Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008AE1218

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar It-twaqqif ta' netwerks ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed

OJ C 27, 3.2.2009, p. 144–151 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

3.2.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 27/144


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar It-twaqqif ta' netwerks ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed

(2009/C 27/29)

F'ittra datata l-15 ta' Lulju 2007, is-Sinjura Benita Ferrero-Waldner, Membru tal-Kummissjoni Ewropea għar-Relazzjonijiet Esterni u l-Politika Ewropea tal-Viċinat, b'konformità ma' l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, talbet lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew sabiex ifassal opinjoni esploratorja dwar:

It-twaqqif ta' netwerks ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-12 ta' Ġunju 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur Manoliu u l-ko-rapporteur kien is-Sur Mitov.

Matul l-446 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fid-9 u l-10 ta' Lulju 2008 (seduta tad-9 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'143 vot favur, vot wieħed kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Is-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed hija mfassla sabiex tiffoka l-attenzjoni politika fuq ir-reġjun u tisfrutta l-opportunitajiet il-ġodda miksuba mis-sħubija tar-Rumanija u l-Bulgarija fl-UE. Is-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed tiffoka fuq ħames kwistjonijiet: il-gvernanza tajba, it-trasport, l-enerġija, l-ambjent, u l-ġlieda kontra l-kriminalità transkonfinali.

1.2

Is-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed għandha tikkontribwixxi wkoll għall-promozzjoni tal-mudell soċjali Ewropew u l-prinċipju tad-djalogu soċjali u ċivili. Hija għandha tindirizza wkoll it-tnaqqis tal-faqar fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed b'kooperazzjoni ma' l-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti.

1.3

Il-KESE jsejjaħ lill-gvernijiet tal-Baħar l-Iswed, l-organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali sabiex jinvolvu lis-soċjetà ċivili fid-djalogu u l-kooperazzjoni reġjonali u sabiex joffru perspettiva ġdida dwar suġġetti ewlenin bħaż-żamma tas-stabbiltà politika, id-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali; il-promozzjoni ta' riformi ekonomiċi, l-iżvilupp u l-kummerċ; il-kooperazzjoni fil-qasam tat-trasport, l-enerġija u l-ambjent; u l-kuntatti personali bejn in-nies.

1.4

Fil-fehma tal-KESE hemm opportunitajiet u sfidi sinifikanti fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed li jeħtieġu azzjoni koordinata fil-livell reġjonali bil-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, speċjalment fis-setturi prinċipali bħall-enerġija, it-trasport, l-ambjent, il-moviment u s-sigurtà.

1.5

Il-KESE jilqa' d-diversi inizjattivi privati u pubbliċi li twaqqfu sabiex jappoġġjaw il-parteċipazzjoni attiva tas-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet soċjali fit-tfassil tal-futur tar-reġjun. B'mod partikulari, il-KESE jappoġġja l-parteċipazzjoni tan-netwerks ta' kooperazzjoni eżistenti għas-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet soċjali fil-Forum tal-Baħar l-Iswed għas-Sħubija u d-Djalogu (Forum BI) u l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni Ekonomika fil-Baħar l-Iswed (OKEBI).

1.6

Il-KESE jippromovi t-twaqqif u t-tisħiħ tar-rwol nazzjonali tal-KES u l-Kummissjonijiet Tripartitiċi fil-pajjiżi kollha tal-Baħar l-Iswed, u l-iżvilupp tal-kooperazzjoni reġjonali fost l-istrutturi tripartitiċi fir-reġjun. Fil-pajjiżi li m'għandhomx KES nazzjonali, l-imsieħba soċjali għandhom jitħeġġu jieħdu sehem fil-proċess ta' konsultazzjoni u l-ħolqien ta' KES nazzjonali.

1.7

Il-KESE jħeġġeġ it-twettiq ta' riċerka komprensiva dwar is-sitwazzjoni tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali fil-pajjiżi tar-reġjun tal-Baħar l-Iswed.

1.8

Il-KESE u l-ILO ser jorganizzaw konferenza konġunta f'Novembru 2008 dwar ir-Rwol ta' l-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili fil-pajjiżi tar-Reġjun tal-Baħar l-Iswed: il-ħolqien ta' netwerk reġjonali u l-promozzjoni tad-djalogu soċjali. Il-konferenza ser tinvolvi partijiet interessati reġjonali u ser tkun is-segwitu ta' l-opinjoni esploratorja.

2.   Introduzzjoni

2.1

Il-Kumitat bi pjaċir iwieġeb għat-talba mill-Kummissarju Ewropew għar-Relazzjonijiet Esterni u l-Politika Ewropea tal-Viċinat, is-Sinjura Benita Ferrero-Waldner, sabiex iħejji opinjoni esploratorja dwar is-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed. Il-Kummissjoni hija interessata b'mod partikulari f'analiżi dwar kif l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ) jistgħu jkunu involuti aħjar fl-implimentazzjoni tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar Sinerġija tal-Baħar l-Iswedinizjattiva ta' kooperazzjoni reġjonali ġdida COM(2007) 160 finali.

2.2

Il-KESE jilqa' l-ewwel laqgħa konġunta tal-Ministri ta' l-Affarijiet Barranin tas-27 Stat Membru ta' l-UE mal-kollegi tagħhom mill-pajjiżi tar-reġjun tal-Baħar l-Iswed fl-14 ta' Frar 2008 f'Kiev. Il-parteċipazzjoni tal-KESE bħala osservatur f'din il-laqgħa kienet pass importanti għall-implimentazzjoni ta' l-istrateġija ta' kooperazzjoni reġjonali tal-Baħar l-Iswed.

