa tas-sisa bbażata fuq ir-rata speċifika; lanqas il-kwalità jew il-prezz tal-prodotti tat-tabakk ma jaffettwaw id-dħul mit-taxxa tal-gvern.

4.4.3   L-istruttura mħallta hija taħlita tar-rata tat-taxxa speċifika u dik ad valorem. L-Istati Membri huma obbligati jużaw tali rata tat-taxxa fil-każ tas-sigaretti. Madankollu, tista’ tkun stabbilita wkoll taxxa tas-sisa minima – l-importanza tagħha mbagħad tiżdied hekk kif jiżdied il-proporzjon ad valorem tar-rata tat-taxxa totali meħuda f’daqqa.

4.4.4   Barra mid-dazji tas-sisa, il-prodotti tat-tabakk fl-UE jiġu ntaxxati wkoll bit-taxxa fuq il-valur miżjud. Skont il-leġiżlazzjoni, ir-rata bażika tal-VAT trid tiġi applikata għall-prodotti kollha tat-tabakk fl-Istati Membri kollha.

4.5   Għandhom jiġu kkunsidrati l-fatturi kollha relatati meta tiġi deċiża l-istruttura tad-dazju tas-sisa fuq it-tabakk. Għandhom jiġu kkunsidrati l-impatti mill-perspettiva tal-konsumatur, tal-gvern u tal-produtturi meta jingħażel tip wieħed ta’ tassazzjoni jew tip ieħor. Ma teżistix struttura waħda tat-taxxa tal-aqwa kwalità għal kulħadd, billi l-aħjar ġabra ta’ rata tat-taxxa speċifika u ad valorem tiddependi mill-objettivi politiċi ta’ kull pajjiż jew gvern partikolari.

Table 1:   Comparison of Specific and Ad Valorem Taxes on Tobacco Market Participants

Participant/Concern

Impact

Specific Tax

Ad Valorem Tax

Consumer: Quality and Variety

Provide an incentive for higher quality and greater variety of products

Yes (upgrading effect).

No.

Effect of tax increase on price.

Higher prices (overshifting).

Lower prices (undershifting).

Government: Revenue and Administration

Maintain revenue value under high inflation.

No (should be adjusted by CPI).

Yes.

Minimize evasion/avoidance and realize expected revenues.

Manufacturer can manipulate cigarette length or pack size to reduce tax payment.

May need to set minimum price to counter abusive transfer pricing.

Administration and Enforcement.

Easy.

Must define the base for ad valorem in a way that minimizes the industry's ability to avoid taxes.

Domestic Producer: Profits and Marketshare

Protect domestic brands against international brands.

No.

Yes (the higher the price, the higher the absolute amount of tax paid per unit since tax is a percentage of price).

Sors: Il-Bank Dinji, http://www1.worldbank.org/tobacco/pdf/Taxes.pdf

5.   Approċċi differenti b’rabta mal-bażi tat-taxxa tad-dazji tas-sisa

5.1

Hu u jsir sforz sabiex ikunu armonizzati l-politiki tat-taxxa tal-Istati Membri tal-UE, ingħażlet l-hekk imsejħa “Kategorija tal-Prezzijiet l-Aktar Popolari” (MPPC) bħala mekkaniżmu sabiex ikunu kalkulati r-rekwiżiti minimi tat-taxxa għall-prodotti tat-tabakk.

5.2

Madankollu, jeżistu ċerti dubji rigward l-effiċjenza tal-MPPC bħala għodda. L-aktar dubji komuni rigward l-użu tal-MPPC jinkludu:

M’hemm ebda regola konsistenti jew armonizzata li tiddefinixxi l-MPPC, fattur li jwassal għal diverġenza kbira fost l-Istati Membri (ara x-Xbieha 1 u t-Tabella 1)

Minn mindu kienet introdotta l-MPPC xi 30 sena ilu, is-sitwazzjoni tas-suq inbidlet u d-diversità tal-prodotti żdiedet b’mod sinifikanti.

