EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008IR0078

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar id-drittijiet taċ-ċittadini: il-promozzjoni tad-Drittijiet Fundamentali u tad-drittijiet li ġejjin miċ-ċittadinanza Ewropea

OJ C 325, 19.12.2008, p. 76–80 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

19.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 325/76


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar id-drittijiet taċ-ċittadini: il-promozzjoni tad-Drittijiet Fundamentali u tad-drittijiet li ġejjin miċ-ċittadinanza Ewropea

(2008/C 325/13)

Il-KUMITAT TAR-REĠJUNI:

jenfasizza r-rwol importanti li taqdi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, is-sisien tal-proċess li jiggarantixxi d-drittijiet fundamentali u punt ta' referenza kruċjali għat-tifsira u l-interpretazzjoni tad-drittijiet li trid tirrispetta l-UE, u jenfasizza l-funzjoni speċifika tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali bħala strument biex ikun ta' servizz għall-individwi kollha;

isostni li t-tħaddim tad-drittijiet li jiġu miċ-ċittadinanza jinvolvu wkoll l-obligazzjoni li jiġu rispettati ċertu “dmirijiet” fejn jidħlu l-komunitajiet lokali u reġjonali;

jisħaq dwar ir-responsabbiltà li jġorru l-livelli kollha ta' gvernanza biex jgħinu ħalli titrawwem “kultura ta' drittijiet fundamentali” billi jagħmlu liċ-ċittadini aktar konxji mid-drittijiet tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa, għalhekk, ta' kampanja konġunta li tippromovi d-drittijiet taċ-ċittadini, liema kampanja tkun tagħmel parti integrali mill-politika ta' informazzjoni u komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea; u huwa tal-fehma li b'rabta ma' dan, jeħtieġ li jiġu allokati riżorsi speċifiċi u li l-azzjonijiet jitħejjew bil-parteċipazzjoni effettiva tal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

għandu l-ħsieb li jibni fuq il-kooperazzjoni produttiva li diġà teżisti għad-drittijiet fundamentali, ikkonfermata fis-seminar f'Reggio Emilia f'Settembru 2008, u ser iqis bis-serjetà l-proposta tal-Kummissjoni li flimkien magħha jorganizza avveniment annwali li jenfasizza l-approċċ orjentat lejn iċ-ċittadini għad-drittijiet fundamentali u l-valutazzjoni komparattiva f'livelli differenti ta' gvernanza;

itenni t-talba sabiex rappreżentant tal-awtoritajiet lokali u reġjonali jkun jista' jieħu sehem fil-bord amministrattiv tal-aġenzija;

jitlob lill-Kummissjoni biex tistieden b'mod sistematiku lill-President tal-Kumitat tar-Reġjuni jieħu sehem fil-ħidma tal-Grupp ta' Kummissarji dwar id-Drittijiet Fundamentali, Anti-diskriminazzjoni u Opportunitajiet Indaqs, li jmexxi l-politika u jiżgura l-koerenza tal-inizjattivi f'dan il-qasam.

Rapporteur

:

Is-Sinjura Sonia MASINI (IT/PES), President tal-Provinċja ta' Reggio Emilia

Dokument ta' referenza

Rapport mill-Kummissjoni — il-Ħames Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-Unjoni

(1 ta' Mejju 2004-30 ta' Ġunju 2007)

COM(2008) 85 finali

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

Il-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Kummenti ġenerali

1.

ifakkar li t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jirrikonoxxi li l-Unjoni hi msejsa fuq il-prinċipji tal-libertà, id-demokrazija u l-istat tad-dritt u fuq ir-rispett lejn id-drittijiet tal-individwu u lejn il-libertajiet fundamentali li huma komuni għat-tradizzjonijiet kostituzzjonali tal-Istati Membri u garantiti mill-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f'Ruma fl-4 ta' Novembru 1950;

2.

jenfasizza li l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ipproklamata f'Nizza fis-7 ta' Diċembru 2000 mill-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni, kisbet importanza kbira fil-mod kif saħqet fuq l-importanza u l-iskop tad-drittijiet stabbiliti fiha. Għalkemm s'issa għad ma torbotx legalment, il-Karta hija s-sisien tal-proċess li jiggarantixxi d-drittijiet fundamentali u hija bażi essenzjali li tiġbor fiha t-tifsira u l-interpretazzjoni tad-drittijiet li trid tirrispetta l-UE;

