EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007DC0135

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni - In-Netwerks Transewropej: Lejn approċċ integrat {SEG(2007) 374}

/* KUMM/2007/0135 finali */

52007DC0135

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni - In-Netwerks Transewropej: Lejn approċċ integrat {SEG(2007) 374} /* KUMM/2007/0135 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 21.3.2007

KUMM(2007) 135 finali

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

In-Netwerks Transewropej: Lejn approċċ integrat {SEG(2007) 374}

WERREJ

1. Daħla 3

2. In-Netwerks Transewropej: il-qagħda fi tmiem l-2006 3

2.1. In-Netwerks Transewropej tat-trasport 4

2.2. In-Netwerks Transewropej ta' l-enerġija 6

2.3. In-Netwerks Transewropej tat-telekomunikazzjoni 7

3. Il-punti li indirizza l-Grupp ta' direzzjoni 8

3.1. Is-sinerġiji bejn in-Netwerks Transewropej 8

3.2. Il-ħarsien ta' l-ambjent u n-Netwerks Transewropej 9

3.3. L-isfruttar ta' teknoloġiji ġodda fin-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport 10

3.4. Il-finanzjament tan-Netwerks Transewropej 11

3.4.1. It-tgħaqqid tal-fondi 11

3.4.2. Il-finanzjament tal-proġetti prijoritarji l-kbar 13

3.4.3. Sħubijiet pubbliċi-privati 13

4. Konklużjoni 16

1. DAħLA

L-iżvilupp, il-ħolqien ta' konnessjonijiet, l-integrazzjoni u l-koordinament aħjar ta' l-iżvilupp ta' l-infrastrutturi Ewropej ta' l-enerġija, tat-trasport u tat-telekomunikazzjoni jirrapreżentaw għanijiet ambizzjużi li jissemmew fit-Trattat[1] kif ukoll fil-linji ta' gwida għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi[2].

In-Netwerks Transewropej tat-trasport, ta' l-enerġija jew tat-telekomunikazzjoni, huma bħal sistema ta' ċirkolazzjoni tad-demm għall-ekonomiji tagħna. Jekk ikunu sejrin ħażin huma, tkun sejra ħażin il-kompetittività . L-iżvilupp tagħhom huwa essenzjali għall-aġenda ta' din il-Kummissjoni dwar it-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi.

In-Netwerks Transewropej (TEN) jikkontribwixxu wkoll għat-tisħiħ tal-kompetittività ta' l-Unjoni, permezz ta' programmi industrijali kbar ta' importanza strateġika għall-indipendenza ta' l-Unjoni, bħalma huma GALILEO, ERTMS u SESAR It-TEN jiffaċilitaw ukoll it-tixrid u l-użu effiċjenti tat-teknoloġiji ta' l-informazzjoni u tal-komunikazzjoni permezz tan-netwerks tat-telekomunikazzjoni u tas-sigurtà tal-provvista permezz ta' netwerks ta' l-enerġija. Barra minn hekk, l-użu sostenibbli tar-riżorsi huwa element essenzjali tal-politika tat-TEN, peress li l-mezzi l-aktar ekoloġiċi jibbennefikaw minn pożizzjoni privileġġata fost il-proġetti prijoritarji.

Fuq talba mill-President, il-Kummissjoni stabbiliet, fl-20 ta' Lulju 2005, grupp ta' direzzjoni magħmul minn membri tal-Kummissjoni li l-aktar huma involuti fil-qasam tan-Netwerks Transewropej.

Il-grupp, ippresjedut mill-Kummissarju inkarigat mit-trasport, jiġbor fih il-Kummissarji responsabbli għas-soċjetà ta' l-informazzjoni, ta' l-ambjent, ta' l-affarijiet ekonomiċi u monetarji, tal-politika reġjonali, tal-programmazzjoni finanzjarja u l-baġit, tas-suq intern u ta' l-enerġija.

Dan il-grupp ingħata-mandat li jiddefinixxi approċċ komuni bil-għan li jiġu kkoordinati aħjar id-diversi interventi Komunitarji li jappoġġaw l-istabbiliment tan-Netwerks Transewropej tat-Trasport, ta' l-Enerġija u tat-Telekomunikazzjoni.

Din il-Komunikazzjoni tippreżenta l-qagħda attwali ta' kull wieħed mit-tliet Netwerks Transewropej: tat-trasport, ta' l-enerġija u tat-telekomunikazzjoni. Imbagħad tagħti daqqa t'għajn lejn l-aspetti speċifiċi li ġew żviluppati matul il-laqgħat tal-grupp ta' direzzjoni.

2. IN-NETWERKS TRANSEWROPEJ: IL-QAGħDA FI TMIEM L-2006

L-iżvilupp tan-Netwerks Transewropej huwa element essenzjali għall-ħolqien tas-suq intern u t-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika u soċjali. Għal dan il-għan, l-azzjoni tal-Komunità għandha tħeġġeġ l-interkonnessjoni u l-interoperabbiltà tan-netwerks nazzjonali kif ukoll l-aċċess għal dawn in-netwerks[3].

2.1. In-Netwerks Transewropej tat-trasport

Infrastrutturi moderni tat-trasport, li jwasslu aktar malajr u aktar faċilment l-oġġetti u l-persuni minn Stat Membru għall-ieħor, jippermettu li tittejjeb il-kompetittività ta' l-Unjoni.

Fil-Kunsill Ewropew ta' Essen ġew identifikati 14-il proġett prijoritarju li ddaħħlu fl-ewwel Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Linji ta' Gwida Komunitarji għat-TEN-T fl-1996[4]. Din il-lista ġiet emendata fl-2004 sabiex jitqies it-tkabbir ta' l-Unjoni b'10, imbagħad 12-il Stat Membru ġdid. It-TEN-T llum jinkorpora 30 proġett prijoritarju li għandhom jitwettqu sa tmiem l-2020. Il-Kummissjoni, fost affarijiet oħra dan l-aħħar enfasizzat il-ħtieġa li dawn in-Netwerks Transewropej tat-trasport jiġu estiżi lejn il-pajjiżi ġirien[5].

Dawn il-proġetti kbar waqgħu lura meta mqabbla ma' l-iskedi previsti fil-bidu. Madankollu, proġetti kbar tlestew, jew se jitlestew sa l-2007: il-pont ta' Øresund (li jgħaqqad l-Iżvezja mad-Danimarka, u li tlesta fis-sena 2000), l-ajruport ta' Malpensa (imlesti fl-2001 fl-Italja), il-linja ferrovjarja tal-Betuwe (li tgħaqqad Rotterdam mal-fruntiera Ġermaniża, imlestija fl-2007) jew inkella l-PBKAL (TGV Pariġi-Brussell/Brussell–Köln-Amsterdam-Londra, mlestija fl-2007).

Minn dawn it-30 proġett prijoritarju, tmintax huma proġetti ferrovjarji, tnejn huma proġetti ta' navigazzjoni interna u marittima. B'hekk ingħatat prijorità kbira lil dawk il-mezzi tat-trasport l-aktar ekoloġiċi.

