Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007PC0530

Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi ta' l-Enerġija {SEG(2007) 1179} {SEG(2007) 1180}

/* KUMM/2007/0530 finali - COD 2007/0197 */

52007PC0530




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 19.9.2007

KUMM(2007) 530 finali

2007/0197 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jistabbilixxi Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi ta' l-Enerġija

(preżentata mill-Kummissjoni) {SEG(2007) 1179}{SEG(2007) 1180}

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

L-elettriku u l-gass jinsabu fil-qofol tal-benessri ta' l-Ewropa. Mingħajr suq kompetittiv u effiċjenti ta' l-elettriku u tal-gass, iċ-ċittadini ta' l-Ewropa jkollhom iħallsu prezzijiet eċċessivi għal waħda mill-aktar ħtiġijiet fundamentali ta' kuljum tagħhom. Is-suq ta' l-elettriku u l-gass huwa wkoll essenzjali għall-kompetittività ta' l-Ewropa, minħabba li l-enerġija hija fattur importanti fl-industrija Ewropea.

Barra minn hekk, suq kompetittiv u effiċjenti ta' l-elettriku u l-gass huwa prerekwiżit biex nittrattaw it-tibdil fil-klima. Ikun biss b'suq li jaħdem sewwa li jkunilna possibbli niżviluppaw mekkaniżmu effikaċi għall-iskambju ta' l-emissjonijiet, kif ukoll industrija ta' l-enerġija li tiġġedded li tilħaq il-mira ambizzjuża maqbula mill-Kunsill Ewropew li jiġi żgurat li, sa l-2020, 20% ta' l-enerġija globali ta' l-UE tkun ġejja minn sorsi li jiġġeddu.

Fl-aħħarnett, suq kompetittiv ta' l-elettriku u l-gass fi ħdan l-UE kollha kemm hi huwa kruċjali biex niżguraw is-sigurtà tal-provvista ta' l-enerġija ta' l-Ewropa, minħabba li huwa biss suq mifrux ma' l-Ewropa kollha u kompetittiv li joffri aċċess ġust għan-netwerk lill-investituri potenzjali kollha, u jipprovdi inċentivi reali u effikaċi, sew lill-operaturi tan-netwerks kif ukoll lill-produtturi ta' l-enerġija, biex jinvestu l-biljuni ta' euro li se jkunu meħtieġa fl-UE matul iż-żewġ deċennji li ġejjin.

Il-proċess tal-liberalizzazzjoni tas-suq ta' l-elettriku u l-gass inbeda madwar 10 snin ilu. Matul dawn l-10 snin, bosta miċ-ċittadini ta' l-Ewropa gawdew minn aktar għażla u aktar kompetizzjoni, b'servizz u sigurtà mtejba. Madankollu, il-valutazzjoni li għamlu l-Kummissjoni u r-regolaturi Ewropej ta' l-enerġija wriet li l-proċess ta' l-iżvilupp ta' swieq tassew kompetittivi għad fadallu ħafna biex jitlesta. Fil-prattika, wisq miċ-ċittadini u l-azjendi ta' l-UE għadhom neqsin minn għażla reali ta' fornituri. Il-frammentazzjni tas-suq bil-fruntieri nazzjonali, grad għoli ta' integrazzjoni vertikali u konċentrazzjoni għolja tas-suq jinsabu fil-għerq tan-nuqqas ta' suq intern reali.

Mid-dħul fis-seħħ tad-Direttivi preżenti dwar l-elettriku u l-gass f'Lulju 2003, il-Kummissjoni konsistentement issorveljat l-implimentazzjoni u l-effetti tagħhom fis-suq, u baqgħet f'kuntatt regolari mal-partijiet kollha interessati. B'mod partikolari, kull sena l-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tagħha dwar l-implimentazzjoni tas-suq intern ta' l-elettriku u l-gass. Organizzat il-Forum tar-Regolaturi ta' l-Elettriku f'Firenze u l-Forum tar-Regolaturi tal-Gass f'Madrid, b'tali mod li laqqgħet flimkien, fuq bażi regolari, ministeri, awtoritajiet regolatorji nazzjonali, il-Kummissjoni, operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni, fornituri, kummerċjanti, konsumaturi, unjins, utenti tan-netwerks u l-boroż ta' l-enerġija.

Fi tmiem l-2005, il-Kunsill Ewropew ta' Hampton Court sejjaħ għal Politika Ewropea tassew dwar il-Politika. B'reazzjoni għal din is-sejħa, fit-8 ta' Marzu 2006 il-Kummissjoni ppubblikat Green Paper dwar l-iżvilupp ta' Politika Ewropea ta' l-Enerġija komuni u koerenti. Il-konsultazzjoni pubblika ħalliet 1 680 risposta. Diġà fl-2005, il-Kummissjoni bdiet investigazzjoni tas-swieq tal-gass u l-elettriku. L-investigazzjoni dwar l-enerġija kienet risposta għat-tħassib li esprimew il-konsumaturi u azjendi li daħlu ġodda fis-settur dwar l-iżvilupp tas-suq tal-gass bl-ingrossa u dwar l-għażla limitata għall-konsumaturi. Il-Kummissjoni adottat ir-Rapport Finali ta' l-investigazzjoni, flimkien ma' pakkett komprensiv ta' miżuri, biex tipproponi Politika ta' l-Enerġija għall-Ewropa fl-10 ta' Jannar 2007.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta' l-10 ta' Jannar 2007 intitolata "Politika ta' l-Enerġija għall-Ewropa"[1] saħqet fuq l-importanza li jiġi kkompletat s-suq intern ta' l-elettriku u tal-gass naturali. Jirfdu l-Komunikazzjoni kien hemm rapport komprensiv dwar is-suq intern, ir-riżultati finali ta' l-investigazzjoni tal-kompetizzjoni fis-settur, u analiżijiet fil-fond dwar il-qagħda tas-swieq nazzjonali tal-gass u l-elettriku. B'mod parallel, il-Kumissjoni għamlet valutazzjoni ta' l-impatt biex tiżen alternattivi ta' politika marbuta mal-kompletar tas-suq intern tal-gass u l-elettriku. Il-valutazzjoni ta' l-impatt inkludiet konsultazzjoni mal-partijiet interessati. Imtlew 339 kwestjonarju minn organizzazzjonijiet b'għeruqhom fi 19-il pajjiż. Barra minn hekk, organizzazzjonijiet mhux konnessi ma' pajjiż partikolari rċevew 73 kwestjonarju. Saru intervisti ma' 56 persuna interessata oħra, l-aktar kumpaniji li jistgħu jintlaqtu jew mis-separazzjoni ta' l-assi tagħhom jew inkella b'aktar rekwiżiti ta' trasparenza.

Il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2007 lill-Kummissjoni stedinha tipproponi miżuri ulterjuri, bħalma huma:

- is-separazzjoni effettiva ta' l-attivitajiet ta' forniment u produzzjoni mill-operazzjonijiet tan-netwerk

- aktar armonizzazzjoni tas-setgħat tar-regolaturi nazzjonali ta' l-enerġija u tisħiħ ta' l-indipendenza tagħhom

- l-istabbiliment ta' mekkaniżmu indipendenti għall-kooperazzjoni bejn ir-regolaturi nazzjonali;

- il-ħolqien ta' mekkaniżmu għall-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni biex jittejbu l-kooordinament ta' l-operat tan-netwerks u s-sigurtà tax-xibka, il-kummerċ transkonfinali u l-operat tax-xibka; kif ukoll

- aktar trasparenza fl-operat tas-suq ta' l-enerġija.

Il-Kunsill Ewropew saħaq ukoll fuq il-ħtieġa li tissaħħaħ is-sigurtà tal-provvista, fi spirtu ta' solidarjetà bejn l-Istati Membri.

Għal din ir-raġuni, il-Parlament Ewropew, fir-Riżoluzzjoni tiegħu dwar Prospetti għas-suq intern tal-gass u ta' l-elettriku li ġiet adottata fl-10 ta’ Lulju 2007, esprima appoġġ politiku qawwi għal politika komuni ta' l-enerġija, bil-fehma li "s-separazzjoni tas-sjieda fil-livell tat-trażmissjoni hija l-aktar għodda effettiva biex tippromwovi l-investiment fl-infrastrutturi b'mod mhux diskriminatorju, l-aċċess ġust għan-netwerk għall-kompetituri ġodda u t-trasparenza fis-suq". Madankollu, il-Parlament saħaq li jeħtieġu miżuri oħra wkoll, u li d-differenzi bejn is-suq ta' l-elettriku u dak tal-gass aktarx jitolbu arranġamenti differenti ta' implimentazzjoni. Il-Parlament Ewropew sejjaħ ukoll għat-titjib tal-"kooperazzjoni bejn regolaturi nazzjonali fil-livell ta' l-UE, permezz ta' entità ta' l-UE, bħala mezz għall-promozzjoni ta' approċċ aktar Ewropew għar-regolazzjoni dwar kwistjonijiet transkonfinali".

Il-Kunsill tar-Regolaturi Ewropej ta' l-Enerġija (CEER) laqa' l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta' l-10 ta' Jannar, u approva bil-qawwa s-sejħa għal leġiżlazzjoni ġdida ta' l-UE biex is-suq uniku ta' l-enerġija jerġa' jinġieb fit-triq it-tajba. Fis-6 ta' Ġunju 2007, ir-Regolaturi Ewropej ta' l-Enerġija ppubblikaw sett ta' sitt dokumenti li jadottaw pożizzjoni rigward il-kwistjonijiet ewlenin tal-leġiżlazzjoni l-ġdida dwar l-enerġija. Appoġġaw, b'mod partikolari, il-proposti tal-Kummissjoni għal sorveljanza regolatorja indipendenti msaħħa fuq il-livelli nazzjonali u ta' l-UE, kif ukoll għas-separazzjoni fin-netwerks tat-trażmissjoni. Ir-regolaturi rrikkmandaw ċar li s-separazzjoni tas-sjieda tat-trażmissjoni għandu jkun, fil-prinċipju, il-mudell rekwiżit fil-leġiżlazzjoni l-ġdida ta' l-UE, u għandha tapplika sew għall-enerġija kif ukoll għall-gass.

Dawn l-elementi tqiesu bis-sħiħ fit-tfassil tal-proposti preżenti, li huma ppreżentati fil-qosor hawn taħt.

1. IS-SEPARAZZJONI EFFETTIVA TA' L-ATTIVITAJIET TA' FORNIMENT U PRODUZZJONI MILL-OPERAZZJONIJIET TAN-NETWERK

1.1. Id-dispożizzjonijiet eżistenti dwar is-separazzjoni [ unbundling ] mhumiex biżżejjed biex jiżguraw suq li jiffunzjona tajjeb

Il-leġiżlazzjoni eżistenti tirrikjedi li l-operazzjonijiet tan-netwerk ikunu separati legalment u funzjonalment mill-attivitajiet ta' forniment, ġenerazzjoni jew produzzjoni. L-Istati Membri kkonformaw ma' dan ir-rekwiżit billi applikaw strutturi differenti ta' organizzazzjoni. Bosta Stati Membri waqqfu kumpanija għal kollox separata għall-operat tan-netwerk, filwaqt li oħrajn ħolqu entità legali fi ħdan kumpanija integrata. Ir-rekwiżiti ta' separazzjoni legali u funzjonali taw kontribut pożittiv għall-emerġenza ta' swieq kompetittivi ta' l-elettriku u tal-gass f'diversi Stati Membri.

Min-naħa l-oħra, l-esperjenza turi li, fejn operatur tas-sistema ta' trażmissjoni tkun entità legali fi ħdan kumpanija integrata, jitqajmu tliet tipi ta' problemi.

L-ewwelnett, jista' jkun li l-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni jagħti trattament preferenzjali lill-kumpaniji affiljati tiegħu, għad-detriment ta' partijiet terzi konkorrenti. Fil-fatt, il-kumpaniji integrati jistgħu jużaw assi tan-netwerk biex jagħmluha aktar diffiċli li jidħlu kompetituri ġodda. Ir-raġuni aħħarija hija li s-separazzjoni legali u dik funzjonali ma jsolvux il-kunflitt fundamentali ta' interess fi ħdan il-kumpaniji integrati, għax l-interessi ta' forniment u produzzjoni jimmiraw li jkattru kemm jista' jkun il-bejgħ u s-sehem tas-suq, filwaqt li l-operatur tan-netwerk huwa obbligat li joffri aċċess mhux diskriminatorju lill-kompetituri. Huwa prattikament impossibbli li dan il-kunflitt inerenti ta' interess jiġi kkontrollat b'mezzi regolatorji, għax huwa impossibbli li tiġi ssorveljata l-indipendenza ta' operatur tas-sistema ta' trażmissjoni fi ħdan kumpanija integrata mingħajr ma jkun hemm regolamentazzjoni qawwija u intrużiva wisq.

It-tieninett, bir-regoli attwali ta' separazzjoni, l-aċċess mhux diskriminatorju għall-informazzjoni ma jistax jiġi ggarantit, għax mhemm l-ebda mezz effikaċi biex l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni ma jitħallewx jikxfu tagħrif sensittiv għas-suq lin-negozji ta' ġenerazzjoni jew ta' forniment tal-kumpanija integrata.

It-tieletnett, l-inċentivi ta' investiment fi ħdan kumpanija integrata jiġu mxekkla. Operaturi integrati vertikalment tan-netwerks ma għandhom l-ebda inċentiv biex in-netwerk jiżviluppawh fl-interess tas-suq, u b'hekk li jiffaċilitaw id-dħul ġdid fil-livelli tal-ġenerazzjoni jew tal-forniment; bil-maqlub, għandhom interess inerenti li l-investiment ġdid jillimitawh meta dan ikun ta' benefiċċju għall-kompetituri tagħhom u jġib kompetizzjoni ġdida fis-"suq domestiku" ta' min diġà qiegħed fil-post. Minflok, id-deċiżjonijiet li jirrigwardaw l-investiment ta' kumpaniji integrati vertikalment għandhom ix-xejra li jxaqilbu wisq lejn il-ħtiġijiet ta' entitajiet affiljati ta' forniment. B'mod partikolari jidher li dawn il-kumpaniji ma tantx ikollhom ħajra li jżidu l-interkonnessjonijiet jew il-kapaċità ta' importazzjoni tal-gass, b'tali mod li jagħtu spinta lill-kompetizzjoni fis-suq domestiku. Dan l-atteġġament huwa ta' ħsara għas-suq intern.

Fil-qosor, kumpanija li tibqa' integrata vertikalment għandha inċentiv intrinsiku sew biex ma tinvestix biżżejjed f'netwerks ġodda (bil-biża' li investimenti tat-tip jgħinu lil kompetituri jiffjorixxu fis-suq domestiku "tagħha") u li – kulfejn ikun possibbli – tiffavorixxi l-kumpaniji tal-bejgħ tagħha f'dak li jirrigwarda l-aċċess għan-netwerk. Dan jagħmel il-ħsara għall-kompetittività ta' l-UE u s-sigurtà tal-provvista tagħha u jippreġudika l-ilħiq tal-miri tagħha rigward it-tibdil fil-klima u l-ambjent.

Iċ-ċifri ta' l-investiment minn dawn l-aħħar snin juru hekk: kumpaniji integrati vertikalment, pereżempju, reġgħu investew anqas mid-dħul tagħhom mill-kiri transkonfinali ta' konġestjoni f'interkonnessjonjiet ġodda milli għamlu kumpaniji sseparati (unbundled) għal kollox. Is-separazzjoni effettiva tneħħi t-tip ta' tagħwiġ ta' l-inċentivi ta' investiment li huwa tipiku ta' l-operaturi integrati vertikalment tas-sistema ta' trażmissjoni. B'hekk iġġib 'il quddiem is-sigurtà tal-provvista. Il-Kummissjoni osservat li s-separazzjoni effettiva ta' l-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni tippromwovi l-attività ta' investiment tat-TSO. L-Istati Membri kkonċernati sussegwentement attiraw investituri infrastrutturali ġodda li, pereżempju, jibnu terminals għall-gass naturali likwidu (LNG).

Barra minn hekk, il-prezz ta' l-elettriku fis-swieq differenti f'dawn l-aħħar snin jixhed il-benefiċċji tas-separazzjoni tas-sjieda: matul l-aħħar 10 snin, il-kumpaniji integrati vertikalment żiedu l-prezzijiet tagħhom aktar, u aktar żammew prezzijiet ogħla, minn oħrajn isseparati għal kollox.

1.2. Sepearazzjoni aktar effikaċi ta' l-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni għalhekk hija meħtieġa biċ-ċar

Il-proposta konkreta f'dan ir-rigward tagħmilha ċara li l-għażla preferuta tal-Kummissjoni tibqa' s-separazzjoni tas-sjieda. Fil-prattika, dan ifisser li l-Istati Membri jeħtiġilhom jiżguraw li l-istess persuna jew persuni ma jkollhomx id-dritt li jeżerċitaw il-kontroll fuq impriża ta' forniment fl-istess waqt li jkollhom interess fi, jew jeżerċitaw kwalunkwe dritt fuq, operatur tas-sistema ta' trażmissjoni jew sistema ta' trażmissjoni. Din id-dispożizzjoni tapplika wkoll bil-maqlub, jiġifieri li l-kontroll fuq operatur tas-sistema ta' trażmissjoni jeskludi l-possibbiltà ta' kwalunkwe interess fi jew l-eżerċizzju ta' kwalunkwe dritt fuq impriża ta' forniment.

Din l-għażla tippermetti sitwazzjoni fejn l-istess persuna, pereżempju fond ta' pensjoni, ikollha interessi ta' minoranza u mingħajr kontroll kemm f'operatur tas-sistema ta' trażmissjoni kif ukoll f'impriża ta' forniment. Madankollu, azzjonista ta' minoranza bħal dan la jista' jkollu drittijiet ta' blukkar fiż-żewġ impriżi, la jista' jaħtar il-membri tal-bordijiet tagħhom, u lanqas ma jista' jkun membru tal-bordijiet taż-żewġ impriżi. Din l-għażla, li tissepara s-sjieda biċ-ċar bejn l-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni u kwalunkwe impriża ta' forniment, hija l-aktar għażla effikaċi u stabbli biex tintlaħaq is-separazzjoni effettiva tan-netwerk tat-trażmissjoni, u b'hekk biex issolvi l-kunflitt inerenti ta' interess.

Sabiex jimplimentaw din l-għażla, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu l-arranġament li ġej, li jista' jgħin biex jitħarsu għal kollox l-interessi ta' l-azzjonisti ta' kumpaniji integrati vertikalment. L-ishma tal-kumpanija integrata vertikalment jistgħu jiġu diviżi f'ishma tal-kumpanija li jkollha s-sjieda tas-sistema ta' trażmissjoni, fuq naħa, u f'ishma tal-kumpanija ta' forniment fuq in-naħa l-oħra. Wara dan, dawn l-ishma jistgħu jiġu attribwiti lill-azzjonisti tal-kumpanija li qabel kienet integrata vertikalment.

Waqt li l-Kumissjoni tqis li s-separazzjoni tas-sjieda tibqa' l-għażla preferuta, madankollu tipprovdi għażla alternattiva għal Stati Membri li jagħżlu li din it-triq ma jeħduhiex. Din l-għażla, madankollu, jeħtiġilha tipprovdi l-istess garanziji rigward l-indipendenza ta' l-azzjoni tan-netwerk ikkonċernat, u l-istess livell ta' inċentivi għan-netwerk biex jinvesti f'infrastruttura ġdida li tista' tibbenefika l-kompetituri. Din l-għażla, deroga mill-approċċ bażiku tas-separazzjoni tas-sjieda, hija magħrufa bħala "Operatur Indipendenti ta' Sistema". Din l-għażla lill-kumpaniji integrati vertikalment tippermettilhom iżommu s-sjieda ta' l-assi tan-netwerk tagħhom, iżda tirrikjedi li n-netwerk innifsu jitmexxa minn operatur indipendenti tas-sistema – impriża jew entità għal kollox separata mill-kumpanija integrata vertikalment – li taqdi l-funzjonijiet kollha ta' operatur ta' netwerk. Barra min hekk, biex jiġi żgurat li l-operatur tassew jibqa' indipendenti u jaġixxi indipendentement mill-kumpanija integrata vertikalment, jeħtieġ li jiġu implimentati regolazzjoni u monitoraġġ permanenti.

F'xi każijiet, kumpaniji integrati vertikalment jistgħu jiġu mġiegħla jiddisponu minn xi assi tagħhom, partikolarment in-netwerks tat-trażmissjoni tagħhom, jew l-operat ta' dawn l-assi lil parti terza, biex jikkonformaw mar-rekwiżit proposti tas-separazzjoni effettiva. Iżda ma jidhirx li hemm xi alternattiva għall-għażliet proposti, jekk irridu niżguraw l-indipendenza sħiħa ta' l-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni (TSOs).