3.

jenfasizza l-pożizzjoni unika tal-Karta, fil-kuntest tal-istrumenti għad-drittijiet tal-bniedem, billi tgħaqqad f'test wieħed id-drittijiet universali tal-persuna (id-drittijiet ċivili u politiċi) li nibtu mill-iżvilupp storiku tad-drittijiet tal-libertà u l-integrità tal-persuna fl-Ewropa, kif ukoll id-drittijiet ekonomiċi u soċjali li nibtu mill-esperjenza Ewropea tat-twaqqif ta' “ekonomija soċjali tas-suq”, flimkien ma' numru ta' dispożizzjonijiet ferm innovattivi, bħal mhuma d-drittijiet tal-anzjani u tal-persuni b'diżabilità, li jagħmlu parti mill-mudell Ewropew ta' għajnuna soċjali;

4.

jenfasizza l-funzjoni speċifika tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali bħala strument biex ikun ta' servizz għall-individwi kollha;

5.

għalhekk, jinsab kuntent li bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Liżbona, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, fil-verżjoni emendata tagħha, adottata fit-12 ta' Diċembru 2007 f'Liżbona, għandha ssir legalment vinkolanti u jtenni kif il-Karta ser ikollha l-istess valur legali daqs it-Trattati, li, kif stipulat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jiffurmaw il-kostituzzjoni tal-Unjoni Ewropea;

6.

isostni li, għalkemm id-drittijiet li ġejjin miċ-ċittadinanza jirrappreżentaw kisba importanti, xorta għad hemm diffikultajiet fl-applikazzjoni tagħhom (Il-Ħames Rapport tal-Kummissjoni dwar iċ-Ċittadinanza tal-Unjoni); b'mod partikolari, bosta oqsma differenti tal-popolazzjoni jħossuhom maqtugħin mill-istituzzjonijiet tal-UE u dan is-sentiment irridu niġġielduh u ngħelbuh; b'rabta ma' dan, jisħaq li r-reġjuni u l-awtoritajiet lokali jistgħu jagħtu kontribut f'dan il-qasam billi jservu ta' pont bejn l-istituzzjonijiet u l-pubbliku;

7.

jenfasizza li jinħtieġ jingħata nifs ġdid lill-promozzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, b'viżjoni li ssir legalment vinkolanti; għalhekk, tista' ssir kampanja dwar l-edukazzjoni ċivika Ewropea, b'mod partikolari fl-istabbilimenti edukattivi; b'rabta ma' dan, jisħaq fuq ir-rwol tar-reġjuni u l-awtoritajiet lokali, li jinkludi t-tixrid tal-informazzjoni u l-iskambju ta' esperjenzi u ideat għal proġetti;

8.

josserva li filwaqt li l-Unjoni tiggarantixxi d-drittijiet universali lil kull min ikun (ikunx ċittadin Ewropew, ċittadin ta' pajjiż terz jew mingħajr stat) li jaqa' taħt il-ġurisdizzjoni tagħha, tagħti drittijiet speċifiċi liċ-“ċittadini tal-Unjoni” li magħhom għandha r-rabta speċjali ta' ċittadinanza;

9.

josserva li d-drittijiet fundamentali universali u d-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni jridu jingħarfu u jiġu applikati mhux biss mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni, inkluż il-KtR, imma wkoll mill-awtoritajiet nazzjonali u minn dawk reġjonali u lokali;

10.

ifakkar il-prinċipju stipulat fil-preambolu tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li jgħid li l-valuri komuni tal-UE jridu jiġu żviluppati filwaqt li tiġi rispettata d-diversità tal-kulturi u t-tradizzjonijiet tal-popli Ewropej, tal-identità nazzjonali tal-Istati Membri u tal-organizzazzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi tagħhom fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali; jinsab kuntent b'din ir-referenza espliċita għall-awtonomija reġjonali u lokali u għad-demokrazija fil-livell taċ-ċittadini;

11.

