EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52009AE0344
Opinion of the European Economic and Social Committee on the Green Paper — Migration & mobility: challenges and opportunities for EU education systems
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-green paper – migrazzjoni u mobilità: l-isfidi għas-sistemi ta’ edukazzjoni tal-UE
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-green paper – migrazzjoni u mobilità: l-isfidi għas-sistemi ta’ edukazzjoni tal-UE
OJ C 218, 11.9.2009, p. 85–90
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
11.9.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 218/85 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-green paper – migrazzjoni u mobilità: l-isfidi għas-sistemi ta’ edukazzjoni tal-UE
COM(2008) 423 finali
2009/C 218/17
Nhar it-3 ta’ Lulju 2008, il-Kummissjoni Ewropea ddeċiediet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
“il-Green Paper – Migrazzjoni u mobilità: l-isfidi għas-sistemi ta’ edukazzjoni tal-UE”
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-10 ta’ Diċembru 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur SOARES.
Matul l-451 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fil-25 u s-26 ta’ Frar 2009 (seduta tal-25 ta’ Frar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’142 vot favur, vot wieħed kontra u 6 astensjonijiet:
1. Daħla
1.1 |
Il-Green Paper “Migrazzjoni u mobilità: l-isfidi għas-sistemi ta’ edukazzjoni tal-UE” (COM(2008) 423 finali) tindirizza sfida importanti li qed jiffaċċjaw is-sistemi edukattivi tal-lum li, għalkemm mhijiex xi sfida ġdida, saret aktar serja u mifruxa f’dawn l-aħħar snin: il-fatt li nsibu għadd kbir ta’ tfal fl-iskejjel li ġejjin minn familji tal-migranti u li jgħixu f’kondizzjonijiet soċjoekonomiċi prekarji. |
1.2 |
Il-Kummissjoni hija tal-fehma li jkun utli li tikkkonsulta l-partijiet ikkonċernati dwar il-politika edukattiva għat-tfal li ġejjin minn familji tal-migranti. Il-partijiet interessati huma mitluba jressqu l-fehmiet tagħhom dwar:
|
1.3 |
Fil-fehma tal-KESE, din hija kwistjoni kumplessa u problematika li tista’ tiġi indirizzata minn għadd ta’ angoli, ilkoll kemm huma validi u importanti. Madankollu, u fid-dawl tal-metodoloġija użata, il-kontribut tal-Kumitat ser jikkonsisti f’li jwieġeb għall-ħames mistoqsijiet li saru, u ser jagħmel ukoll xi kummenti ġenerali. |
2. Kummenti ġenerali
2.1 |
Il-KESE jaqbel bis-sħiħ mad-daħla tal-Green Paper, li fiha l-preżenza ta’ għadd kbir ta’ studenti migranti tiġi deskritta bħala sfida u mhux bħala problema. It-test jagħmel evalwazzjoni ġusta tal-kwistjoni u jindirizza kważi l-aspetti kollha marbuta magħha. |
2.2 |
Madankollu, bl-użu ta’ definizzjonijiet wiesgħa bħat-“tfal minn sfond ta’ migrazzjoni”, “tfal ta’ migranti” u “studenti migranti”, li jkopru kemm tfal minn pajjiżi terzi kif ukoll mill-Istati Membri tal-UE li però ma jgħixux fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, il-Green Paper tissogra li tagħti l-impressjoni li s-sitwazzjonijiet kollha jixxiebhu, meta fil-fatt dawn huma differenti ħafna minn xulxin. |
2.3 |
