EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52008DC0186
Communication from the Commission to the Council and to the European Parliament on the Report of the Northern Ireland task force {SEC(2008)447}
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar ir-Rapport tat-task force għall-Irlanda ta’ Fuq {SEC(2008) 447}
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar ir-Rapport tat-task force għall-Irlanda ta’ Fuq {SEC(2008) 447}
/* KUMM/2008/0186 finali */
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar ir-Rapport tat-task force għall-Irlanda ta’ Fuq {SEC(2008) 447} /* KUMM/2008/0186 finali */
[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussell 7.4.2008 COM(2008) 186 finali KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW dwar ir-Rapport tat-Task Force għall-Irlanda ta’ Fuq {SEC(2008) 447} KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW dwar ir-Rapport tat-Task Force għall-Irlanda ta’ Fuq 1. Introduzzjoni Il-konsolidazzjoni tal-paċi fl-Irlanda ta’ Fuq hija kwistjoni l-ewwel nett għan-nies tar-reġjun. Iżda jidher biċ-ċar li hemm ukoll dimensjoni Ewropea importanti billi ċ-ċittadini tal-Irlanda ta’ Fuq huma ċittadini ta' Unjoni Ewropea li hija msejsa fuq il-prinċipji ta' paċi, stabbiltà u prosperità. Din hija r-raġuni għaliex il-Kummissjoni kienet partikolarment kuntenta li ġiet mistiedna tappoġġja l-proċess ta’ paċi fl-Irlanda ta’ Fuq, b’mod partikolari, billi tgħin lir-reġjun fl-isforzi tiegħu biex itejjeb il-kompetittività ekonomika tiegħu u biex joħloq impjieg sostenibbli għall-popolazzjoni tiegħu. Il-Kummissjoni hija mħeġġa b’mod partikolari mill-fatt li t-tmexxija politika tal-Irlanda ta’ Fuq issa qed tagħti prijorità lill-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiż. Mument kruċjali fil-proċess ta’ paċi kien it-twaqqif mill-ġdid ta’ amministrazzjoni devoluta fl-Irlanda ta’ Fuq f’Mejju 2007 imsejsa fuq il-qsim ta' poter bejn komunitajiet li kienu ferm maqsuma matul l-aħħar deċennji. Dan l-avveniment storiku jfisser li l-Irlanda ta’ Fuq għandha l-potenzjal li ssir eżempju ta’ kif jistgħu jingħelbu b’mod permanenti l-qasmiet politiċi kbar, u kif tista’ tinħoloq soċjetà aktar miftuħa, tolleranti u demokratika anki fl-aktar ċirkustanzi diffiċli. Kien ukoll f’Mejju 2007 li, waqt żjara li għamel fl-Irlanda ta' Fuq, il-President tal-Kummissjoni, José Manuel Barroso, ħabbar id-deċiżjoni tiegħu li jwaqqaf Task Force fi ħdan il-Kummissjoni, taħt l-awtorità tal-Kummissarju Danuta Hübner, biex jiġi sostnut il-proċess ta’ paċi, b’enfasi partikolari fuq kif jistgħu jiġu ġġenerati aktar tkabbir u impjiegi b'konformità mal-Istrateġija kumplessiva ta’ Liżbona tal-Unjoni[1]. L-NITF tirrappreżenta sħubija ġdida u aktar mill-qrib bejn l-Irlanda ta' Fuq u s-servizzi tal-Kummissjoni, hekk kif wasal fi tmiemu, gradwalment, il-perjodu twil li matulu r-reġjun kien wieħed mill-benefiċjarji ewlenin tal-għajnuna reġjonali Ewropea, u