EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008DC0703

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Inwettqu l-benefiċċji tas-suq uniku permezz ta’ kooperazzjoni amministrattiva mtejba {SEC(2008)2743}

/* KUMM/2008/0703 finali */

52008DC0703

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Inwettqu l-benefiċċji tas-suq uniku permezz ta’ kooperazzjoni amministrattiva mtejba {SEC(2008)2743} /* KUMM/2008/0703 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 6.11.2008

KUMM(2008) 703 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Inwettqu l-benefiċċji tas-suq uniku permezz ta’ kooperazzjoni amministrattiva mtejba

{SEC(2008)2743}

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Inwettqu l-benefiċċji tas-suq uniku permezz ta’ kooperazzjoni amministrattiva mtejba

Rapport tal-Progress fuq is-Sistema ta' Informazzjoni dwar is-Suq Intern (IMI)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

1. DAħLA

Iċ-ċittadini u l-azjendi Ewropej kuljum jibbenefikaw mill-bosta opportunitajiet attraenti li joffrilhom is-suq uniku. Jistgħu jbigħu s-servizzi jew il-prodotti tagħhom minn pajjiż għall-ieħor, jew jiftħu stabbilimenti lokali fi swieq oħra. Iċ-ċittadini jistgħu wkoll ikollhom aċċess għas-servizzi offruti fi Stati Membri oħra, u jgawddu minnhom. Ċittadin jista’ jkun irid jaħdem fi Stat Membru ieħor bħala spiżjar, dentist jew għalliem, u dan jista' jagħmlu minħabba li l-kwalifiki professjonali tiegħu huma rikonoxxuti.

Dan huwa l-qofol tas-suq uniku – żona bla ostakli li fiha l-azjendi jistgħu jiffjorixxu, in-nies ikunu jistgħu jilħqu l-ambizzjonijiet tagħhom, u l-isforzi u d-dinamiżmu jkunu ppremjati. Is-suq uniku huwa wieħed mill-komponenti ewlenin tal-ekonomija Ewropea. Ipprovda benefiċċji marbuta mat-tkabbir u mal-impjiegi, kif ukoll mal-għażla tal-konsumaturi u mal-kompetittività. Imma s-suq uniku jista’ jagħti l-kontribut sħiħ tiegħu biss sakemm il-leġiżlazzjoni taħdem kif maħsub .

Il-moviment liberu tal-merkanzija, is-servizzi, in-nies u l-kapital iserraħ fuq qafas legali li jikkonsisti fl-applikazzjni diretta tar-regoli tat-Trattat, regoli armonizzati Ewropej, u regoli nazzjonali. Il-kompitu tal-implimentazzjoni u l-iżgurar tal-konformità ta’ dawn ir-regoli fil-prattika jaqa’ fuq għadd kbir ta’ awtoritajiet pubbliċi u ta’ tip ieħor fis-27 Stat Membru fit-tliet pajjiżi tal-EFTA li jipparteċipaw fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE).

In-nuqqas ta’ fiduċja u kunfidenza fil-qafas legali u fis-superviżjoni fi Stati Membri oħra wasslet għal multiplikazzjoni ta’ regoli u duplikazzjoni ta’ kontrolli għall-attivitajiet transkonfinali. Dan kien fost l-isfidi ewlenin għall-funzjonament bla ntoppi tas-suq uniku sal-ġurnata tal-lum.

L-awtoritajiet tal-Istati Membri jeħtiġilhom jikkooperaw mill-qrib ma’ xulxin u jibnu l-fiduċja fis-sistemi ta’ xulxin . Dan jiżgura mhux biss li jkun hemm superviżjoni effikaċi tal-fornituri tas-servizzi, imma wkoll jgħin biex nevitaw li l-multiplikazzjoni ta’ kontrolli li jħabbtu wiċċhom magħha bosta ċittadini, azjendi u fornituri tas-servizzi. Il-kooperazzjoni effikaċi u l-fiduċja reċiproka, madankollu, jistgħu ikunu stabbiliti biss abbażi ta’ kuntatti regolari u aċċess bla xkiel għall-informazzjoni.

Hija sfida kbira l-organizzazzjoni tan-netwerk meħtieġ biex nisfruttaw bis-sħiħ il-benefiċċji tal-leġiżlazzjoni dwar is-suq intern, minħabba li hemm diversità wiesgħa ta’ awtoritajiet kompetenti li joperaw fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali. Iż-żieda fil-lingwi u fil-kumplessità wara t-tkabbir din l-isfida kompliet kabbritha, u saħħet il-ħtieġa għal sistema ta’ informazzjoni biex issostni l-ħolqien u ż-żamma tal-kuntatti bejn l-Istati Membri.

Hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri li jiżguraw li s-suq intern jaħdem effikaċement fit-territorji tagħhom. Biss jeħtieġ ikollhom l-għodod biex ikunu jistgħu jaħdmu flimkien bejniethom u mal-Kummissjoni biex jiżguraw li l-benefiċċji kollha tal-qafas legali jitwasslu sa għand iċ-ċittadini u l-azjendi. Is-Sistema ta' Informazzjoni dwar is-Suq Intern (IMI) ġiet żviluppata b’risposta sew għal dik il-ħtieġa, kif ukoll għall-obbligu legali stipulat fid-Direttiva dwar is-Servizzi li tkun stabbilita sistema elettronika għall-iskambju tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri[1].