Fil-fatt, kulħadd jirrikonoxxi li l-fatt li wieħed ikun ċittadin Ewropew mhuwiex l-istess ħaġa bħal meta wieħed ikun ċittadin ta’ pajjiż li mhuwiex imsieħeb fl-UE. Il-Kummissjoni nnifisha tammetti li l-użu ta’ din id-definizzjoni jġib miegħu riskju u tgħid li ċ-ċittadini Ewropej, kuntrarju għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, huma liberi li jiċċaqilqu fl-Unjoni Ewropea. Madankollu, jidher li l-Kummissjoni tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha billi tilqa’ l-kriterji użati mis-sorsi tad-data miġbura (PIRLS u PISA) (1). |
2.4 |
Il-KESE jifhem l-istrateġija tal-Kummissjoni li qed tfittex li tinkludi t-tfal kollha li n-nazzjonalità tal-ġenituri tagħhom mhijiex dik tas-soċjetà li tospitahom, għaliex it-tfal kollha għandhom bżonn ta’ appoġġ li jirrifletti s-sitwazzjoni partikolari tagħhom. Madankollu, il-Kumitat jippreferi li dil-kwistjoni tiġi indirizzata permezz tal-“istrateġija doppja” msemmija hawn fuq: minn naħa, il-kwistjoni tat-tfal taċ-ċittadini Ewropej u min-naħa l-oħra, it-tfal taċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi. |
2.5 |
Din l-opinjoni ma tindirizzax il-fenomenu tal-migrazzjoni b’mod speċifiku; Minflok, tiffoka fuq ir-rwol li jaqdu s-sistemi edukattivi fit-titjib tal-integrazzjoni tal-immigranti, u prinċipalment l-integrazzjoni tat-tfal tal-migranti. Hija tqis ukoll għadd ta’ opinjonijiet tal-KESE dwar kwistjonijiet marbuta mal-immigrazzjoni, li lkoll flimkien fihom ġabra sostanzjali ta’ teorija (2). |
2.6 |
Teżisti rabta mill-qrib bejn popolazzjonijiet tal-immigranti li jintegraw tajjeb u l-edukazzjoni li jkollhom aċċess għaliha t-tfal migranti u l-kisbiet tagħhom fl-iskola. Din ir-rabta hija ovvja u jista’ jkollha impatt qawwi fuq is-suċċess tal-politika Ewropea ta’ koeżjoni soċjali, l-istabbiltà tad-demokraziji tagħna u saħansitra l-iżvilupp ekonomiku fit-tul. |
2.7 |
Aktar mat-tfal u ż-żgħażagħ migranti jiġu integrati kmieni fl-iskejjel – u aktar ma din l-integrazzjoni tirnexxi – aktar imorru tajjeb l-iskola u fl-edukazzjoni terzjarja. Għalhekk, tajjeb nenfasizzaw l-importanza tat-tagħlim li jingħata lit-tfal li jkunu għadhom ma laħqux l-età għall-iskola, peress dan jagħtihom l-għodod li huma meħtieġa għas-suċċess edukattiv u soċjali. |
2.8 |
Minkejja li d-data turi biċ-ċar li r-riżultati li jiksbu t-tfal tal-migranti li jmorru l-iskola minn età żgħira huma aħjar b’mod konsistenti, dan ma jfissirx li dawn l-istudenti għandhom aktar ċans li jmorru l-università jew isibu xogħol dinjituż. |
2.9 |
Barra minn hekk, aktar ma l-għażliet li jagħmlu għall-karrieri futuri tagħhom ikunu msejsa fuq informazzjoni soda u ħielsa minn kull xkiel, u aktar ma jsir investiment bil-ħsieb biex it-tfal u ż-żgħażagħ migranti jirnexxu fit-tagħlim, aktar il-kisbiet soċjali, ekonomiċi u poltiċi jkunu tajbin. |
2.10 |
L-iskejjel huma l-aħjar post għall-integrazzjoni, għaliex l-ewwel kuntatti barra ċ-ċirku tal-familja jsiru proprju hawnhekk. Jekk, minflok ma jagħtu l-kontribut tagħhom biex itaffu l-impatt tal-ambjent soċjoekonomiku tal-familji migranti, l-iskejjel iwarrbuhom, jiddiskriminaw kontrihom jew jissegregawhom, ikun diffiċli ferm li naslu għal integrazzjoni tabilħaqq u s-soċjetà kollha jkollha tbati l-konsegwenzi. |
2.11 |