issa se jibda jserraħ dejjem aktar fuq ir-riżorsi tiegħu stess. Fl-anness għal din il-Komunikazzjoni jinsab ir-rapport dwar ir-riżultati tal-ħidma tat-Task Force għall-Irlanda ta’ Fuq (NITF). B’mod ġenerali, ir-rapport jikkonferma li l-Irlanda ta' Fuq, filwaqt li qed toħroġ minn perjodu twil ta' kunflitti, trid tħabbat wiċċha ma' bosta sfidi ta' natura soċjoekonomika. Filwaqt li ħafna mill-indikaturi ekonomiċi prinċipali, pereżempju, b’rabta mar-rati ta’ qgħad jew PGD per capita, illum huma pjuttost pożittivi meta mqabbla mal-medja għall-Unjoni, fir-reġjun għadu jinħass l-effett tal-perjodu ta’ kunflitt: dipendenza għolja fuq is-settur pubbliku, tendenza kontra t-teħid ta’ riskju u livell baxx ta’ intraprenditorija, il-perċezzjoni negattiva tar-reġjun lill-investituri internazzjonali, kif ukoll proporzjon għoli tal-popolazzjoni mhux involuta f’attività ekonomika. Fl-istess waqt, l-istabbiltà li issa nkisbet tagħti l-opportunità għal avvanz fil-prestazzjoni ekonomika. Huwa f’dan l-isfond li l-NITF kienet qed teżamina kif ir-reġjun jista’ jinvolvi aktar ruħu fil-politiki tal-UE bl-għan li jgħin lill-ekonomija tavvanza fil-katina tal-valur u biex isir wieħed mill-aktar reġjuni innovattivi. Kif huwa spjegat hawn taħt, flimkien mal-ħidma analitika, diġà qegħdin jitwettqu għadd ta’ inizjattivi. 2. Ir-responsabbiltà tat-Task Force għall-Irlanda ta’ Fuq. Ir-responsabbiltà speċifika tal-NITF hija li ssostni l-isforzi fl-Irlanda ta’ Fuq biex titjieb il-kompetittività u jinħoloq impjieg sostenibbli, filwaqt li tħaddem is-servizzi tal-Kummissjoni li għandhom x'jaqsmu l-aktar mal-aġenda għall-kompetittività u l-impjieg sostenibbli[2]. Qed tingħata attenzjoni partikolari biex titnaqqas id-dipendenza fuq is-settur pubbliku u biex jinħoloq settur privat aktar dinamiku. Billi tieħu f’idejha din ir-responsabbiltà, u billi tħejji dan ir-rapport, l-NITF tirrappreżenta sħubija ġdida bejn l-amministrazzjoni fir-reġjun u l-Kummissjoni filwaqt li hija wkoll tentattiv biex tiġi stimolata bidla kwalitattiva fl-ekonomija tar-reġjun. F’termini operattivi, l-NITF: - wettqet, fl-isfond ta’ analiżi tal-profil soċjoekonomiku tar-reġjun, inventarju dettaljat tal-kisbiet tal-Irlanda ta’ Fuq fil-politiki differenti tal-UE, speċjalment matul il-perjodu ta’ tħejjija preċedenti, bejn l-2000 u l-2006, meqjusa fejn xieraq f’kuntest komparattiv ma’ partijiet oħra tal-UE; - ifformulat, fuq il-bażi ta’ dan l-inventarju, suġġerimenti u rakkomandazzjonijiet dwar kif l-amministrazzjoni, is-settur privat, l-universitajiet u l-istituzzjonijiet ta’ riċerka u atturi ekonomiċi oħra jistgħu jikkontribwixxu għall-Ewropa kif ukoll jibbenefikaw aktar minnha. L-awtoritajiet tal-Irlanda ta’ Fuq ġew ikkonsultati matul il-perjodu kollu minn mindu twaqqfet l-NITF u fit-tħejjija ta’ dan ir-rapport. L-awtoritajiet fir-Repubblika tal-Irlanda kienu assoċjati mill-qrib. Il-partijiet prinċipali fl-Irlanda ta’ Fuq ġew ikkonsultati wkoll, inklużi l-membri lokali tal-Parlament Ewropew, is-settur volontarju, u l-imsieħba soċjali. 