L-IMI lill-Istati Membri sejra tippermettilhom jaqdu l-obbligi legali tagħhom li jiskambjaw l-informazzjoni. Sejra tippermetti wkoll suriet ġodda ta’ kooperazzjoni amministrattiva, li ma kienux ikunu possibbli mingħajr l-appoġġ ta’ sistema elettronika tal-informazzjoni. Hija mfassla biex tkun mezz effiċjenti u effikaċi biex tbaxxi l-ispiża unitarja tal-komunikazzjoni bejn l-Istati Membri, ħaġa li hija meħtieġa biex il-leġiżlazzjoni dwar is-suq intern tkun implimentata sewwa. B’hekk l-IMI sejra tagħti kontribut biex tinħoloq il-klima ta’ fiduċja u kunfidenza li hija meħtieġa biex niżguraw li s-suq uniku jaħdem bla skossi u jirrendi l-benefiċċji tiegħu.

2. IL-KUNTEST LEGALI U POLITIKU

F’Marzu 2006, l-Istati Membri approvaw proposta għall-iżvilupp tal-IMI. Id-deċiżjoni saret fid-dawl tal-importanza tal-kooperazzjoni amministrattiva għal suq uniku dinamiku, kif rikonoxxut mill-Istrateġija ta’ Liżbona li tistqarr li “Dawn il-miżuri, flimkien [mad]-direttiva dwar is-servizzi u l-kooperazzjoni amministrattiva mtejba bejn l-Istati Membri, għandhom jgħinu sabiex jinħoloq dinamiżmu ġdid għan-negozji u għall-impjiegi fl-UE[2]”.

L-IMI sejra tgħin ukoll biex tittejjeb l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Komnuitarja fil-livell nazzjonali, u b’hekk tagħti kontribut għall-aġenda tal-UE għal Regolamentazzjoni Aħjar[3]. L-IMI għandha wkoll titqies fil-kuntest tal-Pjan ta’ Azzjoni i2010 għall-eGvern[4] u l-mira tiegħu li “jwettaq tassew l-effiċjenza u l-effikaċja".

L-IMI hija għodda multilingwi mibnija għal UE b’27 Stat Membru u 23 ilsien uffiċjali. Filwaqt li l-multilingwiżmu jista’ jkun sors ta’ benefiċċji u għana, iqajjem ukoll għadd ta’ sfidi[5]. Permezz ta’ teknoloġiji ġodda appoġġati minn servizzi ta’ traduzzjoni umani u awtomatizzati, l-IMI hija eżempju tajjeb ta’ miżuri konkreti li l-UE tista’ tieħu biex dawn l-ostakli ċċekkinhom kemm jista’ jkun u tegħleb il-firdiet fil-komunikazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet fl-Ewropa.

Fil-kuntest tal-immodernizzar tal-governanza fis-suq uniku biex tilqa’ għall-ħtiġijiet tas-seklu 21, kif stipulat fir-Reviżjoni tas-Suq Uniku ppreżentata mill-Kumissjoni f’Novembru 2007, l-IMI sejjer jappoġġa approċċ għall-kooperazzjoni transkonfinali li jkun aktar effikaċi, deċentralizzat u bbażat fuq netwerk [6].

L-IMI tfasslet bħala għodda biex tgħin fil-kooperazzjoni amministrattiva għall-korp ġenerali tal-leġiżlazzjoni dwar is-suq intern. F'fażi inizjali, sejra tintuża għad-Direttiva l-ġdida dwar ir-Rikonoxximent ta' Kwalifiki Professjonali (2005/36/KE)[7] kif ukoll għad-Direttiva dwar is-Servizzi (2006/123/KE)[8].

L-iżvilupp tal-IMI, flimkien mal-miżuri anċillari meħtieġa bħas-seminars ta’ taħriġ u l-materjal tat-taħriġ elettroniku huma ffinanzjati mill-programm IDABC, li jippromwovi s-servizzi Ewropej tal-eGvern[9]. Il-finanzjament totali li l-programm alloka lill-IMI jammonta għal EUR 1.82 miljun.

3. KIF TOPERA S-SISTEMA

Is-Sistema ta' Informazzjoni dwar is-Suq Intern (IMI) hija għodda elettronika li tipprovdi sistema għall-iskambju tat-tagħrif biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jwettqu kooperazzjoni ta’ kuljum aktar effikaċi fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet dwar is-Suq Intern. L-IMI tappoġġa l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri billi tgħinhom jegħlbu ostakli prattiċi importanti li jxekklu l-komunikazzjoni, bħalma huma diverġenzi fil-kulturi amministrattivi u ta’ xogħol, lingwi differenti, kif ukoll in-nuqqas ta’ sħab identifikati ċar fl-Istati Membri l-oħra. L-għan tagħha huwa li tqawwi l-effiċjenza u l-effikaċja fil-kooperazzjoni ta’ kuljum bejn l-Istati Membri.