Iż-żewġ għażliet japplikaw bl-istess mod għas-settur ta' l-elettriku u tal-gass. Minkejja li l-Kummissjoni tagħraf li l-progress lejn is-separazzjoni tas-sjieda, b'mod ġenerali, huwa aktar avvanzat fis-settur ta' l-elettriku fl-UE, il-Kummissjoni ma sabet l-ebda argument konvinċenti biex tiġġustifika trattament differenti taż-żewġ setturi. B'mod partikolari, il-kunflitt fundamentali ta' interess bejn l-attivitajiet ta' forniment u produzzjoni fuq naħa, u l-operat u l-iżvilupp tan-netwerk fuq in-naħa l-oħra, japplika għaż-żewġ setturi bl-istess mod. Barra minn hekk, biex jiġu konklużi ftehimiet ta' forniment fit-tul ma' produtturi tal-gass lejn il-bidu tal-katina, l-importanti mhuwiex il-proprjetà tan-netwerk iżda l-eżistenza ta' bażi soda ta' klijentela. Għaldaqstant, l-UE tibqa' mingħajr dubju suq attraenti ħafna tal-forniment tal-gass, irrispettivament mill-istruttura tas-sjieda tal-kumpaniji akkwirenti, li, ladarba jiġu sseparati b'mod effettiv, jkunu jistgħu jikkompetu għall-gass b'kundizzjonijiet indaqs. Il-Kummissjoni tagħraf, barra minn hekk, li t-trasport tal-gass, kontra t-trażmissjoni ta' l-elettriku, tinvolvi l-moviment fiżiku ta' molekuli tal-gass ġewwa pipelines . It-TSO għaldaqstant għandu grad ogħla ta' kontroll biex jiddefinixxi d-direzzjoni tal-flussi u l-utilizzazzjoni tal-kapaċità tas-sistema. Dan ifisser li s-separazzjoni effettiva tan-netwerks tal-gass hija importanti talanqas daqs dik fin-netwerks ta' l-elettriku.

Madankollu, bil-għan li jitħeġġeġ l-investiment f'infrastrutturi ġodda ta' l-enerġija minn kumpaniji ta' forniment u produzzjoni, din il-proposta tinkludi l-possibbiltà ta' deroga temporanja mir-regoli ta' separazzjoni tas-sjieda għall-bini ta' infrastruttura ġodda. Din l-eżenzjoni se tkun applikata fuq bażi ta' każ b'każ, b'qies għall-aspetti ekonomiċi ta' l-investiment ġdid, għall-għanijiet tas-suq intern kif ukoll l-ilħiq tal-mira tas-sigurtà tal-provvista.

F'konformità ma' l-Artikolu 295 KE, il-proposta tapplika bl-istess mod għall-kumpaniji pubbliċi u għal dawk privati. Dan ifisser li, irrispettivament min-natura pubblika jew privata tagħhom, l-ebda persuna jew grupp ta' persuni ma jista' jkun kapaċi li jinfluwenza, waħedhom jew b'mod konġunt, il-kompożizzjoni, il-votazzjoni jew id-deċiżjonijiet tal-bordijiet, la ta' l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni u lanqas tal-kumpaniji ta' forniment jew produzzjoni. Dan jiżgura li, meta l-attivitajiet tal-forniment jew tal-produzzjoni jkunu fis-sjieda pubblika, l-indipendenza ta' operatur tas-sistema ta' trażmissjoni fis-settur pubbliku tibqa' ggarantita, iżda dawn il-proposti ma jirrikjedux li l-kumpaniji ta' l-istat ibigħu n-netwerk tagħhom lil kumpanija ta' sjieda privata. Pereżempju, biex jikkonformaw ma' dan ir-rekwiżit, kwalunkwe entità pubblika jew l-Istat jista' jittrasferixxi d-drittijiet (li jikkonferixxu "l-influwenza") lil persuna ġuridika oħra ta' sjieda pubblika jew privata. L-importanti jkun li, fil-każijiet kollha fejn isseħħ is-separazzjoni, l-Istat Membru kkonċernat ikun jeħtieġlu juri li, fil-prattika, ir-riżultati jkunu tassew effikaċi, u li l-kumpaniji joperaw għal kollox separatament minn xulxin, u b'hekk joffru kundizzjonijiet tassew ekwi fi ħdan l-UE kollha kemm hi.

Fl-aħħarnett, għall-Istati Membri fejn ma hemmx netwerks ta' trażmissjoni tal-gass jew ta' l-elettriku iżda biss netwerk ta' distribuzzjoni, id-dispożizzjonijiet dwar is-separazzjoni tas-sjieda ta' netwerks ta' trażmissjoni ma japplikawx.

1.3. Aspetti relatati ma' pajjiżi terzi

Din il-proposta titlob is-separazzjoni effettiva ta' l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni mill-attivitajiet ta' forniment u produzzjoni mhux biss fuq il-livell nazzjonali iżda fl-UE kollha hemm hi. Dan ifisser, b'mod partikolari, li l-ebda kumpanija ta' forniment jew produzzjoni li tkun attiva fi kwalunkwe post ta' l-UE ma tista' topera jew tkun is-sid ta' sistema ta' trażmissjoni fl-ebda Stat Membru ta' l-UE. Dan ir-rekwiżit japplika b'mod ugwali għall-kumpaniji kemm ta' l-UE kif ukoll ta' barra mill-UE.

Il-pakkett fih salvagwardji biex jizguraw li, kemmildarba kumpaniji minn pajjiżi terzi jkunu jixtiequ jakkwistaw interess sinifikanti jew saħansitra l-kontroll fuq netwerk ta' l-UE, ikollhom jikkonformaw fid-dieher u bla ekwivoki ma' l-istess rekwiżiti ta' separazzjoni bħal kumpaniji ta' l-UE. Il-Kummissjoni tista' tintervjeni kulfjen akkwirent ma jkunx jista' jagħti prova ta' l-indipendenza tiegħu, sew diretta kif ukoll indiretta, minn attivitajiet ta' forniment u ġenerazzjoni.

Barra minn hekk, swieq u netwerks li jaħdmu sewwa huma essenzjali għall-kompetittività ta' l-ekonomija u l-benessri taċ-ċittadini. L-għan ta' din il-proposta huwa li ġġib 'il quddiem il-kompetizzjoni fis-swieq ta' l-enerġija ta' l-Ewropa, kif ukoll il-funzjonament tajjeb ta' dawn is-swieq. Fid-dawl ta' dan, huwa essenzjali – bla ħsara għall-obbligi internazzjonali tal-Komunità – li niżguraw li l-operaturi ekonomiċi kollha li huma attivi fis-swieq Ewropej ta' l-enerġija jirrispettaw il-prinċipji ta' l-investituri fis-swieq u jaġixxu skond dawn il-prinċipji. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tipproponi li pajjiżi terzi u individwi minn pajjiżi terzi ma jkunux jistgħu jakkwistaw kontroll fuq sistema ta' trażmissjoni jew fuq operatur ta' sistema ta' trażmissjoni tal-Komunità sakemm dan ma jkunx permess bi ftehim bejn l-UE u l-pajjiż terz. L-għan huwa li niggarantixxu li kumpaniji minn pajjiżi terzi jobdu l-istess regoli li japplikaw għal impriżi bbażati fl-UE, sew fl-itrra kif ukoll fl-ispirtu – mhux li niddiskriminaw kontrihom. Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni sejra tagħmel eżami rapidu u fil-fond ta' l-aspetti usa' tal-politika esterna ta' l-UE dwar l-enerġija, u sejra tippubbika r-riżultati ta' dak l-eżami.

Biex nikkonkludu dwar il-kwistjoni importanti tas-separazzjoni, dawn il-proposti għal separazzjoni effettiva huma pass neċessarju u deċiżiv lejn l-ilħiq ta' integrazzjoni tas-swieq ma' l-UE kollha. Din is-separazzjoni fl-aħħar mill-aħħar tista' tgħin biex jinħolqu operaturi supranazzjonali ta' sistemi tat-trażmissjoni, hekk kif l-operaturi ma jibqgħux imxekkla mis-suspett reċiproku. Iżda min-naħa l-oħra, jekk jinħolqu operaturi supranazzjonali ta' trażmissjoni mingħajr ma tiġi żgurata l-indipendenza sħiħa tagħhom, x'aktarx li, minħabba r-riskju ta' akkordji, tiddgħajjef il-kompetizzjoni bejn kumpaniji affiljati tal-forniment u l-produzzoni. Fin-nuqqas ta' separazzjoni effettiva, kooperazzjoni ta' dan it-tip għaldaqstant tqajjem tħassib dwar il-kompetizzjoni. Dawn il-proposti notevolment jinkludu għadd ta' miżuri addizzjonali għall-promozzjoni ta' l-integrazzjoni tas-swieq ta' l-UE, partikolarment rigward kooperazzjoni aħjar fost l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni.

2. SETGħAT U INDIPENDENZA MSAħħA TAR-REGOLATURI NAZZONALI

2.1. Regolaturi nazzjonali b'saħħithom biex jissorveljaw l-operat tas-swieq ta' l-elettriku u l-gass

Id-Direttivi eżistenti dwar l-elettriku u l-gass lill-Istati Membri jobbligawhom jistabbilixxu awtoritajiet regolatorji. F'bosta Stati Membri, l-awtoritajiet regolatorji huma entitajiet stabbiliti sew, b'setgħat u riżorsi importanti, li jippermettulhom jiżguraw regolamentazzjoni tajba tas-suq. Fi Stati Membri oħra, l-awtoritajiet regolatorji m'ilhomx li ġew stabbiliti, u s-setgħat tagħhom huma aktar dgħajfa jew inkella mferrxin fost korpi differenti. L-evalwazzjonijiet komprensivi tal-pajjiżi mill-Kummissjoni kixfet dan in-nuqqas ta' uniformità, u f'ħafna każijiet indikat ukoll id-dgħjufija ta' l-awtorità regolatorja.

L-esperjenza ta' l-Istati Membri li s-swieq tagħhom ilhom miftuħa għal bosta snin, u tas-setturi l-oħra ta' l-utilitajiet li huma miftuħa għall-kompetizzjoni, turi ċar li regolaturi b'saħħithom huma meħtieġa għal suq li jaħdem sewwa, partikolarment f'dak li jirrigwarda l-użu ta' l-infrastrutturi tan-netwerk.

Għal dawn ir-raġunijiet, l-għan ta' din il-proposta huwa li ssaħħaħ is-setgħat ta' l-awtoritajiet regolatorji. L-ewwelnett, għandu jingħatalhom mandat ċar biex jikkooperaw fil-livell Ewropew, f'kollaborazzjoni fil-qrib ma' l-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi ta' l-Enerġija u mal-Kummissjoni, sabiex jiżguraw suq intern ta' l-elettriku u l-gass li jkun kompetittiv, sikur u ambjentalment sostenibbli fl-Unjoni Ewropea, kif ukoll ftuħ effettiv fis-suq għall-konsumaturi u għall-fornituri kollha.

It-tieninett, huwa propost li jissaħħu s-setgħat tagħhom li jirregolaw is-suq, partikolarment fl-oqsma li ġejjin:

- is-sorveljanza tal-konformità ta' l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni u ta' distribuzzjoni ma' regoli dwar l-aċċess għal partijiet terzi, dwar l-obbligi ta' separazzjoni [ unbundling ], dwar mekkaniżmi ta' bbilanċjar, u dwar il-ġestjoni tal-konġestjoni u l-interkonnessjoni;

- ir-reviżjoni tal-pjanijiet ta’ investiment ta’ l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni, u l-provvediment fir-rapport annwali tagħhom ta' valutazzjoni tal-pjan ta’ investiment ta’ l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni fir-rigward tal-konsistenza tiegħu mal-pjan ta’ żvilupp tan-netwerk madwar l-Ewropa fuq firxa ta’ għaxar snin; il-monitoraġġ tas-sigurtà u l-affidabbiltà tan-netwerk, u r-reviżjoni tar-regoli dwar is-sigurtà u l-affidabbiltà tan-netwerk;

- il-monitoraġġ ta' l-obbligi ta' trasparenza;

- is-sorveljanza tal-livell ta' ftuħ u kompetizzjoni fis-suq, u l-promozzjoni ta' kompetizzjoni effettiva, f'kooperazzjoni ma' l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni; kif ukoll

- l-iżgurar li l-miżuri għall-ħarsien tal-konsumatur ikunu effikaċi.

L-elettriku u l-gass huma fondamentalment differenti minn kommoditajiet oħrajn, għax huma prodotti bbażati fuq netwerk, li l-ħżin tagħhom huwa impossibbli jew jitlob wisq spejjeż. Dan jagħmilhom sensittivi għall-abbuż tas-suq, u jeħtieġ li titqawwa s-sorveljanza fuq l-impriżi li huma attivi fis-suq ta' l-elettriku u l-gass. Ir-regolaturi għaldaqstant jeħtieġ i jkollhom aċċess għall-informazzjoni dwar id-deċiżjonijiet operattivi tal-kumpaniji. Huwa propost li l-kumpaniji jkollhom l-obbligu li jżommu reġsitru tad- data relatata ma' deċiżjoni operattiva tagħhom għal ħames snin, għad-dispożizzjoni ta' l-awtoritajiet regolatorji kif ukoll ta' l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u tal-Kummissjoni, b'tali mod li dawn l-awtoritajiet ikunu jistgħu jeżerċitaw kontroll effikaċi fuq allegazzjonijiet ta' abbuż tas-suq. Dan jillimita l-ambitu ta' l-abbuż tas-suq, iqawwi l-fiduċja fis-suq, u b'hekk jistimola l-kummerċ u l-kompetizzzjoni.

Xi tipi ta' kummerċanti (pereżempju l-banek) diġà għandhom obbligi bħal dawn skond id-Direttiva dwar is-Swieq ta' l-Istrumenti Finanzjarji, u ma għandux ikollhom obbligi doppji. Għalhekk l-obbligi tar-reġistru għandhom ikunu bla ħsara għal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Komunità dwar is-swieq finanzjarji, u kompatibbli magħha. Ir-regolaturi tas-swieq ta' l-enerġija u tal-finanzi jeħtiġilhom jikkooperaw biex jgħinu lil xulxin ikollhom stampa komprensiva tas-swieq ikkonċernati. Qabel l-adozzjoni tal-linji gwida li jiddefinixxu r-rekwiżiti taż-żamma ta' reġistru, l-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi ta' l-Enerġija u l-Kumitat Ewropew tar-Regolaturi tat-Titoli (CESR) huma mistiedna jikkooperaw u jagħtu lill-Kummissjoni l-parir tagħhom dwar il-kontenut tal-linji gwida.

Sabiex ikunu jistgħu jaqdu d-dmirjiet tagħhom, l-awtoritajiet regolatorji għandha tingħatalhom is-setgħa li jistħarrġu, jitolbu t-tagħrif kollu neċessarju, u jimponu sanzjonijiet diswassivi. Jintalbu wkoll li jqisu bis-sħiħ l-għanijiet ta' l-effiċjenza fl-enerġija huma u jaqdu l-funzjonijiet regolatorji tagħhom.

2.2. L-indipendenza dimostrabbli tar-regolaturi twassal għall-fiduċja fis-suq

L-indipendenza ta' l-awtoritajiet Regolatorji hija prinċipju ewlieni ta' governanza tajba, u kundizzjoni fundamentali għall-fiduċja fis-suq. Il-leġiżlazzjoni ezistenti tirrikjedi li l-awtoritajiet regolatorji jkunu għal kollox indipendenti mill-interessi ta' l-industrija tal-gass u ta' l-elettriku. Madankollu, il-leġiżlazzjoni ma tispeċifikax kif din l-indipendenza għandha tiġi żgurata b'mod dimostrabbli, u ma tiggarantix l-indipendenza minn interessi politiċi ta' qasir żmien.

Kif jisħqu l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa ta' l-2007, kif ukoll il-Parlament Ewropew, it-tisħiħ ta' l-indipendenza tar-regolaturi nazzjonali ta' l-enerġija hija għaldaqstant prijorità.

Huwa propost li l-awtorità regolatorja tkun ġuridikament distinta u funzjonalment indipendenti minn kull entità oħra pubblika jew privata, u li l-persunal tagħha u kwalunkwe membru tal-korpi tagħha għat-teħid tad-deċiżjonijiet jaġixxu indipendentement minn kull interess tas-suq, u la jieħdu u lanqas ifittxu struzzjonijiet minn ebda gvern jew entità oħra pubblika jew privata. Għal dan il-għan, huwa propost li l-awtoritajiet regolatorji jkollhom personalità ġuridika, awtonomija tal-baġit, riżorsi umani u finanzjarji adegwati, u tmexxija indipendenti.

3. MEKKANIżMU INDIPENDENTI BIEX IR-REGOLATURI NAZZJONALI JIKKOOPERAW U JIEħDU D-DEċIżJONIJIET: L-AġENZIJA GħALL-KOOPERAZZJONI TAR-REGOLATURI TA' L-ENERġIJA

3.1. L-esperjenza pożittiva ta' l-ERGEG għandha twassal għal struttura formali ta' kooperazzjoni

Minkejja li s-suq intern ta' l-enerġija żviluppa konsiderevolment, għad hemm lakuna regolatorja dwar kwistjonijiet transkonfinali. Biex tittratta din il-kwistjoni, il-Kummissjoni nediet fora awtoregolanti bħall-forum ta' Firenza (l-elettriku) u dak ta' Madrid (il-gass). Dawn il-fora jlaqqgħu flimkien partijiet interessati biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni.

Fl-2003, il-Kummissjoni waqqfet grupp konsultattiv indipendenti għall-elettriku u l-gass, il-"Grupp ta' Regolaturi Ewropej għall-Elettriku u l-Gass" (ERGEG), bil-għan li jiffaċilita l-konsultazzjoni, il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni fost l-entitajiet regolatorji ta' l-Istati Membri, kif ukoll bejn dawn l-entitajiet u l-Kummissjoni, għat-tisħiħ tas-suq intern ta' l-elettriku u tal-gass naturali. l-ERGEG huwa magħmul minn rappreżentanti ta' l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali.

F'dawn l-aħħar snin, l-attivitajiet ta' l-ERGEG taw kontribut pożittiv ħafna lejn l-ikkompletar tas-suq intern tal-gass u ta' l-elettriku, billi ħareġ linji gwida mhux vinkolanti u billi ta lill-Kummissjoni rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet. Madankollu, it-tnedija ta' fora awtoregolanti u l-istabbiliment ta' l-ERGEG ma rriżultatx fi spinta reali lejn l-iżvilupp ta' standards u approċċi komuni li huma meħtieġa biex iseħħu l-kummerċ transkonfinali u l-iżvilupp ta' l-ewwel swieq reġjonali, u fl-aħħar mill-aħħar, suq Ewropew ta' l-enerġija.

Mal-mogħdija taż-żmien, is-settur ta' l-enerġija sar iktar kumpless u ddettaljat, u aktar minn qabel jinvolvi l-interessi finanzjarji. L-approċċ attwali fi ħdan l-ERGEG, li fil-prattika s-soltu jeħtieġlu l-kunsens ta' 27 regolatur u aktar minn 30 TSO biex jilħaq qbil, mhuwiex iħalli riżultati suffiċjenti. Wassal għal għadd ta' kodiċijiet mhux vinkolanti u sforzi biex jintlaħaq qbil dwar approċċi komuni permezz ta' "konverġenza gradwali", imma mhux għal deċiżjonijiet reali fuq il-kwistjonijiet diffiċli li jeħtieġ li jittieħdu llum.

Fil-preżent, ir-regoli tekniċi li l-kumpaniji ta' l-elettriku jeħtiġilhom jaħdmu bihom, "kodiċijiet tax-xibka", ivarjaw enormement bejn l-Istati Membri, u ta' spiss ukoll fi ħdan Stat Membru nnifsu. Jekk irridu nintegraw is-swieq ta' l-enerġija fl-UE, dawn issa jeħtiġilhom jgħaddu minn proċess ta' konverġenza u mbagħad ta' armonizzazzjoni. .

Il-Kummissjoni vvalutat l-alternattivi differenti għall-organizzazzjoni tal-ħidmiet meħtieġa, inkluża l-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni tkunx tista' tieħu ħsiebhom hija stess. l-armonizzazzjoni ta' dawn il-kwistjonijiet, kif ukoll il-progress fuq l-infrastrutturi l-ġodda, mhijiex biċċa xogħol li tipikament taqa' fl-isfera ta' l-attività tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni fil-fatt qatt ma wettqet attività ta' dan it-tip. Tirrikjedi li l-għarfien espert fis-27 aġenzija regolatorja nazzjonali (NRAs) jaħdem flimkien; huma l-NRAs li jeħtiġilhom jaqblu dwar l-emendi tal-kodiċijiet nazzjonali tax-xibka tagħhom. Fil-prattika, huwa biss korp li jkun ħiereġ mir-regolaturi nazzjonali li jista' jikkatalizza r-riżorsi tar-regolaturi nazzjonali, u dan huwa fundamentali għall-ilħiq ta' suċċess fuq dawn il-kwistjonijiet. L-Aġenzija, permezz tal-Bord Regolatorju tagħha – li jikkonsisti mill-NRAs – tista' tħaddem il-persunal ta' dawn l-NRAs. Il-Kummissjoni ma tinsabx f'dik il-qagħda.

Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-kompiti rikjesti jkunu jistgħu jitwettqu minn entità separata, indipendenti mill-Kummissjoni u barra minnha. Sew il-Kunsill Ewropew, fir-Rebbiegħa 2007, kif ukoll il-Parlament Ewropew, approvaw din il-konklużjoni[2].

Għaldaqstant ġie kkunsidrat il-ħolqien ta' netwerk aktar b'saħħtu ta' regolaturi nazzjonali ta' l-enerġija. In-netwerk ta' awtoritajiet tal-kompetizzjoni li nħoloq fl-2004 skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 joffri mudell. Madankollu, dan ikun jirrikjedi l-ħolqien ta' setgħat awtonomi għall-Kummissjoni fis-settur ta' l-enerġija (attwalment, dawn is-setgħat jeżistu biss fil-qasam tar-regoli tal-kompetizzjoni). Fi kwalunkwe każ, is-setgħat ta' l-NRAs għandhom jissaħħu u jiġu armonizzati.

Barra minn hekk, il-mudell tas-sistema tal-Banek Ċentrali Ewropej jista' jkun applikabbli, imma ma għandux bażi ġuridika fit-Trattat. Mudell bħal dan ikun jirrikjedi emenda tat-Trattat.

Il-Kummissjoni għaldaqstant waslet għall-konklużjoni li, jekk għandu jiġi stabbilit korp indipendenti li jista' jagħmel rakkomandazzjonjiet lill-Kummissjoni rigward deċiżjonijiet li jinvolvu deċiżjonijiet sostantivi u jieħu deċiżjonijiet regolatorji individwali li jkunu vinkolanti fuq partijiet terzi rigward kwistjonjiet tekniċi dettaljati li jkunu delegati għalih, l-unika soluzzjoni tkun l-istabbiliment ta' Aġenzija.

Il-ħidmiet ewlenin proposti jikkomplementaw, fuq il-livell Ewropew, il-ħidmiet regolatorji li jwettquhom ir-regolaturi nazzjonali. L-istruttura għandha tipprovdi qafas li fih ir-regolaturi nazzjonali jistgħu jikkooperaw, eżami regolatorju tal-kooperazzjoni bejn l-operaturi tat-trażmissjoni u ambitu għat-teħid ta' deċiżjonijiet individwali rigward l-infrastruttura fit-territorju ta' aktar minn Stat Membru wieħed. Din l-analiżi tirrifletti l-prinċipji ddefiniti mill-Kummissjoni fl-Abbozz ta' Ftehim Interistituzzjonali dwar il-qafas operattiv ta' l-aġenziji regolatorji Ewropej[3], b'mod partikolari fejn tidħol il-possibbiltà li jiġu adottati deċiżjonijiet individwali vinkolanti għal partijiet terzi.

Il-proposta li ġejja tibni wkoll fuq l-alternattiva "ERGEG+" imsemmija fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta' l-10 ta' Jannar 2007 "Politika dwar l-Enerġija għall-Ewropa"[4].

3.2. Il-kompiti ewlenin ta' l-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi ta' l-Enerġija proposta

Il-ħidmiet ewlenin proposti jikkomplementaw, fuq il-livell Ewropew, il-ħidmiet regolatorji li jwettquhom ir-regolaturi nazzjonali.

- Il-provvediment ta' qafas għall-kooperazzjoni tar-regolaturi nazzjonali. Huwa propost li jittejjeb it-trattament tas-sitwazzjonijiet transkonfinali. L-Aġenzija għandha tistabbilixxi proċeduri għall-kooperazzjoni fost ir-regolaturi nazzjonali, b'mod partikolari fejn jidħol l-iskambju ta' informazzjoni u t-tqassim tal-kompetenzi f'każijiet fejn ikun hemm aktar minn Stat Membru wieħed involut. Dan il-qafas għandu jrawwem ukoll il-kooperazzjoni reġjonali fost ir-regolaturi nazzjonali.

- Monitoraġġ regolatorju tal-kooperazzjoni fost l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni. L-Aġenzija se jkollha d-dmir li tissorvelja u teżamina l-attivitajiet tan-Netwerk Ewropew ta' l-Operaturi tas-Sistema ta' Trażmissjoni ta' l-Elettriku kif ukoll l-attivitajiet tan-Netwerk Ewropew ta' l-Operaturi tas-Sistema ta' Trażmissjoni tal-Gass. B'mod partikolari, se tkun involuta fl-istabbiliment ta' prijoritajiet permezz tal-programm ta' ħidma tan-Netwerks, fl-eżami tal-pjan tagħhom ta' investiment fuq medda ta' 10 snin, kif ukoll fit-tfassil ta' kodiċijiet tekniċi u tas-suq. L-eżami tal-pjan ta' investiment huwa bla ħsara għar-responsabbiltà ta' l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għal nuqqasijiet tekniċi, kif definita fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. F'dak li għandu x'jaqsam ma' dawn il-kodiċijiet tekniċi u tas-suq, l-Aġenzija se jkollha l-possibbiltà li titlob lill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni li jemendaw l-abbozzi tagħhom jew li jindirizzaw kwistjonijiet aktar speċifiċi f'aktar dettall. Barra minn hekk, se jkollha l-possibbiltà li tirrakkomanda lill-Kummissjoni li dawn il-kodiċijiet isiru vinkolanti, fejn implimentazzjoni volontarja mill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għal ċerti kwistjonijiet ma tkunx biżżejjed jew ma tkunx f'lokha. L-Aġenzija tista' tirrakkomanda li l-abbozz imfassal mill-operaturi ta' trażmissjoni jiġi emendat, jew tirrakkomanda li l-Kummissjoni tipprovdi dispożizzjonijiet addizzjonali. Fil-prattika, dan il-mekkaniżmu se jieħu s-sura ta' djalogu kostruttiv u kontinwu bejn l-Aġenzija, l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni u l-Kummissjoni. L-involviment ta' l-Aġenzija se jkun ta' l-akbar importanza biex jiżgura li l-kooperazzjoni ta' l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni ssir b'mod effiċjenti u trasparenti, għall-ġid tas-suq intern.

- Setgħat ta' deċiżjoni f'każijiet konkreti. Bil-għan li jiġu ttrattati kwistjonijiet speċifiċi transkonfinali, huwa propost li l-Aġenzija tingħata setgħat li tieħu deċiżjonijiet individwali dwal l-eżenzjoni[5], dwar talbiet rigward assi ta' l-infrastruttura ta' interess Ewropew, kif ukoll dwar is-sistema regolatorja applikabbli għall-infrastruttura fi ħdan it-territorju ta' aktar minn Stat Membru wieħed. Barra minn hekk, l-Aġenzija tkun tista' tieħu deċiżjoniijiet speċifiċi fuq kwistjonjiet tekniċi individwali meta dawn jiġu assenjati lil-Aġenzija skond Linji ta' Gwida speċifiċi adottati f'konformità mad-Direttivi ta' l-Elettriku u l-Gass, bi proċedura ta' komitoloġija.

- Rwol ta' konsulenza ġenerali. L-Aġenzija jkollha wkoll rwol ta' konsulenza fil-konfront tal-Kummissjoni rigward kwistjonijiet ta' regolazzjoni tas-suq, u tista' toħroġ linji gwida mhux vinkolanti bil-għan li tippubbliċizza prassi tajba fost ir-regolaturi nazzjonali. Fuq bażi ta' każ b'każ, ikollha wkoll is-setgħa li teżamina kwalunkwe deċiżjoni meħuda minn awtorità regolatorja nazzjonali li tolqot direttament is-suq intern, u tagħti opinjoni lill-Kummissjoni, dejjem fid-dawl tal-miżuri ta' implimentazzjoni adottati mill-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja fis-settur tal-gass u ta' l-elettriku.

Minkejja li s-setgħat tagħha ma jistgħux jiġu estiżi biex ikopru d-deċiżjonijiet normattivi (bħalma hija l-adozzjoni formali ta' linji ta' gwida obbligatorji), l-Aġenzija l-ġdida globalment sejra jkollha rwol kruċjali fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tar-regoli Ewropej tas-suq tal-gass u l-elettriku.

3.3. Il-governanza ta' l-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi ta' l-Enerġija proposta

Il-qafas istituzzjonali u l-prinċipji ta' governanza ta' l-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi ta' l-Enerġija fil-prinċipju huma msejsa fuq regoli u prattiċi standard għall-aġenziji regolatorji Komunitarji.

Madankollu, għandha titqies l-indipendenza neċessarja tal-funzjonijiet regolatorji tagħha. Għal dan il-għan, minbarra l-bord tat-tmexxija responsabbli għall-kwistjonijiet kollha ta' amministrazzjoni u baġitarji, huwa propost li jinħoloq bord ta' regolaturi, li jkun responsabbli għall-kwistjonijiet u d-deċiżjonijiet regolatorji kollha. Id-Direttur, maħtur minn Bord Amministrattiv, wara konsultazzjoni mal-Bord Regolatorju, jintagħżel minn fost lista selettiva ( shortlist ) adottata mill-Kummissjoni. Id-Direttur jirrappreżenta lill-Aġenzija, u għandu jkun responsabbli għat-tmexxija tagħha ta' kuljum. Barra minn hekk, l-istruttura ta' l-Aġenzija tipprevedi li jkun hemm Bord ta' l-Appell, li jkun kompetenti biex jittratta appelli kontra deċiżjonijiet adottati mill-Aġenzija.

3.4. Aspetti finanzjarji

Huwa propost li l-Aġenzija, fid-dawl tal-kompiti tagħha, għandu jkollha persunal limitat ta' 40-50 ruħ. Din l-evalwazzjoni tibbaża fuq analiżi estensiva tal-ħtiġijiet ta' l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali f'dak li jirrigwarda l-persunal, kif ukoll analiżi bir-reqqa tar-riżorsi minimi meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti proposti, partikolarment fid-dawl tal-possibbiltà ta' sinerġiji fit-tħaddim tar-riżorsi ta' l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali biex jgħinu fil-ħidma ta' l-aġenzija. Il-persunal propost huwa konformi mal-ħtiġijiet ta' dawn l-awtoritajiet[6]. Kif intqal aktar 'il fuq, li kieku l-Kummissjoni kellha tipprova twettaq il-kompiti ta' l-Aġenzija, l-għadd tal-persunal ikun wisq akbar.

l-ispejjeż annwali totali ta' l-Aġenzija huma stmati għal madwar EUR 6-7 miljun fis-sena, li minnhom EUR 5 miljun ikunu għall-infiq fuq il-persunal (bil-medja kull persuna ta' l-ispiża tal-persunal tal-Kummissjoni Ewropea, jiġifieri EUR 0.117 miljun fis-sena, somma li tinkludi l-infiq assoċjat mal-binjiet u l-ispejjeż amministrattivi assoċjati), EUR 1 miljun spejjeż operattivi (laqgħat, studji, kif ukoll l-ispejjeż tat-traduzzjoni, il-pubblikazzjoni u r-relazzjonijiet pubbliċi), u l-bqija għall-ispejjeż kapitali (li jirrigwardaw l-akkwist ta' proprjetà immobbli u nfiq assoċjat) u l-ispejjeż tal-missjonijiet.

L-ispejjeż annwali ta' l-Aġenzija se jkunu koperti mill-għotjiet Komunitarji. l-Aħenzija għandha dħul limitat ġej minn ħlasijiet li jagħmluhom partijiet terzi li jkunu dovuti meta l-Aġenzija tieħu ċerti deċiżjonijiet.

3.5. Ir-rwol tal-Kummissjoni

Fil-prinċipju, hemm tliet salvagwardji differenti biex jiżguraw il-pożizzoni u r-rwol tal-Kummissjoni bħala l-gwardjan tat-Trattat.

Qabel xejn, jekk l-Aġenzija tieħu deċiżjoni, din tkun torbot biss għal sitwazzonijiet tekniċi speċifiċi li huma espliċitament previsti fir-Regolament u fid-Direttivi, jew provduti bil-Linji Gwida vinkolanti fuq bażi ta' każ b'każ. L-Aġenzija ma jkollha l-ebda diskrezzjoni politika lil hinn inn dan il-qafas.

It-tieni, jekk il-kooperazzjoni tat-TSOs jew deċiżjonijiet mieħuda mill-NRAs jheddu l-kompetittività effikaċi u l-funzjonament effiċjenti tas-suq, l-Aġenzija għandha minnufih tavża lill-Kummissjoni b'dan, u mbagħad din ta' l-aħħar tkun tista' tieħu l-miżuri meħtieġa biex tirranġa l-qagħda. Il-Kummissjoni tista' wkoll taġixxi b'inizjattiva tagħha.

It-tielet, kulfejn ikun meħtieġ li tittieħed deċiżjoni sostantiva, dan tkun tista' tagħmlu biss il-Kummissjoni. F'dawn il-każijiet, l-Aġenzija għandha biss rwol ta' tħejija u konsulenza. Is-Servizz Ġuridiku tal-Kummisjsoni eżamina t-test bir-reqqa f'dan ir-rigward, biex jiżgura li l-Aġenzija ma jkollha l-ebda setgħa sostantiva diskrezzjonarja.

Barra minn hekk, ikun kompitu tal-Kummisjsoni li, permezz ta' l-adozzjoni ta' Linji ta' Gwida vinkolanti, tispeċifika aktar u tistipula r-rwol ta' l-Aġenzija.

4. KOOPERAZZJONI EFFIċJENTI BEJN L-OPERATURI TAS-SISTEMA TA' TRAżMISSJONI

4.1. Kooperazzjoni qawwija bejn l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni hija meħtieġa għall-integrazzjoni tas-suq ta' l-enerġija u tal-gass

Sabiex isseħħ l-integrazzjoni tas-suq, jeħtieġ li jkun hemm kooperazzjoni effikaċi fost l-opearturi tas-sistema ta' trażmissjoni (TSOs) u qafas regolatorju ċar u stabbli, inkluż il-koordinament regolatorju. Jeħtieġ li r-regoli ta' l-aċċess għan-netwerk u r-regoli ta' l-operat ikunu kompatibbli, kif ukoll li jkun hemm skambju effettiv ta' informazzjoni bejn l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni u koordinament tajjeb ta' investimenti ġodda biex tiżdied il-kapaċità ta' interkonnessjoni. L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni tal-gass u l-elettriku diġà jikkooperaw b'mod volontarju fi strutturi eżistenti bħall-Operaturi Ewropej tas-Sistemi ta' Trażmissjoni (ETSO, ) u t-Trażmissjoni tal-Gass fl-Ewropa (GTE, ). Jikkooperaw fuq kwistjonijiet operattivi fuq il-livell reġjonali, u jieħdu sehem f'korpi tekniċi bħall-Unjoni għall-Koordinament tat-Trażmissjoni ta' l-Elettriku (UCTE, Union for the Co-ordination of Transmission of Electricity) u l-Assoċjazzjoni Ewropea għat-Tħaffif ta' l-Iskambju ta' l-Enerġija (EASEE-Gas, European Association for the Streamlining of Energy Exchange). Dawn l-inizjattivi ta' kooperazzjoni fuq ħafna livelli taw kontribut sinifikanti għas-suq intern, u taw spinta sew lill-effiċjenza u lis-sikurezza tan-netwerks.

Madankollu, il-kooperazzjoni volontarja wriet il-limiti tagħha, pereżempju fis-sura ta' inċidenti tan-netwerks u qtugħ ta' l-elettriku minħabba koordinament fqir fl-operat tan-netwerk jew inkella ħolqiet neqsin fin-netwerks tal-gass u l-elettriku, kif ukoll f'diffikultà biex jintlaħqu jew jinqablu standards tekniċi komuni. Għaldaqstant, huwa propost li l-operaturi tat-trażmissjoni jingħatalhom il-kompitu li jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom f'għadd ta' oqsma ċentrali, b'enfasi fuq il-kwistjonijiet li ġejjin.

- L-iżvilupp ta' "kodiċijiet" tas-suq u tekniċi : Għall-integrazzjoni tas-swieq ta' l-elettriku u tal-gass, huwa meħtieġ sett koerenti ta' kodiċijiet tas-suq u tekniċi. Illum, dawn il-kodiċijiet jeżistu biss fuq bażi nazzjonali, jew inkella permezz tar-rakkomandazzjonijiet bħalma huma l-UCTE jew l-EASEE-gas. Il-problema bil-qagħda attwali għandha tliet aspetti: l-ewwelnett, ir-regoli eżistenti ma jkoprux l-oqsma kollha li jeħtiġilhom jiġu armonizzati biex ikun jista jiffunzjona suq integrat, it-tieni, il-kodiċijiet nazzjonali spiss ma jkunux kompatibbli bejniethom, u t-tielet spiss ma jkunux vinkolanti u inforzabbli. Eżempji ta' dawn il-kodiċijiet huma l-ktejjeb operattiv ta' l-UCTE dwar is-sigurtà u l-affidabbiltà ta' netwerks tat-trażmissjoni ta' l-elettriku u r-rakkomandazzjonijiet ta' l-EASEE-gas dwar il-kwalitajiet tal-gass.

- Il-proposta żżomm il-proċess volontarju ta' l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni bħala mezz prammatku għall-iżvilupp ta' kodiċijiet tekniċi u tas-suq. Dawn il-kodiċijiet spiss ikunu teknikament kumplessi, u jeħtieġ li jkun hemm proċess effiċjenti biex jiġu emendati fejn meħtieġ. Il-proposta żżid sorveljanza regolatorja qawwija fuq il-kontenut u l-monitoraġġ tal-konformità, u l-infurzar ta' dawn ir-regoli min-naħa ta' l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, l-Aġenzija, u/jew il-Kummissjoni, skond in-natura tal-proposta kkonċernata. Fil-każ li l-operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni ma jkunux jistgħu jaqblu fuq kodiċijiet tekniċi u tas-suq neċessarji, jew ma jimplimentawhomx, dawn ir-regoli jkunu jistgħu jiġu proposti u adottati permezz tal-proċedura tal-komitoloġija, fuq proposta tal-Kummissjoni.

- B'kollox, din il-proposta tidentifika ħdax-il qasam ewlieni ta' kooperazzjoni. Il-programmi ta' ħidma annwali tan-Netwerk Ewropew ta' l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni (ara l-kapitolu 1.2), li għandhom jitħejjew b'konsultazzjoni mal-partijiet kollha interessati u ma' l-Aġenzija l-ġdida għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi ta' l-Enerġija (ara l-kapitolu 3), sejrin jistabbilixxu l-prijoritajiet u jispeċifikaw f'aktar dettall il-kodiċijiet tekniċi u tas-suq meħtieġa. Il-kooperazzjoni fost l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandha tinkludi wkoll il-monitoraġġ ta' l-implimentazzjoni tal-kodiċijiet tekniċi u tas-suq.

- Attivitajiet ta' interess komuni dwar it-riċerka u l-innovazzjoni: Il-kooperazzjoni bejn it-TSOs għandha tistabbilixxi qafas għall-identifikazzjoni, il-finanzjament u l-ġestjoni ta' attivitajiet ta' riċerka u innovazzjoni li jmexxu 'l quddiem l-iżvilupp tekniku tajjeb u l-evoluzzoni ta-netwerks Ewropej ta' l-elettriku u l-gass, partikolarment għall-promozzjoni tas-sigurtà tal-provvista u ta' l-effiċjenza fl-enerġija, u biex issir possibbli l-penetrazzjoni ta' teknoloġiji b'użu baxx tal-karbon.

- Il-koordinazzjoni ta' l-operat tax-xibka : Il-kooperazzjoni fost it-TSOs tinkludi l-operat komuni tan-netwerks, skond kodiċijiet tekniċi u tas-suq maqbula. Tirreferi wkoll għall-iskambju ta' tagħrif operattiv dwar in-netwerks u l-pubblikazzjoni kkoordinata dwar l-aċess għan-netwerks, pereżempju permezz ta' pjattaforma komuni ta' trasparenza.