Għal din ir-raġuni, m’għandniex nappoġġjaw l-idea li jkun hemm skejjel li jilqgħu l-aktar - jew saħansitra biss - lit-tfal migranti, anke jekk għall-ewwel ir-raġunijiet ikunu jidhru li jistħoqqilhom kull tifħir. L-iskejjel għandhom jirriflettu s-sura soċjali tal-komunità li qegħdin fiha u m’għandhomx jiffurmaw “ghetto” għal kwalunkwe grupp. Is-segregazzjoni fiżika u soċjali tal-istudenti migranti fi skejjel li jkun ġew imfassla speċjalment għalihom, ta’ spiss timxi id f’id ma’ - jew inkella tikkawża – modi ta’ għajxien li jirriflettu din is-segregazzjoni. |
2.12 |
L-awtoritajiet tal-edukazzjoni, bħala atturi ewlenin fil-proċess edukattiv, għandhom jagħtu attenzjoni speċjali lill-għalliema għaliex dawn huma responsabbli b’mod dirett għall-kisbiet edukativi tal-istudenti tagħhom. Biex jinkisbu riżultati tajbin, il-karriera tal-għalliema għandha tidher attraenti u tkun imħallsa tajjeb, u importanti aktar minn dan, għandhom jirċievu taħriġ inizjali – li jikkunsidra din is-sitwazzjoni ġdida - u dan għandu jkompli tul il-karriera tagħhom (3). |
2.13 |
Għalhekk, huwa utli li jiżdied in-numru tal-għalliema ġejjin minn ambjenti etniċi u kulturali differenti, għaliex l-eżempju li jagħtu jista’ jagħti sens ta’ inkoraġġiment u jtejjeb l-istima li l-istudenti tagħhom ikollhom tagħhom innifishom. Dan jitlob li l-kriterji u l-proċeduri tar-reklutaġġ tal-għalliema jiġi kkunsidrat mill-ġdid, u għaldaqstant hemm bżonn li jiġu allokati r-riżorsi neċessarji. |
2.14 |
L-għarfien tal-lingwa nazzjonali hija kondizzjoni essenzjali biex l-istudenti jirnexxu fl-iskola. Din il-kwistjoni ma ġietx indirizzata biżżejjed, minħabba li ma saritx distinzjoni tajba bejn l-għarfien tal-lingwi u l-kapaċità ta’ komunikazzjoni. Nistgħu nsemmu għadd ta’ strateġiji biex jindirizzaw din il-problema, li hija waħda mill-aktar kwistjonijiet kumplessi ta’ żmienna – l-appoġġ immirat f’dan il-qasam, miżuri adatti li jiżguraw li t-tfal jibdew l-iskola mill-aktar fis possibbli (skola tal-infanzja), kollaborazzjoni bejn l-iskejjel u l-ġenituri tat-tfal bl-għan li jkunu jistgħu jattendu korsijiet fil-lingwa nazzjonali. |
2.15 |
Is-sehem attiv tal-ġenituri migranti fil-proċess edukattiv u mal-familji l-oħra fil-komunità tagħhom u l-valutazzjoni tal-għarfien u l-esperjenza tagħhom huma lkoll fatturi li jħeġġu l-integrazzjoni tal-istudenti u, f’sens aktar wiesa’, il-komunitajiet migranti kemm fil-ħajja skolastika kif ukoll fil-ħajja komunitarja. Għalhekk huwa importanti li l-iskejjel ikollhom għalliema awżiljarji u medjaturi kulturali (4). |
3. Il-kontribut tal-KESE
3.1 Il-Green Paper tqajjem 4 kwistjonijiet, li fuqhom issejjes dawn il-mistoqsijiet li ġejjin:
“A. L-isfida politika:
X’inhuma l-isfidi politiċi importanti marbuta mal-għoti ta’ edukazzjoni tajba lil tfal minn sfond ta’ migrazzjoni? Minbarra dawk identifikati f’dan id-dokument, hemm xi oħrajn li għandhom jitqiesu?
B. Ir-reazzjoni politika:
Liema huma r-reazzjonijiet politiċi xierqa għal dawn l-isfidi? Hemm politiki u strateġiji oħra lil hinn minn dawk imniżżla f’dan id-dokument li għandhom jitqiesu?
C. Ir-rwol tal-Unjoni Ewropea:
X’azzjonijiet jistgħu jittieħdu permezz tal-Programmi Ewropej biex ikollhom impatt pożittiv fuq l-edukazzjoni ta’ tfal minn sfond ta’ migrazzjoni? Kif għandhom jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet fi ħdan il-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ? Tħoss li għandhom jiġu eżaminati l-indikaturi u/jew il-punti ta’ referenza possibbli bħala mezz biex l-isforz politiku jiffoka aktar bil-qawwi fuq it-tnaqqis tal-lakuni fil-ksib edukattiv?
