EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007DC0692

Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill RAPPORT ĠENERALI DWAR GĦAJNUNA LI TINGĦATA QABEL L-ADEŻJONI (PHARE - ISPA - SAPARD) FL-2006 {SEC(2007) 1468}

/* KUMM/2007/0692 finali */

52007DC0692

Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill RAPPORT ĠENERALI DWAR GĦAJNUNA LI TINGĦATA QABEL L-ADEŻJONI (PHARE - ISPA - SAPARD) FL-2006 {SEC(2007) 1468} /* KUMM/2007/0692 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 9.11.2007

KUMM(2007) 692 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

RAPPORT ĠENERALI DWAR GĦAJNUNA LI TINGĦATA QABEL L-ADEŻJONI (PHARE - ISPA - SAPARD) FL-2006 {SEC(2007) 1468}

1. ĠABRA FIL-QOSOR

Dan huwa s-seba' rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-attivitajiet li huma ffinanzjati mit-tliet strumenti ta’ qabel l-adeżjoni, il-Phare, l-ISPA u s-SAPARD fl-2006. Ir-Rapport jiffoka fuq il-koordinazzjoni bejn dawn l-istrumenti skond l-Artikolu 13 'tar-Regolament tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni ta' għajnuna ta' qabel l-adeżjoni' (KE) Nru 1266/99[1] (minn issa 'l quddiem "ir-Regolament ta' Koordinazzjoni"). F'konformità man-negozjati pożittivi ta' adeżjoni f'Kopenhagen fl-2002, saret enfasi akbar fuq il-ħolqien tal-kapaċità amministrattiva meħtieġa għall-implimentazzjoni b'suċċess ta' l- acquis u għal parteċipazzjoni fi programmi tal-Komunità Ewropea li jeżistu bħalissa jew f'dawk futuri minn meta sseħħ is-sħubija.

PHARE jindirizza miżuri ta' prijorità li jikkonċernaw l-adozzjoni ta' l- acquis communautaire , kemm jekk dan jintlaħaq permezz ta' titjib tal-kapaċità amministrattiva kif ukoll jekk jintlaħaq permezz ta' appoġġ ta' l-investiment relatat. Għandu wkoll element għal Koeżjoni Ekonomika u Soċjali.

ISPA (Strument għal Politika Strutturali għal Qabel l-Adeżjoni) jiffinanzja proġetti kbar fil-qasam ta' l-ambjent u ta' l-infrastruttura tat-trasport.

SAPARD (Programm Speċjali ta' l-Adeżjoni għall-Iżvilupp Agrikolu u Rurali) jiffinanzja żvilupp agrikolu u rurali.

Għal figuri finanzjarji fuq l-istrumenti ta' qabel l-adeżjoni, ara t-taqsima 5 “Ħarsa Ġenerali Finanzjarja”.

Il-koordinazzjoni tat-tliet strumenti hija żgurata permezz ta’ tqassim ta' responsabilitajiet bejn l-istrumenti. Kumitat fil-livell ta' Direttorat jiżgura koordinazzjoni bejn is-servizzi kkonċernati tal-Kummissjoni. Fuq livell ta' pajjiż, il-Kummissjoni ħeġġet lill-pajjiżi applikanti sabiex isaħħu l-koordinazzjoni inter-ministerjali, meqjusa bħala pre-kundizzjoni ewlenija għall-ġestjoni b'suċċess tal-Fondi Strutturali fil-futur.

2. DESKRIZZJONI ġENERALI TAL-MEKKANIżMI TA' L-ISTRUMENTI TA' QABEL L-ADEżJONI

2.1 L-impenji u t-trasferiment ta’ fondi

Qabel ma l-fondi ta’ l-UE jkunu jistgħu jiġu trasferiti, hemm bżonn ta’: (1) Ftehim ta' Qafas; (2) Deċiżjoni mill-Kummissjoni, sabiex ikunu impenjati fil-Baġit u, (3) Ftehim ta' Finanzjament jew Memorandum bilaterali annwali li jiddetermina l-impenn finanzjarju tal-Komunità għall-miżura kkonċernata lejn il-pajjiż benefiċjarju, jiġifieri, ffissar ta' drittijiet u obbligi għaż-żewġ partijiet. Minkejja dan, il-proċeduri li jwasslu għal teħid ta' deċiżjoni u impenn tal-fondi huma differenti għal kull strument. Informazzjoni fid-dettall dwar il-proċeduri li jwasslu għal finanzjament taħt kull strument tista' tinstab fl-Anness 1.1.