- L-ippjanar ta' l-investiment : Sabiex kapaċità suffiċjenti ta' trażmissjoni tkun disponibbli biex tilqa' d-domanda u tintegra swieq nazzjonali, l-operaturi tan-netwerks se jkollhom bżonn pjanifikar koordinat fit-tul ta' l-iżvilupp tas-sistema, biex ikunu jistgħu jippjanaw investimenti fis-suq u jissorveljaw l-iżviluppi tal-kapaċitajiet tan-netwerks ta' trażmissjoni. Il-ħsieb huwa li n-Netwerks Ewropej ta' l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni jippubblikaw pjanijiet għall-iżvilupp tan-netwerk, inkluż l-immudellar tan-netwerk integrat, l-iżvilupp tax-xenarju u evalwazzjoni tal-flessibbiltà tas-sistema integrata u l-kapaċità tagħha li twassal. Dan il-pjan ta' żvilupp għandu jkun orjentat lejn il-ġejjieni biżżejjed (eż. talanqas 10 snin 'il quddiem) sabiex jippermetti l-identifikazzjoni bikrija ta' nuqqasijiet ta' investiment, b'mod partikolari fir-rigward ta' kapaċitajiet transkonfinali.

B'mod partikolari għall-aħħar żewġ kompiti msemmija, l-inizjattivi reġjonali għandhom rwol pożittiv fl-integrazzjoni tas-suq. Il-kooperazzjoni fost l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni fuq il-livell Ewropew għandha, bla dubju, tiġi kkomplementata fuq il-livell reġjonali, bil-għan li jiġi żgurat progress prattiku reali, ġestjoni ottima tan-netwerk[7], kif ukoll l-ippjanar ta' investiment xieraq u t-twettiq tiegħu. Il-qafas regolatorju għandu jippromwovi, jikkoordina u jiżviluppa inizjattivi reġjonali bejn l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni u l-awtoritajiet regolatorji, kif jiġri fl-Inizjattivi Reġjonali mmexxija mill-ERGEG u inizjattivi bħall-Forum Pentalaterali fil-Majjistral ta' l-Ewropa, u kif jirrakkomandaw partijiet interessati kbar bħall- Eurelectric.

4.2. Mekkaniżmu ta' kooperazzjoni mtejjeb

Huwa importanti li l-istrutturi ta' kooperazzjoni ta' l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni jkunu rikonoxxuti għal kollox fil-livell Ewropew, bħala korpi i jkollhom l-awtorità jwettqu l-kompiti msemmija hawn fuq. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni sejra taħtar formalment in-Netwerks Ewropej ta' operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni (ta' l-elettriku u l-gass) li jkunu responsabbli għal dawn il-kompiti.

Bħala kumpaniji, l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni jeħtiġilhom ikunu trasparenti fil-mod li bih jikkooperaw. Jistgħu jibnu fuq strutturi eżistenti bħall-GTE u l-ETSO. Madankollu, il-kompiti u r-responsabbiltajiet rikjesti mill-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni sejrin ifissru li jkun hemm ħtieġa għal struttura ċentrali u permanenti ta' kooperazzjoni sew f'dak li jirrigwarda l-organizzazzjoni kid ukoll għdod prattiċi għall-ippjanar u l-operat tan-netwerks.

L-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi ta' l-Enerġija sejra tissorvelja t-twettiq tal-ħidmiet fdati f'idejn in-Netwerk Ewropew ta' operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni.

L-involviment u l-konsultazzjoni bikrija tal-partijiet interessati, bħalma huma l-produtturi, il-fornituri, il-klijenti u l-operaturi tas-sistemi ta' distribuzzjoni, l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni sejrin jiżviluppawhom bħala prattika standard sa mill-bidu ta' ħidmithom fuq suġġett partikolari. Għaldaqstant, il-partijiet interessati sejrin jiġu kkonsultati fuq kwalunkwe abbozz ta' kodiċi tas-suq u tekniku mfassal mill-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni, u se jkunu jistgħu jikkummentaw dwar il-programm ta' ħidma annwali ta' l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni. L-Aġenzija sejra tissorvelja t-twettiq tajjeb tal-konsultazzjoni.

5. IT-TITJIB TAL-FUNZJONAMENT TAS-SUQ

Il-proposta preżenti għandha wkoll l-għan li ttejjeb il-qafas leġiżlattiv sabiex jiffaċilita l-aċċess ta' partijiet terzi għal infrastrutturi ewlenin, biex iżżid it-trasparenza fis-suq, biex isseddaq l-integrazzjoni tas-suq u ttejjeb l-aċċess għall-klijenti bl-imnut.

5.1. Reġim ta' eżenzjoni

Il-leġiżlazzjoni attwali tippermetti li infrastruttura ġdida ewlenija tiġi eżentata minn regoli dwar l-aċċess regolat għal partijiet terzi għal perjodu ddeterminat minn qabel. Bosta infrastrutturi tlestew jew inkella għadhom qed jitlestew, inklużi interkonnetturi tal-gass u l-elettriku u faċilitajiet ta' l-LNG li utlizzaw din il-possibbiltà. Dan għen biex jinġiebu 'l quddiem proġetti li jibbenefikaw is-sigurtà tal-provvista u l-kompetizzjoni. Fl-istess waqt, l-esperjenza sa llum uriet li l-iżviluppaturi tal-proġetti, ir-regolaturi u l-Kummissjoni lkoll jistgħu jibbenefikaw minn proċedura mħaffa għall-applikazzjonijet u l-għoti ta' eżenzjonijiet, kif ukoll minn kjarifikar ta' wħud mill-kundizzjonijiet. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tipproponi li jitfasslu linji gwida biex lill-applikanti u r-regolaturi jgħinuhom japplikaw il-kundizzjonijiet għal eżenzjoni. Biex jiġi żgurat li l-infrastruttura eżenti, madankollu, tkun tista' tintuża bl-aħjar mod mis-suq, huwa propost li jiġu ġġeneralizzati r-rekwiżiti minimi għall-allokazzjoni tal-kapaċità u d-dispożizzjonijiet dwar il-ġestjoni tal-konġestjoni għal infrastrutturi ġodda, li sallum ġew applikati fuq bażi ta' każ b'każ.

5.2. It-trasparenza

Is-suq intern ta' l-elettriku u l-gass qed ibati minn nuqqas ta' likwidità u trasparneza, li qiegħed itellef l-allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi, jillimita l-possibbiltajiet għal miżuri tat-taffija tar-riskji u jibblokka d-dħul il-ġdid fis-suq. Il-fiduċja fis-suq, il-likwidità tiegħu u l-għadd ta' parteċipanti fih ilkoll jeħtiġilhom jiżdiedu, billi jitkabbar it-tagħrif disponibbli għas-suq.

Ir-rekwiżiti attwali dwar it-trasparenza jiffukaw fuq il-pubblikazzjoni tal-kapaċità tan-netwerk, biex il-parteċipanti fis-suq ikunu jistgħu jaraw jekk hemmx kapaċità disponibbli, u jekk il-kapaċità disponibbli kollha hijiex offerta lis-suq. Madankollu, il-parteċipanti fis-suq jeħtieġ ikollhom aċċess indaqs għall-informazzjoni li tiddetermina ċaqliq fil-prezzijiet bl-ingrossa.

Bħalissa, l-operaturi li huma responsabbli għall-biċċa l-kbira tal-flussi tal-gass u ta' l-elettriku, u li għandhom is-sjieda tal-maġġoranza ta' l-assi fis-suq, għandhom aċċess għall-informazzjoni aktar u aħjar minn operaturi ġodda. Fil-qasam ta' l-elettriku, jeżistu rekwiżiti fil-forma ta' linji gwida annessi mar-regolamentazzjoni, li jiddefinixxu r-rekwiżiti ta' trasparenza fil-ġenerazzjoni ta' l-elettriku, biss mhumiex biżżejjed, u fil-qasam tal-gass għalissa ma hemm l-ebda rekwiżit ta' din ix-xorti. Huwa għalhekk propost li jiġu estiżi r-rekwiżiti ta' trasparenza f'dak li jirrigwarda l-ħażniet tal-gass, it-tbassir tad-domanda u l-provvista, l-ispejjeż ta' l-ibbilanċjar tan-netwerk, u l-kummerċ.

L-applikazzjoni korretta u sħiħa ta' dawn ir-rekwiżiti jeħtiġilha tiġi kkontrollata u ssorveljata mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, u s-setgħat tagħhom għandhom jissaħħu skond dan.

Dwar il-kwistjoni tat-trasparenzarigward id-derivattivi u l-istrumenti finanzjarji, u li dwarhom dawn il-proposti ma jipprovdux rekwiżiti addizzjonali fir-rigward tal-kumpaniji kkonċernati, il-Kummissjoni sejra teżamina din il-kwistjoni fid-dettall u tilħaq konklużjoni lejn nofs l-2008. L-Aġenzija għall-kooperazzjoni tar-Regolaturi ta' l-Enerġija u l-Kumitat tar-Regolaturi Ewropej tat-Titoli Finanzjarji huma mistiedna jikkooperaw biex jinvestigaw aktar u jagħtu l-pariri dwar il-kwistjoni jekk it-tranżazzjonijiet fil-kuntratti ta' forniment tal-gass u l-elettriku, u d-derivatttivi ta' l-elettriku, għandhomx ikunu suġġetti għal rekwiżiti ta' trasparenza ta' qabel u/jew wara t-tranżazzjoni.

5.3. Aċċess għall-ħażna

Id-Direttiva eżistenti dwar is-suq intern tal-gass tipprovdi li, meta l-ħżin ikun faċilità essenzjali biex il-klijenti jkunu jistgħu jingħataw provvista, l-operaturi tal-ħżin għandhom jagħtu aċċess lil partijiet terzi. L-Istati Membri għandhom l-għażla li dan l-aċċess għall-faċilitajiet tal-ħżin jiżgurawh jew permezz ta' kundizzjonijiet definiti mir-regolatur jew billi jobligaw lill-operaturi tas-sistemi tal-ħżin jinnegozjaw il-kundizzjonijiet ta' l-aċċess mal-klijenti. Ir-rekwiżiti tad-Direttiva jillimitaw irwieħhom għall-prinċipji, u lill-Istati Membri jħallulhom ħafna libertà biex jiddefinixxu l-qafas regolatorju tagħhom. Dawn il-prinċipji tlaħħmu permezz tal-Forum ta' Madrid, fejn il-partijiet kollha involuti qablu li jkun hemm 'Linji gwida' volontarji għall-Prassi Tajba ta' Aċċess ta' Partijiet Terzi għal Operaturi tas-Sistema tal-Ħażna' (GGPSSO). Madankollu, l-EGREG ikkonkluda li l-implimentazzjoni globali ta' dawn il-linji gwida hija batuta.

Biex dawn ikunu applikati b'mod effettiv, il-Kummissjoni tipproponi erba' miżuri:

- Li l-prinċipji tal-linji gwida tagħmilhom vinkolanti u tħalli għall-implimentazzjoni dettaljata tal-linji gwida permezz tal-komitoloġija;

- Li tistabbilixxi s-separazzjoni legali u funzjonali ta' l-operaturi tas-sistema ta' ħżin li jagħmlu parti mill-impriżi ta' forniment;

- Li ssaħħaħ is-setgħat ta' l-awtoritajiet regolatorji biex jissorveljaw l-aċċess għall-ħżin;

- Li tesiġi ċ-ċarezza fis-sistema regolatorja li tiġi applikata għall-faċilitajiet ta' ħżin.

Biex il-linji gwida jsiru vinkolanti, ir-Regolament se jkun estiż sabiex jiddefinixxi kif l-operaturi tas-sistema ta' ħżin jeħtiġilhom joffru servizzi ta' aċċess għal partijiet terzi, u kif għandhom jallokaw il-kapaċità jmexxu l-konġestjoni. Ir-Regolament se jiddefinixxi wkoll ir-rekwiżiti ta' trasparenza, u kif għandu jitħalla jiżviluppa suq sekondarju tal-kapaċità ta' ħżin. Dawn ir-regoli għandhom jiżguraw li l-ħżin kollu disponibbli għal partijiet terzi jkun offrut lis-suq b'mod trasparenti u mhux diskriminatorju, kif ukoll li l-akkapparrar ta' kapaċità jiġi skoraġġut bil-qawwi. Dawn ir-regoli jservu wkoll biex jiżguraw il-konsistenza mar-rekwiżiti minimi proposti fuq l-infrastruttura eżenta.

Bir-rekwiżit tas-separazzjoni legali u funzjonali ta' l-operaturi tas-sistema ta' ħżin, l-aċċess effettiv għall-ħażna se jittejjeb ħafna. Attwalment, meta l-fornituri jkunu jkollhom bżonn il-ħżin, jeħtiġilhom jikkuntattjaw lill-kompetituri tagħhom biex jidħlu f'kuntratti dwar il-ħtieġa tagħhom ta' ħżin. Dan il-fatt ma jtejjibx il-kunfidenza fis-suq u huwa ostaklu serju għal min irid jidħol ġdid fis-suq. Ir-rekwiżit ta' separazzjoni ta' l-operaturi tas-sistemi ta' ħżin din il-qagħda sejjer itejjibha, u se jħalli l-kompetituri u r-regolaturi jiċċekkjaw li l-kapaċità kollha disponibbli ta' ħżin tkun offruta lis-suq.

Il-Kummissjoni tipproponi litħassar l-ambigità li teżisti dwar il-proporzjon tal-kapaċità ta' ħżin offruta lis-suq, billi tesiġi li l-Istati Membri kollha jeħtiġilhom jiddefinixxu kriterji dwar meta u kif japplika l-aċċess ta' partijiet terzi għall-ħżin, u dawn iridu jiġu ppublikati. Ir-regolatur konsegwentement għandu r-responsabbiltà li jara li dawn il-kriterji jkunu applikati sewwa fil-faċilitajiet kollha tal-ħżin.

5.4. Aċċess għat-terminali ta' l-LNG

Ir-rwol ta' l-LNG (gass naturali likwidu) fil-provvista tal-gass għall-Unjoni Ewropea kulma jmur qed isir aktar importanti, u bħalissa għaddejjin jew jinsabu ppjanifikati ħafna investimenti fit-terminali ta' l-LNG. Għaldaqstant, jinħtieġu regoli ta' aċċess trasparenti għat-terminali ta' l-LNG. Ir-regolaturi identifikaw il-ħtieġa, u l-ERGEG ipprepara l-linji ta' gwida bil-għan li jinħoloq approċċ komuni għall-aċċess ta' partijiet terzi għat-terminali ta' l-LNG.

Minkejja li ħafna terminali ta' l-LNG li nbnew utilizzaw il-possibbiltajiet li jkunu eżenti mill-aċċess ta' partijiet terzi u mill-interventi regolatroji skond l-Artikolu 22 tad-Direttiva, hemm ukoll terminali ta' l-LNG li għalihom japplikaw regoli għall-aċċess ta' partijiet terzi. Minħabba li d-Direttiva attwali timponi biss rekwiżit ġenerali dwar il-ħtieġa li l-aċċess ikun regolat, dan iħalli spazju għal interpretazzjonijiet diverġenti fost l-Istati Membri. Barra minn hekk, eżenzjoni skond l-Artikolu 22 tkun dejjem temporanja, u meta jkun skada l-perjodu ta' eżenzjoni, it-terminali ta' l-LNG jsiru rregolati. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tipproponi li timponi regoli definiti aktar ċar dwar l-aċċess ta' partijiet terzi għat-terminali ta' l-LNG. Biex il-linji gwida jsiru vinkolanti, ir-Regolament se jkun estiż sabiex jiddefinixxi kif l-operaturi tas-sistema ta' ħżin jeħtiġilhom joffru servizzi ta' aċċess għal partijiet terzi, u kif għandhom jallokaw il-kapaċità jmexxu l-konġestjoni. Ir-Regolament se jiddefinixxi wkoll ir-rekwiżiti ta' trasparenza u jipproponi miżuri biex jitħalla jiżviluppa suq sekondarju tal-kapaċità ta' ħżin. Dawn ir-regoli jservu wkoll biex jiżguraw il-konsistenza mar-rekwiżiti minimi proposti fuq l-infrastruttura eżenti.

5.5. Ftehimiet ta' forniment fit-tul

Ftehimiet bilaterali ta' forniment 'l isfel fil-katina tal-provvista (downstream) joffru opportunità biex l-industriji li jiddependu ħafna mill-enerġija jiksbu prezzijiet aktar previdibbli. Madankollu, ftehimiet bħal dawn jippreżentaw ir-riskju li jillimitaw is-suq 'l isfel fil-katina tal-provvista, billi lill-konsumaturi ma jħalluhomx jaqilbu, u b'hekk jillimitaw il-kompetizzjoni. Biex l-inċertezza fis-suq titnaqqas, il-Kummissjoni fix-xhur li ġejjin sejra tipprovdi gwida, f'sura f'lokha, dwar il-konformità tal-ftehimiet bilaterali fit-tul ta' forniment 'l isfel fil-katina tal-provvista mal-leġiżlazzjoni tal-KE dwar il-kompetizzjoni.

5.6. Qafas għall-istabbiliment progressiv ta' suq Ewropew bl-imnut

S'issa la s-suq ta' l-elettriku u lanqas dak tal-gass ma tista' ssejħilhom swieq Ewropej bl-imnut (djar privati u intrapriżi żgħar), għax il-klijenti, anki f'dawk il-każijiet fejn għandhom għażla, għadhom obbligati jagħżlu fornitur stabbilit fl-istess pajjiż. L-istabbiliment ta' suq tassew Ewropew tal-konsumaturi aħħarin huwa l-mira finali tas-swieq interni ta' l-elettriku u l-gass: huwa meħtieġ biex jinħolqu swieq kompetittivi u biex jintlaħaq il-massimu ta' l-effiċjenza. Il-liberalizzazzjoni fis-suq bl-imnut hija importanti biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini ta' l-UE jkunu jistgħu jgawdu mill-kompetizzjoni. Li kieku l-liberalizzazzjoni kellha tapplika biss għall-klijenti l-kbar, id-djar Ewropej jispiċċaw billi jissussidjaw l-industriji tagħhom, u s-sinjali ta' l-investiment għall-ġenerazzjoni u l-forniment il-ġodda jispiċċaw mgħawġa. Mill-1 ta' Lulju 2007 'l quddiem, is-swieq bl-imnut kollha ta' l-UE nfetħu għall-kompetizzjoni, iżda fil-prattika, ħafna konsumaturi huma marbutin mal-fornituri tagħhom ta' dejjem, għax għadu ma ġiex implimentat qafas legali xieraq kif kien meħtieġ. Suq bl-imnut Ewropew jista' jinħoloq biss b'mod progressiv. Biex tħeġġeġ dan il-proċess, il-Kummissjoni qiegħda tikkunsidra t-twaqqif ta' forum tal-kummerċ bl-imnut, b'analoġija ma' l-esperjenza pożittiva tal-Fora ta' Firenze u Madrid. Dan il-forum iħallina niffukaw fuq kwistjonijiet speċifiċi tal-kummerċ bl-imnut, u għandu jaqdi ta' pjattaforma għall-persuni interessati kollha biex jippromwovu l-istabbiliment ta' suq bl-imnut mifrux ma' l-UE kollha kemm hi. Il-forum jipprovdi gwida dwar l-obbligi proposti għall-Istati Membri u l-awtoritajiet regolatorji biex jistabbilixxu regoli ċari li jiddefinixxu l-kompetizzjoni fis-suq bl-imnut, bil-għan li progressivament jarmonizzaw ir-regoli tas-suq sabiex jippermettu swieq bl-imnut transkonfinali.

Swieq bl-imnut li jaħdmu sewwa se jkollhom rwol importanti ħafna f'li jżidu l-kuxjenza tan-nies dwar il-konsum domestiku ta' l-enerġija u dwar l-ispejjeż ta' l-enerġija, għax il-miżuri kollha biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju u biex tiżdied l-effiċjenza ta' l-enerġija jeħtieġu kontribut mingħand id-djar privati. Il-kompetizzjoni fuq il-provvista lid-djar privati għandha ttejjeb il-kuxjenza tagħhom dwar l-enerġija. Madankollu, prattiċi attwali li skondhom il-konsumaturi jirċievu l-kont finali tal-konsum tagħhom biss wara sena din il-kuxjenza ma joħolquhiex, u lanqas ma jippermettu li l-fornituri jiżviluppaw servizzi kompetittivi li jiddistingwu bejn id-djar skond il-bżonnijiet speċifiċi tagħhom. Il-fornituri għaldaqstant jeħtiġilhom jagħtu aktar informazzjoni biex jiżguraw li l-klijenti jingħataw informazzjoni aktar frekwenti dwar il-konsum u l-ispiża ta' l-enerġija tagħhom.

Huwa ovvju li l-libertà ta' l-għażla għall-konsumaturi jeħtieġ li tkun akkumpanjata minn garanziji qawwija dwar id-drittijiet tal-klijenti. Bid-Direttiva attwali, il-klijenti vulnerabbli diġà għandhom grad għoli ta' ħarsien, biex jiġi żgurat li jkollhom aċċess għall-enerġija li jeħtieġu biex jgħixu ħajja normali. Dawn il-miżuri, madankollu, f'xi pajjiżi ma ġewx applikati sewwa, u l-Kummissjoni, biex tiċċara l-qafas, qed tipproponi li tiddefinixxi linji gwida vinkolanti. Fl-istess waqt, il-Kummissjoni tipproponi li sseddaq id-drittijiet tal-klijenti kollha, fost l-oħrajn billi tagħtihom id-dritt li jibdlu l-fornitur fi kwalunkwe waqt, u billi tobbliga lill-kumpaniji ta' l-enerġija li l-kontijiet ikunu magħluqa fi żmien xahar minn meta konsumatur jaqleb minn fornitur għall-ieħor.

