Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008PC0441

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tikkonkludi l-Ftehim ta' Partenarjat Ekonomiku temporanju bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa waħda, u l-Ghana, fuq in-naħa l-oħra

/* KUMM/2008/0441 finali - AVC 2008/0137 */

In force

52008PC0441

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tikkonkludi l-Ftehim ta' Partenarjat Ekonomiku temporanju bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa waħda, u l-Ghana, fuq in-naħa l-oħra /* KUMM/2008/0441 finali - AVC 2008/0137 */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 10.7.2008

KUMM(2008) 441 finali

2008/0137 (AVC)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tikkonkludi l-Ftehim ta' Partenarjat Ekonomiku temporanju bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa waħda, u l-Ghana, fuq in-naħa l-oħra

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Il-proposti mehmuża jikkostitwixxu l-istrumenti legali għall-konklużjoni ta' Ftehim ta’ Partenarjat Ekonomiku (EPA) bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa waħda, u l-Ghana, fuq in-naħa l-oħra: Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tikkonkludi l-EPA temporanju.

Kif tħabbar fil-Komunikazzjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew iddatata t-23 ta' Ottubru 2007, l-EPA temporanju ġie nnegozjat mal-Gana biex ma jixxekkilx il-kummerċ bejn dan il-pajjiż u l-Komunità wara li fil-31 ta' Diċembru 2007 skadew id-dispożizzjonijiet kummerċjali stipulati fl-Anness V tal-Ftehim ta' Cotonou u r-rinunzja tad-WTO li kienet tkoprihom, u sakemm it-tlestija ta' EPA komprensiv għar-reġjun kollu ta' l-Afrika tal-Punent[1]. Wara li fit-13 ta' Diċembru 2007 b'mod korrispondenti ngħata bidu dan il-Ftehim, il-Gana żdiedet mal-lista ta' pajjiżi li jibbenefikaw mis-sistema ta' kummerċ ta' l-EPA stabilità mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1528/2007, adottat fl-20 ta' Diċembru 2007. Dan ir-Regolament jipprevedi applikazzjoni avvanzata għas-sistema kummerċjali ta' l-EPA. Wara li fit-7 ta' Diċembru 2007 ngħata bidu l-EPA temporanju, il-Kosta ta' l-Avorju żdiedet ukoll ma' din il-lista. Bħala Pajjiżi l-Anqas Żviluppati (PAŻ), il-pajjiżi ta' l-Afrika tal-Punent l-oħrajn, għajr għan-Niġerja u l-Kap Verde, sa mill-1 ta' Jannar 2008 ġew soġġetti għall-inizjattiva Kollox Minbarra l-Armi (EBA) li toffri aċċess mingħajr dazju u mingħajr kwota għas-suq tal-KE għall-prodotti kollha għajr għall-armi. Fl-1 ta' Jannar 2008 l-Kap Verde ħa l-istatus ta' mhux parti mill-PAŻ iżda ngħata estensjoni ta' tliet snin li matulhom jibqa' jibbenefika mis-sistema EPA, kif previst mir-Regolament tal-Kunsill Nru 980/2005 tas-27 ta' Ġunju 2005 li japplika skema ta' preferenzi ta' tariffi ġeneralizzati (GSP). In-Niġerja, li ma jagħmilx parti mill-PAŻ, ingħata l-possibilità li jinnegozja EPA temporanju ekwivalenti għal dawk in-negozjati mal-Kosta ta' l-Avorju u l-Gana iżda ddeċieda li ma jagħmilx dan. B'konsegwenza ta' dan, mill-1 ta' Jannar 2008 huwa soġġett għas-sistema GSP regolari.

In-negozjar ta' EPA sħiħ mar-reġjun kollu ta' l-Afrika tal-Punent ikompli, b'mod konsistenti mad-direttivi ta' negozjar għal EPAs ma' l-Istati ta' l-AKP adottati mill-Kunsill fit-12 ta' Ġunju 2002.

L-EPA temporanju fih dispożizzjonijiet dwar il-Kummerċ fil-Prodotti, il-Faċilità Doganali u Kummerċjali, il-Barrieri Tekniċi għall-Kummerċ u l-Miżuri Sanitarji u Fitosanitarji. Hemm ukoll dispożizzjonijiet dwar Kooperazzjoni fl-Iżvilupp li jistipulaw oqsma ta' prijorità ta' azzjoni għall-implimentazzjoni ta' l-EPA. Kull kapitolu individwali sostantiv tal-Ftehim jinkludi oqsma speċifiċi ta' kooperazzjoni u dikjarazzjoni dwar il-Kooperazzjoni fl-Iżvilupp tistabbilixxi r-rabta ma’ l-Għajnuna ta' l-UE għall-Istrateġija tal-Kummerċ kif ukoll tevoka l-intenzjoni tal-Kummissjoni u ta' l-Istati Membri li jikkontribwixxu għal fond ta' żvilupp reġjonali. Il-Ftehim jipprevedi wkoll it-tkomplija tan-negozjati f'livell reġjonali dwar kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' l-investiment, is-servizzi u l-kummerċ u jipprevedi li l-EPA reġjonali sħiħ joħodlu postu ladarba jiġi konkluż.