D. Il-ġejjieni tad-Direttiva 77/486/KEE:
Kif tista’ d-Direttiva 77/486/KEE, meta titqies l-istorja tal-implimentazzjoni tagħha u jittieħed kont tal-bidla fil-flussi ta’ migrazzjoni minn mindu ġiet adottata, jkollha rwol fl-appoġġ tal-politiki tal-Istati Membri dwar dawn il-kwistjonijiet? Tirrikkmanda li din tinżamm kif inhi, li tiġi adattata jew irrevokata? Tipproponi xi strateġiji alternattivi biex tappoġġja l-politiki tal-Istati Membri dwar il-kwistjonijiet li din tindirizza?”
3.2 L-isfida politika
3.2.1 |
Probabbli li l-akbar sfida politika li qed tiffaċċja l-Ewropa llum hija l-ħolqien ta’ sistema edukattiva inklużiva f’soċjetà li kulma jmur qed isir inqas inklużiva, kemm minħabba d-distakk dejjem jikber bejn l-għonja u l-foqra u konsegwentement iż-żieda fl-esklużjoni soċjali, kif ukoll minħabba – fir-rigward tal-immigrazzjoni – il-politiki migratorji saru aktar stretti kullimkien. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lis-stwazzjoni soċjoekonomika tan-nies li ġejjin minn ambjent ta’ migranti minħabba li l-opportunitajiet edukattivi huma influwenzati ħafna minn sitwazzjonijiet li fihom in-nies ikunu soċjalment żvantaġġjati. |
3.2.2 |
Ma tista’ sseħħ l-ebda analiżi tal-isfida enormi biex jiġu integrati miljuni ta’ immigranti permezz tat-tagħlim mingħajr ma jiġu kkunsidrati l-aspetti li ġejjin: l-istatus legali taċ-ċittadini barranin, li jaffettwa l-aċċess tagħhom għas-sistema standard ta’ edukazzjoni obbligatorja (5); Proċeduri biex tiġi legalizzata s-sitwazzjoni tal-migranti mingħajr karti uffiċjali; l-ostakli li jxekklu r-riunifikazzjoni tal-familji; u l-kriterji għall-għoti tal-viżi, li xi drabi jiksru d-drittijiet fundamentali tal-bniedem (bħall-ħtieġa li jsiru testijiet tad-DNA biex ikun hemm provi ta’ relazzjoni familjari), fost miżuri oħra. |
3.2.3 |
Issa li għaddejjin minn perijodu li fih qed jittieħdu deċiżjonijiet dwar politika edukattiva li jaffettwaw miljuni ta’ tfal u żghażagħ li ġejjin minn ambjent ta’migranti, dawn il-kwistjonijiet m’għandhomx jitwarrbu fil-ġenb. L-iskejjel ma jistgħux jinħolqu jew jiġu żviluppati daqslikieku ma jagħmlux parti mill-qafas soċjali ta’ madwarhom. L-iskejjel jirriflettu din l-istess soċjetà, għalkemm jistgħu jagħtu wkoll kontribut deċiżiv biex ibiddluha. |
3.2.4 |
B’mod aktar speċifiku, ir-riformi edukattivi li jittrattaw l-edukazzjoni daqslikieku kienet negozju, u li jużaw il-lingwaġġ tan-negozju għall-iskejjel (li jsejħu lill-istudenti u l-ġenituri “konsumaturi/utenti”, u lill-għalliema “provvedituri tas-servizzi”) u li jippromovu tip ta’ evalwazzjoni bbażat biss fuq il-prestazzjoni individwali tal-istudenti, ma jgħinux lit-tfal biex jintegraw b’mod sodisfaċenti. Minflok, l-edukazzjoni għandha tiġi ridefinita bħala dritt fundamentali għat-tfal u ż-żgħażagħ kollha. |
3.2.5 |