It-tlestija tan-Netwerks Transewropej tat-trasport tesiġi sforzi finanzjarji kbar. Il-bini tal-proġetti prijoritarji waħedhom jirrikjedi investiment ta' €280 biljun, mingħajr ma wieħed iqis is-€600 biljun meħtieġa għan-Netwerk Transewropew kollu. Biex tiġi rispettata d-data ta' skadenza ta' l-2020, se jkunu meħtieġa €160 biljun f'investimenti għall-finanzjament tal-proġetti prijoritarji biss matul il-perjodu ta' programmazzjoni finanzjarja 2007-2013. Żewġ tabelli, li jidhru fl-Anness I ta' din il-komunikazzjoni, juru fejn waslu llum it-30 proġett prijoritarju u fejn se jkunu waslu sa tmiem il-perjodu tal-qafas finanzjarju multijannwali fl-2013. Dawn it-tabelli juru biċ-ċar kemm għad fadal x'isir fuq in-netwerk u liema huma dawk il-kisbiet li għandhom isiru bejn issa u l-2013 sabiex jiġu rispettati l-impenji li ttieħdu.

Matul il-perjodu ta' programmazzjoni finanzjarja 2000-2006, l-Unjoni Ewropea kkontribwiet finanzjarjament għat-tlestija tat-TEN-T permezz tat-tliet strumenti finanzjarji li ġejjin:

- Baġit ta' €4.2 biljun allokati għall-iżvilupp tan-Netwerk Transewropew tat-trasport għall-perjodu ta' programmar finanzjarju 2000-2006. Għajnuniet, allokati abbażi tar-Regolament finanzjarju TEN-T attwali[6], ippermettew il-kofinanzjament ta' dawn il-proġetti f'livelli ta' massimu ta' 10% għat-taqsimiet nazzjonali u ta' massimu ta' 20% għat-taqsimiet transkonfinali.

- In-Netwerks Transewropej tat-Trasport ibbenefikaw ukoll mis-€16-il biljun allokati mill-Fond ta' Koeżjoni. Mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF), €34 biljun ġew investiti fit-trasport, u parti minn din is-somma (investimenti fl-infrastrutturi ferrovjarji, tat-toroq, ta' l-awtostradi, tal-portijiet...) marret għat-TEN-T.

- Il-Bank Ewropew ta' l-Investiment (BEI) silef is-somma ta' €37.9 biljun[7].

Matul il-qafas finanzjarju multijannwali 2007-2013, is-somma ta' €8.013 biljun ġiet allokata għall-iżvilupp tan-Netwerk Transewropew tat-trasport. Fit-12 ta' Diċembru 2006 intlaħaq ftehim politiku fil-Kunsill dwar proposta għal Regolament[8] li jalloka l-kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja fil-qasam tan-Netwerks Transewropej tat-trasport u ta' l-enerġija matul il-perjodu 2007-2013. Din il-proposta għal regolament tipprovdi għal livelli ta' kofinanzjament Komunitarju ta' 50% għall-istudji u livelli massimi ta' bejn 10 u 30% skond it-tip ta' proġett.

L-ERDF u l-Fond ta' Koeżjoni se jibqgħu is-sorsi ewlenin ta' għajnuna Komunitarja għall-kofinanzjament ta' proġetti tan-Netwerk Transewropew tat-Trasport matul il-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013.

L-għotjiet li toffri l-Politika ta' Koeżjoni se jkollhom jiġu sfruttati kemm jista' jkun għaliex għadd konsiderevoli ta' proġetti prijoritarji jinsabu f'territorji li ftit li xejn se jibbenefikaw minn din il-politika Kif kien il-każ għall-perjodu 2000-2006, bosta għexieren ta' biljuni ta' euro se jkunu disponibbli għall-kofinanzjament ta' proġetti fil-qasam tat-trasport permezz ta' l-istrumenti finanzjarji diversi tal-politika reġjonali Ewropea, li minnhom €35 biljun mill-Fond ta' Koeżjoni se jkollhom jiġu investiti prinċipalment fuq il-proġetti prijoritarji. Ir-rati ta' inċentiv (sa 85%) ta' dawn il-fondi se jikkontribwixxu sabiex jiġi ffaċilitat l-arranġament finanzjarju tal-proġetti, u għalhekk, ir-realizzazzjoni ta' dawn il-ħidmiet skond il-kalendarju previst fil-linji ta' gwida dwar it-TEN-T. L-Istati Membri eliġibbli għall-Fond ta' Koeżjoni u wkoll għar-Reġjuni eliġibbli għall-obbjettiv ta' "Konverġenza" tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali huma mistiedna jirrikorru għal dawn l-istrumenti sabiex jesegwixxu l-proġetti prijoritarji li jinsabu fuq it-territorju tagħhom[9].

Ġeneralment, il-kontribuzzjoni Komunitarja għat-tlestija tan-netwerk Transewropew tat-trasport trid tkun ikkonċentrata fuq is-sezzjonijiet traskonfinali u l-punti ta' konġestjoni.

Il-BEI se jkompli jiffinanzja l-infrastrutturi tat-trasport permezz ta' self u permezz ta' strument ta' garanzija speċifiku pprovdut b'€500 miljun mill-fondi proprji tal-BEI u €500 miljun ġejjin mill-baġit tan-Netwerk Transewropew tat-trasport (jiġifieri 6.25% tal-pakkett kollu).

2.2. In-Netwerks Transewropej ta' l-enerġija

Il-Komunità dan l-aħħar adottat linji ta' gwida bil-għan li taġġorna n-Netwerks Transewropej ta' l-enerġija.[10] 32 proġett marbuta man-netwerks ta' l-elettriku u 10 proġetti marbuta man-netwerks tal-gass ġew iddikjarati bħala proġetti ta' interess Ewropew. Dawn il-proġetti għandhom jitlestew bi prijorità għalhiex huma essenzjali għall-istabbiliment ta' netwerk ta' l-enerġija fuq skala Ewropea.

Il-kapaċità tan-netwerks tal-gass trid tiġi adattata sabiex tassigura u tiddiversifika l-importazzjoni li ġejja min-Norveġja, mir-Russja, mill-baċir tal-Baħar l-Iswed, mill-Mediterran u mil-Lvant Nofsani.

Bejn illum u l-2013, l-UE se jkollha tinvesti mhux anqas minn €30 biljun fuq l-infrastrutturi (€6 biljun fuq it-trasport bl-enerġija elettrika, €19-il biljun fuq il-pajpijiet tal-gass u €5 biljuni fuq it-terminals tal-gass naturali likwifikat – LNG), jekk għandha tindirizza l-prijoritajiet imsemmija fil-linji ta' gwida dwar it-TEN-E. Pereżempju, jitqies li se jkun meħtieġ, sabiex fin-netwerk ta' l-elettriku tiddaħħal enerġija minn sorsi rinnovabbli u sabiex jiġu internalizzati l-ispejjeż ta' bilanċjar tal-produtturi intermittenti, bejn €700-800 miljun fis-sena. Bejn is-sena 2000 u 2006, ġew investiti madwar €140 miljun fin-Netwerks Transewropej ta' l-enerġija mill-baġit tat-TEN. Għall-qafas finanzjarju 2007-2013, is-somma ta' €155 miljun hija prevista fir-Regolament TEN li għadu qed jiġi approvat. Jekk wieħed iqis il-kwistjonijiet u l-ħtiġijiet involuti, dan l-ammont huwa limitat ħafna. Din is-somma se tikkontribwixxi l-aktar għall-finanzjament ta' l-istudji. Se jkun meħtieġ finanzjament addizzjonali mill-Politika ta' Koeżjoni kif ukoll mill-Bank Ewropew ta' l-Investiment.