2.3   L-iżvilupp integrat fir-Reġjun tal-Baħar l-Iswed

2.3.1

Ir-reġjun tal-Baħar l-Iswed (1) huwa żona ġeografika li għandu ħafna riżorsi naturali u jinsab f'post strateġiku fejn jiltaqgħu l-Ewropa, l-Ażja Ċentrali u l-Lvant Nofsani. Illum iktar minn qatt qabel, il-prosperità, is-stabbiltà u s-sigurtà tal-pajjiżi ġirien ta' l-Unjoni Ewropea madwar il-Baħar l-Iswed (2) huma ta' tħassib immedjat u ta' importanza strateġika għall-UE. Ir-reġjun tal-Baħar l-Iswed huwa suq bi potenzjal qawwi għall-iżvilupp bi kważi 200 miljun abitant, punt fokali għall-flussi ta' l-enerġija u t-trasport, żona ta' konfluwenza ta' kulturi differenti kif ukoll ta' kunflitti mhux riżolti.

2.3.2

Hemm tliet politiki ta' l-UE li huma rilevanti f'dan il-kuntest: il-proċess ta' pre-adeżjoni fil-każ tat-Turkija, il-Politika Ewropea tal-Viċinat ma' ħames imsieħba tal-PEV (l-Ukraina, ir-Repubblika tal-Moldova, il-Ġeorġja, l-Armenja u l-Ażerbajġan) li huma attivi wkoll fil-kooperazzjoni tal-Baħar l-Iswed u s-sħubija strateġika mal-Federazzjoni Russa bbażata fuq erba' Spazji Komuni.

2.3.3

Il-KESE jappoġġja l-kontribut tal-Kummissjoni għal medda sħiħa ta' inizjattivi settorjali ta' rilevanza reġjonali: id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet individwali; l-istat tad-dritt, il-kooperazzjoni dwar il-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà; l-integrazzjoni kummerċjali u ekonomika u l-konverġenza regolatorja; it-trasport, il-politika marittima, l-enerġija; l-ambjent; is-soċjetà ta' l-informazzjoni, l-impjieg, il-politika soċjali u l-opportunitajiet indaqs; il-kapital uman, l-edukazzjoni; is-saħħa pubblika.

2.3.4

Fil-fehma tal-KESE hemm opportunitajiet u sfidi sinifikanti fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed li jeħtieġu azzjoni koordinata fil-livell reġjonali li tinvolvi lis-soċjetà ċivili, speċjalment fis-setturi prinċipali bħall-enerġija, it-trasport, l-ambjent, il-moviment u s-sigurtà.

2.3.5

Il-KESE jikkunsidra li l-eżistenza ta' diversi forom, approċċi u politiki ta' l-organizzazzjonijiet reġjonali tal-Baħar l-Iswed u l-inizjattivi ta' kooperazzjoni jenfasizzaw il-livell safejn il-kooperazzjoni fl-iżvilupp u l-ġestjoni tas-sinerġiji jistgħu jiġu definiti fiż-żona tal-Baħar l-Iswed. Ħarsa ġenerali lejn l-organizzazzjonijiet reġjonali eżistenti, l-inizjattivi ta' kooperazzjoni, il-programmi u ċ-ċentri ta' analiżi politika tinsab fl-appendiċi.

2.4   L-għanijiet ta' l-UE fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed

2.4.1

Matul l-aħħar 15-il sena, l-Unjoni Ewropea żviluppat sforzi kbar fir-rigward tar-reġjun tal-Baħar l-Iswed sabiex tqanqal sforzi demokratiċi, tappoġġja r-riformi u l-iżvilupp soċjali, tħares l-istabbiltà, u tappoġġja l-kooperazzjoni reġjonali.

2.4.2

Il-KESE jirrakkomanda li parteċipazzjoni ikbar mill-UE għandha tikkomplementa l-isforzi bilaterali, issaħħaħ il-kooperazzjoni reġjonali, tassigura iktar koerenza u gwida politika u tiffoka l-attenzjoni politika fuq il-livell reġjonali, li jkattru ż-żona mixtieqa ta' stabbiltà, prosperità u kooperazzjoni li taqsam mal-ġirien kollha futuri.

2.4.3

Il-KESE jikkunsidra li l-approċċ reġjonali tal-Baħar l-Iswed m'għandu jkun la mmirat u lanqas użat sabiex jipprovdi alternattiva għas-sħubija ta' l-UE u lanqas sabiex jiddefinixxi l-fruntieri finali ta' l-UE.

3.   Il-karatteristiċi ta' l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tar-reġjun tal-Baħar l-Iswed

3.1

L-isfond storiku, politiku u soċjo-ekonomiku ta' l-għaxar pajjiżi taż-Żona tal-Baħar l-Iswed, u konsegwentement il-kundizzjonijiet tas-soċjetajiet ċivili ukoll, ivarjaw ħafna. Matul il-perijodu Sovjetiku l-“atturi soċjali” jew “il-kooperazzjoni professjonali” tnaqqsu mir-reġim tal-partit fil-poter għal sempliċement “passaġġi ta' trasmissjoni”. Dan jista' jitqies bħala tendenza reġjonali komuni għaż-żona tal-Baħar l-Iswed, minbarra għat-Turkija u l-Greċja. Mill-bidu tas-snin disgħin, il-pajjiżi kollha mill-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant malajr ġew impenjati fit-transizzjoni politika u ekonomika b'konsegwenzi importanti għas-soċjetajiet ċivili.

3.2

Il-KESE jirrakkomanda l-appoġġ għall-kooperazzjoni msaħħa bejn l-UE u l-pajjiżi tar-reġjun tal-Baħar l-Iswed ibbażat fuq ftehim komuni dwar valuri komuni, libertajiet fundamentali, impenn għal soċjetà miftuħa u djalogu bbażat fuq l-indipendenza ta' l-imsieħba tas-soċjetà ċivili.