L-IMI hija applikazzjoni sigura tal-internet li hija għad-dispożizzjoni tal-amministrazzjonijiet nazzjonali tat-30 pajjiż taż-ŻEE. Taħdem bl-ilsna uffiċjali tal-UE kollha, u tipprovdi mezz għall-iskambju tal-informazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet fiż-ŻEE kollha kemm hi. L-użu tal-IMI ma jirrikjedi l-ebda għarfien minn qabel dwar l-istruttura amministrattiva fi Stat Membru ieħor.

L-IMI tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri għodda sempliċi biex jidentifikaw awtroritajiet kompetenti fi Stati Membri oħra u jibagħtulhom talba għall-informazzjoni permezz ta’ sett strutturat ta’ mistoqsijiet, ibbażati fuq oqsma speċifiċi tal-leġiżlazzjoni tal-UE. Is-servizzi tat-traduzzjoni tal-Kummissjoni Ewropea diġà qelbu l-mistoqsijiet fil-lingwi uffiċjali kollha, biex b’hekk ipprovdew appoġġ lingwistiku affifdabbli u validu.

4. PRINċIPJI EWLENIN

L-iżvilupp tal-IMI jissejjes fuq tliet prinċipji ewlenin:

- ma timponi l-ebda obbligu addizzjonali fuq l-Istati Membri lil hinn minn dawk li diġà jinsabu fil-leġiżlazzjoni dwar is-Suq Intern;

- tipprovdi l-flessibbiltà meħtieġa biex tirrispetta d-diversi strutturi u kulturi amministrattivi fl-Ewropa;

- hija sistema unita, ibbażata fuq elementi singoli li jistgħu jintużaw f’kuntesti oħra. hija mfassla biex taqdi r-rekwiżiti ta’ bosta atti tal-leġiżlazzjonijiet dwar is-Suq Intern u b’hekk se tevita li jkun hemm proliferazzjoni ta’ sistemi ta’ informazzjoni.

5. BENEFIċċJI

L-IMI tgħin biex nirrealizzaw il-benefiċċji tas-suq uniku permezz tal-kooperazzjoni amministrattiva bil-modi li ġejjin:

- l-Istati Membri jiġġestixxu relazzjoni waħda ma’ netwerk minflok 29 relazzjoni bilaterali;

- l-Istati Membri jikkomunikaw permezz ta' metodu ta' ħidma ċar, trasparenti u maqbul ;

- l-Istati Membri jistgħu jidentifikaw is-sieħeb rilevanti għad-diskussjoni fi Stat Membru ieħor;

- jitnaqqsu l-problemi releatati mal-lingwi permezz tal-preżenza fuq l-iskrin ta’ informazzjoni strutturata u tradotta minn qabel, b’assistenza informali permezz tat-traduzzjoni awtomatika ta’ test mhux strutturat[10];

- oqsma ta’ kooperazzjoni amministrattiva li qabel kienu impossibbli issa jsiru fattibbli ;

- l-utenti jiffrankaw ħin u riżorsi fl-iskambju tal-informazzjoni ma’ Stati Membri oħra;

- titjieb fil-kwalità tas-servizz permezz ta’ aktar trasparenza u prevedibbiltà.

Bl-użu ta’ għadd ta’ elementi ġeneriċi u li jistgħu jintużaw f’kuntesti differenti, mal-IMI jistgħu jiżdiedu applikazzjonijiet speċifiċi għal direttivi ġodda, u dan bi spejjeż minimi (sakemm ma jkunux meħtieġa proċeduri ġodda u kumplessi ta’ xogħol). Għaldaqstant l-IMI tevita d-dupplikazzjoni bla ħtieġa, tnaqqas l-ispejjeż u tippermetti li jinħoloq netwerk tassew għall-iskambju tal-informazzjoni.

6. PROTEZZJONI TAD-DEJTA

Minħabba li l-IMI tintuża għall-iskambju tad-dejta personali, huwa importanti li jkun hemm grad għoli ta protezzjoni tad-dejta. Il-leġiżlazzjoi rilevanti dwar il-protezzjoni tad-dejta tapplika bis-sħiħ għall-IMI[11]. L-IMI tgħin biex tiżgura l-konformità ma’ din il-leġiżlazzjoni, meta l-amministrazzjonijiet nazzjonali jkun jeħtiġilhom jiskambjaw id-dejta personali, minħabba li tipprovdi qafas ċar dwar liema dejta tista’ tingħadda, lil min u f’liema ċirkostanzi. Deċiżjoni tal-Kummissjoni speċifika tistipula wkoll il-funzjonijiet, id-drittijiet u l-obbligi tal-atturi tal-IMI fir-rigward tal-protezzjoni tad-dejta[12]. Id-Deċiżjoni tittraduċi f'termini legali l-funzjonament tal-IMI.

Il-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Artikolu 29 tal-Protezzjoni tad-Dejta, li jgħaqqad flimkien l-Awtoritajiet Nazzjonali tal-Protezzjoni tad-Dejta u s-Superviżur Ewropew tal-Protezzjoni tad-Dejta (EDPS) ingħata opinjoni dwar kif jiżgura bl-aħjar mod li l-IMI tkun konformi mal-leġiżlazzjoni rilevanti dwar il-protezzjoni tad-dejta[13].

