EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008IR0381

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-istrateġija l-ġdida tal-baħar baltiku

OJ C 200, 25.8.2009, p. 23–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

25.8.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 200/23


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-istrateġija l-ġdida tal-baħar baltiku

(2009/C 200/06)

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jinsab sodisfatt li l-Kunsill Ewropew talab lill-Kummissjoni Ewropea tfassal strateġija għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku. Hemm ħafna raġunijiet għalfejn ir-Reġjun tal-Baħar Baltiku huwa xieraq ħafna biex iservi ta’ proġett pilota għall-introduzzjoni ta’ strateġija interna tal-UE għal makroreġjun u, bħal fil-każ tal-Istrateġija tal-Baħar Baltiku permezz tad-Dimensjoni tat-Tramuntana, jżid il-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi;

jisħaq dwar il-ħtieġa li l-Istrateġija tal-Baħar Baltiku tinvolvi l-awtoritajiet lokali u reġjonali u tinkludi l-perspettiva taċ-ċittadini; huwa tal-fehma li r-Russja u n-Norveġja għandhom jiġu inklużi fl-istadji kollha tal-Istrateġija għall-Baħar Baltiku, mit-tħejjija sal-implimentazzjoni. Sabiex tkun effettiva, l-istrateġija trid tiġi integrata mad-Dimensjoni tat-Tramuntana;

jissuġġerixxi li l-Kunsill jistabbilixxi objettivi u attivitajiet komuni b’rabta mal-istrateġija u jieħu deċiżjonijiet dwarhom. Id-deċiżjonijiet kollha għandhom jitħejjew minn grupp ta’ ħidma mmexxi mill-Kummissjoni Ewropea u bil-parteċipazzjoni ta’ rappreżentanti tal-gvernijiet tar-Reġjun tal-Baħar Baltiku, il-Kummissjoni Ewropea, MPE u rappreżentanti tal-livell lokali u reġjonali magħżula wkoll mill-membri tal-Kumitat tar-Reġjuni;

jipproponi li din il-ħidma tiġi appoġġjata mill-Forum dwar il-Baħar Baltiku li jiltaqa’ darba fis-sena. Il-forum ikun jiġbor taħt saqaf wieħed firxa wiesgħa ta’ atturi interessati, magħżula skont l-istess prinċipji applikati għall-konferenza għall-atturi interessati li saret b’rabta mat-tfassil tal-Istrateġija tal-Baħar Baltiku, sabiex jiddiskutu l-mira tal-istrateġija u l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ azzjoni.

Rapporteur

:

Is-Sur Uno Aldegren President tal-Bord Eżekettiv Reġjonali, il-Kunsill tal-Kontea ta’ Skåne

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Kummenti ġenerali

1.

jinsab sodisfatt li l-Kunsill Ewropew talab lill-Kummissjoni Ewropea tfassal strateġija għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku. Hemm ħafna raġunijiet għalfejn ir-Reġjun tal-Baħar Baltiku jidher li huwa xieraq ħafna biex iservi ta’ proġett pilota għall-introduzzjoni ta’ strateġija interna tal-UE għal makroreġjun u, bħal fil-każ tal-Istrateġija tal-Baħar Baltiku fid-Dimensjoni tat-Tramuntana, jżid il-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi;

2.

jilqa’ l-ħsieb li jitqiesu inizjattivi u strateġiji makroreġjonali għall-Baħar l-Iswed, ir-Reġjun tad-Danubju u l-Baħar tat-Tramuntana/Kanal Ingliż sabiex jinħoloq qafas għall-kooperazzjoni multilaterali li jtejjeb il-forom ta’ kooperazzjoni li jeżistu; jirreferi għall-opinjoni tiegħu li ġiet adotta fl-2007 dwar ir-Reġjun tal-Baħar l-Iswed u l-opinjoni li qed iħejji bħalissa dwar ir-Reġjun tad-Danubju. Huwa importanti li r-reġjun tal-Baħar Baltiku, bħala reġjun pilota, jappoġġja l-introduzzjoni ta’ strateġiji oħra u li jsir qsim tal-esperjenzi u jikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-kooperazzjoni fil-ġejjieni;

3.

jisħaq li r-rwol tal-gvernijiet lokali u reġjonali huwa ta’ importanza kbira b’rabta mal-għanijiet kollha definiti mill-Kummissjoni għal din l-istrateġija;

4.

josserva li mid-disa’ pajjiżi li jmissu mal-Baħar Baltiku, tmienja huma Stati Membri tal-Unjoni Ewropea, li jfisser li x-xatt Baltiku kważi kollu jagħmel parti mill-UE. Id-disa’ stat, ir-Russja, huwa ta’ importanza ġeopolitika u ekonomika partikolari għall-UE. L-istess jgħodd għan-Norveġja, bħala membru taż-ŻEE u għal żmien twil sieħba ewlenija għar-reġjun tal-Baħar Baltiku. Jekk inqisu wkoll il-firxa usa’ ta’ fejn jilħaq il-Baħar Baltiku, il-Belarus u l-Ukraina huma wkoll importanti mil-lat ambjentali;

5.

jinnota li r-reġjun tal-Baltiku jippreżenta sensiela ta’ sfidi partikolari li jistgħu jiġu indirizzati b’mod xieraq fuq livell reġjonali. Il-Baħar Baltiku huwa baħar intern baxx ta’ natura fraġli b’ilma salmastru. Huwa wieħed mill-aktar ibħra interni traffikużi fid-dinja. B’hekk pereżempju mill-1995 ’il quddiem it-trasport ta’ sorsi tal-enerġija fil-Golf tal-Finlandja żdied b’seba’ darbiet u bħalissa jilħaq mal-140 miljun tunnellata fis-sena. Id-differenzi ekonomiċi bejn il-pajjiżi li jmissu mal-Baħar Baltiku huma kbar u hemm dinamika ekonomika kbira;

6.

ifakkar fid-differenzi territorjali kbar li hemm fir-reġjun. Fit-Tramuntana tal-Iżvezja u tal-Finlandja hemm reġjuni li huma ftit li xejn popolati u li jinsabu ’l bogħod mis-swieq tal-Ewropa ċentrali. Matul ix-xatt tan-Nofsinhar tal-Baħar Baltiku d-densità tal-popolazzjoni hija aktar viċin in-norma Ewropea u d-distanzi lejn is-swieq tal-Ewropa Ċentrali huma iżgħar;

7.

jemmen li r-reġjun Baltiku huwa sors ta’ materja prima importanti għall-UE, pereżempju minerali u materja prima tal-foresti u, jekk jitqiesu anki r-Russja u n-Norveġja, iż-żejt u l-gass ukoll.

