EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008DC0638

Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Implimentazzjoni tal-għanijiet ta’ Barċellona rigward il-faċilitajiet ta' kura għat-tfal f'età ta' qabel l-iskola {SEC(2008)2597}

/* KUMM/2008/0638 finali */

52008DC0638

Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Implimentazzjoni tal-għanijiet ta’ Barċellona rigward il-faċilitajiet ta' kura għat-tfal f'età ta' qabel l-iskola {SEC(2008)2597} /* KUMM/2008/0638 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 3.10.2008

KUMM(2008) 638 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Implimentazzjoni tal-għanijiet ta’ Barċellonarigward il-faċilitajiet ta' kura għat-tfal f'età ta' qabel l-iskola{SEC(2008)2597}

1. INTRODUZZJONI

F'Marzu 2002, il-Kunsill Ewropew, li ltaqa' f'Barċellona, ħa l-inizjattiva li jistieden lill-Istati Membri sabiex "ineħħu x-xkiel għas-sehem tan-nisa fis-suq tax-xogħol u, b'kunsiderazzjoni għat-talba u skont is-sistemi nazzjonali tagħhom f'dan ir-rigward, jagħmlu sforz sabiex, minn issa sal-2010 jistabbilixxu faċilitajiet ta' kura għal mill-inqas 90 % tat-tfal ta' bejn it-tlett snin u l-età tal-iskola obbligatorja u għal mill-inqas 33 % tat-tfal ta' inqas minn tlett snin"[1]. Dawn l-"għanijiet ta' Barċellona" jagħmlu parti integrali tal-Istrateġija Ewropea għat-tkabbir u l-impjieg u għandhom l-għan iżidu r-rata ta' impjieg tal-ġenituri żgħażagħ, b'mod partikolari n-nisa, u biex jikkontribwixxu b'hekk għal ugwaljanza akbar bejn in-nisa u l-irġiel.

L-iżvilupp tal-kura tat-tfal jippermetti lill-ġenituri biex jagħżlu b'mod ħieles l-organizzazzjoni tal-ġurnata tagħhom u, b'hekk, biex jikkonċiljaw aħjar il-ħajjiet professjonali u tal-familja tagħhom. Dan jikkonċerna b'mod partikolari n-nisa li, minħabba nuqqas ta' possibbiltajiet ta' konċiljazzjoni, huma aktar ta' spiss mill-irġiel obbligati li jitilqu mis-suq tax-xogħol jew li jużaw modalitajiet ta' xogħol li ma jippermettulhomx li jisfruttaw bis-sħiħ ħilithom. Għalhekk, l-ekonomija Ewropea tinsab nieqsa mill-potenzjal produttiv tagħhom, filwaqt li din għandha tħabbat wiċċha ma' sfidi ekonomiċi u demografiċi.

Dan ir-rapport jistabbilixxi valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-għanijiet ta' Barċellona fl-Istati Membri u jidentifika x-xkiel u l-isfidi b'rigward l-iżvilupp tal-faċilitajiet ta' kura għat-tfal f'età ta' qabel l-iskola. Huwa jagħmel parti mill-azzjonijiet previsti fil-"Pjan ta' strateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel (2006-10)»[2] u jistiga r-riflessjonijiet u inizjattivi li l-Kummissjoni tippreżenta biex tippromwovi konċiljazzjoni aħjar tal-ħajja professjonali u dik privata[3].

2. IL-FAċILITAJIET TA' KURA GħAT-TFAL, ELEMENT ċENTRALI TAL-POLITIKI TA' KONċILJAZZJONI

Impenn politiku kkonfermat mill-ġdid bosta drabi

Mill-1992, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni[4], li kienet tenfasizza l-importanza tal-iżvilupp tal-faċilitajiet ta' kura bi prezzijiet raġonevoli, aċċessibbli u ta' kwalità, filwaqt li kienet tħeġġeġ il-flessibbiltà u d-diversità ta' dawn is-servizzi sabiex twieġeb għall-bżonnijiet u l-preferenzi tal-ġenituri u t-tfal tagħhom. L-għanijiet ta' Barċellona tal-2002 huma maħsuba, b'mod partikolari, biex jiffavorixxu l-aċċess għall-impjieg u ż-żamma fl-impjieg tal-ġenituri, b'mod partikolari n-nisa, u li tiġi appoġġjata l-ugwaljanza bejn is-sessi. Il-Kunsill Ewropew tenna dan l-impenn fil-"Patt Ewropew għall-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa" ta' Marzu 2006[5].