Barra minn hekk, l-EDPS fassal opinjoni dwar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwa l-IMI[14]. Minħabba li jqis li l-ambitu u l-użu tal-IMI sejjer jespandi, l-EDPS huwa tal-fehma li se jkun hemm bżonn li jsiru dispożizzjonijiet għal salvagwardji speċifiċi dwar il-protezzjoni tad-dejta fil-leġiżlazzjoni vinkolanti tal-Komunità, li jmorru lil hinn mil-leġiżlazzjoni attwalment applikabbli dwar il-protezzjoni tad-dejta. L-EDPS jaqbel, madankollu, li jista' jkun hemm bżonn li tinkiseb xi esperjenza fl-użu prattiku tal-IMI qabel ma jkunu deċiżi regoli addizzjonali speċifiċi. Il-Kumissjoni għaldasqtant iddeċidiet li timxi pass pass.

Fl-ewwel fażi, il-Kummissjoni sejra tfassal linji gwida dwar l-IMI u l-protezzjoni tad-dejta, għall-awtoritajiet kompetenti li sejrin jutilizzaw l-IMI. Dawn il-linji gwida se jieħdu s-sura ta’ Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni li għandha tkun adottata fl-ewwel parti tal-2009, u tikkomplementa d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-IMI billi tispjega l-aħjar applikazzjoni tar-regoli eżistenti tal-protezzjoni tad-dejta min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti li jużaw l-IMI. Il-Kummissjoni sejra tivvaluta l-effett prattiku ta’ dawn il-linji gwida, f’kooperazzjoni mas-Superviżur Ewropew tal-Protezzjoni tad-Dejta, biex tevalwa l-ħtieġa għal leġiżlazzjoni vinkolanti addizzjonali tal-Komunità.

7. IL-QAGħDA ATTWALI

Minn Marzu 2006, l-Istati Membri u l-Kummissjoni ilhom jaħdmu intensivament flimkien permezz tal-Kumitat Konsultattiv dwar is-Suq Intern biex jintlaħaq qbil dwar ir-rekwiżiti dettaljati għall-IMI. Fih innifsu, il-proċess huwa eżempju tajjeb tar-relazzjonijiet ġodda tax-xogħol u l-approċċi ġodda meħtieġa biex inwettqu ir-riżultati f’suq uniku aktar deċentralizzat u bbażat fuq netwerk. Il-benefiċċji ta’ sistema bħall-IMI jistgħu jsiru disponibbli biss permezz ta’ approċċ ta’ sħubija ta’ dan it-tip[15].

L-IMI kienet varata f'Novembru 2007 biex issostni d-dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni amministrattiva tad-Direttiva l-ġdida dwar il-Kwalifiki Professjonali. Inizjalment, l-Istati Membri kkonċentraw fuq l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti rilevanti għall-użu tal-IMI. Sa Frar 2008, tqies li massa kritika suffiċjenti ta’ awtoritajiet kompetenti kienu ġew irreġistrati biex ikun jista’ jinbeda proġett pilota għall-iskambju tal-informazzjoni. Il-proġett pilota kien limitat għal erba’ professjonijiet (it-tobba, l-ispiżjara, il-fiżjoterapisti u l-kontabbli). It-30 pajjiż taż-ŻEE lkoll ħadu sehem fil-proġett pilota.

Il-mira tal-proġett pilota dwar il-Kwalifiki Professjonali kien li jixtarr jekk l-IMI kenitx adegwata biex tilħaq l-għan tagħha. Lill-Istati Membri tahom ukoll l-opportunità li jittestjaw l-istrutturi organizzattivi xierqa biex fil-ġejjieni jkunu jistgħu jrieġu l-użu tal-IMI fuq skala usa’. F’Ġunju 2008, il-Kummissjoni varat eżerċizzju ta’ valutazzjoni tal-proġett pilota, abbażi ta’ dejta statistika u reazzjonijiet minn utenti tal-IMI.

L-utenti tas-sistema kkonfermaw lil l-IMI faċli tużaha u li taqdi l-funzjoni tagħha, jiġifieri li tirfed il-kooperazzjoni amministrattiva bejn il-pajjiżi. Il-livelli tal-użu tqawwew matul il-proġett pilota, u jindikaw li l-awtoritajiet kompetenti jifhmu l-valur miżjud li għandu jinkiseb bl-użu tal-IMI.[16] Kien hemm reazzjonijiet partikolarment pożittivi dwar il-lingwi u dwar il-kapaċità tat-tiftix għall-awtoritajiet kompetenti. Madankollu, il-qadi tar-rekwiżiti tal-Istati Membri kollha se jeħtieġ li jsri aktar żvilupp.