Produtturi dominanti għandhom is-setgħa li jżidu l-piż tat-taxxa tal-kompetituri tagħhom billi jibdlu l-prezz tal-prodotti tagħhom bl-għan li jibdlu l-MPPC

Il-prezzijiet tal-MPPC jistgħu jinbidlu sena wara l-oħra, fattur li jikkomplika l-istima tad-dħul futur mit-taxxa tas-sisa, eċċ.

5.3

Għal dawn ir-raġunijiet kollha deskritti hawn fuq, il-Kummissjoni Ewropea tipproponi li tissostitwixxi l-MPPC mal-prezzijiet medji peżati (WAP) bħala punt ta’ referenza għar-rekwiżit minimu proporzjonali. Barra minn hekk, bħala riżultat ta’ din il-bidla, r-rekwiżit ta’ rata minima tad-dazju tas-sisa stabbilit fid-Direttiva tal-Unjoni Ewropea se japplika mhux biss għas-sigaretti fl-MPPC (kif imniżżel fid-disposizzjonijiet attwali), iżda għas-sigaretti kollha mibjugħin fil-pajjiż. Il-prezz medju peżat jiġi kalkulat billi r-riżultat tal-multiplikazzjoni tal-għadd u tal-prezz tas-sigaretti jiġi diviż bl-għadd totali ta’ sigaretti mibjugħin. Għaldaqstant, l-effett fuq id-daqs tad-dazju tas-sisa jista’ jkun wieħed doppju. Jekk sigaretti relattivament għaljin ikunu aktar popolari f’ċertu pajjiż, id-dazju tas-sisa minimu kkalkulat billi jintuża l-prezz medju peżat bħala punt ta’ referenza jkun inqas mid-dazju tas-sisa kkalkulat billi tintuża l-MPPC. U viċeversa: jekk sigaretti relattivament orħos ikunu aktar popolari, id-dazju tas-sisa kkalkulat ibbażat fuq il-prezz medju peżat ikun iktar meta mqabbel ma’ dak ikkalkulat ibbażat fuq l-MPPC. Jekk l-aktar sigaretti popolari jkunu fil-kategorija medja tal-iskala tal-prezzijiet, id-dazju tas-sisa jkun l-istess bi kwalunkwe metodu li jintuża.

5.4

Għall-ippjanar tat-taxxa mill-gvern, kemm l-MPPC kif ukoll id-WAP huma komplikati mhux ħażin minħabba li jinbidlu minn sena għal oħra u ma jistgħux ikunu previsti faċilment. Fin-nuqqas ta’ metodoloġija ċara u uniformi għall-kalkolu tad-WAP, hemm riskju li din issir miżura kumplessa oħra li ma tkunx trasparenti. Għaldaqstant, hawnhekk ta’ min wieħed jistaqsi jekk il-proposti tal-Kummissjoni setgħux jiġu simplifikati aktar.

Picture 1:

Different prices of the MPPC across Europe (as of January 1, 2008)

Image

6.   L-impatti possibbli u l-politiki li jridu jiġu kkunsidrati

6.1   L-għanijiet tal-politika tas-saħħa

6.1.1

Wara l-laqgħa tal-pajjiżi membri tagħha fl-2003, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa ppubblikat il-Konvenzjoni ta’ Qafas dwar il-Kontroll tat-Tabakk (FCTC) li tiddeskrivi modi potenzjali sabiex jitnaqqas il-konsum ta’ prodotti tat-tabakk. L-FCTC kienet adottata b’mod formali mill-UE fit-30 ta’ Ġunju 2005, u l-Kummissjoni Ewropea inkludietha fil-leġiżlazzjoni fis-seħħ għall-Istati Membri kollha.