Il-Programm ta' interkonnessjonijiet prijoritarji, adottat fl-10 ta' Jannar 2007, jagħti rendikont tal-qagħda tal-proġetti prijoritarji u janalizza, minbarra l-problemi ta' finanzjament, l-ostakli għat-twettiq ta' dawn il-proġetti. Dan il-programm ippropona strateġija bbażata fuq 4 azzjonijiet konkreti: valutazzjoni ta' l-infrastrutturi ewlenin li jiffaċċaw l-aktar diffikultajiet serji, il-ħatra tal-koordinaturi Ewropej, l-ippjanar koordinat fuq livell reġjonali kif ukoll l-armonizzazzjoni tal-proċeduri ta' awtorizzazzjoni.

Il-Kunsill Ewropew tad-9 ta' Marzu 2007 ikkonferma dan l-approċċ u enfasizza, notevolment, l-importanza li jiġu żviluppati l-interkonnessjonijiet bejn in-netwerks. Il-Kunsill appoġġa l-proposta tal-Kummissjoni li jinħatru koordinaturi Ewropej u stiednet proposti biex jittejbu l-proċeduri amministrattivi għat-teħid tad-deċiżjonijeit.

2.3. In-Netwerks Transewropej tat-telekomunikazzjoni

Il-ftuħ progressiv tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni għall-kompetizzjoni mill-1988 kellu effetti konsiderevoli. Iż-żieda fil-kompetizzjoni stimulat l-investiment, l-innovazzjoni, il-ħolqien ta' servizzi ġodda u wasslet għal tbaxxija kbira fil-prezzijiet għall-konsumaturi.

Mill-liberalizzazzjoni l-hawn, il-mobilitazzjoni tan-netwerks tat-telekomunikazzjoni fl-Ewropa ġiet xprunata l-aktar mill-investiment kummerċjali. Minkejja tnaqqis fil-pass bejn l-1999 u l-2001, l-investimenti kienu kbar. Pereżempju, fl-2005, l-infiq kapitali tela' għal aktar minn €45 biljun, li minnhom €25 biljun għal infrastrutturi fissi, jiġifieri żieda annwali ta' aktar minn 5%, u dan għat-tielet sena konsekuttiva.

Illum il-ġurnata, l-investiment qed jikkonċentra fuq it-titjib tan-netwerks eżistenti għall-ġenerazzjoni li jmiss, fil-mobilitazzjoni ta' l-infrastruttura tal- mobiles tat-3 Ġenerazzjoni u infrastruttura wajerless oħra, u fil-provvista tal- broadband liż-żoni rurali ta' l-UE . L-investiment jista' jinvolvi t-tqegħid ta' netwerks ta' kejbils ottiċi ( fibre-optic ), fejn ix-xogħlijiet ċivili u t-tqegħid tal-kejbils ġewwa l-bini jirrappreżentaw 70% ta' l-ispejjeż tal-mobilitazzjoni. Il-bini ta' linji ferrovjarji, toroq jew linji ta' l-enerġija jista' jiffaċilita l-ftuħ ta' dawn in-netwerks f'żoni b'nuqqasijiet ta' provvista

Il-Komunikazzjoni "Bridging the Broadband Gap"[11] tiġbed l-attenzjoni lejn l-inugwaljanzi bejn iż-żoni urbani u rurali u titlob lill-Istati Membri biex jieħdu azzjonijiet konkreti u jiffissaw miri ħalli din il-qabża tingħalaq sa l-2010. Fid-dawl ta' falliment tas-suq, l-appoġġ pubbliku huwa mħeġġeġ f'rispett sħiħ tar-regoli dwar it-telekomunikazzjoni u l-għajnuna mill-Istat. Il-bidu tal-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss għall-politiki ta' koeżjoni u l-iżvilupp rurali jista' jkun opportunità eċċellenti sabiex żoni reġjonali u rurali jinvestu fil- broadband.

Jeħtieġ li ssir pjanta ta' l-infrastrutturi eżistenti sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jevalwaw aħjar il-ħtiġijiet infrastrutturali tagħhom u jisfruttaw xogħolijiet ċivili għaddejjin. L-awtoritajiet rilevanti responsabbli għal proġetti kbar tat-trasport/enerġija li huma għaddejjin għandhom iqisu l-ħtiġijiet ta' l-infrastruttura tat-telekomunikazzjoni u jipprovdu kif jixraq għall-ippjanar u għall-baġit abbażi ta' l-infrastruttura eżistenti. Barra minn hekk, jeħtieġ koordinament aħjar ta' sorsi alternattivi ta' finanzjament (Fondi Strutturali, Il-Fond għall-Iżvilupp Rurali, TEN u l-fondi nazzjonali) sabiex tiġi żviluppata sistema ta' ppjanar koerenti u l-firxa tal- broadband titwessa' kemm jista' jkun.

3. IL-PUNTI LI INDIRIZZA L-GRUPP TA' DIREZZJONI

Il-Grupp ta' direzzjoni tal-Kummissarji "Netwerks Transewropej" iltaqa' sitt darbiet minn meta nħoloq fis-7 ta' Diċembru 2005. Il-Grupp iddiskuta l-kwistjonijiet ta' sinerġija bejn in-Netwerks Transewropej, il-mezzi ta' finanzjament u t-tqassim tagħhom fost l-istrumenti finanzjarji Komunitarji differenti. Ġew ukoll diskussi oqsma aktar ġenerali (TEN u l-ambjent, l-iżvilupp ta' strumenti finanzjarji Komunitarji ġodda).

3.1. Is-sinerġiji bejn in-Netwerks Transewropej

L-Unjoni, notevolment fl-Istati Membri l-ġodda fejn il-ħtiġijiet ta' l-infrastruttura huma importanti, għandha interess li tippromwovi l-bini ta' infrastrutturi kkombinati?

Il-kombinazzjoni bejn il-linji ferrovjarji u t-toroq kellha suċċess[12]: użu mnaqqas ta' l-ispazju, strutturi komuni ta' inġinerija, inqas impatt viżiv, u inqas frammentazzjoni tal-pajsaġġ, miżuri għat-tnaqqis ta' l-impatt ta' infrastrutturi komuni (protezzjoni mill-istorbju, vijadotti għall-fawna kbira u żgħira). Possibilitajiet reali għat-tnaqqis ta' l-ispejjeż u l-impatt ambjentali jeżistu għall-infrastrutturi kombinati.