8. IL-PASSI LI JMISS

Il-Kummissjoni jidhrilha li r-riżultati tal-proġett pilota fuq id-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali jindikaw li l-IMI tipprovdi s-sostenn meħtieġ biex titjieb il-kooperazzjoni amministrattiva, u li għandha titqies bħala sistema operattiva għal dik id-Direttiva. Biex it-tranżizzjoni minn sistema pilota għal waħda operattiva ssir bl-effiċjenza, f’fażi inizjali għandha titwessa’ biex tkopri l-ħames professjonijiet li baqa’ (l-infermiera, il-professjonisti tad-dentistrija, il-kirurġi veterinarji, il-qwiebel u l-periti) li għalihom japplika l-prinċipju tar-rikonoxximent awtomatiku. Barra minn hekk, se jintgħażlu żewġ professjonijiet oħra fis-sistema tar-rikonoxximent ġenerali. Meta s-sistema tkun qed taħdem sewwa għal dawn il-professjonijiet kollha, għandha progressivament tinfetaħ biex tinkludi professjonijiet addizzjonali, abbażi tat-talbiet.

Il-Kapitolu tad-Direttiva dwar is-Servizzi li jittratta l-Kooperazzjoni Amministrattiva fih dispożizzjonijiet dettaljati dwar l-assistenza reċiproka bejn l-Istati Membri dwar kif għandha tkun organizzata dik l-għajnuna reċiproka[17]. Hekk, l-Artikolu 28.6 tad-Direttiva dwar is-Servizzi jesiġi li l-Istati Membri jipprovdu l-informazzjoni li jitolbuhom l-Istati Membri l-oħra jew il-Kummissjoni, b’mezzi elettroniċi u fl-iqsar żmien possibbli. U l-Artioklu 34.1 tad-Direttiva dwar is-Servizzi jesiġi wkoll li l-Kummissjoni, b’kooperazzjoni mal-Istati Membri, għandha tistabbilixxi sistema elettronika għall-iskambju tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri, filwaqt li tqis is-sistemi eżistenti.

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri stabbilew l-IMI biex issostni l-iskambju ta’ informazzjoni rikjest. Għadd kbir ta’ awtoritajiet kompetenti fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali se jkollhom bżonn jiskambjaw l-informazzjoni relatata mad-Direttiva dwar is-Servizzi. Għaldaqstant il-Kummissjoni u l-Istati Membri qed iħejju proġett pilota dwar l-IMI għad-Direttiva dwar is-Servizzi. Il-proġett pilota għad-Direttiva dwar is-Servizzi se jibda f’Jannar 2009 u jissokta sat-28 ta’ Diċembru 2009, sa liema data l-IMI jeħtiġilha tkun għal kollox operattiva għad-Direttiva dwar is-Servizzi.

Abbażi ta’ Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni[18] approvata mill-Konklużjonijiet tal-Kunsill[19] bħalissa qed tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li tintuża sistema tal-iskambju tal-informazzjoni għas-sostenn tal-kooperazzjoni amministrattiva mtejba li hija meħtieġa għall-implimentazzjoni prattika tad-Direttiva 96/71/KE[20] fil-kuntest tal-istazzjonar tal-ħaddiema fil-qafas tal-forniment tas-servizzi.

9. SFIDI

9.1.1. Prekundizzjonijiet għall-introduzzjoni b’suċċess tal-IMI

Filwaqt li l-Kummissjoni sejra tipprovdi l-appoġġ, ir-responsabbiltà ewlenija għall-implimentazzjoni u t-tħaddim bla ntoppi tal-IMI taqa’ fuq l-Istati Membri. Kull wieħed għandu jiddeċiedi dwar l-aktar mod adegwat biex jistabbilixxi u jimmaniġġja l-IMI fil-kuntest nazzjonali tiegħu. L-isforz meħtieġ għal dan għandu jitqies fil-kuntest tal-benefiċċji disponibbli.[21] Il-proġett pilota dwar il-Kwalifiki Professjonali wera li jeħtieġ li jkunu sodisfatti xi prekundizzjonijiet importanti:

- l-Istati Membri jeħtiġilhom jifhmu l-flessibbiltà li toffri l-IMI biex isibu l-ħjar adegwament tal-istrutturi amministrattivi tagħhom mas-sistema tal-IMI;

- jeħtieġ li jkunu rreġistrati bħala utenti tal-IMI biżżejjed awtoritajiet kompetenti biex jikkostitwixxu massa kritika;

- jeħtieġ li jittieħdu miżuri adegwati biex jitkattar l-għarfien fost l-awtoritajiet kompetenti u biex jitwasslilhom it-taħriġ.

Huwa essenzjali li dawn il-prekundizzjonijiet ikunu sodisfatti biex it-tranżizzjoni lejn sistema għal kollox operattiva tkun immaniġġata b’suċċess, sew għall-qadi tad-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professonali kif ukoll ta’ dik dwar is-Servizzi.

Huwa ċar li l-isfidi prinċipali għall-implimentazzjoni tal-IMI u l-ħolqien ta’ netwerk ta’ kooperazzjoni li jaħdem sewwa mal-UE kollha kemm hi mhumiex tekniċi, iżda organizzattivi. Biex l-IMI tkun tista’ tħalli l-benefiċċji mistennija f’termini ta’ kooperazzjoni amministrattiva mtejba, mhuwiex biżżejjed li dak li jkun sempliċement jibni sistema kompjuterizzata . Għal introduzzjoni b’suċċess huma meħtieġa miżuri anċillari addizzjonali . B’mod partikolari, l-awtoritajiet kompetenti jeħtiġilhom ikunu konxji mill-benefiċċji tal-IMI, u jkunu jafu kif jużaw is-sistema f’konformità mal-atti Komunitarji rilevanti, kif ukoll mal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-dejta. Abażi tal-esperjenzi tagħhom bil-proġett pilota tad-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali, l-Istati Membri identifikaw it-taħriġ u l-għarfien bħala l-aktar fattur kritiku għas-suċċess tal-IMI.

