EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007DC0739

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew skond l-Artikolu 5 tad-Direttiva (KE) Nru 84/2000 dwar arranġamenti għall-ħin tas-sajf

/* KUMM/2007/0739 finali */

52007DC0739

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew skond l-Artikolu 5 tad-Direttiva (KE) Nru 84/2000 dwar arranġamenti għall-ħin tas-sajf /* KUMM/2007/0739 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 23.11.2007

KUMM(2007) 739 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

skond l-Artikolu 5 tad-Direttiva (KE) Nru 84/2000 dwar arranġamenti għall-ħin tas-sajf

WERREJ

1. Kronoloġija tal-leġiżlazzjoni Ewropea 3

2. Ġabra fil-qosor ta' l-analiżi fil-fond mill-Kummissjoni ta' l-implikazzjonijiet tal-ħin tas-sajf 4

3. L-implikazzjonijiet tal-ħin tas-sajf – ġabra fil-qosor ta' l-informazzjoni mibgħuta mill-Istati Membri 5

3.1. L-opinjoni ta' l-Istati Membri dwar l-arranġamenti attwali 5

3.2. L-impatt fuq is-setturi ekonomiċi l-aktar ikkonċernati 5

3.3. Studji ġodda 6

3.4. Il-fehma taċ-ċittadini 7

4. Konklużjonijiet 8

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

skond l-Artikolu 5 tad-Direttiva (KE) Nru 84/2000 dwar arranġamenti għall-ħin tas-sajf(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

L-ISFOND

Fid-19 ta' Jannar 2001, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew adottaw b'mod konġunt id-Direttiva dwar arranġamenti għall-ħin tas-sajf[1].

Skond l-Artikolu 5 tad-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tressaq rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar l-impatt tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva fuq is-setturi kkonċernati. L-Artikolu 5 jistipula wkoll li r-rapport għandu jitfassal abbażi ta' l-informazzjoni mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni minn kull Stat Membru sa mhux aktar tard mit-30 ta’ April 2007.

Din il-Komunikazzjoni tikkostitwixxi r-rapport mitlub mill-Artikolu 5 tad-Direttiva (KE) Nru 84/2000.

1. KRONOLOġIJA TAL-LEġIżLAZZJONI EWROPEA

Il-biċċa l-kbira mill-Istati Membri daħħlu l-ħin tas-sajf fis-Sebgħinijiet, għalkemm kien hemm xi Stati Membri li bdew japplikaw il-ħin tas-sajf ħafna qabel, għal perjodi ta' żmien li jvarjaw.

L-ewwel Direttiva tat-22 ta' Lulju 1980 , li daħlet fis-seħħ fl-1981, stabbiliet data komuni biss għall-bidu tal-perjodu tal-ħin tas-sajf. Id-Direttivi suċċessivi stipulaw data komuni għall-bidu, jiġifieri l-aħħar Ħadd ta' Marzu, u żewġ dati għat-tmiem: waħda l-aħħar Ħadd ta' Settembru, applikata mill-Istati Membri kontinentali, u l-oħra r-raba' Ħadd ta' Ottubru għall-Irlanda u r-Renju Unit. Din is-sitwazzjoni bagħqet għaddejja sa l-adozzjoni tas-seba' Direttiva 94/21/KE tat-30 ta' Mejju 1994, li stabbiliet għall-ewwel darba data komuni ta' tmiem il-perjodu tal-ħin tas-sajf, jiġifieri l-aħħar Ħadd ta' Ottubru, mill-1996 'il quddiem. Din id-Direttiva saflaħħar wettqet l-armonizzazzjoni totali tal-kalendarju, 16-il sena wara l-adozzjoni ta' l-ewwel Direttiva. Permezz tat-tmien Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 97/44/KE[2] tat-22 ta' Lulju 1997, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tas-seba' Direttiva ġiet estiża għall-perjodu ta' erba' snin (mill-1998 sa l-2001 inkluża).