2.2 Strutturi ta' implimentazzjoni fil-pajjiżi Kandidati

Fondi mill-istrumenti ta' qabel l-adeżjoni jitwasslu permezz tal-Fond Nazzjonali, stabbilit fil-Ministeru tal-Finanzi f'kull pajjiż, li jaqa' taħt ir-responsabilità ta' l-Uffiċjal Nazzjonali Awtorizzanti. L-implimentazzjoni konkreta tal-Phare u l-ISPA titwettaq f'Aġenziji ta' Implimentazzjoni (bħall-Unità Ċentrali ta' Finanzi u Kuntratti, CFCU) li jirċievu l-fondi mill-Fond Nazzjonali[2]. Għal SAPARD, l-implimentazzjoni titwettaq mill-Aġenzija SAPARD maħtura apposta li tirċievi l-fondi mill-Fond Nazzjonali.

2.3 Id-deċentralizzazzjoni ta' implimentazzjoni taħt l-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Koordinazzjoni [3]

Id-deċentralizzazzjoni huwa l-proċess li bih hija devoluta l-ġestjoni tal-fondi ta' l-UE lill-amministrazzjonijiet ta' pajjiżi kandidati.

Għal Phare u ISPA, dan il-proċess kien iggvernat fl-2006 mis-Sistema ta' Implimentazzjoni Deċentralizzata (SID). SID tfisser li l-proċeduri għal ġestjoni ta' miżuri jew proġetti ffinanzjati minn ISPA u Phare jirrikjedu kontroll ex ante, jiġifieri, deċiżjonijiet li jikkonċernaw prokura u għoti ta' kuntratti jittieħdu mill-awtorità kontraenti u jiġu rriferuti lid-Delegazzjoni KE fil-pajjiż benefiċjarju għall-approvazzjoni. Għalhekk id-delegazzjonijiet tal-KE huma responsabbli għall-approvazzjoni ta' dokumenti ta' prokura qabel ma jitniedu l-offerti jew qabel ma l-kuntratti jiġu ffirmati.

Il-Kroazja sottomettiet talba lill-Kummissjoni għall-akkreditazzjoni tas-sistema DIS għall-Phare u ISPA fit-tieni kwart ta’ l-2005. Sussegwentement, is-servizzi ta’ verifika tal-Kummissjoni (tad-DG ELARG u REGIO) evalwaw il-programm/proġett nazzjonali u settorjali ta' ġestjoni, il-proċeduri ta' kontroll finanzjarju u l-istrutturi li jinvolvu l-finanzi pubbliċi fil-Kroazja. Fuq il-bażi ta' din il-valutazzjoni, il-Kummissjoni ddeċidiet fi Frar 2006 li tagħti t-tmexxija ta’ Phare[4] u ISPA fuq bażi parzjalment deċentralizzata lill-entità nominata Kroata fil-Ministeru tal-Finanzi.

Min-naħa l-oħra, SAPARD huwa implimentat fuq bażi totalment deċentralizzata (SIED = Sistema ta' Implimentazzjoni Estiża Deċentralizzata). SIED tirrappreżenta deċentralizzazzjoni sħiħa ta' appoġġ ta' l-UE, li tfisser il-proċess li permezz tiegħu l-ġestjoni tal-fondi ta' qabel l-adeżjoni ta' l-UE hija devoluta lill-amministrazzjoni ta' pajjiżi kandidati, fejn il-Kummissjoni ma teżerċita l-ebda kontroll sistematiku ex-ante fuq it-tranżazzjonijiet individwali, iżda hija limitata għal kontroll ex-post, filwaqt li tibqa' żżomm ir-responsabilità finali għal eżekuzzjoni ġenerali tal-baġit.

Id-delegazzjoni ta' responsabilità ta' ġestjoni SID u SIED titlob minn kull pajjiż li jistabbilixxi ġestjoni u sistemi ta' kontroll xierqa li għandhom jiġu approvati fuq livell nazzjonali mill-Uffiċjal Nazzjonali Awtorizzanti. Ladarba jintlaħqu dawn il-kundizzjonijiet, il-Kummissjoni twettaq verifika ta' konformità qabel ma tittieħed id-Deċiżjoni mill-Kummissjoni li tikkonferixxi ġestjoni finanzjarja.

Fl-2006 sar aktar progress biex issir il-mixja lejn is-SIED fil-Bulgarija u fir-Rumanija, fuq il-bażi tar-Regolament ta' Koordinazzjoni. Bħala riżultat r-Rumanija ngħatat l-akkreditazzjoni "IPSA SIED" f'Novembru 2006 għaż-żewġ aġenziji tal-pajjiż għall-implimentazzjoni fit-Trasport. Madankollu, l-akkreditazzjoni SIED ma ngħatatx lill-aġenzija ta' implimentazzjoni ambjentali minħabba dgħufijiet ta' kapaċità u prestazzjoni batuta. 'Il quddiem għandhom isiru verifiki sabiex tittieħed deċiżjoni dwar l-akkreditazzjoni ta' l-aġenzija ta' implimentazzjoni ambjentali fil-Bulgarija. Intant, is-sistema SID ta' kontrolli ex-ante tibqa' f'postha.

