Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008PC0155

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-ftehim ta’ sħubija ekonomika bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha fuq naħa waħda, u l-Istati CARIFORUM, fuq in-naħa l-oħra

/* KUMM/2008/0155 finali */

52008PC0155

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-ftehim ta’ sħubija ekonomika bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha fuq naħa waħda, u l-Istati CARIFORUM, fuq in-naħa l-oħra /* KUMM/2008/0155 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 18.3.2008

KUMM(2008) 155 finali

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha fuq naħa waħda, u l-Istati CARIFORUM, fuq in-naħa l-oħra

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Il-proposti mehmuża jikkostitwixxu l-istrumenti legali għall-iffirmar, l-applikazzjoni provviżorja u l-konklużjoni ta’ Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika (FSE) bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa waħda, u l-Forum tal-Karibew ta’ l-Istati AKP (CARIFORUM), min-naħa l-oħra:

(i) Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja ta’ l-FSE;

(ii) Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tikkonkludi l-FSE.

L-FSE tal-CARIFORUM ġie negozjat skond l-għanijiet tal-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika stipulati fil-Ftehim ta’ Cotonou[1] u d-direttivi tan-negozjati għall-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika ma' l-Istati AKP adottati mill-Kunsill fit-12 ta’ Ġunju 2002. In-negozjati ġew konklużi permezz tat-tnedija ta’ l-FSE fis-16 ta’ Diċembru 2007 qabel l-għeluq tar-reġim kummerċjali stipulat fl-Anness V tal-Ftehim ta’ Cotonou fil-31 ta’ Diċembru 2007 u r-rinunzja ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol (WTO) li tkopri dak ir-reġim kummerċjali.

B’riżultat ta’ dan l-Istati kollha tal-CARIFORUM ġew inklużi fil-lista ta’ pajjiżi fl-Anness I tar-Regolament dwar l-Aċċess tas-Suq ta’ l-FSE adottat mill-Kunsill fl-20 ta’ Diċembru 2007[2] li bbenefikaw mill-offerta għall-aċċess tas-suq Komunitarju li saret fil-kuntest ta’ l-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika mill-1 ta’ Jannar 2008. L-inklużjoni tagħhom f’din il-lista se ssir permanenti wara r-ratifika ta’ l-FSE mill-partijiet kollha. Dan għandu jiżgura reġim kummerċjali uniku armonizzat bl-UE tipprovdi aċċess aħjar għas-suq għall-Istati kollha tal-CARIFORUM, inkluż il-Haiti li huwa rikonoxxut bħala Pajjiż l-Inqas Żviluppat min-Nazzjonijiet Uniti.

L-FSE tal-Karibew huwa l-ewwel Ftehim ta' Sħubija Ekonomika komprensiv li ġie konkluż. Huwa jinkludi l-miżuri kollha meħtieġa għall-istabbiliment ta’ Żona ta’ Kummerċ Ħieles kompatibbli mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu XXIV tal-GATT 1994[3]. Jinkludi wkoll Titolu dwar is-Servizzi, l-Investiment u l-e-kummerċ u l-iskedi relatati ta’ l-impenji, li huma kompatibbli mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu V tal-GATS[4].

L-FSE fih ukoll dispożizzjonijiet dwar il-Faċilità tad-Dwana u tal-Kummerċ, dwar l-Ostakoli Tekniċi għall-Kummerċ, il-Miżuri Sanitarji u Fitosanitarji, l-Agrikultura u Sajd, il-Movimenti ta' Ħlasijiet Kurrenti u Movimenti tal-Kapital, il-Kompetizzjoni, l-Innovazzjoni u l-Proprjetà Intellettwali, it-trasparenza fix-Xiri Pubbliku, id-djalogu dwar kwistjonijiet ta’ finanzi, it-trasparenza u l-aħjar prassi fil-qasam tal-politika tat-taxxa, kif ukoll dwar l-Ambjent u Aspetti Soċjali. L-iżvilupp sostenibbli huwa promoss aktar permezz ta’ l-involviment tas-soċjetà ċivili u l-membri parlamentari fil-kumitati konġunti, u l-mekkaniżmi speċjali ta’ konsultazzjoni.