8.

jisħaq li l-Istrateġija tal-Baħar Baltiku għandha tinvolvi l-awtoritajiet lokali u reġjonali u tinkludi l-perspettiva taċ-ċittadini;

9.

huwa tal-fehma li r-Russja u n-Norveġja għandhom jiġu inklużi fl-istadji kollha tal-Istrateġija għall-Baħar Baltiku, mit-tħejjija sal-implimentazzjoni. Sabiex tkun effettiva, l-istrateġija tiġi integrata mad-Dimensjoni tat-Tramuntana. Bis-saħħa tad-Dimensjoni tat-Tramuntana, l-Istrateġija tal-Baħar Baltiku tinkludi wkoll ir-reġjun tal-Baħar ta’ Barents;

10.

jenfasizza li matul dawn l-aħħar għoxrin sena nħolqu bosta forom ta’ koperazzjoni fuq il-livelli kollha, u mhux l-inqas fi ħdan relazzjonijiet aktar mill-qrib bejn ir-reġjuni mal-fruntiera u l-ġemellaġġi bejn il-bliet. Dan huwa element importanti fil-bini tal-Istrateġija tal-Baħar Baltiku, li jkun xieraq li wieħed japprofitta minnu fl-isforzi għall-ħolqien ta’ identità komuni aktar ċara tar-reġjun tal-Baħar Baltiku, li hija prerekwiżit importanti biex l-istrateġija tiġi implimentata b’suċċess;

11.

fi ftit kliem, ir-reġjun Baltiku joffri possibilitajiet u sfidi partikolari għall-introduzzjoni ta’ perspettiva makroreġjonali fil-koperazzjoni tal-UE. Din il-perspettiva hija bbażata fuq it-twemmin li l-iżvilupp pożittiv f’parti waħda mir-reġjun mhuwiex ta’ ħsara għall-iżvilupp f’parti oħra, jew fi kliem ieħor: l-iżvilupp sostenibbli dejjem jiswa. Madanakollu din il-perspettiva makroreġjonali, kemm jista’ jkun m’għandhiex tħeġġeġ il-ħolqien ta’ oqsma regolatorji li jikkompetu bejniethom u li joħolqu sfida għall-acquis tal-Komunità: l-għan tal-Ewropa mhuwiex li ssir sensiela ta’ swieq interni differenti jikkompetu ma’ xulxin;

12.

huwa tal-fehma li l-Istrateġija tal-Baħar Baltiku tista’ sservi ta’ eżempju wieħed tal-implimentazzjoni ta’ Politika ta’ koeżjoni territorjali;

13.

jisħaq ukoll li d-direzzjoni li l-Kummissjoni Ewropea ħadet għal din l-Istrateġija turi b’mod ċar kif l-iżvilupp sostenibbli huwa msejjes fuq tliet pilastri: is-sostenibbiltà ambjentali, ekonomika u soċjali. Ma’ dan trid tissemma’ l-importanza partikolari li għandhom il-kwistjonijiet ta’ enerġija fir-Reġjun tal-Baħar Baltiku, li jridu jiġu riflessi kif xieraq fl-istrateġija. L-aċċess sikur u ambjentalment sostenibbli għall-enerġija huwa ferm importanti għall-iżvilupp ekonomikament sostenibbli fir-reġjun;

14.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-implimentazzjoni reġjonali tal-Politika Marittima Ewropea għandha tkun element ewlieni tal-Istrateġija tal-Baħar Baltiku. Bl-Istrateġija tal-Baħar Baltiku għandu jingħata nifs ġdid lill-objettiv li r-reġjun tal-Baħar Baltiku jiġi żviluppat fl-iktar reġjun eżemplari fis-settur marittimu Ewropew kif intalab minn bosta organizzazzjonijiet tal-Baħar Baltiku kif ukoll mill-Konferenza Parlamentari tal-Baħar Baltiku. L-approċċ integrattiv tal-Politika Marittima Ewropea jixraq lill-approċċ transsettorjali tal-Istrateġija tal-Baħar Baltiku u għandu jiġi implimentat b’mod koerenti;

15.

jappoġġja l-proposta ta’ sitt organizzazzjonijiet tal-Baħar Baltiku (1) għal pjan ta’ azzjoni ta’ ħames punti — “Clean Baltic Shipping”. Fl-istess ħin jeħtieġ li nenfasizzaw l-approċċ integrattiv tal-Istrateġija tal-Baħar Baltiku u li nindirizzaw waħda mill-aktar problemi serji tar-reġjun li hija ż-żieda tal-emissjonijiet tal-vapuri. Għaldaqstant jeħtieġ li nippromovu l-kunċett bħala mudell għal proġetti oħra fil-pjan ta’ azzjoni għall-Istrateġija;

16.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li hemm għadd kbir ta’ eżempji tajbin tal-importanza tas-sħubijiet f’livell lokali biex isir hemm żvilupp ekonomiku u soċjali pożittiv. Għalhekk ikun xieraq li fi ħdan l-Istrateġija għall-Baħar Baltiku tiġi mħeġġa s-sħubija lokali u reġjonali bejn l-ekonomija soċjali, kumpaniji privati u l-awtoritajiet lokali u reġjonali;

17.

jisħaq li l-objettivi stabbiliti mill-Kummissjoni għall-Istrateġja tal-Baħar Baltiku — is-sostenibbiltà ekoloġika, reġjun għani ekonomikament, reġjun aċċessibbli, attraenti u sikur — huma tajbin, għalkemm mhux speċifiċi biżżejjed. Dan ser ifisser ħtiġijiet partikolari fl-għażla ta’ prijoritajiet u punti ċentrali fil-pjan ta’ azzjoni. Biex l-istrateġija tkun suċċess ser tkun kruċjali kemm il-kooperazzjoni mal-korpi amministrattivi responsabbli kif ukoll il-ħila li jinħolqu sistemi ta’ gvernanza fuq diversi livelli bis-sehem tal-livelli lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tagħhom;

18.

jenfasizza li sabiex l-Istrateġija tal-Baħar Baltiku tintlaqa’ fost il-poplu tar-reġjun bħala proġett konġunt, b’responsabbiltà konġunta, jeħtieġ li nkomplu niżviluppaw ir-rabtiet li jgħaqqdu l-popli ta’ madwar il-Baħar Baltiku. Dan għandu jseħħ fi proċess transnazzjonali li jinvolvi liċ-ċittadini, l-iktar liż-żgħażagħ. Waħda mill-azzjonijiet għandha tkun li nesploraw u ntejbu l-ftehim reċiproku tagħna tal-istorja pereżempju billi b’mod konġunt noħolqu Ktieb dwar l-Istorja tal-Baħar Baltiku. L-għan ikun li tinħoloq u tissaħħaħ identità komuni tal-Baħar Baltiku.