6.1.2

L-istrateġija tal-UE għall-ġlieda kontra l-konsum tat-tabakk hija deskritta fid-dokument tal-Kummissjoni “It-Tabakk jew is-Saħħa fl-Unjoni Ewropea”. Dan id-dokument jikkunsidra d-dazju tas-sisa fuq it-tabakk bħala l-għodda ewlenija tal-ġlieda kontra l-konsum tat-tabakk. Id-dokument jiddikjara biċ-ċar li l-objettivi tal-politika tas-saħħa għandhom ikunu superjuri għall-objettivi tal-politika fiskali fil-każ tad-dazju tas-sisa fuq it-tabakk. Fost miżuri oħra, il-Kummissjoni tipproponi wkoll li teskludi t-tabakk mill-Indiċi tal-Prezzijiet għall-Konsumatur.

6.1.3

Il-Kummissjoni Ewropea tipproponi żieda gradwali iżda sostanzjali fir-rati tad-dazju tas-sisa fuq it-tabakk, b’enfasi fuq l-armonizzazzjoni tar-rati tad-dazju tas-sisa fost l-Istati Membri. Fil-każ tat-tabakk imqatta’ fin, hija proposta żieda sostanzjali fit-tassazzjoni tiegħu, hekk kif is-sigaretti li jinbarmu bl-idejn bħalissa qegħdin jiksbu sehem importanti mis-suq. Il-Kummissjoni tenfasizza li l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw pressjoni fuq il-kontroll tal-kuntrabandu u ta’ attivitajiet illegali oħra marbutin ma’ prodotti tat-tabakk.

6.1.4

L-ispejjeż tal-produzzjoni tat-tabakk fl-UE huma stmati għal madwar EUR 100 biljun. Huwa stmat li xi 650 000 ċittadin Ewropew imutu kull sena bħala konsegwenza tal-konsum tat-tabakk, u huwa stmat li xi 13-il miljun ibatu minn mard kroniku marbut mat-tipjip.

6.1.5

Għandu jkun indikat aspett wieħed ieħor b’rabta mat-tassazzjoni fuq it-tabakk – id-differenza fit-tassazzjoni fuq is-sigaretti u t-tabakk għat-tipjip, li tinfluwenza ħafna l-imġiba tal-konsumatur. Studji tad-WHO (2) li jittrattaw din il-kwistjoni jiddikjaraw li sakemm il-prodotti kollha tat-tabakk ma jkunux intaxxati bl-istess mod, dawk li jpejpu se jissostitwixxu forma waħda ta’ prodott tat-tabakk ma’ oħra. Għaldaqstant, id-WHO tirrakkomanda li jkunu ntaxxati l-prodotti kollha tat-tabakk – is-sigaretti, it-tabakk, is-sigarri u prodotti oħra b’rati ekwivalenti tat-taxxa.

6.1.6

Barra milli żiedu t-taxxi, xi pajjiżi introduċew ukoll prezzijiet minimi għas-sigaretti, billi ż-żidiet fit-taxxi waħedhom mhux dejjem wasslu għaż-żidiet mixtieqa fil-prezzijiet sabiex jitnaqqas il-konsum tat-tabakk. Bħalissa, erba’ pajjiżi (l-Italja, l-Irlanda, l-Awstrija u Franza; barra minn hekk, il-liġi Portugiża toffri tali possibbiltà) introduċew tali miżuri ta’ prezzijiet, u l-erbgħa li huma qegħdin jiġu mħarrka għal dan quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja mill-Kummissjoni, li tikkunsidra li dan ir-Regolament jikser il-libertà tal-prezzijiet garantita taħt id-Direttivi tat-Taxxa tal-UE u t-Trattat. Prattika komuni oħra fost il-gvernijiet tal-pajjiżi tal-UE hija l-isforz li jkun regolat l-għadd ta’ sigaretti f’kaxxa waħda tas-sigaretti. Mill-1 ta’ Mejju 2006, jeżistu Regolamenti dwar l-għadd minimu ta’ sigaretti f’kaxxa waħda fi 17-il pajjiż tal-Unjoni Ewropea. Il-biċċa l-kbira tagħhom adottaw dan ir-Regolament matul dawn l-aħħar ħames snin. Għaldaqstant, ninnutaw li l-Istati Membri qegħdin jikkomplementaw il-qafas fiskali tagħhom b’miżuri ta’ prezzijiet u tal-kontenut minimu tal-pakketti bħala għodod addizzjonali sabiex jintlaħaq bilanċ ġust bejn l-objettivi tal-politika fiskali u dawk tal-politika tas-saħħa pubblika. Din ir-reviżjoni toffri l-possibbiltà li tali miżuri nazzjonali jiġu regolati issa fil-livell tal-UE sabiex tingħata spinta 'l quddiem lill-armonizzazzjoni tal-UE.