Sar studju dwar il-possibbiltajiet ta' żvilupp ta' kombinazzjonijiet oħra (il-mogħdija ta' linji ta' vultaġġ għoli f'mina tal-ferroviji, iż-żieda ta' kejbils tat-telekomunikazzjoni ma' linja ferrovjarja)[13]. Il-fattibbiltà teknika, l-impatt fuq l-ispejjeż tal-proġetti u l-kumplessità tal-proċeduri ġew analizzati. Il-konklużjonijiet tiegħu huma dawn.

Ħlief fil-każ tal-kombinazzjoni "linji tal-gass-infrastrutturi oħra", fejn il-fattibilità teknika hija diffiċli, fid-dawl tal-parametri stretti ta' sikurezza meħtieġa, jeżistru vantaġġi reali fil-kombinazzjoni ta' TENs ma' xulxin. Is-sinerġiji bejn in-netwerks tat-telekomunikazzjoni u n-netwerks tat-trasport jidhru l-aktar promettenti. Kull netwerk tat-trasport jista' jiġi ottimizzat billi jkollu n-netwerk ta' komunikazzjoni tiegħu stess, li tintuża għall-ġestjoni tan-netwerk. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, in-netwerks ferrovjarji u dawk tat-toroq diġà għandhom netwerks ta' komunikazzjoni bħal dawn. F'ċerti każijiet, il-kapaċità żejda ta' dawn in-netwerks hija utilizzata għal skopijiet oħra, bħal pereżempju għat-trażmissjoni tad- data. Min-naħa l-oħra, it-tiftix sistematiku għal sinerġiji bejn netwerk ta' ġestjoni ta' l-infrastruttura u netwerk tat-telekomunikazzjoni, sa mill-bidu tal-kostruzzjoni ta' l-infrastruttura, għadu ħaġa rari.

Jistgħu jiġu esplorati possibilitajiet interessanti għall-konnessjonijiet bejn in-netwerks ta' l-elettriku: It-tqegħid tal-kejbils b'vultaġġ għoli max-xtajtiet / ġnub tal-kanali u tax-xmajjar, interkonnessjonijiet b'vultaġġ limitat (25 kV għal darbtejn) permezz tal-linji għall-ferroviji b'veloċità għolja, interkonnessjonijiet aktar sistematiċi tal-linji b'vultaġġ għoli ta' taħt l-art (300 sa 700 kV) fil-mogħdijiet tan-netwerks tat-trasport. Dawn is-suġġerimenti ma jeħdux lok il-ħtieġa immedjata għall-interkonnessjoni tan-netwerks nazzjonali ta' vultaġġ għoli, iżda jesiġu nisġa ifjen ta' netwerks nazzjonali ta' l-elettriku fuq medda ta' żmien itwal fuq binarju parallel mal-perjodu meħtieġ għat-twettiq ta' proġetti kbar ta' l-infrastruttura.

Jistgħu jinħolqu wkoll sinerġiji fuq il-livell proċedurali: Il-valutazzjoniijiet ta' l-impatt, l-ippjanar, jew it-tfassil ta' l-estimi ukoll jistgħu jiġu kkombinati. L-ippjanar ta' żewġ tiġi ta' infrastrutturi, fuq binarji paralleli, immexxija minn liġijiet u proċeduri finanzjarji differenti, jew li ċ-ċikli ta' ħajjithom u tad-dewmien tal-kostruzzjoni huma differenti, jista' madankollu jirriżulta bħala xi ħaġa kumplessa.

Konklużjoni :

Il-Grupp jirrakkomanda li x-xogħlijiet għandhom jitmexxew skond is-sinerġiji potenzjali bejn in-Netwerks Transewropej differenti. Se titħejja gwida li tiġbor l-aħjar prassi u li sservi ta' informazzjoni għall-isponsors tal-proġetti dwar is-sinerġiji potenzjali bejn l-infrastrutturi.

Għandha tingħata prijiorità lill-esplorazzjoni tas-sinerġiji bejn il-proġetti ta' l-enerġija ġeotermali u l-mini li għandhom jinbnew fil-qafas tan-Netwerks Transewropej tat-Trasport.

Il-grupp iqis li t-tqegħid fuq pjanta ta' l-infrastruttura tat-telekomunikazzjoni huwa meħtieġ u l-ħtiġijiet tat-telekomunikazzjoni għandhom jitqiesu fil-bini tan-netwerks tat-trasport u ta' l-enerġija.

3.2. Il-ħarsien ta' l-ambjent u n-Netwerks Transewropej

L-istrateġija ta' Liżbona għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi tistieden il-ħolqien tat-TEN b'approċċ kompatibbli ma' l-iżvilupp sostenibbli.

It-30 proġett prijoritarju tan-Netwerk Transewropew tat-Trasport huma fil-biċċa l-kbira proġetti li jiffavorixxu l-mezzi tat-trasport l-aktar ekoloġiċi u li jikkunsmaw l-anqas enerġija, bħalma huma l-ferroviji u l-mogħdijiet bl-ilma. It-tlestija tan-Netwerk Transewropew tat-trasport se jkollu impatt pożittiv fuq l-ambjent. Jekk nibqgħu sejrin kif aħna, l-emissjonijiet ta' CO2 mit-trasport sa l-2020 se jitilgħu bi 38% mil-livelli ta' issa. It-twettiq tat-30 proġett prijoritarju se jrattab din iż-żieda b'madwar 4%, jew tnaqqis ta' emissjonijiet ta' CO2 ta' 6.3 miljun tunnellata fis-sena.

L-interkonnessjonijiet tan-netwerks nazzjonali ta' l-enerġija u tal-konnessjonijiet tas-sorsi ta' l-enerġija li jiġġeddu jippermettu li tittejjeb kemm jista' jkun l-utilizzazzjoni tal-kapaċitajiet f'kull Stat Membru, u b'hekk it-tnaqqis ta' l-impatt ambjentali.

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-ħarsien ta' l-ambjent tistabbilixxi qafas strutturat li fih għandhom jitwettqu l-proġetti l-kbar. L-orjentazzjonijiet Komunitarji għall-iżvilupp tan-Netwerk Transewropew tat-trasport jirreferu espliċitament għal dan[14]. Kull programm ġdid ta' infrastruttura jrid jgħaddi minn valutazzjoni ta' l-impatt ambjentali[15], u kull proġett irid jiġi evalwat individwalment[16]. Dan l-obbligu doppju jippermetti li mil-lat ambjentali il-proġetti l-kbar jiġu esegwiti tajjeb kemm jista' jkun. Fl-istess ħin, dawn l-analiżijiet jistgħu iservu ta' qafas għall-istudju dwar sinerġiji li jistgħu jinkisbu fil-ġejjieni.