Implimentazzjoni u gvernanza

19.

ifakkar li fir-reġjun tal-Baħar Baltiku diġà jeżistu ħafna strateġiji għal bosta oqsma ta’ politika, kemm fuq livell makroreġjonali kif ukoll nazzjonali. Barra minn hekk hemm għadd ta’ eżempji ta’ proġetti li twettqu b’suċċess f’dawn l-oqsma. L-opportunità kbira għall-ħolqien ta’ valur miżjud li toffri l-Istrateġija għall-Baħar Baltiku tinsab fl-applikazzjoni ta’ approċċ komprensiv territorjali u politiku u t-twittija tat-triq għal implimentazzjoni kkordinata u soda;

20.

jenfasizza li s-suċċess tal-Istrateġija jiddependi fuq il-kontribut ta’ firxa wiesgħa ta’ atturi Ewropej, makroreġjonali, nazzjonali, reġjonali u lokali li għandhom jiġu inklużi f’kull stadju minn dak tat-tħejjija sal-implimentazzjoni;

21.

jilqa’ b’hekk il-proċess miftuħ ta’ konsultazzjoni dwar l-Istrateġija tal-Baħar Baltiku li qed twettaq il-Kummissjoni Ewropea. Ġew organizzati għadd ta’ konferenzi u gruppi ta’ diskussjoni siewja. Dawn kienu xhieda tal-impenn wiesa’ u sħiħ li jeżisti lejn il-kwistjonijiet marbuta mal-Baħar Baltiku, impenn li huwa riżors importanti biex fuqu tissejjes l-implimentazzjoni tal-Istrateġija. dawn l-avvenimenti wrew ukoll li l-gvernijiet lokali u reġjonali huma protagonisti fir-rigward tal-erba’ objettivi stabbiliti;

22.

jenfasizza li s-suċċess tal-Istrateġija għall-Baħar Baltiku jiddependi mir-riżorsi disponibbli għall-implimentazzjoni. F’każ li jkun deċiż li ma jiġux allokati l-ebda fondi ġodda, dawn ser ikollhom jinkisbu billi jiġu stabbiliti mill-ġdid il-prijoritajiet skont ir-riżorsi disponibbli. Jeħtieġ li jinbdew minnufih id-diskussjonijiet dwar kif dan ser isir, billi nżommu dejjem f’moħħna l-għanijiet u l-ħtiġijiet tal-Istrateġija tal-Baħar Baltiku. F’ħafna minn dawn l-oqsma ta’ politika hemm evalwazzjonijiet jew diskussjonijiet għaddejjin dwar riformi possibbli li fihom fost oħrajn jistgħu jiddaħħlu aspetti tal-Istrateġija tal-Baħar Baltiku;

23.

jemmen li għalkemm l-isfidi huma magħrufa sew, bħalma huma l-miżuri meħtieġa biex jintlaqgħu, ma jistgħux jintesew id-diffikultajiet li jeżistu. Ma jidhirx li hemm rieda li jinħolqu istituzzjonijiet ġodda u jingħataw riżorsi ġodda. Minflok, qed jintqal li għandhom jsir użu aktar effettiv tal-strutturi u r-riżorsi eżistenti. Dan il-punt ta’ tluq huwa ta’ min ifaħħru, iżda l-KtR jixtieq jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li dan ma għandux iservi ta’ skuża biex ma jintgħażlux il-prijoritajiet mill-ġdid u ma jsirux l-isforzi meħtieġa. Għal din ir-raġuni hemm bżonn kbir ta’ sens ta’ tmexxija u ċertezza fil-ġarr tar-responsabbiltà;

24.

jemmen li għalkemm l-approċċ li ttieħed huwa li mhux meħtieġ li jinħolqu strutturi u organizzazzjonijiet ġodda, jinħtieġu pjattaformi u fora ġodda fejn jiġu diskussi t-tfassil u l-implimentazzjoni tal-Istrateġija u fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet marbuta;

25.

jipproponi li l-Kunsill jistabbilixxi l-objettivi u l-attivitajiet b’rabta mal-istrateġija u jieħu deċiżjonijiet dwarhom. Id-deċiżjonijiet kollha għandhom jitħejjew minn grupp ta’ ħidma mmexxi mill-Kummissjoni Ewropea u bil-parteċipazzjoni ta’ rappreżentanti tal-gvernijiet tar-Reġjun tal-Baħar Baltiku, il-Kummissjoni Ewropea, MPE u rappreżentanti tal-livell lokali u reġjonali, magħżula wkoll mill-membri tal-Kumitat tar-Reġjuni;

26.

jissuġġerixxi li din il-ħidma tiġi appoġġjata mill-Forum dwar il-Baħar Baltiku li jiltaqa’ darba fis-sena. Il-forum ikun jiġbor taħt saqaf wieħed firxa wiesgħa ta’ atturi interessati, magħżula skont l-istess prinċipji applikati għall-konferenza għall-atturi interessati li saret b’rabta mat-tfassil tal-Istrateġija tal-Baħar Baltiku, sabiex jiddiskutu l-mira tal-istrateġija u l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ azzjoni. Fil-laqgħa annwali tal-forum jiġi ppreżentat rapport ta’ segwitu flimkien mar-riżultati bbażati fuq indikaturi reġjonali u eżempji. Fejn meħtieġ, il-korpi relevanti jirrappurtaw dwar oqsma ta’ politika speċifiċi. Pereżempju, fil-kamp ambjentali l-Kummissjoni ta’ Ħelsinki, HELCOM, tkun tieħu ħsieb ir-rapport. F’dak il-forum ikunu rrapreżentati wkoll ir-Russja u n-Norveġja;

27.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-Kumitat tar-Reġjuni għandu jkun irrappreżentat fil-Forum dwar il-Baħar Baltiku. Il-grupp interreġjonali eżistenti tal-KtR dwar il-politika għall-Baħar Baltiku jkopri l-istrateġija tal-Baħar Baltiku b’mod sodisfaċenti u jkompli għaddej bil-ħidma tiegħu;

28.

jenfasizza li anke jekk l-Istrateġija tal-Baħar Baltiku hija strateġija għall-Istati Membri tal-UE li jinsabu fir-reġjun, ir-Russja ser taqdi rwol importanti fl-implimentazzjoni tal-biċċa l-kbira tal-oqsma ta’ politika rilevanti. Għaldaqstant, dwar ċerti kwistjonijiet speċifiċi marbutin mal-istrateġija, għandu jsir djalogu mar-Russja, ibbażat fuq relazzjonijiet ugwali, biex jikkumplimenta d-djalogu formali globali fi ħdan id-Dimensjoni tat-Tramuntana;

29.

jemmen li f’kull pajjiż kopert mill-Istrateġija tal-Baħar Baltiku għandu jinħatar rappreżentant ewlieni tal-gvern li jkollu r-responsabbiltà speċifika għall-implimentazzjoni tal-istrateġija. Din il-persuna tista’ sservi wkoll ta’ intermedjarju. Jekk hu possibbli dan il-mudell għandu jimxi fuq dak li mill-2005 ’il quddiem ġie applikat għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta’ Liżbona;

30.

huwa tal-fehma wkoll li dawk il-proġetti li jagħmlu parti mill-Istrateġija tal-Baħar Baltiku għandhom jitwettqu fi ħdan l-istrutturi eżistenti tal-Fondi Strutturali. Fir-rigward tal-kriterji għas-sussidji għandhom jitqiesu l-prijoritajiet tal-Istrateġija tal-Baħar Baltiku u l-korp għat-teħid tad-deċiżjonijiet għandu jieħu ħsieb il-kontroll tar-riżultati. Responsabbiltà minnhom tkun il-promozzjoni ta’ proġetti primarji (“flagship projects”) bil-għan li jenfasizzaw il-perspettiva tal-Baħar Baltiku fikwistjonijiet li huma ta’ importanza partikolari għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-Istrateġija. Barra minn hekk dawn għandhom ikollhom viżibbiltà għolja u jirreflettu l-mira li r-reġjun tal-Baltiku jsir reġjun eżemplari;