Chart 1:

Comparison of excise duty on cigarettes (min. EUR 64 per 1 000) and hand rolled cigarettes (fine cut, min. EUR 24 per 1 000 hand rolled cigarettes) as of 1 January 2007 (3)

Image

6.2   L-għanijiet tal-Politika Soċjali

6.2.1

Il-Kummissjoni Ewropea tagħmel stima li hija meħtieġa żieda ta’ 25 % fit-taxxa fuq is-sigaretti sabiex jonqos il-konsum tas-sigaretti b’10 % fit-22 Stat Membru, fid-dawl tal-esperjenza miksuba fis-snin preċedenti. Madankollu, dawn l-effetti jistgħu jkunu differenti minħabba l-livelli differenti tat-tassazzjoni fost l-Istati Membri; l-impatti f’pajjiżi partikolari jistgħu jkunu differenti, l-aktar fil-każ tal-pajjiżi membri l-ġodda.

6.2.2

Żidiet fil-prezzijiet tas-sigaretti minħabba dazju tas-sisa ogħla jnaqqsu l-poter tal-akkwist tal-konsumaturi. Dan l-effett jista’ jkun aktar qawwi fil-pajjiżi li huma aktar fqar, b’mod speċjali f’xi wħud mill-Istati Membri l-ġodda tal-UE. Meta jitqabbel mal-Istati Membri l-qodma tal-UE, il-livell ta’ għajxien f’xi pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant għadu baxx, u n-nies jonfqu parti akbar mid-dħul tagħhom fi prodotti primarji. Għalkemm il-prezzijiet tas-sigaretti f’dawk il-pajjiżi huma ferm aktar baxxi milli fl-Istati Membri l-qodma tal-UE, meta ssir stima tas-poter tal-akkwist tagħhom, kemm is-sigaretti kif ukoll prodotti oħra m’għandhomx prezzijiet aktar aċċessibbli. Barra minn hekk, huwa aktar komuni li f’pajjiżi b’livell ta’ għajxien aktar baxx, parti akbar tad-dħul tintefaq fi prodotti tal-alkoħol u tat-tabakk. Għaldaqstant, prezzijiet ogħla jkollhom effett akbar fuq il-konsumaturi fil-pajjiżi l-ġodda tal-UE meta mqabblin mal-konsumaturi fl-Istati Membri tal-UE b’livell ta’ għajxien ogħla.

6.2.3

Id-domanda għas-sigaretti mhijiex relattivament flessibbli. Dan ifisser li żieda fil-prezzijiet tas-sigaretti ma tikkawżax waqgħa kbira fil-konsum. Għal din ir-raġuni, ladarba jogħlew il-prezzijiet tas-sigaretti, il-konsumaturi jistgħu jirreaġixxu b’żewġ modi. Xi wħud jistgħu jkunu furzati jonfqu anqas flus fi prodotti oħra u, b’hekk, jonqos il-poter tal-akkwist tagħhom. Oħrajn jibdew jakkwistaw jew sigaretti u prodotti tat-tabakk bi prezzijiet aktar baxxi (sitwazzjoni li tissejjaħ “żgradar”) jew jakkwistaw sigaretti permezz ta’ mezzi kummerċjali illegali.

