EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007DC0385

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - Rapport dwar l-implimentazzjoni, il-funzjonament u l-effettività tat-TLD ".eu"

/* KUMM/2007/0385 finali */

52007DC0385

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - Rapport dwar l-implimentazzjoni, il-funzjonament u l-effettività tat-TLD ".eu" /* KUMM/2007/0385 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 6.7.2007

KUMM(2007) 385 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Rapport dwar l-implimentazzjoni, il-funzjonament u l-effettività tat-TLD ".eu"

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Rapport dwar l-implimentazzjoni, il-funzjonament u l-effettività tat-TLD ".eu" (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

1. KUNTEST – IL-ħTIEġA GħAL ".EU"

Is-sistema ta' isem ta' domain (DNS – domain name system ) ta' l-Internet tikkonsisti f'sensiela ta' direttorji organizzati ġerarkikament, li jipprovdu informazzjoni dwar l-ismijiet u l-indirizzi ta' riżorsi ta' l-Internet differenti (siti tal-web, servers tal-posta, servers ta' l-ismijiet, eċċ.) li huma disponibbli għall-pubbliku permezz ta' l-Internet. L-isem ta' domain jipprovdi tikketta faċli biex tintuża li wara tista' tinqaleb mis-Sistema ta' Domain għal indirizz ta' l-Internet (identifikatur numeriku) biex jiffaċilita l-komunikazzjoni mar-riżorsa assoċjata. Id- Domain ta' l-Ogħla Livell ( Top Level Domain , minn hawn 'il quddiem TLD) jikkostitwixxi dik il-parti ta' l-isem ta' domain li tidentifika l-organizzazzjoni (magħrufa bħala r-reġistru) li tiġġestixxi familja partikolari ta' ismijiet ta' domain . Hemm żewġ tipi ta' TLDs fl-Internet: jew kodiċi tal-pajjiż ta' l-ISO 3166 magħmul minn żewġ ittri għal TLD nazzjonali (ccTLD – country-code TLD ) bħalma huma ".uk" ".fr" jew ".jp", jew taqsira jew isem ġeneriku bħal "com", "net", jew "museum".

It-TLD ".eu" huwa ccTLD introdott reċentement għall-Unjoni Ewropea maħsub biex jagħti liċ-ċittadini, l-organizzazzjonijiet pubbliċi u privati u l-impriżi fl-Ewropa ċiberidentità ta' l-UE speċifika u ambjent affidabbli li jenfasizza l-identità Ewropea tagħhom fl-Internet u jiffaċilitalhom l-involviment f'attivitajiet ekonomiċi ta' dan is-suq virtwali karatterizzat minn żvilupp rapidu. Biex dan l-ambjent affidabbli jintlaħaq, l-UE ddeċidiet li l-ismijiet ta' domain ".eu" jkunu suġġetti għal regoli komuni tal-politika pubblika li jiggarantixxu użu xieraq, aċċess ekwu u trattament ġust tar-reġistranti. Bħala TLD pan-Ewropew, ".eu" jipprovdi wkoll alternattiva addizzjonali u komplimentari ta' isem ta' domain għall-ccTLDs nazzjonali ta' l-Istati Membri u għat-TLDs ġeneriċi (gTLDs), li l-parti l-kbira tagħhom joperaw totalment jew parzjalment barra mill-kompetenza ġuridika ta' l-UE.

Għaldaqstant, it-TLD ".eu" joffri alternattiva unika u ta' valur għal min jirreġistra isem ta' domain fl-UE billi lill-utenti ta' l-Internet u partikolarment is-suq għall-kummerċ elettroniku, joffrilhom dimensjoni addizzjonali ma' dawk diġà eżistenti fid-DNS. Huwa jaspira li jissodisfa l-ħtiġijiet taċ-ċittadini ta' l-UE għal ċiberspazju li fih drittijiethom bħala konsumaturi u individwi jitħarsu minn regoli, standards u protezzjoni ġudizzjarja Ewropej billi l-vantaġġi tas-Suq Intern ikunu estiżi għad-dimensjoni ta' l-Internet.

Din il-Komunikazzjoni telenka l-preparattivi li nħtieġu biex jinħoloq it-TLD ".eu" u tinforma l-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-implimentazzjoni, l-effettività u l-funzjonament tat-TLD ".eu" kif previsti mill-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 733/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' April 2002 dwar l-implimentazzjoni tat-TLD ".eu"[1].

2. IMPLIMENTAZZJONI

2.1. Il-mudell ".eu"

Il-mudell tat-TLD ".eu" jissejjes fuq l-indipendenza tar-Reġistru fil-ġestjoni ta' kuljum ta' l-attivitajiet tiegħu, il-kummerċjalizzazzjoni ta' l-ismijiet ta' domain permezz ta' aġenziji kummerċjali akkreditati ("reġistraturi") u d-dritt ta' l-utent finali biex jipproteġi l-isem ta' domain tiegħu jew tagħha kontra abbużi potenzjali minn partijiet terzi.