Fl-aħħarnett, id-Direttiva attwali testendi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-tmien Direttiva għal perjodu mhux determinat, bil-maqlub għad-Direttivi kollha ta' qabilha. Tabilħaqq, kif inhu spjegat fil-premessi tad-Direttiva, il-funzjonament tajjeb ta' ċerti setturi jeħtieġ ippjanar stabbli u fit-tul. Madankollu, huwa stipulat ukoll li l-applikazzjoni tad-Direttiva għandha tkun immonitorjata permezz ta' rapport mill-Kummissjoni.

2. ĠABRA FIL-QOSOR TA' L-ANALIżI FIL-FOND MILL-KUMMISSJONI TA' L-IMPLIKAZZJONIJIET TAL-ħIN TAS-SAJF

Qabel ma pproponiet id-disa' Direttiva, il-Kummissjoni kienet wettqet analiżi fil-fond ta' l-implikazzjonijiet tal-ħin tas-sajf fl-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea, jiġifieri l-bidla fil-ħin darbtejn fis-sena, u l-fatt li jkun hemm aktar dlam filgħodu u aktar dawl filgħaxija.

Għal dan il-għan sar studju minn konsulent indipendenti. Il-kompitu tal-konsulent kien li janalizza id-diversi studji eżistenti fuq is-suġġett fil-livell nazzjonali kif ukoll Komunitarju, li jintervista esperti fid-diversi setturi kkonċernati, li jikkonsulta mal-partijiet interessati u ma' l-Istati Membri, u li jippreżenta konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet imsejsa fuq ir-riċerki mwettqa.

Il-konklużjonijiet ewlenin tal-Kummissjoni, imsejsa fuq l-istudju msemmi u mressqa fil-proposta għad-Direttiva attwali, jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej[3]:

1. Aktar minn 20 sena wara l-adozzjoni ta' l-ewwel Direttiva f'dan il-qasam, is-setturi ekonomiċi li jitqiesu l-aktar ikkonċernati, jiġifieri l-agrikultura, it-turiżmu u t-trasport , laqgħu l-ħin tas-sajf u integrawh fl-attivitajiet tagħhom mingħajr oġġezzjonijiet.

2. Fejn jidħol it-trasport , l-introduzzjoni ta' l-armonizzazzjoni totali tal-kalendarju neħħiet ix-xkiel il-kbir li kien hemm fl-imgħoddi.

3. Bis-saħħa tad-dawl naturali, il-ħin tas-sajf jiffavorixxi l-prattika ta' kull tip ta' attività ta' rikreazzjoni filgħaxija.

4. Billi l-istudji f'dan il-qasam jikkontradixxu 'l xulxin, huwa impossibbli li jinġibdu konklużjonijiet validi dwar l-impatt tal-ħin tas-sajf fuq l-ambjent . Dan japplika partikolarment għall-kwistjoni rigward jekk il-ħin tas-sajf iwassalx għal żieda jew tnaqqis fil-produzzjoni ta' ożonu meta mqabbel ma' xenarju mingħajr bidla fil-ħin.

5. Il-ħin tas-sajf jgħin fl- iffrankar ta' l-enerġija , għax jintuża inqas elettriku għad-dawl filgħaxija minħabba li jidlam aktar tard. Madankollu, minn dan l-iffrankar wieħed għandu jnaqqas iż-żieda fil-konsum ta' l-enerġija għat-tisħin filgħodu fi żmien il-bidla fil-ħin, kif ukoll iż-żieda fil-konsum tal-fjuwil minħabba żieda potenzjali fit-traffiku filgħaxija meta jkun hemm aktar dawl naturali. Barra minn hekk, huwa diffiċli li jitkejjel l-iffrankar ta' l-enerġija miksub, u f'kull każ, huwa relattivament limitat.

6. Il-biċċa l-kbira mill-effetti possibbli tal-ħin tas-sajf fuq is-saħħa huma marbutin mal-fatt li l-ġisem għandu jadatta ruħu għall-bidla fil-ħin f'April u f'Ottubru. F'dan ir-rigward, l-esperti fil-qasam jistqarru li, fl-istat attwali tar-riċerka u ta' l-għarfien, il-biċċa l-kbira mid-diffikultajiet li wieħed jgħaddi minnhom ma jdumux wisq u lanqas ma jipperikolaw is-saħħa.