3.3

Il-KESE jikkunsidra dawn bħala r-raġunijiet ewlenin wara l-iżvilupp bil-mod ta' l-OSĊ fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed: id-dgħjufija tas-sistema ġudizzjarja u d-dipendenza tagħha fuq il-gvernijiet, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet is-sistema ġudizzjarja tħares l-interessi ta' l-awtoritajiet kontra ċ-ċittadini; in-nuqqas ta' distribuzzjoni bilanċjata ta' awtorità u responsabbiltà bejn l-awtoritajiet ċentrali u lokali; l-issikkar tal-funzjonijiet punittivi u fiskali tal-gvernijiet; il-manipulazzjoni ta' l-uffiċjali permezz tal-korruzzjoni u t-tixħim; it-trasformazzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ċivili f'ideat fittizji; il-limitazzjoni ta' l-aċċess pubbliku għall-informazzjoni; il-gvernijiet iżommu taparsi djalogu ma' rappreżentanti seletti ta' l-hekk imsejħa soċjetà ċivili; in-nuqqas ta' kundizzjonijiet legali u ekonomiċi għall-appoġġ ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jkunu ġenwinament ħielsa; l-OSĊ huma bbażati fuq l-appoġġ internazzjonali jew il-finanzi korporattivi; l-iżvilupp dgħajjef ta' kultura demokratika.

3.4

Hemm bżonn li jitwettaq studju komprensiv u komparattiv dwar is-sitwazzjoni ta' l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed. Dan l-istudju għandu jkopri l-isfidi definiti mis-sitwazzjoni attwali fir-reġjun, jiffoka fuq l-opportunitajiet attwali għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili inkluż ir-rwol ta' netwerk reġjonali u janalizza l-inizjattivi li qed jinħolqu għas-soċjetà ċivili organizzata fil-livell reġjonali u Ewropew. L-istudju għandu janalizza wkoll il-libertà ta' l-assoċjazzjonijiet, ir-reġistrazzjoni u r-regoli u l-proċeduri fiskali, il-libertà ta' l-espressjoni, it-tħaddim tal-konsultazzjonijiet tripartitiċi.

4.   In-netwerks ta' l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fir-Reġjun tal-Baħar l-Iswed

4.1

Il-KESE josserva li hija r-responsabbiltà tas-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet soċjali li jiddeċiedu dwar il-mod kif jorganizzaw ruħhom fil-livell nazzjonali, reġjonali u internazzjonali.

4.2

Il-KESE jappoġġja l-approċċ tal-Kummissjoni li ma tinħoloqx struttura reġjonali ġdida għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u jħeġġeġ l-iżvilupp tad-dimensjoni tas-soċjetà ċivili fin-netwerks eżistenti kif ukoll il-parteċipazzjoni ta' l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fin-netwerks reġjonali u trans-nazzjonali.

4.3

Il-KESE jirrakkomanda li n-netwerks tas-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet soċjali stabbiliti fil-livell reġjonali jiżviluppaw rabtiet iktar stretti ma' l-Organizzazzjoni tal-Kooperazzjoni tal-Baħar l-Iswed (OKEBI), li hija l-pjattaforma għall-kooperazzjoni ekonomika fir-reġjun u l-iktar organizzazzjoni intergovernattiva żviluppata fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed. Il-KESE jikkunsidra li jkun ta' benefiċċju li tiġi inkorporata sħubija effettiva ma' l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili bħala dimensjoni prinċipali ta' l-orjentazzjonijiet u l-attivitajiet politiċi ta' l-OKEBI.

4.4

Il-KESE jikkunsidra li l-Forum BI jista' jsir pjattaforma għad-djalogu miftuħ fost il-gvernijiet u s-soċjetà ċivili organizzata, ibbażat fuq l-esperjenza tiegħu li jiġbor flimkien l-NGOs mir-reġjun u jiffaċilita l-interazzjoni governattiva u non-governattiva. Il-Forum kien twaqqaf minn bosta Kapijiet ta' Stat tal-pajjiżi differenti tal-Baħar l-Iswed fl-2006. M'għandu l-ebda intenzjoni li jwaqqaf struttura permanenti u mhux ser itenni l-attivitajiet tal-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni eżistenti fir-reġjun.

4.5

Il-KESE jissuġġerixxi li n-netwerks tas-soċjetà ċivili għandu jkollhom dawn l-oqsma prijoritarji ta' kooperazzjoni: id-definizzjoni ta' interessi komuni, it-tfassil ta' strateġiji fil-perijodu medju u fit-tul sabiex jiġi indirizzat il-bini tal-kapaċitajiet ta' l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għall-ħolqien ta' prekundizzjonijiet għas-suċċess tal-proġetti ta' kooperazzjoni reġjonali, l-analiżi ta' strumenti eżistenti, l-evalwazzjoni ta' kapaċitajiet nazzjonali u reġjonali, l-identifikazzjoni ta' ħtiġijiet essenzjali u t-tħejjija għall-futur b'mod proattiv.

4.6

Is-soċjetà ċivili organizzata stabbilita u n-netwerks ta' l-organizzazzjonijiet soċjali għandhom ikunu miftuħa għall-parteċipazzjoni ta' kull organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili li tkun interessata fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed.

5.   Il-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed

5.1

Il-KESE jikkoopera ma' tliet Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali u żewġ korpi simili mir-reġjun tal-Baħar l-Iswed (ara l-Appendiċi II għal deskrizzjoni dettaljata), li huma attivi wkoll fil-qafas ta' l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali (AICESIS):

il-Bulgarija — Kunsill Ekonomiku u Soċjali;

il-Greċja — Kumitat Ekonomiku u Soċjali;

ir-Rumanija — Kunsill Ekonomiku u Soċjali — KES;

ir-Russja — Kamra Pubblika;

l-Ukraina — Kunsill Ekonomiku u Soċjali Nazzjonali Tripartitiku.

5.2

Il-KESE ffirma Memorandum ta' Ftehim mal-Kamra Pubblika Russa. Huwa ppjanat ukoll li tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali Nazzjonali Tripartitiku ta' l-Ukraina. Ir-Russja wkoll għandha kummissjoni tripartitika li l-KESE għandu jkun jista' jinvolvi fi djalogu.

5.3

Il-KESE jikkoopera wkoll mat-Turkija permezz ta' Kumitat Konsultattiv Konġunt. Il-KESE jappoġġja r-riforma tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali eżistenti fit-Turkija sabiex ikollha korp istituzzjonali definit sew u tkun tista' tieħu sehem fin-netwerks internazzjonali tal-KES.

