EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008IP0382

Is-Sajd u l-Akkwakultura fil-kuntest ta' Amministrazzjoni Integrata taz-Zona Kostali fl-Ewropa Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 2 ta' Settembru 2008 dwar is-Sajd u l-Akkwakultura fil-kuntest ta' Amministrazzjoni Integrata taz-Zona Kostali fl-Ewropa (2008/2014(INI))

OJ C 295E, 4.12.2009, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

4.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 295/1


It-Tlieta, 2 ta’ Settembru 2008
Is-Sajd u l-Akkwakultura fil-kuntest ta’ Amministrazzjoni Integrata taz-ZonaKostali fl-Ewropa

P6_TA(2008)0382

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta’ Settembru 2008 dwar is-Sajd u l-Akkwakultura filkuntestta’ Amministrazzjoni Integrata taz-Zona Kostali fl-Ewropa (2008/2014(INI))

2009/C 295 E/01

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni 2002/413/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2002 rigward l-implimentazzjoni ta’ Amministrazzjoni Integrata taz-Zona Kostali fl-Ewropa (1),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-7 ta’ Ġunju 2007 bit-titolu “Rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: Evalwazzjoni tal-Amministrazzjoni Integrata taz-Zona Kostali fl-Ewropa (ICZM)” (COM(2007)0308),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1198/2006 tas-27 ta’ Lulju 2006 dwar il-Fond Ewropew għas-Sajd (2),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika ambjentali marittima (Direttiva ta’ Qafas dwar l-Istrateġija għall-Baħar) (3) u l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-24 ta’ Ottubru 2005 bit-titolu l-Istrateġija Tematika dwar il-Protezzjoni u l-Konservazzjoni tal-Ambjent tal-Ibħra’ (COM(2005)0504),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-10 ta’ ottubru 2007 bit-titolu “Politika Marittima Integrata għall-Unjoni Ewropea”, (COM(2007)0575),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Ġunju 2006 dwar sajd qrib il-kosta u l-problemi li jiffaċċjaw il-komunitajiet tas-sajd qrib il-kosta (4),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tad-9 ta’ Marzu 2006 dwar it-titjib tas-sitwazzjoni ekonomika fl-industrija tas-sajd (COM(2006)0103) u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta’ Settembru 2006 dwar dan is-suġġett (5),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tad-19 ta’ Settembru 2002 bit-titolu “Strateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-Akkwakultura Ewropea” (COM(2002)0511),

wara li kkunsidra l-istudju tal-Parlament dwar “Id-dipendenza reġjonali fuq l-industriji tas-sajd” (6),

wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd (A6-0286/2008),

A.

billi l-Amministrazzjoni Integrata taz-Zona Kostali (ICZM) mhijiex biss politika ambjentali iżda wkoll proċess li dejjem għaddej immirat lejn it-titjib tal-kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali taz-zoni kostali u l-iżgurar tal-iżvilupp sostenibbli tal-attivitajiet kollha li għaddejjin f’dawk ir-reġjuni, bħalma huma s-sajd u l-akkwakultura,

B.

billi l-implimentazzjoni tal-ICZM hija proċess fuq medda twila ta’ żmien u bosta strateġiji nazzjonali adottati fi ħdan il-qafas tar-Rakkomandazzjoni hawn fuq imsemmija bdew jiġu implimentati biss fl-2006,

C.

billi l-ġestjoni taz-zoni kostali s’issa ġiet imwettqa f’terminu medju ta’ żmien, u ġie injurat il-fatt li dawn huma ekosistemi kumplessi li jinbidlu maż-żmien,

D.

billi d-deċiżjonijiet u l-miżuri li ttieħdu jirrigwardaw attività iżolata u ma rnexxilhomx jittrattaw il-problema tad-degradazzjoni taz-zoni kostali fil-kuntest sħiħ tagħhom,

E.

billi l-ippjanar eżistenti s’issa ffoka fuq l-art u ma rnexxilux jikkunsidra l-impatt ta’ ċerti attivitajiet kostali fuq attivitajiet oħra li għaddejjin fl-istess reġjun,

F.

billi huwa mistenni li l-istrateġiji nazzjonali tal-ICZM mhux se jkunu ta’ spiża kbira biex jiġu implimentati, filwaqt li se jipproduċu benefiċċji finanzjarji sinifikanti,

G.

billi ma rnexxiex li tiġi involuta b’mod adegwat rappreżentanza mis-setturi kollha fil-miżuri ta’ ppjanar u ta’ implimentazzjoni biex jiġu indirizzati l-problemi taz-zoni kostali, u b’riżultat ta’ dan, saret ħsara lill-interessi ta’ ċerti setturi,

H.

billi l-implimentazzjoni ta’ politika ta’ amministrazzjoni integrata tinvolvi l-ippjanar f’zoni kostali ta’ użi relatati mal-popolazzjoni, użi relatati mat-turiżmu u użi ekonomiċi u ta’ protezzjoni tal-pajsaġġ u tal-ambjent,