6.2.4

Skont riċerka medika, għalkemm it-tipjip jista’ jonqos b’mod ġenerali bħala riżultat ta’ prezzijiet ogħla tas-sigaretti, id-distakki fit-tipjip relatati mad-dħul jistgħu ma jgħibux. Fil-fatt, ir-riċerka ppubblikata fil-Ġurnal Amerikan tas-Saħħa Pubblika (American Journal of Public Health) turi li hekk kif żdied il-prezz ta’ pakkett sigaretti, id-distakk fil-parteċipazzjoni fit-tipjip fost gruppi bi dħul differenti kiber filwaqt li żdied il-proporzjon ta’ persuni li jpejpu li għandhom dħul aktar baxx. Ir-riċerka tikkonkludi li ż-żieda fil-prezzijiet tas-sigaretti tista’ tkun ta’ piż sproporzjonat għal nies fqar li jpejpu (4).

6.2.5

Id-dazju tas-sisa minimu propost ta’ EUR 90 għall-prezzijiet kollha bl-imnut jikkostitwixxi żieda ta’ 41 % f’perjodu ta’ 4 snin u huwa għall-anqas 300 % ogħla miż-żieda mistennija fil-prezzijiet tal-konsumatur fl-UE. Tali żieda fid-dazju tas-sisa żżid l-inflazzjoni. Żieda sostanzjali fid-dazju tas-sisa għas-sigaretti tista’ żżid il-prezzijiet tas-sigaretti filwaqt li tikkontribwixxi għal żieda fl-indiċi tal-prezzijiet għall-konsumatur. L-esklużjoni tal-prezzijiet tas-sigaretti mill-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (kif propost fl-istudju intitolat “It-Tabakk jew is-Saħħa fl-Unjoni Ewropea”) telimina dan l-effett de iure; madankollu, jista’ jkun li xorta waħda jkollha impatti soċjali de facto billi timplika indiċi tal-inflazzjoni kkalkulat ħażin li jista’ jkollu effett negattiv fuq l-aġġustamenti tal-pagi.

6.3   L-Għanijiet tal-Politika Fiskali

6.3.1

Meta wieħed jikkunsidra d-dħul mid-dazju tas-sisa fuq it-tabakk u l-modi kif dan id-dħul jintefaq, joħroġ biċ-ċar li fir-realtà, l-għan ewlieni tad-dazju tas-sisa huwa li jżid il-finanzjament għall-infiq ġenerali tal-gvernijiet nazzjonali.

6.3.2

Ir-rabta bejn il-politika tat-taxxa u dik tas-saħħa hija, fil-biċċa l-kbira tagħha, ikkondizzjonata mir-rabta tad-dħul mit-taxxa tas-sisa fuq it-tabakk mal-attivitajiet immirati lejn l-eliminazzjoni tal-konsegwenzi negattivi tal-konsum tat-tabakk. Madankollu, jekk jiġi kkunsidrat il-finanzjament totali ta’ tali attivitajiet illum il-ġurnata, joħroġ biċ-ċar li l-biċċa l-kbira tad-dħul mid-dazju tas-sisa fuq it-tabakk qiegħed jintefaq fuq attivitajiet u politiki li m’għandhom xejn x’jaqsmu ma’ dawn l-għanijiet tal-politika tas-saħħa.

6.3.3

Għaldaqstant, joħroġ biċ-ċar li l-għanijiet fiskali għadhom l-objettivi primarji tad-dazji tas-sisa fuq il-prodotti tat-tabakk. Madankollu, il-ksib tal-għanijiet fiskali, f’dan il-każ partikolari, qiegħed jiġi kkomplikat mill-eżistenza tal-assigurazzjoni tas-saħħa pubblika. Li kieku l-iskemi tal-assigurazzjoni tas-saħħa, u l-aktar il-primjums tal-assigurazzjoni tas-saħħa, jirriflettu r-riskji marbutin mat-tipjip, kieku dawk li jpejpu jkunu furzati sabiex jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż tal-vizju tagħhom. Dan il-fattur kien jissodisfa bażikament il-biċċa l-kbira tal-istrateġiji kontra t-tabakk u kontra t-tipjip tal-organizzazzjonijiet internazzjonali u tal-gvernijiet nazzjonali.