L-ewwel element f'din l-ekwazzjoni huwa r-Reġistru. Fid-dokument ta' ħidma tagħha tas-sena 2000[2], il-Kummissjoni pproponiet bosta possibbiltajiet għall-għażla tar-Reġistru ".eu", dawn huma: assoċjazzjoni bla skop ta' lukru ddedikata li għandha tkun inkorporata fi ħdan l-UE, entità kummerċjali totalment privata, organizzazzjoni pubblika jew privata eżistenti fuq livell nazzjonali jew Ewropew u, fl-aħħar, l-assenjazzjoni tal-funzjonijiet tar-Reġistru lil dipartiment kompetenti ta' amministrazzjoni pubblika eżistenti.

Matul it-taħditiet dwar il-mudell xieraq għal TLD ".eu", deher biċ-ċar li ma kienx xieraq għall-istituzzjonijiet Komunitarji li jmorru lil hinn mill-funzjonijiet ta' politika ġenerali tagħhom. Kien hemm qbil ġenerali li entità separata speċjalizzata tkun fl-aħjar qagħda biex timplimenta u tiġġestixxi direttament is-sistema TLD kif ukoll tieħu ħsieb kuntatti ta' kuljum ma' l-utenti. Għalhekk, il-Kunsill u l-Parlament iddeċidew li jafdaw il-ġestjoni tat-TLD ".eu" lil Reġistru indipendenti u bla skop ta' lukru.

Din id-deċiżjoni tirrepeti l-approċċ meħud għal bosta ccTLDs ta' suċċess madwar id-dinja u partikolarment fl-Ewropa. Ir-Reġistru jiffirma kuntratt mal-Kummissjoni li jawtorizzaha jkollha rwol ta' superviżjoni ġenerali. Madankollu, il-Kummissjoni mhijiex kompetenti għat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar ismijiet ta' domain partikolari jew għall-operazzjonijiet ta' kuljum tar-Reġistru u lanqas mhi l-istanza ta' appell għad-deċiżjonijiet meħuda mir-Reġistru. Is-separazzjoni ċara tad-dmirijiet[3] tippermetti lir-Reġistru jieħu deċiżjonijiet awtonomi dwar ir-reġistrazzjoni ta' ismijiet ta' domain u tikkonforma mal-prinċipji ta' nuqqas ta' ndħil, amministrazzjoni u regolamentazzjoni minnu stess skond ir-Regolament 733/2002[4].

Is-separazzjoni tal-kompetenzi ma tiqafx ma' l-indipendenza tar-Reġistru mill-Kummissjoni. Biex tkun garantita n-newtralità tar-Reġistru rigward l-ismijiet ta' domain li tieħu ħsieb, il-mudell ".eu" jipprojbixxi lir-Reġistru milli jaġixxi hu stess bħala reġistratur[5]. Dan l-approċċ irawwem il-kompetittività fis-suq ta' l-ismijiet ta' domain li fih ir-reġistraturi jkollhom tendenza li jiddiversifikaw l-offerta tagħhom biex jissodisfaw il-ħtiġijiet differenti ta' l-utenti finali filwaqt li jiggarantixxu prezzijiet kompetittivi.

L-aħħar element li jikkompleta l-mudell ".eu" huwa r-reġistrant. L-utent finali huwa responsabbli mill-iċċekkjar ta' l-offerta mill-komunità tar-Reġistraturi u mill-għażla ta' dik l-aktar adatta biex tissodisfa l-ħtiġijiet tiegħu. Barra minn hekk, matul il-perjodu inizjali ta' reġistrazzjoni f'fażijiet, l-utent finali kien responsabbli wkoll mit-tressiq ta' applikazzjoni sħiħa u preċiża biex jiggarantixxi li din ikollha suċċess u, jekk ikun il-każ, biex jiddefendi l-validità tagħha. F'dan ir-rigward, ta' min jinnota li l-mudell ".eu" jafda fuq il-kuxjenzjożità ta' l-utenti finali biex jiddefendu drittijiethom u biex jagħtu bidu għall-mekkaniżmi ta' protezzjoni meta jsir xi abbuż.

2.2. Qafas ġuridiku

Il-qafas ġuridiku stabbilit mil-leġiżlatur Komunitarju għat-twaqqif u l-implimentazzjoni tat-TLD ".eu" jissejjes fuq żewġ strumenti ġuridiċi, ir-Regolament (KE) Nru 733/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' April 2002 dwar l-implimentazzjoni tat-TLD ".eu", minn hawn 'il quddiem ir- Regolament ta' Qafas , u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 874/2004 tat-28 ta' April 2004 li jippreskrivi r-regoli tal-politika pubblika li jikkonċernaw l-implimentazzjoni u l-funzjonijiet tad- Domain ta' l-Ogħla Livell ".eu" u l-prinċipji li jirregolaw ir-reġistrazzjoni[6], minn hawn 'il quddiem ir- Regoli tal-Politika Pubblika jew RPP . Dawn iż-żewġ strumenti huma kkompletati minn għadd ta' deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-għażla u d-deżinjazzjoni tar-Reġistru. Lista bit-testi ġuridiċi kollha li jikkostitwixxu l-bażi għall-ħolqien tat-TLD ".eu" tinsab fis-sit tal-web tal-Kummissjoni Ewropea[7]. Fl-aħħarnett, ir-Reġistru ħoloq għadd ta' regoli amministrattivi li jirregolaw l-operazzjonijiet ta' kuljum tiegħu fl-ambitu tar-reġistrazzjoni ta' ismijiet ta' domain .