isostni li skont it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, iċ-ċittadinanza tal-UE tinvolvi dmirijiet hekk kif ukoll drittijiet;

12.

jiġbed attenzjoni partikolari lejn id-dmir taċ-ċittadini tal-Unjoni sabiex iħarsu l-liġijiet tal-UE u ta' pajjiżhom u li jirrispettaw il-kulturi differenti;

13.

jinnota li ħafna mid-drittijiet stipulati fil-Karta għandhom x'jaqsmu ma' setgħat li f'bosta Stati tal-UE jingħataw f'idejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali (pereżempju, f'oqsma bħall-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u l-ħarsien tal-ambjent, il-politiki soċjali, il-politika tad-djar, il-pulizija lokali u t-trasport), jew jikkonċernaw kwistjonijiet ta' importanza ġenerali għall-awtoritajiet pubbliċi kollha (amministrazzjoni tajba, trasparenza u aċċess għad-dokumenti; id-drittijiet tat-tfal, tal-anzjani u tal-persuni b'diżabilità);

14.

għalhekk jenfasizza li d-drittijiet fundamentali jridu jiġu mħarsa f'bosta livelli u jinsab kuntent li saret referenza għal dan il-prinċipju fil-kuntest tal-abbozzar tar-rapport ta' Katanja tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea;

15.

jenfasizza li huwa fil-livell reġjonali u lokali li ċ-ċittadini l-ewwel li jiltaqgħu mal-amministrazzjoni pubblika u li l-ewwel li jużaw l-istrutturi u s-servizzi amministrattivi;

16.

isostni li l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u taċ-ċittadin teħtieġ li jkun hemm politiki attivi: dritt jibda jitħaddem biss meta l-kundizzjonijiet effettivi jagħmlu dan possibli;

17.

isostni li, b'rabta ma' dan, l-Unjoni trid tkompli taħdem fil-politiki tagħħha għal koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali aktar b'saħħitha; jilqa' l-fatt li t-Trattat ta' Liżbona jinkludi l-“koeżjoni territorjali” fost l-objettivi tal-Unjoni Ewropea;

18.

jilqa' b'sodisfazzjon l-adozzjoni tal-Protokoll dwar is-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali, mehmuż mat-Trattat ta' Liżbona, li jenfasizza l-importanza għaċ-ċittadini li jkun hemm organizzazzjoni ta' servizzi pubbliċi effiċjenti, aċċessibbli għal kulħadd u li jkunu qrib il-ħtiġijiet individwali, kif ukoll ir-rwol essenzjali u d-diskrezzjoni wiesgħa li għandhom l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-organizzar, l-għoti u l-kummissjoni ta' dawn is-servizzi;

19.

ifakkar li, fl-ispirtu tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, l-Unjoni tirrispetta d-diversità kulturali, reliġjuża u lingwistika; tilqa' r-referenza fit-Trattat ta' Liżbona għar-rispett tad-diversità kulturali u lingwistika fost l-objettivi tal-Unjoni, soġġetta, naturalment, għar-regoli demokratiċi stabbiliti;

20.

jiġbed l-attenzjoni għar-rwol kruċjali tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi, l-imsieħba naturali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, fl-applikazzjoni sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem;

21.

isostni li l-awtoritajiet lokali u reġjonali, li huma qrib iċ-ċittadini u l-ħtiġijiet u l-fehmiet tagħhom, jistgħu jaraw bl-aktar mod immedjat u realistiku l-applikazzjoni tad-drittijiet stabbiliti mill-Unjoni u għalhekk jenfasizza r-rwol li l-KtR jista' jaqdi bħala osservatorju tal-kundizzjonijiet konkreti tal-applikazzjoni ta' dawn id-drittijiet u jitlob lill-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew biex jagħmlu użu minn dan il-potenzjal li għandu l-KtR billi jkunu ċerti li meta jiġu adottati atti legali jkunu jirriflettu l-interpretazzjoni ta' kwistjonijiet mill-awtoritajiet lokali u reġjonali;

22.