5.4

Fir-Repubblika tal-Moldova hemm il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Konsultazzjoni u n-Negozjar Kollettiv, li hija korp tripartitika stabbilita fuq il-bażi tal-liġi dwar in-negozjar kollettiv. Il-Kummissjoni hija ppreseduta mill-Ewwel Viċi-Prim Ministru u l-appoġġ tas-segretarjat huwa pprovdut mill-Ministeru ta' l-Ekonomija u l-Kummerċ li jittratta wkoll kwistjonijiet relatati max-xogħol. Qed jinħoloq ukoll Kunsill Ekonomiku u Soċjali fil-Ġeorġja iżda l-KESE attwalment m'għandu l-ebda kooperazzjoni ma' dawn il-korpi.

5.5

Fil-pajjiżi li m'għandhomx KES nazzjonali, l-imsieħba soċjali għandhom jitħeġġu jieħdu sehem fil-proċess ta' konsultazzjoni u l-ħolqien ta' KES nazzjonali.

5.6

Għandu jiġi promoss it-tisħiħ tal-kooperazzjoni fil-livell reġjonali u l-kooperazzjoni internazzjonali bejn il-KESE u l-KES tar-reġjun tal-Baħar l-Iswed. Fil-perspettiva fuq perijodu fit-tul il-KESE jista' jikkontribwixxi għall-ħolqien ta' netwerk fost il-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali eżistenti u li qegħdin jinħolqu, kif ukoll għal strutturi tripartitiċi oħrajn fir-reġjun.

6.   Il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fit-tfassil ta' politiki nazzjonali, reġjonali u internazzjonali

6.1

L-iżvilupp ta' soċjetà ċivili toffri perspettiva ġdida dwar suġġetti ewlenin. Għalaqstant, il-KESE jsejjaħ lill-gvernijiet tal-Baħar l-Iswed, l-organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali sabiex jinvolvu lis-soċjetà ċivili f'parteċipazzjoni iktar effiċjenti fid-djalogu reġjonali. Fil-fehma tal-KESE l-erba' oqsma li ġejjin għandhom jingħataw attenzjoni primarja fid-djalogu u l-kooperazzjoni:

iż-żamma tas-stabbiltà politika, id-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;

il-promozzjoni ta' riformi ekonomiċi, l-iżvilupp u l-kummerċ;

il-kooperazzjoni fil-qasam tat-trasport, l-enerġija u l-ambjent;

il-kuntatti personali bejn in-nies.

6.2   Iż-żamma tas-stabbiltà politika, id-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;

6.2.1

L-approċċ tal-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tagħmel użu sħiħ mis-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed u l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem għall-promozzjoni tal-kooperazzjoni transkonfinali u reġjonali fost l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Il-KESE jenfasizza t-tifsira tad-djalogu interkulturali mmirat lejn ir-riżoluzzjoni tal-kunflitti, u l-ħolqien ta' żona ta' demokrazija sostenibbli, l-istat tad-dritt u l-gvernanza tajba fil-livell lokali u reġjonali.

6.2.2

Ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, inkluż ir-rispett ta' l-indipendenza ta' l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u l-libertà ta' l-istampa għandhom ikunu fil-qalba tal-politika esterna ta' l-UE fir-relazzjonijiet bilaterali u l-approċċ reġjonali.

6.2.3

Sinerġija tal-Baħar l-Iswed għandha tikkontribwixxi wkoll għall-promozzjoni tal-mudell soċjali Ewropew, il-prinċipju tad-djalogu soċjali u ċivili. Hija għandha tindirizza wkoll it-tnaqqis tal-faqar fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed b'kooperazzjoni ma' l-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti, b'mod partikulari, il-Bank Dinji u l-ILO.

6.3   Il-promozzjoni ta' riformi ekonomiċi, l-iżvilupp u l-kummerċ

6.3.1

Matul dawn l-aħħar għaxar snin, iż-żona tal-Baħar l-Iswed għaddiet minn riformi sinifikanti fil-qasam politiku, istituzzjonali, makroekonomiku u regolatorju. Jeżistu differenzi sinifikanti bejn l-ekonomiji tal-pajjiżi fir-reġjun f'termini ta' disponibbiltà tal-fatturi tal-produzzjoni, ir-riżorsi naturali, il-kapaċitajiet għall-produzzjoni u d-daqs tas-swieq. Il-pajjiżi tar-reġjun tal-Baħar l-Iswed għandhom diversi livelli ta' żvilupp, stadji ta' implimentazzjoni ta' riformi, ta' bilanċ ekonomiku u soċjali, u tal-kapaċità li jirreaġixxu għall-ħtiġijiet bażiċi taċ-ċittadini tagħhom. Pajjiżi fir-reġjun iridu jħabtu wiċċhom ma' l-ekonomija informali, il-korruzzjoni, il-migrazzjoni u l-faqar.

6.3.2

Il-pajjiżi tar-reġjun tal-Baħar l-Iswed jesperjenzaw livell għoli ta' dinamiżmu fis-settur privat. Dan huwa determinant prinċipali għall-kompetittività ta' l-ekonomija u l-potenzjal għat-tkabbir fuq perijodu fit-tul. L-appoġġ għall-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju għandu jitħeġġeġ sabiex jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' bilanċ ekonomiku u soċjali.

6.3.3

Fil-fehma tal-KESE s-sostenibbiltà ekonomika fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed hija relatata direttament mas-sitwazzjoni ambjentali, l-esternalitajiet negattivi dejjem jikbru, il-kwistjonijiet ta' responsabbiltà soċjali, ir-rispett għas-standards soċjali komuni u s-sensittività dejjem tikber ta' l-eko-responsabbiltà. Il-KESE jenfasizza l-importanza tat-tisħiħ tas-servizzi soċjali, edukattivi u kulturali li jkunu disponibbli għaċ-ċittadini sabiex jiġu miġġielda l-faqar u l-inugwaljanza.