Fl-aħħarnett il-Kummisjsoni waslet għall-konklużjoni li għad-DSOs huma biżżejjed ir-regoli attwali dwar is-separazzjoni legali u funzjonali. Għaldaqstant ma tipproponix li testendi għad-DSOs ir-regoli dwar is-separazzjoni tas-sjieda deskritti fil-kapitlu 4 aktar 'il fuq.

6. IL-KOOPERAZZJI GħAT-TISħIħ TAS-SIGURTÀ TAL-PROVVISTA

6.1. Il-monitoraġġ tas-sigurtà tal-provvista min-naħa ta' l-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni

Huwa importanti li jiġi żgurat li s-sistemi tal-gass u l-elettriku jkunu jistgħu jlaħħqu mad-domanda, anki fi żminijiet meta din tkun fl-eqqel tagħha. Fil-każ ta' l-elettriku, dan huwa possibbli biss meta jkun hemm biżżejjed kapaċità ta' ġenerazzjoni (l-adegwatezza tal-ġenerazzjoni) u n-netwerk ikun jista' jittrasporta l-enerġija mingħand il-ġeneraturi għal għand il-konsumaturi aħħarija (l-adegwatezza tan-netwerk). Fil-każ tal-gass, jeħtieġ li jkun hemm biżżejjed kapaċità sew ta' importazzjoni kif ukoll ta' ħżin.

Id-Direttiva 2005/89/KE tesiġi li r-regolaturi nazzjonali, bil-għajnuna ta' l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni, jirrappurtaw lill-Kummissjoni kull sena dwar is-sigurtà tal-provvista ta' l-elettriku. Id-Direttiva 2004/67/KE tesiġi li l-Istati Membri jirrappurtaw dwar il-qagħda tas-sigurtà tal-provvista tal-gass u dwar il-qafas regolatorju biex itejbu l-investiment fl-infrastruttura. L-emendi proposti għar-Regolamenti (KE) Nru 1228/2003 u (KE) Nru 1775/2005 lin-Netwerk ta' l-Operaturi Ewropej tas-Sistemi ta' Trażmissjoni jagħtuh il-kompitu li jagħmel previżjonijiet dwar l-adegwatezza tas-sistema kull Sajf, kull Xitwa u wkoll fit-tul. Perspettiva Ewropea hija meħtieġa biex jitqiesu l-possibbiltajiet għall-esportazzjoni u l-importazzjoni ta' l-elettriku u l-gass f'kundizzjonijiet ta' l-ogħla talba. Minħabba flussi transkonfinali ta' l-elettriku u l-gass fis-suq intern, l-istampa jeħtiġilha titfassal fuq il-livell Ewropew.

6.2. Il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri

Il-leġiżlazzjoni ta' l-UE għandha żewġ strumenti li jittrattaw is-sigurtà tal-provvista tal-gass. L-ewwelnett, id-Direttiva 2003/55/KE daħħlet obbligi ġenerali ta' monitoraġġ għall-Istati Membri. It-tieni, id-Direttiva tal-Kunsill 2004/67/KE tikkonċerna speċifikament miżuri biex tissalvagwardja s-sigurtà tal-provvista tal-gass naturali. Din l-aħħar Direttiva stabbiliet il-Grupp ta' Koordinament għal-Gass, u tiddefinixxi "mekkaniżmu Komunitarju" fil-każ ta' interruzzjoni tal-forniment.

Dawn l-istrumenti jipprovdu għal pjattaforma ta' koordinazzjoni. La jistipulaw għanijiet kwantitattivi fejn tidħol is-sigurtà tal-provvista, u lanqas ma jimponu xi obbligu rigward il-ħażniet tal-gass. Fl-aħħarnett, ma jipprovdux qafas għall-kooperazzjoni reġjonali fil-każ li jseħħu interruzzjonijiet gravi tal-provvista.

Kien biss dan l-aħħar li d-Direttiva 2004/67/KE ġiet trasposta mill-Istati Membri. L-Artikolu 10 tagħha jistipula li l-Kummissjoni għandha tirrapporta sad-19 ta' Mejju 2008 dwar l-implimentazzjoni tagħha, u b'mod partikolari dwar l-effikaċja ta' l-istrumenti tagħha, u li l-Kummissjoni tista' toħroġ aktar proposti rigward is-sigurtà tal-provvista. B'mod partikolari, dan ir-rapport se jindirizza miżuri rigward is-sigurtà tal-provvista b'rabta mal-ħażniet tal-gass.

Għaldaqstant, bħala l-ewwel pass, dawn il-proposti ma jemendawx id-Direttiva 2004/67/KE, u jittrattaw biss żewġ kwistjonijiet:

- Aktar obbligi ta' trasparenza fil-livell tal-ħażniet kummerċjali . Kull operatur ta' ħżin ikollu l-obbligu li jippubblika kuljum l-ammont ta' gass disponibbli li għandu fil-faċilitajiet tiegħu. B'dan l-obbligu titqawwa bil-wisq il-kunfidenza reċiproka għall-assistenza reġjonali u bilaterali fil-każ ta' interruzzjonijiet gravi tal-provvista.

- Is-Solidarjetà: Huwa propost li l-Istati Membri jikkooperaw biex iġibu 'l quddiem is-solidarjetà reġjonali u bilaterali. Din il-kooperazzjoni hija maħsuba biex tkopri sitwazzjonijiet li x'aktarx li jwasslu għal interruzzjonijiet gravi tal-provvista tal-gass li jaffettwaw Stat Membru. Eżempji ta' dan il-koordinament huma t-tħaffif tal-miżuri nazzjonali għat-trattament ta' l-emerġenzi u l-elaborazzjoni ta' modalitajiet prattiċi għall-għajnuna reċiproka. Il-Kummissjoni sejra tadotta linji ta' gwida għall-kooperazzjoni fis-solidarjetà reġjnali, jekk ikunu meħtieġa.

2007/0197 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jistabbilixxi Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi ta' l-Enerġija

(Test b’relevanza għall–EEA) |

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni[8],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[9],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[10],

Filwaqt li jaġixxu bi qbil mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 251 tat-Trattat,

Billi:

(1) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta' l-10 ta' Jannar 2007 intitolata "Politika dwar l-Enerġija għall-Ewropa"[11] enfasizzat l-importanza li jiġi kkompletat s-suq intern ta' l-elettriku u tal-gass naturali. It-titjib tal-qafas regolatorju fuq livell Komunitarju ġie identifikat bħala miżura ewlenija biex jintlaħaq dan il-għan.

(2) Bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/796/KE[12] twaqqaf grupp konsultattiv indipendenti għall-elettriku u l-gass, imsejjaħ il-"Grupp ta' Regolaturi Ewropej għall-Elettriku u l-Gass" (ERGEG), bil-għan li jiffaċilita l-konsultazzjoni, il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni fost l-aġenziji regolatorji ta' l-Istati Membri, kif ukoll bejn dawn l-aġenziji u l-Kummissjoni, għat-tisħiħ tas-suq intern ta' l-elettriku u tal-gass naturali. Dan il-grupp huwa kompost minn rappreżentanti ta' l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali stabbilit skond id-Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2003 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam ta’ l-elettriku u li tħassar id-Direttiva 96/92/KE[13] u d-Direttiva 2003/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2003 rigward regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 98/30/KE[14].

(3) Ix-xogħol li sar mill-ERGEG mindu twaqqaf ikkontribwixxa b'mod pożittiv għas-suq intern ta' l-elettriku u l-gass. Madankollu, hemm kunsens wiesa' fis-settur, u kif ġie propost mill-ERGEG innifsu, li l-kooperazzjoni volontarja bejn l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali issa għandha sseħħ fi ħdan struttura Komunitarja soda b'kompetenzi ċari u bis-setgħa li tadotta deċiżjonijiet regolatorji individwali f'għadd ta' każijiet speċifiċi.

(4) Fir-Rebbiegħa ta' l-2007, il-Kunsill Ewropew stieden lill-Kummissjoni biex tipproponi miżuri rigward l-istabbiliment ta' mekkaniżmu indipendenti għall-kooperazzjoni tar-regolaturi nazzjonali.

(5) Abbażi tal-valutazzjoni ta' l-impatt rigward ir-riżorsi meħtieġa għal entità ċentrali, ġie konkluż li entità ċentrali indipendenti toffri aktar vantaġġi fit-tul minn għażliet oħra. Għaldaqstant, għandha titwaqqaf Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi ta' l-Enerġija, minn hawn 'il quddiem "l-Aġenzija".

(6) L-Aġenzija għandha tiżgura li l-funzjonijiet regolatorji li jsiru fil-livell nazzjonali mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali skond id-Direttiva 2003/54/KE u d-Direttiva 2003/55/KE ikunu kkoordinati sewwa, u fejn meħtieġ, li jiġu kkompletati fuq il-livell Komunitarju. Għal dan il-għan, jeħtieġ li jiġu garantiti l-indipendenza ta' l-Aġenzija, il-kapaċitajiet tekniċi u regolatorji kif ukoll it-trasparenza u l-effiċjenza tagħha.

(7) L-Aġenzija għandha tissorvelja l-kooperazzjoni bejn l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni fis-settur tal-gass u ta' l-elettriku kif ukoll fl-eżekuzzjoni tal-kompiti tan-Netwerk Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta' Trażmissjoni ta' l-Elettriku u n-Netwerk Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta' Trażmissjoni tal-Gass. L-involviment ta' l-Aġenzija hija essenzjali biex jiżgura li l-kooperazzjoni ta' l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni tipproċedi b'mod effiċjenti u trasparenti, għall-ġid tas-suq intern.

(8) Huwa xieraq li jiġi pprovdut qafas li fih l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jkunu jistgħu jikkooperaw. Dan il-qafas għandu jiffaċilita l-applikazzjoni uniformi tal-leġiżlazzjoni dwar is-suq intern ta' l-elettriku u tal-gass madwar il-Komunità kollha. Fir-rigward tas-sitwazzjonijiet li jikkonċernaw aktar minn Stat Membru wieħed, l-Aġenzija għandha tingħata s-setgħa li tadotta deċiżjonijiet individwali. Din is-setgħa għandha tkopri r-reġim regolatorju għall-infrastruttura li tqabbad talanqas żewġ Stati Membri, eżenzjonijiet mir-regoli tas-suq intern għall-interkonnetturi ġodda ta' l-elettriku u għall-infrastrutturi ġodda tal-gass li jinsabu f'aktar minn Stat Membru wieħed.

(9) Peress li l-Aġenzija għandha s-superviżjoni ta' l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, għandu jkollha rwol ta' konsulenza lejn il-Kummissjoni fir-rigward tal-kwistjonijiet tar-regolamentazzjonit as-suq. Għandu jkun meħtieġ ukoll li tinforma lill-Kummissjoni meta ssib li l-kooperazzjoni bejn l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni ma tipproduċix ir-riżultati meħtieġa jew meta awtorità regolatorja nazzjonali li d-deċiżjoni tagħha tmur kontra l-linji gwida ma tkunx trid tikkonforma ma' l-opinjoni ta' l-Aġenzija.

(10) L-Aġenzija għandha tkun tista' toħroġ linji gwida mhux vinkolanti biex tgħin lill-awtoritajiet regolatorji u l-atturi fis-suq jaqsmu bejniethom prassi tajba.

(11) L-istruttura ta' l-Aġenzija għandha tiġi adattata sabiex tilqa' l-ħtiġijiet speċifiċi tar-regolamentazzjoni ta' l-enerġija. B'mod partikolari, ir-rwol speċifiku ta' l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u l-indipendenza tagħhom jeħtieġ li jitqies bis-sħiħ.

(12) Il-Bord ta' l-Amministrazzjoni għandu jkollu s-setgħat meħtieġa biex jistipula l-baġit, jivverifika l-implimentazzjoni tiegħu, ifassal regoli interni, jadotta regolamenti finanzjarji u jaħtar id-Direttur.

(13) L-Aġenzija għandu jkollha s-setgħat meħtieġa biex twettaq il-funzjonijiet regolatorji b'mod effiċjenti u fuq kollox indipendenti. L-indipendenza ta' l-awtoritajiet Regolatorji mhux biss huwa prinċipju ewlieni ta' governanza tajba iżda wkoll kundizzjoni fundamentali biex tiġi żgurata l-fiduċja fis-suq. Jekk dan jiġi rifless fuq il-livell nazzjonali, il-Bord tar-Regolaturi għandu jaġixxi indipendentement minn kull interess tas-suq u ma għandu jfittex jew jieħu struzzjonijiet minn l-ebda gvern jew entità oħra pubblika jew privata.

(14) Fejn l-Aġenzija jkollha s-setgħa biex tieħu deċiżjonijiet, għal finijiet ta' ekonomija ta' proċess, il-partijiet interessati għandhom jingħataw id-dritt ta' appell lil Bord ta' l-Appell, li għandu jkun parti mill-Aġenzija, iżda li jkun indipendenti kemm mill-istruttura amministrattiva kif ukoll minn dik regolatorja.

(15) L-Aġenzija għandha tkun iffinanzjata l-aktar mill-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, minn tariffi u minn kontributi volontarji. B'mod partikolari, ir-riżorsi li attwalment iqiegħdu l-awtoritajiet regolatorji għall-kooperazzjoni tagħhom fil-livell Ewropew għandhom jibqgħu disponibbli għall-Aġenzija. Il-proċedura baġitarja Komunitarja għandha tibqa' applikabbli sakemm tikkonċerna sussidji li għandhom jitħallsu mill-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej. Barra minn hekk, il-verifikar tal-kontijiet għandu jsir mill-Qorti ta' l-Awdituri skond l-Artikolu 91 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tat-23 ta' Diċembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej[15].

(16) L-Aġenzija għandu jkolha persunal ta' professjonalità għolja. B'mod partikolari, għandha tgawdi mill-kompetenza u l-esperjenza ta' persunal issekondat mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri. Ir-Regolamenti tal-Persunal ta’ l-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, ir-regolamenti applikabbli għal impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej u r-regoli adottati b'mod konġunt mill-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej għall-iskopijiet ta' l-applikazzjoni ta' dawk ir-Regolamenti għandhom japplikaw għall-persunal ta' l-Aġenzija.. Il-Bord ta' l-Amministrazzjoni, bi ftehim mal-Kummissjoni, għandu jadotta r-regoli meħtieġa ta' implimentazzjoni.

(17) L-Aġenzija għandha tapplika r-regoli ġenerali rigward l-aċċess pubbliku għad-dokumenti miżmumin mill-entitajiet Komunitarji. Il-Bord ta' l-Amministrazzjoni għandu jistipula l-miżuri prattiċi biex titħares id-dejta kummerċjalment sensittiva u d-dejta personali.

(18) Il-parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi fil-ħidma ta' l-Aġenzija għandu jkun possibbli skond il-ftehimiet xierqa li għandhom jiġu konklużi mal-Komunità.

(19) Peress li l-għanijiet ta' l-azzjoni proposta, għall-ksib tal-kooperazzjoni ta' l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali fuq livell Komunitarju, ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għalhekk, jistgħu jinkisbu aħjar fuq livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif deskritt fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu dawn l-objettivi.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Stabbiliment

Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi ta' l-Enerġija, minn issa l' quddiem imsejħa ‘l-Aġenzija’ qed tiġi stabbilita bil-għan li tikkomplementa, fuq livell Komunitarju, il-kompiti regolatorji li jsiru fil-livell nazzjonali mill-awtoritajiet regolatorji msemmija fl-Artikolu 22a tad-Direttiva 2003/54/KE u fl-Artikolu 24a tad-Direttiva 2003/55/KE, kif ukoll, fejn meħtieġ, biex tikkoordina l-azzjoni bejniethom.

Artikolu 2

Status legali u sede

1. L-Aġenzija għandha tkun entità Komunitarja b'personalità ġuridika.

2. F'kull wieħed mill-Istati Membri, l-Aġenzija għandu jkollha l-kapaċità ġuridika l-aktar wiesgħa li tista' tingħata lil persuni ġuridiċi li jaqgħu taħt il-liġijiet nazzjonali tagħhom. Tista', b'mod partikolari, takkwista jew tiddisponi minn proprjetà mobbli jew immobbli u tipparteċipa fi proċeduri legali.

3. L-Aġenzija għandha tkun rappreżentata mid-Direttur tagħha.

4. Is-sede ta' l-Aġenzija għandha tinsab fi [post]. Sakemm jitlestew il-kwartieri tagħha, għandha tkun ospitata fil-kwartieri tal-Kummissjoni.

Artikolu 3

Kompożizzjoni

L-Aġenzija għandha tikkomprendi:

1. Bord ta' l-Amministrazzjoni, li għandu jeżerċita r-responsabbiltajiet stabbiliti fl-Artikolu 10;

2. Bord ta' Regolaturi, li għandu jeżerċita r-responsabbiltajiet stabbiliti fl-Artikolu 12;

3. Direttur, li għandu jeżerċita r-responsabbiltajiet stabbiliti fl-Artikolu 14;

4. Bord ta' l-Appell, li għandu jeżerċita r-responsabbiltajiet stabbiliti fl-Artikolu 16.

Artikolu 4

It-tip ta' azzjonijiet ta' l-Aġenzija

L-Aġenzija tista':

5. toħroġ opinjonijiet indirizzati lil operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni;

6. toħroġ opinjonijiet indirizzati lill-awtoritajiet regolatorji;

7. toħroġ opinjonijiet u rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Kummissjoni;

8. tieħu d-deċiżjonijiet individwali f'każijiet speċifiċi kif jissemma fl-Artikoli 7 u 8.

Artikolu 5

Kompiti ġenerali

L-Aġenzija tista', fuq talba tal-Kummissjoni jew fuq l-inizjattiva tagħha stess, tipprovdi opinjoni lill-Kummissjoni dwar il-kwistjonijiet kollha relatati għall-iskop li ġiet stabbilita għalih.

Artikolu 6

Kompiti fir-rigward ta' l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni

1. L-Aġenzija għandha tagħti opinjoni lill-Kummissjoni dwar l-abbozz ta' statuti, il-lista ta' membri u l-abbozz tar-regoli ta' proċedura tan-Netwerk Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta' Trażmissjoni ta' l-Elettriku skond l-Artikoli 2b(2) tar-Regolament (KE) Nru 1228/2003 u tan-Netwerk Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta' Trażmissjoni tal-Gass skond l-Artikolu 2b(2) tar-Regolament (KE) Nru 1775/2005.

2. L-Aġenzija għandha tissorvelja t-twettiq tal-kompiti tan-Netwerk Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta' Trażmissjoni ta' l-Elettriku pprovdut fl-Artikolu 2d tar-Regolament (KE) Nru 1228/2003 kif ukoll tan-Netwerk Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta' Trażmissjoni tal-Gass kif provdut fl-Artikolu 2d tar-Regolament (KE) Nru 1775/2005.

3. L-Aġenzija tista' tagħti opinjoni lin-Netwerk Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta' Trażmissjoni ta' l-Elettriku kif imsemmi fl-Artikolu 2d(2) tar-Regolament (KE) Nru 1228/2003 u tan-Netwerk Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta' Trażmissjoni tal-Gass kif imsemmi fl-Artikolu 2d(2) tar-Regolament (KE) Nru 1775/2005 dwar il-kodiċijiet tekniċi jew tas-suq, dwar l-abbozz tal-programm ta' ħidma annwali u l-abbozz tal-pjan ta' investiment fuq firxa ta’ 10 snin.

4. L-Aġenzija għandha tipprovdi opinjoni ġġustifikata lill-Kummissjoni jekk tqis li l-abbozz ta' programm ta' ħidma annwali, l-abbozz ta' pjan ta' investiment mifrux fuq 10 snin mogħtija lilha skond l-Artikoli 2d(2) tar-Regolament (KE) Nru 1228/2003 u l-Artikoli 2d(2) tar-Regolament (KE) Nru 1775/2005 ma jiżgurawx in-nondiskriminazzjoni, il-kompetizzjoni effettiva u l-funzjonament effiċjenti tas-suq.

5. L-Aġenzija għandha tipprovdi opinjoni ġġustifikata lill-Kummissjoni, skond l-Artikoli 2e(2) tar-Regolament (KE) Nru 1228/2003 u l-Artikoli 2e(2) tar-Regolament (KE) Nru 1775/2003 fejn tqis li kodiċi tekniku jew tas-suq ma jiżgurax in-nondiskriminazzjoni, il-kompetizzjoni effettiva u l-funzjonament tajjeb tas-suq, fejn kodiċi tekniku jew tas-suq ma ġiex adottat f'perjodu ta' żmien raġonevoli jew fejn l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni jonqsu milli jimplimentaw kodiċi tekniku jew tas-suq.