jitlob lill-Kummissjoni biex tistieden b'mod sistematiku lill-President tal-Kumitat tar-Reġjuni jieħu sehem fil-ħidma tal-Grupp ta' Kummissarji dwar id-Drittijiet Fundamentali, Anti-diskriminazzjoni u Opportunitajiet Indaqs, li jmexxi l-politika u jiżgura l-koerenza tal-inizjattivi f'dan il-qasam;

23.

jinnota l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2007/252/KE li tistabbilixxi għall-perijodu 2007-2013 l-programm għad-drittijiet fundamentali u ċ-ċittadinanza' u jistieden lill-Kummissjoni ddaħħalha fir-reviżjoni tal-programm għall-perijodu 2014-2020;

Id-drittijiet universali tal-persuna

24.

itenni li l-prinċipju tar-rispett għad-drittijiet fundamentali tal-bniedem huwa ċ-ċentru tal-azzjoni kollha tal-UE, liema drittijiet ġejjin mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni fl-Istati Membri, mid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, mill-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-konvenzjonijiet l-oħrajn adottati fil-livell internazzjonali (b'mod partikolari fin-Nazzjonijiet Uniti) u ratifikati mill-Istati Membri tal-UE;

25.

josserva li l-mudell Ewropew għall-ħarsien tad-drittijiet fundamentali, kif stipulat fil-Karta, huwa wieħed mill-aktar avvanzati għax jinkorpora drittijiet ċivili u politiċi kif ukoll drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali, u hu msejjes fuq l-ordni u sistema ta' valuri tiegħu stess li, fl-ambitu tad-drittijiet universali, jirrispetta d-diversità u d-djalogu bejn il-kulturi, ir-reliġjonijiet u t-twemmin differenti fl-ambitu tar-regoli mwaqqfa mis-sistemi demokratiċi Ewropej;

26.

jiġbed l-attenzjoni għall-kunflitti li jistgħu jinqalgħu bejn ir-rispett għad-dritt individwali tal-privatezza u l-garanzija ta' drittijiet fundamentali oħrajn bħas-sigurtà, u jitlob li din il-kwistjoni tiġi diskussa aktar fil-fond, billi jitqiesu l-esperjenzi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-pożizzjoni kruċjali li jinsabu fiha fil-protezzjoni tad-data li għandhom dwar iċ-ċittadini residenti;

27.

isostni l-fatt li l-Unjoni għandha wkoll tippromovi d-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi terzi u jfakkar b'rabta ma' dan dak li ntqal fl-opinjoni dwar id-dokument ta' strateġija 2007-2010 dwar l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR), li r-rapporteur tagħha kienet Heini Utunen;

28.

itenni l-ħtieġa li jiġu rispettati d-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt fil-kuntest tal-politiki bil-għan li tinħoloq żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja u jfakkar, fl-istess ħin, kif permezz t'hekk l-Unjoni għandha tiggarantixxi livell għoli ta' sigurtà għaċ-ċittadini;

29.

jinsab kuntent li t-Trattat ta' Liżbona jneħħi l-istruttura ta' pilastri tal-Unjoni u li, bis-saħħa t'hekk, azzjonijiet fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja jaqgħu taħt ir-regoli ġenerali għall-politiki Ewropej, b'mod partikolari r-reviżjoni ġudizzjarja li twettaq il-Qorti tal-Ġustizzja;

30.

jilqa' l-miżuri innovattivi stabbiliti fit-Trattat ta' Liżbona, li jsaħħu r-rwol tal-Parlament Ewropew fl-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-valutazzjoni tal-politiki marbuta maż-żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, u li jagħrfu r-rwol li jaqdu l-parlamenti nazzjonali fil-mekkaniżmi ta' valutazzjoni tar-riżultati li nkisbu f'dan il-qasam;

31.

jinsab kuntent bit-twaqqif tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali u bit-tnedija tal-attivitajiet tagħha;

32.

għandu l-ħsieb li jibni fuq il-kooperazzjoni produttiva li diġà teżisti għad-drittijiet fundamentali, ikkonfermata fis-seminar f'Reggio Emilia f'Settembru 2008, u ser iqis bis-serjetà l-proposta tal-Kummissjoni li flimkien magħha jorganizza avveniment annwali li jenfasizza l-approċċ orjentat lejn iċ-ċittadini għad-drittijiet fundamentali u l-valutazzjoni komparattiva f'livelli differenti ta' gvernanza;