6.3.4

Il-KESE jisħaq fuq il-bżonn li jittejjeb l-ambjent ta' l-investiment, li jiġu promossi r-riformi ta' l-ekonomija tas-suq, li jitħeġġu l-miżuri għal-liberalizzazzjoni u, b'konformità mal-prinċipji tad-WTO, jappoġġja l-ħolqien ta' żona ta' kummerċ ħieles fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed. L-impatt ta' l-innovazzjoni teknoloġika jista' jiftaħ oqsma ġodda għall-kooperazzjoni internazzjonali, l-investiment estern u l-iżvilupp tas-servizzi.

6.4   Il-kooperazzjoni fil-qasam tat-trasport, l-enerġija u l-ambjent

6.4.1

Il-KESE jikkunsidra r-reġjun tal-Baħar l-Iswed bħala żona ta' importanza ġeopolitika u strateġika, bħala reġjun ta' produzzjoni u trasmissjoni għad-diversifikazzjoni tal-provvista ta' l-enerġija għall-UE. Il-KESE huwa favur it-tħeġġiġ tad-diversità tal-provvista — it-tisħiħ addizzjonali ta' l-appoġġ għad-definizzjoni u l-ħolqien ta' kurituri ta' l-infrastruttura u t-trasport, il-fornituri u r-rotot ġodda li jkunu fattibbli u sikuri.

6.4.2

Il-prezzijiet jogħlew taż-żejt u l-gass, id-dipendenza dejjem tikber ta' l-UE fuq għadd limitat ta' fornituri esterni u t-tisħin globali huma wkoll ta' tħassib għall-pajjiżi fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed. L-UE tat bidu għal dibattitu dwar il-bżonn ta' Politika dwar l-Enerġija għall-Ewropa sabiex jiġi assigurat l-iżvilupp, il-kompetittività u s-sigurtà tal-provvista (3). Il-KESE huwa konxju li l-bilanċi ekonomiċi u soċjali fil-pajjiżi tar-reġjun jistgħu jintlaqtu mhux ftit miż-żieda fil-prezzijiet ta' l-enerġija.

6.4.3

Rotta gdida għall-provvisti bħall-kuritur ta' l-enerġija trans-Kaspjan/trans-Baħar Iswed (4) u l-pipeline Nabucco (5) (proġett ta' pipeline li ser ikopri 3 400 km u jwassal 31 biljun tunnellata ta' gass naturali fis-sena) kif ukoll il-proġetti INOGATE u TRACECA għandhom jikkostitwixxu qafas adegwat għall-ħolqien ta' suq ta' l-enerġija kompetittiv. Ir-Russja tat bidu għall-ħolqien ta' South Stream, pipeline li jibda mir-Russja taħt il-Baħar l-Iswed, jgħaddi mill-Balkani u l-Ewropa Ċentrali u n-Nord Stream, pipeline fil-Baħar Baltiku.

6.4.4

Il-KESE jenfasizza li l-implimentazzjoni effiċjenti tal-politika barranija rigward il-kurituri potenzjali ġodda ta' l-enerġija li jipprovdu ż-żejt u l-gass mir-reġjuni tal-Baħar l-Iswed u l-Baħar Kaspjan għandhom ikunu bbażati fuq appoġġ għall-Ażerbajġan sabiex tinkiseb indipendenza ġenwina bħala fornitur ta' l-enerġija, u li jgħin jiżviluppa l-industriji nazzjonali proprji taż-żejt u l-gass u l-appoġġ għall-Ġeorġja, ir-Repubblika tal-Moldova, ir-Rumanija u l-Ukraina bħala fatturi ewlenin fil-provvista ta' kurituri ġodda ta' transit ta' enerġija għall-ispazju Ewropew. Għandu jiġi kkunsidrat li r-Russja hija wkoll attur interessat f'dan il-proċess. Il-KESE jirrakkomanda li jingħata appoġġ sħiħ lill-kumpaniji Ewropej involuti fl-iżvilupp taż-żejt u l-gass u fil-kostruzzjoni tal-pipelines fl-Ewropa tal-Lvant u l-Asja Ċentrali. L-UE għandha timmira wkoll li ssaħħaħ ir-rwol tat-Turkija bħala fattur ta' stabbiltà fir-reġjun.

6.4.5

Il-KESE jikkunsidra li l-iżvilupp tal-politiki ta' l-iffrankar ta' l-enerġija fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed għandu jiġi inkluż bħala prijorità fil-kooperazzjoni ta' l-UE u l-programmi ta' assistenza teknika. Programmi relatati ma' l-enerġija għandhom jikkontribwixxu għall-iffrankar ta' l-enerġija, it-tnaqqis ta' l-ispejjeż u t-tnaqqis fit-tniġġis.

6.5   Il-kuntatti personali bejn in-nies

6.5.1

Il-KESE jilqa' l-programm ġejjieni għall-Kooperazzjoni Transkonfinali għall-Baċir tal-Baħar l-Iswed fil-qafas ta' l-istrument finanzjarju tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV 2007-2013) u jisħaq fuq l-importanza tal-promozzjoni ta' kuntatti personali bejn in-nies, b'mod partikulari fost il-ġenerazzjonijiet żgħażagħ fil-pajjiżi tal-Baħar l-Iswed.

6.5.2

Il-KESE huwa favur iktar tisħiħ fil-kooperazzjoni sabiex ikun hemm għarfien reċiproku u jitħeġġu l-kuntatti ekonomiċi, soċjali u kulturali u l-promozzjoni ta' l-iskambju tan-nies bħala mezz ta' konsolidazzjoni ta' tkabbir, prosperità, stabbiltà u sigurtà fir-Reġjun tal-Baħar l-Iswed.

6.5.3

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għal implimentazzjoni effettiva ta' faċilitajiet tal-visa u l-ftehimiet dwar l-ammissjoni mill-ġdid li jiffaċilitaw l-iskambji ta' l-edukazzjoni u taż-żgħażagħ, il-kuntatti bejn l-intrapriżi, il-mobbiltà tar-riċerkaturi bħala parti mill-kooperazzjoni tiżdied fir-riċerka, il-kuntatti bejn l-awtoritajiet reġjonali u lokali, l-NGOs u l-gruppi kulturali.