6.3.4

Wieħed għandu jinnota, meta jiġu kkunsidrati l-aspetti fiskali tat-tassazzjoni fuq it-tabakk, li żieda fid-dazju tas-sisa tista’ żżid id-dħul mill-baġit, iżda mhux neċessarjament dan iseħħ. Minħabba żieda possibbli fil-kuntrabandu u fil-kummerċ illegali, kif ukoll minħabba l-popolarità possibbli ta’ sigaretti orħos, huwa possibbli li ż-żieda fid-dazju tas-sisa jkollha effett oppost minflok li żżid id-dħul mill-baġit. Ladarba tikber it-tassazzjoni tad-dazju tas-sisa, segwita minn tkabbir tas-suq illegali, tnaqqis fid-dħul mill-baġit minħabba t-tkabbir tas-suq illegali jista’ jkun fil-fatt akbar miż-żieda dovuta għal dazju tas-sisa ogħla.

6.4   L-għanijiet tal-politika tas-sigurtà (kummerċ illeċitu)

6.4.1

Dawk li jiġbru t-taxxa dejjem ikollhom jaffrontaw il-kwistjoni tal-evażjoni tat-taxxa. Żewġ attivitajiet illegali ewlenin huma marbutin mal-prodotti tat-tabakk: l-iffalsifikar u l-kuntrabandu.

6.4.2

Minn perspettiva ta’ ekonomista, iż-żieda fid-dazju tas-sisa żżid l-inċentivi għall-kuntrabandu tas-sigaretti u għas-suq illegali. Il-kuntrabandu huwa attività ekonomika li għaliha japplikaw il-liġijiet tal-provvista u tad-domanda. Iż-żieda fid-dazju tas-sisa żżid id-differenza fil-prezzijiet bejn is-sigaretti legali u dawk tal-kuntrabandu u, bħala riżultat ta’ dan, tiżdied id-domanda għas-sigaretti tal-kuntrabandu. Meta tiżdied id-domanda għas-sigaretti tal-kuntrabandu, il-prezzijiet tagħhom jiżdiedu, u dan iwassal sabiex il-kuntrabandu jsir aktar vantaġġuż u jiżdied. Dan jgħodd għall-kummerċ illeċitu tas-sigaretti fi ħdan l-UE, kif ukoll għall-kuntrabandu li ġej minn pajjiżi oħra. L-aktar fl-Istati Membri l-ġodda, il-prezzijiet u fatturi oħra jiffavorixxu t-tkabbir tal-kuntrabandu li ġej minn barra s-suq komuni: il-prezzijiet fil-pajjiżi ġirien fin-naħa tal-Lvant qegħdin isiru relattivament orħos, l-Istati Membri l-ġodda għandhom ftit riżorsi għall-kontroll tal-fruntieri, u xi kultant, l-ammont ta’ attività tal-ekonomija illegali jkun konsiderevoli. Pereżempju, skont stħarriġ tal-opinjoni pubblika li sar fil-Litwanja fl-2008 (5), daqs 38.9 % tan-nies li sarilhom l-istħarriġ jiġġustifikaw jew għandhom tendenza li jiġġustifikaw il-kuntrabandu. Ukoll, meta jiġu investigati l-kondizzjonijiet għall-iżvilupp ta’ suq illegali, importanti li jiġi kkunsidrat l-ammont ta’ ekonomija illegali mhux biss fl-UE, iżda wkoll fis-sorsi potenzjali tal-kuntrabandu – l-Istati ġirien.