7. Fejn tidħol is-sikurezza fit-toroq , wieħed jistaqsi jekk il-fatt li jkun hemm inqas dawl filgħodu, partikolarment fir-rebbiegħa u fil-ħarifa, u aktar dawl filgħaxija, għandux impatt fuq l-għadd ta' inċidenti tat-traffiku. In-nuqqas ta' dejta suffiċjenti, u l-interazzjoni ta' fatturi oħra (bħall-kundizzjonijiet tat-temp), ma jippermettux li ssir rabta kawżali definittiva bejn il-ħin tas-sajf u l-għadd ta' inċidenti tat-traffiku.

Permezz ta' l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri għat-tfassil ta' dan ir-rapport, il-konklużjonijiet ta' l-istudju għandhom jiġu aġġornati u/jew ikkompletati.

3. L-IMPLIKAZZJONIJIET TAL-ħIN TAS-SAJF – ġABRA FIL-QOSOR TA' L-INFORMAZZJONI MIBGħUTA MILL-ISTATI MEMBRI

25 Stat Membru bagħtu lill-Kummissjoni l-kummenti tagħhom dwar l-impatt ta' l-arranġamenti tal-ħin tas-sajf f'pajjiżhom. Fil-każ ta' l-Istati Membri l-oħra, il-Kummissjoni tikkonkludi li ma għandhomx informazzjoni speċifika fuq l-impatt tal-ħin tas-sajf[4].

L-informazzjoni u l-kummenti ta' l-Istati Membri jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej:

3.1. L-opinjoni ta' l-Istati Membri dwar l-arranġamenti attwali

L-ebda Stat Membru ma jitlob bidiliet għall-arranġamenti fis-seħħ. Il-biċċa l-kbira mill-Istati Membri jisħqu fuq l-importanza ta' l-armonizzazzjoni tal-kalendarju tal-ħin tas-sajf fl-UE, b'mod partikolari għall-qasam tat-trasport.

Il-Belġju huwa favur li l-arranġamenti attwali jibqgħu kif inhuma, jew inkella li l-ħin tas-sajf jiġi applikat matul is-sena kollha.

3.2. L-impatt fuq is-setturi ekonomiċi l-aktar ikkonċernati

Parzjalment abbażi tar-riżultati tal-konsultazzjonijiet mas-setturi kkonċernati, il-biċċa l-kbira mill-Istati Membri jistqarru li ma hemm l-ebda indikazzjoni li l-ħin tas-sajf għandu xi impatt sinifikanti fuq is-setturi ekonomiċi l-aktar ikkonċernati f'pajjiżhom, jiġifieri l-agrikultura, it-trasport u t-turiżmu.

Fil-Latvja , l-esperti tat-turiżmu jqisu li l-ħin tas-sajf għandu impatt pożittiv fuq it-turiżmu, sal-punt li, per eżempju, hemm aktar domanda għal prodotti ta' rikreazzjoni (roti, dgħajjes, eċċ.).

L-Italja tirrapporta li s-setturi tal-bini u ta' l-agrikultura jibbenefikaw mill-ħin tas-sajf, partikolarment fin-Nofsinhar tal-pajjiż, minħabba l-fatt li filgħodu jkun hemm inqas sħana milli kieku jkun hemm fl-istess ħin tal-ġurnata mingħajr il-ħin tas-sajf.

Abbażi ta' l-informazzjoni disponibbli fl-Istati Membri, jidher li l-konklużjoni miġbuda fil-proposta għad-Direttiva attwali tibqa' valida: id-diversi setturi ekonomiċi integraw sew il-ħin tas-sajf fl-attivitajiet tagħhom.