3. L-Irlanda ta’ Fuq fil-qafas tal-politika tal-UE Fl-oqsma politiċi speċifiċi eżaminati fid-dettall fir-rapport, il-konklużjoni ġenerali hija li l-Irlanda ta’ Fuq, minkejja li tidher inqas involuta fil-politiki tal-UE mill-bqija tar-Renju Unit u l-Irlanda, b’mod ġenerali għandha esperjenza solida. L-ewwel u qabel kollox, ir-reġjun kien kapaċi jikseb sostenn finanzjarju konsiderevoli għall-investiment fl-ambitu tal-politika ta’ koeżjoni soċjali tal-UE. Bħala wieħed mir-reġjuni ta' prijorità għall-"Objettiv 1", l-Irlanda ta' Fuq ibbenefikat minn sostenn finanzjarju tal-UE għal perjodu twil ta’ żmien. Matul il-perjodu 2000-2006, is-sitt programmi (inklużi l-programmi ‘Building Sustainable Prosperity’ u PEACE II) irċevew għajnuna tal-UE ta’ madwar EUR 2.2 biljun li magħhom żdiedet il-kontribuzzjoni tal-UE għall-Fond Internazzjonali għall-Irlanda. Wieħed mill-fatturi innovattivi tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE fl-Irlanda ta’ Fuq kien il-programm PEACE, li twaqqaf għall-ewwel darba fl-1995, immirat speċifikament lejn is-sostenn għal proġetti konġunti ta’ natura soċjoekonomika bl-għan li jikkontribwixxu għall-paċi u r-rikonċiljazzjoni bejn iż-żewġ komunitajiet. Għall-perjodu ta’ tħejjija attwali, mill-2007 sal-2013, l-Irlanda ta’ Fuq għandha sitt programmi b’kontribuzzjoni finanzjarja ta’ EUR 1.1 biljun, inkluża kontinwazzjoni tal-prorgamm PEACE. Permezz tal-programmi, l-Unjoni kienet kapaċi tikkontribwixxi għat-titjib fil-kwalità ta' ħajja tal-popolazzjoni, u se tkompli tagħmel hekk. Ir-reġjun kien ukoll attiv f'oqsma politiċi oħra tal-UE, kif jidher fl-anness. Għal finijiet illustrattivi, tista’ ssir enfasi fuq ċerti kisbiet importanti. Fil-qasam tal-politika tal-intrapriża, l-Irlanda ta’ Fuq kienet attiva fis-sostenn għan-negozju u għall-innovazzjoni permezz tal-aġenzija tagħha INVEST-NI, iċ-ċentri Euro Info u ċ-Ċentri ta’ Kollegament dwar l-Innovazzjoni. Iċ-ċentru ta’ kollegament dwar l-Innovazzjoni ta’ Belfast jitqies bħala wieħed mill-ħames ċentri fin-netwerk tal-UE li kisbu l-aħjar riżultati f’termini ta’ promozzjoni tat-trasferimenti transnazzjonali tat-teknoloġija, billi permezz ta’ tim żgħir, għamilha ta' medjatur għal 28 operazzjoni ta' trasferiment bħal dawn. Fil-qasam tal-politika tar-riċerka, taħt is-Sitt programm ta’ Qafas (2000-2006), l-Irlanda ta’ Fuq kienet kapaċi tipparteċipa flimkien ma’ 161 parteċipant f’146 kuntratt ta’ riċerka, filwaqt li bbenefikat minn EUR 33.4 miljun mill-baġit tal-UE. Fil-qasam tal-ambjent, is-suċċessi jinkludu l-pjan ta’ azzjoni biex jonqsu n-nitrati, u, b’kooperazzjoni mal-Irlanda, l-azzjoni preventiva fil-qasam tal-esportazzjonijiet illegali tal-iskart. Fil-qasam tal-impjiegi u tal-opportunitajiet indaqs, minħabba l-esperjenza unika tal-Irlanda ta’ Fuq, il-membri tal-awtorità reġjonali għall-ugwaljanza