EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52008IE0258
Opinion of the European Economic and Social Committee on Defining the collective actions system and its role in the context of Community consumer law (Own-initiative opinion)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Id-definizzjoni tar-rwol u s-sistema ta' l-azzjonijiet kollettivi fil-qasam tal-liġi Komunitarja dwar il-konsum (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Id-definizzjoni tar-rwol u s-sistema ta' l-azzjonijiet kollettivi fil-qasam tal-liġi Komunitarja dwar il-konsum (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)
OJ C 162, 25.6.2008, p. 1–19
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
25.6.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
C 162/1 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Id-definizzjoni tar-rwol u s-sistema ta' l-azzjonijiet kollettivi fil-qasam tal-liġi Komunitarja dwar il-konsum (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)
(2008/C 162/01)
Nhar is-16 ta' Frar 2007, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, li jfassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar
Id-definizzjoni tar-rwol u s-sistema ta' l-azzjonijiet kollettivi fil-qasam tal-liġi Komunitarja dwar il-konsum
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-31 ta' Jannar 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur Pegado Liz.
Matul l-442 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-13 u l-14 ta' Frar 2008 (seduta ta' l-14 ta' Frar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'134 vot favur, 94 vot kontra u 6 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 |
Il-KESE ddeċieda li jiftaħ mill-ġdid id-dibattitu dwar il-ħtieġa u l-opportunità għal riflessjoni fil-fond dwar ir-rwol u s-sistema legali ta' forma ta' azzjoni kollettiva armonizzata fuq il-livell Komunitarju, partikolarment fl-oqsma tal-liġi dwar il-konsum u l-kompetizzjoni, ta' l-inqas bħala pass inizjali. |
1.2 |
Il-KESE dejjem kien favur li tiġi definita, fuq livell Komunitarju, azzjoni kollettiva li jkollha l-għan li tikseb kumpens effettiv għad-danni fil-każ ta' ksur ta' drittijiet kollettivi jew imxerrda. Azzjoni bħal din tikkumplementa b'mod siewi l-ħarsien li diġà joffru r-rimedji kemm legali kif ukoll alternattivi, fosthom il-mandat ta' inibizzjoni kif definita mid-Direttiva 98/27/KE tad-19 ta' Mejju 1998. |
1.3 |
Fil-fatt, il-KESE ddefenda bosta drabi l-ħtieġa għal intervent Komunitarju f'dan il-qasam peress li jikkunsidra li azzjoni bħal din:
|
1.4 |
Dawn l-aħħar snin bosta Stati Membri adottaw sistemi ġudizzjarji differenti minn xulxin għar-rappreżentazzjoni ta' l-interessi kollettivi tal-konsumaturi filwaqt li oħrajn għadhom m'għamlux hekk; dan joħloq inugwaljanzi fl-aċċess għall-ġustizzja u jxekkel it-twettiq tas-suq intern. Il-KESE jikkundanna din is-sitwazzjoni aktar u aktar minħabba li s-sodisfazzjon u l-fiduċja taċ-ċittadini huma fost l-għanijiet iddikkjarati għat-twettiq tas-suq intern fis-seklu 21. Il-KESE għandu joqgħod attent għall-impatt tal-miżuri kollha maħsuba fir-rigward tal-kompetittività ta' l-intrapriżi Ewropej u r-riperkussjonijiet li l-ispejjeż sproporzjonati jista' jkollhom fl-aħħar mill-aħħar fuq il-ħaddiema u l-konsumaturi. |
1.5 |
Għalhekk, il-KESE jipproponi li jikkontribwixxi għal din ir-riflessjoni b'suġġerimenti konkreti dwar is-sistema legali ta' azzjoni kollettiva bħal din, filwaqt li jqis is-sistemi nazzjonali fis-seħħ fil-pajjiżi Ewropej, iżda wkoll l-esperjenzi ta' pajjiżi oħra li żviluppaw azzjonijiet bħal dawn. Il-Kumitat jikkunsidra b'mod partikulari l-prinċipji msemmija fir-Rakkomandazzjoni C(2007)74 tal-Kunsill tal-Ministri ta' l-OECD tat-12 ta' Lulju 2007 dwar is-soluzzjoni u l-kumpens tat-tilwim dwar il-konsum. |
1.6 |
Fid-definizzjoni tal-parametri proposti għal inizjattiva leġislattiva fuq il-livell Komunitarju, il-KESE qies it-tradizzjoni legali komuni ta' l-istituzzjonijiet ġudizzjali Ewropej u l-prinċipji fundamentali komuni tal-proċedura ċivili ta' l-Istati Membri; b'hekk irrifjuta l-aspetti tal-“class actions” bħalma nsibu fl-Istati Uniti, billi dawn huma inkompatibbli mat-tradizzjonijiet u l-prinċipji hawn fuq imsemmija. Il-KESE jikkunsidra bħala partikularment dannuż kull żvilupp ta' prattiki li jattribwixxu lil investituri terzi jew lil avukati ispirati mill-class actions Amerikani partijiet sostanzjali mill-ammonti li jinkisbu bħala kumpens jew bħala danni punittivi waqt proċeduri introdotti f'isem l-interess tal-konsumatur. |
1.7 |
Fid-dawl ta' l-għanijiet u l-finijiet ta' strument bħal dan, il-KESE stħarreġ l-alternattivi ewlenin possibbli f'dak li għandu x'jaqsam mas-sistema legali (vantaġġi u żvantaġġi ta' skema opt-in, opt-out jew imħallta), ir-rwol tal-qorti, il-kumpens għad-danni, ir-rikorsi u l-finanzjament tal-miżuri. |
1.8 |
Il-bażi legali ta' din l-inizjattiva kif ukoll l-istrument legali li għandu jintuża huma kwistjonijiet importanti li ġew analizzati wkoll u li jagħtu lok għal proposti. |
1.9 |
Il-KESE jfakkar ukoll li din ir-riflessjoni dwar it-twaqqif ta' mekkaniżmu ta' azzjonijiet kollettivi ma tmurx affattu kontra l-eżistenza u l-iżvilupp ta' metodi ta' soluzzjoni alternattiva tat-tilwim (ADR), anzi pjuttost bil-maqlub. Il-KESE kien fost l-ewwel li fisser il-ħtieġa għall-ħolqien ta' strumenti effiċjenti li jippermettu lill-konsumatur jiddefendi d-drittijiet tiegħu, kemm individwali kif ukoll kollettivi, bla ma jidħol il-qorti. F'dan ir-rigward, il-KESE jħeġġeġ konformità aħjar tas-sistemi ta' medjazzjoni fis-setturi li jikkostitwixxu d-dinja tal-konsum u b'mod partikulari fejn il-kummerċ transkonfinali huwa l-iktar żviluppat jew li għandu l-iktar potenzjal għall-iżvilupp. |
1.10 |
Teżisti medda sħiħa ta' rimedji kollettivi għall-konsumaturi li jkunu qed isofru minn danni; din tvarja minn azzjonijiet individwali, volontarji u kunsenswali għal rikorsi kollettivi u legali. Kull wieħed minn dawn il-livelli ta' soluzzjoni ta' tilwim għandu jaħdem bl-aħjar mod possibbli u jiffaċilita l-kumpens għad-danni fl-iktar livell aċċessibbli għall-vittmi. |
1.11 |
Il-KESE jilqa' bi pjaċir l-intenzjoni murija mill-Kummissjoni li tkompli twettaq studji dwar dan is-suġġett. Madankollu, jinsisti fuq il-ħtieġa li, fl-istess ħin, ikun hemm rieda politika ġenwina li twassal għal inizjattivi leġislattivi xierqa. |
1.12 |
Huwa u jinterpreta r-rieda tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili organizzata, il-KESE qed jindirizza wkoll lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Istati Membri sabiex din ir-riflessjoni ssir b'kunsiderazzjoni ta' l-interessi tal-partijiet differenti u b'rispett għall-prinċipji tal-proporzjonalità u tas-sussidjarjetà u sabiex tiġi segwita minn deċiżjonijiet politiċi indispensabbli għat-tnedija kemm jista' jkun malajr ta' inizjattiva fis-sens imsemmi aktar 'il fuq. |
2. Introduzzjoni
2.1 |
L-għan ta' din l-opinjoni fuq inizjattiva proprja huwa l-promozzjoni ta' riflessjoni wiesgħa dwar ir-rwol u s-sistema legali ta' forma ta' azzjoni kollettiva (1) fuq il-livell Komunitarju, b'mod partikolari fil-qasam tal-liġi dwar il-konsum u l-kompetizzjoni, għall-inqas bħala l-ewwel fażi (2). L-għan aħħari tagħha huwa li tħeġġeġ is-soċjetà ċivili u l-istituzzjonijiet kompetenti ta' l-Unjoni Ewropea sabiex jistħarrġu l-ħtieġa u l-impatt ta' inizjattiva bħal din, jirriflettu dwar id-definizzjoni tan-natura legali tagħha u t-termini u l-kundizzjonijiet ta' l-implimentazzjoni tagħha, fil-qafas ta' spazju legali Ewropew. |
2.2 |
Għal dan il-għan, il-metodoloġija użata hija msejsa fuq analiżi preliminari tal-ħtiġijiet fil-qafas tas-suq uniku u tal-konformità ta' l-inizjattiva mal-liġi Komunitarja. Imbagħad, tiġi studjata l-ħila tagħha li ssolvi kunflitti transkonfinali b'mod effettiv u rapidu, partikolarment f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi. |
3. Is-suq uniku u l-interessi kollettivi tal-konsumaturi
3.1 |
Il-“massifikazzjoni” tat-tranżazzjonijiet kummerċjali, li rriżultat mill-iżvilupp tal-produzzjoni tal-massa mit-tieni nofs tas-seklu li għadda, ġabet bidliet kbar ħafna fil-mod kif isiru l-kuntratti u l-ftehimiet għall-bejgħ u l-għoti ta' servizzi. Bil-wasla tas-soċjetà ta' l-informazzjoni u l-possibbiltajiet maħluqa mill-bejgħ mill-bogħod u l-kummerċ elettroniku, hemm vantaġġi ġodda għall-konsumaturi iżda dawn jistgħu jiffaċċjaw forom ġodda ta' pressjoni u jiltaqgħu ma' riskji ġodda meta jiġu biex jiffirmaw kuntratt. |
3.2 |
Meta jiġu żviluppati offerti pubbliċi, kuntratti ta' adeżjoni (standard form), forom aggressivi ta' riklamar u marketing, informazzjoni prekuntrattwali mhux xierqa, prattiki kummerċjali inġusti ġeneralizzati u prattiki antikompetittivi, dawn jafu joħolqu diskriminazzjoni kontra gruppi kbar ta' konsumaturi li, fil-biċċa l-kbira, m'humiex identifikati u jista' jkun diffiċli li jiġu identifikati. |
3.3 |
L-interessi individwali omoġenji, l-interessi kollettivi ta' gruppi jew l-interessi mxerrda ta' kulħadd, mhux dejjem isibu, fis-sistemi legali tradizzjonali bbażati fuq il-liġi proċedurali, li joriġinaw mid-dritt Ruman, forom adegwati ta' azzjoni ġudizzjarja li jkunu faċli, rapidi, effettivi u mhux għaljin. (3) |
3.4 |
Tista' tgħid kullimkien fid-dinja, u b'mod partikolari fl-Istati Membri ta' l-UE, is-sistemi legali jipproponu forom ta' ħarsien ġudizzjarju ta' l-interessi kollettivi jew imxerrda. |
3.4.1 |
Madankollu dawn is-sistemi jvarjaw sew minn waħda għall-oħra u fihom differenzi kbar fil-ħarsien ta' dawn l-interessi. Dawn id-differenzi joħolqu distorsjonijiet fit-tħaddim tas-suq intern. |
3.5 |
Fil-fatt, minħabba n-nuqqas ta' armonizzazzjoni fuq il-livell Komunitarju, is-sistemi legali nazzjonali żviluppaw, dan l-aħħar, skond tendenzi differenti ħafna. Dawn id-differenzi ma jiġux spjegati daqstant permezz ta' prinċipji fundamentali diverġenti, iżda aktar permezz ta' tradizzjonijiet differenti ta' liġi proċedurali. It-tabelli annessi juru l-aktar diverġenzi importanti fuq il-livell nazzjonali (4). |
3.6 |
L-inkovenjenzi ta' din is-sitwazzjoni kienu, sa minn kmieni ħafna, ikkritikati l-aktar mill-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-interessi tal-konsumaturi, iżda wkoll minn bosta ġuristi u professuri tal-liġi Komunitarja f'termini ta' inugwaljanza taċ-ċittadini Ewropej fl-aċċess għal-liġi u l-ġustizzja (5). |
3.7 |