Minbarra dawn l-analiżijiet ambjentali, kull proġett individwali jrid jirrispetta l-liġi Komunitarja dwar l-istorbju, l-ilma u l-ħarsien tal-flora u l-fawna[17]. Jekk jiġu osservati impatti fuq kwalunkwe wieħed minn dawn l-aspetti, ikollhom jinsabu alternattivi sabiex il-ħarsien ambjentali jiġi ggarantit kemm jista' jkun. Jekk l-ebda waħda mill-alternattivi għal proġett iddikjarat bħala wieħed ta' interess pubbliku ma titqies bħala l-aqwa soluzzjoni, u f'konformità mal-leġiżlazzjoni Komunitarja, jistgħu jiġu adottati miżuri ta' kumpens, li jippermettu t-twettiq tal-proġett filwaqt li jsir kontribut li jikkumpensa għall-impatt negattiv eventwali. L-Anness 2 jipproponi l-kundizzjonijiet li fihom jistgħu jitqiesu dawn il-miżuri.

Konklużjoni :

It-tlaqqigħ tan-Netwerks Transewropej tat-trasport mar-rispett għall-impenji ta' l-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-liġi ambjentali jesiġi koordinazzjoni miżjuda bejn id-diversi servizzi kkonċernati tal-Kummissjoni. Għal dan il-għan ġie mfassal dokument ta' referenza, mehmuż ma' din il-Komunikazzjoni.

3.3. L-isfruttar ta' teknoloġiji ġodda fin-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport

Il-valutazzjoni ta' nofs il-mandat tal- White Paper tal-Kummissjoni ta’ l-2001 dwar il-Politika tat-Trasport[18], li ġiet approvata dan l-aħħar, tirrikonoxxi r-rwol li jista' jkollhom teknoloġiji ġodda fil-provvista ta' trasport sikur u sostenibbli tal-persuni u ta' l-oġġetti. Fi ħdan is-7 Programm ta' Qafas Ewropew għar-Riċerka u l-Iżvilupp (2007-2013), l-innovazzjoni teknoloġika fit-trasport se tikkontribwixxi direttament għall-kompetittività Ewropea, u l-aġendi ambjentali u soċjali.

Fost l-oqsma ta' prijorità l-aktar promettenti huma s-Sistemi tat-Trasport Intelliġenti (ITS) li jintegraw teknoloġiji ta' l-informazzjoni, tal-komunikazzjoni, tan-navigazzjoni u tal-pożizzjonar mal-vetturi u l-infrastruttura u l-utenti tat-trasport.

L-investiment fl-ITS għandu jitqies bħala element strateġikament importanti fil-proġetti kollha ġodda tan-Netwerks Transewropej tat-Trasport, u fi proġetti għat-tiġdid tan-netwerks u l-konnessjonijiet eżistenti. Barra minn hekk, l-ITS joffru sett ta' għodod għall-ko-modalità u s-sostenibbiltà ambjentali.

Eżempji ta' applikazzjoni b'suċċess ta' ITS fin-netwerks tat-trasport jinkludu s-Sistemi għall-Kontroll u l-Ġestjoni tat-Toroq (proġetti Ewroreġjonali bħala parti mill-Programm Multijannwali Indikattiv 2001-2006, TEMPO), is-Sistemi ta' Navigazzjoni u Kontroll tal-Passaġġi ta' l-Ilma (RIS u SafeSeaNet); u s-Sistema Ewropea għall-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS). Inbeda x-xogħol fuq l-hekk imsejħa Sistemi Kooperattivi bbażati fuq il-komunikazzjoni u l-pożizzjonar preċiż bejn vettura u oħra u bejn il-vetturi u l-infrastruttura (L-Inizjattiva għall-Karozzi Intelliġenti i2010). Dawn is-sistemi se joffru benefiċċji sostanzjali aktar fit-tul għal trasport sikur u ekoloġiku. Fl-aħħarnett, GALILEO, il-proġett Ewropew dwar in-Navigazzjoni bis-Satellita se joffri servizzi mtejba sostanzjalment ta' navigazzjoni, pożizzjonar u żamma tal-ħin għall-mezzi kollha tat-trasport meta jibda jopera fl-2010. L-ITS jinkludi wkoll servizzi għall-utenti aħħarin, fosthom Informazzjoni f'Ħin Reali dwar it-Traffiku u l-Ivvjaġġar, u jikkontribwixxi għal ħinijiet iqsar ta' l-ivvjaġġar, sikurezza mtejba u appoġġ għall-komodalità.

Minkejja l-benefiċċji magħrufa tagħhom, is-sistemi u s-servizzi ta' l-ITS fl-Ewropa għadhom mhux uniformi u għandhom nuqqasijiet f'diversi oqsma. Matul il-perjodu 2007-2013, l-Ewropa għandha tiffoka fuq mobilitazzjoni fuq skala kbira. L-awtoritajiet pubbliċi għandhom jisfruttaw l-użu ta' teknoloġiji ġodda sabiex jindirizzaw l-għanijiet ta' politika u b'hekk joħolqu suq kbir biżżejjed għall-prodotti innovattivi ta' l-ITS.

Konklużjoni:

Il-grupp huwa tal-fehma li għan-Netwerks Transewropej tat-Trasport, l-użu ta' teknoloġiji ġodda joffri għodod effettivi għat-titjib tas-sikurezza u għat-tnaqqis tal-konġestjoni u l-impatt ambjentali mit-trasport.

Il-grupp jirrakkomanda li għandu jkun inkluż, mill-bidunett, investiment fis-Sistemi tat-Trasport Intelliġenti (ITS) li tipikament jirrappreżenta ftit punti perċentali ta' l-ispiża fuq l-infrastruttura, fl-ippjanar għall-proġetti kollha l-ġodda tat-TEN-trasport, kif ukoll jitqies bħala element essenzjali għall-proġetti kollha ta' titjib u tiġdid ta' l-infrastruttura.

3.4. Il-finanzjament tan-Netwerks Transewropej

Is-sorsi differenti ta' finanzjament iridu jiġu kkoordinati u jridu jiġu żviluppati mekkaniżmi ġodda li jtejbu l-finanzjament ġenerali u l-kofinanzjament Komunitarju ta' dawn l-infrastrutturi.

3.4.1. It-tgħaqqid tal-fondi

Il-kwistjoni tal-kumulazzjoni tal-finanzjament Komunitarju minn sorsi differenti għall-istess proġett ilha tħabbat lill-Kummissjoni. Il-Qorti ta' l-Awdituri semmiet din il-kwistjoni fir-rapporti tagħha dwar l-implimentazzjoni mill-Kummissjoni tan-Netwerks Transewropej.

Il-Grupp ta' direzzjoni kkonkluda li kull possibilità ta' kumulazzjoni ta' l-għotjiet minn fondi differenti tal-Komunità trid tiġi eskluża. Sabiex tiġi ggarantita trasparenza finanzjarja u fl-interess ta' ġestjoni finanzjarja tajba, ir-regolament finanzjarju u/jew strumenti ta' bażi settorjali li ġew addotatti, inkella li huma fil-proċess ta' l-adozzjoni, jeskludu l-kumulazzjoni ta' strumenti finanzjarji differenti tal-Komunità għall-istess azzjoni.

Fil-kuntest tal-programmi operattivi li jirċievu għajnuna finanzjarja mill-Fondi Strutturali u/jew il-Fond tal-Koeżjoni, strumenti finanzjarji oħra tal-Komunità ma jistgħux jissostitwixxu l-kofinanzjament nazzjonali meħtieġ.