6.4.3

Is-sitwazzjoni msemmija hawn fuq tista’ tiġi deskritta permezz tal-każ tal-Litwanja. Bl-għan li tkun armonizzata s-sistema tat-taxxa fl-UE, id-dazju tas-sisa fuq it-tabakk żdied b’mod sostanzjali bejn l-2002 u l-2004 fil-Litwanja (bejn l-2001 u l-2004, il-piż tad-dazju tas-sisa żdied b’121 %). Dan wassal għal żieda sostanzjali fil-prezzijiet tas-sigaretti. Iż-żieda fid-dazji tas-sisa tat sura ġdida lis-suq tat-tabakk. Il-bejgħ tas-sigaretti legali naqas, filwaqt li l-kuntrabandu u s-suq illegali kibru fid-daqs tagħhom. L-ammont ta’ prodotti miżmuma tal-kuntrabandu tela’ għal kważi 13-il darba aktar bejn l-2001 u l-2004. Fl-2004, is-sehem tas-suq legali u illegali (meta jingħaddu l-unitajiet li nbiegħu) sar kważi ekwivalenti.

6.4.4

Meta tiġi vvalutata l-effikaċja tad-dazju tas-sisa, huwa kruċjali li jiġu kkunsidrati bidliet fil-konsum totali tas-sigaretti (jiġifieri l-konsum kemm legali kif ukoll dak illegali). L-esperjenza internazzjonali turi li taxxa aggressiva u, sussegwentement, żidiet fil-prezzijiet għandhom it-tendenza li jnaqqsu l-bejgħ legali aktar milli jibdlu l-konsum totali, u dan l-effett huwa dovut għat-tkabbir tas-suq illegali. Dan huwa dak li seħħ fil-Litwanja wkoll: meta żdied id-dazju tas-sisa fil-perjodu 2002 – 2004, il-konsum gross naqas iżda din il-bidla ma kenitx daqstant qawwija bħat-tnaqqis fil-bejgħ legali tas-sigaretti.

6.4.5

Il-Kummissarju Ewropew Laszlo Kovacs iddikjara, fil-Parlament Ewropew f’Settembru 2008, il-fatt li differenzi kbar fil-prezzijiet u fir-rati tat-taxxa huma tassew waħda mir-raġunijiet ewlenin wara l-ammonti sostanzjali ta’ kuntrabandu, b’mod partikolari tas-sigaretti, minn ċerti pajjiżi ġirien fl-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, ma jkunx għaqli li jiġu adottati deċiżjonijiet u żidiet tar-rekwiżiti tas-sisa minimi tal-UE li jkomplu jkabbru din il-problema.

6.5   L-Għanijiet tas-Suq Intern (Armonizzazzjoni)

6.5.1

Minkejja t-tletin sena ta’ armonizzazzjoni tad-dazju tas-sisa fuq it-tabakk fl-Unjoni Ewropea, id-differenzi fit-tassazzjoni fuq il-prodotti tat-tabakk fl-UE – jekk jiġu kkunsidrati kemm l-istruttura tat-taxxa kif ukoll il-piż totali tat-taxxa - xorta waħda jibqgħu sostanzjali.

6.5.2

Filwaqt li xi pajjiżi għażlu l-politika tas-saħħa bħala l-ewwel prijorità tagħhom, it-tradizzjonijiet u s-sitwazzjoni soċjali xorta waħda għadhom jikkawżaw diverġenza kbira fit-tassazzjoni totali fuq it-tabakk. Id-differenza fid-dħul mit-taxxa tas-sisa fl-UE tvarja minn EUR 242 għal kull 1 000 sigarett fir-Renju Unit għal EUR 19 għal kull 1 000 sigarett fil-Latvja (din id-data tmur lura għall-1 ta’ Jannar 2007). Fil-fatt din tista’ tkun ir-raġuni ewlenija għall-fatt li l-kummerċ illeċitu fi ħdan il-komunità Ewropea (f’termini ta’ volum ta’ sigaretti) huwa stmat li huwa d-doppju tal-kuntrabandu minn pajjiżi oħra.

6.5.3

Ta’ min wieħed jinnota li ftit mill-azzjonijiet proposti se jwasslu għal armonizzazzjoni aktar mill-qrib tar-rati tat-taxxa fl-Unjoni Ewropea. X’aktarx li, fid-dawl tal-azzjonijiet proposti, id-differenzi assoluti u relattivi fit-tassazzjoni bejn l-Istati Membri mhumiex se jgħibu.