33.

jikkonferma x-xewqa tal-Kumitat tar-Reġjuni kif ukoll tal-awtoritajiet lokali u reġjonali li jaqdu rwol attiv fil-ħidma tal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali u l-programmazzjoni annwali tagħha, u jinsab kuntent bil-forom ta' kooperazzjoni li jeżistu diġà;

34.

itenni t-talba sabiex rappreżentant tal-awtoritajiet lokali u reġjonali jkun jista' jieħu sehem fil-bord amministrattiv tal-aġenzija;

35.

joffri l-kooperazzjoni tiegħu lill-aġenzija billi jiġbor u jxerred il-prattiki tajbin u l-esperjenzi li għandhom sinifikat partikolari għall-ħarsien u l-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali fil-livell lokali u reġjonali, kif ukoll billi jibgħat l-informazzjoni rilevanti miġbura fil-livell lokali u reġjonali;

36.

jisħaq li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jinsabu f'qagħda ideali biex jaqdu rwol attiv fil-promozzjoni tad-drittijiet tat-tfal, kif ukoll biex jgħinu fis-sorveljanza tal-kundizzjonijiet li jrid ikun hemm għat-tgawdija ta' dawn id-drittijiet tal-;

37.

jfakkar li kien semma li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol ewlieni fit-tħaddim tad-drittijiet fundamentali tan-nisa u l-prinċipju tal-opportunitajiet indaqs għal kulħadd;

38.

isostni, b'referenza partikolari għan-nisa migranti, li l-integrazzjoni tfisser li naqsmu u nirrispettaw id-drittijiet fundamentali tal-persuna, li huma parti mill-acquis ġudizzjarju Ewropew, u jfakkar l-importanza tal-politiki ta' akkoljenza mibnija fuq l-għarfien tad-diversità kulturali kif magħżula b'mod ħieles miċ-ċittadini (CdR 396/2006);

39.

jenfasizza li l-mezzi tax-xandir għandhom rwol importanti x'jaqdu sabiex ixandru l-ksur tal-liġi fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u dawk ċivili. Madanakollu huma għandhom ixandru wkoll il-prattiki tajba u l-esperjenzi li għandhom sinifikat partikolari għall-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u dawk ċivili;

Id-drittijiet li ġejjin miċ-ċittadinanza Ewropea

40.

ifakkar li, kif stipulat mill-Qorti tal-Ġustizzja, iċ-ċittadinanza tal-Unjoni hija l-istatus fundamentali tal-individwu, attur politiku fil-proċess ta' integrazzjoni Ewropea;

41.

b'hekk jinsab kuntent li t-Trattat ta' Liżbona jħaddan id-dispożizzjonijiet ġenerali dwar iċ-ċittadinanza tal-UE fit-Trattat il-ġdid dwar l-Unjoni Ewropea, b'mod speċifiku fit-titolu li fih dispożizzjonijiet dwar prinċipji demokratiċi, li jtennu l-prinċipju li skontu d-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu b'mod kemm jista' jkun trasparenti u qrib iċ-ċittadini (id-demokrazija fil-livell taċ-ċittadini);

42.

minkejja dan, jilmenta li ma ssemma mkien b'mod espliċitu r-rwol essenzjali li jaqdu f'dan il-qasam l-awtoritajiet lokali u reġjonali;

43.

isostni li l-libertà ta' moviment u ta' residenza hija ta' importanza kbira fist id-drittijiet li tagħti ċ-ċittadinanza Ewropea, billi tikkontribwixxi għal iżjed għarfien reċiproku bejn il-komunitajiet tal-UE;

44.

josserva l-progress li nkiseb fl-implimentazzjoni ta' din il-libertà, bis-saħħa tal-adozzjoni u d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2004/38 dwar id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom li jiċċaqilqu u jkollhom residenza b'mod ħieles fit-territorju tal-Istati Membri;

45.

iħeġġeġ l-Istati Membri jaħdmu flimkien biex jiżguraw is-sigurtà għaċ-ċittadini u biex jiġġieldu l-kriminalità;

46.