9.1.2. Assistenza reċiproka u kooperazzjoni ammnistrattiva skont id-Direttiva dwar is-Servizzi

Aspetti tekniċi

L-applikazzjoni tal-IMI jeħtieġilha tkun żviluppata aktar biex tkun tista’ taqdi d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar is-Servizzi rigward l-assistenza. Id-Direttiva dwar is-Servizzi mhux biss tesiġi skambji tal-informazzjoni standard u ta’ kuljum li jerġgħu jutilizzaw il-proċessi tax-xogħol żviluppati għad-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali, imma tipprevedi wkoll proċessi tax-xogħol speċifiċi u ġodda, bħalma hija proċedura għall-użu ta’ deroga każ b’każ[22] u l-mekkaniżmu ta’ twissija[23]. L-aġġustamenti speċifiċi meħtieġa għad-Direttiva dwar is-Servizzi qed jiġu żviluppati bħalissa f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri.

Minħabba li l-għadd antiċipat ta’ awtoritajiet li jużaw l-IMI għad-Direttiva dwar is-Servizzi huwa ogħla minn dak għad-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali, bħalissa għaddej xogħol ukoll biex l-awtoritajiet jitħallew jirreġistraw irwieħhom huma setss fl-IMI. Il-Kummissjoni biħsiebha wkoll tipprovdi mezz li dawk l-Istati Membri li diġà għandhom ġabriet tad-dejta onlajn nazzjonali ta’ awtoritajiet kompetenti u li jixtiequ jittrasferixxu din id-dejta fl-IMI.

Aspetti organizzattivi

It-taħriġ u t-tkattir tal-għarfien sejrin ikunu kruċjali għall-implimentazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fid-Direttiva dwar is-Servizzi. L-assistenza reċiproka skont id-Direttiva dwar is-Servizzi sejra tinvolvi għadd kbir ta’ awtoritajiet kompetenti. Dawn l-awtoritajiet joperaw il-livelli nazzjonali, reġjonali u, f’xi każijiet, lokali. Dan x’aktarx se jkun ifisser ġabra sostanzjali u diversa ta’ utenti aħħarin tal-IMI. Ilkoll kemm huma jeħtiġilhom jifhmu kif l-IMI tista’ ssostnihom fil-kooperazzjoni amministrattiva ta’ kuljum tagħhom.

L-isfida ewlenija hija li niżguraw li fil-bidu tal-2010, għadd sostanzjali ta’ awtoritajiet kompetenti jkunu mgħammra bl-IMI għad-dispożizzjonijiet dwar l-assistenza reċiproka fid-Direttiva dwar is-Servizzi. Għaldaqstant matul l-2009 se jkun hemm għaddej proġett pilota tal-IMI għad-Direttiva dwar is-Servizzi. L-għan tal-proġett pilota huwa li jiżgura li jirreġistraw massa kritika ta’ awtoritajiet kompetenti, li jkunu implimentati l-istrutturi organizzattivi adegwati u li l-Istati Membri kollha jkunu jistgħu jużaw l-IMI għad-dispożizzjonijiet dwar l-assistenza reċiproka fid-Direttiva dwar is-Servizzi, u dan sat-28 ta’ Diċembru 2009 (l-iskadenza għall-implimentazzjoni tad-Direttiva).

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-livell kurrenti tal-investiment fit-taħriġ u l-għarfien jeħtieġ li jitqawwa biex jintlaħqu r-riżultati mixtieqa. Il-proġett pilota għad-Direttiva dwar is-Servizzi se jkun opportunità importanti biex nesploraw l-istrateġiji differenti potenzjali għat-taħriġ u l-għarfien, u biex nivvalutaw l-aktar mezzi effikaċi biex nirfdu l-awtoritajiet kompetenti fl-użu tagħhom tal-IMI. Fl-2009, il-Kummissjoni sejra twettaq evalwazzjoni ex-ante biex teżamina l-alternattivi u biex tivvaluta jekk hemmx bżonn li jitwaqqaf programm multiannwali possibbli għat-taħriġ u l-iskambju għad-dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fid-Direttiva dwar is-Servizzi[24].

10. KONKLUżJONI

Il-kooperazzjoni mtejba bejn pajjiż u ieħor kulma jmur dejjem qed issir importanti għall-funzjonament tas-suq uniku. Dan huwa rifless fl-inklużjoni ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi, u xi kultant dettaljati, għal kooperazzjoni bħal din fil-leġiżlazzjoni dwar is-Suq Intern. Id-dmir li jimplimentaw dwan id-dispożizzjonijiet jaqa’ fuq għadd kbir ħafna ta’ awtoritajiet li joperw fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali. F’Unjoni Ewropea ta’ 27 Stat Membru u 23 lingwa uffiċjali, din il-kooperazzjoni tista’ taħdem sewwa biss jekk tkun organizzata u mirfuda permezz ta' netwerk.