6.5.4

Pereżempju, ir-raġuni storika għal rekwiżit proporzjonali hija l-armonizzazzjoni tad-dazju tas-sisa fl-UE; madankollu, dan ma wassal għal ebda armonizzazzjoni fl-imgħoddi u tassew jista’ jġib miegħu riżultati opposti. Pereżempju, is-Slovenja u l-Italja għandhom inċidenza tat-taxxa tas-sisa simili fuq l-MPPC ta’ madwar 58 %, iżda d-dħul mit-taxxa tas-sisa fuq l-MPPC għall-Italja huwa 80 % ogħla minn dak għas-Slovenja, EUR 102.38 meta mqabbel ma’ EUR 57.6 għal kull 1 000 sigarett. Iż-żieda proposta fl-inċidenza tat-taxxa tas-sisa minn 57 % għal 63 % twassal għal aktar diverġenza tad-dazji tas-sisa f’termini assoluti u jista’ jkollha effetti serji ta’ inflazzjoni, kif jidher fir-Rapport ta’ Valutazzjoni tal-Impatt tal-Kummissjoni. Fid-dawl ta’ dawn l-effetti dubjużi ta’ dan ir-rekwiżit minimu proporzjonali, għal darba oħra għandhom jiġu analizzati bis-serjetà u jiġu kkunsidrati mill-ġdid kemm iż-żieda proposta tiegħu kif ukoll ir-raġunijiet għall-eżistenza tiegħu stess.

6.5.5

Anke ż-żieda proposta tat-taxxa tas-sisa minima fuq is-sigaretti minn EUR 64 għal EUR 90 għal kull 1 000 sigarett twassal għall-armonizzazzjoni biss jekk il-pajjiżi b’taxxi ogħla ma jkomplux iżidu t-taxxi. F’din il-perspettiva, ikun interessanti jiġi kkunsidrat livell massimu tat-taxxa sabiex jissupplimenta r-rata minima eżistenti tat-taxxa.

6.5.6

Fid-dawl tal-fatt li s’issa diversi Stati Membri ma kenux kapaċi jaġġustaw ir-rata minima ta’ EUR 64 għal kull elf sigarett anke għall-MPPC, għandha tiġi eżaminata mill-ġdid u, għal bosta raġunijiet, għandha jew titnaqqas iż-żieda proposta għal EUR 90, jew inkella għandu jkun provdut perjodu itwal sabiex wieħed jikkonforma maż-żieda, jiġifieri sal-1 ta’ Jannar 2018.

Chart 2:

Excise tax yield in EU countries as of January 1, 2008 (EUR per 1 000 cigarettes)

Image

Chart 3:

Minimum Excise Tax in EU countries as of January 1, 2008 (EUR per 1 000 cigarettes)

Image

Chart 4:

Total excise tax in EU countries as of January 1, 2008 (percentage of the MPPC, minimum set to 57 %)

Image

Chart 5:

Specific ratio in EU countries as of January 1, 2008 (percentage specific to total tax on MPPC; set to 5-55 %)

Image

Brussell, il-25 ta’ Marzu 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  L-Artikolu 152 tat-Trattat isostni li “Livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa umana għandu jkun assigurat fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji u l-attivitajiet kollha Komunitarji”.

(2)  L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, Linji Gwida għall-Kontroll u l-Monitoraġġ tal-Epidemija tat-Tabakk, 1998.

(3)  Sigarett wieħed mibrum = 0.75 g.

(4)  Franks et al.: Cigarette Prices, Smoking, and the Poor: Implications of Recent Trends (Il-Prezzijiet tas-Sigaretti, it-Tipjip u l-Foqra: L-Implikazzjonijiet tat-Tendenzi Riċenti), riċerka ppubblikata fl-American Journal of Public Health (il-Ġurnal Amerikan tas-Saħħa Pubblika), Ottubru 2007, Vol. 97, Nru 10

(5)  http://www.freema.org/index.php/research/opinion_poll_public_perceptions_of_smuggling/4656


Top