jenfasizza bil-qawwi, anki fid-dawl tal-esperjenza fl-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38, ir-responsabbiltajiet fundamentali li assumew l-awtoritajiet lokali u reġjonali b'rabta mal-ġestjoni tal-problemi marbuta mal-moviment u b'mod partikolari r-residenza taċ-ċittadini Ewropej. Dan jirreferi mhux biss għall-formalitajiet u l-prattiki amministrattivi li jagħmlu parti mir-residenza iżda wkoll u b'mod partikolari għall-politiki ta' akkoljenza;

47.

għalhekk, jilmenta li l-Ħames Rapport mill-Kummissjoni dwar iċ-Ċittadinanza tal-Unjoni ma jagħmel l-ebda referenza għar-responsabbiltajiet speċjali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali f'dik li hi akkoljenza;

48.

ifakkar li skont id-Direttiva 2004/38, iċ-ċittadini tal-UE li mhumiex ħaddiema jew persuni li jaħdmu għal rashom, għandhom id-dritt li jgħixu fi Stat ieħor barra fejn twieldu, sakemm ma joħolqux problema jew piż fuq is-sistema ta' għajnuna soċjali tal-Istat Membru li jkun qed jospitahom, u għal perijodi itwal minn tliet xhur, dejjem jekk għandhom biżżejjed riżorsi għalihom u l-familjari tagħhom kif ukoll assigurazzjoni għall-mard li jkopri r-riskji kollha fl-Istat Membru li jkun qed jospitahom;

49.

josserva l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea ta' dawn il-kundizzjonijiet u jenfasizza l-impatt ta' din l-interpretazzjoni fuq ir-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali kif ukoll il-piżijiet finanzjarji li jistgħu jinqalgħu;

50.

isemmi l-fatt li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom id-dritt u d-dmir li jiġġieldu l-abbuż tad-drittijiet mogħtija mid-direttiva u li jiġġieldu l-frodi, bħal fil-każ ta' żwiġijiet jew sħubijiet fittizji jew imġiba illegali;

51.

jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tħeġġeġ l-għarfien tar-regoli l-ġodda stabbiliti fid-Direttiva 2004/38, inkluż il-pubblikazzjoni tal-Gwida għad-Direttiva 2004/38/KE, u jitlob lill-Kummissjoni tagħmel l-aħjar użu mill-qagħda vantaġġjuża tal-awtoritajiet lokali u reġjonali li tagħmilha possibbli għalihom li jservu ta' għodda għat-tixrid ta' din l-informazzjoni;

52.

isostni li t-tħaddim tad-drittijiet li jiġu miċ-ċittadinanza jinvolvu wkoll l-obligazzjoni li jiġu rispettati ċertu “dmirijiet” fejn jidħlu l-komunitajiet lokali u reġjonali;

53.

jenfasizza l-importanza tad-dritt għall-vot taċ-ċittadini Ewropej kif ukoll id-dritt li joħorġu bħala kandidati fl-Istat Membru li jgħixu fih, kemm fl-elezzjonijiet lokali kif ukoll tal-Parlament Ewropew;

54.

f'dan il-kuntest, jisħaq li l-istituzzjonijiet politiċi lokali jirriflettu elettorat “Ewropew”, u b'hekk huma l-ewwel korpi governattivi li huma tassew Ewropej;

55.

jinsab kuntent biż-żieda fil-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew miċ-ċittadini tal-UE li jgħixu fi Stat li mhux dak tal-oriġini tagħhom, imma juri tħassib dwar it-tnaqqis ġenerali gradwali fil-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet Ewropej;

56.

itenni t-talba biex jiżdiedu l-attivitajiet informattivi u edukattivi dwar l-elezzjonijiet Ewropej, billi f'dan il-proċess isir l-aħjar użu mill-kwalitajiet l-aktar b'saħħithom tal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

57.

itenni l-interess tiegħu fl-iżvilupp tal-partiti politiċi Ewropej (CdR 280/2004) u jenfasizza r-rwol kruċjali li għandhom jaqdu r-rappreżentanti eletti fil-livell lokali u reġjonali fit-tħaddim ta' dawn il-partiti u l-iżvilupp ta' strateġiji relatati, ukoll sabiex tinħoloq rabta bejn il-livelli differenti ta' gvernanza (Ewropea, nazzjonali, reġjonali u lokali);