Fil-Pjan ta' Strateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2006-2010[6], il-Kummissjoni impenjat ruħha biex tappoġġja "it-twettiq tal-għanijiet ta' Barċellona b'rigward għall-istrutturi ta' kura tat-tfal". Barra minn hekk, laqgħet b'mod pożittiv it-twaqqif tal-Alleanza Ewropea għall-Familja[7], maħsuba twaqqaf pjattaforma ta' skambji bejn l-Istati Membri dwar il-politiki tal-familja Ewropej, fejn offriet appoġġ permezz ta' mezzi differenti[8]. Il-Fondi strutturali ppermettew ukoll li jiġu kkofinanzjati l-miżuri li jħaffu l-konċiljazzjoni tal-ħajja professjonali u l-ħajja privata, b'mod partikolari l-ħolqien tal-faċilitajiet ta' kura, it-taħriġ tal-persunal, jew saħansitra l-forniment ta' servizzi ta' kura għall-ġenituri li qegħdin ifittxu impjieg. Għall-perjodu 2007-2013, inqisu li nofs biljun euro li ġejjin mill-Fondi Strutturali u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-iżvilupp rurali għandhom jiġu kkonsakrati għall-iżvilupp tal-infrastrutturi ta' kura għat-tfal, filwaqt li EUR 2.4 biljun jistgħu jiffinanzjaw miżuri maħsuba jħaffu l-aċċess tan-nisa għall-impjieg u l-konċiljazzjoni tal-ħajja professjonali u tal-familja, kif ukoll l-aċċess għall-kura tat-tfal.

Kontribut attiv tal-imsieħba soċjali Ewropej

L-imsieħba soċjali Ewropej ikkollaboraw b'mod attiv għat-twettiq ta' dan ir-rapport u jgħarrfu r-rwol ewlieni tagħhom f'dan il-qasam, kif ukoll mal-politiki pubbliċi. Huma jenfasizzaw l-importanza li jagħtu għad-disponibbiltà tal-faċilitajiet ta' kura tat-tfal aċċessibbli, bi prezz raġonevoli u ta' kwalità. Din il-kwistjoni tikkostitwixxi qasam ta' prijorità tal-qafas ta' azzjoni għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel li jwettqu mill-2005. B'hekk, huma żviluppaw għodod prattiċi u niedu inizjattivi innovattivi biex isostnu l-iżvilupp tal-kura tat-tfal, kemm b'rigward għad-disponibbiltà (pereżempju skejjel tat-trabi għall-impriżi) kif ukoll tal-prezz (perezempju allokazzjonijiet finanzjarji għall-ġenituri). Huma jieħdu sehem b'mod attiv għall-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet u dak leġiżlattiv b'rigward għall-politiki ta' konċiljazzjoni, kif ukoll għall-implimentazzjoni tal-fondi strutturali. Fl-aħħar, iħabbru l-intenzjoni tagħhom li jħeġġu l-iskambji ta' prassi tajbin u ta' esperjenzi innovattivi, kif ukoll l-użu tal-programmi tal-Fondi strutturali disponibbli fuq livell nazzjonali.

Sostenn għall-impjieg

Il-konċiljazzjoni tal-ħajja professjonali u dik privata, u b'mod partikolari l-iżvilupp tas-servizzi tal-kura tat-tfal, hi kundizzjoni meħtieġa għat-twettiq tal-għanijiet tal-istrateġija Ewropea għat-tkabbir u l-impjieg u tibbenefika f'dan ir-rigward minn linjagwida speċifika[9]. Teżisti rabta diretta bejn id-disponibbiltà ta' faċilitajiet ta' kura tat-tfal u l-possibbiltajiet ta' impjieg imħallas għall-ġenituri. Dawn il-faċilitajiet jippermettu lil dawn tal-aħħar sabiex ikollhom u jżommu impjieg imħallas filwaqt li jtejbu l-kwalità ta' ħajjithom u jneħħu ostakolu kbir li jxekkel il-ħelsien biex jorganizzaw il-ġurnata tagħhom. Fl-UE hemm aktar minn sitt miljun mara (bejn il-25 u d-49 sena) li jistqarru li huma sfurzati jkunu inattivi jew biex jaħdmu xogħol part-time minħabba r-responsabbiltajiet tal-familja tagħhom[10]. Għal aktar minn kwart minnhom, in-nuqqas ta' kura għat-tfal u l-prezz tagħhom huwa n-nisel tal-qagħda tagħhom. It-tweġiba għal din it-talba tippermetti li tiżdied ir-rata ta' impjieg globali tan-nisa b'mill-inqas punt ta' perċentwal wieħed.