L-aġenziji ta' implimentazzjoni ISPA kollha fir-Rumanija kienu akkreditati mas-SIED f'Ġunju 2006, wara verifika mill-Kummissjoni. S'issa għadhom ma ttieħdu l-ebda passi fil-Kroazja sabiex tinkiseb akkreditazzjoni "ISPA SIED", peress li l-implimentazzjoni ta' ISPA għadha fi stadju relattivament bikri.

Għall-Phare u l-ISPA, it-triq għas-SIED issir permezz ta’ 4 stadji deskritti fid-dokument ta' Ħidma tal-Kummissjoni “Tħejjija għal Deċentralizzazzjoni Estiża” u d-dokument “il-Pjan ta’ Azzjoni lejn is-SIED għall-ISPA u l-PHARE”. Il-Pjan ta’ Azzjoni ifassal l-istadji ta' proċedura li jwasslu għal deċiżjoni tas-SIED. L-istadji 1 sa 3 huma r-responsabilità tal-pajjiżi Kandidati u għandhom stima tal-Lakuni, it-Tneħħija tal-Lakuni u stima ta' Konformità tas-sistemi ta' ġestjoni u kontroll. L-istadju 4 huwa t-tħejjija għal deċiżjoni tal-Kummissjoni u huwa r-responsabilità tal-Kummissjoni. Din id-deċiżjoni tittieħed wara reviżjoni fil-fond, inkluż verifika tas-sistemi ta' ġestjoni u kontroll li ssir fuq il-post kif deskritta fl-applikazzjoni tas-SIED ippreżentata lill-Kummissjoni mill-Uffiċjal Nazzjonali Awtorizzanti.

Għal aktar informazzjoni dwar is-SIED, ara l-Anness 1.2.

3. IL-MONITORAġġ U L-VALUTAZZJONI

3.1 PHARE

L-eżekuzzjoni tal-programmi PHARE hija soġġetta għal proċess strutturat ta' monitoraġġ u valutazzjoni. Kumitat Konġunt ta' Monitoraġġ (JMC) f'kull pajjiż huwa appoġġat minn Sotto-Kumitati Settorjali ta' Monitoraġġ (SMSC) li jiltaqgħu darbtejn fis-sena.

Fl-Istati Membri l-ġodda, is-sistema JMC hija regolata minn mandat rivedut JMC, bl-iskop li jsaħħaħ aktar fil-fond il-funzjoni ta’ monitoraġġ tal-JMC kif ukoll l-obbligi relatati ta’ rapportar lill-Kummissjoni. Għalhekk, l-Istati Membri l-ġodda kollha ppreżentaw ir-Rapporti ta' Status ta' Implimentazzjoni tagħhom lill-JMCs, li saħħew ir-riżultati ta’ monitoraġġ u tar-rapport ta’ valutazzjoni interim kif ukoll ir-rappurtar finanzjarju. Sew fil-Bulgarija kif ukoll fir-Rumanija, fl-2006 il-JMC kellu rwol attiv meta wieħed iqis l-isfidi li l-amministrazzjonijiet rispettivi kellhom jaffaċċjaw fil-fażi ta' tħejjija finali qabel l-adeżjoni. Fil-Kroazja, is-sistema ta' JMC/SMSC, li tagħha sar test-pilota fl-2005, twaqqfet fl-2006. Il-laqgħat JMC għall-Kroazja koprew il-programmi Phare kif ukoll iddeċentralizzaw il-proġetti CARDS.

Is-sistema ta’ valutazzjoni u monitoraġġ interim tinvolvi deċentralizzazzjoni suċċessiva tar-responsabilitajiet ta’ monitoraġġ u tar-rapport ta’ valutazzjoni interim lill-Pajjiżi Kandidati, flimkien ma’ l-akkreditazzjonijiet lid-DIS u s-SIED. L-Istati Membri l-ġodda kollha kienu stabbilew il-funzjonijiet tagħhom deċentralizzati ta’ monitoraġġ u valutazzjoni (IE) interim sa mill-2005. Fil-waqt li r-responsabbiltà għall-monitoraġġ ġiet deċentralizzata lejn il-Bulgarija u r-Rumanija fl-2001, il-funzjoni IE baqghet ċentralizzata sal-jum ta' l-adeżjoni. Huwa mistenni li verifika temporanja deċentralizzata titwaqqaf mill-awtoritajiet tal-Bulgarija u tar-Rumanija kmieni fl-2007. Il-Kroazja ngħatat DIS fi Frar 2006, inkluż ir-responsabbiltà tagħha li twaqqaf sistema ta' monitoraġġ.