Sakemm jidħol fis-seħħ l-EPA temporanju, l-EPA temporanju jipprevedi l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim.

- Il-Kummissjoni titlob lill-Kunsill

- biex jikkonkludi l-EPA temporanju f'isem il-Komunità.

Il-Parlament Ewropew se jissejjaħ biex jagħti l-kunsens tiegħu għall-konklużjoni ta' l-EPA temporanju.

L-Istati Membri huma wkoll partijiet fil-Ftehim, li għalhekk jeħtieġ li jiġi rratifikat minnhom skond il-proċeduri interni tagħhom.

2008/0137 (AVC)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tikkonkludi l-Ftehim ta' Partenarjat Ekonomiku temporanju bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa waħda, u l-Ghana, fuq in-naħa l-oħra

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 133 u 181 flimkien mat-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 300(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[2],

Wara li kkunsidra l-parir konformi tal-Parlament Ewropew[3],

Billi:

(1) Fit-12 ta' Ġunju 2002 il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tibda negozjati għal Ftehimiet ta' Partenarjat Ekonomiku bi Sħab mal-pajjiżi ta' l-AKP.

(2) Negozjati dwar Ftehim ta’ Partenarjat Ekonomiku temporanju (minn hawn 'il quddiem 'l-EPA temporanju') ġew konklużi mal-Gana u l-Ftehim ingħata bidu fit-13 ta' Diċembru 2007.

(3) L-EPA temporanju qed jiġi applikat b’mod proviżorju minn [...] sakemm dan jidħol fis-seħħ.

(4) L-EPA temporanju għandu jiġi konkluż f'isem il-Komunità Ewropea.

IDDEĊIDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Ftehim ta’ Partenarjat Ekonomiku temporanju bejn il-Gana u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha huwa permezz ta' dan ta' hawnhekk approvat f'isem il-Komunità.

It-test ta' dan il-Ftehim huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu jagħti n-notifika msemmija fl-Artikolu 75 tal-Ftehim f’isem il-Komunità.

Magħmula fi Brussell, […]

Għall-Kunsill

Il-President

[…]

DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA GĦAL PROPOSTI LI GĦANDHOM IMPATT FUQ IL-BAĠIT ESKLUSSIVAMENT LIMITAT FUQ L-ASPETT TA' L-INTROJTU

1. L-ISEM TAL-PROPOSTA:

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Partenarjat Ekonomiku temporanju bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha fuq naħa waħda, u l-Gana, fuq in-naħa l-oħra,

2. IL-LINJI BAĠITARJI:

Il-Kapitolu u l-Artikolu: 12/120

Ammont stmat għas-sena kkonċernata: 16 431 900 000 (Il-Baġit ta' l-2008)

3. L-IMPATT FINANZJARJU

( Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni finanzjarja

( Il-proposta ma għandha l-ebda impatt finanzjarju fuq in-nefqa, iżda għandha impatt finanzjarju fuq l-introjtu – l-effett huwa kif ġej:

4. IL-MIŻURI KONTRA L-FRODI

Biex tħares l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra, il-Kummissjoni tista' twettaq kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post skond l-Artikolu 21 tal-Ftehim ta' Partenarjat Ekonomiku temporanju. Fejn ikun meħtieġ, għandhom jitwettqu investigazzjonijiet mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) u dawn għandhom jiġu rregolati bir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Il-Kummissjoni għandha twettaq kontrolli regolari fuq il-post li jkunu bbażati fuq id-dokumenti.

5. IR-RIMARKI L-OĦRAJN

It-tariffi doganali kollha li baqa' fuq il-prodotti li joriġinaw f’dawk ir-reġjuni ta' l-AKP jew stati li kkonkludew in-negozjati dwar il-Ftehimiet ta’ Partenarjat Ekonomiku jew ftehimiet li jinkludu arranġamenti kummerċjali kompatibbli mad-WTO tneħħew permezz ta' l-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill 1528/2007. Għalhekk, ma hemm l-ebda impatt finanzjarju addizzjonali assoċjat ma' din il-proposta.

[1] Il-pajjiżi ta’ dan ir-reġjun huma l-Benin, il-Burkina Faso, il-Kosta ta' l-Avorju, il-Ginea Bissaw, Mali, in-Niġer, is-Senegal, it-Togo, il-Kap Verde, il-Gambja, il-Gana, il-Ginea, il-Liberja, in-Niġerja, is-Sierra Leone u l-Mawritanja.

[2] ĠU C […], […], p. […].

[3] ĠU C […], […], p. […].

Top