Fi ħdan l-istituzzjonijiet Komunitarji, kien madankollu fl-1985, wara seminar organizzat f'Gent fl-1982 taħt l-awspiċji tal-Kummissjoni, illi ġie ppubblikat il-memorandum dwar l-aċċess tal-konsumaturi għall-ġustizzja (6). F'dan id-dokument, il-Kummissjoni stħarrġet, fost l-oħrajn u għall-ewwel darba, dwar is-sistemi tad-difiża legali ta' l-interessi kollettivi. |
3.8 |
Madankollu, wieħed kellu jistenna l-Komunikazzjoni kumplementari tas-7 ta' Mejju 1987, sabiex il-Kummissjoni, wara riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Marzu 1987 (7), tħabbar tassew l-intenzjoni tagħha li tistudja direttiva qafas li tintroduċi d-dritt ġeneralizzat ta' l-assoċjazzjonijiet li jiddefendu l-interessi kollettivi tagħhom fil-qrati u tistieden lill-Kunsill jagħraf ir-rwol prominenti ta' l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, sew bħala intermedjarji sew bħala aġenti diretti fil-qasam ta' l-aċċess tal-konsumaturi għall-ġustizzja. |
3.9 |
Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ġunju 1987, esklussivament iddedikata lill-aċċess tal-konsumaturi għall-ġustizzja, il-Kunsill saħaq ukoll dwar ir-rwol importanti li huma msejħa jaqdu l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, filwaqt li stieden lill-Kummissjoni teżamina jekk inizjattiva fuq livell Komunitarju tistax tkun xierqa f'dan il-qasam. (8) |
3.10 |
Fl-aħħarnett, fl-1989, fil-qafas tat-tħejjija għall-Prijoritajiet fil-ġejjieni għat-tnedija mill-ġdid tal-politika tal-ħarsien tal-konsumaturi, il-Kummissjoni kienet tal-fehma, fil-programm trijennali tagħha (9) (1990-1992), li l-aċċess għall-ġustizzja u għall-ħlas tad-danni ma kienx adattat biżżejjed f'għadd kbir ta' Stati Membri, u dan minħabba l-ispiża involuta, il-kumplessità u d-dewmien meħtieġ u wkoll minħabba problemi marbuta mat-tranżazzjonijiet transkonfinali. Ħabbret li kienet se twettaq studji dwar il-miżuri li kellhom jittieħdu u li l-possibbiltajiet ta' azzjonijiet kollettivi għall-ħlas tad-danni kkawżati lill-konsumaturi kienu se jingħataw attenzjoni partikolari (10). |
3.11 |
Madankollu, kien biss fl-1993 li l-Kummissjoni nediet mill-ġdid dibattitu pubbliku dwar din il-kwistjoni bil-pubblikazzjoni tal-Green Paper importanti dwar l-aċċess tal-konsumaturi għall-ġustizzja u s-soluzzjoni ta' tilwimiet fil-qasam tal-konsum fis-suq uniku (11). Fil-fatt, kien f'din l-okkażjoni li għall-ewwel darba ġiet eżaminata fil-fond, u minn perspettiva Komunitarja, il-kwistjoni tat-twaqqif ta' sistema uniformi ta' mandati ta' inibizzjoni, fejn ħafna ħasbu li din kienet ser isservi ta' bażi għal azzjoni kollettiva xierqa għad-difiża ta' l-interessi tal-konsumatur (12). |
3.12 |
Min-naħa tiegħu, il-Parlament Ewropew ikkonkluda, fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' April 1994 (13), li jkun siewi li wieħed jipproċedi għal ċerta armonizzazzjoni tar-regoli ta' proċedura ta' l-Istati Membri u jaħseb għall-possibbiltà li titwaqqaf, għall-każi li ma jaqbżux ċertu ammont, proċedura Komunitarja li tippermetti soluzzjoni rapida għat-tilwimiet transkonfinali. Il-Parlament indika wkoll li tkun ħaġa xierqa li jiġu armonizzati, sa ċertu punt, il-kundizzjonijiet applikabbli għat-tnedija ta' mandati ta' inibizzjoni kontra prattiki kummerċjali illegali. |
3.13 |
Fl-istess ħin, il-KESE, fl-opinjoni tiegħu adottata b'unanimità waqt is-sessjoni plenarja ta' l-1 ta' Lulju 1994 (14), irrefera, fost l-oħrajn, għall-prinċipju ta' “l-għarfien ġenerali tas-saħħa legali li biha l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi jistgħu jiftħu kawża sabiex jirrappreżentaw l-interessi kollettivi u diffużi, quddiem kwalunkwe korp ġudizzjarju jew mhux ġudizzjarju ta' kull Stat Membru, indipendentement min-nazzjonalità tal-partijiet interessati, ta' l-assoċjazzjonijiet infushom jew tal-post fejn ikun qam il-kunflitt” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Huwa stieden espressament lill-Kummissjoni tistabbilixxi proċedura uniformi fil-qasam ta' l-azzjonijiet kollettivi u ta' azzjonijiet f'rappreżentazzjoni konġunta, mhux biss sabiex jispiċċaw il-prattiki illegali imma wkoll għall-azzjonijiet għall-ħlas ta' danni (15). |
3.14 |
Min-naħa tagħha, il-Kummissarju Emma Bonino, hija u tħabbar il-prijoritajiet tagħha, saħqet fuq l-implimentazzjoni ta' proċedura Komunitarja li tippermetti soluzzjoni rapida tat-tilwimiet transkonfinali u l-armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet applikabbli biex jinbdew azzjonijiet ta' mandat ta' inibizzjoni kontra prattiki kummerċjali illegali, flimkien ma' l-għarfien reċiproku tal-leġittimità ta' l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi li jitilgħu l-qorti (16). |
3.15 |
Wara dan, proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar azzjonijiet ta' inibizzjoni fil-qasam tal-ħarsien ta' l-interessi tal-konsumaturi (17) ġiet ippubblikata fil-25 ta' Jannar 1996. B'din id-direttiva, il-Kummissjoni tat segwitu għar-rakkomandazzjoni tar-rapport Sutherland, u b'hekk wieġbet għas-suġġeriment, approvat bil-kbir, li jidher fil-Green Paper (18) (19). |
3.16 |
Din id-direttiva bla ebda dubju rrivoluzzjonat il-liġi Komunitarja billi, għall-ewwel darba u b'mod ġenerali, il-Komunità lleġislat f'qasam marbut mal-liġi proċedurali ċivili (20). Madankollu, ma ntlaqax is-suġġeriment maħsub biex jiġi estiż l-ambitu tar-rimedju għad-danni. |
3.17 |
Fl-istess waqt, il-Kummissjoni fasslet Pjan ta' azzjoni dwar l-aċċess tal-konsumaturi għall-ġustizzja u s-soluzzjoni tat-tilwim dwar il-konsum fis-suq intern, ippreżentat fl-14 ta' Frar 1996, li fih, wara li ddeskriviet il-problema tas-soluzzjoni tat-tilwim dwar il-konsum u studjat is-soluzzjonijiet differenti misjuba fuq il-livell nazzjonali fl-Istati Membri, ħabbret ċerti inizjattivi li pproponiet għat-tnedija. Fost dawn l-inizjattivi, insibu t-tnedija ta' riflessjoni dwar il-possibbiltà li l-konsumaturi li jkunu qed isofru ħsara kkawżata mill-istess entità kummerċjali jqabbdu lill-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi biex jiġbru l-ilmenti tagħhom ex ante, sabiex ikunu jistgħu jgħaqqdu każi individwali omoġenji bil-għan li jippreżentawhom flimkien fl-istess ħin quddiem l-istess qorti (21). |
3.18 |
F'dan ir-rigward, il-Parlament Ewropew, fir-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-14 ta' Novembru 1996, qies li l-aċċess għall-ġustizzja huwa fl-istess ħin dritt fundamentali tal-bniedem u kundizzjoni indispensabbli ta' garanzija fir-rigward taċ-ċertezza tad-dritt, ikunx nazzjonali jew Komunitarju. Għaraf ukoll l-importanza tal-proċeduri ekstraġudizzjarji tas-soluzzjoni tat-tilwimiet marbuta mal-konsum iżda ġibed l-attenzjoni għall-ħtieġa li tkun garantita lill-konsumatur il-possibbiltà li, wara li jkunu ġew eżawriti l-proċeduri kollha ta' konċiljazzjoni ekstraġudizzjarji, jirrikorri għall-proċeduri ġudizzjarji ordinarji fir-rispett tal-prinċipju ta' l-effettività u taċ-ċertezza legali. Bħala konsegwenza, stieden lill-Kummissjoni tfassal proposti oħra bil-għan li jittejjeb l-aċċess taċ-ċittadini mhux residenti għall-proċeduri ġudizzjarji nazzjonali u ħeġġeġ lill-Istati Membri jiffavorixxu l-intervent ta' l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi bħala mandatarji għan-nom ta' persuni li għandhom is-setgħa li jressqu l-ilmenti fil-qrati u biex jirrikonoxxu s-setgħa legali attiva ta' dawn l-assoċjazzjonijiet biex jieħdu azzjoni ta' interess kollettiv quddiem ċerta mġiba kummerċjali illeċita (22). |
3.19 |
Minn dan il-perijodu 'l quddiem, jidher li l-kwistjoni tħalliet torqod fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea (23). Fil-KESE, min-naħa l-oħra, din il-kwistjoni tqajmet diversi drabi sabiex tintwera l-ħtieġa ta' strument ta' proċedura ċivili fuq livell Komunitarju li jippermetti d-difiża ta' l-interessi mxerrda, kollettivi jew individwali omoġenji (24). |
3.20 |
Il-Kummissjoni reġgħet qabdet il-kwistjoni dan l-aħħar fil-Green Paper dwar il-ksur tar-regoli Komunitarji ta' l-antitrust (25), fi kliem li ta' min wieħed ifakkru: Għal raġunijiet prattiċi, huwa improbabbli ħafna, jew tista' tgħid impossibbli, li l-konsumaturi u x-xerrejja li jkollhom jedd ta' azzjoni għal ħlas ta' danni ta' ammonti żgħar jibdew azzjoni għall-ksur tar-regoli ta' l-antitrust. Għalhekk ta' min wieħed jeżamina jekk l-azzjonijiet kollettivi jippermettux li l-interessi tagħhom ikunu mħarsa aħjar. Lil hinn mill-ħarsien speċifiku tal-konsumaturi, l-azzjonijiet kollettivi jservu ta' mezz biex b'azzjoni waħda jinġabru għadd ta' lmenti li jinvolvu ammonti żgħar, u b'hekk jiġu ffrankati l-ħin u l-flus. |
3.21 |
Fl-opinjoni tiegħu tas-26 ta' Ottubru 2006, il-KESE tenna l-appoġġ tiegħu għal din l-inizjattiva tal-Kummissjoni u kkonferma l-ħtieġa għall-azzjonijiet kollettivi maħsuba biex jiksbu rimedju b'tali mod li jwieġbu b'mod eżemplari għal ċerti għanijiet essenzjali: 1) ir-rimedju effettiv għad-danni: dan jiffaċilita t-talba għall-ħlas tad-danni mressqa mill-organizzazzjonijiet f'isem il-konsumaturi milquta u jagħmel effettiv l-aċċess għall-ġustizzja; 2) il-prevenzjoni u d-dissważjoni ta' mġiba antikompetittiva minħabba l-impatt soċjali wiesa' ta' dan it-tip ta' azzjonijiet (26). |
3.22 |
Intant, il-Kummissjoni qabbdet liċ-Ċentru għall-Istudji dwar il-Liġi tal-Konsum ta' l-Università Kattolika ta' Leuven tħejji studju importanti, li ġie ppublikat dan l-aħħar, dwar il-metodi ta' soluzzjoni alternattiva tat-tilwim (ADR). Parti importanti ta' dan l-istudju li fih 400 paġna huwa ddedikat għad-deskrizzjoni ta' 28 sistema nazzjonali ta' mezzi legali kollettivi ta' difiża tal-konsumaturi, dawk ta' 25 Stat Membru u dawk ta' l-Istati Uniti ta' l-Amerika, il-Kanada u l-Awstralja (27). |
3.23 |
Il-Kummissarju l-ġdid inkarigat mill-konsumaturi, Meglena Kuneva, ħabbret f'bosta dikjarazzjonijiet li din it-tema hija waħda mill-prijoritajiet tal-mandat tagħha. Din it-tema tidher diġà fil-komunikazzjoni reċenti dwar “L-istrateġija Ewropea tal-Politika tal-konsumatur 2007-2013” (28). Il-kwistjoni tqajmet mill-ġdid kemm mill-Kummissarju Neelie Kroes kif ukoll mill-Kummissarju Meglena Kuneva waqt konferenza li saret dan l-aħħar f'Lisbona fuq l-inizjattiva tal-Presidenza Portugiża (29). |
3.24 |
Il-Kunsill tal-Ministri ta' l-OECD ukoll għadu kif adotta Rakkomandazzjoni dwar is-soluzzjoni u l-kumpens tat-tilwim dwar il-konsum [C(2007) 74 tat-12 ta' Lulju 2007]. Huwa jagħraf li l-biċċa l-kbira tas-sistemi implimentati fl-Istati Uniti għas-soluzzjoni u l-kumpens tat-tilwim twaqqfu sabiex jiġu indirizzati każijiet fuq livell nazzjonali u m'humiex dejjem adattati sabiex jipprovdu kumpens għal konsumaturi li jkunu ġejjin minn Stat Membru ieħor. |