Minkejja dan, għalkemm għadd ta' Stati Membri diġà impenjaw ruħhom biex iżidu l-offerta b'rigward għall-kura tat-tfal, il-biċċa l-kbira tibqa' inqas mill-għanijiet ta' Barċellona jew lanqas biss tirreferi għalihom fir-rapporti nazzjonali ta' riforma[11]. Minn dakinhar 'il quddiem, dan il-punt kien is-suġġett ta' bosta rakkomandazzjonijiet speċifiċi indirizzati mill-Kunsill lill-Istati Membri fil-qafas tal-Istrateġija Ewropea tal-impjieg.

Appoġġ għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel:

L-iżbilanċ tat-tqassim tal-ħidmiet domestiċi u tal-familja bejn in-nisa u l-irġiel jibqa' kbir ħafna u jidderieġi lin-nisa – ħafna aktar milli lill-irġiel – lejn termini u kundizzjonijiet ta' xogħol flessibbli jew saħansitra barra mis-suq tax-xogħol. Għalkemm l-użu ta' dawn it-termini u kundizzjonijiet ta' xogħol jistgħu parzjalment jirriflettu preferenzi personali, dan mhuwiex mingħajr konsegwenzi fuq l-iżvilupp professjonali tan-nisa, fuq il-persistenza tad-diskrepanza fil-paga bejn l-irġiel u n-nisa u fuq l-akkumulazzjoni tad-drittijiet għall-pensjoni. Pereżempju, madwar terz min-nisa jaħdmu part-time, meta mqabbla ma' inqas minn raġel minn kull għaxra u r-rata ta' impjieg tan-nisa ġarrbet tnaqqis ta' 12.4 punti meta kellhom tfal indipendenti ta' inqas minn 12-il sena, filwaqt li dik tal-irġiel żdiedet b'7.3 punti.

L-aċċess għal faċilitajiet ta' kura ta' kwalità, bi prezzijiet raġonevoli u addattati għar-ritmi ta' ħajja tal-ġenituri u tat-tfal jikkostitwixxi minn dakinhar element indispensabbli biex iħaffef l-aċċess tan-nisa għal impjieg imħallas li jivvalorizza bis-sħiħ il-kompetenzi tagħhom u jsostni b'hekk l-indipendenza ekonomika tagħhom; din il-kwistjoni tirrappreżenta sfida għall-Istati Membri.

Appoġġ għall-inkużjoni soċjali kif ukoll għat-twettiq tal-proġetti tal-familja

Is-sehem sħiħ għal impjieg imħallas biżżejjed tal-ġenitur(i) jippermetti li jiġu evitati sitwazzjonijiet ta' faqar fix-xogħol u jikkontribwixxi għall-ġlieda kontra r-riskju ta' faqar, b'mod partikolari fost il-familji b'ġenitur wieħed, fil-medja ħafna aktar milquta minn dan il-fenomenu (32 %) milli l-bqija tad-djar bi tfal (17 %)[12]. Il-garanzija għal aċċess għal faċilitajiet ta' kura għat-tfal tista' jtejjeb ukoll il-qagħda soċjali tal-ġenituri żgħażagħ.

Għat-tfal infushom, iż-żieda tal-benessri tal-familja tippermetti li jiġi miġġieled il-faqar tat-tfal, filwaqt li toffri lit-tfal sitwazzjoni li tippermettilhom li jiżviluppaw rwieħhom f'ambjent stimulanti u sigur tul l-ewwel snin ta' ħajjithom. Fil-komunikazzjoni tagħha dwar l-effiċjenza u l-ekwità tas-sistemi ta' edukazzjoni[13], il-Kummissjoni diġà enfasizzat il-ħtieġa li tinvesti fit-tagħlim qabel il-primarja sabiex toffri bażi għat-tagħlim ulterjuri, tipprevjeni t-tluq mill-iskola, ittejjeb l-ekwità tar-riżultati u ż-żieda tal-livelli globali ta' kompetenza.

Fl-aħħar, id-disponibbiltà tal-faċilitajiet ta' kura ssostni t-twettiq tal-proġetti tal-familja, b'rigward għat-tnaqqis demografiku li qiegħda tesperjenza l-Ewropa. Tabilħaqq jidher li l-Istati Membri fejn il-fekondità bħalissa hi l-ogħla huma dawk li ħaffew il-konċiljazzjoni bejn il-ħajja professjonali u dik tal-familja tal-ġenituri u li tippreżenta rata ta' impjieg tan-nisa għolja.