Meta nqisu li l-edukazzjoni għadha r-responsabbiltà tal-gvernijiet nazzjonali, l-akbar sfida ser tkun dik li naraw jekk l-Unjoni Ewropea hix ser tkun kapaċi fil-prattika tikkoordina l-politiki meħtieġa għall-ksib tal-ogħla livell ta’ integrazzjoni possibbli. Il-paradoss li jinħoloq meta nqisu li, minn naħa, il-fenomenu tal-migrazzjoni għandu riperkussjonijiet fil-Komunità kollha, u min-naħa l-oħra, il-fatt li l-politiki għadhom qed jitfasslu fil-livell nazzjonali, jissolva biss meta jkun hawn ir-rieda politika li dawn il-politiki jiġu kkoordinati b’aktar reqqa. |
3.2.6 |
Għalhekk, l-Unjoni Ewropea qed tiffaċċja l-isfida li tirrikonoxxi li l-problemi marbuta mal-ġestjoni tal-fenomenu tal-migrazzjoni tal-massa mhux se jkun faċli li jissolvew skont il-ħtiġijiet individwali ta’ kull stat u ser ikollha toħloq l-istrumenti politiċi meħtieġa biex tikseb dan, biex b’hekk tkun tista’ ssib tarf tal-għadd dejjem jikber ta’ studenti minn barra l-UE li qegħdin jistudjaw fi ħdan is-sistemi edukattivi Ewropej. |
3.2.7 |
L-iżvantaġġi tal-persuni minn ambjent ta’migranti ma jeqfux hawn iżda jkomplu wkoll meta niġu għall-edukazzjoni tal-adulti. Dawn il-persuni għandhom it-tendenza li jipparteċipaw inqas fit-taħriġ kontinwu u l-korsijiet provduti normalment jiffukaw fuq l-akkwist ta’ kompetenzi lingwistiċi. L-istabbilimenti edukattivi li jiffukaw fuq l-edukazzjoni tal-adulti għandhom jagħmlu l-korsijiet tagħhom diponibbli għall-popolazzjoni mmirata kollha. Il-ħtiġijiet tal-persuni li ġejjin minn ambjent ta’migranti għandhom jiġu kkunsidrati fil-firxa kollha tal-korsijiet provduti. Għalhekk hemm bżonn li l-ambitu tal-edukazzjoni tal-adulti jitwessa’ biex jinkludi suġġetti bħall-kultura, il-politika u l-ippjanar tal-familja, is-saħħa, il-kompetenzi soċjali, eċċ. |
3.2.8 |
Sfida politika oħra li tista’ taffettwa kwalunkwe deċiżjoni hija marbuta mal-kriżi finanzjarja attwali. Iż-żieda fil-qgħad u l-problemi li qed ikollhom is-sistemi tas-sigurtà soċjali – li f’ċerti pajjiżi qed jipperikolaw il-mudelli tal-protezzjoni soċjali nnifishom – jistgħu jwasslu għar-razziżmu u l-ksenofobija li jmorru totalment kontra l-valuri demokratiċi tal-Ewropa. Kemm l-iskejjel kif ukoll il-komunità li għandhom sehem fihom għandhom jissorveljaw dawn il-problemi bir-reqqa, mhux biss biex iwaqqfuhom, iżda biex jaġixxu meta, u jekk, ikun hemm bżonn. |
3.3 Ir-reazzjoni politika
3.3.1 |
Ir-responsabbiltà primarja tal-Istati Membri hija li jirrispettaw l-impenji tagħhom biex jiżguraw li l-immigranti jiġu integrati fis-soċjetà. Fir-rigward tat-tfal u ż-żgħażagħ, dan ma jfissirx biss li kulħadd ikollu aċċess għas-sistema tal-edukazzjoni, b’garanzija li ma jintuża l-ebda kriterju tal-għażla bbażat fuq l-istatus soċjali, iżda wkoll li jsiru sforzi biex jiġi żgurat li s-suċċess fl-edukazzjoni jitqies bħala dritt għall-istudenti u t-tfal migranti. |
3.3.2 |
Għal dan il-għan, il-miżuri fil-qasam tal-edukazzjoni għandom ikunu bbażati fuq:
|
3.3.3 |