4. Għaliex għandu jkun hemm azzjoni kollettiva fuq livell Komunitarju?
4.1 |
Il-kunsiderazzjoni ta' l-interessi tal-konsumaturi fi ħdan l-Istati Membri u fuq il-livell ta' l-Unjoni Ewropea tgħaddi għal-livell ġuridiku mhux biss permezz ta' l-għarfien tad-drittijiet materjali iżda wkoll ta' proċeduri xierqa sabiex jiġu difiżi dawn id-drittijiet. Ta' min ukoll jagħraf li ż-żieda fil-kummerċ transkonfinali kellha bħala konsegwenza l-iżvilupp ta' tilwimiet dwar il-konsum fuq livell Ewropew. F'bosta każi, ġara li s-soluzzjoni individwali tat-tilwimiet ma kenitx biżżejjed. L-ispiża u d-dewmien involuti jikkontribwixxxu bil-kbir għall-ineffettività tad-drittijiet tal-konsumaturi, b'mod partikolari meta numru kbir ħafna (bosta eluf, meta mhux miljuni) ta' konsumaturi jsofru minn ħsara kkawżata mill-istess prattika u meta d-danni individwali jkunu ta' ammonti relattivament baxxi. L-iżvilupp progressiv tas-“soċjetà Ewropea” jġib miegħu wkoll problemi marbutin mad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli u jkun xieraq li ċ-ċittadini Ewropej ikunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom b'mod uniformi. Attwalment, imġibiet abbużivi li jseħħu fl-istess ċirkostanzi u li jikkawżaw l-istess danni f'bosta Stati Membri jistgħu jagħtu lok għal kumpens biss fil-ftit Stati Membri li għandhom sistema ta' azzjoni kollettiva. |
4.2 |
Barra minn hekk, il-Kostituzzjonijiet ta' l-Istati Membri kollha u l-Konvenzjoni Ewropea għall-Ħarsien(?) tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali jsostnu d-dritt għal proċess ġust fil-qorti. Dan id-dritt jinkludi partikolarment id-dritt ta' aċċess effikaċi u effettiv għall-qorti. |
4.3 |
Bħalissa, is-sistemi legali jagħmluha diffiċli biex iċ-ċittadini jikkontestaw konkretament u effettivament ċerti prattiki li huma ta' ħsara għalihom u jressqu l-każ tagħhom quddiem il-qorti. Sa minn għexieren ta' snin ilu, bosta Stati Membri pprovdew żewġ tweġibiet għal din il-problema. Għarfu l-ewwelnett, fl-interess kollettiv tal-konsumaturi, id-dritt li dawn jitħarsu permezz ta' azzjonijiet li jittieħdu quddiem korpi amministrattivi jew qrati u tribunali. Tweġiba oħra xierqa nstabet ukoll ma' l-għarfien ta' proċedura li tgħaqqad l-azzjonijiet individwali. Dawn l-azzjonijiet huma msejsa essenzjalment fuq ekonomija proċedurali fejn l-azzjonijiet jinġabru flimkien u jiġu sintetizzati fi proċedura waħda. |
4.4 |
Il-ħolqien ta' azzjoni kollettiva Ewropea tkun tista' tippermetti aċċess għall-ġustizzja għall-konsumaturi kollha tkun xi tkun in-nazzjonalità, il-qagħda finanzjarja u l-ammont tad-dannu individwali tagħhom. Toffri wkoll vantaġġi lill-entitajiet kummerċjali billi dawn ikunu jistgħu jagħmlu ekonomija fil-proċedura involuta. L-ispiża involuta fi proċess bħal dan tkun inqas milli kieku jittieħdu eluf ta' azzjonijiet individwali. Din il-proċedura jkollha wkoll il-vantaġġ li toffri ċertezza legali billi tiġbor f'deċiżjoni waħda s-soluzzjoni ta' numri kbar ta' lmenti li jixxiebhu (30). Fl-aħħarnett, tevita l-kontradizzjonijiet bejn il-qrati ta' l-Istati Ewropej li jkollhom jiddeċiedu dwar kawżi simili. Għalhekk, din is-sistema komuni għall-pajjiżi Ewropej kollha tippermetti ħarsien aħjar tal-konsumaturi u fl-istess ħin issaħħaħ il-fiduċja ta' l-entitajiet kummerċjali u bħala konsegwenza jissaħħu t-tranżazzjonijiet u l-kummerċ fi ħdan l-Unjoni Ewropea. |
4.5 |
Din l-azzjoni, bħalma hija definita hawn fuq, ikollha effett pożittiv fil-qasam tal-liġi privata internazzjonali, meta wieħed jikkunsidra d-diffikultajiet ta' interpretazzjoni u ta' applikazzjoni ta' l-istandards kuntrattwali u ekstrakuntrattwali għas-soluzzjoni tat-tilwimiet (Ruma I u Ruma II). Permezz tagħha, ikunu wkoll jistgħu jiġu definiti b'mod preċiż ir-regoli tal-kompetenza legali, tar-rikonoxximent u ta' l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji fil-qasam ċivili u kummerċjali (Regolament (KE) Nru 44/2001). (31) |
4.6 |
B'hekk, il-liġi dwar il-konsum tissaħħaħ permezz ta' iktar implimentazzjonijiet ta' azzjonijiet li jippermettu kumpens ġust lill-konsumaturi u ħarsien ġenwin tal-“parti d-dgħajfa”, skond prinċipju fundamentali tal-liġi Komunitarja. Dan japplika b'mod partikulari għad-Direttiva reċenti dwar il-prattiki kummerċjali inġusti. Dawn il-prattiki ħafna drabi jintużaw simultanjament f'bosta Stati Membri, u jikkawżaw ħsara lil ħafna konsumaturi bla ma jagħtuhom l-ebda opportunità għal rikors kollettiv. L-azzjoni kollettiva hija proċedura komplementari indispensabbli għall-implimentazzjoni effettiva ta' din id-direttiva. Għaldaqstant, id-direttivi kollha li jeżistu attwalment fil-qasam tal-ħarsien tal-konsumaturi kif trasposti mill-Istati Membri, ikunu jistgħu jsiru aktar effettivi bl-għarfien ta' azzjoni kollettiva fl-oqsma koperti minn dawn id-direttivi. Ikun xieraq li dawn id-dispożizzjonijiet jkunu jistgħu jiġu applikati għall-benefiċċju ta' l-SMEs li jinsabu f'qagħda simili. |
4.7 |
Bla dubju, l-implimentazzjoni ta' proċedura legali kollettiva fuq il-livell Komunitarju, bħala l-aħħar rikors għall-isforzi ta' soluzzjoni tat-tilwim, ma jġibu magħhom l-ebda ħsara għas-sistemi ta' soluzzjoni ekstraġudizzjarji ta' tilwim dwar il-konsum. Il-KESE ta lil dawn is-sistemi l-appoġġ kollu tiegħu. Il-potenzjal tagħhom irid ikun studjat aktar fil-fond u żviluppat. |
5. Terminoloġija
5.1 |
Sabiex ikun jista' jiġi identifikat tajjeb is-suġġett tal-proposta, għandu jkun hemm qbil dwar it-tip ta' azzjoni legali li qed tiġi kkunsidrata. Kif turi s-sinteżi tas-sistemi adottati fl-Istati Membri, l-isem u l-kontenut tat-tipi differenti ta' azzjoni jvarjaw ħafna. Ta' min wieħed jagħmel ukoll distinzjoni bejn l-azzjonijiet rappreżentattivi, l-azzjonijiet fl-interess kollettiv u l-azzjonijiet kollettivi. |
5.2 |
L-azzjonijiet rappreżentattivi huma miftuħin biss għall-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi jew l-entitajiet amministrattivi (tat-tip Ombudsman) sabiex tintemm l-imġiba li tmur kontra d-drittijiet tal-konsumaturi kif ukoll, għal ċerti pajjiżi, it-tneħħija ta' klawżoli abbużivi jew illegali fil-kuntratti tal-konsum. |
5.3 |
L-azzjonijiet fl-interess pubbliku jiftħu l-possibbiltà għall-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi li jaġixxu quddiem korp ġudizzjarju jew mhux ġudizzjarju meta l-interess pubbliku, ġenerali, tal-konsumaturi ssirlu l-ħsara mill-ksur jew ta' dispożizzjoni preċiża tal-liġi sostantiva jew ta' norma ġenerali ta' mġiba. L-interess kollettiv m'huwiex is-somma ta' l-interessi individwali tal-konsumaturi u joqrob lejn l-interess ġenerali. |
5.4 |
L-azzjoni kollettiva hija azzjoni fil-qorti li tippermetti lil għadd kbir ta' persuni li jingħarfulhom drittijiethom u jiksbu rimedju. Teknikament, din hija għaldaqstant applikazzjoni proċedurali kollettiva tad-drittijiet individwali. |
5.5 |
L-azzjoni kollettiva m'hijiex riżervata biss għall-qasam tal-ħarsien tal-konsumaturi u l-kompetizzjoni. Madankollu, fil-każ ta' din l-opinjoni, tikkonċerna biss l-oqsma materjali kif rikonoxxut fil-liġi Komunitarja. |
5.6 |
Għalhekk huwa propost li għal din l-opinjoni jintuża t-terminu “azzjoni kollettiva” (32). |
6. Bażi legali
6.1 |
Il-bażi legali għall-politika tal-ħarsien tal-konsumaturi tidher fit-Titolu XIV tat-Trattat tal-KE bl-isem “Protezzjoni tal-konsumatur”. L-Artikolu 153 huwa bla dubju element importanti għar-riflessjoni. |
6.2 |
Fil-fatt, bħalissa, anki jekk il-liġi dwar il-konsum żviluppat essenzjalment madwar l-Artikolu 95 tat-Trattat, li huwa meqjus bħala referenza, il-politika tal-ħarsien tal-konsumatur kif inhi meqjusa hawnhekk tikkostitwixxi b'mod ċar miżura maħsuba biex tippromovi l-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi. |
6.3 |
Mingħajr l-iċken dubju, l-azzjoni kollettiva ser tassigura livell għoli ta' ħarsien u ser tippermetti lill-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi jorganizzaw lilhom infushom sabiex iħarsu l-interessi tal-konsumaturi, jiġifieri li jassigurawlhom kumpens ġust f'każ ta' ksur ta' drittijiet li tirrikonoxxilhom il-liġi Komunitarja, inkluża l-liġi dwar il-kompetizzjoni. |
6.4 |
Azzjoni kollettiva fuq il-livell Komunitarju ser tikkontribwixxi wkoll għat-titjib tat-tħaddim tas-suq intern favur il-konsumaturi, b'konformità mar-reviżjoni tas-suq intern. Il-konsumaturi se jkollhom aktar fiduċja fl-iżvilupp tal-kummerċ transkonfinali (33). |
6.5 |
Wieħed jista' wkoll isostni li billi dan huwa strument purament legali, l-Artikoli 65 u 67 jistgħu eventwalment jinżammu bħala bażi legali xierqa. Fil-fatt kien fuq din il-bażi legali li, sa mill-1996, il-Kummissjoni pproponiet u l-Kunsill u l-Parlament Ewropew adottaw sensiela sħiħa ta' strumenti legali fil-qasam tal-liġi proċedurali ċivili fuq il-livell Komunitarju (34). Din is-soluzzjoni tista' tiġi kkunsidrata billi din l-azzjoni kollettiva tista' tintuża kemm għall-kunflitti transkonfinali kif ukoll għat-tilwimiet nazzjonali u f'aktar oqsma minn dak tal-liġi dwar il-konsum. |
6.6 |
Fl-ipoteżi kollha, l-azzjoni kollettiva jkollha tirrispetta l-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, bla ma tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex tassigura l-għanijiet tat-Trattat, bil-fehma li l-għanijiet ma jistgħux jitwettqu biżżejjed mill-Istati Membri u għalhekk jitwettqu aħjar fuq il-livell Komunitarju. |
6.7 |
L-azzjoni kollettiva jkollha wkoll issegwi l-prinċipji u l-mekkaniżmi enfasizzati fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Ministri ta' l-OECD (C(2007) 74 tat-12 ta' Lulju 2007), li tressqu bħala prinċipji komuni minkejja d-diversità tal-kulturi legali li jeżistu fl-Istati Membri. |
7. Il-parametri ta' azzjoni kollettiva fuq livell Komunitarju
7.1 Dak li ma għandhiex tkun l-azzjoni
7.1.1 L-azzjoni kollettiva ma għandhiex tkun azzjoni rappreżentattiva:
7.1.1.1 |
L-azzjoni rappreżentattiva hi miftuħa biss għal ċerti entitajiet li jkollhom awtorizzazzjoni speċjali (assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi, Ombudsman). Il-konsumaturi ġeneralment ma jistgħux jiksbu rimedju għad-danni individwali tagħhom. |
7.1.1.2 |
L-għan ewlieni ta' dawn il-proċeduri huwa t-tmiem ta' mġiba li tmur kontra d-drittijiet tal-konsumaturi kif ukoll, għal ċerti pajjiżi, it-tneħħija ta' klawżoli abbużivi jew illeċiti fil-kuntratti tal-konsum, fejn il-qorti ma tistax tipprevedi rimedju. |
7.1.1.3 |
Xi pajjiżi daħħlu xi bidliet f'dawn il-mekkaniżmi sabiex jippermettu kumpens għall-konsumaturi. Madankollu, dan il-kumpens ma jgħaddix lill-konsumaturi individwali iżda jinżamm mill-entitajiet rappreżentattivi jew jingħadda lill-Istat għal użu soċjali. |
7.1.1.4 |
Għalhekk dan il-mekkaniżmu ma jikkorrispondix fil-prattika għal azzjoni kollettiva proprja li fiha l-konsumaturi kollha jkunu kkumpensati fi proċedura legali waħda. |
7.1.2 L-azzjoni kollettiva ma għandhiex tkun “class action” Amerikana:
7.1.2.1 |
It-tnedija ta' azzjoni kollettiva Ewropea ma twassalx għall-introduzzjoni fl-Ewropa ta' “class action” bħal ta' l-Istati Uniti. Is-sistema legali Amerikana hija differenti ħafna mis-sistemi legali ta' l-Istati Membri. Il-punti dgħajfa tal-“class actions”, li huma kkkritikati li jwasslu għall-abużi, huma partikulari għal dik is-sistema legali u ma jistgħux jidħlu fl-Ewropa. |
7.1.2.2 |
Fl-Istati Uniti, id-deċiżjonijiet tal-ġustizzja jingħataw minn ġuriji popolari u mħallfin eletti. Din il-kompożizzjoni partikolari, li hija differenti minn dik tal-biċċa l-kbira ta' l-Istati Membri (li għandhom imħallfin professjonali), twassal ta' spiss ħafna għal sitwazzjonijiet fejn ġurisdizzjonijiet ta' l-Istati jawtorizzaw azzjonijiet fantasjużi u jagħtu deċiżjonijiet favorevoli wisq għar-rikorrenti, u dan iwassal lill-konsumaturi biex jippreżentaw it-talbiet tagħhom quddiem ċerti qrati minflok oħrajn meqjusa anqas favorevoli (“forum shopping”). |
7.1.2.3 |
Min-naħa l-oħra, l-azzjoni kollettiva Ewropea tkun ilqugħ kontra l-forum shopping minħabba li, kieku, f'kull Stat Membru jinħoloq u jitwaqqaf tip uniku ta' proċedura li twassal biex, tkun liema tkun il-ġurisdizzjoni jew l-Istat magħżul mir-rikorrenti, il-proċediment ta' l-azzjoni u l-miżuri deċiżi mill-ġudikant ikunu ta' l-istess natura. |
7.1.2.4 |
Il-ħlas ta' danni bħala kumpens jista' jkun akkumpanjat minn ħlas ta' danni punittivi. Dawn ir-rimedji huma stabbiliti mill-ġuriji u mill-ġudikanti eletti, u sikwit jilħqu ammonti astronomiċi. Id-danni punittivi ma jeżistux fil-biċċa l-kbira ta' l-Istati Membri Ewropej. |
7.1.2.5 |
L-avukati jitħallsu skond sistema ġeneralizzata ta' “contingency fees”. Din is-sistema hija speċi ta' patt ta' quota litis (jew “champerty”) fejn l-avukati, li jistgħu jkunu rikorrenti huma stess, jassoċjaw ruħhom ma' l-eżitu tal-kawża. Din is-sistema hija projbita fil-biċċa l-kbira ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea, jew mil-liġi jew mill-kodiċi ta' etika professjonali ta' l-avukati. |
7.2 L-għażla fundamentali: “opt-in” jew “opt-out”
Meta wieħed jeżamina l-proċeduri ta' azzjonijiet kollettivi adottati fl-Istati Membri, jasal biex jikklassifikahom f'żewġ kategoriji, skond il-mekkaniżmu ewlieni ta' kif titnieda l-azzjoni u ta' kif jintervjeni l-konsumatur fil-proċedura. Jew il-konsumatur irid jaġixxi minn rajh biex jieħu sehem fil-proċedura, u f'dak il-każ nitkellmu dwar “opt-in”; jew inkella t-tnedija ta' l-azzjoni timplika awtomatikament il-parteċipazzjoni tal-konsumatur fil-proċedura bla ma dan ikollu għalfejn jieħu azzjoni, u f'dak il-każ nitkellmu dwar “opt-out”. Fit-tieni każ, il-konsumatur xorta tibqagħlu l-possibbilità li joħroġ mill-proċedura. Biex titfassal azzjoni kollettiva Ewropea bilfors irid jingħażel il-mekkaniżmu ewlieni li se tissejjes fuqu.