3.3. Studji ġodda

Xi Stati Membri bagħtu informazzjoni dwar studji kwantitattivi reċenti, rigward l-impatt tal-ħin tas-sajf fuq il-konsum ta' l-enerġija, is-sikurezza fit-toroq u s-saħħa .

L-enerġija

Fil-Bulgarija , analiżi statistika mwettqa mill-operatur tas-sistema ta' l-elettriku, li tkopri l-konsum ta' l-elettriku ta' l-aħħar tliet snin, turi li sar iffrankar ta' l-enerġija bis-saħħa ta' nuqqas ta' użu ta' dawl artifiċjali stmat għal 20.5 GWh kull sena, jiġifieri madwar 0.01% tal-konsum totali tal-pajjiż fl-2005[5].

Studju li sar fi Franza fl-2006 qabbel is-sitwazzjoni attwali ma' xenarju "mingħajr il-ħin tas-sajf" permezz ta' simulazzjonijiet. Dan l-istudju wera li l-ħin tas-sajf wassal għal iffrankar ta' l-enerġija ta' 684 GWh (dawl u arja kkundizzjonata) u għal konsum miżjud ta' 14 GWh għat-tisħin, jiġifieri ffrankar ta' 0.014% fil-konsum totali fl-2005[6]. L-istudju wera wkoll li, jekk id-data tal-bidu tal-ħin tas-sajf titressaq 'il quddiem b'xahar, ikun hemm iffrankar addizzjonali ta' 45 GWh ta' dawl artifiċjali.

Fis-Slovenja , diversi analiżijiet statistiċi mwettqa minn kumpaniji ta' l-elettriku juru li l-bidla fil-ħin f'Marzu u Ottubru ftit li xejn għandha impatt fuq il-konsum ta' l-elettriku, jew ma għandha l-ebda impatt.

Fl-Estonja , l-istatistiċi juru li fis-snin 2000 u 2001, meta eċċezzjonalment il-ħin tas-sajf ma ġiex applikat f'dak il-pajjiż, il-konsum domestiku ta' l-elettriku matul il-perjodu minn April sa Ottubru kien ogħla minn dak tas-snin qabel u wara l-2000 u l-2001. Madankollu, id-differenza kienet ta' inqas minn 10%, u l-proporzjon tal-konsum fis-sajf ma' dak fix-xitwa kien simili għal dak misjub fi snin li fihom ġie applikat il-ħin tas-sajf.

Fil-Latvja , il-konsum ta' l-elettriku u l-akbar domanda fuq is-sistema ta' l-elettriku qabel u wara d-data tal-bidla fil-ħin fir-rebbiegħa ġew imqabbla fi tmiem Marzu 2006. Il-bidliet irreġistrati f'dawn iż-żewġ parametri kienu minimi.

F'Ċipru , rapport ta' l-assoċjazzjoni astronomika jipproponi li l-perjodu tal-ħin tas-sajf jitqassar u jkun applikat biss bejn Mejju u Settembru. Dan kieku jinkludi x-xhur li fihom aktar minn 12-il siegħa dawl tax-xemx kuljum, għajr April, u b'temperatura medja ta' 'l fuq minn 24°C. Ir-rapport isostni li b'hekk jinkiseb aktar iffrankar fl-enerġija milli bis-sistema attwali, għalkemm din l-affermazzjoni mhijiex mirfuda minn analiżi kwantitattiva.

Is-sikurezza fit-toroq

Fl-Estonja , studju komparattiv ta' l-għadd ta' inċidenti b'midrubin jew mejtin 30 jum qabel u wara d-dati tal-bidla fil-ħin bejn l-2004 u l-2006 ma wera l-ebda varjazzjoni statistika sinifikanti fl-għadd annwali ta' inċidenti tat-traffiku.

Riċerka mwettqa minn " Estradas de Portugal " [7] ma stabbiliet l-ebda rabta bejn il-ħin tas-sajf u s-sikurezza fit-toroq. Din il-fehma ġiet ikkonfermata minn ħafna esperti fil-qasam tat-trasport.