31.

jemmen li peress li l-proġetti ser jaqdu rwol importanti għall-implimentazzjoni, dan ser jirriżulta fi ħtieġa għal tagħlim effettiv, immirat lejn ir-riżultati għal dawk li jippromovu l-proġetti u l-atturi involuti, ibbażat fuq l-esperjenza li tkun inkisbet minn proġetti mwettqa b’suċċess. Dan jista’ jsir, pereżempju, bħall-pjan ta’ tagħlim ifformulat fi ħdan l-istrateġija nazzjonali Żvediża għall-implimentazzjoni tal-Fondi Strutturali 2007-2013;

32.

jirrakkomanda li l-organizzazzjonijiet imsieħba eżistenti fir-reġjun tal-Baħar Baltiku jingħataw rwol speċjali billi, pereżempju, jieħdu sehem fil-Forum dwar il-Baħar Baltiku. L-organizzazzjonijiet jagħtu stampa ċara tal-koperazzjoni li nbniet fir-reġjun fi żmien kważi 20 sena. Fi ħdan l-organizzazzjonijiet hemm ħafna eżempji siewja ta’ kif pajjiżi fir-reġjun tal-Baħar Baltiku jistgħu jagħtu sehem kostruttiv u ta’ suċċess għall-ħidma f’din iż-żona;

33.

jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li l-koperazzjoni fir-reġjun tal-Baħar Baltiku tidher ukoll fl-għadd kbir ta’ ġemellaġi ta’ bliet li saru fir-reġjun. Xi wħud minnhom swew ta’ bażi għal koperazzjoni aktar mill-qrib f’attivitajiet fil-livell lokali u reġjonali, oħrajn kienu pjattaforma għal laqgħat bejn nies ġejjin minn partijiet differenti tar-reġjun. Permezz ta’ dawn il-laqgħat jistgħu jinbnew pontijiet bejniethom u jissawru qofol ta’ għarfien u fehma komuni. Inħolqot perspettiva komuni tal-istorja u l-isfidi u l-problemi li jeżistu;

34.

jirrakkomanda l-parteċipanti fil-Forum dwar il-Baħar Baltiku jingħataw ir-responsabbiltà li jxerrdu l-għarfien u jgħarrfu liċ-ċittadini dwar l-Istrateġija tal-Baħar Baltiku, peress li mingħajr l-involviment u s-sehem tagħhom ma nistgħux noħolqu l-koxjenza komuni meħtieġa;

Sostenibbiltà ambjentali

35.

jenfasizza li l-Istrateġija tal-Baħar Baltiku għandu jkollha bħala punt ta’ tluq l-istrateġiji u l-inizjattivi eżistenti li għandhom jitwettqu bis-sħiħ. Dan jgħodd fuq kollox għall-pjan ta’ azzjoni għall-Baħar Baltiku tal-HELCOM u d-Direttiva Qafas dwar l-Istrateġija Marittima. Il-pjan ta’ azzjoni tal-HELCOM għandu l-mertu li diġà ġie approvat mir-Russja;

36.

jemmen li jkun xieraq li l-għan globali jkun żvilupp sostenibbli msejjes fuq it-tliet pilastri tal-Istrateġija ta’ Liżbona u l-Aġenda ta’ Göteborg — sostenibbiltà ekonomika, soċjali u ambjentali. Barra minn hekk l-Istrateġija għandha tkun imsejsa bis-sħiħ fuq il-fehma li l-iżvilupp sostenibbli mhuwiex logħba li fiha hemm biss min jirbaħ u min jitlef. Jinħtieġ li tinżamm il-perspettiva ġenerali għall-kunċett li l-oqsma differenti ta’ politika huma marbuta u flimkien jiffurmaw il-bażi għall-iżvilupp sostenibbli;

37.

jisħaq li l-fatt li matul dawn l-aħħar snin il-qagħda ekonomika fir-reġjun tal-Baħar Baltiku marret ferm għall-agħar m’għandux iwassal biex jitwarrbu t-temi ambjentali;

38.

huwa tal-fehma li l-objettiv tas-sostenibbiltà ambjentali juri b’mod partikolarment ċar l-importanza tal-inklużjoni tar-Russja u tar-reġjun usa’ milħuq mill-Baħar Baltiku, jiġifieri anki l-Belarus u l-Ukrajna, fl-Istrateġija għall-Baħar Baltiku. Hawnhekk biżżejjed insemmu kwistjonijiet marbuta mat-trattament tal-ilma, it-trasport, l-użu tal-enerġija, ma’ Kaliningrad u San Pietruburgu;

39.

jissuġġerixxi li waħda mill-miri ambjentali għandha tkun li r-reġjun tal-Baħar Baltiku jsir mudell tal-aħjar prattika fil-qasam tas-sostenibbiltà ambjentali;

40.

jemmen li problema partikolari tal-Baħar Baltiku hija li huwa baħar baxx b’kuntatt limitat mal-oċean. L-ilma tiegħu huwa relattivament kiesaħ, li jfisser li s-sustanzi kimiċi jdumu ma jiddekomponu. Anki l-bijodiversità hija limitata minħabba l-ilma salmastru u l-klima kiesħa. Biex l-ilma jinbidel jeħtieġ tul ta’ żmien. Dan kollu jfisser li jrid jgħaddi ħafna żmien sakemm jonqos l-ammont ta’ sustanzi kimiċi jew biex l-ilma jaddatta ruħu għal ammont żejjed ta’ fertilizzanti;

41.

jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa ta’ ppjanar tal-ispazju għar-reġjuni kostali, b’konformità mal-proposti tas-sitt organizzazzjonijiet u netwerks tar-reġjun tal-Baħar Baltiku (BSSSC, B7 in-Netwerk tal-gżejjer Baltiċi, l-Ewroreġjun Baltiku, il-Forum dwar l-Iżvilupp tal-Baltiku, il-Kumitat għall-Baħar Baltiku tas-CPMR, l-Unjoni tal-Bliet Baltiċi (UBC)). Dan għandu jinbena fuq il-ħiliet ta’ ppjanar li jeżistu u billi jiġi mħares bis-sħiħ il-prinċipju tas-sussidjarjetà;

42.

jemmen li jridu jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra billi jitnużaw enerġiji li jiġġeddu u li jirrispettaw l-ambjent u permezz tat-trattament effettiv tal-emissjonijiet. L-emissjonijiet mit-trasport bl-art, bil-baħar u bl-ajru jridu jitnaqqsu għal livell ta’ sostenibbiltà aċċettabbli;

43.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li waħda mill-aktar problemi serji fir-reġjun tal-Baħar Baltiku hija l-fertilizzazzjoni żejda. L-għan tal-pjan ta’ azzjoni tal-HELCOM huwa li l-Baħar Baltiku jilħaq status ambjentali tajjeb sal-2021. Din hija mira ambizzjuża f’dak li għandu x’jaqsam ma’ fertilizzazzjoni żejda. Fil-bidu jkun possibbli li jintlaħqu riżultati importanti bi spiża raġonevoli billi tittieħed azzjoni fuq is-sorsi ewlenin ta’ tniġġis. Iżda biż-żmien l-ispiża marġinali għal dawn il-miżuri, flimkien mal-ħtieġa għas-sostenibbiltà, tiżdied;