6.5.4

Il-kuntatti personali bejn in-nies jistgħu jippromovu l-kooperazzjoni fil-qasam ta' l-edukazzjoni, it-taħriġ u r-riċerka u jenfasizzaw l-importanza tat-titjib fid-djalogu interkulturali permezz tal-programmi disponibbli ta' l-UE (6). Il-kuntatti bejn l-intrapriżi u l-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem għandhom jitħeġġu b'mod attiv sabiex jiġu stabbiliti rabtiet iktar stretti u jiġu trasferiti l-esperjenza u l-istandards għall-attivitajiet.

Brussell, id-9 ta' Lulju 2008

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Ir-reġjun tal-Baħar l-Iswed jinkludi l-Greċja, il-Bulgarija, ir-Rumanija u r-Repubblika tal-Moldova fil-punent, l-Ukraina u r-Russja fit-tramuntana, il-Ġeorġja, l-Armenja u l-Ażerbajġan fil-lvant u t-Turkija fin-nofsinhar. Għalkemm l-Armenja, l-Ażerbajġan, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Greċja m'humiex stati littorali, l-istorja, il-prossimità u r-rabtiet stretti jagħmluhom attur reġjonali naturali.

(2)  Bl-adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija fl-UE, il-Baħar l-Iswed sar baħar Ewropew.

(3)  Il-Kunsill Ewropew tat-8 u d-9 ta' Marzu 2007 approva Politika dwar l-Enerġija għall-Ewropa. B'riżultat ta' dan, ġie żviluppat Pjan ta' Azzjoni (2007-2009).

(4)  Il-proġett kellu jitħabat b'dewmien loġistiku, kunflitti dwar il-finanzi u nuqqas ta' rieda politika.

(5)  Il-kuritur jinkludi proġetti li diġà twettqu bħall-pipeline taż-żejt tal-Baku-Tbilisi-Ceyhan kif ukoll l-infrastruttura ta' l-enerġija li qegħdin jiġu kkunsidrati jew jitħejjew attwalment bħall-pipeline Brody-Odessa u l-estensjoni għall-pipelines taż-żejt tal-Plock, il-Constanta-Omisalj-Trieste, il-Burgas-Vlore u l-Burgas-Alexandroupolis.

(6)  Tempus, Erasmus Mundus, is-Seba' Programm Qafas għar-Riċerka, il-programm CBC għall-Baċir tal-Baħar l-Iswed.


APPENDIĊI I

Ħarsa ġenerali lejn il-Kooperazzjoni Reġjonali fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed

1.

L-organizzazzjonijiet huma maqsumin f'erba' kategoriji, b'indikazzjoni tal-pajjiżi parteċipanti u l-għanijiet tal-kooperazzjoni reġjonali:

1.1   L-ewwel kategorija — organizzazzjonijiet istituzzjonalizzati bi struttura definita sew.

L-Organizzazzjoni tal-Kooperazzjoni Ekonomika tal-Baħar l-IswedBSEC (l-Albanija, l-Armenja, l-Azerbajġan, il-Bulgarija, il-Ġeorġja, il-Greċja, ir-Repubblika tal-Moldova, ir-Rumanija, ir-Russja, is-Serbja, it-Turkija, l-Ukraina; 13-il osservatur, inklużi l-UE u l-Istati Uniti) timplimenta inizjattivi politiċi u ekonomiċi multilaterali mmirati biex irawmu l-interazzjoni fost l-Istati Membri.

L-Organizzazzjoni tal-Kummissjoni tal-Baħar l-IswedKummissjoni BS (il-Bulgarija, il-Ġeorġja, ir-Rumanija, ir-Russja, it-Turkija u l-Ukraina) għandha l-għan li tħares il-Baħar l-Iswed mit-tniġġis, u li jiġu implimentati l-Konvenzjoni ta' Bukarest u l-Pjan ta' Azzjoni Strateġiku tal-Baħar l-Iswed.

L-Organizzazzjoni għad-Demokrazija u l-Iżvilupp EkonomikuGUAM (l-Azerbajġan, il-Ġeorġja, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukraina) għandha l-għan li toħloq kuritur ta' trasport Ewropa-Kawkasu-Asja u spazju komuni ta' integrazzjoni u sigurtà fir-reġjun tal-GUAM.

Black Sea Naval Cooperation Task GroupBLACKSEAFOR (il-Bulgarija, il-Ġeorġja, ir-Rumanija, ir-Russja, it-Turkija u l-Ukraina) jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-fiduċja reċiproka u l-istabbiltà fir-reġjun permezz ta' kooperazzjoni u interoperabbiltà msaħħa fost il-forzi navali.

Il-Komunità ta' l-Istati IndipendentiKSI (l-Armenja, l-Azerbajġan, il-Belarus, il-Ġeorġja, il-Każakistan, il-Kirġistan, ir-Repubblika tal-Moldova, ir-Russja, it-Taġikistan, l-Ukraina u l-Użbekistan). It-Turkmenistan huwa membru assoċjat. Il-KSI għandha l-għan li toħloq spazju ekonomiku komuni bbażat fuq il-prinċipji tal-moviment ħieles ta' oġġetti, servizzi, ħaddiema u kapital.

Union of Black Sea and Caspian Confederation of EnterprisesUBCCE (rappreżentanti ta' organizzazzjonijiet industrijali u ta' min iħaddem tas-settur privat mill-Albanija, l-Awstrija, l-Azerbajġan, il-Bosnja u Ħerzegovina, il-Bulgaria, il-Ġeorġja, il-Greċja, l-Iran, il-Każakistan, dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, ir-Rumanija, is-Serbja u t-Turkija) għandha l-għan li tippromovi l-adozzjoni ta' politiki li jwasslu għal funzjonament aħjar ta' l-ekonomija tas-suq u t-trawwim ta' l-iżvilupp ta' ambjent kompetittiv li jħeġġeġ it-tkabbir sostenibbli fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed u l-Baħar Kaspjan.