In-nefqa fi proġett li huwa parti minn programm operattiv li jirċievi għajnuna finanzjarja mill-fondi Strutturali u/jew il-Fond ta' Koeżjoni ma tistax tibbenefika minn finanzjament Komunitarju ieħor. Għalhekk meta n-nefqa, pereżempju għal apparat ERTMS jew l-elettrifikazzjoni ta' linja ferrovjarja, ma tkunx qed tirċievi għajnuna finanzjarja mill-fondi Strutturali u/jew il-Fond ta' Koeżjoni, din tista' tibbenefika minn finanzjament TEN. Il-bini nnifsu tal-linja ferrovjarja jista' jiġi ffinanzjat mill-ERDF jew mill-Fond ta' Koeżjoni. Il-proġetti jistgħu ukoll jitqassmu f'sezzjonijiet ġeografiċi, li jistgħu jiġu kofinanzjati jew mill-ERFD/Fond ta' Koeżjoni jew minn finanzjament-TEN.

Fl-għoti ta' sussidji TEN, il-Kummissjoni għalhekk se tivverifika li l-proġetti ma jkunux irċevew finanzjament mill-Fondi Strutturali jew il-Fond ta' Koeżjoni.

Wara konsultazzjoni mal-Qorti ta' l-Awdituri, il-Kummissjoni se toħroġ ukoll linji ta gwida lill-Istati Membri dwar kif jistgħu jiġu kkombinati l-istrumenti varji ta' finanzjament.

Din il-projbizzjoni tal-finanzjament doppju trid twassal lill-Istati Membri sabiex jagħżlu l-istrument finanzjarju li taħtu se jitolbu l-ħlas tal-kontribuzzjoni Komunitarja skond il-grad ta' għajnuna li jkun disponibbli taħt dak l-istrument u skond il-prijorità tal-proġetti. Għalhekk, l-Istati Membri eliġibbli għall-fondi ta' koeżjoni u r-reġjuni eliġibbli għall-objettiv "Konverġenza" huma mitluba jagħtu prijorità lil dawn l-istrument għall-kofinanzjament tal-proġetti kbar ta' l-infrastruttura.

Konklużjoni :

Il-Grupp ta' direzzjoni kkonferma l-ħtieġa li jinżamm approċċ koerenti permezz ta' l-istrumenti ġuridiċi differenti. Il-prinċipju tan-non-kumulazzjoni issa huwa ddefinit fil-leġiżlazzjoni Komunitarja, u b'hekk jirrispondi direttament għall-osservazzjonijiet tal-Qorti ta' l-Awdituri.

3.4.2. Il-finanzjament tal-proġetti prijoritarji l-kbar

Id-dewmien fit-twettiq tal-proġetti prijoritarji tat-trasport huwa dovut l-aktar għad-diffikultajiet ta' kompatibbiltà bejn ir-regoli dwar l-għoti tas-sussidji Komunitarju mill-baġit tat-TEN u l-ħtiġijiet finanzjarji reali tal-proġetti prijoritarji l-kbar.

Ir-regolament TEN il-ġdid se jippermetti kofinanzjament aħjar tal-proġetti transkonfinali l-kbar li huma teknikament u finanzjarjament kumplessi. Ukoll jekk it-twettiq tagħhom jaqa' taħt difersi oqfsa finanzjarji, il-kofinanzjament jidher li huwa għażla kompletament loġika: Tista' tittieħed deċiżjoni dwar l-allokazzjoni minn qafas finanzjarju u l-ħlasijiet jistgħu jitilgħu lil hinn minn dan il-qafas finanzjarju, hekk kif jipproċedu x-xogħolijiet tal-proġett.

Jekk is-soluzzjoni definita fir-Regolament il-ġdid dwar it-TEN, li jippermetti finanzjament multijannwali permezz ta' allokazzjonijiet annwali, ma tkunx biżżejjed biex tindirizza l-ħtiġijiet, se jiġu eżaminati għażliet oħra.

3.4.3. Sħubijiet pubbliċi-privati

Is-sħubijiet pubbliċi-privati (PPP) jippermettu lill-awtoritajiet pubbliċi jiddelegaw lil impriżi pubbliċi dmirijiet ta' servizz pubbliku. Il-vantaġġi ta' PPP huma diversi: kontroll aħjar fuq l-ispejjeż (kostruzzjoni u sfruttar) u rata ogħla ta' tlestija tax-xogħolijiet fil-limiti taż-żmien stipulati. Iżda fuq kollox, parti mir-riskju jiġi ttrasferit għas-sieħeb privat: minbarra r-riskju tal-kostruzzjoni, is-sieħeb privat jista' jassumi kemm ir-riskju ta' l-isfruttar kif ukoll ir-riskju tad-disponibbiltà. Dan it-trasferiment tar-riskju huwa importanti ferm għall-kalkolu tad-dejn jew tad-defiċit pubbliku. Fil-bidu ta' l-2004, ġiet ippubblikata deċiżjoni tal-Eurostat dwar il-kalkolu ta' "l-investimenti privati" fil-qafas ta' PPP, fil-konfront tad-dejn pubbliku[19]. Peress li s-sieħeb privat jerfa' jew ir-riskju tal-kostruzzjoni inkella r-riskju tad-disponibbiltà jew ir-riskju ta' l-isfruttar, l-investimenti privati mhux bilfors jiġu inklużi fil-kalkolu tad-dejn pubbliku.

Infetħet konsultazzjoni dwar l-evoluzzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja li taffettwa l-kuntratti pubbliċi sabiex jitqies l-iżvilupp rapidu tal-PPP. Fl-2004, il-Kummissjoni adottat Green Paper dwar il-PPP. F'Novembru 2005, il-Kummissjoni ħabbret inizjattiva leġiżlattiva possibbli li tista' twassal għall-evoluzzjoni tal-qafas ġuridiku ta' l-għotjiet, sabiex tintlaħaq sikurezza ġuridika akbar filwaqt li tinżamm biżżejjed flessibilità għad-diversi forom ta' PPP li jeżistu.

Il-BEI qed iwaqqaf Ċentru Ewropew ta' Għarfien dwar is-Sħubiji Pubbliċi-Privati (EPEC) flimkien mal-Kummissjoni u partijiet interessati oħra. Il-ħsieb huwa li l-EPEC jiġi stabbilit bħal sors ta' informazzjoni dwar is-settur pubbliku madwar l-Ewropa, bħala mezz ta' skambju ta' l-aqwa prassi tal-PPP u għall-iżvilupp tal-kapaċità tas-settur pubbliku għall-implimentazzjoni tal-proġetti PPP.