Fl-2006, il-funzjoni ċċentraliżżata IE tad-DĠ għat-Tkabbir ipproduċiet 24 rapport dwar il-pajjiżi individwali, settorali, ad-hoc jew tematiċi dwar l-appoġġ Phare għall-Bulgarija u r-Rumanija.

Il-messaġġi prinċipali li ħarġu mill-verifiki tal-Bulgarija u tar-Rumanija huma dawn li ġejjin:

- Kollox ma' kollox, ir-riżultati ta' l-evalwazzjoni kkonkludew li l-prestazzjoni ta' Phare tjiebet mal-medda taż-żmien, iżda r-riżultati għadhom imħallta;

- L-implimentazzjoni ta' Phare tibqa' ta' sfida b'dewmien kuntrattwali mifrix;

- Ir-riżultati nkisbu b'mod bejn wieħed u ieħor xieraq, anki jekk aktar tard milli ppjanat;

- It-tisħib kien effettiv l-aktar fejn jidħol il-bini ta' l-istituzzjonijiet, biex b'hekk żdiedet il-kapaċità ta' assorbiment tal-benefiċjarji;

- Kien hemm varjazzjoni kbira fil-prestazzjoni settorjali ta' Phare Fir-Rumanija, is-Suq Intern u l-Ambjent huma s-setturi li kisbu l-ogħla marki. B'kuntrast, is-setturi li ġabu l-anqas marki huma l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali u l-Enerġija u Trasport. Fil-Bulgarija, l-Ambjent huwa s-settur bl-ogħla marki. Is-setturi bl-anqas marki huma l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, is-Soċjali u l-Enerġija u Trasport.

- L-appoġġ minn Phare kien meħtieġ b'mod kritiku sabiex ikunu jistgħu jinbdew riformi fl-amministrazzjoni pubblika u fil-ġudikatura iżda ma sarx biżżejjed progress;

- Phare kellha effett limitat fit-tħejjija ta’ benefiċarji għall-Fondi Strutturali; It-tħaffif fil-tħejjijiet għall-Fondi Strutturali kien l-aktar minħabba l-isforzi li għamlu l-awtoritajiet stess fid-dawl ta' l-imminenza ta' l-adeżjoni;

- Phare ma kkontribwiex biżżejjed sabiex ikun żgurat li l-istrutturi nazzjonali ta' koordinazzjoni u l-proċeduri ikunu f'posthom;

Is-sostenibbiltà ta' l-assistenza Phare qed tikber, hekk kif Phare saħħaħ is-sistemi legali, organizzazzjonali u amministrattivi f'ħafna setturi.

3.2 ISPA

Il-Proġetti ISPA huma kollha soġġetti għar-Regolament ta' l-ISPA u d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Finanzjarju kemm dawk tal-monitoraġġ kif ukoll dawk tal-valutazzjoni. Il-progress ta' implimentazzjoni huwa rivedut b'mod sistematiku darbtejn fis-sena u b'mod perjodiku mis-servizzi tal-Kummissjoni, b'mod partikolari permezz tal-Kumitati tal-Monitoraġġ.

Il-kundizzjonijiet mitluba għal valutazzjoni ex-post huma stipulati fit-Taqsima XIII ta' l-anness tal-Memorandum Finanzjarju, li huwa konkluż għal kull proġett li jseħħ bejn il-Kummissjoni u l-istat benefiċjarju ta' l-ISPA. Din it-taqsima tiddikjara li wara t-tlestija ta' proġett, il-Kummissjoni u l-pajjiżi benefiċjarji għandhom jivvalutaw l-impatt tal-proġett u l-mod kif il-proġett twettaq. Sa tmiem l-2006 ma kien hemm l-ebda proġett maħsub fir-Rumanija jew fil-Kroazja. Madankollu, għalkenn xi proġetti fil-Bulgarija kienu fil-biċċa l-kbira lesti sa tmiem l-2006, l-ebda proġett ta' investiment għadu ma tlesta. Għaldaqstant ma tnediet l-ebda verifika ex-post din is-sena.