Minbarra r-reazzjonijiet ġenerali li għandhom jieħdu ħsieb il-karatteristiċi partikolari tal-popolazzjoni tal-migranti, bħalma huma l-aċċess għas-sistemi tas-saħħa u għas-suq tax-xogħol u djar deċenti, għandha tiġi enfasizzata l-ħtieġa ta’ reazzjoni speċifika fis-settur tal-edukazzjoni bħalma hi r-reviżjoni tal-materjal edukattiv biex ikun żgurat li l-migranti ma jingħatawx dehra negattiva, attivitajiet barra mill-kurrikulu biex itejbu l-integrazzjoni, l-aċċess għas-sistema tal-edukazzjoni minn età bikrija, ir-riżorsi meħtieġa għat-taħriġ inizjali u kontinwu tal-għalliema u l-impjieg ta’ persunal awżiljarju kkwalifikat, li jkun ġej mill-istess ambjent tal-migranti safejn hu possibbli, eċċ. |
3.3.4 |
Il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili mhux biss hi ħaġa tajba, iżda wkoll indikatur affidabbli tal-kwalità tad-demokrazija soċjali u edukattiva u fattur ewlieni fl-integrazzjoni tal-immigranti. L-assoċjazzjonijiet tal-ġenituri u l-atturi soċjali li jipparteċipaw fl-edukazzjoni jistgħu jikkontribwixxu biex jibnu soċjetà u forma ta’ ċittadinanza li huma inklużivi, li jirrispettaw id-differenzi u li jifhmu l-valur ta’ koeżjoni soċjali b’saħħitha. Il-politika adottata minn numru ta’ pajjiżi, li tagħti l-immigranti legalizzati d-dritt li jivvotaw fl-elezzjonijiet lokali, għandha tiġi appoġġjata u mħeġġa, peress li tagħraf l-integrazzjoni tal-imigranti fil-pajjiż li qed jospitahom u ssaħħaħ is-sens ta’ appartenenza tagħhom. |
3.4 Ir-rwol tal-Unjoni Ewropea
3.4.1 |
Fil-kuntest tal-adozzjoni u l-implimentazzjoni tat-Trattat il-ġdid ta’ Liżbona, l-Unjoni Ewropea għandha tiżgura li l-Istati Membri jkomplu bil-politiki tal-integrazzjoni tal-popolazzjonijiet tal-imigranti, u b’mod partikolari jiggarantixxu d-dritt tat-tfal għall-edukazzjoni u li jitgħallmu l-lingwa materna tagħhom kif ukoll id-dritt tal-ġenituri tal-istudenti migranti li jagħtu sehemhom f’dan, biex itejbu l-ħiliet tagħhom u jappoġġjaw lit-tfal tagħhom fid-deċiżjonijiet u l-proċeduri li jirrigwardaw l-edukazzjoni tagħhom. |
3.4.2 |
L-Unjoni Ewropea tista’ tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jużaw il-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni f’dan il-kuntest, li jista’ jipproduċi studji u programmi ta’ riċerka komparattivi biex jiġbor u jqassam l-aħjar prattiki u jappoġġja inizjattivi innovattivi li jipprovdu twissija bikrija dwar il-kwistjonijiet li qed iqumu fil-livell Ewropew, li xi drabi huma aktar diffiċli li wieħed jinduna bihom fil-livell nazzjonali biss. Fil-punti li ġejjin hemm numru ta’ proposti prattiċi biex dawn l-iskopijiet jintlaħqu: |
3.4.3 |
tista’ tkun miżura ta’ politika importanti ħafna li jiġu stabbiliti numru ta’ indikaturi u punti ta’ referenza, immirati biex l-isforzi jiġu ffukati mhux biss fuq l-eliminazzjoni tal-falliment fl-iskola iżda wkoll tal-problemi oġġettivi li l-istudenti migranti jiltaqgħu magħhom fiċ-ċirkostanzi partikolari tagħhom. Minflok hemm bżonn li jinħolqu programmi li jikkontribwixxu għall-ħolqien ta’ attivitajiet soċjali fl-iskola biex l-istudenti ma jitilqux kmieni mill-iskola jew ma jispiċċawx jattendu b’mod irregolari. |
3.4.4 |