Aktar tagħrif dwar l-istrumenti differenti li jifformaw parti mill-qafas ġuridiku u dwar il-proċedura għall-adozzjoni tagħhom huwa disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/information_society/policy/doteu/index_en.htm.

3. FUNZJONAMENT

3.1. Ir-Reġistru

Skond il-mandat mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill fir-Regolament ta' Qafas[8], il-Kummissjoni ppubblikat sejħa għall-espressjoni ta' interess li fiha stiednet l-applikazzjonijiet minn organizzazzjonijiet li xtaqu jintgħażlu bħala Reġistru[9]. Wara evalwazzjoni komparattiva ta' l-applikazzjonijiet, ir-Reġistru Ewropew tad- domains ta' l-Internet (EURID) inħatar mill-Kummissjoni bħala r-Reġistru tat-TLD ".eu".[10] Kif previst fir-Regolament ta' Qafas, fit-12 ta' Ottubru 2004, il-Kummissjoni ffirmat kuntratt ta' konċessjoni ta' servizz ma' l-EURID[11].

L-EURid hija organizzazzjoni bla skop ta' lukru mwaqqfa f'April 2003 mill-organizzazzjonijiet li joperaw id- domains nazzjonali ta' l-ogħla livell għall-Belġju, l-Italja u l-Iżvezja. Aktar tard, l-organizzazzjonijiet li joperaw id- domains ta' l-ogħla livell għar-Repubblika Ċeka u s-Slovenja ssieħbu bħala membri fl-EURid. Is-sede ta' l-EURid tinsab f'Diegem (fil-Belġju).

Wara l-iffirmar tal-kuntratt bejn il-Kummissjoni u l-EURid għall-ġestjoni tat-TLD ".eu", il-Kummissjoni awtorizzat lill-EURid tinnegozja ftehim għad-delega tat-TLD ".eu" ma' l-ICANN[12]. Għalhekk, l-ICANN irrikonoxxiet l-EURid bħala l-organu maħtur mill-Unjoni Ewropew li jmexxi t-TLD ".eu" sa talanqas l-2009. Sussegwentement għall-iffirmaw ta' dan il-ftehim, ".eu" tqiegħed fuq ir- root zone tas-Sistema ta' Isem ta' Domain (DNS) ta' l-Internet f'Marzu 2005 li jfisser li, mil-lat tekniku, ilu jeżisti minn dak iż-żmien.

3.2. Miżuri għall-protezzjoni ta' l-utenti finali

L-attivitajiet li għandhom x'jaqsmu mad-DNS huma globalment ikkaratterizzati minn ħafna litigazzjoni, tilwim u prattiki kummerċjali "ħorox". L-għadd ta' reġistranti madwar id-dinja l-valur tas-suq ta' l-ismijiet ta' domain wasslu għal imġiba kompetittiva qawwija fost ir-reġistraturi u partikolarment fost dawk li jerġgħu jbigħu. Għalhekk mhuwiex ta' l-istagħġib li wħud mir-reġistranti jaġixxu b'mod abbużiv biex jagħmlu l-qligħ minn dan is-suq li jħajjar.

Il-problema fundamentali hija li jkun garantit li dawn l-abbużi ta' reġistrazzjonijiet u prattiki ta' reġistraturi assoċjati jkunu identifikati u ttrattati b'mod xieraq. Huwa b'dan il-għan li l-qafas ġuridiku għal ".eu" tfassal.

Biex jitnaqqas kemm jista' jkun ir-riskju taċ-ċiberokkupazzjoni ( cybersquatting ) [13] fi ħdan id-".eu", il-leġiżlatur Ewropew żvilupp għodod li jippermettu lill-utenti finali jżommu drittijiethom. Għal dan il-għan inħolqu tliet għodod: ir-riżervazzjoni ta' ismijiet, il-perjodu ta' reġistrazzjoni f'fażijiet u l-proċedura ta' riżoluzzjoni alternattiva ta' disputa (ADR).