3.3 SAPARD

L-implimentazzjoni tal-programmi SAPARD hija soġġetta għad-dispożizzjonijiet tal-'Ftehim Finanzjarju Multi-Annwali' kemm fir-rigward tal-monitoraġġ kif ukoll f'dak tal-valutazzjoni. Fl-2006 kull wieħed mill-Kumitati tal-Monitoraġġ iltaqa' mill-anqas darba. Il-Kummissjoni ssuktat fil-ħidma mill-qrib tagħha mal-pajjiżi benefiċjarji fuq l-adattazzjoni u l-ġestjoni tas-sistemi ta' monitoraġġ u valutazzjoni. Il-laqgħat tal-Kumitat ta’ Monitoraġġ li saru fl-2006, ħolqu opportunità siewja sabiex jiġu diskussi u deċiżi: (i) il-monitoraġġ ta’ l-implimentazzjoni tal-programmi (ii) l-approvazzjoni tal-modifiki meħtieġa fejn għandu x’jaqsam l-għeluq tal-programm u t-titjib tal-kapaċità ta' assorbiment tal-programmi (BG, RO) kif ukoll (iii) l-approvazzjoni tar-rapporti annwali dwar il-progress miksub b'relazzjoni għall-implimentazzjoni tal-programmi Sapard, qabel il-preżentazzjoni uffiċjali tagħhom lill-Kummissjoni.

4. KOORDINAZZJONI

4.1. Ġenerali

Kif mitlub mir-Regolament tal-Koordinazzjoni, il-Kummissjoni tiżgura koordinazzjoni mill-qrib bejn it-tliet strumenti ta' qabel l-adeżjoni. Ir-Regolament jispeċifika bir-reqqa l-qasam li kull strument jipprovdi għajnuna rispettiva għalih, u b'hekk inaqqas kemm jista' jkun il-possibilità li l-istrumenti differenti jintużaw b'tali mod li jidħlu fil-qasam ta' xulxin.

L-Imsieħba ta' l-Adeżjoni fasslu l-qafas ġenerali għal għajnuna taħt it-tliet strumenti ta' qabel l-adeżjoni. Huma komplimentati, fil-każ tal-Phare, bil-Pjanijiet ta' Żvilupp Nazzjonali, u fil-każ ta' l-ISPA, bl-istrateġiji nazzjonali għall-ambjent u t-trasport. Il-proġetti SAPARD jintgħażlu abbażi tal-Programmi ta' Żvilupp Rurali għas-sena 2000 sa l-2006, jitħejjew abbażi tal-pjanijiet tal-pajjiżi Kandidati u jiġu approvati għal kull pajjiż mill-Kummissjoni fis-sena 2000.

Il- Kumitat ta' Ġestjoni tal-Phare għandu rwol ewlieni fil-koordinazzjoni ġenerali. Skond l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Koordinazzjoni, il-Kumitat għandu jgħin lill-Kummissjoni fil-koordinazzjoni ta' operati li jaqgħu taħt it-3 strumenti u l-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kumitat dwar l-allokazzjonijiet finanzjarji indikattivi għal kull pajjiż u għal kull strument ta' qabel l-adeżjoni fir-rigward ta' l-azzjoni li tkun ħadet fejn tidħol il-koordinazzjoni ma’ l-EIB, ma' strumenti oħra tal-Komunità u ma' l-IFI.

4.2. Il-Koordinazzjoni fil-Kummissjoni

Il-programm Phare u l-koordinazzjoni ta' l-istrumenti jaqgħu taħt ir-responsabilità tad-DĠ għat-Tkabbir, appoġġjat mill-Kumitat ta' Ġestjoni Phare. L-ISPA jaqa' taħt ir-responsabilità tad-DĠ għall-Politika Reġjonali, u SAPARD jaqa’ taħt ir-responsabilità tad-DĠ għall-Agrikoltura.

L-ipprogrammar huwa kkoordinat permezz ta' konsultazzjonijiet estiżi ta' inter-servizzi. Barra minn hekk, ġie stabbilit Kumitat ta' Koordinazzjoni f'livell ta' Diretturi għall-istrumenti ta' qabel l-adeżjoni fis-servizzi varji involuti tal-Kummissjoni. Jagħti attenzjoni partikolari lit-tħejjija tas-SIED, tal-Phare u l-ISPA.

Il- Kumitat ta' Koordinazzjoni tal-Kummissjoni f'livell ta' Direttur għat-3 strumenti ta' qabel l-adeżjoni, ma kellu l-ebda laqgħa matul l-2006, għalkemm kien hemm numru sinifikattiv ta’ laqgħat b'mod partikolari minħabba l-ħolqien ta’ l-Istrument ġdid ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA) u l-komponenti rilevanti tiegħu[5].