Fost is-suġġerimenti għall-punti ta’ referenza li jistgħu jintużaw fil-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni nsibu: il-pożizzjoni soċjoekonomika tal-istudenti kkonċernati, kemm jekk jiġu minn familja ta’ migranti jew le; jekk l-istudenti itemmux il-kors ta’ studju tagħhom (l-edukazzjoni tal-obbligu), kemm jekk jiġu minn familja ta’ migranti jew le; il-proporzjoni ta’ persunal fost l-għalliema li huma migranti; il-ħiliet interkulturali żviluppati fost l-għalliema; il-kapaċità tas-sistema edukattiva li tippermetti l-mobilità soċjali; il-promozzjoni tal-multilingwiżmu fis-sistema edukattiva pubblika; u kif is-sistemi tal-edukazzjoni miftuħa huma għat-tfal u ż-żgħażagħ kollha, eċċ. |
3.4.5 |
Huwa wkoll importanti ħafna li jiġi żgurat li l-Parlament Ewropew ikun involut b’mod dirett fit-tfassil, il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-proposti u l-miżuri mmirati li jeliminaw l-esklużjoni u l-marġinalizzazzjoni fl-Unjoni Ewropea. |
3.5 Il-ġejjieni tad-Direttiva 77/486/KEE
3.5.1 |
Id-Direttiva 77/486/KEE kienet pass importanti ’il quddiem biex id-dritt tat-tfal migranti għall-edukazzjoni jitpoġġa fl-aġenda politika b’fermezza. Madankollu, filwaqt li dan huwa veru u jrid jiġi rikonoxxut, wieħed ma jistax jiċħad li d-direttiva kienet tapplika biss għat-tfal taċ-ċittadini Ewropej u l-metodu għall-integrazzjoni kien ibbażat biss fuq il-kwistjoni tal-użu tal-lingwi. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni tad-direttiva mhijiex konsistenti u wara tletin sena li daħlet fis-seħħ, għadha ma ġietx trasposta kompletament fil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri attwali tal-UE. |
3.5.2 |
Id-Direttiva 77/486 storikament u politikament m’għadhiex valida u ma tissodisfax il-ħtiġijiet tal-lum għall-integrazzjoni u għalhekk għandha tiġi emendata b’mod sustanzjali, biex tqis l-iżviluppi fil-fenomenu stess tal-migrazzjoni. Filwaqt li l-UE u l-Istati Membri jridu jibqgħu jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ għall-kwistjoni tat-tagħlim tal-lingwi, il-KESE jqis li direttiva dwar din il-kwistjoni għandha tmur iktar ’il bogħod biex tinkludi aspetti oħra, jekk trid tkun għodda li permezz tagħha sseħħ l-integrazzjoni soċjali, ekonomika u politika tal-migranti u t-tfal tagħhom. |
3.5.3 |
Id-direttiva tal-ġejjieni għandha tqis il-fatt li l-komplessità tal-integrazzjoni tal-migranti fil-pajjiż li jospitahom tmur ħafna iktar lil hinn milli jkun żgurat li t-tfal tagħhom jiġu integrati fis-sistema tal-edukazzjoni, iżda li dan il-proċess tal-aħħar ikollu sehem importanti fis-suċċess tal-ewwel wieħed. |
3.5.4 |
Minħabba f’hekk id-direttiva tal-ġejjieni m’għandhiex tikkunsidra biss il-kwistjoni tal-lingwa (li tibqa’ kwistjoni ewlenija), iżda tindirizza wkoll l-integrazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ fis-sistemi edukattivi b’mod iktar komprensiv u konsistenti. |
Brussell, 25 ta’ Frar 2009.
Il-President
tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI
(1) PIRLS: “Progress in International Reading Literacy Study”, studju li sar mill-Assoċjazzjoni Internazzjonali għall-Evalwazzjoni tal-Kisbiet Edukattivi (International Association for the Evaluation of Educational Achievments (IEA)). PISA: “Programme for International Student Assessment”, studju li sar mill-OECD.