3. QAGħDA TAT-TWETTIQ TAL-GħANIJIET TA' BARċELLONA

Il-Kummissjoni żviluppat is-segwitu tal-għanijiet ta' Barċellona, b'mod partikolari fil-qasam statistiku. Dan ir-rapport iforni, għall-ewwel darba, tagħrif armonizzat u li jista' jitqabbel dwar l-użu ta' "sistemi formali ta' kura" tat-tfal żgħar fl-Istati Membri, li jippermetti li jitfassal valutazzjoni ta' nofs it-terminu tat-twettiq tal-għanijiet ta' Barċellona. Dan it-tagħrif jikkonċerna l-użu tal-offerta eżistenti ta' kura tat-tfal mill-ġenituri u mhux in-numru ta' postijiet li jeżistu f'kull Stat Membru, li diffiċli li jitqabbel fuq livell Ewropew.

Il-possibbiltajiet ta' kura tat-tfal f'età ta' qabel l-iskola huma differenti ħafna fost l-Istati Membri skont is-sistemi stabbiliti u l-approċċi differenti u prijoritajiet nazzjonali b'rigward għall-konċiljazzjoni. Madankollu, ċerti sfidi b'rigward għad-disponibbiltà, tal-ispiża u l-kwalità tal-faċilitajiet ta' kura huma komuni.

3.1. Disponibbiltà u aċċessibbiltà

L-għanijiet ta' Barċellona jidentifikaw żewġ gruppi ta' eta ta' tfal, li jeħtieġu bżonnijiet u tip ta' servizzi differenti ħafna. Għat-tfal ta' inqas minn tlett snin, it-talba tikkonċerna b'mod partikolari l-iskejjel tat-trabi jew servizzi ta' kura oħrajn, li l-aċċess tagħhom ġeneralment jitħallas u hu ggarantit biss f'għadd limitat ta' pajjiżi (FI, DK, SE). Barra minn hekk, il-konsiderazzjonijiet kulturali u t-tradizzjonijiet tal-familja jidħlu fin-nofs ukoll fl-għażla tat-tipi ta' kura, formali jew le. Fl-aħħar, it-termini u l-kundizzjonijiet tal-ġranet frank tal-maternità u tal-ġenituri (tul, kumpens finanzjarju, flessibbiltà) jista' jkollhom impatt fuq it-talba tas-servizzi ta' kura skont jekk il-ġenituri jagħżlux li jżommu t-tfal huma stess jew le, b'kunsiderazzjoni tal-limiti finanzjarji u professjonali ta' din l-għażla.

Min-naħa l-oħra, mill-età ta' tlett snin, għadd kbir ta' tfal jibdew l-edukazzjoni ta' qabel l-iskola tagħhom fil-kindergarten, f'sistema ġeneralment issussidjata jew saħansitra b'xejn, flimkien ma' faċilitajiet ta' kura ta' wara l-iskola jew le.

L-analiżi tal-qagħda tal-Istati Membri b'rigward għall-għanijiet ta' Barċellona tissejjes fuq ir-rata ta' kopertura tat-tfal mis-sistemi ta' kura formali (għas-sena 2006)[14]. Dan jikkonċerna l-użu mill-ġenituri tal-offerta eżistenti u mhux l-għadd ta' postijiet offruti mill-Istati Membri. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġu ddifferenzjati r-rati ta' kopertura skont l-għadd ta' sigħat li fihom jinżammu t-tfal (madwar 30 siegħa fil-ġimgħa) billi dan jiddetermina l-possibbiltajiet ta' impjieg full-time tal-ġenituri.

B'rigward għall-grupp ta' età inferjuri (0 sa 3 snin), jidher li huma biss ħames Stati Membri (DK, NL, SE, BE, ES) li għaddew l-għan ta' Barċellona ta' 33 % tar-rata ta' kopertura, filwaqt li ħamsa oħra (PT, UK, FR, LU, SI) jinsabu qrib ħafna. Fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi l-oħra, baqa' progress kbir xi jsir biex tiġi ssodisfatta t-talba tal-faċilitajiet ta' kura. Tabilħaqq, jekk seba' Stati Membri (FI, IT, CY, EE, DE, IE, LV) jinsabu fuq livell intermedjarju (bejn 16 u 26 %), tmien Stati Membri (EL, HU, MT, SK, LT, AT, CZ, PL) juru rata ta' koperturi inqas jew daqs 10 %. Madankollu, dawn ir-rati ta' kopertura jikkonċernaw it-tfal kollha, huma x'inhuma l-għadd ta' sigħat kull ġimgħa. B'hekk, is-sigħat ta' attendenza ta' dawn is-servizzi jvarjaw bil-kbir minn pajjiż għal ieħor, u l-proporzjon ta' dawn li jaħdmu biss part-time[15] hi partikolarment għolja f'bosta pajjiżi. Il-każijiet tal-Olanda u tar-Renju Unit huma eżemplari f'dan ir-rigward, billi t-tfal ta' inqas minn tliet snin kienu jmorru kważi biss fis-servizzi ta' kura part-time.