Sabiex tevita xogħol doppju, il-Kummissjoni ċċarat l-isfera komuni bejn il-Phare u s-SAPARD, filwaqt li kkunsidrat id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Koordinazzjoni. Fir-rigward tal-monitoraġġ ta' proġett, il-koordinazzjoni tieħu l-forma ta' kumitat konġunt ta' monitoraġġ (JMC). Dan il-JMC huwa appoġġjat, fejn hu possibbli, bil-Kumitati ta' Monitoraġġ ta' l-ISPA u s-sottokumitati rilevanti tal-Phare.

4.3. Koordinazzjoni fil-pajjiżi Kandidati

Il-Kummissjoni tinkoraġġixxi bil-qawwa lill-pajjiżi kandidati biex isaħħu l-koordinazzjoni inter-ministerjali tagħhom, li hija pre-kondizzjoni prinċipali għall-ġestjoni ta’ suċċess fil-futur tal-pajjiżi kandidati tal-Fondi Strutturali u, fuq medda qasira ta' żmien, għall-implimentazzjoni tal-Phare ESC. Għalkemm ġie nnotat progress sinifikanti, għad hemm bżonn ta’ titjib f’din il-koordinazzjoni inter-ministerjali. Minħabba l-fatt li ġestjoni deċentralizzata hija prevista mill-bidu nett (fil-każ tas-SAPARD), jew għandha tibda’ tiżdied bil-mod il-mod (għall-Phare u l-ISPA), ir-responsabilità tal-pajjiżi kandidati għal koordinazzjoni xierqa ta' operat li jirċievu appoġġ ta' qabel l-adeżjoni u li tevita li elementi ta' l-operat jidħlu fil-qasam ta' xulxin, għandha tiġi żviluppata skond dan.

Għalhekk, il-Kummissjoni talbet mill-pajjiżi l-kondizzjoni li jieħdu l-passi meħtieġa għal koordinazzjoni effettiva u effiċjenti. Il-lista ta’ kontroll trażmessa lill-pajjiżi kandidati u d-Delegazzjonijiet tal-Kummissjoni, li tippermetti li dawn ta’ l-aħħar jivverifikaw li l-IA hija kapaċi tħaddem ‘skema’ ta’ Phare ESC b’mod għaqli u effiċjenti, sostni li hemm bżonn li ssir evalwazzjoni sabiex turi illi l-mekkaniżmi stabbiliti huma adekwati, u li mekkaniżmi xierqa huma fis-seħħ, sabiex tiżgura li l-istrumenti tal-Komunità ma jidħlux f’xulxin, notevolment il-Phare CBC, is-SAPARD u l-ISPA.

4.4. Koordinazzjoni ma' l-EIB u l-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali (IFI)

Il-Kummissjoni tikkonsulta l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali (“IFIs”) u d-donaturi bilaterali b’mod regolari matul iċ-ċiklu programmatiku, sabiex tiddentifika l-ambitu għall-attivitajiet konġunti u strateġiji kumplimentari li jindirizzaw il-prijoritajiet ta' qabel l-adeżjoni.

Il-kooperazzjoni u l-kofinanzjament ta’ proġetti ma’ l-EIB u l-IFIs l-oħra, b’mod partikolari l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (“EBRD”), il-Bank Dinji kif ukoll il-Bank għall-Iżvilupp tal-Kunsill ta’ l-Ewropa (“CEB”), flimkien mal-Kreditanstalt für Wiederaufbau "KfW") Ġermaniż, hija organizzata skond il-Memorandum emendat ta’ Ftehim bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-IFIs li qed jipparteċipaw għall-pajjiżi għat-tkabbir ta’ l-26 ta’ April 2006.

Fil-kuntest ta’ Phare, il-possibilitajiet ta’ kofinanzjament mill-IFI għall-proġetti ta’ investiment fuq livell programmatiku nazzjonali huma limitati, peress illi l-mekkaniżmi ta’ programmazzjoni għal Phare kif ukoll il-mekkaniżmi ta’ allokazzjoni għal self huma differenti fl-istima ta' żmien. Madankollu, kooperazzjoni mill-qrib tinżamm ma’ l-IFIs biex tiżgura li qafas għaqli u sostenibbli ikun identifikat li jippermetti l-finanzjar ta’ self, kull meta din tkun aktar xierqa mill-fondi ta' finanzjament sabiex tkun żgurata żieda bejn iż-żewġ mezzi ta’ finanzjament.