I.

billi għadha ma kienitx possibbli l-koordinazzjoni effettiva tal-korpi tal-ICZM ħlief f’xi każijiet iżolati,

J.

billi l-implimentazzjoni ta’ politiki għall-promozzjoni tal-ICZM tista’, f’ċerti każi, tirrikjedi nfiq fuq skala għolja, li mhux possibbli jintlaħaq mill-komunitajiet lokali, u dan jirriżulta f’appelli f’livelli amministrattivi ogħla u tardjar fl-implimentazzjoni,

K.

billi, minħabba n-natura transkonfinali ta’ bosta proċessi kostali, huma meħtieġa l-koordinazzjoni u l-koperazzjoni reġjonali, anki ma’ pajjiżi terzi,

L.

billi s-sajd u l-akkwakultura huma żewġ attivitajiet kostali li verament jiddependu fuq il-kwalità tal-ilmijiet ta’ qrib il-kosta,

M.

billi għadu ma ntlaħaqx livell ta’ żvilupp teknoloġiku fl-akkwakultura li jista’ jippermetti lil dik l-attività (li hija ta’ xorta intensiva) li tiġi mwettqa ’l bogħod minn zoni kostali,

N.

billi għandu jiġi meqjus is-sehem fundamentali, li s’issa ftit ġie rikonoxxut, tan-nisa fiz-zoni li jiddependu fuq is-sajd,

O.

billi s-sajd qrib il-kosta ilaħħaq għal 80 % tal-flotta tas-sajd Komunitarja u jikkontribwixxi għall-koeżjoni ekonomika u soċjali tal-komunitajiet kostali u l-preservazzjoni tat-tradizzjonijiet tagħhom,

P.

billi s-sajd, għalkemm mhuwiex sors ta’ tniġġis fih innifsu, ibati mill-impatt tat-tniġġis ikkawżat minn attivitajiet oħra li jkunu għaddejjin f’zoni kostali, li jkompli jdgħajjef il-vijabbilta? tiegħu,

Q.

billi s-sajd u l-akkwakultura huma ta’ importanza ekonomika u soċjali kbira, peress li huma mwettqa l-aktar f’reġjuni kostali b’ekonomiji dgħajfa, fejn ħafna minnhom huma żvantaġġati u ma jistgħux jipprovdu lir-residenti tagħhom b’opportunitajiet alternattivi ta’ xogħol,

R.

billi l-eżistenza ta’ ambjent marittimu nadif u f’saħħtu jikkontribwixxi għaż-żieda fil-produzzjoni ġejjienija tas-sajd u b’hekk itejjeb il-prospetti għal dan is-settur,

S.

billi l-akkwakultura hija bbażata sew fuq il-prinċipju ta’ żvilupp sostenibbli, u kwalunkwe impatt ambjentali huwa kkumpensat minn regoli Komunitarji,

T.

billi f’ambjent fejn l-istokkijiet tal-ħut qed jonqsu u fejn qed tiżdied id-domanda dinjija għall-ħut u għall-frott tal-baħar, l-importanza tal-akkwakultura fl-Ewropa qed tiżdied b’mod kostanti,

U.

billi mhux l-Istati Membri kollha lestew l-ippjanar reġjonali tagħhom b’konformità mal-prinċipji tal-ICZM għall-iżvilupp ibbilanċjat ta’ attivitijiet imwettqa f’dawn iz-zoni,

V.

billi hemm kompetizzjoni ħarxa għall-ispazju fiz-zoni kostali, u l-akkwakulturisti u s-sajjieda għandhom l-istess drittijiet u obbligi bħal utenti oħra,

W.

billi r-reġjuni l-aktar imbiegħda, kif definiti fl-Artikolu 299(2) tat-Trattat KE u l-Artikolu 349 tat-Trattat dwar ix-Xogħol tal-Unjoni Ewropea, jistgħu jirrikjedu l-ħolqien ta’ strateġiji integrati nazzjonali speċifiċi tal-ICZM u adattament adegwat tal-ICZM fuq livell tal-UE,

1.

Jenfasizza l-importanza ekonomika u soċjali tas-sajd u tal-akkwakultura għar-reġjuni kostali u jsejjaħ sabiex huma jirċievu għajnuna fil-qafas tal-ICZM;

2.

Juri l-ħtieġa li jkun żgurat li s-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura jkunu involuti u rappreżentati sew f’aggruppamenti marittimi transnazzjonali, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tistimula dan il-proċess;

3.

Jisħaq li l-Fond Ewropew għas-Sajd jista’ jikkontribwixxi għal finanzjament, fuq medda twila ta’ żmien, ta’ miżuri fi ħdan il-qafas tal-ICZM peress li dan jappoġġja azzjonijiet li jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli tar-reġjuni tas-sajd;

4.