44.

jenfasizza l-ħtieġa li, bħala parti mir-reviżjoni li qed issir bħalissa tal-politika Agrikola Komuni, jiġu identifikati u jitqiesu l-konsegwenzi tal-biedja fuq l-ambjent. Jirrakkomanda wkoll il-projbizzjoni tal-użu tal-fosfati għad-deterġenti. Tali projbizzjoni tinsab diġà fis-seħħ fil-Ġermanja, fl-Iżvezja u fi Stati Membri oħra l-iktar fir-rigward tad-deterġenti tal-ħasil tal-ħwejjeġ. Jeħtieġ li nirrevedu d-Direttiva 98/34/KE tat-22 ta’ Ġunju 1998 u r-Regolament (KE) Nru 648/2004 tal-31 ta’ Marzu 2004 sabiex nipprojbixxu l-użu ta’ din is-sustanza fil-livell tal-UE fid-deterġenti kollha, fosthom id-deterġenti industrijali u d-deterġenti li jintużaw fil-magni tal-ħasil. Anki tindif aktar effettiv tal-ilma mormi mill-fosfati jista’ jwassal għal riżultati tajbin;

45.

jinnota li t-trasport bil-baħar huwa u se jibqa’ ta’ importanza deċiżiva għall-integrazzjoni ekonomika tar-reġjun Baltiku. Iżda hemm bżonn li jiġi ttrattat l-impatt ambjentali li dejjem qed jikber. Hawnhekk il-pjan ta azzjoni tal-HELCOM joffri punt ta’ tluq tajjjeb u hemm għadd ta’ miżuri li jistgħu jittieħdu li jkunu wkoll effiċjenti fejn jidħlu spejjeż. Fuq kollox hemm bżonn ta’ tnaqqis drastiku fl-emissjonijiet ta’ dijossidu tal-kubrit u tan-nitroġenu. Fil-konferenza ta’ diskussjoni fi Gdansk f’Ottubru li għadda tressqu numru ta’ proposti, fosthom, pereżempju, il-projbizzjoni tal-bastimenti li ma jissodisfawx l-istandards attwali tas-sigurtà marittima. Miżura oħra li tista’ tittieħed hija l-introduzzjoni ta’ skambju tal-kwoti tat-tniġġis għad-dijossidi tal-kubrit u n-nitroġenu għall-bastimenti fuq il-mudell applikat għal attivitajiet fuq l-art. Barra minn hekk, għandu jiġi pprojbit l-użu tar-ramm fiż-żebgħat kontra t-tmermir tal-vapuri u dgħajjes. Għandu jsir aktar faċli għall-bastimenti ankrati f’port li jużaw l-elettriku mill-art;

46.

jinnota wkoll li anki t-tindif tal-ilma mormi huwa qasam importanti li fih jista’ jsir titjib u li fih il-kompetenza tal-awtoritajiet lokali u reġjonali hija ta’ importanza ewlenija. Hawnhekk ta’ min isemmi l-“Water Users Partnership” li ġibed l-attenzjoni lejh l-Ewroreġjon Baltiku fil-kontribut tiegħu għall-konsultazzjonijiet dwar l-Istrateġija tal-Baħar Baltiku li hija mmirata lejn ġestjoni aħjar tar-riżorsi tal-ilma;

47.

jenfasizza li l-istokkijiet tal-ħut m’għandhomx jinżammu fil-livell preżenti biss iżda jinbnew mill-ġdid. Il-ġestjoni tal-istokkijiet tal-ħut għandha timxi ma’ prinċipji li jirrispettaw l-ekosistema fraġli tal-Baħar Baltiku; f’dan il-kuntest jilqa’ l-fatt li l-karatteristiċi speċifiċi tar-riżorsi tas-sajd fil-Baħar Baltiku huma rikonoxxuti fir-Regolament (KE) Nru 2187/2005 tal-21 ta’ Diċembru 2005 dwar il-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd permezz ta’ miżuri tekniċi fil-Baħar Baltiku, fil-Belts u fis-Sound; jiġbed l-attenzjoni l-iktar għall-fatt li dan ir-Regolament ġie adottat wara konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet interessati u sa mill-1 ta’ Jannar 2006 issemplifika l-ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd fil-Baħar Baltiku b’mod konsiderevoli u permezz tiegħu l-ġestjoni multilaterali tar-riżorsi tas-sajd bejn l-Istati li jmissu mal-Baħar Baltiku fi ħdan il-Kummissjoni Internazzjonali tas-Sajd fil-Baħar Baltiku setgħet titwarrab u minfloka tidħol il-ġestjoni bilaterali (l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa).

48.

ifakkar li għalkemm it-turiżmu li huwa element importanti ta’ ekonomija li qed tiffjorixxi fir-reġjun Baltiku, għandu jkun sostenibbli mil-lat ambjentali. Ambjent nadif u mhux mimsus huwa fattur kruċjali li għandu jintuża biex jiġbed it-turisti lejn ir-reġjun, iżda fl-istess ħin it-turiżmu joħloq theddida għall-ambjent u b’hekk ir-reġjun ma jibqax tant attraenti;

Reġjun għani

49.

josserva li wara tul ta’ żmien ta’ żvilupp ekonomiku kbir, ir-reġjun Baltiku issa daħal f’fażi ta’ riċessjoni ekonomika. Jeħtieġ li tittieħed azzjoni minnufih, iżda fl-istess ħin m’għandhiex tintesa l-perspettiva strateġika li tirrappreżenta l-bażi tal-Istrateġija tal-Baħar Baltiku. L-iżvilupp ekonomiku huwa fih innifsu marbut mal-bidla, u anki jekk problemi serji jwarrbu l-perspettiva strateġika, xorta jibqa’ l-isfidi ġenerali — l-iżvilupp demografiku u l-kompetizzjoni internazzjonali bħala parti mill-globalizzazzjoni;

50.

madanakollu jsostni li għandhom jitkomplew l-isforzi għall-implimentazzjoni effettiva u kkordinata tas-suq intern fir-reġjun. Dan huwa fattur importanti għall-prosperità ekonomika tar-reġjun Baltiku. Ġeneralment huma l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju li jintlaqtu minn ostakli għall-kummerċ u diffikultajiet li toħloq il-burokrazija. Hemm periklu li l-interpretazzjonijiet differenti tar-regolamenti joħolqu ostakli reġjonali ġodda għall-kummerċ. Jeħtieġ li fi ħdan l-amministrazzjonijiet u fis-sistemi ġudizzjarji ta’ kull pajjiż jitjieb l-għarfien dwar is-suq intern. Huma wkoll importanti l-fora li fihom jista’ jkun hemm kordinazzjoni u skambji ta’ esperjenza. B’rabta ma’ dan niġbdu l-attenzjoni għan-netwerk SOLVIT (http://ec.europa.eu/solvit/) fejn jistgħu jiġu indirizzati l-problemi fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar is-suq intern;

51.