6. L-Aġenzija għandha tissorvelja l-kooperazzjoni reġjonali ta' l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni msemmija fl-Artikolu 2h tar-Regolament (KE) Nru 1228/2003 u fl-Artikolu 2h tar-Regolament (KE) Nru 1775/2005.

Artikolu 7

Kompiti marbutin ma' l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali

1. L-Aġenzija għandha tadotta deċiżjonijiet individwali dwar kwistjonijiet tekniċi fejn dawn id-deċiżjonijiet jingħataw fil-Linji Gwida skond id-Direttiva 2003/54/KE, id-Direttiva 2003/55/EC, ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003 jew ir-Regolament (KE) Nru 1775/2005.

2. Skond il-programm ta' ħidma tagħha, jew fuq talba tal-Kummissjoni Ewropea, l-Aġenzija tista' tadotta linji gwida mhux vinkolanti li jgħinu lill-awtoritajiet regolatorji u l-atturi fis-suq jaqsmu bejniethom prassi tajba.

3. L-Aġenzija għandha tippromwovi kooperazzjoni fost l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u fost l-awtoritajiet regolatorji fil-livell reġjonali. Fejn tqis li jkunu meħtieġa regoli li jorbtu dwar tali kooperazzjoni, l-Aġenzija għandha tagħmel ir-rakkomandazzjonijiet xierqa lill-Kummissjoni.

4. Fuq talba ta' kwalunkwe awtorità regolatorja nazzjonali jew fuq talba tal-Kummissjoni, l-Aġenzija tista' toħroġ opinjoni rigward il-konformità ta' deċiżjoni meħuda minn awtorità regolatorja mal-Linji Gwida msemmija fid-Direttiva 2003/54/KE, id-Direttiva 2003/55/KE, ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003 jew ir-Regolament (KE) Nru 1775/2005.

5. Fejn fi żmien erba' xhur mid-data tal-wasla, l-awtorità regolatorja nazzjonali ma tikkonformax ma' l-opinjoni ta' l-Aġenzija kif imsemmi fil-paragrafu (4), l-Aġenzija għanda tinforma lill-Kummissjoni.

6. Fejn awtorità regolatorja nazzjonali ssib, f'każ speċifiku, diffikultajiet rigward l-applikazzjoni tal-Linji Gwida msemmija fid-Direttiva 2003/54/KE, id-Direttiva 2003/55/KE, ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003 jew ir-Regolament (KE) Nru 1775/2005, tista' titlob opinjoni mingħand l-Aġenzija. L-Aġenzija għandha toħroġ l-opinjoni tagħha fi żmien erba' xhur, wara li tkun ikkonsultat mal-Kummissjoni.

7. L-Aġenzija għandha tiddeċiedi dwar ir-reġim regolatorju għall-infrastruttura li tqabbad talanqas żewġ Stati Membri, skond l-Artikolu 22d(3) tad-Direttiva 2003/54/KE u l-Artikolu 24d(3) tad-Direttiva 2003/55/KE.

Artikolu 8

Kompiti oħrajn

1. L-Aġenzija tista tagħti eżenzjonijiet, skond kif ipprovduti fl-Artikolu 7(4)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1228/2003. L-Aġenzija tista' wkoll tagħti eżenzjonijiet kif ipprovduti fl-Artikolu 22(3)(a) tad-Direttiva 2003/55/KE meta l-infrastruttura kkonċernata tkun tinsab fit-territorju ta' aktar minn Stat Membru wieħed.

2. L-Aġenzija għandha tipproponi operatur indipendenti tas-sistema skond l-Artikolu 10(4) tad-Direttiva 2003/54/KE u l-Artikolu 9(4) tad-Direttiva 2003/55/KE.

Artikolu 9

Il-Bord ta' l-Amministrazzjoni

1. Il-Bord ta' l-Amministrazzjoni għandu jkun magħmul minn tnax-il membru. Sitta għandhom jinħatru mill-Kummissjoni, u sitta mill-Kunsill. Il-mandat tal-Bord għandu jkun ta' ħames snin, u jista' jiġġedded darba.

2. Il-Bord ta' l-Amministrazzjoni għandu jaħtar il-President u l-Viċi-President mill-membri tiegħu. Il-Viċi-President għandu jieħu post il-President awtomatikament jekk dan ma jkunx f'qagħda li jaqdi dmirijietu. Il-mandat tal-President u tal-Viċi-President għandu jkun ta' sentejn u nofs, u jista' jiġġedded. Madankollu, fi kwalunkwe każ, il-mandat tal-President u dak tal-Viċi-President għandhom jiskadu malli ma jibqgħux membri tal-Bord ta' l-Amministrazzjoni.

3. Il-laqgħat tal-Bord ta' l-Amministrazzjoni għandhom jissejħu mill-President tiegħu. Id-Direttur ta' l-Aġenzija għandu jieħu sehem fid-deliberazzjonijiet, sakemm il-Bord ta' l-Amministrazzjoni ma jiddeċidix mod ieħor. Il-Bord ta' l-Amministrazzjoni għandu jiltaqa' talanqas darbtejn fis-sena f'sessjoni ordinarja. Għandu jiltaqa' wkoll fuq l-inizjattiva tal-President tiegħu, fuq talba tal-Kummissjoni Ewropea jew fuq talba ta' għall-inqas terz mill-membri tiegħu. Il-Bord ta' l-Amministrazzjoni jista' jistieden lil kwalunkwe persuna b'opinjonijiet li jistgħu jkunu rilevanti biex tattendi l-laqgħat bħala osservatur. Il-membri tal-Bord ta' l-Amministrazzjoni jistgħu, soġġett għar-regoli ta' proċedura tiegħu, jingħataw għajnuna minn konsulenti jew esperti. Is-servizzi segretarjali tal-Bord ta' l-Amministrazzjoni għandhom jiġu pprovduti mill-Aġenzija.

4. Id-deċiżjonijiet tal-Bord ta' l-Amministrazzjoni għandhom jiġu adottati abbażi ta' maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri preżenti.

5. Kull membru għandu jkollu vot wieħed. Ir-regoli ta' proċedura jistipulaw f'aktar dettall l-arranġamenti li jirregolaw il-votazzjoni, partikolarment il-kundizzjonijiet li skondhom membru jista' jaġixxi f'isem membru ieħor, kif ukoll, fejn xieraq, ir-regoli rigward il-kworum.

Artikolu 10

Il-kompiti tal-Bord ta' l-Amministrazzjoni

1. Il-Bord ta' l-Amministrazzjoni, wara li jkun ikkonsulta mal-Bord tar-Regolaturi, għandu jaħtar id-Direttur skond l-Artikolu 13(2).

2. Il-Bord ta' l-Amministrazzjoni għandu jaħtar il-membri tal-Bord tar-Regolaturi skond l-Artikolu 11(1).

3. Il-Bord ta' l-Amministrazzjoni għandu jaħtar il-membri tal-Bord ta' l-Appell skond l-Artikolu 15(1).

4. Il-Bord ta' l-Amministrazzjoni għandu jadotta, qabel it-30 ta' Settembru ta' kull sena, u wara li jkun ikkonsulta mal-Kummissjoni u kiseb l-approvazzjoni tal-Bord tar-Regolaturi, bi qbil ma' l-Artikolu 12(3), il-programm ta' ħidma ta' l-Aġenzija għas-sena ta' wara, u għandu jgħaddih lill-Parlament Ewopew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. Il-programm ta' ħidma għandu jiġi adottat bla ħsara għall-proċedura baġitarja annwali.

5. Il-Bord ta' l-Amministrazzjoni għandu jeżerċita s-setgħat baġitarji tiegħu skond l-Artikoli 18 sa 21.

6. Il-Bord ta' l-Amministrazzjoni għandu jiddeċiedi, wara li jkun kiseb il-qbil tal-Kummissjoni, jekk għandux jaċċetta legati, donazzjonijiet jew għotjiet minn sorsi Komunitarji oħra.

7. Il-Bord ta' l-Amministrazzjoni għandu jeżerċita awtorità dixxiplinarja fuq id-Direttur.

8. Il-Bord ta' l-Amministrazzjoni għandu jfassal, fejn meħtieġ, il-politika tal-persunal ta' l-Aġenzija skond l-Artikolu 25(2).

9. Il-Bord ta' l-Amministrazzjoni għandu jadotta d-dispożizzjonijiet speċjali meħtieġa dwar id-dritt ta' aċċess għad-dokumenti ta' l-Aġenzija, skond l-Artikolu 27.

10. Il-Bord ta' l-Amministrazzjoni għandu jadotta r-rapport annwali dwar l-attivitajiet ta' l-Aġenzija, imsemmija fl-Artikolu 14(8), u għandu jibagħtu l-aktar tard sal-15 ta' Ġunju lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Qorti ta' l-Awdituri. Dan ir-rapport għandu jkun fih sezzjoni indipendenti, approvata mill-Bord tar-Regolaturi, dwar l-attivitajiet regolatorji ta' l-Aġenzija matul is-sena kkonċernata.

11. Il-Bord ta' l-Amministrazzjoni għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu.

Artikolu 11

Il-Bord tar-Regolaturi

1. Il-Bord tar-Regolaturi għandu jkun magħmul minn rappreżentant wieħed, għal kull Stat Membru mill-awtoritajiet regolatorji, kif imsemmi fl-Artikolu 22a tad-Direttiva 2003/54/KE u fl-Artikolu 24(a) tad-Direttiva 2003/55/KE, kif ukoll rappreżentant tal-Kummissjoni li ma jkollux id-dritt tal-vot. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jaħtru membru supplenti għal kull Stat Membru.

2. Il-Bord tar-Regolaturi għandu jeleġġi President u Viċi-President mill-membri tiegħu. Il-Viċi-President għandu jieħu post il-President jekk dan ma jkunx/ma tkunx f'qagħda li jwettaq/twettaq il-kompiti tiegħu/tagħha. Il-mandat tal-President u tal-Viċi-President għandu jkun ta' sentejn u nofs, u jista' jiġġedded. Madankollu, fi kwalunkwe każ, il-mandat tal-President u dak tal-Viċi-President għandhom jiskadu malli ma jibqgħux membri tal-Bord tar-Regolaturi.

3. Il-Bord tar-Regolaturi għandu jaġixxi fuq maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri tiegħu. Kull membru jew supplenti għandu jkollu vot wieħed.

4. Il-Bord tar-Regolaturi għandu jadotta r-regoli ta' proċeduri tiegħu.

5. Fit-twettiq tal-kompiti mogħtija lilu b'dan ir-Regolament, il-Bord tar-Regolaturi għandu jaġixxi b'mod indipendenti, u ma għandu jfittex jew jaċċetta struzzjonijiet la mill-gvern ta' kwalunkwe Stat Membru u lanqas minn kwalunkwe interess pubbliku jew privat.

6. Is-servizzi segretarjali tal-Bord tar-Regolaturi għandhom jiġu pprovduti mill-Aġenzija.

Artikolu 12

Il-kompiti tal-Bord tar-Regolaturi

1. 1. Il-Bord tar-Regolaturi għandu jipprovdi opinjoni lid-Direttur qabel l-adozzjoni ta' l-opinjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikoli 5, 6, 7, u 8. Barra minn hekk, il-Bord tar-Regolaturi, fl-ambitu tal-kompetenza tiegħu, għandu jservi ta' gwida lid-Direttur fit-twettiq tal-kompiti tiegħu.

2. Il-Bord tar-Regolaturi għandu jagħti opinjoni dwar il-kandidat li se jinħatar bħala Direttur skond l-Artikolu 10(1) u l-Artikolu 13(2). Il-Bord għandu jibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq maġġoranza ta' tliet kwarti tal-membri tiegħu.

3. B'konformità ma' l-Artikolu 10(4) u l-Artikolu 14(6) u ma' l-abbozz tal-baġit stabbilit skond l-Artikolu 20(1), il-Bord tar-Regolaturi għandu japprova l-programm ta' ħidma għall-Aġenzija għas-sena li ġejja u qabel l-1 ta' Settembru, jippreżentah għall-adozzjoni mill-Bord ta' l-Amministrazzjoni.

4. Il-Bord tar-Regolaturi għandu japprova s-sezzjoni indipendenti tar-rapport annwali rigward l-attivitajiet regolatorji, kif ipprovdut fl-Artikolu 10(10) u fl-Artikolu 14(8).

Artikolu 13

Id-Direttur

1. L-Aġenzija għandha titmexxa mid-Direttur tagħha, li għandu jaġixxi b'mod indipendenti fil-qadi tad-dmirijiet tiegħu. Bla ħsara għall-kompetenzi rispettivi tal-Kummissjoni, tal-Bord ta' l-Amministrazzjoni u tal-Bord tar-Regolaturi, id-Direttur ma għandu la jfittex u lanqas jieħu struzzjonjiet, la minn kwalunkwe gvern u lanqas minn kwalunkwe entità oħra.

2. Id-Direttur għandu jinħatar mill-Bord ta' l-Amministrazzjoni, abbażi tal-mertu kif ukoll tal-ħiliet u l-esperjenza tiegħu, minn lista ta' talanqas żewġ kandidati proposti mill-Kummissjoni, u wara li tkun saret sejħa għal espressjoni ta' interess. Qabel ma jinħatar, il-kandidat magħżul mill-Bord ta' l-Amministrazzjoni jista’ jiġi mistieden jagħmel dikjarazzjoni quddiem il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew u jwieġeb mistoqsijiet li jagħmlulu l-membri tiegħu.

3. Il-mandat tad-Direttur għandu jkun ta' ħames snin. Matul id-disa' xhur qabel it-tmiem ta’ dan il-perjodu, il-Kummissjoni għandha tagħmel evalwazzjoni. Fl-evalwazzjoni l-Kummissjoni għandha tevalwa b’mod partikolari:

9. il-prestazzjoni tad-Direttur;

10. id-dmirijiet u l-ħtiġijiet ta' l-Aġenzija fis-snin li jkunu ġejjin.

4. Il-Bord ta' l-Amministrazzjoni, filwaqt li jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni, u filwaqt li jqis ir-rapport ta' evalwazzjoni u f'dawk il-każijiet biss fejn ikun iġġustifikat mid-dmirijiet u r-rekwiżiti ta' l-Aġenzija jista' jestendi l-mandat tad-Direttur darba għal mhux iktar minn tliet snin.

5. Il-Bord ta' l-Amministrazzjoni għandu jinforma lill-Parlament Ewropew dwar l-intenzjoni tiegħu li jestendi l-mandat tad-Direttur. Fi żmien xahar qabel l-estensjoni tal-mandat tiegħu/tagħha, id-Direttur jista' jiġi mistieden jagħmel dikjarazzjoni quddiem il-kumitat kompetenti tal-Parlament u jwieġeb għal mistoqsijiet li jagħmlulu l-membri tiegħu.

6. Jekk il-mandat tiegħu/tagħha ma jiġix estiż, id-Direttur għandu/għandha jibqa’/tibqa' fil-kariga sal-ħatra tas-suċċessur tiegħu/tagħha.

7. Id-Direttur jista' jitneħħa mill-karigu tiegħu biss permezz ta' deċiżjoni tal-Bord ta' l-Amministrazzjoni, wara li dan ikun ikkonsulta mal-Bord tar-Regolaturi. Il-Bord ta' l-Amministrazzjoni għandu jasal għad-deċiżjoni tiegħu fuq maġġoranza ta' tliet kwarti tal-membri tiegħu.

8. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu jitolbu d-Direttur iressaq rapport dwar il-qadi ta' dmirijietu.

Artikolu 14

Il-kompiti tad-Direttur

1. Id-Direttur għandu jirrappreżenta lill-Aġenzija, u għandu jkun responsabbli mit-tmexxija tagħha.

2. Id-Direttur għandu jħejji l-ħidma tal-Bord ta' l-Amministrazzjoni. Huwa/Hija għandu(ha) jagħti/tagħti sehmu(ha) fil-ħidma tal-Bord ta' l-Amministrazzjoni, mingħajr ma jkollu(ha) dritt għall-vot.

3. Id-Direttur jadotta l-opinjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikoli 5, 6, 7, u 8, soġġett għall-approvazzjoni tal-Bord tar-Regolaturi.

4. Id-Direttur għandu jkun responsabbli mill-implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma annwali ta' l-Aġenzija, taħt il-gwida tal-Bord tar-Regolaturi u taħt il-kontroll amministrattiv tal-Bord ta' l-Amministrazzjoni.

5. Id-Direttur għandu jieħu l-passi kollha meħtieġa, speċifikament l-adozzjoni ta' istruzzjonijiet amministrattivi interni u l-pubblikazzjoni ta' notifiki, sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb ta' l-Aġenzija skond dan ir-Regolament.

6. Kull sena d-Direttur għandu jħejji l-abbozz tal-programm ta' ħidma ta' l-Aġenzija għas-sena ta' wara, u qabel it-30 ta' Ġunju ta' dik is-sena għandu jgħaddih lill-Bord tar-Regolaturi u lill-Kummissjoni.

7. Id-Direttur għandu jagħmel stima tad-dħul u l-infiq ta' l-Aġenzija skond l-Artikolu 20, u għandu jimplimenta l-baġit ta' l-Aġenzija skond l-Artikolu 21.

8. Kull sena d-Direttur għandu jħejji l-abbozz tar-rapport annwali li għandu jkun fih sezzjoni dwar l-attivitajiet regolatorji ta' l-Aġenzija, kif ukoll sezzjoni dwar kwistjonijiet finanzjarji u amminstrattivi.

9. Rigward il-persunal ta' l-Aġenzija, id-Direttur għandu jeżerċita s-setgħat li hemm dispożizzjoni għalihom fl-Artikolu 25(3).

Artikolu 15

Il-Bord ta' l-Appell

1. Il-Bord ta' l-Appell għandu jkun magħmul minn sitt membri u sitt sostituti, magħżula minn fost persunal fi gradi għolja, attwali jew tal-passat, ta' l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni jew l-istituzzjonijiet nazzjonali jew Komunitarji oħra, b'esperjenza relevanti fis-settur ta' l-enerġija. Il-Bord ta' l-Appell jaħtar il-President tiegħu. Id-deċiżjonijiet tal-Bord ta' l-Appell għandhom jiġu adottati abbażi ta' maġġoranza kkwalifikata ta' għall-inqas erbgħa mis-sitt membri tiegħu. Il-Bord ta' l-Appell għandu jissejjaħ meta meħtieġ.

2. Wara sejħa għal espressjoni ta' interess, il-membri tal-Bord ta' l-Appell għandhom jinħatru mill-Bord ta' l-Amministrazzjoni, fuq proposta tal-Kummissjoni, wara li dan ikun ikkonsulta mal-Bord tar-Regolaturi.

3. Il-mandat tal-membri tal-Bord ta' l-Appell għandu jkun ta’ ħames snin, u jista' jiġġedded. Il-membri tal-Bord ta' l-Appell għandhom jaġixxu b'mod indipendenti fit-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom, u ma għandhomx ikunu marbutin bi struzzjonijiet.Ma għandhomx iwettqu kompiti oħra fl-Aġenzija, fil-Bord ta' l-Amministrazzjoni tagħha jew fil-Bord tar-Regolaturi tagħha. Il-membri tal-Bord ta' l-Appell ma jistgħux jitneħħew mill-karigu tagħhom waqt il-mandat, sakemm membru ma jinstabx ħati ta' kondotta ħażina serja u l-Bord ta' l-Amministrazzjoni, wara li jkun ikkonsulta mal-Bord tar-Regolaturi, jieħu deċiżjoni f'dan ir-rigward.

4. Il-membri tal-Bord ta' l-Appell ma jistgħu jieħdu sehem fl-ebda proċedura ta' appell jekk ikollhom xi interess personali jew jekk qabel kienu involuti bħala rappreżentanti ta' waħda mill-partijiet għall-proċeduri, jew jekk kienu pparteċipaw fid-deċiżjoni taħt appell.

5. Jekk, għal xi waħda mir-raġunijiet imsemmija fil-paragrafu 4 jew għal xi raġuni oħra, membru tal-Bord ta' l-Appell jidhirlu li membru sieħeb m'għandux jieħu sehem f'xi proċedura ta' l-appell, hu għandi jgħarraf lill-Bord ta' l-Appell b'dan. Kwalunkwe parti għall-proċeduri ta' l-appell tista' toġġezzjona għal Membru tal-Bord ta' l-Appell għal kwalunkwe waħda mir-raġunijiet imsemmija fil-paragrafu 4, jew jekk ikun issuspettat b'parzjalità. Oġġezzjoni m'għandhiex tkun ibbażata fuq in-nazzjonalità tal-membri u lanqas ma għandha tkun ammissibbli jekk, waqt li tkun konxja mir-raġuni għal oġġezzjoni, il-parti għall-proċedura ta' l-appell tkun għamlet pass proċedurali.