3.2.1. Ismijiet riżervati jew esklużi mir-reġistrazzjoni

L-aktar regola sempliċi għall-protezzjoni ta' isem kontra ċ-ċiberokkupazzjoni evidentement hija li teskludih milli jiġi reġistrat bħala isem ta' domain jew li tirriżervah għar-reġistrazzjoni mis-sid leġittimu tiegħu. Ir-Regolament ta' Qafas jipprevedi proċedura biex tkun stabbilita lista ta' ismijiet, fuq talba ta' l-Istati Membri, li ma jistgħux jiġu rreġistrati (Artikolu 5.2a) jew reġistrati biss taħt domain tat-tieni livell (Artikolu 5.2b). L-Artikolu 5 tar-Regolament ta' Qafas jikkostitwixxi wkoll il-bażi għall-Kummissjoni biex tipprovdi għar-riżervazzjoni ta' ismijiet ta' domain biex jintużaw mill-Istati Membri jew mill-istituzzjonijiet u korpi Komunitarji (Artikoli 8 u 9 RPP).

Aktar tagħrif dwar il-proċedura għall-esklużjoni jew riżervazzjoni ta' dawn l-ismijiet jinsab fis-sit tal-web tal-Kummissjoni dwar it-TLD ".eu" http://ec.europa.eu/information_society/policy/doteu/index_en.htm. Il-lista kompluta ta' l-ismijiet esklużi jew riżervati taħt it-TLD ".eu" hija aċċessibbli mis-sit tal-web tar-Reġistru ".eu"[14].

3.2.2. Sunrise

Skond il-mandat mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill fir-Regolament ta' Qafas, ir-RPP għandhom jipprevedu li d-detenturi ta' drittijiet li kienu jeżistu qabel rikonoxxuti jew stabbiliti mil-liġi nazzjonali u/jew tal-Komunità u korpi pubbliċi għandhom jibbenefikaw minn perjodu speċifiku ta' żmien (" sunrise period ") li matulu r-reġistrazzjoni ta' l-ismijiet tagħhom ta' qasam [ domain ] tkun esklussivament riżervata għal dawk id-detenturi ta' drittijiet li kienu jeżistu qabel rikonoxxuti jew stabbiliti bil-liġi nazzjonali u/jew tal-Komunità u korpi pubbliċi[15].

Dan il-mandat huwa implimentat fil-Kapitolu IV (Artikoli 10 sa 14) tar-RPP li jistabbilixxi linji gwida bażiċi dwar kif għandu jkun ittrattat il-perjodu inizjali tar-reġistrazzjoni f'fażijiet. Ir-Reġistru kompla jiżviluppa dawn ir-regoli permezz tar-"regoli sunrise ". Ir-Reġistru għamel sforzi konsiderevoli biex jissimplifika kemm jista' jkun il-proċeduri sunrise billi qies li s- sunrise period jikkonċerna drittijiet minn qabel stabbiliti skond il-liġijiet ta' l-Istati Membri. Kellha tingħata kunsiderazzjoni speċjali lis-sistemi ġuridiċi differenti u lill-mezzi differenti li nħtieġu biex jagħtu prova ta' l-eżistenza u tal-validità ta' dawk id-drittijiet. Dan kellu neċessarjament impatt fuq il-kumplessità tal-proċedura ta' applikazzjoni. Filwaqt li jista' jkun faċli li tressaq prova dokumentali meħtieġa biex tixhed l-eżistenza ta' marka kummerċjali reġistrata, jista' jkun ferm aktar ikkumplikat li tagħti prova ta' l-eżistenza ta' dritt mhux irreġistrat jew, għal ċerti amministrazzjonijiet, isem ta' kumpanija. F'każijiet bħal dawn, l-għażla ta' Reġistratur kompetenti li jiffaċilita l-preparazzjoni ta' l-applikazzjoni sikwit huwa fundamentali għas-suċċess ta' din ta' l-aħħar.

Is- sunrise period ikkonsista f'żewġ fażijiet, kull waħda minnhom damet xahrejn. Matul il-fażi I, ismijiet ta' domain ta' korpi pubbliċi; l-ismijiet ta' territorji ggvernati minn korpi pubbliċi u marki kummerċjali Komunitarji jew nazzjonali reġistrati biss setgħu jkunu suġġetti għal applikazzjoni mill-korp pubbliku, id-detentur ta' marka kummerċjali jew min iħarġitlu l-liċenzja għaliha. Barra minn hekk, matul il-fażi II, setgħet titressaq applikazzjoni għal ismijiet ta' domain bbażati fuq drittijiet oħra li huma protetti mil-liġi nazzjonali, bħalma huma ismijiet ta' kumpaniji, identifikaturi ta' negozji, titoli distinti ta' xogħlijiet letterarji u artistiċi protetti, marki tal-kummerċ mhux reġistrati, ismijiet tal-kummerċ.

Bil-għan li jiġi evitat l-abbuż matul il-fażi sunrise , it-talbiet kollha għal drittijiet ta' qabel kellhom kellhom ikunu verifikabbli permezz ta' evidenza dokumentata li turi bis-saħħa ta' liema liġi ikun jeżisti d-dritt[16]. Il-validazzjoni tad-drittijiet twettqet minn aġenti tal-validazzjoni maħtura mir-Reġistru (jiġifieri PriceWaterhouseCoopers). Ta' min jinnota li l-qafas ġuridiku stabbilit għat-TLD ".eu" ma jidderogax mil-liġi eżistenti u għaldaqstant l-aġent tal-validazzjoni kellu jaċċetta bħala valida kwalunkwe applikazzjoni bbażata fuq marka kummerċjali valida, jew kull tip ieħor ta' dritt minn qabel, mogħtija minn Stat Membru.