Is-saħħa

Fil-Finlandja , fl-2003 u l-2004, żewġ studji analizzaw l-impatt fuq il-ġisem tal-bidla fil-ħin f'Marzu, abbażi ta' kampjun ta' 10 persuni. L-istudji sabu ċertu impatt fuq l-irqad u r-ritmu naturali tal-ġisem matul l-erbat ijiem wara l-bidla fil-ħin. Madankollu, l-awturi jisħqu li l-istudji ma jippermettux li jinġibdu konklużjonijiet li japplikaw għall-popolazzjoni sħiħa minħabba d-daqs żgħir tal-kampjun.

Bħala konklużjoni , partikolarment f'dak li jirrigwarda l-impatt fuq l-enerġija, ċerti studji kwalitattivi reċenti jikkonfermaw li sar iffrankar fl-enerġija, anki jekk mhux sostanzjali, iżda ma jieħdux qies ta' żjieda potenzjali fil-konsum minħabba ż-żjieda possibbli fit-traffiku ta' filgħaxija. Huwa minnu wkoll li, fejn jidħol id-dawl artifiċjali, l-iffrankar fl-enerġija għandu mnejn imajna progressivament minħabba l-użu aktar mifrux tal-bozoz ta' konsum baxx, kif indikat l-għaqda Franċiża Association Contre l'Heure d'Été Double (ACHED, Assoċjazzjoni Franċiza Kontra l-Ħin tas-Sajf Doppju). Madankollu, l-esperjenza futura biss tista' tixhed safejn dan it-tnaqqis fl-iffrankar ipatti għalih tfaddil ikbar fil-qasam ta' l-arja kkundizzjonata b'konsegwenza ta' l-użu iktar mifrux tagħha fl-uffiċċji.

3.4. Il-fehma taċ-ċittadini

Stħarriġ ta' l-opinjoni pubblika fl-Istati Membri

Ċerti Stati Membri bagħtu r-riżultati ta' sondaġġi reċenti ta' l-opinjoni pubblika jew ta' konsultazzjonijiet pubbliċi (permezz ta' l-internet) dwar il-ħin tas-sajf.

Fl-Estonja , sondaġġ li sar fl-2001 wera li l-għadd ta' persuni favur u kontra l-ħin tas-sajf kien kważi identiku.

Fil-Litwanja , sondaġġ ta' l-2006 wera li 55% kienu kontra l-ħin tas-sajf u 32% kienu favurih.

Fil-Latvja , żewġ konsultazzjonijiet fuq l-internet ġew organizzati fl-2006. Dawn urew li madwar 60% ta' dawk li ħadu sehem kienu kontra l-ħin tas-sajf. Madankollu, ta' min wieħed jindika li dan ir-riżultat ma nkisibx abbażi ta' kampjun rappreżentattiv ta' persuni, iżda abbażi ta' dawk li għażlu li jieħdu sehem fil-konsultazzjoni.

Skond sondaġġ li sar fi Franza mill-istitut CREDOC fl-2005, madwar żewġ terzi tal-Franċiżi kienu favur il-ħin tas-sajf jew indifferenti lejh, jiġifieri li mill-1993 'l hawn l-opinjoni pożittiva żdiedet bi 12-il punt filwaqt li l-opinjoni negattiva naqset bi 13-il punt. Min-naħa l-oħra, f'sondaġġ imwettaq minn SOFRES fl-2002, 45% kienu favur li l-ħin tas-sajf jiġi applikat matul is-sena kollha , 34.1% kienu indifferenti u 26.3% kienu kontra l-ħin tas-sajf.

Biex nikkonkludu, ta' min wieħed jinnota li l-għadd żgħir ħafna ta' sondaġġi reċenti dwar is-suġġett ma jippermettux li jinġibdu konklużjonijiet validi, speċjalment għax il-grad ta' rappreżentattività u r-riżultati tas-sondaġġi jvarjaw minn pajjiż għal ieħor.