Għal dak li għandu x'jaqsam mat- tfal ta' tlett snin sal-età fejn imorru l-iskola obbligatorjament , tmien Stati Membri (BE, DK, FR, DE, IE, SE, ES, IT) qabżu l-għan ta' Barċellona ta' 90 % tar-rata ta' kopertura[16], filwaqt li tlieta oħra (UK, NL, CY) jinsabu qrib. Seba' Stati (EE, SI, HU, FI, PT, SK, AT) juru rata ta' kopertura sinifikanti iżda aktar 'il bogħod, inkluża bejn is-70 % u l-85 %. Barra minn hekk, jidher li l-faċilitajiet ta' kura tat-tfal ta' dan il-grupp ta' età taħdem fil-biċċa l-kbira part-time. B'hekk, b'kunsiderazzjoni għar-rata ta' kopertura full-time, aktar minn nofs l-Istati Membri jinsabu inqas minn 50 % u terz mill-Istati Membri għandhom saħansitra rata ta' kopertura inqas minn 30 %. Dawn iċ-ċifri għandhom madankollu jkunu interpretati b'rigward għall-ispeċifikazzjonijiet nazzjonali ta' organizzazzjoni ta' tagħlim ta' qabel il-primarja u d-disponibbiltà jew le ta' servizzi ta' kura wara l-ħin tal-iskola.

Għalhekk jidher li t-talba ta' sistemi formali ta' kura tat-tfal tinsab 'il bogħod milli tiġi koperta fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri. Dan jikkostitwixxi xkiel għas-sehem għall-impjieg tal-ġenituri, b'mod partikolari n-nisa. Titjib tal-qagħda f'dan il-qasam jista' jsir kemm fil-ftuħ ta' faċilitajiet ta' kura kif ukoll permezz ta' professjonalizzazzjoni tal-kuri informali, pereżempju permezz ta' normi ta' kwalità għall-kura tat-tfal, il-kundizzjonijiet ta' impjieg u tal-pagi u t-taħriġ tal-persunal. Barra minn hekk, il-bżonnijiet aktar speċifiċi tal-ġenituri li għandhom ħinijiet ta' xogħol strambi jew tfal morda għandhom jiġu koperti xorta waħda.

3.2. Spiża u finanzjament

Il-kwistjonijiet ta' disponibbiltà tal-faċilitajiet ta' kura tat-tfal tmur id f'id mal-kwistjoni tal-ispiża. Għall-ġenituri, jeżisti post fl-iskola tat-trabi jew fiċ-ċentru għall-kura wara l-ħin tal-iskola jekk il-prezz tagħhom ikun raġonevoli. Din il-kwistjoni għandha tiġi kkunsidrata wkoll f'perspettiva usa maħsuba biex ix-xogħol ikun vantaġġjux: l-ispejjeż tas-servizzi ta' kura ma għandhomx joħolqu xkiel għar-ritorn lura x-xogħol. B'rigward għall-inklużjoni soċjali, jeħtieġ ukoll li tiġi assigurata d-disponibbiltà tas-servizzi ta' kura tat-tfal għad-djar l-inqas ixxurtjati.

Il-prezzijiet ftit jew wisq raġonevoli tal-faċilitajiet ta' kura jvarjaw ħafna skont l-Istati Membri. Barra minn hekk, fi ħdan l-istess pajjiż, l-ispiża tista' tvarja, pereżempju skont it-tip ta' servizz użat, skont jekk hux pubbliku jew provat jew b'kunsiderazzjoni tal-livell ta' dħul tal-ġenituri.