58.

jinsab kuntent li t-Trattat ta' Liżbona jagħmilha possibbli għaċ-ċittadini tal-UE, f'numru ta' mhux anqas minn miljun persuna li jkunu ċittadini ta' numru sinifikanti ta' Stati Membri, li jieħdu l-inizjattiva li jistiednu l-Kummissjoni tressaq proposti leġiżlattivi;

59.

jenfasizza r-rwol fundamentali li jaqdi l-Ombudsman Ewropew, fost affarijiet oħra fid-dawl tal-esperjenza, bil-ħsieb li jittratta każijiet ta' amministrazzjoni ħażina mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE;

60.

jinsab kuntent li ċ-ċittadini issa jistgħu iressqu petizzjonijiet quddiem il-Parlament Ewropew u ilmenti lill-Ombudsmam b'mod elettroniku;

61.

ifakkar li ċittadin tal-UE fit-territorju ta' pajjiż terz li fih l-Istat Membru li hu ċittadin tiegħu mhuwiex rappreżentat huwa intitolat li jingħata protezzjoni mill-awtoritajiet diplomatiċi jew konsulari ta' kwalunkwe Stat Membru, skont l-istess kundizzjonijiet taċ-ċittadini ta' dak l-Istat Membru, u jenfasizza l-importanza ta' din id-dispożizzjoni bħala punt ta' prinċipju, sakemm hi maħsuba biex tagħraf dimensjoni esterna fiċ-ċittadinanza Ewropea;

62.

jaqbel mal-fehma tal-fehma tal-Kummissjoni dwar il-fatt li l-acquis Komunitarju fil-qasam tal-protezzjoni diplomatika u konsulari mhuwiex adegwat, jilqa' l-preżentazzjoni mill-Kummissjoni ta' pjan ta' azzjoni għall-perijodu 2007-2009 bl-għan li l-acquis jiġi żviluppat, u jitlob lill-Kunsill u l-Istati Membri jadottaw l-azzjonijiet meħtieġa f'dan l-ambitu, ukoll fil-livell internazzjonali;

63.

jenfasizza s-setgħat u l-esperjenza tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' dan (bħat-turiżmu, il-politika tas-saħħa, id-dfin u l-kremazzjoni) u għalhekk iħeġġeġ l-istituzzjonijiet tal-UE jikkonsultaw mal-KtR fl-iżvilupp u l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet f'dan il-qasam;

64.

jinsab kuntent li t-Trattat ta' Liżbona jagħraf il-personalità internazzjonali tal-Unjoni u jittama li l-Unjoni tista' tħares iċ-ċittadini fil-livell internazzjonali;

65.

josserva d-data mressqa fil-Ħames Rapport mill-Kummissjoni dwar iċ-Ċittadinanza tal-Unjoni (l-1 ta' Mejju-it-30 ta' Ġunju 2007), li skontha ċ-ċittadini tal-UE jixtiequ jkunu infurmati aħjar dwar id-drittijiet tagħhom, imma fil-fatt inqas minn terz minnhom iħossu li huma infurmati tajjeb dwar id-drittijiet li ġejjin miċ-ċittadinanza tal-UE;

66.

jisħaq dwar ir-responsabbiltà li jġorru l-livelli kollha ta' gvernanza biex jgħinu ħalli titrawwem “kultura ta' drittijiet fundamentali” billi jagħmlu liċ-ċittadini aktar konxji mid-drittijiet tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa, għalhekk, ta' kampanja konġunta li tippromovi d-drittijiet taċ-ċittadini, liema kampanja tkun tagħmel parti integrali mill-politika ta' informazzjoni u komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea;

67.

huwa tal-fehma li b'rabta ma' dan, jeħtieġ li jiġu allokati riżorsi speċifiċi u li l-azzjonijiet jitħejjew bil-parteċipazzjoni effettiva tal-awtoritajiet lokali u reġjonali.

Brussell, id-9 ta' Ottubru 2008.

Il-President

tal-Kumitat tar-Reġjuni

Luc VAN DEN BRANDE


Top