6. Il-Bord ta' l-Appell għandu jiddeċiedi dwar l-azzjoni li għandha tittieħed fil-każijiet speċifikati fil-paragrafi 4 u 5 mingħajr il-parteċipazzjoni tal-membru kkonċernat. Għall-iskopijiet tat-teħid ta' din id-deċiżjoni, il-membru kkonċernat għandu jiġi sostitwit fuq il-Bord ta' l-Appell mis-supplenti tiegħu/tagħha, sakemm is-supplenti jsib lilu nnifsu f'qagħda simili. F'dan l-aħħar każ, il-President għandu jaħtar sostitut minn fost is-supplenti l-oħra disponibbli.

Artikolu 16

Appelli

1. Kull persuna fiżika jew ġuridika tista' tappella kontra deċiżjoni kif imsemmija fl-Artikoli 7 u 8 u indirizzata lil dik il-persuna, jew kontra deċiżjoni li, għalkemm fil-forma ta' deċiżjoni indirizzata lil persuna oħra, tikkonċerna direttament lil dik il-persuna.

2. L-appell, flimkien ma' l-istqarrija tar-raġunijiet għalih, għandhom jitressqu bil-miktub lill-Aġenzija fi żmien xahrejn min-notifika tad-deċiżjoni lill-persuna kkonċernata, jew, fin-nuqqas tagħha, fi żmien xahrejn minn meta l-Aġenzija tkun ippubblikat id-deċiżjoni tagħha. Il-Bord ta' l-Appell ghandu jiddeċiedi dwar l-appell fi żmien xahrejn wara li jkun tressaq l-appell.

3. Appell magħmul skond il-paragrafu 1 ma għandux ikollu effett ta' sospensjoni. Il-Bord ta' l-Appell jista', madankollu, jekk iqis illi ċ-ċirkostanzi hekk jirrikjedu, jissospendi l-applikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

4. Jekk l-appell ikun ammissibbli, il-Bord ta' l-Appell għandu jeżamina jekk l-appell huwiex iffundat sewwa. Kull meta jkun meħtieġ, għandu jistieden lill-partijiet għall-proċeduri ta' l-appell biex iressqu osservazzjonijiet dwar notifiki maħruġa minnu stess, jew dwar komunikazzjonijiet mill-partijiet l-oħra għall-proċeduri ta' l-appell, fil-limiti ta' żmien speċifikati. Il-partijiet għall-proċeduri ta' l-appell għandhom ikunu intitolati li jagħmlu preżentazzjoni orali.

5. Fil-kuntest ta' dan l-Artikolu, il-Bord ta' l-Appell jista' jeżerċita kull setgħa li taqa' fil-kompetenza ta' l-Aġenzija, jew jista' jgħaddi l-każ lill-entità kompetenti ta' l-Aġenzija. L-Aġenzija għandha tkun marbuta bid-deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell.

6. Il-Bord ta' l-Appell għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu.

Artikolu 17

Azzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Prim' Istanza u l-Qorti tal-Ġustizzja

1. Azzjoni tista' titressaq quddiem il-Qorti tal-Prim' Istanza tal-Qorti tal-Ġustizzja, skond l-Artikolu 230 tat-Trattat, biex tikkontesta deċiżjoni li tkun ittieħdet mill-Bord ta' l-Appell jew, fil-każ li ma jkun hemm l-ebda dritt quddiem il-Bord, mill-Aġenzija

2. Jekk l-Aġenzija tonqos milli tieħu deċiżjoni, proċeduri għal dan in-nuqqas ta' azzjoni jistgħu jinġiebu quddiem il- Qorti tal-Prim' Istanza jew il-Qorti tal-Ġustizzja skond l-Artikolu 232 tat-Trattat.

3. L-Aġenzija għandha tkun obbligata li tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tikkonforma mas-sentenza tal-Qorti tal-Prim' Istanza jew tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Artikolu 18

Il-baġit ta' l-Aġenzija

1. Id-dħul ta' l-Aġenzija għandu jikkonsisti speċifikament minn:

11. sussidju mill-Komunità, imdaħħal fil-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (Sezzjoni tal-Kummissjoni);

12. it-tariffi mogħtija lill-Aġenzija skond l-Artikolu 19;

13. kwalunkwe kontribut volontarju mill-Istati Membri jew mill-awtoritajiet regolatorji tagħhom;

14. kwalunkwe legat, donazzjoni jew għotja, kif jissemma fl-Artikolu 10(6).

2. In-nefqa ta' l-Aġenzija għandha tkopri l-ispejjeż tal-persunal, amministrattivi, infrastrutturali u ta' operat.

3. Għandu jkun hemm bilanċ bejn id-dħul u l-infiq.

4. Għandhom isiru previżjonijiet tad-dħul u l-infiq kollu ta' l-Aġenzija għal kull sena finanzjarja, li tikkoinċidi mas-sena kalendarja, u dawn għandhom jiddaħħlu fil-baġit ta' l-Aġenzija.

Artikolu 19

Tariffi

1. Tariffi huma dovuti lill-Aġenzija għal talbiet għal deċiżjoni ta' eżenzjoni skond l-Artikolu 8(1).

2. It-tariffi imsemmija hawn jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni.

Artikolu 20

Stabbiliment tal-baġit

1. Sa mhux aktar tard mill-15 ta' Frar ta' kull sena, id-Direttur għandu jħejji abbozz preliminari tal-baġit li jkopri n-nefqa operattiva u l-programm ta' ħidma mistennija għas-sena finanzjarja ta' wara, u għandu jibgħat dan l-abbozz preliminari lill-Bord ta' l-Amministrazzjoni flimkien ma' lista tal-karigi proviżorji. Kull sena, il-Bord ta' l-Amministrazzjoni għandu jagħmel stima tad-dħul u l-infiq ta' l-Aġenzija għas-sena finanzjarja ta' wara, abbażi ta' l-abbozz imħejji mid-Direttur. Din l-istima, li għandha tinkludi abbozz ta' pjan ta' stabbiliment, għandha tintbagħat mill-Bord ta' l-Amministrazzjoni lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu. Qabel ma tiġi adottata l-istima, l-abbozz imħejji mid-Direttur għandu jintbagħat lill-Bord tar-Regolaturi, li jista' joħroġ opinjoni dwar l-abbozz.

2. L-istima għandha tintbagħat mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (minn hawn 'il quddiem imsejħa l-"awtorità baġitarja") flimkien ma' l-abbozz preliminari tal-baġit generali tal-Komunitajiet Ewropej.

3. Abbażi ta' l-istimi, il-Kummissjoni għandha ddaħħal fl-abbozz preliminari tal-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej it-tbassiriet li tqis meħtieġa rigward il-pjan ta' stabbiliment u l-ammont ta' l-għotja li għandha titħallas mill-baġit ġenerali skond l-Artikolu 272 tat-Trattat.

4. L-awtorità tal-baġit għandha taddotta l-pjan ta' stabbiliment għall-Aġenzija.

5. Il-baġit ta' l-Aġenzija għandu jitfassal mill-Bord ta' l-Amministrazzjoni. Għandu jitqies finali wara l-adozzjoni finali tal-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej. Fejn meħtieġ, għandu jkun aġġustat kif xieraq.

6. Il-Bord ta' l-Amministrazzjoni għandu jinnotifika mingħajr dewmien lill-awtorità baġitarja bl-intenzjoni tiegħu li jimplimenta xi proġett li jista' jkollu implikazzjonijiet finanzjarji sinifikanti għall-iffinanzjar tal-baġit tiegħu, b'mod partikolari kwalunkwe proġett marbut mal-proprjetà, bħall-kiri jew ix-xiri ta' bini. Għandu jinforma b'dan lill-Kummissjoni. Jekk jagħti l-każ li kwalunkwe fergħa ta' l-awtorità tal-baġit ikollha l-intenzjoni li toħroġ opinjoni, fi żmien ġimgħatejn tal-wasla ta' l-informazzjoni dwar il-proġett ta' kostruzzjoni għandha tinnotifika lill-Aġenzija dwar l-intenzjoni tagħha li toħroġ it-tali opinjoni. Jekk tonqos milli twieġeb, l-aġenzija tkun tista' tipproċedi ma' l-operat ippjanat.

Artikolu 21

L-implimentazzjoni u l-kontroll tal-baġit

1. Id-Direttur għandu jaqdi d-dmirijiet tiegħu bħala l-uffiċjal ta' awtorizzazzjoni u għandu jimplimenta l-baġit ta' l-Aġenzija.

2. Sa mhux aktar tard mill-1 ta' Marzu wara kull sena finanzjarja, l-uffiċjal tal-kontijiet ta' l-Aġenzija għandu jibgħat il-kontijiet proviżorji, flimkien mar-rapport dwar it-tmexxija baġitarja u finanzjarja ta' dik is-sena finanzjarja, lill-uffiċjal tal-kontijiet tal-Kummissjoni u lill-Qorti ta' l-Awdituri. L-uffiċjal tal-kontijiet ta' l-Aġenzija għandu jibgħat ukoll ir-rapport dwar it-tmexxija baġitarja u finanzjarja lill-Parlament u lill-Kunsill sa mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu tas-sena ta' wara. Wara dan, l-uffiċjal tal-kontijiet tal-Kummissjoni għandu jikkonsolida l-kontijiet proviżorji ta' l-istituzzjonijiet u ta' l-entitajiet deċentralizzati, skond l-Artikolu 128 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002[16].

3. Sa mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu wara kull sena finanzjarja, l-uffiċjal tal-kontijiet tal-Kummissjoni għandu jikkomunika l-kontijiet proviżorji ta' l-Aġenzija, flimkien mar-rapport dwar it-tmexxija baġitarja u finanzjarja ta' dik is-sena finanzjarja, lill-Qorti ta' l-Awdituri. Ir-rapport dwar it-tmexxija baġitarja u finanzjarja ta' dik is-sena finanzjarja għandu jintbagħat ukoll lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

4. Wara li jkun irċieva l-osservazzjonijiet tal-Qorti ta' l-Awdituri rigward il-kontijiet proviżorji ta' l-Aġenzija skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 129 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002, id-Direttur għandu jelabora l-kontijiet definittivi ta' l-Aġenzija fuq ir-responsabbiltà tiegħu stess, u għandu jibgħathom lill-Bord ta' l-Amministrazzjoni għal opinjoni.

5. Il-Bord ta' l-Amministrazzjoni għandu joħroġ opinjoni dwar il-kontijiet definittivi ta' l-Aġenzija.

6. Sa mhux aktar tard mill-1 ta' Lulju wara s-sena finanzjarja, id-Direttur għandu jibgħat dawn il-kontijiet definittivi, flimkien ma' l-opinjoni tal-Bord ta' l-Amministrazzjoni, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Ġustizzja.

7. Il-kontijiet finali għandhom ikunu ppubblikati.

8. Id-Direttur għandu jibgħat tweġiba lill-Qorti ta' l-Awdituri għall-osservazzjonijiet tagħha sa mhux aktar tard mill-15 ta' Ottubru. Għandu jibgħat ukoll kopja ta' din it-tweġiba lill-Bord ta' l-Amministrazzjoni u lill-Kummissjoni.

9. Fuq talba tal-Parlament Ewropew, id-Direttur għandu jibagħtlu kull tagħrif meħtieġ għall-applikazzjoni bla xkiel tal-proċedura ta' approvazzjoni għas-sena finanzjarja kkonċernata, kif stabbilit fl-Artikolu 146(3) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002.

10. Il-Parlament Ewropew, fuq rakkomandazzjoni tal-Kunsill li jkun qed jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, għandu, qabel il-15 ta' Mejju tas-sena N + 2, jagħti l-approvazzjoni lid-Direttur Ġenerali fir-rigward ta' l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja N.

Artikolu 22

Regoli Finanzjarji

Ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-Aġenzija għandhom jitfasslu mill-Bord ta' l-Amministrazzjoni wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni. Dawn ir-regoli jistgħu jiddevjaw mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 jekk il-ħtiġijiet speċifiċi ta' operat għall-funzjonament ta' l-Aġenzija hekk jirrikjedu u biss bil-qbil minn qabel tal-Kummissjoni.

Artikolu 23

Miżuri kontra l-frodi

1. Għall-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u attivitajiet illegali oħra, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1073/1999[17] għandhom japplikaw għall-Aġenzija mingħajr restrizzjoni.

2. L-Aġenzija għandha tissieħeb fil-Ftehim Interistituzzjonali tal-25 ta' Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej dwar investigazzjonijiet interni mmexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF)[18] u għandha minnufih tadotta d-dispożizzjonijiet xierqa għall-persunal kollu ta' l-Aġenzija.

3. Id-deċiżjonijiet dwar il-finanzjament, il-ftehimiet u l-istrumenti ta' implimentazzjoni li jirriżultaw minnhom, għandhom jistipulaw speċifikament li l-Qorti ta' l-Awdituri u l-OLAF jistgħu, jekk ikun meħtieġ, iwettqu kontrolli fuq il-post tal-benefiċjarji ta' flus maħruġa mill-Aġenzija, kif ukoll fuq il-persunal responsabbli għall-allokazzjoni ta' dawn il-flus.

Artikolu 24

Privileġġi u immunitajiet

Il-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej għandu japplika għall-Aġenzija.

Artikolu 25

Il-persunal

1. Ir-Regolamenti ta' l-Istaff ta' l-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, il-Kundizzjonijiet ta' l-impjieg ta' impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej u r-regoli adottati b'mod konġunt mill-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej għall-iskopijiet ta' l-applikazzjoni ta' dawk ir-Regolamenti ta' l-istaff u l-kundizzjonjiet ta’ l-impjieg għandhom japplikaw għall-istaff ta' l-Aġenzija.

2. Il-Bord ta' l-Amministrazzjoni, bi qbil mal-Kummissjoni, għandu jadotta l-miżuri meħtieġa ta' implimentazzjoni, skond l-arranġamenti pprovduti fl-Artikolu 110 tar-Regolamenti ta' l-Istaff ta' l-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

3. Fir-rigward tal-persunal tagħha, l-Aġenzija għandha teżerċita s-setgħat ikkonferiti bir-Regolamenti ta' l-Istaff ta' l-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej fuq l-awtorità tal-ħatra u fuq l-awtorità li għandha d-dritt tikkonkludi kuntratti permezz tal-Kundizzjonijiet ta' l-Impjieg ta' impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej.

4. Il-Bord ta' l-Amministrazzjoni jista’ jadotta dispożizzjonijiet oħra sabiex esperti nazzjonali minn Stati Membri jkunu jistgħu jiġu impjegati billi jiġu ssekondati ma' l-Aġenzija.

Artikolu 26

Ir-responsabbiltà legali ta' l-Aġenzija

1. Fil-każ ta' responsabbiltà mhux kuntrattwali, l-Aġenzija, skond il-prinċipji ġenerali komuni għall-liġijiet ta' l-Istati Membri, għandha tagħmel tajjeb għal kwalunkwe ħsara kkaġunata minnha jew mill-persunal tagħha fil-qadi ta' dmirijiethom. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej għandu jkollha l-ġuriżdizzjoni f'kull tilwim marbut mal-kumpens għal tali ħsara.

2. Ir-responsabbiltà finanzjarja personali u r-responsabbiltà dixxiplinarja tal-persunal ta' l-Aġenzija lejn l-Aġenzija għandhom ikunu rregolati mid-dispożizzjonijiet rilevanti li japplikaw għall-persunal ta' l-Aġenzija.

Artikolu 27

Aċċess għad-dokumenti

1. Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001[19] għandu japplika għad-dokumenti miżmuma mill-Aġenzija.

2. Il-Bord ta' l-Amministrazzjoni għandu jadotta miżuri prattiċi għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 fi żmien sitt xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

3. Id-deċiżjonijiet meħuda mill-Aġenzija skond l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 jistgħu jkunu s-suġġett ta' lment lill-Ombudsman jew ta' kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, skond il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 195 u 230 tat-Trattat rispettivament.

Artikolu 28

Il-parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi

L-Aġenzija għandha tkun miftuħa għall-parteċipazzjoni ta' pajjiżi li mhumiex membri ta' l-Unjoni Ewropea u li jkunu ffirmaw ftehimiet mal-Komunità għal dan il-għan. Skond id-dispożizzjonijiet rilevanti ta' dawn il-ftehimiet, għandhom jiġu stabbiliti arranġamenti li jispeċifikaw, b'mod partikolari, in-natura, l-ambitu u l-aspetti proċedurali ta' l-involviment ta' dawn il-pajjiżi fil-ħidma ta' l-Aġenzija, inklużi dispożizzjonijiet relatati mal-kontributi finanzjarji u mal-persunal.

Artikolu 29

Arranġamenti għal-lingwi

1. Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1 tal-15 ta' April 1958 għandhom japplikaw għall-Aġenzija.

2. Il-Bord ta' l-Amministrazzjoni għandu jiddeċiedi dwar l-arranġamenti interni għall-lingwi għall-Aġenzija.

3. Is-servizzi ta' traduzzjoni meħtieġa għall-funzjonament ta' l-Aġenzija għandhom jiġu pprovduti miċ-Ċentru ta' Traduzzjoni għall-Korpi ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 30

Evalwazzjoni

1. Il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni ta' l-attivitajiet ta' l-Aġenzija. Din l-evalwazzjoni għandha tkopri r-riżultati miksuba mill-Aġenzija u l-metodi ta' ħidma tagħha, b'rabta ma' l-għan, il-mandat u l-kompiti tagħha, kif iddefiniti f'dan ir-Regolament u fil-programmi annwali ta' ħidma tagħha.

2. L-ewwel rapport ta' evalwazzjoni għandu jitressaq mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sa mhux aktar tard minn erba' snin wara li l-ewwel Direttur ikun ħa l-karigi tiegħu. Wara dan, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport ta' evalwazzjoni talanqas kull ħames snin.

Artikolu 31

Dħul fis-seħħ u dispożizzjonijiet tranżitorji

1. Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum ta' wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil- Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea .

2. L-Artikoli 5, 6, 7, u 8 għandhom japplikaw minn… [ 18-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament ].

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, [ ...]

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

Anness 1 DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA

Qasam/Oqsma ta’ Politika: IT-TRASPORT U L-ENERĠIJA Attività/ajiet: Is-suq intern ta' l-enerġija |

TITLU TA' L-AZZJONI: AġENZIJA GħALL-KOOPERAZZJONI TAR-REGOLATURI TA' L-ENERġIJA |

1. LINJA/I TAL-BAĠIT + TITLU/I

Taħt il-Kapitolu 06 ...

Il-ħolqien ta' l-istruttura xierqa għall-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi ta' l-Enerġija (aġenzija regolatorja), jiġifieri:

- il-ħolqien ta' punt 06 bit-titolu "Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi ta' l-Enerġija"

- il-ħolqien ta' punt 06 XX XX bit-titolu "Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi ta' l-Enerġija" – Għotja Titoli 1 u 2

- il-ħolqien ta' punt 06 XX XX bit-titolu "Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi ta' l-Enerġija" – Għotja Titlu 3

L-għażla ta' l-artikolu u tal-punti, taħt il-Kapitolu 06 03, għandu jiġi ddeterminat fil-proċedura baġitarja għall-2009.

2. ĊIFRI GLOBALI

2.1 . Allokazzjoni għall-azzjoni:

Allokazzjoni annwali hija inkluża fl-approprjazzjonijiet imdaħħlin taħt l-Artikolu XXX għas-sena 2009 u għas-snin sussegwenti.

2.2. Perjodu ta' l-applikazzjoni:

L-azzjoni se tkun ta' tul ta' zmien mhux limitat (għotja annwali).

2.3. Stima multijannwali globali tan-nefqa:

a) Skeda ta' approprjazzjonijiet għall-impenji / approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet (intervent finanzjarju).

f'miljuni ta' EUR

Sena | 2009 | 2010 | 2011 | 2012 | Snin finanzjarji sussegwenti |

Approprjazzjonijiet għall-impenji | 1,970 | 3,940 | 6,084 | 6,314 | 6,434 |

Approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet | 1,970 | 3,940 | 6,084 | 6,314 | 6,434 |

2.4. Kompatibbiltà ma' l-ipprogrammar finanzjarju u mal-perspettiva finanzjarja

x Il-proposta hija kompatibbli ma' l-ipprogrammar finanzjarju eżistenti (2007/2013).

2.5. L-impatt finanzjarju fuq id-dħul

x L-ebda implikazzjoni finanzjarja.