(2) Minn ’il fuq minn 50 opinjoni dwar is-suġġett, dawn li ġejjin huma ta’ interess partikolari hawnhekk: “Komunikazzjoni dwar il-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni għall-politika tal-immigrazzjoni u l-ażil” (verżjoni bil-Malti mhux disponibbli - Communication on the open method of coordination for immigration and asylum policy), rapporteur: is-Sinjura zu Eulenburg (ĠU C 221, 17.9.2002); “Kundizzjonijiet għad-dħul u r-residenza għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-iskop ta’ studju, taħriġ vokazzjonali jew servizz volontarju” (verżjoni bil-Malti mhux disponibbli – Conditions of entry and residence of third-country nationals for the purposes of studies, vocational training or voluntary service, rapporteur: is-Sur Pariza Castaños (ĠU C 133, 6.6.2003); “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi programm ta’ assistenza finanzjarja u teknika lil pajjiżi terzi fil-qasam tal-migrazzjoni u l-ażil” (verżjoni bil-Malti mhux disponibbli - Proposal for a Regulation of the European Parliament and of the Council establishing a programme for financial and technical assistance to third countries in the area of migration and asylum), rapporteur: is-Sinjura Cassina (ĠU C 32, 5.2.2004); “Komunikazzjoni dwar l-imigrazzjoni, l-integrazzjoni u l-impjiegi” (verżjoni bil-Malti mhux disponibbli. - Communication on immigration, integration and employment, rapporteur: is-Sur Pariza Castaños (ĠU C 80, 30.3.2004); “Aċċess għaċ-ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea” (opinjoni fuq inizjattiva proprja) (verżjoni bil-Malti mhux disponibbli. - Access to European Union citizenship (own-initiative opinion), rapporteur: is-Sur Pariza Castaños (ĠU C 208, 3.9.2003); “Il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Ħaddiema Immigrati” (opinjoni fuq inizjattiva proprja), rapporteur: is-Sur Pariza Castaños (ĠU C 302, 7.12.2004); “L-Immigrazzjoni fl-UE u l-politiki ta’ integrazzjoni: Il-kooperazzjoni bejn il-gvernijiet reġjonali u lokali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili” (opinjoni fuq inizjattiva proprja) (verżjoni bil-Malti mhux disponibbli. – Immigration in the EU and integration policies: cooperation between regional and local governments and civil society organisations) (own-initiative opinion) rapporteur: is-Sur Pariza Castaños (ĠU C 318, 23.12.2006); “Immigrazzjoni fl-UE u l-politika ta’ kooperazzjoni mal-pajjiżi ta’ oriġini għall-promozzjoni tal-iżvilupp” (opinjoni fuq inizjattiva proprja), rapporteur: is-Sur Pariza Castaños (ĠU C 44, 16.2.2008); “Elementi għall-istruttura, l-organizzazzjoni u l-funzjonament ta’ pjattaforma għal parteċipazzjoni akbar tas-soċjetà ċivili fil-promozzjoni fil-livell Komunitarju ta’ politiki għall-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi” (opinjoni esploratorja), rapporteur: is-Sur Pariza Castaños (ĠU C 27, 3.2.2009); “L-integrazzjoni tal-minoranzi — ir-Roma”, rapporteur: is-Sinjura Sigmund, korapporteur: is-Sinjura Sharma (ĠU C 27, 3.2.2009); “Politika Komuni dwar l-Immigrazzjoni għall-Ewropa: Prinċipji, azzjonijiet u strumenti”, rapporteur: is-Sur Pariza Castaños, CESE 342/2009 tal-25.2.2009 (Għadha mhux pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(3) Ara l-opinjoni tal-KESE “Intejbu l-kwalità tal-edukazzjoni tal-għalliema”, rapporteur: is-Sur Soares (ĠU C 151, 17.6.2008).
(4) Dawn huma biss uħud mill-ideat li jidhru fir-rapport ippubblikat f’April 2008 “Education and Migration - Strategies for integrating migrant children in European schools and societies. A synthesis of research findings for policy-makers” min-netwerk tal-esperti NESSE (netwerk ta’ esperti fl-aspetti soċjali tal-edukazzjoni u t-taħriġ, bl-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea) (http//www.nesse.fr-nesse-nesse_top-activites-education-and-migration).
(5) Fil-Ġermanja, l-istatus legali taċ-“ċittadini barranin” ta’ spiss iwassal għal eżenzjoni mill-obbligu ġenerali ta’ attendenza regolari fl-iskejjel. Skont l-Artikolu 14 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, madankollu, “Kull persuna għandha d-dritt għall-edukazzjoni (…) u (…) edukazzjoni obbligatorja bla ħlas”.
(6) Ara punt 3.2.7 hawn fuq.