Hemm ukoll dispożizzjonijiet dwar Kooperazzjoni fl-Iżvilupp li jistipulaw l-oqsma ta’ prijorità ta’ azzjoni għall-implimentazzjoni ta’ l-FSE. Kull kapitolu individwali sostantiv tal-Ftehim jinkludi oqsma speċifiċi ta’ kooperazzjoni u dikjarazzjoni dwar il-Kooperazzjoni fl-Iżvilupp tistabbilixxi r-rabta ma’ l-Għajnuna ta’ l-UE għall-Istrateġija tal-Kummerċ u tfakkar l-intenzjoni tal-Kummissjoni u ta’ l-Istati Membri biex jikkontribwixxu għal fond ta’ żvilupp reġjonali.

Id-dispożizzjonijiet istituzzjonali jinkludu Kunsill Konġunt tal-CARIFORUM-KE (“Kunsill Konġunt”) biex jissorvelja l-implimentazzjoni ta’ l-FSE. Il-Kunsill Konġunt għandu jkun magħmul minn rappreżentanti mill-Istati CARIFORUM kif ukoll minn membri tal-Kunsill u tal-Kummissjoni. Il-Kumitat Konġunt għandu jkun megħjun minn Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp tal-CARIFORUM-KE.

L-FSE jipprevedi illi l-effett tiegħu ikun il-mira ta’ sorveljanza komprensiva. Dan se jkun appoġġat minn Kumitat Parlamentari tal-CARIFORUM-KE li se jitwaqqaf biex jipprovdi forum għall-membri tal-Parlament Ewropew u l-leġiżlaturi ta’ l-Istati CARIFORUM. Barra minn hekk, Kumitat Konsultattiv tal-CARIFORUM-KE għandu jgħin lill-Kunsill Konġunt biex jippromwovi d-djalogu u l-kooperazzjoni bejn ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili.

Sakemm jidħol fis-seħħ l-FSE, il-Ftehim jipprevedi l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim.

Il-Kummissjoni qieset ir-riżultati tan-negozjati bħala sodisfaċenti u skond id-direttivi tan-negozjati mill-Kunsill u titlob lill-Kunsill:

- biex jawtorizza l-firma, f’isem il-Komunità Ewropea, ta’ l-FSE tal-Karibew;

- biex japprova l-applikazzjoni provviżorja ta’ l-FSE sakemm dan jidħol fis-seħħ;

- biex jikkonkludi l-FSE f’isem il-Komunità.

Il-Parlament Ewropew se jissejjaħ biex jagħti l-kunsens tiegħu għall-konklużjoni ta’ l-FSE.

L-Istati Membri huma wkoll partijiet mill-Ftehim, li għalhekk jeħtieġ li jiġi rratifikat minnhom skond il-proċeduri tagħhom interni.

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha fuq naħa waħda, u l-Istati CARIFORUM, fuq in-naħa l-oħra

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 57(2), 133(1) u (5) u 181 flimkien ma' l-ewwel sentenza ta' l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 300(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[5],

Billi:

(1) Fit-12 ta’ Ġunju 2002 il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati tal-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika mal-pajjiżi ta’ l-AKP.

(2) Dawn in-negozjati ġew konklużi u l-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-Istati tal-CARIFORUM (li jinkludu l-Antigwa u Barbuda, il-Commonwealth tal-Baħamas, il-Barbados, il-Beliże, il-Commonwealth ta’ Dominika, Ir-Repubblika Dominikana, il-Grenada, ir-Repubblika tal-Guyana, il-Ħaiti, il-Ġamajka, il-Federazzjoni ta’ San Kitts u Nevis, Santa Luċija, San Vinċenż u l-Grenadini, ir-Repubblika tas-Surinam u r-Repubblika tat-Trinidad u Tobago) (minn issa 'l quddiem imsejħa l-‘FSE’) tnieda fis-16 ta’ Diċembru 2007.