Fejn għandhom x’jaqsmu l-programmi orizzontali ffinanzjati taħt il-Phare, l-għaxar pajjiżi Phare kienu eliġibbli qabel l-2005. Il-programmi l-ġodda li ngħataw bidu mill-2005 ikopru 4 pajjiżi biss: Ir-Rumanija, il-Bulgarija, il-Kroazja u t-Turkija[6]. In-natura teknika u l-istrateġija multi-nazzjonali tal-faċilitajiet suċċessivi orizzontali ta’ finanzjament kellhom bżonn l-involviment ta' istituzzjonijiet ta' finanzjament speċjalizzati sew, b'esperjenza twila fil-finanzi internazzjonali, l-SME kif ukoll l-iżvilupp settorali Muniċipali. Kienu qed ikunu pprivileġġati istituzzjonijiet finanzjarji li kellhom l-istatus ta' korpi tal-liġi pubblika internazzjonali li kienu jaqblu mal-valuri ta' l-UE, b'mod partikolari fir-rigward tat-tkabbir u kellhom għanijiet simili ta' politika pubblika, aktar minn istituzzjonijiet finanzjarji tas-settur privat għar-riċerka ta' kundizzjonijiet għal investimenti kummerċjali.

L-ewwel programm ta’ faċilità tnieda fl-1999 ma’ l-EBRD. Is-CEB, li jimplimenta l-programm flimkien ma’ KfW, u l-EIB saru parti mill-programmi ta' Faċilità fis-snin ta' wara. Sa mill-1999, 32 programmi ta’ Faċilità ngħataw bidu mill-Kummissjoni.

- 18 SME Faċilitajiet ta’ Finanzi li flimkien jagħqdu €376 miljun inċentivi ta’ l-UE u €2,328.25 miljun ta’ linji ta’ kreditu mill-IFIs. Sa mit-tmiem ta’ Frar 2007, €287.6 miljun ta’ inċentivi ta’ l-UE huma diġà mmirati għal proġetti.

- 11 Faċilitajiet Muniċipali ta’ Finanzi li flimkien jagħqdu total ta’ €117.8 miljun ta’ inċentivi ta’ l-UE u €589 miljun ta’ self mill-IFIs. Minn nofs Frar 2007; €41.3 million ta' inċentivi ta' l-UE huma diġà destinati fil-proġetti.

- 3 Faċilitajiet Finanzjarji dwar effiċjenza fl-enerġija għall-ewwel darba fl-2006, li jinkludu €53 miljun ta' inċentivi ta' l-UE u €212 miljun ta' self mill-IFIs. L-implimentazzjoni se tibda' f'April 2007.

Il-Faċilità ta’ Finanzi ta’ l-SMEs hija programm multi-benefiċjarju li timmira li ssaħħaħ il-kapaċitajiet ta’ intermedjarji finanzjarji (jiġifieri banek, kumpaniji tal-kiri) fil-pajjiżi benefiċjarji (l-Istati Membri l-Ġodda u l-Pajjiżi Kandidati), biex jespandu u jsostnu l-ħidmiet finanzjarji lill-SMEs.

Il-mekkaniżmu tal-Faċilità Muniċipali Finanzjarja huwa simili għall-mekkaniżmu tal-Faċilità ta’ Finanzi ta’ l-SME. L-istrumenti ta’ self u ta' qsim ta' riskji mir-riżorsi ta’ IFIs huma magħquda ma’ inċentivi finanzjarji li ma jistgħux jingħataw lura għall-intermedjarji lokali finanzjarji. Huwa previst ukoll illi ammont limitat ta’ għajnuna teknika għall-muniċipalitajiet għandu jkun iffinanzjat mill-Phare biex issaħħaħ l-aspett tat-talba tas-suq muniċipali ta’ kreditu.

Il-Faċilità dwar l-effiċjenza fl-enerġija tnediet fl-2006 b'risposta għall-Green Paper dwar l-effiċjenza fl-enerġija u d-Direttiva dwar l-effiċjenza enerġetika fil-bini. L-għan hu li jiġu stimulati investimenti fl-effiċjenza ta' l-enerġija f'kull tip ta' bini u fis-settur ta' l-industrija billi jingħataw fondi xierqa lil dawk li jissellfu Il-programm jgħaqqad linji ta' kreditu IFI estiżi lejn intermedjarji finanzjarji b'inċentivi biex titjieb l-effiċjenza finanzjarja ta' l-apparat u biex l-investiment fl-enerġija jsir aktar attraenti, u miżati għall-benefiċċju ta' intermedjarji finanzjarji lokali sabiex jitħajjru jissellfu fl-iffinanzjar għal-effiċjenza fl-enerġija.