Għall-ġenituri, huwa prinċipalment is- servizzi ta' kura għall-iżgħa tfal (inqas minn tlett snin) li jistgħu jirrappreżentaw spiża kbira. Għal dawn is-servizzi, jeżistu tipi differenti ta' finanzjament pubbliku, ta' aċċess universali permezz ta' finanzjament pubbliku dirett u ta' kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-ġenituri limitati skont id-dħul tagħhom għal sistemi ta' appoġġ tat-talba permezz tat-tnaqqis fiskali tal-ispejjeż ta' kura jew l-għoti ta' vawċers. F'dan l-aħħar każ, qiegħda ssir enfasi fuq l-għażla ħielsa tat-tip ta' kura u s-settur privat għandu rwol importanti fiha. Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, dawn il-"mudelli" differenti jeżistu flimkien. Għalhekk, hemm possibbiltajiet differenti ta' kura għat-tfal fl-istess ħin, bi prezzijiet differenti. Lil hinn minn dawn id-differenzi tas-sistema, il-piż li jirrappreżenta l-ispiża netta (il-prezz bl-għajnuniet differenti mnaqqsin) tas-servizzi ta' kura tat-tfal għall-familji jvarja konsiderevolment (minn 5 % għal aktar minn 30 %). F'ċerti Stati Membri, minkejja l-kunsiderazzjoni tad-dħul tal-ġenituri, is-servizzi ta' kura huma ta' piż ħafna akbar għall-baġit tal-familji bi dħul baxx milli l-familji l-oħra. Barra minn hekk, id-dikotomija tikber bejn min-naħa l-postijiet tal-iskola għat-trabi bi prezzijiet raġonevoli pprovduti mis-settur pubbliku iżda ftit li xejn disponibbli (suġġetti pereżempju għal-listi twal ta' stennija) u min-naħa l-oħra possibbiltajiet kbar ta' kura privata iżda bi prezz ftit li xejn raġonevoli.

Għal dak li għandu x'jaqsam mat-tfal minn tlett snin sal-età ta' skola obbligatorja , fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, it-tfal huma koperti mill-inqas sentejn mis-servizzi ta' edukazzjoni ta' qabel l-iskola ffinanzjati mir-riżorsi pubbliċi u sikwit mingħajr ħlas għall-ġenituri.

B'kollox, il-parti tal-ispejjeż pubbliċi mwettqa favur faċilitajiet ta' kura għat-tfal f'età ta' qabel l-iskola fil-GDP żiedet dawn l-aħħar snin fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri. Madankollu, hi tibqa' eteroġena ħafna fi ħdan l-UE u ħafna inqas mil-livell milħuq fil-pajjiżi nordiċi. Dan hu partikolarment vera għall-ispejjeż ta' kura għat-tfal ta' inqas minn tlett snin meta mqabbel mal-istrutturi ta' qabel il-primarja għat-tfal ta' aktar minn tlett snin.

Bħala konklużjoni, l-ispiża tal-faċilitajiet ta' kura, b'mod partikolari għat-tfal ta' inqas minn tlett snin, tibqa' xkiel kbir għall-użu tagħhom mill-ġenituri f'aktar min-nofs l-Istati Membri. Tabilħaqq, dan hu l-element ewlieni msemmi min-nisa li s-sehem tagħhom fis-suq tax-xogħol hu limitat (part-time involontarju jew ma jaħdmux) minħabba n-nuqqas ta' kura għat-tfal[17].

3.3. Kwalità u kundizzjonijiet ta' xogħol

Il-kwalità tal-faċilitajiet ta' kura tikkosstitwixxi għall-ġenituri kwistjoni primordjali li tiddetermina l-għażla tagħhom li tafdalhom it-tfal tagħhom. Dan ikopri elementi differenti, pereżempju t-tip ta' servizz offrut, in-normi ta' kwalità, l-għadd u t-taħriġ tal-ħaddiema. Il-garanzija ta' kwalità minima għal kulħadd hi wkoll kwistjoni ta' opportunitajiet indaqs, għat-tfal kif ukoll għall-ġenituri. Il-Kummissjoni diġà enfasizzat il-bżonn li tippromwovi l-kwalità tal-faċilitajiet ta' kura għat-tfal iż-żgħar, bħala servizzi soċjali ta' interess ġenerali, b'mod partikolari permezz tat-tfassil ta' qafas volontarju ta' kwalità[18].

Għadd ta' Stati Membri, b'mod partikolari dawk li diġà laħqu ċertu livell ta' kwantità, enfasizzaw fuq it-titjib tal-kwalità tal-faċilitajiet ta' kura, b'mod partikolari għal dak li għandu x'jaqsam mat-taħriġ tal-persunal. Il-bżonn li jsir progress fuq dan l-aspett ingħarraf fuq livell Komunitarju[19]. Madankollu, teżisti differenti kbira bejn is-servizzi ta' kura (pjuttost għat-tfal iż-żgħar ħafna) u t-tagħlim tal-kindergarten (għat-tfal ta' tlett snin u aktar) barra mill-pajjiżi li ħalqu servizz integrat għal mit-tfal iż-żgħar ħafna sal-età ta' skola. Dan għandu konsegwenzi kemm fuq il-mod kif tidher il-faċilità għat-tfal kif ukoll fuq livell tat-taħriġ meħtieġ u l-pagi medji għall-ħaddiema, li jibqgħu eteroġeni ħafna skont il-pajjizi u t-tipi ta' servizzi fi ħdan l-istess pajjiż.