jenfasizza li l-attività tal-intrapriżi, l-iktar ta’ dawk żgħar u ta’ daqs medju, hija prerekwiżit għal ekonomija li qed tiffjorixxi fir-reġjun Baltiku. Għalhekk jeħtieġ li jiġu promossi l-ispirtu tan-negozju u l-attività tan-negozji. Għandu jitjieb l-aċċess għal kapital ta’ riskju għall-SMEs;

52.

jemmen li għandhom isiru sforzi biex jitjieb l-aċċess għal kapital ta’ riskju għat-twaqqif tal-intrapriżi, u speċjalment kapital għall-bidu tan-negozju (“seed money”). Barra minn hekk għandhom isiru sforzi biex jissaħħaħ l-ispirtu tan-negozju, speċjalment fost in-negozjanti ġodda;

53.

jinnota li fit-twaqqif ta’ intrapriżi ħafna drabi l-prijorità tingħata lill-użu ekonomiku tal-innovazzjoni, mingħajr ma tingħata importanza lil-livell ta’ diffikultà teknika tagħhom. Għal din ir-raġuni l-Kunsill tar-Reġjuni jirrakkomanda li fl-Istrateġija tal-Baħar Baltiku jiġu diskussi kwistjonijiet bħall-politika kkordinata tal-clusters, sistemi kkordinati ta’ innovazzjoni, programmi ta’ innovazzjoni u proġetti flagship. Għandhom jittejbu l-possibiltajiet għall-atturi li jitolbu fondi għar-riċerka u għall-iżvilupp minn pajjiżi oħra li jinsabu fir-reġjun Baltiku, barra pajjiżhom;

54.

jixtieq jiġbed l-attenzjoni li l-attitudnijiet għall-intraprenditorija jiġu ffurmati minn età żgħira ħafna. Għal din ir-raġuni jeħtieġ li l-introduzzjoni tal-ispirtu tan-negozju u t-tagħlimdwaru jsiru fl-iskejjel, l-universitajiet u l-kulleġġi;

55.

jissuġġerixxi li l-pajjiżi inklużi fl-Istrateġija għall-Baħar Baltiku jfasslu programm komuni għall-promozzjoni tat-turiżmu sostenibbli fir-reġjun. F’dan il-kuntest ta’ min jisħaq partikolarment dwar il-valur tan-natura u tal-ambjent, kif ukoll il-wirt kulturali u storiku għani tar-reġjun;

56.

jiġbed attenzjoni għall-fatt li r-reġjun Baltiku fih riżorsi għanja ta’ materja prima, speċjalment minerali u injam. Għandu jitqies it-tfassil ta’ strateġija għall-minerali speċifikament għar-reġjun Baltiku billi titqies il-proposta għal Direttiva li tistabbilixxi qafas għall-protezzjoni tal-ħamrija (COM(2006) 232 finali) (ara l-opinjoni tal-KtR CdR 321/2006) li filwaqt li tistabbilixxi l-għanijiet komuni għall-protezzjoni tal-ħamrija, tagħti ammont kbir ta’ flessibbiltà lill-Istati Membri li jagħżlu kif għandhom jilħqu dawn l-għanijiet (l-obbligu li jiksbu r-riżultati iżda l-flesttibbiltà li jagħżlu l-istrumenti tagħhom). Biex ekonomija tiffjorixxi huwa importanti li dawn ir-riżorsi ta’ materja prima jiġu prodotti u sfruttati b’mod sostenibbli u effiċjenti. Dan iwassal għal talbiet għolja fl-infrastruttura għat-trasport sostenibbli;

57.

josserva li l-kwistjonijiet marbuta mal-enerġija huma u ser jibqgħu ta’ importanza ewlenija għall-iżvilupp ekonomiku tar-reġjun tal-Baħar Baltiku. F’dan il-kuntest huwa importanti li jsiru sforzi biex tiġi promossa aktar effiċjenza fl-użu tal-enerġija, iżda l-provvista żgura u stabbli ta’ riżorsi ta’ enerġija u tal-elettriku tibqa’ ta’ importanza vitali. Għal raġunijiet storiċi l-Istati Baltiċi għadhom magħqudin man-netwerk elettriku tar-Russja. Għandhom jiġu integrati f’netwerk elettriku Nordiku u Ewropew u jsiru parti minn suq tal-enerġija għall-UE u r-reġjun tal-Baħar Baltiku. Dan ser jitlob konnessjonijiet, bidliet għar-regoli u investimenti fl-infrastruttura;

58.

jenfasizza li l-moviment ħieles tal-impjegati huwa parti importanti mill-integrazzjoni fir-reġjun Baltiku. L-implimentazzjoni konsistenti tal-moviment ħieles tal-persuni hija importanti;

59.

japprova l-pożizzjoni li ħa n-Netwerk tat-Trade Unions tal-Baħar Baltiku (BASTUN) li d-dimensjoni soċjali għandha tiġi inkorporata fl-Istrateġija tal-Baħar Baltiku. L-Istrateġija għandha tintuża biex tiżgura li fir-reġjun ikun hemm swieq ġusti u li jaħdmu tajjeb. Kundizzjonijiet tajba tax-xogħol għandhom jitqiesu bħala aspett importanti tal-kompetittività tar-reġjun. Huma vantaġġ li qed isir dejjem aktar importanti fil-kompetizzjoni għal ħaddiema kwalifikati sew;

60.

jisħaq li l-għarfien, u miegħu l-hekk imsejħa “ħames libertà”, jiġifieri l-moviment ħieles tal-għarfien, ser jaqdu rwol ewlieni fil-kompettività u l-iżvilupp ekonomiku tal-ġejjieni. Aspett importanti huwa l-mobilità tal-istudenti fir-reġjun tal-Baħar Baltiku. Iżda sal-lum din it-tip ta’ mobilità għadha ma tinkludix dan ir-reġjun tassew. Il-persentaġġ ta’ żgħażagħ interessati li jistudjaw fir-reġjun Baltiku huwa żgħir minkejja l-importanza ta’ dan il-fattur għal integrazzjoni ekonomika aktar sħiħa. Jidher li ma jitqiesx bħala fattur ta’ suċċess għall-karriera li wieħed jagħmel l-istudji tiegħu fir-reġjun Baltiku. Punt importanti għall-Istrateġija tal-Baħar Baltiku hija l-analiżi meħtieġa tar-raġunijiet li jwasslu għal dan, u x’jista’ jsir biex l-istudji f’pajjiż ieħor tal-Baltiku jitqiesu bħala alternattiva aktar attraenti. Hawnhekk jidħlu l-kwalità tal-istudji u x’aktarx anki l-għarfien tal-lingwi;

61.

jemmen li l-mobilità tar-riċerkaturi u tar-riżultati tar-riċerka hija fattur importanti għas-suċċess tal-iżvilupp fir-reġjun Baltiku. Sabiex tiġi promossa l-mobilità tar-riċerkaturi, jeħtieġ li jkun hemm proġetti interessanti kif ukoll fondi. Trid tiġi żviluppata l-koperazzjoni bejn id-diversi atturi interessati, mhux biss bejn l-universitajiet u l-kulleġġi, iżda wkoll bejn id-dinja akkademika, in-negozju u s-settur pubbliku fi ħdan qafas ta’ mudell magħmul minn tliet partijiet integrati (triple helixmodels);