L-EIB u l-Kummissjoni waqqfu faċilità fuq reġjuni fil-fruntiera, kif intalab mill-Kunsill Ewropew ta’ Nizza, u kif kien imfassal fil-Komunikat tal-Kummissjoni dwar ir-Reġjuni tal-Fruntiera tal-25 ta’ Lulju 2001. Il-proġett jiffoka fuq l-implimentazzjoni ta’ infrastruttura żgħira muniċipali f’reġjuni fil-fruntiera sabiex jippromwovi l-integrazzjoni ma’ reġjuni kurrenti ta’ l-UE: Jikkonsisti f''2 programmi ta’ Infrastruttura Muniċipali magħmulin minn total ta’ €40 miljun ta’ inċentivi ta’ l-UE u €200 miljun ta’ self mill-EIB. Dan il-programm huwa implimentat biss ma’ l-EIB f’reġjuni ta’ fruntieri u għadu fil-proċess ta’ implimentazzjoni. Il-kontribuzzjoni ta' l-UE tnaqqset minn €50 għal €40 miljun fl-2006 sabiex id-daqs tal-programm jiġi jaqbel ma' proġetti potenzjali.

5. ĦARSA ĠENERALI FINANZJARJA

L-allokazzjonijiet għal kull pajjiż għall-PHARE[7], l-ISPA u s-SAPARD fl-2006 (f'miljuni ta' €)

PHARE | SAPARD | ISPA | TOTAL |

Il-Bulgarija | 305.3 | 82.4 | 167.8 | 555.5 |

Ir-Rumanija | 544.3 | 192.4 | 377.9 | 1114.6 |

Il-Kroazja | 78.2 | 25.0 | 34.4 | 137.6 |

Total | 927.8 | 299.8 | 580.1 | 1807.7 |

[1] Ippubblikat fil-ĠU L 161, tal-26.06.1999, p.68

[2] Sakemm il-Fond Nazzjonali ma jkunx qiegħed jaġixxi bħala aġent ta' ħlas f'isem l-Aġenzija ta' Implimentazzjoni

[3] L-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Koordinazzjoni jipprovdi bażi legali għal “rinunzja ta' l-approvazzjoni ex ante minn naħa tal-Kummissjoni ta' l-għażla ta' proġett, minn pajjiżi applikanti u tas-sejħiet għall-offerti u l-għotja ta' kuntratti relattivi magħhom”

[4] Kif ukoll id-deċentralizzazzjoni tal-CFCU u l-bqija tal-proġetti CARDS

[5] Mis-6 strumenti proposti dwar ir-relazzjonijiet esterni li għandhom japplikaw fil-perjodu 2007-2013, wieħed minnhom huwa l-istrument il-ġdid għall-għajnuna ta’ qabel l-adeżjoni, IPA. Fil-fażi bejn l-għajnuna esterna u l-politika interna, l-IPA bi ħsiebha tiffaċilita d-dħul fl-Unjoni tal-pajjiżi kandidati (it-Turkija, il-Kroazja u l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja) u l-pajjiżi kandidati potenzjali. L-IPA se jkun strument orjentat lejn is-sħubija, fejn jissodisfa l-ħtiġijiet kollha li joriġinaw mill-proċess ta’ l-adeżjoni, notevolment skond il-prijoritajiet, il-monitoraġġ u l-valutazzjoni. L-IPA għandu jissosstitwixxi l-istrumenti preżenti ta’ qabel l-adeżjoni, notevolment: Phare, li l-għan tiegħu huwa l-appoġġ għall-implimentazzjoni ta’ l-acquis communautaire fil-forma ta’ bini ta’ istituzzjoni u investimenti relatati, investimenti fil-koeżjoni ekonomika u soċjali u kooperazzjoni li taqsam il-fruntieri; ISPA, li hija l-prekursur tal-Fond ta’ Koeżjoni u għandha x‘taqsam ma’ l-ambjent u l-infrastruttura tat-trasport; SAPARD, il-prekursur tal-pjanijiet dwar l-Iżvilupp Rurali, li jittratta ma’ l-acquis tal-Politika Agrikola Komuni u l-iżvilupp Rurali; il-proċess ta’ qabel l-adeżjoni tat-Turkija, bl-istess għan tal-Phare; CARDS, li jkopri l-Balkani tal-Punent.

[6] It-Turkija hija koperta mill-assistenza finanzjarja għat-Turkjja ta' qabel l-adeżjoni

[7] Il-figuri għal Phare huma bejn wieħed u ieħor peress li jinkludu r-Roadmap BG/RO u l-kontribuzzjonijiet tal-Kroazja lejn programmi b'ħafna pajjiżi li ma jistgħux jinqasmu bi preċiżjoni skond il-pajjiż. Fl-annessi tal-pajjiżi hemm tqassim tar-roadmap skond it-tip ta' programm. Iċ-ċifra għall-Bulgarija tinkludi l-programm KIDs għaż-żarmar nukleari. Iċ-ċifri kollha jeskludu n-nefqa ta' apoġġ.

Top