7.2.1 “Opt-in” u “Test case”
7.2.1.1 |
Is-sistema ta' l-opt-in tipprevedi turija ta' rieda mill-persuna biex tkun parti mill-proċedura. Għaldaqstant, il-persuni konċernati għandhom jippreżentaw ruħhom biex jingħaqdu espressament fl-azzjoni qabel ma tingħata d-deċiżjoni. B'mod parallel għal dan il-mekkaniżmu ta' opt-in, żviluppaw ukoll mekkaniżmi magħrufa bħala “test cases”, ibbażati fuq deċiżjoni ta' stqarrija inizjali. Dawn il-proċeduri jixbhu l-azzjonijiet kollettivi bbażati fuq l-opt-in billi, hawn ukoll, il-persuni konċernati jridu jippreżentaw ruħhom biex jieħdu sehem fil-proċedura u jressqu rikorsi individwali. Madankollu, il-partikolarità ta' dan il-mekkaniżmu qiegħed fil-fatt li l-ġudikant jagħżel wieħed minn dawn ir-rikorsi individwali u jiddeċiedi fuq dak biss. Id-deċiżjoni mogħtija fil-proċedura tat-test case tkun tiswa għar-rikorsi individwali l-oħra kollha mressqin il-qorti. |
7.2.1.2 Il-vantaġġi ta' dawn il-mekkaniżmi
7.2.1.2.1 |
Kull membru tal-grupp konċernat irid jippreżenta ruħu biex jieħu sehem fil-proċedura u dan ġeneralment isir billi jinkiteb f'reġistru. Għalhekk ikun hemm turija ta' rieda ċara li permezz tagħha l-proċedura tkun qiegħda f'konformità mal-prinċipju tal-libertà għal azzjoni ġudizzjarja. Ir-rikorrent jaġixxi f'isem persuni oħrajn biss wara li dawn ikunu tawh il-kunsens formali tagħhom. |
7.2.1.2.2 |
Fil-metodu ta' l-opt-in, il-firxa prevedibbli tal-kumpensi tista' tiġi ddeterminata minn qabel. Dan huwa importanti kemm għall-akkużati li jkunu konċernati direttament mit-talba għal kumpens, b'mod ġenerali, kif ukoll għall-possibbiltà li dawn jinkitbu f'poloz ta' assigurazzjoni li jkopru parti mid-danni potenzjali. Għaldaqstant, ser jinżammu fondi suffiċjenti f'riserva sabiex jitħallsu t-talbiet leġittimi għall-kumpens. |
7.2.1.2.3 |
Fil-proċedura tat-test case, każ individwali wieħed jiġi ppreżentat lill-ġudikant sabiex jivvaluta l-problema; dan ifisser ħin mirbuħ u effiċjenza akbar għall-ġudikant billi jiġġudika r-responsabbiltà ta' l-entità kummerċjali fuq il-bażi ta' dan il-każ biss. |
7.2.1.3 L-iżvantaġġi ta' dawn il-mekkaniżmi
7.2.1.3.1 |
Dawn il-mekkaniżmi jiswew ħafna flus u l-ġestjoni tagħhom mhijiex ħaġa faċli: il-persuni konċernati jridu jippreżentaw ruħhom biex jieħdu sehem fil-proċedura u jikkostitwixxu kawża individwali. Il-ġestjoni tal-kawżi individwali ssir kumplessa meta l-għadd tal-persuni konċernati jkun wieħed kbir. |
7.2.1.3.2 |
Dan iwassal għal dewmien twil ħafna fil-proċedura peress li l-qorti jkollha torganizza u tittratta dawn il-kawżi individwali kollha. Min-naħa l-oħra, fil-każ ta' tilwim tal-massa li jiġġenera l-biċċa l-kbira ta' l-azzjonijiet kollettivi, id-danni kkawżati lill-individwi jkunu relattivament omoġenji u spiss ma jkollhomx bżonn jiġu eżaminati individwalment. |
7.2.1.3.3 |
Fil-mekkaniżmu tat-test case, il-ġudikant ma jiffissax dejjem l-ammont ta' kumpens dovut u xi drabi jirreferi l-kawżi għal proċeduri individwali. Dan jinvolvi problemi ta' ġestjoni u dewmien fil-proċedura. |
7.2.1.3.4 |
Barra minn hekk, studju ta' l-azzjonijiet kollettivi b'opt-in jew b'test case li saru f'pajjiżi li għandhom dan il-mekkaniżmu juri li parti sostanzjali mill-konsumaturi ma jressqux rikors quddiem il-qorti minħabba nuqqas ta' informazzjoni effettiva dwar l-eżistenza ta' din il-proċedura. Fil-biċċa l-kbira, il-persuni konċernati jirrifjutaw ukoll li jitilgħu l-qorti minħabba raġunijiet ta' ostakli materjali, finanzjarji u psikoloġiċi li tiġġenera l-azzjoni legali (żmien, flus u kumplessità estrema). |
7.2.1.3.5 |
Għalhekk teżisti diskrepanza kbira bejn min fil-fatt jaġixxi u dawk potenzjalment konċernati. Minħabba f'hekk, il-kumpens miksub mill-konsumaturi m'huwiex totali. Il-benefiċċju illegali li jista' jinkiseb mill-entità kummerċjali waqt il-prattika jista' jinżamm minnha b'mod sostanzjali. L-għan dissważiv tal-proċedura ma jintlaħaqx. |
7.2.1.3.6 |
Dawn il-mekkaniżmi jippreżentaw ukoll problema fir-rigward ta' l-effett relattiv tal-kwistjoni ġġudikata. Id-deċiżjoni miksuba fil-qafas tal-proċedura ta' l-azzjoni kollettiva tiswa biss għall-persuni li jkunu daħlu għall-azzjoni. Għaldaqstant, il-konsumaturi li ma jkunux ippreżentaw ruħhom ikunu totalment liberi li jidħlu għal azzjonijiet individwali li jistgħu mbagħad iwasslu għal deċiżjonijiet li jkunu kontradittorji ma' dik miksuba fil-qafas ta' l-azzjoni kollettiva. |
7.2.2 Opt-out
7.2.2.1 |
L-azzjoni kollettiva tradizzjonali hija msejsa fuq sistema ta' opt-out li tintegra b'mod awtomatiku l-persuni kollha vittmi ta' aġir, minbarra dawk li espressament urew ir-rieda li jeskludu lilhom infushom. Ċerti Stati Ewropej tnebbħu minn dan il-mekkaniżmu biex elaboraw proċedura sui generis ta' l-azzjoni kollettiva. |
7.2.2.2 Il-vantaġġi ta' dan il-mekkaniżmu
7.2.2.2.1 |
Studju tas-sistemi nazzjonali li jużaw l-opt-out juri li din il-proċedura tista' tiġi ġestita b'mod aktar sempliċi u hija aktar effettiva mill-mekkaniżmi l-oħra adottati minn ċerti Stati Membri. |
7.2.2.2.2 |
Tiggarantixxi aċċess reali tal-persuni konċernati għall-ġustizzja kif ukoll rimedju ġust u effettiv għat-totalità tal-konsumaturi li jkunu qegħdin isofru minn danni. |
7.2.2.2.3 |
Tevita d-diffikultajiet ta' ġestjoni għar-rikorrent u għall-qorti (fil-fatt il-membri tal-grupp jippreżentaw ruħhom malli tispiċċa l-proċedura u mhux qabel). |
7.2.2.2.4 |
Għandha wkoll effett dissważiv ġenwin fuq il-parti responsabbli billi din tiġi mġiegħla tagħti kumpens lill-persuni kollha li tkun saritilhom ħsara minn ċerta prattika u wkoll skond il-każ trodd lura l-benefiċċju illegali li setgħet kisbet minn din il-prattika. |
7.2.2.2.5 |
Ta' min iqis ukoll il-vantaġġi li għandha din it-tip ta' azzjoni għall-entità kummerċjali. L-azzjoni kollettiva tippermetti ekonomija tar-riżorsi umani u finanzjarji u effettività akbar fid-difiża ta' l-entità kummerċjali. Minflok ma jkollha tiffaċċja simultanjament għadd kbir ta' tilwimiet simili quddiem għadd kbir ta' ġurisdizzjonijiet differenti, hija tħejji d-difiża tagħha quddiem korp ġudizzjarju wieħed. |
7.2.2.3 L-iżvantaġġi ta' dan il-mekkaniżmu
7.2.2.3.1 |
Jista' jitqies li dan il-mekkaniżmu mhuwiex f'konformità mal-prinċipji kostituzzjonali ta' ċerti pajjiżi u mal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, partikolarment il-prinċipju tal-libertà ta' l-azzjoni legali peress li l-persuni jkunu awtomatikament parti mill-grupp mingħajr ma jkunu wrew il-kunsens ċar tagħhom għall-azzjoni. Jekk ma jeskludux lilhom infushom, jafu jkunu marbuta mis-sentenza mogħtija. Madankollu huwa perfettament possibbli li tiġi ppreservata din il-libertà individwali, kemm fl-għoti ta' informazzjoni personalizzata lill-persuni, u permezz ta' dan wieħed jista' jqis li l-persuni li ma jeskludux lilhom infushom ikunu taw awtorizzazzjoni taċita lill-azzjoni, kemm fl-għoti tad-dritt lill-membri tal-grupp li jeskludu lilhom infushom mill-proċedura f'kull ħin u anki wara li tkun ingħatat is-sentenza u li, jekk din ma tkunx favorevoli għalihom, ikunu jistgħu jibdew azzjonijiet individwali. |
7.2.2.3.2 |
Id-drittijiet tad-difiża bħall-prinċipju tal-kontradittorju u l-prinċipju ta' l-ugwaljanza tal-mezzi (“equality of arms”) ikunu wkoll effettwati: l-entità kummerċjali għandha tkun tista' tagħmel argumenti individwali ta' difiża kontra wieħed mill-vittmi membru ta' grupp. Dan il-prinċipju huwa marbut ma' dak tas-“smigħ xieraq” ta' l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Fil-fatt, fis-sistema ta' l-opt-out, jista' jkun li l-persuni konċernati ma jkunux kollha msejħin b'isimhom u ma jkunux magħrufin mill-entità kummerċjali. F'dak il-każ, jista' jkun impossibbli għaliha li tagħmel argumenti individwali ta' difiża. Madankollu, fil-qafas ta' azzjoni kollettiva, ikun hemm bilfors omogenjità tas-sitwazzjonijiet individwali fejn il-ġudikant huwa l-garanti. It-tilwimiet dwar konsum jew kompetizzjoni joħorġu prinċipalment mill-kuntratti u, b'hekk, is-sitwazzjonijiet tal-persuni konċernati jkunu kważi identiċi. Il-causa petendi hija waħda u l-istess. Għalhekk hija diffiċli li wieħed jara kif l-entità kummerċjali tista' tinvoka mezz ta' difiża partikolari kontra konsumatur. Il-ġudikant jista' jkollu, matul il-proċedura kollha, il-possibbiltà li jiċħad rikors li fih jara eteroġenjità kbira ta' sitwazzjonijiet ta' fatt jew ta' liġi. Fl-aħħarnett, fl-istadju ta' l-indennizz, il-ġudikant għandu l-possibbiltà joħloq sotto-gruppi sabiex jadatta partikolarment l-ammont tar-rimedji għas-sitwazzjonijiet individwali u għalhekk għat-tnaqqis potenzjali tar-responsabbiltà. |
7.2.3 Opt-out u opt-in skond it-tip ta' tilwima
7.2.3.1 |
Is-sistema magħżula dan l-aħħar mid-Danimarka u n-Norveġja tagħti lok għal sistema kemm ta' opt-in u kemm ta' opt-out. Il-ġudikant jista' jiddeċiedi li jagħżel sistema ta' opt-out jekk it-tilwimiet jinvolvu ammonti żgħar, jekk ir-rikorsi jkunu simili u jekk ikun diffiċli li ssir proċedura fuq il-bażi ta' opt-in. Hemm bosta tilwimiet fil-qasam tal-konsum fejn il-konsumaturi ma għandhomx rikorsi individwali effiċjenti minħabba li n-numru ta' persuni konċernati huwa kbir u l-ammonti involuti huma żgħar. Il-proċedura bbażata fuq sistema ta' opt-out tippermetti li jiġu kkunsidrati l-persuni konċernati kollha u li tingħata sanzjoni skond il-livell tal-benefiċċju illegali li jaf ikun inkiseb. Fil-każ ta' tilwimiet fejn id-danni individwali jkunu għoljin, tingħażel is-sistema bbażata fuq l-opt-in u din timplika li kull konsumatur irid jippreżenta ruħu sabiex ikun parti mill-proċedura. |
7.2.3.2 Il-vantaġġi ta' dan il-mekkaniżmu
Fil-każ ta' tilwim tal-massa, il-ġestjoni tal-proċedura tkun aktar sempliċi. L-għan li jingħata rimedju jinkiseb jekk il-miżura ta' pubbliċità tkun effettiva. Jinkiseb ukoll l-għan ta' dissważjoni.