L-applikazzjonijiet għall-istess isem ġew valutati fuq bażi 'min jasal l-ewwel jinqeda l-ewwel'. F'każijiet ta' deċiżjonijiet disputati mir-Reġistru dwar ir-reġistrazzjoni ta' isem ta' domain , l-applikanti setgħu jirrikorru għal appell fi qrati ordinarji jew fis-sistema ta' soluzzjonijiet extra-ġudizzjarji ta' konflitti msejħa ADR (ara aktar 'l isfel).

Il-proċedura ta' validazzjoni, li kellha ssir minn professjonisti kwalifikati, ħtieġet li l-miżata għar-reġistrazzjoni ta' isem ta' domain matul is- sunrise period tkun ogħla minn dik matul l-operazzjonijiet normali tar-Reġistru. Skond il-kumplessità għall-validazzjoni tad-dritt minn qabel li fuqha kienet ibbażata l-applikazzjoni, il-prezz varja minn €35 għall-applikazzjoni mressqa mill-korpi pubbliċi, għal €45 għall-applikazzjonijiet ibbażati fuq marki kummerċjali reġistrati u €85 għall-applikazzjonijiet ibbażati fuq drittijiet oħra. Ir-reġistraturi żiedu l-marġini ta' profitt tagħhom mal-miżata. Il-prezz imħallas mill-utent finali ġeneralment irrifletta l-livell u l-kwalità tas-servizz offrut mir-reġistratur.

3.2.3. Politika ta' soluzzjonijiet extra-ġudizzjarji ta' konflitti

Il-qafas ġuridiku għat-TLD ".eu" tipprevedi proċedura ta' Riżoluzzjoni Alternattiva ta' Disputa (ADR) biex issolvi t-tilwim dwar l-ismijiet ta' domain taħt it-TLD ".eu". Din is-sistema tipprovdi garanziji proċedurali għall-partijiet ikkonċernati u tapplika mingħajr preġudizzju għal kull proċedura fil-qrati li kwalunkwe parti interessata tista' tibda kontra d-detentur ta' l-isem ta' domain jew deċiżjoni tal-Reġistru.

Wara proċedura ta' għażla[17], fit-12 ta' April 2005, ir-Reġistru ħatar lill-Qorti ta' Arbitraġġ b'sede fi Praga marbuta mal-Kamra Ekonomika tar-Repubblika Ċeka u l-Kamra ta' l-Agrikoltura tar-Repubblika Ċeka (il-"Qorti ta' Arbitraġġ Ċeka") biex tipprovdi ADR għad-disputi fl-ismijiet ta' domain tat-TLD ".eu".

F'Awissu 2005, il-Qorti ta' Arbitraġġ Ċeka, assistita minn tim ta' preparazzjoni ta' speċjalisti informatiċi u tal-proprjetà intellettwali minn madwar l-Ewropa, nediet konsultazzjoni pubblika dwar sensiela ta' regoli prattiċi li jirfinaw il-linji gwida stabbiliti mir-RPP għas-sistema ADR. F'Novembru 2005, il-Qorti ta' Arbitraġġ Ċeka ppubblikat fis-sit tal-web tagħha[18] s-sensiela finali tar-regoli li jistabbilixxu l-proċeduri amministrattivi għat-tressiq u l-ġestjoni ta' l-ilmenti ADR.

It-tilwim fi ħdan is-sistema ADR għat-TLD ".eu" jistgħu jinbdew kontra reġistrazzjonijiet b'finijiet ħżiena jew abbużivi minn partijiet terzi jew kontra deċiżjonijiet meħuda mir-Reġistru[19]. Il-livell tal-miżati għall-proċeduri ADR huma bbażati fuq il-prinċipju ta' l-irkupru ta' l-ispejjeż. Il-miżati ADR (li jibdew minn €1,850) jitqabblu favorevolment ma' dawk mitluba minn korpi ta' arbitraġġ simili. Fid-dawl tar-riżultati tajbin matul l-ewwel sena ta' operazzjonijiet, il-Qorti ta' Arbitraġġ Ċeka baxxiet il-miżati b'7% mill-1 ta' Jannar 2007. Għal dawk il-partijiet li jużaw firma elettronika matul il-Proċeduri ADR, hemm tnaqqis ieħor ta' 10% fuq il-miżati ADR.

4. EFFETTIVITÀ

L-effettività tas-sistema ta' TLD ".eu" tista' titkejjel skond żewġ indikaturi: l-għadd ta' applikazzjonijiet għall-ismijiet ta' domain u l-effiċjenża tar-Reġistru biex jieħu ħsieb il-funzjonament ta' kuljum tas-sistema ta' reġistrazzjoni.