Juri l-ħtieġa li jiġu kjarifikati l-kompetenzi tal-korpi amministrattivi taz-zoni kostali konċernati u li jiġu stabbiliti strateġiji koordinati sabiex dawn ikunu aktar effettivi;

5.

Jirrikonoxxi d-diffikultajiet involuti fil-koordinament tal-attivitajiet tal-korpi ta’ amministrazzjoni taz-zona kostali u jistieden lill-Kummissjoni biex fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-ICZM, u wara li jiġu konsultati l-Istati Membri, teżamina mill-ġdid jekk għandux jitwaqqaf korp ta’ koordinazzjoni jew le;

6.

Jenfasizza l-ħtieġa li jkunu involuti rappreżentanti tas-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura fl-attivitajiet marbuta mal-ippjanar u l-iżvilupp tal-ICZM (filwaqt li wieħed jiftakar li l-involviment tagħhom fl-istrateġiji tal-iżvilupp sostenibbli se jżid il-valur miżjud tal-prodotti tagħhom) u jfakkar li l-Fond Ewropew għas-Sajd jista’ jappoġġja azzjonijiet kollettivi bħal dawn;

7.

Jirrikonoxxi s-sehem importanti tan-nisa fiz-zoni li jiddependu fuq is-sajd u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkoperaw sabiex jiġi promoss u inkorporat il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali fil-fażijiet differenti tal-implimentazzjoni tal-Fond Ewropew għas-Sajd (inklużi l-fażijiet tat-tfassil, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni), kif previst fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006;

8.

Jitlob għal koperazzjoni aktar mill-viċin bejn il-korpi kompetenti fuq livell reġjonali permezz ta’ skambjar ta’ informazzjoni relatat mal-qagħda taz-zoni kostali u l-adozzjoni ta’ strateġiji konġunti għat-titjib tal-qagħda ambjentali ta’ ekosistemi marittimi lokali;

9.

Jistieden lill-gvernijiet nazzjonali u reġjonali tar-reġjuni l-aktar imbiegħda biex iħejju strateġji integrati tal-ICZM sabiex jiggarantixxu l-iżvilupp sostenibbli tar-reġjuni kostali;

10.

Jenfasizza l-importanza, fil-kuntesti ta’ hawn fuq, ta’ ppjanar adegwat tal-ispazju;

11.

L-akkwakultura għal-skopijiet ta’ popolazzjoni mill-ġdid hija għodda essenzjali sabiex tinkiseb il-preservazzjoni ekoloġika f’ċerti zoni kostali, u għalhekk għandha tiġi promossa, stimulata u appoġġjata finanzjarjament;

12.

Jenfasizza l-importanza tal-akkwakultura fl-industrija tal-ikel għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku f’ċerti komunitajiet kostali tal-UE;

13.

Jikkunsidra li s-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura għandhom jiġu inklużi t-tnejn li huma f’approċċ trasversali għall-attivitajiet marittimi kollha li jseħħu f’zoni kostali sabiex jinkiseb żvilupp sostenibbli b’konformità mal-linji gwida l-ġodda tal-politika marittima;

14.

Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żvilupppati u implimentati strateġiji biex jiġu aġġustati l-perikli li jaffaċċaw iz-zoni kostali, inklużi l-bdil fil-klima, filwaqt li jiġi meqjus l-impatt fuq is-sajd u l-akkwakultura;

15.

Jemmen li għandhom jitkomplew l-isforzi tal-ġbir tad-data sabiex ikun hemm kontribut għall-iskambju u l-użu ta’ informazzjoni bil-għan li jitwettqu studji kumparattivi, inkluża data fuq il-qagħda tal-bijodiversità u l-istokkijiet tal-ħut;

16.

Jemmen li għandhom isiru sforzi akbar ta’ riċerka fl-akkwakultura bil-għan li jiġu introdotti sistemi ta’ kultivazzjoni bbażati fuq produzzjoni intensiva b’ċirkuwitu magħluq;

17.

Jipproponi li l-proġetti tal-akkwakultura li jużaw sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u li ma jinvolvux zoni protetti skont il-liġi ambjentali tal-UE għandhom jingħataw prijorità fil-kuntest tal-ICZM;

18.

Jistieden lill-Kummissjoni, wara li tikkonsulta lill-Istati Membri, biex tistabbilixxi skeda ċara biex jiġi eżaminat il-progress fl-implimentazzjoni tal-ICZM fl-Unjoni Ewropea;

19.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.


(1)  ĠU L 148, 6.6.2002, p. 24.

(2)  ĠU L 223, 15.8.2006, p. 1.

(3)  ĠU L 164, 25.06.2008, p. 19.

(4)  ĠU C 300E, 9.12.2006, p. 504.

(5)  ĠU C 306 E, 15.12.2006, p. 417.

(6)  IP/B/PECH/ST/IC/2006-198.


Top