Il-ksur eventwali tal-prinċipji kostituzzjonali u tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem jiġi kontrobbilanċjat b'din l-effiċjenza fir-rimedju u d-dissważjoni.
7.2.3.3 L-iżvantaġġi ta' dan il-mekkaniżmu
L-ewwelnett trid titqajjem il-kwistjoni ta' kemm hi diffiċli li wieħed jiffissa l-konfini bejn iż-żewġ mekkaniżmi ta' opt-in u opt-out. Iż-żewġ pajjiżi li adottaw dawn il-mekkaniżmi għamlu dan reċentement u għad m'għandniex każi konkreti. Il-liġijiet rilevanti jsemmu biss tilwimiet tal-massa ta' ammonti żgħar li għalihom wieħed m'għandux bżonn jirrikorri għal proċeduri individwali.
Din il-problema ta' nuqqas ta' konfini mhux definiti b'mod ċar tista' tagħti lok għal dibattiti twal ħafna waqt il-proċedura u għal rikorsi li jtawlu l-proċedura.
7.3 Ir-rwol tal-ġudikant
7.3.1 |
F'dan it-tip partikolari ta' proċedura li tinvolvi bosta rikorrenti, il-kwistjoni tas-setgħat devoluti lill-ġudikant hija ta' importanza kbira. |
7.3.2 |
Fil-biċċa l-kbira tal-mekkaniżmi ta' l-opt-out, l-ewwel fażi tal-proċedura tikkonsisti fl-istħarriġ mill-ġudikant dwar l-ammissibbiltà ta' l-azzjoni. Fil-każ tat-test cases, l-istħarriġ tal-każ individwali jsir bl-istess għan. |
7.3.2.1 |
Is-siwi ta' dan l-istadju ta' ammissibbiltà huwa li jippermetti li titwaqqaf minnufih kull talba li ma tkunx ġustifikata jew fantasjuża u li tista' twassal għal każ fejn tintmess b'mod illeġittimu l-fama tal-parti avversa? (cf.7.3.4), u li jiġu evitati proċeduri abbużivi jew mhux adattati. |
7.3.2.2 |
Il-ġudikant huwa dak li jiggarantixxi li dan l-istadju ta' l-ammissibbiltà jimxi tajjeb. Konkretament, huwa l-kompitu tiegħu li jivverifika li huma osservati l-kundizzjonijiet iffissati mil-liġi biex tinbeda l-azzjoni kollettiva. |
7.3.2.3 |
B'mod partikolari l-ġudikant irid jivverifika dawn li ġejjin:
|
7.3.3 |
Iktar tard, huwa daqstant importanti li l-ġudikant ikun jista' jivvalida l-proposta eventwali tat-tranżazzjoni jew li jirrifjutaha jekk iqis li m'hijiex fl-interess tal-membri tal-grupp. F'dan għandu jkollu setgħa superjuri għal dik ta' l-approvazzjoni tat-tranżazzjonijiet li s-soltu tagħtih il-liġi fil-biċċa l-kbira tas-sistemi ġudizzjarji ta' l-Istati Membri. |
7.3.4 |
Il-partikolarità ta' din il-proċedura twassal ukoll għall-provvediment ta' modalitajiet adattati għall-produzzjoni tal-provi. Il-ġudikant għandu jkollu l-possibbiltà li juża s-setgħat ta' inġunzjoni fir-rigward tal-parti avversa jew ta' partijiet terzi sabiex jikseb il-produzzjoni ta' dokumenti jew inkella li jordna miżuri ta' struzzjoni sabiex jiġu stabbiliti provi ġodda. Il-leġislazzjoni li tistabbilixxi l-azzjoni kollettiva għandha tipprovdi espressament li l-ġudikant ma jistax jirrifjuta li jaġixxi skond dak li huwa msemmi hawn fuq, ġaladarba r-rikorrenti jkunu għamlu t-talba. |
7.3.5 |
Sabiex il-ġudikanti jkunu jistgħu jassumu dawn is-setgħat bl-aħjar mod possibbli, jidher neċessarju li jiġi stipulat li biss ċerti tribunali, imsejħa b'isimhom, għandhom ikunu kompetenti biex jittrattaw l-azzjonijiet kollettivi. Għalhekk l-istrutturi ġudizzjarji ta' l-Istati Membri għandhom jiġu adattati u l-ġudikanti ta' dawn il-ġurisdizzjonijiet għandhom jingħataw taħriġ apposta. |
7.4 Rimedju effettiv għad-danni
7.4.1 |
L-azzjoni kollettiva trid tippermetti li jintalab rimedju għad-dannu materjali (finanzjarju), id-dannu fiżiku, kif ukoll dak tal-pretium doloris u danni morali oħra. Billi l-għan ta' l-azzjoni huwa sew ir-rimedju lill-konsumaturi sew id-dissważjoni, jidher meħtieġ illi jiġi pprovdut kumpens għall-forom kollha ta' danni. Għandu jkun ukoll possibbli li t-tribunali jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom metodi ta' evalwazzjoni sempliċi, li ma jiswewx ħafna flus u li jkunu trasparenti mingħajr ma jiġi abbandunat il-prinċipju tar-rimedju. |
7.4.2 |
Ir-rikorrenti f'azzjoni kollettiva jridu wkoll ikunu jistgħu jiksbu diversi modi ta' rimedju mill-ġudikant. Flimkien mat-terminazzjoni ta' l-aġir jew tan-nullità ta' l-att li xorta jibqgħu possibbli, ir-rimedju għall-ħlas ta' danni għandu jkun jista' jieħu forma diretta jew indiretta. Barra minn hekk, dan għandu jkun akkumpanjat minn miżuri oħra ta' rimedju bħall-pubbliċità, notifikazzjoni pubblika, eċċ. |
7.4.3 |
Ir-rimedju dirett u individwali m'għandux ikun l-uniku wieħed previst billi f'ċerti każi ikun diffiċli, kważi impossibbli, li dan isir kemm minħabba li l-membri ta' grupp ma jkunux jistgħu jiġu identifikati fil-qafas ta' mekkaniżmu opt-out, kemm minħabba li jkunu numerużi, kif ukoll għaliex l-ammont tad-danni individwali tagħhom ikun baxx wisq. L-importanti huwa li jkun hemm dejjem ir-rimedju tal-persuni anki b'mod indirett u li jintlaħaq l-effett dissważiv. |
7.4.3.1 |
Iridu jinħasbu mekkaniżmi xierqa fil-każ li l-ġudikant ikun jista' jikkalkula l-ammont ta' kull rimedju indvidwali għall-membri identifikati jew identifikabbli ta' grupp (f'każi ta' opt-in, test case jew ukoll opt-out meta l-entità kummerċjali tkun provdiet il-lista tal-klijenti konċernati, per eżempju), iżda wkoll fil-każ fejn din id-distribuzzjoni individwali tkun oneruża wisq fir-rigward ta' l-ammont żgħir tad-danni individwali. |
7.4.3.2 |
Bl-istess mod, jekk is-somom tal-flus ma jkunux tqassmu kollha, għandha tingħata l-prijorità lill-miżura ta' rimedju indiretta li tkopri s-somma li tkun baqgħet bħala bilanċ. Fid-deċiżjoni tiegħu, il-ġudikant għandu jispjega fid-dettall l-azzjoni finanzjata mill-bilanċ u jistabbilixxi modalitajiet ta' kontroll għat-twettiq tagħha li jista' jiġi ddelegat lil partijiet terzi. |
7.4.3.3 |
Fl-ipoteżi fejn anke din il-miżura ta' rimedju dirett tkun impossibbli, it-totalità tal-bilanċ iffissat mill-ġudikant trid tingħata lil fond għall-għajnuna għall-azzjonijiet kollettivi sabiex ikunu jistgħu jiġu ffinanzjati proċeduri ġodda. |
7.4.3.4 |
Jekk il-ġudikant ma jkunx jista' jikkalkula l-ammont ta' kull rimedju individwali, fil-każ fejn ma jkunx possibbli li jiġu identifikati l-membri kollha tal-grupp (mekkaniżmu ta' opt-out biss), għandu jkun jista' jiffissa tabella ta' evalwazzjoni tal-kategoriji differenti ta' danni. It-tqassim ta' dawn l-ammonti jista' jiġi ddelegat lir-reġistru tat-tribunal, iżda wkoll lill-avukat tar-rappreżentant tal-grupp, lil parti terza (assiguratur, accountant, eċċ) bil-vantaġġ li t-tribunal ikun jista' jevita dan l-istadju kumpless u twil ta' l-analiżi tar-rikorsi individwali. |
7.4.3.5 |
F'dan it-tieni każ, il-ġudikant għandu jkun jista' jipprevedi kumpens individwali għall-membri tal-grupp li jkunu ppreżentaw ruħhom wara li jkunu ġew infurmati bis-sentenza u l-bilanċ għandu jitħallas lil azzjonijiet li jirrimedjaw indirettament il-ħsara mġarrba mill-grupp. |
7.4.3.6 |
Jekk ma tkun possibbli l-ebda miżura indiretta, il-bilanċ għandu jingħata lill-fond ta' għajnuna. |
7.5 L-appelli
7.5.1 |
L-azzjoni kollettiva trid tagħraf li ż-żewġ partijiet għandhom id-dritt li jappellaw. |
7.5.2 |
Fid-dawl ta' l-importanza li tirrappreżenta, minn naħa, il-ħtieġa ta' kumpens rapidu għall-vittmi u, min-naħa l-oħra, iċ-ċertezza li jkunu ġew apprezzati d-drittijiet taż-żewġ partijiet, hemm bżonn li d-dritt li kull waħda miż-żewġ partijiet tagħmel appell għad-deċiżjoni ikun irrikonċiljat ma' dawn il-ħtiġijiet. |
7.5.3 |
Għalhekk jidher importanti li l-għarfien ta' dan id-dritt jobbliga lill-Istati Membri jimplimentaw proċedura rapida ta' l-appell sabiex jiġi evitat mekkaniżmu purament dilatorju. |
7.5.4 |
Barra minn hekk, iċ-ċertezza li l-kumpensi li l-parti responsabbli tiġi kkundannata li tħallas ikunu disponibbli fil-kontabilità tagħha tipprovdi wkoll garanzija għall-membri tal-grupp fil-każ ta' appell. |
7.6 Il-finanzjament tas-sistema
7.6.1 |
Is-sistema ta' l-azzjoni kollettiva trid tiffinanzja lilha nnifisha maż-żmien. |
7.6.2 |
Billi l-introduzzjoni ta' sistema ġeneralizzata ta' contingency fees bħalma nsibu fl-Istati Uniti m'hijiex xi ħaġa ta' min jixtieqha, jew saħansitra hija ħaġa impossibbli, għax tmur kontra t-tradizzjoni legali Ewropea, huwa indispensabbli li jiġi previst mod ta' finanzjament li jippermetti lir-rikorrenti li ma jkollhomx il-mezzi finanzjarji meħtieġa biex jidħlu għal azzjoni kollettiva, li jirċievu flus minn qabel biex ikopru l-ispejjeż ġudizzjarji (spejjeż ta' l-avukat, spejjeż ta' l-esperti fil-qafas tal-miżuri ta' struzzjoni awtorizzati mill-ġudikant, eċċ.) |
7.6.3 |
Mod kif din is-sistema tista' tkun iffinanzjata huwa li jiġi stabbilit “fond ta' għajnuna għal rikors kollettiv” li jinbena mill-ammont ta' “benefiċċji illegali” miksubin mill-intrapriżi kkundanati, skond ma jkun stipula l-ġudikant fil-proċedura, sakemm dawn ma jkunux intalbu mill-persuni li jkunu qed isofru direttament minn danni u li jkunu ġew identifikati (35). |
7.6.4 |
Barra minn hekk, il-fond ta' għajnuna jista' jkollu l-għan li jiċċentralizza l-informazzjoni kollha marbuta ma' l-azzjonijiet kollettivi li jkunu għaddejjin u jista' jkollu l-inkariga li jxerred l-informazzjoni dwar il-passi li għandhom jittieħdu sabiex wieħed jippreżenta ruħu, jeskludi ruħu mill-grupp jew jikseb kumpens. |
7.7 Regoli oħra ta' proċedura
Fid-dettall, se jkollhom jiġu pprovduti bosta regoli ta' proċedura, li hawnhekk se jiġu elenkati biss pro memoria.