1.2   It-tieni kategorija — fora mingħajr struttura formali għat-teħid tad-deċiżjonijiet.

Il-Forum tal-Baħar l-Iswed għas-Sħubija u d-Djalogu  (1)Forum BI (l-Armenja, l-Azerbajġan, il-Bulgarija, il-Ġeorġja, il-Greċja, ir-Repubblika tal-Moldova, ir-Rumanija, it-Turkija u l-Ukraina) hu pjattaforma għall-kooperazzjoni u l-impenn għall-iżvilupp ta' strateġija reġjonali ġdida u viżjoni komuni.

L-Assemblea Parlamentari UE-Viċinat tal-Lvant (EURO-NEST). F'Novembru 2007, il-Parlament Ewropew iddeċieda li joħloq forum multilaterali konġunt tal-PE mal-Parlamenti ta' l-Ukraina, ir-Repubblika tal-Moldova, l-Armenja, il-Ġeorġja u l-Azerbajġan, kif ukoll ma' osservaturi favur id-demokrazija mill-Belarus.

Il-Komunità ta' l-Għażla DemokratikaCDC (Membri: l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Ġeorġja, dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, ir-Repubblika tal-Moldova, ir-Rumanija, ir-Russja, is-Slovenja u l-Ukraina; parteċipanti: l-Azerbajġan, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija u l-Polonja; osservaturi: l-Istati Uniti, l-UE, il-Kunsill ta' l-Ewropa u l-OSCE) għandha l-għan li jintlaħqu standards ogħla ta' żvilupp sostenibbli billi tissaħħaħ il-kooperazzjoni reġjonali, tingħata promozzjoni lid-demokrazija u jitħarsu d-drittijiet tal-bniedem.

In-Netwerk ta' NGOs tal-Baħar l-IswedBSNN (assoċjazzjoni ta' 60 NGO mill-Bulgarija, il-Ġeorġja, ir-Rumanija, ir-Russja, it-Turkija u l-Ukraina) huwa OSĊ bl-għanijiet tal-ħarsien ta' l-ambjent, il-promozzjoni tal-valuri demokratiċi, u l-iżvilupp sostenibbli fir-reġjun.

L-Inizjattiva ta' Baku  (2) — (imsieħba: l-Armenja, l-Azerbajġan, il-Belarus, il-Ġeorgja, l-Iran, il-Każakistan, il-Kirgistan, ir-Repubblika tal-Moldova, l-Ukraina, l-Użbekistan, it-Taġikistan, it-Turkija, it-Turkmenistan; osservatur: ir-Russja; rappreżentanti ta' l-UE: DĠ Trasport u Enerġija, DĠ Relazzjonijiet Esterni, Uffiċċju ta' Kooperazzjoni EuropeAid) timmira għall-integrazzjoni progressiva tas-swieq ta' l-enerġija tar-reġjun tal-Baħar l-Iswed u l-Baħar Kaspjan mas-swieq ta' l-UE.

1.3   It-tielet kategorija — programmi żviluppati prinċipalment mill-UE

Trasport Interstatali taż-Żejt u l-Gass lejn l-Ewropa(INOGATE), (il-Bulgarija, il-Ġeorġja, r-Repubblika tal-Moldova, ir-Rumanija, it-Turkija, l-Ukraina u 15-il pajjiż ieħor) huwa programm ta' kooperazzjoni internazzjonali li jippromovi l-integrazzjoni reġjonali tas-sistemi tal-pipelines u jiffaċilita t-trasport taż-żejt u l-gass.

Kuritur tat-Trasport EwropaKawkasuAsja (TRACECA), (l-Armenja, l-Azerbajġan, il-Bulgarija, il-Ġeorġja, il-Moldova, il-Każakistan, il-Kirgistan, ir-Rumanija, it-Taġikistan, it-Turkija, l-Ukraina, l-Użbekistan, it-Turkmenistan) jimmira għat-titjib tal-kummerċ u t-trasport tul il-Kuritur Ewropa-Kawkasu-Asja.

It-Task Force tad-Danubju u l-Baħar l-IswedDABLAS, (il-Bulgarija, il-Ġeorġja, ir-Repubblika tal-Moldova, ir-Rumanija, ir-Russja, it-Turkija, l-Ukraina u disa' pajjiżi oħra kif ukoll is-Segretarjat tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Ħarsien tax-Xmara Danubju (ICPDR) il-Kummissjoni tal-Baħar l-Iswed, l-Istituzzjonijiet Internazzjonali tal-Finanzjament u l-Kummissjoni Ewropea) għandu l-għan li jikkoordina l-azzjonijiet bejn l-istrumenti finanzjarji kollha li joperaw fir-reġjun. Is-soċjetà ċivili hija involuta fid-diversi kompiti mwettqa mit-Task Force tad-DABLAS.

1.4   Ir-raba' kategorija — analiżi u finanzjament ta' inizjattivi ta' politika

Il-Marshall Fund ĠermaniżIl-Black Sea Trust għall-Kooperazzjoni Reġjonali (BST) (jopera fil-Bulgarija, il-Ġeorġja, ir-Repubblika tal-Moldova, ir-Rumanija, ir-Russja, it-Turkija u l-Ukraina) huwa sħubija pubblika-privata mmirata biex tibni l-fiduċja mill-ġdid u ssaħħaħ l-istituzzjonijiet pubbliċi li tafferma l-valur tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-proċess demokratiku u tiżviluppa rabtiet reġjonali u transkonfinali fis-setturi pubbliċi, privati u mingħajr skop ta' qligħ.

Iċ-Ċentru Internazzjonali għall-Istudji tal-Baħar l-IswedICBSS, (l-Albanija, l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Bulgarija, il-Ġeorġja, il-Greċja, ir-Repubblika tal-Moldova, ir-Rumanija, ir-Russja, is-Serbja, it-Turkija u l-Ukraina) huwa ċentru indipendenti ta' riċerka u taħriġ li jwettaq riċerka applikata b'orjentazzjoni ta' politika, biex tinbena l-kapaċità u ssir promozzjoni tat-tagħrif dwar ir-reġjun tal-Baħar l-Iswed. L-ICBSS huwa korp relatat tal-BSEC.