Reġjun aċċessibbli u attraenti

62.

huwa tal-fehma li biex ir-reġjun Baltiku jsir reġjun aċċessibbli u attraenti, l-isforzi għandhom jikkunsidraw li dan jinvolvi kemm l-infrastruttura fiżika, pereżempju s-sistema tat-trasport, kif ukoll infrastruttura bbażata fuq l-għarfien għat-trażmissjoni tal-għarfien, tal-informazzjoni, tas-servizzi, fost l-oħrajn. Barra minn hekk, jirrigwarda b’mod partikolari r-rabta mill-qrib tal-istrutturi u s-sistemi nazzjonali biex jinħoloq netwerk reġjonali. Illum il-ġurnata għadha mxerrda t-tendenza, li l-ippjanar tal-infrastruttura jieqaf fil-fruntiera. L-għan hawnhekk irid ikun il-ħolqien ta’ reġjun tal-Baħar Baltiku integrat, li jimplika li l-perspettiva tal-Lvant-Punent tittieħed bis-serjetà daqs il-perspettiva tat-Tramuntana-Nofsinhar. Il-kuritur tat-trasport Lvant-Punent joħloq ukoll opportunità għas-swieq li jinsabu fil-Lvant u x-Xlokk tar-reġjun tal-Baħar Baltiku;

63.

jiġbed attenzjoni għall-fatt li strutturalment ir-reġjun Baltiku huwa kkaratterizzat minn żbilanċ kbir bejn iż-żoni fit-Tramuntana li huma popolati minn ftit nies u dawk fin-Nofsinhar fejn il-popolazzjoni hija iktar densa. Id-distanzi bejn iċ-ċentri popolati fit-Tramuntana huma kbar, u n-netwerk tat-trasport mhuwiex daqstant tajjeb. Il-konnettività tal-pajjiżi Baltiċi u ta’ ħafna mir-reġjuni fit-Tramuntana maż-żoni ewlenin tar-reġjun tal-Baħar Baltiku għandha tissaħħaħ u ssir parti min-Netwerk trans-Ewropew tat-trasport (TEN–T). Jeħtieġ b’mod immedjat li tittejjeb il-kapaċità ferrovjarja;

64.

jemmen li biex tiġi promossa l-integrazzjoni, il-flussi tat-traffiku transkonfinali għandhom jiġu sinkronizzati flimkien b’mod iktar tajjeb milli kienu sinkronizzati s’issa. Pereżempju wieħed jista’ jantiċipa fluss aħjar tat-traffiku jekk it-trasport bil-ferrovija jitqies minn lat iktar komprensiv u d-direttivi stabbiliti tal-UE dwar it-trasport bil-ferrovija jkunu kkordinati aħjar;

65.

josserva li waħda mill-karatteristiċi tas-sistema reġjonali tat-trasport fir-reġjun Baltiku hija li l-mezzi ta’ trasport kollha huma importanti indaqs. It-trasport isir kemm fuq l-art u bil-baħar, pereżempju t-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija u permezz ta’ rotot qosra bil-baħar, iżda wkoll bl-ajru. Għalhekk huwa kruċjali li jitfasslu kurituri tat-trasport b’mod li jkun jista’ jkun hemm tranżazzjoni organizzara bejn il-mezzi differenti ta’ trasport, fi kliem ieħor l-intermodalità. Dan jippreżenta sfidi loġistiċi kbar, u l-aspett ta’ sostenibbiltà mhuwiex inqas importanti;

66.

jenfasizza li biċċa xogħol importanti ser tkun li jsir użu aħjar tas-sistemi eżistenti. Għandhom jinstabu u jitneħħew il-postijiet fejn jista’ jinġema’ t-traffiku. Sistemi transnazzjonali, nazzjonali, reġjonali u lokali tat-trasport għandhom jintrabtu ma’ xulxin f’netwerk;

67.

huwa tal-fehma li l-partijiet transkonfinali tat-TEN–T għandhom jiġu żviluppati mill-iktar fis, filwaqt li wieħed għandu dejjem iżomm f’moħħu t-titjib tal-modalità kif ukoll il-koperazzjoni fi ħdan netwerks loġistiċi kompetittivi;

68.

jenfasizza wkoll li anke jekk it-traffiku fuq l-art u l-baħar huwa s-sinsla tal-ġarr tal-merkanzija u sa ċertu punt anke tal-ġarr tal-persuni, l-importanza tat-trasport bl-ajru għall-mobilità tal-persuni fir-reġjun m’għandhiex tintesa. Li huwa żgur hu li l-infrastruttura tal-avjazzjoni għandha tiġi żviluppata iktar, mhux l-inqas fl-ajruporti reġjonali;

69.

ifakkar x’importanza għandu l-pont li jgħaddi minn fuq l-Istrett ta’ Oresund, bħala investiment infrastrutturali għall-ħajja ekonomika tar-reġjun u biex titneħħa l-konġestjoni potenzjali tat-traffiku. Barra minn hekk, jekk jinbena pont li jgħaddi minn fuq Fehmarn ikun ta’ importanza kbira u din l-idea għandha tiqies immedjatament;

70.

jemmen li barra minn investiment fl-infrastruttura fiżika għandu jiġi promoss l-iżvilupp ta’ infrastruttura msejsa fuq l-għarfien li tkun integrata u taħdem tajjeb, jiġifieri t-teknoloġiji tal-informazzjoni u komunikazzjoni għandhom isiru prijorità. Investiment ta’ dan it-tip ser ikun ta’ importanza partikolari għall-kompetittività u l-iżvilupp tal-ġejjieni u hemm bżonn li jkun hemm investiment kemm fis-software kif ukoll fil-hardware. L-iżvilupp usa’ tan-netwerks tal-broadband fir-reġjun, li jista’ jservi bħala proġett mudell tax-xorta tiegħu, jaqa’ ma’ din l-aħħar kategorija. Għandu jkun hemm sorveljanza reġjonali, biex jiġu żgurati t-trasparenza u l-kordinazzjoni. In-newtralità ta’ min jipprovdi s-servizz hija importanti, għax b’hekk l-iżvilupp tal-broadbands ma jkunx marbut ma’ min jipprovdi s-servizz, u ma jwassalx għal monopolju lokali jew reġjonali. L-“infrastruttura f’forma ta’ servizzi” tikkonsisti pereżempju fi standards komuni, bħall-identifikazzjoni elettronika fiż-żona Baltika kollha. Dan huwa meħtieġ għall-kummerċ f’servizzi bbażati fuq l-IT;

Reġjun sikur

71.

ifakkar li l-Baħar Baltiku huwa u ser jibqa’ wieħed mill-iktar ibħra navigati fid-dinja. Bħalissa f’dan il-baħar jinnavigaw iktar minn 2 000 bastiment kuljum. Anke jekk ir-reċessjoni ekonomika tħalli l-marka tagħha hawnhekk, in-navigazzjoni tal-vapuri ser tibqa’ tmur għall-aħjar. Barra minn hekk, il-Baħar Baltiku, independentament mill-ilmijiet territorjali tar-Russja, ġie identifikat mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) tan-Nazzjonijiet Uniti bħala żona ta’ baħar partikolarment sensittiva (Particularly Sensitive Sea Area — PSSA), u dan joffri l-opportunità li jittieħdu miżuri ta’ protezzjoni marbuta man-navigazzjoni fil-Baħar Baltiku;