Dan hu partikolarment il-każ ta':
— |
skema ta' avviżi għan-notifika tal-persuni konċernati, |
— |
spejjeż tal-qorti u għajnuna legali, |
— |
kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji u amministrattivi ta' l-Istat Membri, |
— |
skadenzi marbuta mal-preżentazzjoni ta' l-atti ġudizzjarji u perijodi preskritti, |
— |
l-użu ta' l-Internet (e-ġustizzja). |
8. Strument legali: regolament jew direttiva?
8.1 |
L-implimentazzjoni ta' din l-azzjoni kollettiva fuq il-livell Komunitarju tista' ssir jew permezz ta' direttiva, jew permezz ta' regolament; ma jidhrilniex li sempliċi rakkomandazzjoni hija adattata biex toħloq il-kundizzjonijiet ta' effiċjenza u uniformità meħtieġa għall-adozzjoni armonizzata ta' inizjattiva bħal din fis-27 Stat Membru. |
8.2 |
Meta wieħed jikkunsidra li l-kontenut ikun estiż għal suġġetti oħra u ma jkunx jgħodd biss għad-drittijiet tal-konsumaturi, u li l-bażi legali magħżula hija dik ta' l-Artikoli 65 u 67 tat-Trattat, l-adozzjoni ta' Regolament tista' tiġi kkunsidrata, bħal fil-każi, per eżempju, tar-Regolamenti dwar: il-proċeduri ta' insolvenza, l-Ordni Ewropew ta' Infurzar, Proċedura għal ordni ta' ħlas Ewropea, il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar u s-sekwestru ta' kontijiet bankarji. |
8.3 |
Iżda jekk, ta' l-inqas f'fażi inizjali, jiġi deċiż li din l-inizjattiva tkun applikata biss għad-drittijiet tal-konsumatur, l-aħjar mod għall-implimentazzjoni ta' din l-azzjoni kollettiva fuq il-livell Komunitarju jidher li huwa Direttiva, li tkun is-segwitu tad-Direttiva dwar l-inġunzjonijiet. |
8.4 |
Fil-fatt, għad hemm differenzi kbar bejn l-Istati Membri f'dak li għandu x'jaqsam mar-regoli ta' proċedura u għalhekk jeħtieġ li, b'mod ġenerali, il-prinċipji fundamentali ta' l-azzjoni kollettiva jiġu stabbiliti, bl-għarfien li l-Istati Membri jimplimentaw id-Direttiva filwaqt li jirrispettaw il-prinċipji proċedurali tagħhom tas-soltu. Fil-fatt m'huwiex żgur, per eżempju, jekk l-armonizzazzjoni hijiex possibbli, jekk it-tribunali maħtura biex jiddeċiedu dwar din l-azzjoni jkunu jiddependu mir-regoli ta' l-organizzazzjoni ġudizzjarja ta' kull Stat. Il-modi ta' azzjoni għandhom jiġu adattati għall-partikolaritajiet ta' l-Istati Membri. Għalhekk, dan ir-Regolament ma jkunx adattat. |
8.5 |
Jidher evidenti wkoll li d-Direttiva f'dan il-każ għandha tkun direttiva ta' armonizzazzjoni totali sabiex jiġi evitat li l-Istati Membri jagħmlu s-sistema tagħhom aktar stretta għad-detriment ta' l-intrapriżi li jkollhom is-sede f'dan l-Istat. |
Brussell, l-14 ta' Frar 2008.
Il-President
tal-Kumitat Ekonomiku u Sociali Ewropew
Dimitris DIMITRIADIS
(1) Fis-sens tal-proċedura ċivili u bil-għan tad-difiża ta' l-interessi kollettivi jew imxerrda sew għall-prevenzjoni (azzjoni ta' tneħħija ta' ostaklu) sew għar-riżarċiment (talba għall-kumpens għad-danni). Sens ieħor ta' l-espressjoni “azzjoni kollettiva” jista' jinsab l-aktar fil-letteratura ġuridika Anglo-Sassona biex jindika l-għeruq soċjoloġiċi ta' l-assoċjabilità (cf. “Collective action in the European union; interests and the new politics of associability”, Justin Greenwood u Mark Aspinwall, Routledge, London, 1998), b'interess konsiderevoli fuq il-livell ta' l-investigazzjoni ta' l-origini soċjoloġiċi u l-bżonnijiet soċjali li jiġġustifikaw l-azzjonijiet kollettivi fis-sens proċedurali strett.
(2) Wieħed m'għandux jeskludi l-possibbiltà, issa ġa mdaħħla f'bosta sistemi legali nazzjonali, tat-twessigħ ta' l-ambitu ta' l-applikazzjoni ta' l-azzjonijiet kollettivi għall-interessi kollettivi u mxerrda kollha fl-oqsma bħall-ambjent, il-wirt kulturali, il-ġestjoni tat-territorju, u kull ma jikkonċerna l-impriżi privati jew ta' l-Istat, l-amministrazzjonijiet u l-awtoratijiet pubbliċi.
(3) Rari li wieħed isib, fil-letteratura ġuridika, formula daqshekk konċiża bħal dik li ġurist magħruf u deputat Portugiż sab biex isostni, waqt id-dibattitu Parlamentari, l-introduzzjoni ta' azzjonijiet kollettivi fil-Portugall.
Huwa u jitkellem dwar il-forom il-ġodda tal-liġi tat-tieni u t-tielet ġenerazzjoni, il-liġi dwar ix-xogħol, il-konsumaturi, l-ambjent, il-ġestjoni tat-territorju, il-ħarsien tal-wirt kulturali, “forom ta' liġijiet ta' medda universali li, billi huma ta' ħafna nies, jekk mhux ta' kulħadd”, id-deputat Almeida Santos staqsa:
“Billi dawn il-forom ta' liġi huma ta' kulħadd, jew għall-inqas ta' għadd kbir ta' nies, huwa ġġustifikat li l-ħarsien ta' dawn id-drittijiet jitwettaq bil-qattara, bir-rikorrenti fil-kju, jistennew li tinqatgħalhom il-kawża, każ li fl-aħħar mill-aħħar huwa identiku għal dak ta' seħibhom jew ta' ġarhom, u spiss jieħdu raġun u jirbħu f'waqt meta r-riżultat ma jibqagħlu l-ebda sens, minħabba l-fatt li l-kumpens ikun ġa beda jittiekel mill-inflazzjoni, minħabba li r-rimedju morali jasal tard wisq biex jevitaw divorzju jew jerġgħu jirbħu l-kredtu li jkunu tilfu, jew, fl-aħħar mill-aħħar, meta l-punt tal-wasla ta' Via Sagra proċedurali twila jkun ix-xbieha ħajja ta' l-ineffiċjenza u l-inutilità ? Għandna nżommuha kif inhi din il-viżjoni Kafkaeska tal-purgatorju ġudizzjarju ?....”Wieħed sikwit jagħraf illi ħarsien ġuridiku individwali m'huwiex biżżejjed; illi hemm drittijiet u interessi “metaindividwali”, f'nofs triq bejn id-drittijiet individwali u d-drittijet kollettivi; illi d-dritt għall-azzjoni legali ta' dawk direttament jew indirettament milquta m'huwiex biżżejjed; illi qorob it-tmiem ta' kunċett individwalistiku tal-liġi u tal-ġustizzja; illi fuq ix-xefaq qed iżernaq pluraliżmu ġdid u liġi ġdida. (Ara D.A.R. Serje I, nru. 46, 21.02.1990, p. 1617).
(4) L-istudju tas-Centre pour le Droit de la Consommation de l'Université Catholique de Louvain imħejji għall-Kummissjoni (DĠ SANCO) huwa wkoll ġabra eċċellenti li tippermetti li wieħed jislet il-konsegwenzi ta' l-approċċi nazzjonali differenti fir-riżoluzzjoni tat-tilwimiet transkonfinali, l-aktar meta l-konsumaturi ta' diversi Stati Membri jkunu effettwati mill-istess prattiki kummerċjali inġusti transkonfinali, mid-difetti tal-prodotti jew minn kuntratti nnegozjati mill-bogħod li jinkludu l-istess klawżoli kuntrattwali ġenerali abbużivi.
(5) Fil-letteratura ġuridika, wieħed ma jistax jinsa l-opra ħabbara ta' Jacques van Compernolle, “Le Droit d'action en justice des groupements”; Larcier, Brussell, 1972, kif ukoll l-opra kollettiva “L'aide juridique au consommateur”, ta' T. Bourgoignie, Guy Delvax, Françoise Domont-Naert u C. Panier, CDC Bruylant, Brussell, 1981.
(6) Tressaq lill-Kunsill fl-4 ta' Jannar 1985 u tlesta fis-7 ta' Mejju 1987 b'“Komunikazzjoni kumplimentari dwar l-aċċess tal-konsumaturi għall-ġustizzja” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Barra minn hekk, fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta' l-4 ta' Ġunju 1985, bit-titlu “Xprun ġdid għall-politika tal-ħarsien tal-konsumaturi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] [COM (85) 314 finali], fejn il-linji gwida kienu ġew approvati mill-Kunsill fit-23 ta' Ġunju 1986 (ĠU C 167 tal-5.6.1986), kien diġà mistqarr li l-proċeduri ġuridiċi klassiċi jimxu b'pass kajman u spiss ikunu jiswew ħafna flus f'konfront ma' l-ammonti kkonċernati f'dak li għandu x'jaqsam mal-konsum, u li huwa meħtieġ li wieħed ikollu l-mezzi xierqa ta' konsultazzjoni u rimedju sabiex id-drittijiet tal-konsumaturi jitħarsu kif suppost.
(7) Ir-rapporteur kien id-deputata Olandiża s-Sinjura Boot. Wieħed mill-elementi tat-test li għandu jinżamm bħala prinċipju, wara l-emendi ppreżentati mid-deputati Squarcialupi u Pegado Luiz, huwa l-appell lill-Kummissjoni sabiex tipproponi direttiva li tarmonizza l-leġislazzjoni ta' l-Istati Membri b'tali mod li tiġi ggarantita d-difiża ta' l-interessi kollettivi tal-konsumaturi, billi toffri lill-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi l-possibbiltà li jieħdu azzjoni legali fl-interess tal-kategorija li jirrappreżentaw u tal-konsumaturi individwali (Dok. A2-152/86 tal-21 ta' Novembru 1986 (PE 104.304)).
(8) Riżoluzzjoni 87/C, ĠU C 176, 4.7.1987.
(9) Approvati mill-Kunsill fid-9 ta' Marzu 1989 (ĠU C 99, 13.4.1989).
(10) COM(90) 98 finali tat-3 ta' Mejju 1990. Din l-ewwel darba li dehret il-kwistjoni ta' azzjonijiet “kollettivi” f'dokument uffiċjali tal-Kummissjoni.
(11) COM(93) 576 finali tas-16 ta' Novembru 1993. Biex dan id-dokument jinftiehem sew, wieħed għandu jiftakar li, bejn l-1991 u l-1992, ħarġu minn punti differenti bosta inizjattivi ta' dibattitu dwar il-kwistjonijiet marbuta ma' l-aċċess għal-liġi u għall-ġustizzja, fost l-oħrajn il-konferenza dwar il-mekkaniżmi ta' kumpens għall-konsumaturi organizzata mill-Office of Fair Trading f'Londra f'Jannar 1991, it-Tielet Konferenza dwar l-aċċess tal-konsumatur għall-ġustizzja organizzata f'Lisbona bejn il-21 u t-23 ta' Mejju 1992 taħt l-awspiċji tal-Kummissjoni u ta' l-Istituto do Consumidor, kif ukoll it-taħdita “La Protection du Consommateur Transfrontalier” organizzata fil-Lussemburgu f'Ottubru ta' l-1993 mill-Ministeru ta' l-Ekonomija u dak dwar il-Familja u s-Solidarjetà, bl-appoġġ tal-Kummissjoni, u li wasslet għal rapporti li għadhom importanti sal-lum. Fl-istess żmien, bosta universitarji emeriti u ġuristi magħrufa esprimew ruħhom dwar il-kwistjoni (ara partikolarment “Group actions and Consumer Protection”, Thierry Bourgoignie ed., Col. Droit et Consommation, Vol. XXVIII, 1992; “Group Actions and the Defence of the Consumer Interest in the European Community”, Anne Morin, INC, Franza, 1990).
(12) Madankollu, ta' min jinnota li din il-Green Paper tissejjes fuq bosta deċiżjonijiet u dokumenti ta' ħidma preċedenti, li jagħtu bażi politika indispensabbli għall-aċċettazzjoni tagħha. Tant hu hekk li f'Marzu 1992, il-Kummissjoni kienet inkarigat grupp ta' personalitajiet indipendenti, immexxija minn Peter Sutherland, b'rapport dwar it-tħaddim tas-suq intern li jiffoka fuq dak li wassal għall-ilħiq ta' l-implimentazzjoni tal-White Paper dwar is-Suq Intern.
Ippubblikat fis-26 ta' Ottubru 1992, dan ir-rapport, li fih hija partikolarment ittrattata il-kwistjoni ta' l-aċċess għall-ġustizzja, jippreċiża li m'hemmx ċertezzi fir-rigward ta' l-effettività tal-ħarsien tad-drittijiet tal-konsumatur, jissieħeb fit-tħassib imqajjem mill-ineffettività tal-Konvenzjoni ta' Brussell ta' l-1968 dwar l-għarfien reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji u mid-diffikultajiet li joħorġu sabiex wieħed jikseb l-eżekuzzjoni, fi Stat Membru, ta' titolu eżekuttiv maħruġ minn ġurisdizzjoni ta' Stat Membru ieħor, u jirrakkomanda għalhekk stħarriġ urġenti mill-Kummissjoni ta' din il-materja (Rakkomadazzjoni Nru 22). Din ir-Rakkomandazzjoni ħadet is-sura ta' Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tat-2 ta' Diċembru 1999 dwar “It-tħaddim tas-suq intern wara l-1992: is-sewgitu għar-rapport Sutherland” [SEC (92) 2277 finali]. Id-dokument ta' ħidma “Programm strateġiku għas-suq intern”, ippreżentat mill-Kummissjoni f'Ġunju 1993, għaraf il-ħtieġa li jinħoloq qafas operattiv koerenti f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-aċċess għall-ġustizzja qabel l-integrazzjoni ta' għadd ta' miżuri għad-diffużjoni, it-trasparenza u l-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja [COM(93) 256 finali]. Barra minn hekk, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Diċembru 1993 ġibdet l-attenzjoni għall-fatt li l-ilħiq tas-suq intern seta' jwassal għal żieda fil-każijiet fejn ir-residenti ta' Stat Membru jitolbu l-osservanza ta' drittijiethom fi Stat Membru ieħor [COM(93) 632 finali].