4.1. Għadd ta' applikazzjonijiet/reġistrazzjonijiet ta' ismijiet ta' domain

Wara sena mit-tnedija, madwar 2,4 miljun isem ".eu" ġie rreġistrat taħt it-TLD ".eu", b'hekk, sal-lum, ".eu" sar it-tielet l-aktar popolari fost l-ismijiet ta' domain ta' l-ogħla livell nazzjonali, u s-seba' TLD l-aktar popolari fid-dinja. Fl-Unjoni Ewropea, id- domains ta' l-ogħla livell nazzjonali (ccTLDs) għall-Ġermanja u għar-Renju Unit biss jaqbżu l-".eu" filwaqt li fuq livell globali, .com, .net, .org u .info biss jistgħu jiftaħru b'aktar reġistrazzjonijiet. Barra minn hekk, issa li l-mewġa inizjali ta' reġistrazzjonijiet għaddiet, qegħdin nesperjenzaw żieda fit-tendenza lejn l-użu tad- domain ".eu" ladarba li jkunu ġew irreġistrati, u mhux biss irreġistrati bħala miżura ta' prekawzjoni.

Iċ-ċifri l-aktar reċenti, bi tqassim skond il-pajjiż, huwa disponibbli fuq: http://status.eurid.eu/.

Tressqu 346,218-il applikazzjoni matul is- sunrise għal 245,221 isem ta' domain . Id-differenza bejn l-għadd ta' applikazzjonijiet u l-għadd ta' ismijiet ta' domain li għalihom tressqu l-applikazzjonijiet hija spjegata mill-fatt li għal uħud mill-ismijiet ta' domain , kien hemm aktar minn applikant wieħed.

Ir-rata medja tat-tkabbir f'kull xahar għar-reġistrazzjoni ta' ismijiet ta' domain bejn Mejju u Diċembru 2006 kienet ta' 4,7% li hija kważi l-ogħla fl-industrija. Barra minn dan, qiegħed jiżdied l-użu ta' kuljum tat-TLD ".eu". L-għadd ta' mistoqsijiet DNS, jiġifieri kemm-il darba xi ħadd iżur sit ".eu" jew jibgħat e-mail lil indirizz elettroniku ".eu"; lir-Reġistru tela' b'ħames darbiet f'nofs sena bejn tmiem Ġunju u tmiem Diċembru 2006.

Minbarra dan, f'Jannar 2007, iktar minn 78% ta' l-ismijiet ta' domain ".eu" jwasslu għal sit tal-web jew server tal-posta elettronika operattivi. Mis-siti tal-web operattivi, 20% minnhom biss iddiriġew awtomatikament lill-viżitatur lejn sit jew URL differenti; dawn iċ-ċifri jindikaw li l-ismijiet ta' domain ".eu" qegħdin jintużaw attivament. Flimkien ma' dan, stħarriġ reċenti mwettaq mir-Reġistru wera li 79 % ta' l-utenti ta' Internet fl-Ewropa huma familjari mal-kunċett ta' TLDs u ismijiet ta' domain u li 63 % jafu bl-eżistenza ta' ".eu". 45 % ta' l-utenti ta' l-Internet jafu li bħala residenti fl-UE, huma jistgħu jirreġistraw domain ".eu" u 11 % qegħdin iqisu l-possibbiltà li jirreġistraw isem ta' domain fi ħdan dan it-TLD.

Minħabba l-interess qawwi fit-TLD ".eu" u n-numru għoli ta' reġistrazzjonijiet, il-Reġistru rnexxielu jbaxxi l-miżati assoċjati mal-proprjetà ta' isem ta' domain ".eu". Mill-1 ta' Jannar 2007, il-prezz għar-reġistrazzjoni ta' isem ta' domain u l-miżata għat-tiġdid annwali naqas minn €10 għal 5. Billi r-Reġistru huwa entità bla skop ta' lukru, fil-ġejjieni aktarx hemm previst aktar tnaqqis. Jeħtieġ li jiġi nnutat li din il-miżata hija mitluba lil reġistraturi ".eu" akkreditati li, imbagħad, jistabbilixxu l-prezzijiet għall-klijenti tagħhom. Bosta reġistraturi jagħqdu s-servizzi tagħhom biex jinkludu, pereżempju, web hosting u pakketti ta' posta elettronika. Illum, il-prezz għal isem ta' domain taħt ".eu" jibda minn madwar €15, b'hekk jixbah il-prezzijiet li s-soltu jintalbu għal ismijiet ta' domain oħrajn taħt .com, .net, .co.uk, .de, eċċ....

Fil-qosor, jista' jiġi konkluż li t-tnedija tat-TLD ".eu" kienet eżerċizzju ta' suċċes u effikaċi, li jissodisfa l-domanda reali fost iċ-ċittadini, l-industriji u organizzazzjonijiet oħra Ewropej.