jipparteċipaw fil-kumitat ta’ tmexxija li jissorvelja l-istudju tal-Kummissjoni dwar id-diskriminazzjoni multipla, filwaqt li l-NGOs mir-reġjun jipparteċipaw b’mod attiv fin-netwerks ta’ kontra d-diskriminazzjoni. Fl-istess waqt, f’perspettiva li tħares ’il quddiem, jeħtieġ li r-reġjun jagħmel aktar biex jindirizza d-dgħufijiet ta’ natura soċjoekonomika, u hawnhekk, involviment akbar fil-politiki tal-UE u fis-servizzi tal-Kummissjoni rrappreżentati fl-NITF, huwa għajn ta’ sostenn. B’mod partikolari, il-prosperità ekonomika llum, fl-Irlanda ta’ Fuq bħal kullimkien, ma għadhiex imsejsa fuq it-tip ta’ speċjalizzazzjoni reġjonali li għamlet l-Irlanda ta’ Fuq wieħed mill-aktar reġjuni dinamiċi f’kuntest globali fi tmiem is-Seklu 19 u fil-bidu tas-Seklu 20. L-ekonomija tal- flussi ta’ xogħol, kapital, ideat u għarfien ħadet post l-ekonomija klassika tal- postijiet u għaldaqstant, l-inseriment fin-networks nazzjonali, Ewropej u globali sar importanti aktar minn qatt qabel għall-kompetittività ekonomika. Biex jiżdiedu l-livelli ta’ kompetittività, l-isfida ewlenija hija li s-settur privat isir aktar dinamiku u li jkunu mħeġġa l-ħolqien u l-iżvilupp ta’ negozji ġodda. Filwaqt li fl-Irlanda ta’ Fuq sar ħafna progress f’dan il-qasam, jitqies li seta’ sar aktar mhux biss biex jiġu appoġġjati n-negozji li jkunu għadhom kif bdew joperaw, iżda wkoll biex jiġu sostnuti l-intrapriżi kompetittivi maż-żmien. Parti mill-isforz f'dan ir-rigward għandu x'jaqsam mal-iżvilupp ta’ rabtiet aktar mill-qrib bejn in-negozju u l-għejun ewlenin ta' innovazzjoni: l-universitajiet, l-istituzzjonijiet ta’ riċerka u għejun oħra ta’ għarfien u riċerka, mhux biss fir-reġjun iżda fil-kuntest Ewropew usa’. Barra minn hekk, iż-żieda fil-kompetittività tiddependi fundamentalment fuq riżorsi umani kkwalifikati, inkluż l-iżvilupp tal-ħiliet lingwistiċi u ħiliet oħra meħtieġa biex jissaħħu r-relazzjonijiet mal-bqija tal-Ewropa, u tabilħaqq lil hinn minnha. Filwaqt li l-istandards edukattivi fl-Irlanda ta’ Fuq huma għoljin, hemm tħassib kontinwu dwar id-differenzi fil-kisba edukattiva bejn dawk li joħorġu mill-iskola bi kwalifiki baxxi jew skarsi u dawk li jiksbu riżultati eċċellenti. Fil-kuntest tal-isforzi biex tissaħħaħ l-ekonomija ta’ għarfien fl-Irlanda ta’ Fuq, jidher biċ-ċar li huwa importanti li jiġi sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal uman tar-reġjun. B’rabta ma’ dan hija l-ħtieġa li proporzjon akbar tal-popolazzjoni tkun involuta f’attività ekonomika, partikolarment billi jiżdiedu u jiġu aġġornati l-livelli ta’ ħiliet, billi jiġu mħeġġa t-teħid ta’ riskju u l-intrapriża u għaldaqstant il-ħolqien ta’ negozji żgħar ġodda jew impjieg indipendenti. Flimkien mal-isforzi li għaddejjin biex tiżdied il-parteċipazzjoni ta’ gruppi inattivi u emarġinati fid-dinja tax-xogħol, dan għandu jtejjeb ukoll is-sitwazzjoni fl-Irlanda ta’ Fuq fir-rigward tal-inklużjoni soċjali u jikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-faqar. Hemm ukoll ħtiġijiet f’oqsma aktar tradizzjonali. Fost dawk li ġew enfasizzati hemm il-ħtieġa li jitkompla l-proċess ta’ modernizzazzjoni tas-settur agroalimentari li jibqa’ attività importanti għall-ġejjieni tar-reġjun. Barra minn hekk, b’riżultat tal-passat ir-riżorsi għal investiment f'ċerti infrastrutturi kienu aktar baxxi milli setgħu jkunu f’kundizzjonijiet oħra. Dan jinkludi l-infrastruttura għat-trasport, kif ukoll l-infrastruttura ambjentali fid-dawl tat-tħassib dejjem jikber dwar it-tnaqqis fil-kwalità tal-ilma, li tradizzjonalment hija għolja, fejn hemm ħtiġijiet li jkopru l-immaniġġjar tal-iskart u tal-ilma u l-investiment f’ekoinnovazzjoni u riċerka ambjentali. 4. Il-ħidma tat-Task Force għall-Irlanda ta’ Fuq, Mejju 2007 – Marzu 2008 Kif indikat hawn fuq, l-NITF, flimkien mal-ħidma analitika tagħha, ikkooperat mill-qrib mal-awtoritajiet fl-Irlanda ta’ Fuq minn Mejju 2007 biex tikkonforma mal-aġenda għat-tkabbir u l-impjiegi. L-ewwel nett, is-servizzi tal-Kummissjoni taw prijorità lill-kisba ta’ deċiżjonijiet rapidi dwar il-ġenerazzjoni rapida ta’ programmi ta’ żvilupp soċjoekonomiku għall-2007-2013: - Sa tmiem l-2007, ħamsa mis-sitt programmi kien sar qbil dwarhom: Il-PEACE III, il-programm dwar il-Kompetittività u l-Impjiegi, il-programm tal-Fond Soċjali Ewropew tal-Irlanda ta’ Fuq, il-programm ta’ kooperazzjoni territorjali mal-Iskozja tal-Punent u l-Irlanda u u l-programm ta' żvilupp rurali. Id-deċiżjoni dwar il-programm tas-sajd, li huwa organizzat f’livell nazzjonali għar-Renju Unit kollu, hi mistennija li tittieħed fix-xhur li ġejjin, dejjem jekk il-programm jiġi ppreżentat skont l-iskeda miftiehma. - L-allokazzjoni finanzjarja totali mill-UE għas-sitt programmi hija ’l fuq minn EUR 1 biljun. Is-sinifikat tad-deċiżjonijiet meħuda dwar il-programmi hu li dawn ħejjew t-triq għall-ħlas ta’ avvanzi fl-2007 ta’ EUR 42 miljun, li se jgħinu lir-reġjun biex jagħti bidu għal ċiklu ġdid ta’ investiment. - Il-fatt l-aktar inkoraġġanti huwa li l-programm ġdid tal-ERDF dwar il-Kompetittività u l-Impjiegi, li huwa l-akbar mis-sitta, b’sostenn finanzjarju tal-UE ta’ EUR 473 miljun, flimkien mal-programm tal-Fond Soċjali Ewropew b’sostenn tal-UE ta' EUR 165 miljun, ġew stabbiliti sew fi ħdan il-kuntest tal-aġenda ta' Liżbona fis-sens li aktar minn 85 % tar-riżorsi ġew allokati għal investimenti li huma mmirati direttament lejn il-kompetittività. Il-Kummissjoni tistenna bil-ħerqa l-implimentazzjoni ta’ dawn il-programmi Ewropej importanti, bl-għan li l-Irlanda ta’ Fuq issir eżempju tal-aħjar prassi fl-UE fl-użu tal-politika reġjonali Ewropea għat-twettiq tal-aġenda għat-tkabbir u l-impjiegi. - Fi sforz biex iżżid il-livell ta’ riżorsi disponibbli għall-investiment, il-Kummissjoni ħeġġet lill-awtoritajiet jesploraw il-possibbiltajiet għal sostenn finanzjarju msejjes fuq is-self permezz tal-inizjattivi JEREMIE u JESSICA