Billi, skond il-Kummissjoni, ma jaqax fuq il-Komunità l-oneru li tfittex armonizzazzjoni li tkun neħħiet il-karatteristiċi speċifiċi tas-sistemi legali nazzjonali differenti, hi tipproponi madankollu li tagħmel sforzi favur l-informazzjoni u t-taħriġ fil-liġi Komunitarja, it-trasparenza, l-effettività u l-applikazzjoni riġoruża ta' dan id-dritt, u l-koordinazzjoni fil-qasam tal-ġustizzja bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, iffaċilitata bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Maastricht, u partikolarment “it-tielet pilastru” tiegħu. Dawn l-isforzi kienu ħabbara tal-pubblikazzjoni ta' Green Paper u tal-konsultazzjoni wiesgħa li kellha titnieda bħala segwitu tagħha. Wara l-laqgħa tiegħu tas-27 ta' Settembru 1993 (is-686 sessjoni “suq intern”), il-Kunsill kien ġa kkonkluda li kien essenzjali li wieħed jipproċedi għall-approfondiment tar-riflessjoni dwar l-aċċess għall-ġustizzja, partikolarment fuq il-bażi ta' Green Paper imħabbra mill-Kummissjoni għal tmiem is-sena u li kellha tiffoka fuq il-kwistjoni tal-mezzi proċedurali kif ukoll, skond il-każ, dwar trasparenza akbar fil-każ ta' sanzjonijiet. Kien fl-aħħarnett f'dan iż-żmien li ħareġ studju importanti mqabbad mill-Kummissjoni lil Eric Balate, Cl. Nerry, J. Bigot, R. Techel M.A. Munge, L. Dorr u P. Pawlas, bl-assistenza ta' A. M. Pettovich, preċiżament dwar it-tema “A right to group actions for consumer associations throughout the Community” (Contract B5-1000/91/012369), studju li sa llum għadu essenzjali f'dan il-qasam.
(13) DOK PE 207.674 tad-9 ta' Marzu. Ir-rapporteur kien is-Sur Medina Ortega.
(14) CES 742/94. Ir-rrapporteur kien is-Sur Ataíde Ferreira (ĠU C 295, 22.10.1994). L-interess tal-KES f'din it-tema ma kienx ġdid. F'dokumenti oħra, partikolarment f'żewġ opinjonijiet fuq inizjattiva proprja dwar l-ilħiq tas-suq intern u l-ħarsien tal-konsumaturi, imħejjija mis-Sur Ataíde Ferreira u adottati rispettivament fis-26 ta' Settembru 1992 (CES 1115/91, ĠU C 339, 31.12.1991) u l-24 ta' Novembru 1992 (CES 878/92, ĠU C 19, 25.1.1993), l-attenzjoni tal-Kummissjoni kienet ġa nġibdet lejn il-ħtieġa li jiġu identifikati possibbiltajiet ta' azzjoni fil-qasam tar-regolamentazzjoni tat-tilwimiet transkonfinali u li jingħarfu s-setgħat ta' rappreżentazzjoni ta' organizzazzjonijiet ta' konsumaturi fit-tilwimiet sew nazzjonali sew transkonfinali (punt 5.42, dok. CES 1115/91; punt 4.12 tad-dok. KES 878/92 u tat-taqsima 4 ta' l-istudju interessanti mehmuż, magħmul minn Eric Balate, Pierre Dejemeppe u Monique Goyens u ppubblikat mill-KES (CES-93-003) pp. 103 passim.).
(15) Fis-16 ta' Frar 2007, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, skond l-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, li jfassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar is-suġġett: “Is-suq uniku u l-ħarsien tal-konsumaturi: opportunitajiet u ostakli” (Rapporteur: is-Sur Ceballo Herrero), adottata fis-sessjoni tat-22 ta' Novembru 1995, fejn jissemma li sa din id-data, ma kien sar l-ebda sewgitu għas-suġġerimenti u l-proposti mressqa mll-KESE fl-opinjoni preċedenti tiegħu dwar il-Green Paper (CES 1309/95); l-opinjoni dwar ir-“Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Is-suq uniku fl-1994 [COM(95) 238 finali]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (Rapporteur: is-Sur Vever), fejn ġie kkritikat id-dewmien fl-implimentazzjoni effettiva tas-suq intern, partikolarment fir-rigward tal-leġislazzjoni fil-qasam tal-konsum, u b'mod partikolari r-relazzjonijiet transkonfinali (CES 1310/95 — ĠU C 39, 12.2.1996); l-opinjoni dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni: Prijoritajiet għall-politika tal-konsumaturi” (1996-1998) [traduzzjoni mhux uffiċjali] (Rapporteur: is-Sur Koopman) li fiha l-Kumitat, minkejja li laqa' bi pjaċir il-proposta tad-direttiva dwar l-azzjonijiet għall-inibizzjoni u l-pjan ta' azzjoni ppreżentat mill-Kummissjoni dwar l-aċċess tal-konsumaturi għall-ġustizzja, iddikjara li kien qed jistenna b'interess l-iżviluppi f'dan il-qasam u qies li s-suq uniku, f'dan il-qasam, kien 'il bogħod milli jitwettaq, u li “adeżjoni konxja għad-drittijiet tal-konsumaturi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] hija kundizzjoni fundamentali sabiex tintrebaħ il-fiduċja ta' dawn ta' l-aħħar (CES 889/96, ĠU C 295 tas-7.10.1996). L-istess tip ta' tħassib jidher ukoll fl-opinjoni tal-KES dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: l-impatt u l-effettività tas-suq uniku“[traduzzjoni mhux uffiċjali] [COM(96)520 finali tat-23 ta' April 1997]” (Rapporteur: is-Sur Pasolli; CES 467/97 — ĠU C 206, 7.7.1997).
(16) Fl-ewwel intervent pubbliku tagħha, waqt seduta fil-Parlament Ewropew nhar l-10 ta' Jannar 1995, il-Kummissarju l-ġdid inkarigat mill-konsum għarfet il-politika tal-konsumaturi bħala element ta' importanza ewlenija fil-bini ta' Ewropa taċ-ċittadini u ħadet espressament l-impenn li tagħti segwitu konkret għall-konsultazzjonijiet li kienu ġa saru fil-qafas tal-Green Paper dwar l-aċċess għall-ġustizzja.
Meta ġiet mistoqsija b'mod konkret dwar il-qagħda eżistenti fil-qasam ta' l-aċċess għall-ġustizzja, il-Kummissarju għarfet li l-aċċess tal-konsumaturi għall-ġustizzja kien 'il bogħod milli jkun sodisfaċenti u li t-tul tal-proċeduri ġudizzjarji f'ċerti Stati Membri kien jikkomprometti serjament l-effettività tad-dritt tal-konsumaturi.
(17) COM (95) 712 finali.
(18) Bl-Art. 100(a) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea bħala bażi legali, u billi jitqiesu l-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, il-Kummissjoni pprevediet l-armonizzazzjoni tar-regoli proċedurali ta' l-Istati Membri differenti fir-rigward ta' ċerti rimedji, bl-għanijiet li ġejjin:
— |
it-terminazzjoni jew l-interdizzjoni ta' kull att li jikkostitwixxi ksur ta' l-interessi tal-konsumaturi mħarsa minn għadd ta' direttivi msemmija fl-Appendiċi; |
— |
il-miżuri meħtieġa għall-korrezzjoni ta' l-effetti ta' dan il-ksur, inkluż bil-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni; u |
— |
il-kundanna tal-parti telliefa għal piena pekunjarja obbligatorja f'każ ta' nuqqas ta' eżekuzzjoni tad-deċiżjoni in kwistjoni fiż-żmien stipulat. |
L-istess proposta ipprevediet li kull entità rappreżentattiva ta' l-interessi tal-konsumaturi fi Stat Membru, meta l-interessi li tirrappreżenta jkunu effettwati minn ksur li jkun joriġina fi Stat Membru ieħor, tista' tqabbad lill-qorti jew lill-awtorità kompetenti f'dak l-Istat Membru biex tinfurza d-drittijiet ta' min qed tirrappreżenta.
(19) It-test finali ta' din id-direttiva ġie adottat waqt il-Kunsill ta' l-Affarijiet tal-Konsumaturi tal-Lussemburgu fit-23 ta' April 1998, b'maġġoranza kkwalifikata b'vot kontra milll-Ġermanja, u l-verżjoni definittiva tagħha li tadotta l-biċċa l-kbira tas-suġġerimenti u l-kritika fformulati ġiet ippubblikata fil-11 ta' Ġunju 1998.
(20) Direttiva 98/27/KEE tad-19 ta' Mejju 1998, ĠU L 166, 11.6.1998. Ta' min ifakkar li l-Parlament Ewropew kien kritiku ħafna fir-rigward ta' l-ambitu u l-limitazzjonijiet tal-proposta u ressaq bosta bidliet fit-test inizjali, fosthom:
— |
l-estensjoni ta' l-ambitu tad-Direttiva għad-direttivi futuri kollha li jkollhom x'jaqsmu mal-ħarsien ta' l-interessi tal-konsumaturi; |
— |
l-inklużjoni, fost l-entitajiet li l-leġittimità tagħhom trid tiġi rrikonoxxuta, ta' l-organizzazzjonijiet u l-federazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumaturi jew intrapriżi li jaħdmu fuq livell Ewropew, u mhux esklussivament nazzjonali. |
F'opinjoni mfassla mis-Sur Ramaekers, il-KESE esprima ruħu kontra l-bażi legali tal-proposta, billi qies li din għandha tkun Art. 129(a) u mhux Art. 100(a) tat-Trattat, kontra l-ambitu limitat wisq tagħha u kontra l-obbligazzjoni li l-ewwel jitfittex rimedju quddiem entità tal-pajjiż fejn l-azzjoni legali għandha tinbeda, obbligazzjoni li ddewwem b'mod konsiderevoli u mingħajr ħtieġa l-progress ta' din l-azzjoni (KES 1095/96 — ĠU C 30, 30.1.1997).
(21) COM (96) 13 finali.
(22) Dok. A –0355/96 (PE 253.833).
(23) Madankollu dan ma jfissirx li ma kinux jidhru episodikament f'ċerti direttivi ta' l-acquis communataire referenzi għal azzjonijiet kollettivi bħala mezz xieraq u effettiv għall-garanzija tar-rispett tad-dispożizzjonijiet tagħhom. Dan huwa, per eżempju, il-każ tad-Direttiva 97/7/KE ta' l-20.5.1997 (bejgħ mill-bogħod), Art. 11, jew fid-Direttiva 2002/65/KE tat-23.9.2002 (bejgħ mill-bogħod ta' servizzi finanzjarji), Art. 13.
(24) Infakkru, f'dan il-kuntest:
— |
l-opinjoni fuq inizjattiva proprja KESE 141/2005 — ĠU C 221, 8.9.2005, dwar il-politika tal-konsumaturi wara t-tkabbir ta' l-UE (punt 11.6) |
— |
l-opinjoni KESE 230/2006 — ĠU C 88 11.4.2006, dwar il-programm ta' azzjoni Komunitarju fil-qasam tas-saħħa u l-ħarsien tal-konsumaturi (2007/2013), (punt 3.2.2.2.1.) |
— |
l-opinjoni KESE 594/2006 — ĠU C 185, 8.8.2006, dwar qafas legali għall-politika tal-konsumaturi |
(25) COM(2005)672 finali 19.12.2005.
(26) Opinjoni KESE 1349/2006 — ĠU C 324, 30.12.2006. Ir-rapporteur kienet is-Sinjura Sánchez Miguel. Din it-tema kienet ġa ttrattata mill-opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-Kumitat dwar “Ir-Regolamentazzjoni tal-konkorrenza u l-konsumaturi” (opinjoni KESE 949/2006 — ĠU C 309 tas-16.12.2006).
(27) Studju diġà msemmi fin-Nota 4. Minkejja li pjuttost komplut, dan l-situdju ma jkoprix il-qagħda la tal-Bulgarija u lanqas tar-Rumanija, u lanqas ma jagħti rendikont ta' l-evoluzzjoni l-aktar reċenti fil-Finlandja, jew tas-sistemi qawwija u avvanzati tal-Brażil, l-Iżrael, u n-New Zealand, wisq inqas il-proposti li qed jiġu diskussi fi Franza u l-Italja. Għas-sistema Awstraljana, ara l-ħidma kollettiva “Consumer Protection Law” ta' J. 3, L.W. Maher, Jill McKeough et G. Pearson, The Federation of Press, Sydney, 1998. Għas-sistema ta' New Zealand, ara “Consumer Law in New Zealand”, ta' Kate Tokeley, Butterworth, Wellington, 2000. Għal idea dwar l-iżviluppi fl-Ażja, u partikolarment l-Indja, il-Filippini, Ħong Kong, il-Bangladexx, it-Tajlandja u l-Indoneżja, ara “Developing Consumer Law in Asia”, l-atti tal-konferenza IACL/IOCU, Kuala Lumpur, Faculty of Law, University of Malaya, 1994.
Jidher li sadattant, il-Kummissjoni dan l-aħħar nediet studju ieħor dwar it-tema “L-evalwazzjoni ta' l-effettività u ta' l-effiċjenza tal-mekkaniżmi ta' azzjoni kollettiva fi ħdan l-Unjoni Ewropa” (2007/S 55-067230, 20.3.2007).