3. KARATTERISTIĊI TAL-BAĠIT

Tip ta’ nefqa | Ġdida | Parteċipazzjonita' l-EFTA | Parteċipazzjoni ta’ pajjiżi applikanti | Intestatura fil-Perspettiva Finanzjarja |

Infiq Mhux ObbligatorjuNCE) | App. Differenzjati/Mhux Differenzjati(DA/NDA) | IVA | IVA | IVA | Nru 1.a |

4. BAŻI ĠURIDIKA

It-Trattat tal-KE: Artikolu 95

5. DESKRIZZJONI U RAĠUNIJIET

5.1 . Il-ħtieġa ta’ intervent Komunitarju

5.1.1. L-għanijiet imfittxija

Il-KE diġà adottat sensiela ta' miżuri[20] sabiex toħloq Suq Intern ta' l-Enerġija, maħsub sabiex iwassal għażla reali għall-konsumaturi kollha ta' l-UE, ikunux ċittadini jew impriżi, kif ukoll opportunitajiet ta' negozju ġodda u aktar kummerċ transkonfinali. Il-Komunikazzjoni dwar is-Suq Intern ta' l-Enerġija[21] u r-Rapport finali dwar l-Inkjesta Settorjali tal-Kompetizzjoni[22] juru li r-regoli u l-miżuri attwali għadhom ma kisbux dawn l-għanijiet. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta' l-10 ta' Jannar 2007 intitolata "Politika dwar l-Enerġija għall-Ewropa"[23] stabbiliet l-għan li tinħoloq Xibka Ewropea tal-Gass u ta' l-Elettriku u suq Ewropew ta' l-enerġija li jkun tabilħaqq kompetittiv. Element ewlieni li ġie identifikat biex jikkontribwixxi għall-ksib ta' dan il-għan huwa t-titjib tar-regolamentazzjoni tas-suq fil-livell nazzjonali u dak Ewropew, u b'mod partikolari l-istabbiliment ta' kooperazzjoni effettiva fost l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, fil-forma ta' "entità ġdida waħdanija fil-livell Komunitarju".

Fl-2003, il-Kummissjoni waqqfet grupp konsultattiv indipendenti għall-elettriku u l-gass, il-"Grupp ta' Regolaturi Ewropej għall-Elettriku u l-Gass" (ERGEG), bil-għan li jiffaċilita l-konsultazzjoni, il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni fost l-aġenziji regolatorji ta' l-Istati Membri, kif ukoll bejn dawn l-aġenziji u l-Kummissjoni. L-attivitajiet ta' l-ERGEG f'dawn l-aħħar snin taw kontribut pożittiv ħafna lejn l-ikkompletar tas-suq intern tal-gass u ta' l-elettriku. Madankollu, il-biċċa l-kbira tal-partijiet interessati, inklużi r-regolaturi nfushom, iqisu li l-iżvilupp tas-suq intern jitlob mekkaniżmu formali biex ir-regolaturi nazzjonali jkunu jistgħu jikkooperaw u jieħdu deċiżjonijiet dwar kwisjonijiet transkonfinali importanti.

Minħabba n-natura tal-kompiti li għandhom jiġu ttrasferiti lil dan il-mekkaniżmu, dan jista' jieħu biss is-sura ta' aġenzija regolatorja. Din l-analiżi tirrifletti l-prinċipji ddefiniti mill-Kummissjoni fl-Abbozz ta' ftehim interistituzzjonali dwar il-qafas operattiv ta' l-aġenziji regolatorji Ewropej[24], b'mod partikolari fejn tidħol il-possibbiltà li jiġu adottati deċiżjonijiet individwali li jorbtu legalment partijiet terzi.

5.1.2. Il-miżuri meħuda b'rabta ma' l-evalwazzjoni ex ante

Il-Kummissjoni vvalutat l-impatt tat-twaqqif ta' aġenzija skond għadd ta' kriterji. L-ewwelnett, ġew ivvalutati l-problema li għandha tiġi solvuta u l-ħtieġa li għandha tintlaħaq.

Ir-regolaturi nazzjonali ta' l-enerġija għandhom kompetenzi biex jirregolaw is-swieq nazzjonali tagħhom. Madankollu, l-integrazzjoni ta' kull suq nazzjonali biex jinbena s-suq intern ta' l-UE issa teħtieġ għal ċerti tipi ta' deċiżjonijiet sanzjoni fuq il-livell ta' l-UE, u hemm kunsens fost il-partijiet interessati fuq dan. Il-biċċa l-kbira tal-partijiet interessati, inklużi r-regolatori nfushom, iqisu l-iżvilupp tas-suq intern jitlob mekkaniżmu formali biex ir-regolaturi nazzjonali jkunu jistgħu jikkooperaw u jieħdu deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet transkonfinali importanti.

It-tieninett, ġew ivvalutati l-valur miżjud ta' l-azzjoni Komunitarja u l-alternattivi għall-ħolqien ta' aġenzija regolatorja Ewropea. Il-mistoqsija hija jekk dawn il-kompiti ġodda setgħux jiġu segwiti mill-Kummissjoni nnifisha. L-attivitjiet regolatorji jitolbu ħiliet tekniċi ta' l-ogħla livell, speċjalment għarfien tal-fiżika tax-xibka, tal-livelli ta' investiment meħtieġa fis-settur (il-ġenerazzjoni u t-trażmissjoni), ta' l-elaborazzjoni ta' tariffi ta' aċċess u tal-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim. Dawn il-kompiti jirrikjedu għarfien tekniku espert speċifiku ħafna, li l-Kummissjoni ma għandhiex. Biex jinkiseb l-għarfien espert meħtieġ, wisq probabbli jkollu jinħoloq direttorat ġdid fi ħdan il-Kummissjoni. Barra minn hekk, din l-għażla kienet tittrasforma r-rwol istituzzjonali tal-Kummissjoni lejn entità aktar teknika mingħajr ma tiġġenera benefiċċju minn tali attivitajiet. Sistemi oħra, bħall-mudell tas-Sistema ta' Banek Ċentrali Ewropej, jistgħu ikunu fattibbli. Din l-għażla tidher attraenti, iżda jonqosha bażi legali għall-enerġija, bħal Artikolu fit-Trattat. Ġie kkunsidrat il-ħolqien ta' netwerk tar-regolaturi nazzjonali ta' l-enerġija aktar b'saħħtu, bħan-Netwerk ta' l-Awtoritajiet għall-Kompetizzjoni maħluq fl-2004 mill-Kummissjoni abbażi tar-regolament tal-Kunsill ġdid kontra l-monopolji (KE) nru°01/2003. F'dik is-sistema, l-awtoritajiet nazzjonali għall-kompetizzjoni ma jeżerċitawx setgħa kollettiva għat-teħid tad-deċiżjonijiet, iżda minflok japplikaw regoli preċiżi li jiddefinixxu l-awtorità kompetenti, l-iskambju ta' l-informazzjoni u l-proċeduri. Il-Kummissjoni żżomm is-setgħa li tieħu każ f'idejha, per eżempju jekk żewġ regolaturi nazzjonali jkollhom fehmiet konfliġġenti. Madankollu, din is-sistema taħdem b'rabta mas-setgħat awtonomi tal-Kummissjoni fis-settur tal-kompetizzjoni. Il-Kummissjoni ma għandhiex setgħat awtonomi bħalma għandha biex tirregola s-swieq ta' l-enerġija (lil hinn mill-kwistjonijiet ta' kompetizzjoni), u għaldaqstant ma jkollhiex l-istess influwenza fuq in-netwerk.

Wara l-valutazzjoni ta' dawn il-mudelli alternattivi, ġie konkluż li minħabba n-natura tal-kompiti li għandhom jingħataw lil tali mekkaniżmu, l-unika għażla hija ta' aġenzija regolatorja li jkollha s-setgħa li tadotta deċiżjonijiet individwali li jorbtu legalment lil partijiet terzi. Din l-għażla tissejjes ukoll fuq is-suppożizzjoni li s-setgħat disponibbli għar-regolaturi nazzjonali jiġu armonizzati u msaħħa.

5.2. Azzjonijiet previsti u arranġamenti ta' intervent baġitarju

Biex tilħaq għanijietha, l-Aġenzija se twettaq il-miżuri li ġejjin:

- Il-provvediment ta' qafas għall-kooperazzjoni tar-regolaturi nazzjonali. Huwa propost li jittejjeb it-trattament tas-sitwazzjonijiet transkonfinali. L-Aġenzija għandha tistabbilixxi regoli u proċeduri għall-kooperazzjoni fost ir-regolaturi nazzjonali, b'mod partikolari fejn jidħol l-iskambju ta' informazzjoni u t-tqassim tal-kompetenzi f'każijiet li jolqtu aktar minn Stat Membru wieħed.

- Monitoraġġ regolatorju tal-kooperazzjoni fost l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni. Huwa propost li l-kooperazzjoni fost l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni, partikolarment fejn jidħlu l-iżvilupp ta' kodiċijiet tekniċi u tas-suq, il-koordinazzjoni ta' l-operat tax-xibka u l-ippjanar ta' l-investiment, għandhom jiġu riveduti mill-Aġenzija. Għal dan il-għan, abbozzi ta' miżuri li għandhom jiġu adottati b'mod konġunt mill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni, jew minn diversi minnhom, għandhom jitressqu lill-Aġenzija. Din għandha tipprovdi opinjoni lill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni jekk dawn il-miżuri ma jiżgurawx in-nondiskriminazzjoni, il-kompetizzjoni effettiva u l-funzjonament effiċjenti tas-suq. Fil-prattika, dan il-mekkaniżmu għandu jieħu s-sura ta' djalogu kostruttiv fost l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni, bil-Kummissjoni tintervjeni biss bħala l-aħħar soluzzjoni possibbli.

- Setgħat ta' deċiżjoni f'każijiet individwali. F'għadd limitat ta' każijiet, huwa propost li l-Aġenzija jingħatawlha setgħat biex tieħu deċiżjonijiet f'każijiet speċifiċi. Dan japplika għat-trattament tat-talbiet ta' eżenzjoni[25] li jirrigwardaw assi ta' l-infrastruttura ta' interess Ewropew.

- Rwol ta' konsulenza ġenerali. L-Aġenzija jkollha wkoll rwol ta' konsulenza lill-Kummissjoni rigward kwistjonijiet ta' regolamentazzjoni tas-suq, u, bla ħsara għall-kompiti mogħtija lill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni; tista' toħroġ linji gwida mhux vinkolanti bil-għan li jinxterdu prassi tajba fost ir-regolaturi nazzjonali.

Għandu jsir previżjonijiet tad-dħul u l-infiq kollu ta' l-Aġenzija għal kull sena finanzjarja, li tikkoinċidi mas-sena kalendarja, u dan it-tbassir għandu jiddaħħal fil-baġit tagħha.

Għandu jkun hemm bilanċ fil-baġit f'termini ta' dħul u nfiq. Bla ħsara għal riżorsi u ħlasijiet oħra li għad iridu jiġu ddefiniti, id-dħul ta' l-Aġenzija jinkludi għotja Komunitarja mdaħħla fil-baġit ġenerali tal-Komunità Ewropea, bil-għan li jiġi żgurat il-bilanċ bejn id-dħul u l-infiq.

B'mod partikolari, in-nefqa ta' l-Aġenzija tkopri r-remunerazzjoni tal-persunal, l-ispejjeż amminstrattivi u infrastrutturali, l-ispejjeż ta' operat u l-ispejjeż marbutin mal-funzjonament tal-Bord tar-Regolaturi u l-Bord ta' l-Appell.

5.3. Metodi ta' implimentazzjoni

L-istatus legali ta' l-Aġenzija għandu jippermettilha taġixxi bħala persuna legali fil-qadi tal-funzjonijiet tagħha.

Il-Bord ta' l-Amministrazzjoni għandu jservi bħala l-unità ta' kontroll finanzjarju u amministrattiv ta' l-Aġenzija, magħmul minn 12-il membru. Sitta jinħatru mill-Kummissjoni, u sitta mill-Kunsill. Il-mandat huwa ta' ħames snin, u jista' jiġġedded darba.

L-Aġenzija għandha titmexxa minn Direttur maħtur mill-Bord ta' l-Amministrazzjoni għal perjodu ta' ħames snin, li jista' jiġġedded darba. Id-Direttur huwa r-rappreżentant legali ta' l-Aġenzija.

Id-deċiżjonijiet ta' l-Aġenzija jiġu adottati mill-Bord tar-Regolaturi. Sabiex it-teħid tad-deċiżjonijiet jinżamm indipendenti mill-eżekuttiv (il-Bord ta' l-Amministrazzjoni) għandu jkun hemm separatament Bord tar-Regolaturi. Il-Bord tar-Regolaturi se jkun magħmul mid-Direttur u minn rappreżentant wieħed għal kull Stat Membru. Ir-rappreżentant ta' l-Istat Membru għandu jiġi minn awtorità regolatorja ta' dak l-Istat Membru.

Fl-aħħar nett, id-deċiżjonijiet adottati mill-Aġenzija huma soġġetti għall-appell. Jistgħu jsiru appelli quddiem il-Bord ta' l-Appell, magħmul minn 6 membri.

6. IMPATT FINANZJARJU

6.1. Metodu ta' kalkolu ta' l-ispejjeż totali ta' l-azzjoni ( li għandu jiġi ddeterminat minn DG BUDG u DG ADMIN )

L-ispejjeż annwali ta' l-Aġenzija se jkunu koperti mill-għotjiet Komunitarji. Id-diversi tipi ta' nfiq jistgħu jiġu analizzati hekk:

Spejjeż ta' persunal

Il-baġit propost huwa bbażat fuq persunal stmat għal 48 impjegat. L-ispejjeż annwali totali tal-persunal huma stmati għal € 5.184 miljun, billi tittieħed bħala medja l-ispiża tal-persunal tal-Kummissjoni Ewropea, jiġifieri € 0.117 miljun fis-sena, li jinkludu l-ispejjeż marbutin ma' bini u ma' l-infiq amministrattiv korrispondenti (tariffi tal-posta, telekomunikazzjonijiet, IT, eċċ.).

L-ispejjeż ta' persunal ikopru l-ispejjeż ta' reklutaġġ mill-2009. L-istima ta' l-ispejjeż ta' persunal hija bbażata fuq il-pjan ta' reklutaġġ kif ġej:

Ingaġġ | Total tal-persunal |

L-ewwel semestru ta' l-2009 | +10 | 10 |

It-tieni semestru ta' l-2009 | +10 | 20 |

L-ewwel semestru ta' l-2010 | +10 | 30 |

It-tieni semestru ta' l-2010 | +10 | 40 |

L-ewwel semestru ta' l-2011 | +8 | 48 |

Infiq kapitali

L-infiq marbut max-xiri ta' proprjetà mobbli u spejjeż relatati se jkopri EUR 0.350 miljun fl-ewwel sentejn. Għas-snin sussegwenti, ġiet allokata somma ta' EUR 0.05 miljun kull sena biex ikopru spejjeż addizzjonali. Dan l-element jista' jvarja skond il-faċilitajiet ipprovduti mill-Istat Membru ospitanti.

Spejjeż operattivi

Dawn l-ispejjeż ikopru l-laqgħat u l-istudji, kif ukoll l-ispejjeż tat-traduzzjoni, tal-pubblikazzjoni u tar-relazzjonijiet pubbliċi. Abbażi ta' estimi preliminari, dawn l-ispejjeż operattivi jammontaw għal EUR 1 miljun kull sena.

Spejjeż ta' missjonijiet

Biex taqdi d-dmirijiet tagħha, l-Aġenzija se jkollha torganizza żjarat kemm ġewwa kif ukoll barra l-UE (spejjeż ta' trasport u ta' alloġġ. Il-baġit għall-ispejjeż tal-missjonijiet huwa stmat li jammonta għal EUR 0.150 miljun kull sena meta l-Aġenzija tkun kompletament operattiva. Dawn l-estimi huma msejsa fuq il-medja reali ta' l-ispejjeż ta' missjonijiet attribwiti lil DG TREN. Jistgħu jvarjaw skond fejn tinsab is-sede ta' l-Aġenzija.

6.2. Analiżi skond l-elementi ta' l-azzjoni

Approprjazzjonijiet għall-impenji, f'miljuni ta' euro (bil-prezzijiet attwali)

Tqassim / kategoriji | Sena 2009 | Sena 2010 | Sena 2011 | Sena 2012 | Snin finanzjarji sussegwenti |

Spejjeż ta' persunal Tagħmir Spejjeż operattivi | 1.755 0,150 0,150 | 4,095 0,200 0,400 | 5,616 0,050 0,700 | 5,616 0,050 0,900 | 5,616 0,050 1,000 |

Spejjeż ta' missjonijiet | 0,050 | 0,100 | 0,150 | 0,180 | 0,200 |

Total | 2,105 | 4,795 | 6,516 | 6,746 | 6,866 |

6.3. Skeda ta' Approprjazzjonijiet għall-impenji / Approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet

f'miljuni ta' euro

Snin et seq. | 2009 | 2010 | 2011 | 2012 | Snin sussegwenti |

Approprjazzjonijiet għall-impenji | 1,970 | 3,940 | 6,084 | 6,314 | 6,434 |

Approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet | 1,970 | 3,940 | 6,084 | 6,314 | 6,434 |

7. SEGWITU U EVALWAZZJONI

L-amministrazzjoni tal-fondi mogħtija lill-Aġenzija taqa' taħt il-kontroll tal-Qorti ta' l-Awdituri (l-Artikolu 21), il-Parlament Ewropew (l-Artikolu 21) u l-Uffiċċju Ewropew kontra l-Frodi (l-Artikolu 23).

8. MIŻURI KONTRA L-FRODI

Ara l-punt 7 hawn fuq.

[1] KUMM (2007) 1.

[2] Fil-konklużjonijiet tiegħu, il-Kunsill Ewropew jaqbel dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu indipendenti biex ir-regolaturi nazzjonali jikkooperaw u jiieħdu d-deċiżjonijiet dwar kwistjonjiet transkonfinali importanti, filwaqt li r-Rapport adottat ta' Vidal Quadras jistqarr li l-PE "jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni li tittejjeb il-koperazzjoni bejn regolaturi nazzjonali fil-livell ta’ l-UE, permezz ta' entità ta' l-UE, bħala mezz għall-promozzjoni ta’ approċċ aktar Ewropew għar-regolazzjoni dwar kwistjonijiet transkonfinali; iqis li aktar konverġenza u armonizzazzjoni tal-kompetenzi tagħhom huma essenzjali biex jingħelbu differenzi tekniċi u regolatorji li jimponu ostakoli kbar għall-kummerċ u għall-interkonnessjonijiet transkonfinali; jenfasizza li l-Kummissjoni għandu jkollha rwol ewlieni, filwaqt li ma ddgħajjifx l-indipendenza tar-regolaturi; jemmen li d-deċiżjonijiet meħuda mir-regolaturi għandhom ikunu bbażati fuq kwistjonijiet tekniċi u ta' kummerċ iddefiniti b'mod speċifiku u fuq bażi infurmata filwaqt li jitqiesu, meta xieraq, il-fehmiet tat-TSOs u ta' partijiet interessati rilevanti oħra, u għandhom jorbtu legalment;".

[3] KUMM(2005) 59.

[4] ĠU C […], […], p. […].

[5] Kif iddefiniti fl-Artikolu 22 tad-Direttiva 2003/55/KE u fl-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1228/2003.

[6] Jinhemeż organigramm mal-Memorandum ta' Spjegazzjoni.

[7] Pereżempju, fil-qasam ta' l-elettriku, għal ċerti kwistjonijiet huwa ċar li l-istabbiliment ta' kodiċijiet tekniċi għandu jiġi deċiż għal kull qasam sinkroniku.

[8] ĠU C […], […], p. […].

[9] ĠU C […], […], p. […].

[10] ĠU C […], […], p. […].

[11] ĠU C […], […], p. […].

[12] ĠU L 296, 14.11.2003, p. 34.

[13] ĠU L 176, 15.7.2003, p.37.

[14] ĠU L 176, 15.7.2003, p.57.

[15] ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

[16] ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

[17] ĠU L 136, 31.5.1999, p. 1.

[18] ĠU L 136, 31.5.1999, p. 15.

[19] ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.

[20] Fosthom id-Direttivi dwar il-ftuħ tat-tieni suq, ir-Regolamenti mmirati lejn l-armonizzazzjoni ta' l-istandards tekniċi meħtieġa sabiex ikun jista' jaħdem fil-prattika l-kummerċ transkonfinali, u d-Direttivi dwar is-sigurtà tal-provvista.

[21] Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-prospetti għas-suq intern tal-gass u ta' l-elettriku, KUMM(2006) 841.

[22] Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni "Sector Enquiry under Art. 17 of Regulation (KE) No 1/2003 on the gas and electricity markets (rapport finali)", KUMM(2006) 851.

[23] ĠU C […], […], p. […].

[24] KUMM(2005) 59.

[25] Kif iddefiniti fl-Artikolu 22 tad-Direttiva 2003/55/KE u fl-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1228/2003.

Top