3.4.3.1. Il-PPP abbażi tar-riskju tad-domanda: l-istrument ta' garanzija

B'riżultat ta' talba tal-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2003, il-Kummissjoni u l-BEI analizzaw kemm ikun xieraq li jiġi żviluppat strument Ewropew ta' garanzija. Fil-bidu ta' l-2005, f'żewġ komunikazzjonijiet lill-Kunsill[20], il-Kummissjoni kkonfermat li strument ta' garanzija bħal dan jista' jiffaċilita u jinkoraġixxi l-finanzjament tan-Netwerks Transewropej permezz tal-PPP. Sadanittant, il-prinċipju ta' strument bħal dan ġie stabbilit fil-qafas ta' Regolament il-ġdid dwar it-TEN għall-perjodu 2007-2013, L-istrument ta' garanzija tas-self ikun jappoġġa t-tipi ta' PPP li jkunu bbażati fuq ir-riskju tad-domanda (pereżempju tat-tip "għotja") billi jimmitiga r-riskji marbuta ma' nuqqasijiet fid-dħul matul l-ewwel snin ta' tħaddim ta' proġett. Dan japplika notevolment fil-każ ta' kuntratti ta' konċessjoni.

Il-BEI jagħti garanzija lil istituzzjoni finanzjarja li min-naħa tagħha tipprovdi linja ta' kreditu temporanja lill-benefiċjarju finanzjarju għall-perjodu tal-bidu ta' proġett bħala garanzija għas-servizz ta' debitu ta' faċilitajiet ta' kreditu privileġġati. La Commission et la BEI partagent la contribution financière aux provisions pour pertes et à la dotation en capital prévues pour ces garanties. Il-garanzija ma tiġix attivata ħlief fil-każ li d-dħul ma jkunx biżżejjed biex jiggarantixxi s-servizz ta' dejn prijoritarju ('senior loans')[21]. Il-garanzija ma teliminax ir-riskji għall-kredituri privileġġati, iżda toffri kopertura aħjar għas-servizz ta' dejn prijoritarju, u b'hekk tiżdied il-probabbiltà li s-sħab privati jissellfu għall-proġett.

Fil-każ li l-garanzija tiddaħħal fil-kwistjoni, l-EIB tikseb klejm finanzjarja li tkun subordinata[22] għal klejms prijoritarji, iżda li tieħu prijorità fuq dawk ta' azzjonisti normali. Dan id-dejn supplementari, imsejjaħ "mezzan"[23], għandu jitħallas lura b'interessi malli l-proġett jiġġenera biżżejjed dħul u l-klejm tal-kredituri prijoritarji jkun ġie onorat. L-ammont tal-garanzija jiġi ffissat b'tali mod li jirrifletti r-riskju meħud u l-ispejjeż ta' ġestjoni tiegħu.

L-istrument jiġġenera 4-6 darbiet il-kontribuzzjoni tal-Kummissjoni ta' EUR 500 miljun bħala garanzija diretta ta' linji ta' kreditu "stand-by" ta' EUR 2-3 biljuni. Flimkien mal-kontribuzzjoni ugwali tal-BEI ta' EUR 500 miljun, dan jippermetti l-inklużjoni ta' dejn prijoritarju ta' aktar minn EUR 20 biljun. Din il-kontribuzzjoni ssir kif ikun meħtieġ skond l-għadd tal-proġetti u d-daqs finanzjarju li għandu jkopri l-istrument.

Il-dettalji partikolari ta' l-implimentazzjoni ta' l-istrument huma stipulati f'anness tar-Regolament finanzjarju TEN-T li bħalissa qed jiġi diskuss fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill. Il-kuntratt ta' ġestjoni bejn il-Kummissjoni u l-BEI bħalissa qed jiġi mfassal u dan għandu jippermetti li l-istrumenti jsiru operattivi fl-2007.

3.4.3.2. Il-PPP abbażi tar-riskju tad-disponibbiltà: l-introduzzjoni ta' forma ta' appoġġ speċifiku

Jekk l-investitur privat, minbarra r-riskji tal-kostruzzjoni, jerfa' r-riskju tad-disponibbiltà, jipprovdi l-finanzjament tal-bidu, jibni l-infrastruttura u jitħallas billi jitlob ħlasijiet fuq perjodu twil (eż. fuq 30 sena). Il-ħlasijiet madankollu jiddependu mil-livell ta' disponibbiltà ta' l-infrastruttura: Jistgħu jitnaqqsu jekk is-servizz provdut ma jilħaqx il-livell stabbilit.

Il-PPP msejsa fuq id-disponibbiltà jistgħu jitħaddmu b'żewġ modi differenti:

1. fil-forma mħallta fejn il-ħlasijiet tad-disponibbiltà jkopru biss parti mill-investiment, u l-oħra tiġi ffinanzjati fil-forma tradizzjonali ta' sussidji matul il-fażi ta' kostruzzjoni. Dan l-ewwel tip ta' arranġament ma jippreżenta l-ebda problema fil-konfront tar-Regolament TEN peress illi l-kontribuzzjoni ta' l-UE tista' tirrigwarda biss il-parti tas-sussidju dirett;

2. fil-forma esklussiva ta' flussi ta' ħlasijiet regolari matul il-perjodu stabbilità għall-ħlas lura ta' l-ispejjeż ta' l-infrastruttura lill-investitur privat.

Bosta pajjiżi[24] wrew interess f'din it-tieni kategorija ta' arranġament. Iżda l-perjodu ta' żmien bejn id-deċiżjoni ta' kofinanzjament (qabel ix-xogħol) u l-bidu tal-ħlasijiet għad-disponibbiltà (fil-fażi ta' l-operat) huwa ta' diversi snin. Barra minn hekk, dawn il-ħlasijiet huma maħsuba biex jitħallsu matul il-perjodu kollu ta' l-arranġament (eż 20 jew 30 sena). Il-Kummissjoni, li ssibha bi tqila tieħu deċiżjonijiet dwar finanzjament li jibqa' miftuħ fuq diversi snin, s'issa kienet obbligata tirrifjuta li tappoġġa dan it-tip ta' arranġament.

Biex din il-problema tissolva, filwaqt li jiġi rrispettat ir-regolament finanzjarju ġenerali, ir-Regolament TEN ġie emendat b'tali mod li l-appoġġ Komunitarju jiġi kkonċentrat fuq il-fażi inizjali tal-ħlasijiet għad-disponibbiltà u b'hekk jiġi żgurat li l-Istat Membru jipprijoritizza billi juża l-appoġġ Komunitarju fil-ħlasijiet għad-disponibbiltà tiegħu.

Konklużjoni:

L-istrument ta' garanzija l-ġdid għandu dalwaqt isir wieħed mill-istrumenti l-ġodda disponibbli għall-promozzjoni tar-realizzazzjoni tan-Netwerks Transewropej.

Il-PPP abbażi tad-disponibbiltà se jkunu parti integrali mit-tipi ta' sussidji eliġibbli għall-appoġġ finanzjarju mill-Komunità tħat ir-Regolament il-ġdid għat-TEN tat-trasport u l-enerġija. Azzjoni ta' segwitu mill-Kummissjoni fir-rigward ta' l-implimentazzjoni ta' dan l-istrument il-ġdid tippermetti li dan jiġi estiż, fejn jixraq, għal strumenti finanzjarji Komunitarji oħra bħalma huma dawk tal-Politika ta' Koeżjoni.