għall-iżvilupp tal-SME u għal dak urban rispettivament. Diġà nżammu kuntatti mal-Bank Ewropew tal-Investiment (JESSICA) u l-Fond Ewropew tal-Investiment (JEREMIE) biex jiġu esplorati l-possibbiltajiet. - Barra minn hekk, fid-dawl tal-akbar għeluq industrijali (the Seagate factory), inġibdet l-attenzjoni mill-NITF lejn il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, li jekk jiġu sodisfatti l-kriterji meħtieġa, jista’ jgħin biex jiffinanzja l-ispejjeż ta’ taħriġ mill-ġdid, eċċ. It-tieni, l-NITF ħadmet mill-qrib mal-amministrazzjoni tal-Irlanda ta’ Fuq fi sforz biex iddaħħal ir-reġjun b’mod aktar sod fin-netwerks tal-UE: - Netwerking mal-Kummissjoni. Il-kuntatti mad-dipartimenti tal-Kummissjoni ġew stabbiliti fuq bażi aktar sistematika u, b’riżultat ta’ dan, hemm għarfien imtejjeb fl-Irlanda ta’ Fuq dwar il-possibbiltajiet differenti offruti mill-politiki tal-UE u dwar kif għandha tikkompeti għal sostenn f’oqsma differenti. Għadd ta’ azzjonijiet qegħdin jitqiesu jew diġà huma fis-seħħ f’dan ir-rigward: - Wieħed mill-ewwel eżempji kien dak tas-sejħa għall-offerti skont il-politika tal-Unjoni dwar in- netwerks transewropej tat-trasport (TEN) fejn, fil-passat, ir-reġjun kien esprima interess relattivament limitat. Permezz ta' offerta fil-qafas tal-proposta tar-Renju Unit għall-programm TEN-Trasport, 2007-2013, ir-reġjun assigura s-sostenn għal proġett tat-toroq b’għotja tal-UE ta’ EUR 10.64 miljun. Ir-rata ta’ sostenn se tkun l-ogħla fir-Renju Unit b’16 % tan-nefqa totali, meta mqabbla ma’ 5 % għal partijiet oħra tat-toroq tar-Renju Unit. - Fil-qasam tal- ekonomija ta’ għarfien , il-possibbiltajiet mogħtija mis- Seba’ Programm ta’ Qafas għall-universitajiet, iċ-ċentri ta’ riċerka u s-settur privat jirrappreżentaw prijorità partikolari għar-reġjun. Il-Kummissjoni tappoġġja lill-awtoritajiet fl-Irlanda ta' Fuq rigward il-prinċipju li l-parteċipazzjoni tkun ikkonċentrata fuq is-sejħiet għall-proposti f’oqsma fejn ir-reġjun igawdi minn kapaċitajiet partikolari: l-ajronawtiċi, in-nanoteknoloġiji, is-soċjetà tal-informazzjoni, il-kwalità tal-ikel u s-servizzi. Fil-qasam tan-negozji żgħar, ġew enfasizzati l-possibbiltajiet offruti lill-intrapriżi taħt il- Programm għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni , b’mod partikolari, taħt l- inizjattiva ta’ ekoinnovazzjoni u fil-qasam tal- inġinerija finanzjarja . B’mod parallel, fid-dawl tad-dimensjoni importanti tar-riżorsi umani għall-iżvilupp tal-ekonomija ta’ għarfien, inġibdet l-attenzjoni fuq iż-żieda tal-parteċipazzjoni tal-Irlanda ta’ Fuq fl-inizjattivi differenti tal-UE relatati mal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ. L-esperjenza tissuġġerixxi li jista’ jsir aktar biex l-istudenti fl-Irlanda ta’ Fuq jitħejjew għal involviment fil-programm ERASMUS , li joffri l-possibbiltà għall-istudenti mir-reġjun li jiżviluppaw il-ħiliet lingwistiċi u ħiliet oħra permezz ta' studju f'istituzzjonijiet fi