EWROBAROMETRU

Is-sondaġġ ta' l-Ewrobarometru ta' l-1990 ikkonkluda b'indiċi ta' sodisfazzjoni ta' madwar 57.4% għall-Komunità Ewropea kollha kemm hi.

Is-sondaġġ ta' l-Ewrobarometru ta' l-1993 dwar id-data ta' tmiem il-ħin tas-sajf wera li l-biċċa l-kbira mill-popolazzjoni tal-Komunità ta' 12-il Stat Membru kienu jippreferu tmiem Ottubru (54.5%) pjuttost milli tmiem Settembru (38.4%), jiġifieri l-arranġamenti attwali.

Kuntatt ma' l-assoċjazzjonijiet u maċ-ċittadini

Il-Kummissjoni ġiet ikkuntattjata regolarment mill-ACHED, assoċjazzjoni Franċiża li hija kontra l-ħin tas-sajf fi Franza u fl-Ewropa. L-ACHED bagħtet lill-Kummissjoni ittri, noti, artikli u rapporti (fost l-oħrajn), il-biċċa l-kbira minnhom mit-Tmeninijiet u mid-Disgħinijiet, li fihom l-awturi jesprimu l-oppożizzjoni tagħhom għall-ħin tas-sajf għal raġunijiet differenti. Barra minn hekk, l-assoċjazzjoni rreferiet ukoll għal għadd ta' studji aktar antiki dwar l-impatt tal-ħin tas-sajf.

Assoċjazzjonijiet oħra, inklużi mis-setturi kkonċernati, ma bagħtux l-opinjoni tagħhom lill-Kummissjoni.

Madankollu, minn żmien għal ieħor il-Kummissjoni tirċievi korrispondenza minn ċittadini favur li jinbidlu l-arranġamenti attwali (per eżempju, billi l-ħin tas-sajf jitneħħa għalkollox, jew billi jiġi applikat għas-sena kollha).

4. KONKLUżJONIJIET

Permezz ta' l-informazzjoni mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni għat-tfassil ta' dan ir-rapport, wieħed jista' jikkonkludi li l-analiżi ppreżentata fil-proposta tad-Direttiva tibqa' valida: minbarra li jiffavorixxi l-prattika ta' kull tip ta' attività ta' rikreazzjoni filgħaxija u jwassal għal ċertu ffrankar fl-enerġija, il-ħin tas-sajf ftit li xejn għandu impatt, u l-arranġamenti attwali mhumiex sors ta' tħassib sinifikanti fl-Istati Membri ta' l-UE.

F'dan l-isfond, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-arranġamenti tal-ħin tas-sajf kif ġew introdotti mid-Direttivi jibqgħu xierqa. L-ebda Stat Membru ma esprima x-xewqa li jwarrab il-ħin tas-sajf jew li jbiddel id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva attwali. Min-naħa l-oħra, huwa importanti li jinżamm il-kalendarju armonizzat sabiex jiżgura l-funzjonament tajjeb tas-suq intern, li huwa l-għan ewlieni tad-Direttiva.

[1] ĠU L 31, 2.2.2001, p. 21.

[2] ĠU L 206, 1.8.1997, p. 62.

[3] Ara s-sinteżi tal-konklużjonijiet mogħtija fil-memorandum ta' spjegazzjoni tal-proposta għad-Direttiva 2000/84/KE.

[4] F'Ġunju 2007, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri li, f'każijiet fejn Stat Membru ma jkunx bagħat l-informazzjoni tiegħu sa tmiem Lulju 2007, kienet biħsiebha tikkonkludi li l-Istat Membru kkonċernat ma għandux informazzjoni speċifika fil-qasam. Għalhekk, dan ir-rapport jissejjes fuq l-informazzjoni li l-Kummissjoni kellha għad-dispożizzjoni tagħha fil-31 ta' Lulju 2007.

[5] Għejun: statistiċi ppubblikati minn EURELECTRIC.

[6] Għejun: statistiċi ppubblikati minn EURELECTRIC.

[7] L-entità pubblika responsabbli għat-tmexxija tat-toroq fil-Portugall.

Top