(3) Skond l-Artikolu 243(4) ta' l-FSE, ċerti elementi ta' l-FSE ġew applikati fuq il-bażi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1528/2007.

(4) L-Artikolu 243(3) ta’ l-FSE jipprevedi l-applikazzjoni provviżorja tiegħu sakemm dan jidħol fis-seħħ.

(5) L-FSE għandu jkun iffirmat f’isem il-Komunità u applikat fuq bażi provviżorja soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard.

(6) Dan il-Ftehim m’għandux ifittex li jeffettwa d-drittijiet ta’ investituri ta’ l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea milli jibbenefikaw minn kwalunkwe trattament aktar favorevoli previst fi kwalunkwe ftehim ta’ investiment relatat ma’ investiment li tiegħu Stat Membru u Stat tal-CARIFORUM huma Partijiet. L-Istati Membri jistgħu jżommu u jikkonkludu ftehimiet bħal dawn sakemm ikunu konformi mal-liġi Komunitarja,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

L-iffirmar tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Istati CARIFORUM u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha huwa hawnhekk approvat f'isem il-Komunità, soġġett għad-Deċiżjoni tal-Kunsill li tikkonċerna l-konklużjoni ta’ l-imsemmi Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika.

It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa hawnhekk awtorizzat li jaħtar il-persuna(i) mogħtija l-poter li tiffirma/jiffirmaw il-Ftehim f'isem il-Komunità Ewropea soġġett għall-konklużjoni tiegħu.

Artikolu 3

Il-Ftehim għandu jkun applikat fuq bażi provviżorja kif stipulat fl-Artikolu 243(3) tal-Ftehim, sakemm jitkomplew il-proċeduri għall-konklużjoni. Il-Kummissjoni għandha tippubblika notifika li tagħti tagħrif dwar id-data ta’ l-applikazzjoni provviżorja.

Magħmula fi Brussell, [...]

Għall-Kunsill

Il-President

[…]

DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA GĦAL PROPOSTI LI GĦANDHOM IMPATT FUQ IL-BAĠIT ESKLUSSIVAMENT LIMITAT GĦAN-NAĦA TAD-DĦUL

1. L-ISEM TAL-PROPOSTA:

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha fuq naħa waħda, u l-Istati CARIFORUM, fuq in-naħa l-oħra

2. IL-LINJI TAL-BAĠIT:

Il-Kapitolu u l-Artikolu: 12/20

Ammont stmat għas-sena kkonċernata: 16 431 900 000 (PDB 2008)

3. IMPATT FINANZJARJU

( Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni finanzjarja

( Il-proposta ma għandha l-ebda impatt finanzjarju fuq l-infiq, iżda għandha impatt finanzjarju fuq id-dħul – l-effett huwa kif ġej:

4. MIŻURI KONTRA L-FRODI

Biex tħares l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra, il-Kummissjoni tista' twettaq kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post skond l-Artikolu 20, tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Istati CARIFORUM u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha. Fejn ikun meħtieġ, għandhom jitwettqu investigazzjonijiet mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) u dawn għandhom jiġu rregolati mir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Il-Kummissjoni se twettaq kontrolli regolari fuq il-post u li jkunu bbażati fuq id-dokumenti.

5. RIMARKI OĦRAJN

It-tariffi kollha doganali li baqa’ fuq il-prodotti li joriġinaw f’dawk ir-reġjuni ta’ l-AKP jew stati li kkonkludew in-negozjati dwar il-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika jew ftehimiet li jinkludu arranġamenti kummerċjali kompatibbli mad-WTO tneħħew permezz ta’ l-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill 1528/2007. Għalhekk, ma hemm l-ebda impatt finanzjarju addizzjonali assoċjat ma’ din il-proposta.

[1] Il-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE ffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000 kif rivedut fil-Lussemburgu fil-25 ta' Ġunju 2005

[2] Ir-Regolament tal-Kunsill 1528/2007

[3] Il-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (1994).

[4] Il-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi

[5] ĠU C [...], [...], p. [...].

Top