Stati Membri oħra tal-UE. - Fil-qasam tal-ambjent u l-enerġija, il-kuntatti mal-Kummissjoni żvelaw interess potenzjali fil-programmi tal-UE dwar it-trasport u l-enerġija ( Concerto, Intelligent Energy, Civitas ) li jistgħu jgħinu biex isaħħu l-passi importanti li diġà twettqu mir-reġjun fil-qasam tal-enerġija li tiġġedded u l-effiċjenza fl-enerġija, filwaqt li hemm aktar lok għal involviment fil-qafas tal-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli permezz ta’ proġetti sostnuti finanzjarjament taħt Life+ . - Azzjonijiet oħra li huma fis-seħħ jinkludu seminar dwar it-tagħlim bejn il-pari rigward il-politika soċjali u tal-impjiegi tal-UE li huwa previst għal April 2008. Tinsab ukoll fi stadju avvanzat il-ħidma ta’ tħejjija għal konferenza dwar l-antidiskriminazzjoni li se ssir f’Belfast fil-bidu ta’ Ġunju 2008. - Barra minn hekk, fil-qasam importanti għall-Irlanda ta’ Fuq tal- politika agrikola , il-promozzjoni tal-kwalità tal-ikel ġiet identifikata bħala prijorità bl-użu ta’ denominazzjonijiet ġeografiċi. Għaldaqstant, tħejjew applikazzjonijiet għal skemi dwar il-kwalità tal-ikel u l-preżentazzjoni tagħhom lill-Kummissjoni hija imminenti. - Programmi ta’ netwerk iffinanzjati mill-UE. Inġibdet l-attenzjoni tal-Irlanda ta’ Fuq għall-opportunitajiet għal parteċipazzjoni fil- programmi ta’ netwerk tal-UE . B’mod partikolari, ir-reġjun esprima interess li jkollu rwol ewlieni f'netwerk sostnut taħt l-inzjattiva Reġjuni għal Bidla ekonomika li hija ffinanzjata mill-Fond Ewropew tal-Iżvilupp Reġjonali. Din hija l-ewwel darba li l-Irlanda ta’ Fuq ippreżentat ruħha bħala attur ewlieni, u dan jirrifletti l-fatt li l-Irlanda ta' Fuq qed tikseb fiduċja fil-kapaċitajiet tagħha stess f'kuntest tal-UE. - Il-qsim ta’ esperjenza ma’ reġjuni oħra L-Irlanda ta’ Fuq ġiet imħeġġa biex taqsam l-esperjenza speċifika – u unika f’bosta modi - tagħha fil-qasam tas-soluzzjoni ta' kunflitti ma' reġjuni oħra. F’dan ir-rigward, l-ewwel pass ittieħed permezz tal-organizzazzjoni f’Ottubru 2007 ta’ workshop speċifiku fl-avveniment reġjonali annwali li sar fi Brussell, magħruf bħala l-Ġranet għall-Pubbliku, dwar it-tema tal-esperjenza ta’ PEACE fl-Irlanda ta’ Fuq f’paragun mal-esperjenza f'Ċipru u fil-Balkani tal-Punent. Kif jintqal mill-ġdid hawn taħt, hemm interess konsiderevoli fl-Irlanda ta’ Fuq fl-iżvilupp ta’ dan il-qasam ta’ attività f’xi forma ta’ faċilità istituzzjonali Ewropea għas-soluzzjoni tal-kunflitti . - L-għaqda ma’ reġjuni oħra. Bħala parti mill-integrazzjoni tagħha fin-netwerks inqas formali li jikkaratterizzaw l-ekonomija tal-UE, l-Irlanda ta’ Fuq kienet imħeġġa mill-NITF biex tinvolvi ruħha, u taqsam l-esperjenza, ma’ reġjuni oħra fuq inizjattiva tagħha stess. Biex tagħti bidu għall-proċess, l-NITF organizzat kuntatti mal-Istrateġija ta’ Innovazzjoni ta’ Ħelsinki li kisbet suċċess. 