4.2. Rendiment tas-sistema ta' reġistrazzjoni

Biex jiġi valutat ir-rendiment tas-sistema ta' reġistrazzjoni, ir-RPP[20] jipprevedu li fi tmiem ir-reġistrazzjoni f'fażijiet, għandha titwettaq verifika indipendenti u l-awditur għandu jirrapporta s-sejbiet tiegħu lill-Kummissjoni. L-għan ta' din il-verifika huwa li jikkonferma l-amministrazzjoni operattiva u teknika ġusta, xierqa u korretta matul il-perjodu ta' reġistrazzjonijiet f'fażijiet mir-Reġistru.

Il-metodoloġija tal-verifika inkludiet investigazzjoni bir-reqqa tal-proċessi tar-Reġistru matul is- sunrise . L-awditur ipprova jikseb id- data statistika rilevanti u l-opinjonijiet ta' partijiet terzi (inkluża dik ta' l-esperti fil-qasam tal-proprjetà intellettwali). Twettqet investigazzjoni fuq il-proċessi stabbiliti mir-Reġistru biex jieħu ħsieb l-imġiba abbużiva. Dawn il-proċessi tqabblu ma' approċċi analogi użati mir-reġistri paragunabbli. Fl-aħħarnett, l-awditur wettaq stħarriġ tas-sodisfazzjon minn fost kampjun tar-reġistraturi u kkonsulta kampjun ta' sidien ta' portafolji ta' domains .

Is-sejbiet tar-rapport tal-verifika jistgħu jitqassru kif ġej:

i) Għal dak li għandu x'jaqsam mal-validazzjoni tad-drittijiet matul is- sunrise , l-awditur stabbilixxa li l-għażla ta' l-aġent tal-validazzjoni u t-tfassil tar-regoli applikabbli għas- sunrise saru skond l-ispeċifikazzjonijiet tar-RPP u fil-limiti ta' mudell aċċettabbli mil-lat ekonomiku (spejjeż) u operattiv (produzzjoni) għall-eżekuzzjoni tal-proċess. Dawn ir-regoli tfasslu sabiex jipprovdu proċess kemm jista' jkun uniformi, fi ħdan qafas ġuridiku eteroġenju ta' l-Istati Membri differenti ta' l-Unjoni Ewropea. Fid-dawl tad- data statistika, l-awdituri kkonkludew li ma nstabet l-ebda diskriminazzjoni kontra ċittadini ta' Stat Membru partikolari.

ii) Rigward ir-reġistrazzjonijiet abbużivi, ir-Reġistru implimenta u żamm b'mod koerenti l-prinċipju ta' "min jasal l-ewwel jinqeda l-ewwel". Rigward il-"prattiki ta' ħżin" minn uħud mir-reġistraturi, ir-Reġistru wettaq investigazzjonijiet abbażi ta' kampjuni u lmenti u temm il-kuntratt ma' dawk ir-reġistraturi bi prattiki li tqisu inammissibbli.

iii) Għal dak li għandu x'jaqsam mar-reġistraturi mhux eliġibbli, ir-Reġistru wettaq investigazzjonijiet post factum u rrevoka, fejn kien xieraq, l-ismijiet ta' domain li konsegwentement reġgħu saru disponibbli għall-pubbliku.

iv) Meta kien ċar li bosta eluf ta' reġistraturi akkreditati mar-Reġistru bl-għan waħdieni li jiksbu numru enormi ta' ismijiet ta' domain għal ċerti reġistraturi (l-hekk imsejħa "reġistraturi fantażma"), ir-Reġistru beda azzjonijiet legali quddiem il-Qrati kompetenti.

v) Rigward il-kwistjonijiet operattivi u tekniċi, is-sejbiet tar-rapport tal-verifika jikkonfermaw is-solidità tas-sistema implimentata minn EURid li wriet ruħha bħala adegwata fid-dawl ta' l-ammont u tal-volum ta' applikazzjonijiet matul is- sunrise period u wara.

vi) Rigward in-numru enormi ta' reġistrazzjonijiet li saru wara s-7 ta' April 2006, jiġifieri meta nfetħu l-applikazzjonjiet għall-pubbliku ġenerali ("it-tellieqa l-kbira") u ħarġiet sussegwenti ("it-tellieqa ż-żgħira"), dan kien fenomenu li ħafna reġistri oħrajn ma esperjenzawx. Jidher li din il-prattika hija r-riżultat ta' ħila teknika u kapaċità operattiva min-naħa tar-reġsitraturi. Wara teħid ta' kampjuni attent u estensiv mil- logs tar-reġistru ta' l-EURid, l-awdituri ma sabu l-ebda prova li xi partijiet ikunu ġew iffavoriti kif mhux suppost, la li nkiser il-prinċipju ta' "min jasal l-ewwel jinqeda l-ewwel", la li xi parti mmanipulat bla awtorizzazzjoni d- database , la li s-sistema ta' logging ġiet immanipulata u lanqas li tkissru l- firewalls protettivi installati mill-EURid.

vii) Għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-assistenza lill-utenti finali, ir-Reġistru ħoloq tim ta' sostenn biex jieħu ħsieb it-telefonati, il-posta elettronika, il-faks u l-posta mill-ftuħ tal-fażi " sunrise " (fis-7 ta' Diċembru 2005). Madankollu, jidher li t-tim ta' sostenn ma ħax ħsieb jiddokumenta r-relazzjonijiet tiegħu ma' partijiet terzi b'sistema ta' biljetti xierqa sa Lulju 2006.