72.

jiġbed attenzjoni għall-fatt li l-kwantità ikbar ser titlob dejjem aktar li ssir tħejjija u kapaċità li tittieħed azzjoni komuni. Il-mistoqsija kontroversjali mhijiex jekk iżda meta se jseħħ inċident aktar serju fil-Baħar Baltiku. F’każ li jiġri dan l-effetti jinħassu lil hinn mill-fruntiera, u għalhekk tinbet il-ħtieġa għal tħejjija u kapaċità għal azzjoni transkonfinali;

73.

jappoġġja miżuri ta’ preparazzjoni kkordinati u struttura kkordinata biex tittieħed azzjoni effettiva. Il-perspettivi lokali u reġjonali għandhom ikunu integrati mill-bidu nett. Il-KtR jirrakkomanda li tiġi implimentata l-“Baltic Master Project Action Plan” permezz ta’ ppjanar preventiv ta’ preparazzjoni, l-iżvilupp u t-titjib tal-ippjanar għaż-żoni kostali fir-reġjun sħiħ tal-Baħar Baltiku, kif ukoll sorveljaza aħjar tal-movimenti tal-bastimenti fil-Baħar Baltiku; f’dan il-kuntest jixtieq jiġbed l-attenzjoni għar-Regolament dwar it-tankers taż-żejt b’buq wieħed (2) u jilqa’ l-adozzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Marzu 2009 tat-tielet pakkett leġiżlattiv dwar is-sigurtà marittima — il-pakkett Erika III. Il-pakkett, li ser jidħol fis-seħħ sal-2012, ma jkoprix biss il-kumpens tal-passiġġieri iżda ukoll l-ispezzjonjiet u jgħammar lill-bastimenti tas-sajd b’sistema awtomatika ta’ identifikazzjoni u traċċar (AIS), sistema ta’ kontroll fil-portijiet, assigurazzjoni, investigazzjonijiet tal-inċidenti u l-għażla tal-awtorità li tiddeċiedi dwar il-post ta’ refuġju fejn jista’ jiddaħħlu l-bastimenti li jiltaqgħu mal-problemi; madanakollu l-Kumitat jenfasizza l-bżonn li l-kapaċità tal-monitoraġġ tat-trasport li teżisti fil-Golf tal-Finlandja tiġi estiża sabiex tkopri wkoll il-Baħar Baltiku. Barra minn hekk nipproponu li jiġi stabbilit mekkaniżmu konġunt tal-monitoraġġ tal-konformità mar-regoli.

74.

jenfasizza li aspett importanti li jeħtieġ iktar attenzjoni fil-qafas tal-Istrateġija tal-Baħar Baltiku huwa l-kwistjoni tas-saħħa pubblika. Jistgħu jinħolqu problemi minħabba l-migrazzjoni taż-żgħażagh lejn il-bliet bħala parti mit-trasformazzjoni mgħaġġla ekonomika. Id-diskrepanza kbira bejn is-sezzjonijiet tal-popolazzjoni, fejn jista’ anke jiżdied il-faqar, pereżempju fejn jidħlu t-tfal, hija u tibqa’ problema soċjali kbira. Problemi oħra, li għandhom jiġu kkordinati u ttrattati fuq livell reġjonali, huma l-emarġinazzjoni, li twassal għal abbuż mill-alkoħol u d-droga, u l-problemi tas-saħħa li jirriżultaw mill-istil ta’ ħajja;

75.

jemmen li huwa importanti li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mas-saħħa flimkien mal-pajjiżi tar-reġjun Baltiku li jmissu mal-UE. Fir-Russja, il-Belarus u l-Ukraina hemm problemi mifruxa relatati mal-qasam tas-saħħa pubblika. Punt ta’ tluq importanti f’dan il-każ għandu jkun id-dimensjoni tat-Tramuntana u l-pjattaforma rilevanti tagħha, in-“Northern Dimension Partnership in Public Health and Social Well-being” (NDPHS). Din is-sħubija għandha tkun punt ta’ tluq importanti u għandha tingħata aktar importanza;

76.

jenfasizza li l-ewwel prijorità tal-NDPHS għandha tkun il-kontroll tat-tixrid ta’ mard infettiv. Taħt din il-kategorija jaqa’ mard bħal pereżempju l-HIV/AIDS u t-tuberkolożi u l-problema ta’ mikrorganiżmi li huma reżistenti għall-antibijotiċi. Barra minn hekk, prijorità oħra għandha tkun it-titjib tal-benessri soċjali;

77.

ifakkar li l-kriminalità organizzata hija waħda mit-theddidiet kbar għas-sigurtà fir-reġjun Baltiku. Organizzazzjonijiet kriminali qed isiru dejjem iktar irfinati fil-mezzi li jużaw u transkonfinali. L-istati li jmissu mal-Baħar Baltiku għandhom għalhekk jikkoperaw flimkien fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, il-kuntrabandu tad-drogi u t-traffikar tal-persuni fir-reġjun. Għandha tinġibed l-attenzjoni għal dan fl-Istrateġija tal-Baħar Baltiku. Diġà hemm koperazzjoni reġjonali bejn il-pulizija b’konformità mat-“Task Force on Organised Crime in the Baltic Sea Region” (BSTF). In-Norveġja, l-Iżlanda u r-Russja kif ukoll il-Europol u l-Interpol huma msieħba f’din il-koperazzjoni. Din il-koperazzjoni għandha tissaħħaħ b’konformità mal-Istrateġija tal-Baħar Baltiku bħala estensjoni tal-koperazzjoni fi ħdan l-UE.

78.

jenfasizza l-ħtieġa li tiġi mħarsa infrastruttura kritika, jiġifieri mekkaniżmi jew sistemi li huma meħtieġa biex ikunu żgurati funzjonijiet soċjali ċentrali, il-kura medika, is-sigurtà u l-benessri ekonomika jew soċjali taċ-ċittadini. It-twaqqif jew it-tneħħija ta’ dawn il-mekkaniżmi jista’ jkollu konsegwenzi serji. It-trasport, il-provvista tal-enerġija u l-iskambju tal-informazzjoni huma eżempji ta’ attivitajiet ċentrali, li huma meħtieġa għal infrastruttura li tiffunzjona.

Brussell, it-22 ta’ April 2009.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Luc VAN DEN BRANDE


(1)  Il-Kooperazzjoni Sottoreġjonali tal-Istati tal-Baħar Baltiku — BSSSC, il-Kummissjoni tal-Baħar Baltiku CPMR, il-Forum għall-Iżvilupp Baltiku, l-Ewroreġjun Baltiku, l-Unjoni tal-Bliet Baltiċi, in-Netwerk tal-Gżejjer Baltiċi B7

(2)  Regolament (KE) Nru 417/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Frar 2002 dwar id-dħul gradwali aċċellerat ta' ħtiġiet ta' buq doppju jew ta' disinn ekwivalenti għal tankers taż-żejt b'buq wieħed.


Top