5. L-Irlanda ta’ Fuq u t-Task Force għall-Irlanda ta’ Fuq: il-passi li jmiss B’riżultat tal-ħidma tal-NITF, kif indikat hawn fuq, ġew identifikati għadd ta’ punti importanti biex jiġu segwiti mir-reġjun. Il-Kummissjoni tipproponi li tinżamm l-NITF bl-għan li takkumpanja lir-reġjun f’din il-ħidma, kif ukoll tissorvelja l-progress. Bħala parti mill-isforz biex jiġi żgurat is-suċċess tagħha, huwa previst l-iskambju ta’ uffiċjali, inklużi għal perjodi qosra. L-Uffiċċju tal-Irlanda ta’ Fuq fi Brussell se jkollu wkoll rwol importanti f’dan ir-rigward. L-NITF se tkompli tfittex ukoll li żżid l-għarfien fl-Irlanda ta' Fuq fir-rigward ta' programmi, avvenimenti u fora Ewropej ġodda li jistgħu jkunu ta’ interess għar-reġjun. L-NITF se tappoġġja wkoll lir-reġjun fil-mira ddikjarata tiegħu li jsir aktar involut fit-tfassil tal-politiki tal-UE. Dan jimplika bidla fil-perspettiva u fir-rwol, minn status ta’ reġjun li jirċievi għajnuna finanzjarja tal-UE għal dak ta’ attur fl-iżvilupp tal-aġenda politika tal-UE. Is-suċċess f’dan ir-rigward se jiddependi fuq il-kuntest nazzjonali li fih se tkun organizzata l-konsultazzjoni dwar il-politika tal-UE, għalkemm l-NITF tista’ tgħin billi tiżgura li l-awtoritajiet u atturi oħra jkunu mgħarrfa b’mod sħiħ, pereżempju, permezz tal-uffiċċju tal-Kummissjoni f’Belfast. Fl-aħħar nett, kif indikat hawn fuq, l-awtoritajiet tal-Irlanda ta’ Fuq esprimew interess fil-promozzjoni tal-iżvilupp ta’ faċilità li tipprovdi riċerka u pariri dwar it-tema tas-soluzzjoni tal-kunflitti. Ir-rwol ta’ din il-faċilità, l-organizzazzjoni u l-għejun ta’ finanzjament tagħha qed jiġu kkunsidrati b’mod attiv fl-Irlanda ta’ Fuq, filwaqt li jitqies il-fatt li diġà hemm inizjattivi eżistenti f’din id-direzzjoni fir-reġjun innifsu u fl-Irlanda. Is-servizzi tal-Kummissjoni rrikonoxxew il-kontribut potenzjalment siewi li l-esperjenza tal-proċess ta' paċi fl-Irlanda ta' Fuq tista' tagħmel għall-prevenzjoni u s-soluzzjoni ta' kunflitti, kif ukoll għall-ħolqien tal-paċi f’partijiet oħra tad-dinja, u wieġbu b’mod pożittiv għal talba mill-awtoritajiet biex jeżaminaw flimkien il-modi kif jista’ jsir progress. Pereżempju, fil-kuntest tad-djalogu politiku li għaddej bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi terzi u r-regoli li jirregolaw il-programmi ta’ sostenn attwali kif ukoll fil-kuntest speċifiku tad-djalogu ma' pajjiżi bħaċ-Ċina, ir-Russja u l-Brażil dwar il-politika reġjonali, il-Kummissjoni se tiġbed l-attenzjoni għall-kontribut speċifiku tal-programmi PEACE għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku. Jista’ jiġi mbassar li dan għandu jwassal għal kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi speċifikament dwar kwistjonijiet ta’ paċi u rikonċiljazzjoni kif promossi taħt il-programmi PEACE u li jistgħu jibbenefikaw minn għarfien espert miġbur fl-Irlanda ta' Fuq. [1] http://ec.europa.eu/growthandjobs/pdf/integrated_guidelines_en.pdf. [2] DĠ AGRI, EAC, EMPL, ENTR, ENV, FISH, RTD, TREN, SG flimkien mal-Bank Ewropew tal-Investiment