Il-proġett pilota tal-IMI wera li l-Kummissjoni jeħtiġilha jkollha rwol importanti biex tippermetti l-organizzazzjni ta’ kooperazzjoni deċentralizzata u bbażata fuq netwerk bejn l-Istati Membri . Wieħed mill-vantaġġi uniċi tal-IMI huwa li tippermetti u tirfed il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet fil-livelli kollha tal-gvern. Toffri l-flessibbiltà meħtieġa biex tirrifletti l-bosta mudelli amministrattivi li hemm fl-Ewropa kollha kemm hi.

Reazzjonijiet li waslu mingħand l-awtoritajiet kompetenti li jużaw l-IMI jindikaw li s-sistema faċli tużaha, u li tgħin biex tiżgura komunikazzjoni aktar rapida u ċara bejn pajjiż u ieħor. Dan lill-awtoritajiet kompetenti jħallihom jagħmlu bil-ħeffa deċiżjonijiet informati, u b’hekk liċ-ċittadini u lill-azjendi tipprovdilhom servizz aħjar, filwaqt li tnaqqas l-ispejjeż relatati mad-dewmien. Il-Kummissjoni tqis li l-proġett pilota għad-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali wera li l-IMI taqdi l-għan tagħha. Għaldaqstant jidhrilha li l-IMI għandha titqies bħala operattiva għad-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali. Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri meħtieġa biex gradwalment jestendu l-użu tal-IMI għal professjonijiet oħra.

Parallel ma’ dan, l-IMI sejra tipprovdi s-sistema elettronika meħtieġa biex taqdi l-obbligi speċifiċi ħafna dwar il-kooperazzjoni amministrattiva stipulati fid-Direttiva dwar is-Servizzi. Is-sistema għad-Direttiva dwar is-Servizzi jeħtieġ li tkun ittestjata qed taħdem għal kollox sad-data ta’ traspożizzjoni tat-28 ta’ Diċembru 2009. Għal dik ir-raġuni, il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex jagħmlu t-tħejjijiet meħtieġa biex jieħdu sehem sħiħ u attiv fil-proġett pilota għall-użu tal-IMI għad-Direttiva dwar is-Servizzi mill-bidu tal-2009 biex sad-data ta’ traspożizzjoni jkunu lesti biex jikkonformaw mal-obbligi tagħhom dwar l-assitenza reċiproka.

Il-Kummissjoni enfasizzat għadd ta’ prekondizzjonjiet importanti li jeħtiġilhom ikunu sodisfatti biex ikun żgurat li l-IMI tkun tista’ tirrealizza l-benefiċċji mistennija. Il-proġett pilota tal-IMI wera l-importanza ta’ livelli adegwati ta’ kapaċità amministrattiva sew fuq il-livell tal-UE kif ukoll fuq dak nazzjonali. Dan jinkludi infrastrutturi u ħiliet tal-IT, titjib tal-komunikazzjoni interna u n-netwerking, kif ukoll taħriġ u tkattir tal-għarfien adegwati.

F’dak li jirrigwarda t-taħriġ u t-tkattir tal-għarfien, hemm bżonn urġenti li tikber l-iskala tal-attivitajiet. Awtoritajiet kompetenti li huma utenti potenzjali tal-IMI jeħtiġilhom jifhmu l-obbligi tagħhom dwar l-assistenza reċiproka, u jeħtiġilhom ikunu konxji dwar is-sostenn li l-IMI toffri u dwar kif taħdem fil-prattika. Il-Kummissjoni sejra tkompli tipprovdi l-appoġġ tagħha lill-Istati Membri fil-qasam tat-taħriġ u t-tkattir tal-għarfien, fis-sura ta’ laqgħat ta’ ħidma u materjal tat-taħriġ elettroniku onlajn.

It-twessigħ gradwali tal-IMI biex tkopri aktar professjonijiet, flimkien mal-użu tagħha għad-Direttiva dwar is-Servizzi, se jwasslu għal żieda sinifikanti f-użu tas-sistema. Hekk kif is-sistema tikber, il-fatturi kritiċi għas-suċċess li huma deskritti hawn fuq se jsiru saħansitra aktar importanti. Il-Kummissjoni għaldaqstant tistieden lill-Istati Membri biex jieħdu l-passi meħtieġa, inklużi b’mod partikolari azzjonijiet ta’ taħriġ u tkattir tal-għarfien, biex jiżguraw l-introduzzjoni b’suċċess tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar is-Suq Intern.

[1] Ara d-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern, ĠU L 2006/376, p. 36, l-Artikolu 34(1).

[2] Ara: il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea lill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa COM(2006)30 finali “Wasal iż-żmien li ningranaw: Is-sħubija l-ġdida għat-tkabbir u għall-impjiegi” , p.18.

[3] Ara: il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni COM(2006)689 “Reviżjoni strateġika ta' Regolamentazzjoni Aħjar fl-Unjoni Ewropea” , p. 3.