B'hekk, il-livell ta' taħriġ meħtieġ għall-kura tat-tfal iż-żgħar jikkorrispondi ġeneralment għal-livell sekondarju tekniku, jew saħansitra diploma tat-tagħlim ogħla. Madankollu, il-livell ta' taħriġ reali jiddipendi fil-biċċa l-kbira mit-tip ta' struttura tal-faċilità ta' kura u xi persuni li jieħdu ħsieb it-tfal ma għandhomx taħriġ speċifiku fil-qasam. Min-naħa l-oħra, il-persuni li jaħdmu fis-servizzi ta' edukazzjoni qabel l-iskola fil-biċċa l-kbira għandhom diploma tat-tagħlim ogħla, bħall-għalliema.

L-għadd ta' impjiegi fis-settur tal-faċilitajiet ta' kura tat-tfal iż-żgħar kiber ħafna dawn l-aħħar snin fl-UE minħabba t-talba kbira. Madankollu, f'għadd ta' każijiet, il-kundizzjonijiet ta' xogħol (b'mod partikolari part-time jew b'kuntratti mhux tipiċi) ma jiġbdux ħaddiema f'dan is-settur. Dan huwa kkaratterizzat min-nuqqas ta' ħaddiema kwalifikati u mir-rata ta' bidla għolja ħafna[20]. Barra minn hekk, dan ix-xogħol huwa wieħed mill-aktar professjonijiet li jaħdmu fih nisa (il-perċentwali ta' rġiel huwa inqas minn 5 % fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri) u dan jista' jkun ta' xkiel għal valorizzazzjoni aħjar tas-settur u l-aktar għall-ġlieda kontra l-isterjotipi ta' sess.

Element ieħor ta' kwalità tas-servizzi ta' kura hu dak tal-proporzjon bejn l-għadd ta' adulti u dak tat-tfal li hu eteroġenu ħafna fost l-Istati Membri, għall-iżgħar minn 1 għal 3 sa 1 għal 7 u ta' 1 għal 6 sa 1 għal 19 għall-grupp ta' età akbar. Il-karattru obbligatorju ta' dawn il-proporzjoni u l-implimentazzjoni konkreta tvarja ħafna wkoll skont l-Istati Membri.

Fuq livell tan-normi l-oħra ta' kwalità, l-Istat b'mod ġenerali għandu rwol importanti b'rigward għar-regolamentazzjoni u l-kontroll, anki jekk dawn il-kompetenzi huma dejjem aktar mwettqa fuq livelli delokalozzati ta' setgħa. Għandha tiġi nnutata wkoll tendenza għad-diversifikazzjoni tal-metodi ta' kura, b'mod partikolari taħt is-sura ta' skejjel għat-trabi privati jew ta' kura d-dar, li tkabbar il-firxa ta' għażla għall-ġenituri iżda li ma tħaffifx il-proċeduri ta' kontroll tal-kwalità ta' kura pprovduta lit-tfal.

It-titjib tal-kwalità jeħtieġ ir-rispett tan-normi stretti assigurat minn kontrolli iżda jissokta wkoll taħriġ minimu għall-ħaddiema kollha tas-settur, it-titjib tal-kundizzjonijiet ta' xogħol u ta' possibbiltajiet ta' taħriġ, kif ukoll tal-valur mogħti lil dawn il-professjonijiet, b'mod partikolari fuq livell finanzjarju.

4. SFIDI U PERSPETTIVI FIL-ġEJJIENI

Sitt snin wara l-adozzjoni tal-għanijiet ta' Barċellona, filwaqt li l-iskadenza ta' 2010 toqrob, jidher li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri mhumiex ma jilħquhom. Minkejja l-progress imwettaq, għad iridu jsiru numru ta' sforzi sabiex jintlaħaq livell sodisfaċenti ta' disponibbiltà, l-aktar għat-tfal ta' inqas minn tlett snin.

Barra minn hekk, il-prezzijiet tal-faċilitajiet ta' kura għat-tfal mhux dejjem huma raġonevoli u s-sigħat ta' ftuħ tagħhom mhux dejjem huma kompatibbli ma' impjieg full-time imħallas, jew impjieg b'sigħat strambi. Dan jikkostitwixxi xkiel għat-twettiq sħiħ tal-potenzjal produttiv tal-ġenituri, b'mod partikolari tan-nisa.

Fl-aħħar, għandha ssir enfasi fuq it-titjib tal-kwalità tal-faċilitajiet ta' kura, kif ukoll għal dak li għandu x'jaqsam mat-taħriġ u l-valorizzazzjoni tal-professjonisti tas-settur.