4. KONKLUżJONI

Il-kooperazzjoni siewja ħafna fi ħdan il-Grupp ta' direzzjoni malajr wasslet għal riżultati konkreti: strumenti ġuridiċi, kooperazzjoni bejn is-servizzi, trasparenza ta' l-interventi Komunitarji.

Id-diskussjonijiet fi ħdan il-Grupp ta' direzzjoni ppermettew li tinkiseb konsistenza aħjar bejn id-dispożizzjonijiet ta' l-istrumenti leġiżlattivi varji fit-tħejjija għall-perjodu ta' programmazzjoni l-ġdid 2007-2013, li jikkonsisti f'regoli applikabbli għal kombinazzjonijiet ta' strumenti finanzjarji differenti u l-iżvilupp ta' strumenti finanzjarji innovattivi. Il-kjarifika ġuridika dwar in-non-kumulazzjoni tal-fondi Komunitarji għandha twassal għal aktar trasparenza, bi tweġiba għal talba mill-Qorti ta' l-Awdituri. Il-grupp ta' direzzjoni ta wkoll impetu ġdid lill-kooperazzjoni bejn id-dipartiment, li diġà teżisti, sabiex tiġi ggarantita l-applikazzjoni ta' dan il-prinċipju.

L-isforzi ta' koordinazzjoni jridu jitkomplew sabiex jiġu stabbiliti strumenti finanzjarji ġodda (strument ta' garanzija u sħubijiet pubbliċi-privati bbażati fuq id-disponibbiltà).

Il-grupp ta' direzzjoni ħareġ bi proposti konkreti li jippermettu kompatibbiltà mtejba bejn ir-rispett għall-ambjent u l-bini ta' l-infrastrutturi.

Fl-istess ħin, ix-xogħolijiet tal-Grupp ta' direzzjoni ppermettew li jiġu identifikati punti ta' azzjoni speċifiċi. Il-grupp ta' direzzjoni jirrakkomanda:

- li titkompla t-tfittxija għas-sinerġiji bejn in-Netwerks Transewropej sabiex jitqassam manwal tal-prassi tajba:

- li jiġu żviluppati sinerġiji bejn l-għajnijiet tal-Politika ta' Koeżjoni u tal-prijoritajiet miżmuma għan-Netwerks Transewropej.

- li tiġi evalwata, skond il-każ, il-ħtieġa għal soluzzjonijiet alternattivi, li jippermettu li jiġu koperti l-ħlasijiet għad-disponibbiltà fuq diversi perjodi tal-qafas finanzjarju u, jekk ikun meħtieġ, li ssir proposta leġiżlattiva xierqa;

- li jissegwa b'attenzjoni l-iżvilupp tas-sħubiji pubbliċi-privati u li jittieħdu l-miżuri neċessarji kollha ġħall-promozzjoni ta' dawn it-tipi ta' finanzjament;

- li jitwettqu proġetti prijoritarji tat-TEN fil-perjodi previsti filwaqt li tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-liġi ambjentali permezz tal-mekkaniżmi fis-seħħ skond il-liġi Komunitarja; il-gwida fl-anness se tikkostitwixxi kontribut utli għal dan il-għan.

[1] L-Artikoli 154, 155 u 156 tat-Trattat.

[2] Linji ta' Gwida għat-Tkabbir Ekonomiku u l-Impjiegi (2005-2008) Nri 9, 10, 11 u 16.

[3] L-Artikolu 154 tat-Trattat.

[4] Id-Deċiżjoni 1692/96/CE, (ĠU L 228, 9.9.1996).

[5] KUMM(2007) 32, 31.1.2007.

[6] Ir-Regolament (KE) Nru 807/2004 tal-21 ta' April 2004, (ĠU L 143, 30.4.2004).

[7] UE-15 (2000-2004): €24 301 miljun + UE-25 (2005-2006): €6 821 u 6 850 miljun.

[8] KUMM(2006) 245.

[9] Id-Deċiżjoni 884/2004/KE msemmija qabel, l-Artikolu 19.2 a u c. - (ĠU L 201, 7.6.2004).

[10] Id-Deċiżjoni 1364/2006/KE, (ĠU L 262, 22.9.2006).

[11] Komunikazzjoni tal-Kummissjoni KUMM(2006) 129, 20.3.2006.

[12] Ċerti Stati Membri introduċew obbligu legali li sinerġiji bħal dawn jiġu segwiti, notevolment fil-Ġermanja ( Bundesnaturschutzgesetzes, Par.2, Bündelungsgebot ).

[13] " Synergies between Trans-European Networks, Evaluations of potential areas for synergetic impacts ", ECORYS, Awissu 2006.

[14] Id-Deċiżjoni 884/2004/KE msemmija qabel, l-Artikolu 8.

[15] Valutazzjoni Strateġika ta' l-Impatt (SEA) – Id-Direttiva 2001/42/KE ) għall-evalwazzjoni ta' l-impatt ta' ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent.

[16] Id-Direttiva dwar il-Valutazzjoni ta' l-Impatt Ambjentali (EIA) (85/337/KEE kif emendata b'97/11/KE u 2003/35/KE) għall-istima ta' proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent.

[17] Id-Direttiva dwar l-Għasafar (79/409/KEE), id-Direttiva dwar il-Ħabitats (92/43/KEE) u d-Direttiva ta' Qafas dwar l-Ilma (2000/60/KE).

[18] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew - Inżommu lill-Ewropa miexja - Il-mobilità sostenibbli għall-kontinent tagħna: Valutazzjoni ta' nofs il-mandat tal- White Paper tat-Trasport ta’ l-2001 tal-Kummissjoni Ewropea, KUMM(2006) 314.

[19] Id-Deċiżjoni ta' l-ESTAT tal-11 ta' Frar 2004.

[20] KUMM(2005) 75 "Rapport finali ta' fattibbiltà dwar l-istrument ta' garanzija tas-self ta' l-UE għall-proġetti TEN-Trasport"; KUMM(2005) 76 "Kunċett finali għat-tfassil ta' strument ta' garanzija tas-self ta' l-UE għall-proġetti TEN-Trasport"; SEG(2005) 323 "Strument ta' garanzija tas-self ta' l-UE għall-proġetti TEN-Trasport".

[21] Id-dejn ewlieni huwa dejn li jibbnefika minn granziji speċifiċi u li jitħallas lura bi prijorità fuq djun oħra, li jissejħu djun subordinati. Għaldaqstant, dan huwa dejn prijoritarju.

[22] Dejn jissejjaħ "subordinat" meta l-ħlas lura tiegħu jiddependi fuq il-ħlas lura minn qabel tal-kredituri l-oħra. Tabilħaqq, għar-riskju addizzjonali li jittieħed, il-kredituri subordinati jitolbu rata ta' interessi ogħla mill-kredituri l-oħra.

[23] Id-dejn mezzan huwa d-dejn bejn dak prijoritarju u l-kapital proprju. L-investitur f'dejn mezzan għalhekk ma jitħallasx qabel ma jkunu tħallsu l-partijiet kollha tad-dejn prijoritarju.

[24] Notevolment ir-Renju Unit, il-Finlandja, l-Olanda, l-Ungerija, ir-Repubblika Ċeka u Franza.

Top