[4] Ara: Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni COM(2006)173 "i2010 eGovernment Action Plan: Accelerating eGovernment in Europe for the Benefits of All" (Pjan ta’ Azzjoni i2010 dwar l-eGvern: Naċċelleraw l-eGvern fl-Ewropa għall-ġid ta’ kulħadd), p. 6.

[5] Ara: Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni COM(2008)566 “Il-Multilingwiżmu: Vantaġġ għall-Ewropa u impenn komuni” .

[6] Ara: il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni COM (2007) 724 "Suq uniku għall-Ewropa tas-seklu 21" p. 12-14.

[7] Id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali, ĠU L 2005/255, p. 22. (b’mod partikolari l-Artikoli 8, 50 u 56).

[8] Id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar is-servizzi fis-suq intern, ĠU L 2006/376, p. 36. (b’mod partikolari l-Artikoli 28-36).

[9] Id-Deċiżjoni 2004/387/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar it-twassil interoperabbli ta' servizzi ta' eGovernment pan-Ewropej lill-amministrazzjonijiet pubbliċi, negozji u ċittadini (IDABC), ĠU L 2004/144, kif ikkoreġuta bil-ĠU L 181, (18.5.2004), p.25.

[10] L-IMI jipprovdi ħolqa għal mas-servizz tat-traduzzjoni awtomatika (ECMT) tal-Kummissjoni Ewropea. Din l-għodda lill-utenti toffrilhom xi għajnuna biex jifhmu kwalunkwe kummenti mhux strutturati li jkunu ddaħħlu bi rbit ma’ talba tal-IMI. L-ECMT taħdem b’għadd limitat ta’ pari ta’ lingwi. It-traduzzjonijiet tal-ECMT ma għandhomx validità għal finijiet legali. L-utenti b’hekk ikunu avżati biex, fid-diskrezzjoni tagħhom, iqisu jekk għandhomx jiksbu għajnuna uffiċjali u professjonali, kull fejn dan ikun ta’ ħtieġa.

[11] Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment ħieles ta' tali data, ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31; Ir-Regolamentº(KE)ºNruº45/2001 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-18ºta’ºDiċembruº2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dak id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

[12] Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoin tat-12 ta' Diċembru 2007 dwar l-implimentazzjoni tas-Sistema tal-Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI) fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali dwar l-implimentazzjoni tas-Sistema ta’ Tagħrif tas-Suq Intern (IMI) fir-rigward tal-protezzjoni tad-dejta personali (ĠU L 13, 16.1.2008, p. 18).

[13] Il-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Artikolu 29 tal-Protezzjoni tad-Dejta, Opinjoni 7/2007 dwar kwistjonijiet relatati mas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (WP140, 01911/07), 21.09.2007.

[14] L-Opinjoni tas-Superviżur Ewropew tal-Protezzjoni tad-Dejta dwar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Diċembru 2007 dwar l-implimentazzjoni tas-Sistema ta’ Tagħrif tas-Suq Intern (IMI) fir-rigward tal-protezzjoni tad-dejta personali, ĠU L 2008/49, 16.1.2008, 22.02.2008.

[15] Ara: Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, "Suq uniku għall-Ewropa tas-seklu 21" , COM(2007) 724, p. 12-14..

[16] Ir-reazzjonijiet kollha jidderivaw minn kontributi li waslu mill-Istati Membri. Għad-dettalji dwar il-Proġett Pilota dwar il-Kwalifiki Professjonali, ara d-Dokument anċillari ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni.

[17] Id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar servizzi fis-suq intern, ĠU L 2006/376, p. 36. (b’mod partikolari l-Artikoli 28-36).

[18] Ara: ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' April 2008 dwar kooperazzjoni amministrattiva msaħħa fil-kuntest tal-istazzjonar tal-ħaddiema fil-qafas tal-forniment tas-servizzi. (ĠU C 89).

[19] Il-Kunsill jistieden lill-Kummisjsoni biex "biex tistabbilixxi, kemm jista' jkun malajr, task force operattiva, l-ewwel nett biex twettaq eżami preliminari sabiex tiżviluppa għażliet possibbli għal sistema speċfika ta' skambju ta' informazzjoni u, it-tieni nett, biex tagħti pariri dwar l-appoāā tekniku l-aktar xieraq u kosteffettiv għas-sistema ta' skambju ta' informazzjoni, inkluża l-possibbiltà li tintuża applikazzjoni speċifika għas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI)", Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-9 ta’ Ġunju 2008 (9935/08, SOC 316), p. 3.

[20] Ara: ĠU L 18, 21.1.1997, p. 1-6.

[21] Ara s-Sezzjoni 5 ta’ din il-Komunikazzjoni.

[22] Ara: id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern, ĠU L 2006/376, p. 36, l-Artikoli 18 u 35.

[23] Ara: id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern, ĠU L 2006/376, p. 36, l-Artikoli 29 u 32.

[24] L-Artikolu 34(3) tad-Direttiva dwar is-Servizzi (2006/123/KE) jistqarr espliċitament li “l-Kummissjoni għandha tevalwa l-ħtieġa li tistabbilixxi programm pluriennali sabiex torganizza skambji rilevanti ta’ uffiċjali u taħriġ” .

Top