L-Inizjattiva tal-Ġestjoni tal-Kriżijiet (CMI) hija organizzazzjoni mingħajr skop ta' qligħ li timplimenta l-Parteċipazzjoni tas-Soċjetà Ċivili fil-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) — Approċċ Reġjonali għar-Riżoluzzjoni tal-Kunflitti. Din l-inizjattiva għandha l-għan li toħloq netwerk ta' sħubija reġjonali ta' erba' NGOs/Gruppi ta' Riflessjoni mill-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Ġeorġja u r-Repubblika tal-Moldova sabiex jippromovu d-djalogu tas-soċjetà ċivili mal-gvernijiet rispettivi.


(1)  Il-Forum huwa inizjattiva Rumena.

(2)  Relatat mal-Programm ta' Kooperazzjoni INOGATE.


APPENDIĊI II

Il-kooperazzjoni tal-kese mal-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali fir-Reġjun tal-Baħar l-Iswed

Il-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tal-Bulgarija ġie stabbilit b'liġi dwar il-Kunsill Ekonomiku u Soċjali fl-2001. Il-Kunsill huwa korp konsultattiv u jikkonsisti minn President u 36 membru maħtur mill-korpi amministrattivi ta' l-organizzazzjonijiet rappreżentati fuq il-livell nazzjonali: 12-il membru minn min iħaddem; 12-il membru mill-impjegati u l-ħaddiema; u 12-il membru minn gruppi organizzati oħrajn li jinkludu wkoll żewġ xjentisti akkademiċi maħtura mill-Kunsill tal-Ministri. Dan il-kunsill jadotta stqarrijiet dwar liġijiet, programmi nazzjonali, u atti ta' l-Assemblea Nazzjonali. Il-Kunsill joħroġ memoranda annwali dwar l-iżvilupp ekonomiku u soċjali, kif ukoll janalizza l-politiki ekonomiċi u soċjali.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali tal-Greċja (OKE) twaqqaf bil-Liġi 2232/1994. Dan huwa organizzazzjoni tripartitika ta' l-interessi rappreżentati: min iħaddem, l-impjegati u interessi varji, grupp magħmul mill-bdiewa, rappreżentanti ta' professjonijiet indipendenti, il-gvernijiet lokali u l-konsumaturi. L-OKE jikkonsisti fi President u 48 Membru, li jifformaw tliet Gruppi b'numru indaqs ta' membri. L-għan ta' l-OKE huwa l-promozzjoni tad-djalogu soċjali permezz tat-tfassil ta' pożizzjoni komuni dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw is-soċjetà kollha kemm hi jew lil gruppi partikulari.

Il-Kunsill Ekonomiku u Soċjali (KES) tar-Rumanija hija definita mill-Kostituzzjoni tar-Rumanija (riveduta fl-2003) bħala korp konsultattiv tal-Parlament u l-Gvern f'oqsma stabbiliti mil-Liġi dwar l-organizzazzjonijiet u l-funzjonament tal-KES. Il-KES huwa magħmul minn 45 membru maħtur hekk: 15-il membru bħala rappreżentanti tal-konfederazzjonijiet ta' min iħaddem fil-livell nazzjonali; 15-il membru, bħala rappreżentanti tal-konfederazzjonijiet tat-trade unions fil-livell nazzjonali; u 15-il membru maħtur mill-Gvern. Il-KES jaqdi funzjoni ta' konsulenza għall-iżvilupp ta' strateġiji u politiki ekonomiċi u soċjali, u jaqdi rwol ta' medjatur fil-każ ta' nuqqas ta' ftehim bejn l-imsieħba soċjali.

Il-Kamra Pubblika tal-Federazzjoni Russa nħolqot fuq il-bażi tal-Liġi Federali Nru 32 ta' l-4 ta' April 2005. Il-Kamra tikkonsisti f'126 membru: 42 membru maħtura mill-President tar-Russja li mbagħad jagħżlu 42 membru ieħor mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà attivi fil-livell nazzjonali, u l-84 jagħżlu t-42 li jkun fadal mil-lista ta' soċjetajiet ċivili attivi fil-livell reġjonali. Il-membri jaħdmu fi 18-il kummissjoni kif ukoll fil-forma ta' gruppi ta' ħidma bil-parteċipazzjoni ta' esperti esterni. Il-Kamra tikkummenta dwar abbozzi ta' leġislazzjoni ġdida, tirrevedi liġijiet eżistenti u tippubblika rapporti tagħha stess.

Il-Kunsill Soċjali u Ekonomiku Tripartitiku Nazzjonali (NTSEC) ta' l-Ukraina nħoloq fuq il-bażi ta' Digriet Presidenzjali ta' l-2005 u jaġixxi bħala korp konsultattiv lill-President tar-Repubblika. L-NTSEC jikkonsisti f'66 membru: 22 membru mir-rappreżentanti tad-diversi professjonijiet u assoċjazzjonijiet professjonali, 22 rappreżentant ta' min iħaddem u 22 rappreżentant tal-Kabinett tal-Ministri ta' l-Ukraina fil-livell ta' Deputati tal-Ministri. L-NTSEC huwa appoġġjat mill-ILO sabiex jiżviluppa djalogu ċivili u soċjali fil-livell nazzjonali.

Il-Kumitat Konsultattiv Konġunt UE-Turkija huwa magħmul minn 18-il membru mill-KESE u 18-il membru li jirrappreżentaw is-soċjetà ċivili organizzata fit-Turkija. Dan il-kumitat jiltaqa' darbtejn fis-sena (darba fi Brussell u darba fit-Turkija) sabiex jiddiskuti suġġetti differenti ta' interess reċiproku u li huma rilevanti għas-soċjetà ċivili. L-għan ewlieni huwa li tiġi assigurata l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili organizzata fil-proċess tan-negozjar ta' l-adeżjoni: is-segwitu tad-diversi kapitoli miftuħa, l-analiżi tal-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali ta' l-implimentazzjoni ta' l-acquis communautaire, laqgħat bejn l-awtoritajiet ta' l-UE u t-Turkija u t-tfassil ta' rakkomandazzjonijiet.


Top