Il-Kummissjoni ma għandhiex kompetenzi diretti f'dak li għandu x'jaqsam mal-kura tat-tfal, iżda se tissokta s-superviżjoni regolari tal-għanijiet ta' Barċellona fil-qafas tal-istrateġija għat-tkabbir u l-impjieg, billi ssostniha minn statistiċi li jitqabblu, disponibbli fil-ħin u ta' kwalità u billi tipproponi, jekk meħtieġ, rakkomandazzjonijiet speċifiċi lil ċerti Stati Membri. Barra minn hekk, l-iżvilupp tal-faċilitajiet ta' kura u l-kontribut tagħhom bħall-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa se jiġu analizzati permezz tar-rapport annwali dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel li l-Kummissjoni tgħaddi annwalment lill-Kunsill Ewropew tal-ħarifa.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tiffavorixxi l-iskambju ta' esperjenzi nazzjonali rigward il-faċilitajiet ta' kura għat-tfal, b'mod partikolari fil-qafas tal-programm tiegħu ta' skambju ta' prassi tajbin dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel imniedi fl-2008, tal-pjattaforma ta' skambju organizzata fil-qafas tal-Alleanza Ewropea għall-familja u tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fil-Fondi Strutturali. Il-Kummissjoni se tkattar wkoll ir-riċerka dwar il-kondizzjonijiet ta' xogħol u l-valorizzazzjoni tal-professjonijiet fis-settur tal-faċilitajiet ta' kura ta' qabel l-iskola għat-tfal.

Madankollu, il-punt ċentrali jibqa' fil-biċċa l-kbira nazzjonali, saħansitra reġjonali jew lokali. Jeħtieġ li l-partijiet interessati kollha, b'mod partikolari l-awtoritajiet nazzjonali u lokali u l-imsieħba soċjali, jiċċaqilqu sabiex jiżviluppaw offerta ta' servizzi ta' kura għat-tfal iż-żgħar li jkunu aċċessibbli, bi prezz raġonevoli u ta' kwalità. Għalhekk huwa essenzjali li l-possibbiltajiet ta' kofinanzjament offerti mill-Fondi Strutturali u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-iżvilupp rurgali jkunu użati bis-sħiħ favur miżuri li jħaffu l-konċiljazzjoni, u b'mod partikolari faċilitajiet ta' kura għat-tfal. Il-Kummissjoni tifraħ bl-impenn u l-kollaborazzjoni attiva tal-imsieħba soċjali Ewropej għat-twettiq tal-għanijiet ta' Barċellona.

Dan ir-rapport jixhed l-impenn tal-Kummissjoni, fil-qafas tal-kompetenzi tagħha, biex issostni t-twettiq tal-għanijiet ta' Barċellona, u l-iżvilupp ta' servizzi ta' kura għat-tfal bi prezz raġonevoli, aċċessibbli u ta' kwalità, biex teqred ix-xkiel għall-impjieg tal-ġenituri, tiffavorixxi l-inklużjoni soċjali u tħeġġeġ l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.

[1] Konklużjonijiet tal-Presidenza, il-Kunsill Ewropew ta' Barċellona, 15-16/03/2002, dokument SN 100/1/02 REV 1.

[2] COM(2006) 92.

[3] COM(2008) XXX

[4] 92/241/KEE

[5] Il-Konklużjonijiet tal-Presidenza, 7775/1/06/ REV 1.

[6] COM(2006) 92.

[7] Dokument tal-Kunsill tal-UE 9317/1/07 REV 1

[8] COM(2007) 244.

[9] Linjagwida Impjieg Nru 18.

[10] Eurostat, Sħarriġ fuq il-Forza tax-Xogħol, 2006

[11] Rapport konġunt dwar l-impjieg 2007-08, dokument tal-Kunsill Nru 7169/08.

[12] Eurostat, EU-SILC 2006

[13] COM(2006) 481.

[14] Għall-BG u RO, it-tagħrif se jkun disponibbli biss mis-sena ta' referenza 2007.

[15] Inqas minn 30 siegħa fil-ġimgħa.

[16] B'kunsiderazzjoni tat-tfal kollha miżmuma mill-inqas siegħa fil-ġimgħa.

[17] Stħarriġ dwar il-forzi tax-xogħol, modulu 2005 dwar il-konċiljazzjoni bejn il-ħajja professjonali u l-ħajja tal-familja.

[18] COM(2007) 725.

[19] Ikkonsulta d-dokumenti tal-Kunsill 14136/07 u 6706/07.

[20] EFILWC, The childcare services sector – what future?, 2006

Top