5. KONKLUżJONIJIET

Is-sejbiet ta' hawn fuq, meħuda mir-rapport tal-verifika, juru li, kumplessivament, ir-Reġistru ħadem b'mod effiċjenti ħafna matul il-fażi tal-bidu tat-TLD ".eu" u f'konformità totali mal-qafas ġuridiku. M'hemm xejn li jindika li l-livell ta' disputi jew problemi fi ħdan t-TLD ".eu" kien ogħla minn TLDs paragunabbli oħrajn. Billi huwa TLD ta' suċċess li jiġbed lejh għadd kbir ta' reġistranti, huwa inevitabbli li jinvolvi lmenti u disputi dwar l-ismijiet ta' domain . Fid-dawl ta' dak li ġara matul is-snin għal disputi f'TLDs oħra, kien mistenni li kienu se jseħħu għadd ta' lmenti. Bi stagħġib għal uħud mill-osservaturi, it-tnedija tat-TLD ".eu" ġibdet lejha ħafna aktar reġistrazzjonijiet milli kieni mistenni. Minkejja li xi reġistrazzjonijiet kienu spekulattivi u/jew difensivi, il-maġġoranza saru f'bona fidi. Inevitabbilment, xi reġistri nkisbu minn persuni li ppruvaw "jisfruttaw" is-sistema biex jiksbu benefiċċju finanzjarju. Din l-imġiba kienet, sa ċertu punt, prevista. Tabilħaqq, meta l-Parlament Ewropew u l-Kunsill approvaw il-leġiżlazzjoni dwar id- domain ".eu", il-biċċa l-kbira tat-taħdidiet irrigwardaw il-mod kif jistgħu jitnaqqsu kemm jista' jkun l-abbużi. Il-provi juru l-effikaċja konsiderevoli miksuba f'dan ir-rigward mill-qafas ġuridiku u l-implimentazzjoni ta' miżuri difensivi min-naħa ta' l-EURid.

Billi l-fażi tal-bidu ttemmet ftit ilu, l-għanijiet tar-Reġistru ".eu" evolvew ruħhom. Issa, l-isfidi huma aktar titjib tas-servizz mogħti lill-klijenti, pereżempju, bl-adozzjoni ta' kodiċi ta' kondotta għar-reġistraturi. Barra minn hekk, għandha tiġi garantita l-promozzjoni tar-reġistrazzjoni ta' ismijiet ġodda ta' domain , kif ukoll l-użu effettiv tat-TLD ".eu" miċ-ċittadini, l-istituzzjonijiet u l-kumpaniji.

[1] ĠU L 113, 30.4.2002, p. 1.

[2] Sezzjoni 6 tad-Dokument ta' Ħidma tal-Kummissjoni tat-2.2.2000 dwar il-ħolqien ta' l-isem ta' TLD ta' l-Internet ".eu".

[3] Artikolu 2.a tar-Regolament (KE) Nru 733/2002.

[4] Ara l-Premessa 9 tar-Regolament 733/2002.

[5] Artikolu 3.4 tar-Regolament (KE) Nru 733/2002.

[6] ĠU L 162, 30.4.2004, p. 40.

[7] http://europa.eu.int/information_society/policy/doteu/background/index_en.htm

[8] Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 733/2002.

[9] Sejħa għall-espressjoni ta' interess għall-għażla tar-Reġistru tat-TLD .eu (2002/C 208/08), ĠU C 2008, 3.9.2002, p. 6.

[10] Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-ħatra tar-Reġistru tat-TLD ".eu", ĠU L 128, 24.5.2003, p. 29.

[11] Għal aktar tagħrif dwar l-EURid żur http://www.eurid.eu/content/view/12/26/lang,en/

[12] Premessa 15 tar-Regolament (KE) Nru 733/2002.

[13] It-terminu 'ċiberokkupazzjoni' ( cybersquatting ) huwa ġeneralment użat biex jiddeskrivi l-prattika ta' reġistrazzjoni ta' ismijiet ta' domain ta' l-Internet li dwarhom hemm lok għal argumentar li persuni oħra għandhom id-dritt għalihom. Imbagħad, iċ-ċiberokkupant ( cybersquatter ) joffri d- domain lis-sid leġittimu bi prezz eżaġerat.

[14] http://www.eurid.eu/content/view/21/38/lang,en/

[15] Premessa 16 tar-Regolament (KE) Nru 733/2002.

[16] Artikolu 14 tar-RPP.

[17] Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 874/2004.

[18] http://www.adr.eu/adr/adr_rules/index.php

[19] Artikolu 21 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 874/2004.

[20] Artikolu 12(5) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 874/2004.

Top