(28) COM(2007) 99 finali tat-13.3.2007, punt 5.3, dokument li dwaru l-KESE għadu kif ħareġ opinjoni. (Ir-rapporteur hija s-Sinjura Darmanin).
(29) Konferenza dwar l-azzjoni kollettiva: “Lejn azzjoni kollettiva Ewropea għall-konsumatur?” (9/10 ta'Novembru 2007). Waqt din il-konferenza, il-Kummissarju Kroes qalet: “Il-konsumaturi għandhom id-drittijiet iżda jridu wkoll ikunu jistgħu japplikawhom b'mod effettiv jekk ikun meħtieġ billi jitilgħu l-qorti. Barra minn hekk, kieku r-rikorsi fil-qrati setgħu jsiru biss individwalment minn kull konsumatur, kieku l-ebda rikors ma jitressaq quddiem il-qorti: il-mekkaniżmi ta' l-azzjonijiet kollettivi, għaldaqstant, huma assolutament neċessarji. B'hekk biss il-konsumaturi jkunu jistgħu jibbenefikaw b'mod sħiħ mis-suq uniku.” Min-naħa tagħha, il-Kummissarju Kuneva kellha raġun issostni: “Il-konsumaturi ma jkunux jistgħu jibbenefikaw b'mod sħiħ mis-suuq uniku jekk mhux se jiżviluppaw sistemi effiċjienti biex jittrattaw it-talbiet tagħhom u jagħtuhom il-mezzi neċessarji biex jirċievu rimedji adattati. L-azzjonijiet kcollettivi jistgħu jkunu mezz effiċjenti biex isaħħu l-qafas ta' aċċess għall-ġustizzja li diġà daħħalna għall-konsumaturi meta promovejna l-metodi ta' soluzzjoni alternattiva tat-tilwim u nidejna proċedura għat-tilwim transkonfinali ta' ammonti żgħar.”
(30) Bħalma kellu raġun ifakkar Patrick von Braunmuhl waqt il-“Leuven Brainstmorming Event on Collective Redress”, organizzat mill-Kummissjoni fid-29 ta' Ġunju 2007, “l-azzjonijiet kollettivi jafu jnaqqsu n-numru ta' rikorsi individwali marbutin ma' inċident speċifiku. B'mod partikolari, fis-sistema ta' l-opt-out, intrapriża tista' twieġeb għal numru kbir ta' talbiet tal-konsumaturi fi proċedura waħda. Tista' tinnegozja ma' grupp żgħir ta' rappreżentanti tal-konsumaturi konċernati kollha u tikkonċentra r-riżorsi tagħha fuq każ wieħed minflok ma xxerridhom fuq ħafna każijiet. Anke jekk ma jkunx possibbli li l-każ jissolva fuq bażi volontarja u jkollha tiddeċiedi l-qorti, is-sigurtà legali tkun iggarantita aħjar jekk id-deċizjoni tkun tkopri l-każijiet kollha li jkollhom rabta ma' l-istess inċident jew ksur tal-liġi.”
(31) Dan il-punt ġie trattat fid-dettall waqt is-Seminar “Ruma I & Ruma II”, organizzat mill-Presidenza Portugiża, b'mod konġunt mal-Presidenza Ġermaniża u dik Slovena u l-Akkademja tal-Liġi Ewropea (Europäische Rechtsakademie — ERA) f'Lisbona, fit-12 u t-13 ta' Novembru 2007.
(32) Analiżi komparattiva tad-diversi terminoloġiji użati f'bosta Stati Membri u tat-tifsira tagħhom f'kull lingwa tinsab b'mod dettaljat fl-artiklu “Class System” ta' Louis Degos u Geoffroy V. Morson, ippubblikat fil-Los Angeles Lawyer Magazine, Novembru 2006, p. 32 et seq. Fl-Irlanda, jintuża t-terminu “multi-party litigation” (MPL). Fl-Ingilterra jintużaw “group litigation order” (GLO) jew sempliċement “group action”. Fil-Ġermanja jintuża t-terminu “Gruppenklage”, fl-Isvezja jintuża “grupptalan” jew “collective lawsuit”, fil-Portugall “popular lawsuit” u fl-Ungerija “combined lawsuit”.
(33) Ara l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar “Suq Uniku għall-Ewropa tas-Seklu 21” COM(2007) 724 finali, 20.11.2007.
(34) Fosthom insibu dawn li ġejjin:
— |
Green Paper dwar “Access of consumers to justice and the settlement of consumer disputes in the Single Market” (COM(93) 576 finali), |
— |
Rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni tat-12 ta' Mejju 1995 dwar “Payment periods in commercial transactions and the associated Commission Communication” — ĠU L 127, 10.6.1995 u ĠU C 144, 10.6.1995 rispettivament; |
— |
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar “Action Plan on Consumer Access to Justice and the Settlement of Consumer Disputes in the Internal Market” — COM(96) 13 finali, 14.2.1996, |
— |
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar “Towards greater efficiency in obtaining and enforcing judgments in the European Union” — COM(97) 609 finali — ĠU C 33, 31.1.1998, |
— |
Direttiva 98/27/KE tad-19 ta' Mejju 1998 dwar “Injunctions for the protection of consumers' interests” — ĠU L 166, 11.6.1998; |
— |
Council Regulation (EC) 1346/2000 on insolvency proceedings — OJ L160, 30.6.2000. The rapporteur of the EESC opinion on this subject was Mr G. Ravoet (CESE 79/2001 of 26 January 2000 — OJ C 75, 15.3.2000); |
— |
Council Regulation (EC) No 1347/2000 of 29 May 2000 on jurisdiction and the recognition and enforcement of judgments in matrimonial matters and in matters of parental responsibility for children of both spouses — idem. The rapporteur for the EESC opinion on the matter was Mr Braghin (CES 940/1999 of 20 October 1999-OJ C 368, 20.12.1999), |
— |
Council Regulation (EC) No 1348/2000 of 29 May 2000 on the service in the Member States of judicial and extrajudicial documents in civil or commercial matters — idem. The rapporteur for the EESC opinion on the matter was Mr Hernandez Bataller (CES 947/1999 of 21 October 1999 — OJ C 368, 20.12.1999); |
— |
Direttiva 2000/35/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 dwar “Combating late payment in commercial transactions” — ĠU L 200, 8.8.2000, |
— |
Programm ta' miżuri għall-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' l-għarfien reċiproku ta' deċiżjonijiet ċivili u kummerċjali — ĠU C 12, 15.5.2001; |
— |
Deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Mejju 2001: “Establishing a European Judicial Network in Civil and Commercial Matters — ĠU L 174, 27.6.2001”. Ir-rapporteur ta' l-opinjoni tal-KESE dwar dan is-suġġett kien is-Sur Retureau (CESE 227/2001 tat- 28 ta' Frar 2001 — ĠU C 139, 11.5.2001; |
— |
Regolament tal-Kunsill (KE) 1206/2001 tat-28 ta' Mejju 2001 dwar “Cooperation between the courts of the Member States in the taking of evidence in civil or commercial matters” — ĠU L 174, 27.6.2001. Ir-rapporteur ta' l-opinjoni tal-KESE dwar dan is-suġġett kien is-Sur Hernandez Bataller (CESE 228/2001 tat-28 ta' Frar 2001) — ĠU C 139, 11.5.2001; |
— |
Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 44/2001 tat-22 ta' Diċembru 2000 dwar “Jurisdiction and the recognition and enforcement of judgments in civil and commercial matters”, (Brussell I). ĠU L 12, 16.1.2001. Ir-rapporteur għall-opinjoni tal-KESE dwar dan is-suġġett kien is-Sur Malosse (CESE 233/2000, 1.3.2000 — ĠU C 117, 26.4.2000), |
— |
Green Paper dwar “Alternative Dispute Resolution in civil and commercial Law” — COM(2002) 196 finali, 19.4.2002 |
— |
Regolament (KE) Nru. 805/2004 tal-21 ta' April 2004: “Regulation creating a European Enforcement Order for uncontested claims” — ĠU L 143, 30.4.2004. Ir-rapporteur ta' l-Opinjoni tal-KESE dwar dan is-suġġett kien is-Sur Ravoet (CESE 1348/2002, 11.12.2002 — ĠU C 85, 8.4.2003), |
— |
Proposta għal Regolament “Establishing a European Small Claims Procedure” (COM(2005) 87 finali tal-15.3.2005). ta' l-opinjoni tal-KESE dwar dan is-suġġett kien is-Sur Pegado Liz (CESE 243/2006 14.2.2006); |
— |
Green Paper dwar Titjib fl-Effiċjenza ta' l-Infurzar tas-Sentenzi fl-Unjoni Ewropea: Is-Sekwestru ta' Kontijiet Bankarji, COM(2006) 618 finali. ta' l-opinjoni tal-KESE dwar dan is-suġġett kien is-Sur Pegado Liz (CESE 1237/2007 tas-26 ta' Settembru 2007); |
— |
Regolament (KE) 1896/2006/EC tat-12 ta' Diċembru 2006 (ĠU L 399, 30.12.2006) “li joħloq ordni Ewropew għal proċedura ta' pagament” (COM(2004) 173 finali, 19.3.2004). Ir-rapporteur ta' l-Opinjoni tal-KESE dwar dan is-suġġett kien is-Sur Pegado Liz (CESE 133/2005, 22.2.2005), |
(35) Eżempju tajjeb huwa l-“fond ta' għajnuna għal rikors kollettiv” li jeżisti fil-Québec, meqjus bħala indipsensabbli għall-iżvilupp ta' l-azzjonijiet kollettivi. Dan il-fond jinbena bil-bilanċ ta' somom mogħtija minn qabel lir-rikorrenti li jkunu rebħu l-azzjoni kollettiva tagħhom kif ukoll mill-bilanċ tar-rimedji mhux miġbura mill-membri tal-grupp. Ir-rikorrent f'azzjoni kollettiva jrid biss ikun jista' jikseb mill-ġudikant ir-rimborż ta' l-ispejjeż li jkunu ntefqu għat-tnedija ta' l-azzjoni fuq bażi ta' dokumenti ta' ġustifikazzjoni.
APPENDIĊI
għall-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
L-emendi li ġejjin, li ġabru minn ta' l-inqas kwart tal-voti mixħuta, ma ġewx aċċettati matul id-dibattiti:
1. Punt 7.2.2.2.4
Għandha wkoll effett dissważiv ġenwin fuq il-parti responsabbli billi din tiġi mġiegħla tagħti kumpens lill-persuni kollha li tkun saritilhom ħsara minn ċerta prattika u wkoll skond il-każ trodd lura l-benefiċċju illegali li setgħet kisbet minn din il-prattika .
Raġuni
Ara l-punt 7.6.3.
Riżultat tal-votazzjoni:
Voti favur: 104 Voti kontra: 114 Astensjonijiet: 13
2. Punt 7.6.1
Ħassar:
“ Is-sistema ta' l-azzjoni kollettiva trid tiffinanzja lilha nnifisha maż-żmien ”.
Raġuni
L-aċċess għall-ġustizzja huwa responsabbiltà ta' l-awtoritajiet pubbliċi u ma jistax jiddependi mis-suċċess ta' rikorsi li jkunu saru qabel u li ma jkollhomx rabta ma' każijiet sussegwenti (ara wkoll ir-raġuni tal-punt 7.6.3).
Riżultat tal-votazzjoni:
Voti favur: 107 Voti kontra: 116 Astensjonijiet: 10
3. Punt 7.6.3
Biddel kif ġej:
Mod kif din is-sistema tista' tkun iffinanzjata huwa li jiġi stabbilit “fond ta' għajnuna għal rikors kollettiv” li jinbena mill-ammont ta' “benefiċċji illegali” miksubin mill-intrapriżi kkundanati, skond ma jkun stipula l- ġudikant fil-proċedura, sakemm dawn ma jkunux intalbu mill-persuni li jkunu qed isofru direttament minn danni u li jkunu ġew identifikati. Hija responsabbiltà ta' l-awtoritajiet pubbliċi li jiggarantixxu l-aċċess għall-ġustizzja, per eżempju, billi jużaw id-dħul mill-multi għall-ksur tal-liġi dwar il-konsum għall-finanzjament tar-rikorsi kollettivi.
Raġuni
Ir-rikors previst għandu l-għan li jikseb il-kumpens għad-danni kkawżati lill-konsumaturi, minbarra kull “dannu punittiv”. Din l-idea mislufa mill-prattika ta' l-Istati Uniti tgħaqqad l-interess ċivili mal-qasam penali b'mod li m'huwiex xieraq. Il-fatt li jkollhom jiġu kkumpensati l-konsumaturi milquta jfisser dissważjoni qawwija għal min huwa responsabbli u jagħti lill-vittmi kumpens sħiħ għad-danni kkawżati.
Il-kwistjoni ta' jekk sarx qligħ bħala riżultat ta' ksur tal-liġi jew ta' frodi hija responsabbiltà tas-sanzjonijiet imposti mill-awtoritajiet pubbliċi. Dawn jistgħu jallokaw id-dħul mill-multi marbutin ma' dawn il-prattiki sabiex jiffaċilitaw l-aċċess għar-rikorsi kollettivi. Ir-responsabbiltà tal-garanzija ta' l-aċċess għall-ġustizzja b'hekk taqa' f'idejn il-gvern, li huwa soġġett għal kontroll demokratiku, pjuttost milli f'idejn persuni u organizzazzjonijiet tal-liġi privata.
Billi l-kumpensi dovuti jkunu tħallsu lill-konsumaturi milquta, m'huwiex xieraq li jinħolqu rabtiet artifiċjali bejn il-bilanċ żejjed ta' azzjoni u rikorsi f'każijiet sussegwenti, b'mod partikulari fejn l-objettiv ma jibqax li jinkiseb kumpens ġust għall-konsumaturi milqutin fil-każ konċernat.
Riżultat tal-votazzjoni:
Voti favur: 104 Voti kontra: 106 Astensjonijiet: 18