EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007DC0014

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill fil-bidu tal-konsultazzjonijiet mal Fiġi skond Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou

52007DC0014

Komunikazzjoni mill-kummissjoni lill-kunsill fil-bidu tal-konsultazzjonijiet mal Fiġi skond Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 17.1.2007

KUMM(2007) 14 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

fil-bidu tal-konsultazzjonijiet mal Fiġi skond Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

fil-bidu tal-konsultazzjonijiet mal Fiġi skond Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou

I. Storja

Hu magħruf li wara l-kolp ta' stat u l-ħtif ta' l-ostaġġi f'Mejju tas-sena 2000, il-Kummissjoni pproponiet li f'Ġunju ta' l-istess sena tiftaħ il-konsultazzjonijiet kif jitlob l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou, u fil-Kunsill ta' Lulju ntlaħaq qbil unanimu u b'hekk infetħu l-konsultazzjonijiet f'Ottubru tas-sena 2000. Konsegwentement fl-2001 kienet deċiża s-sospensjoni parzjali ta' kooperazzjoni ta' żvilupp u l-aħħar sanzjonijiet tneħħew fis-7 ta' Novembru 2003. F'dak iż-żmien il-konsultazzjonijet flimkien mas-sospensjoni parzjali ta' kooperazzjoni ta' żvilupp kienu meqjusa meħtieġa biex jitkompla l-proċess pożittiv fil-Fiġi. Madanakollu, meta wieħed jikkonsidra li wara sitt snin il-Fiji qed tħabbat wiċċha ma' kolp ta' stat militari ġdid jidher ċar li l-istituzzjonijiet demokratiċi u l-kultura demokratika mhumiex b'saħħithom biżżejjed u jista' jagħti l-każ li din id-darba tkun meħtieġa strateġija aktar kalibrata.

Wara kważi xahrejn ta' tensjoni bejn il-Gvern u l-armata tal-Fiġi, il-gvern elett demokratikament tal-Prim Ministru Laisenia Qarese kien imneħħi mill-poter mill-forzi armati, immexxija mill-kmandant militari, Commodore Voreqe Bainimarama, fil-5 ta' Diċembru 2006. Jidher li fil-bidu ma kien hemm ebda tixrid ta' demm meta l-armata ħadet il-poter. Kien ir-raba' kolp ta' stat militari fil-Fiġi mill-1987.

L-aktar ħaġa importanti, il-Gvern ta' Qarase kien elett b'vot popolari fl-elezzjonijiet ġenerali ta' Mejju 2006. F'konformità mal-politika l-ġdida ta' l-UE dwar it-tisħiħ tas-sħubija mal-gżejjer Paċifiċi, l-UE bagħtet missjoni sħiħa ta' osservaturi għall-elezzjonijiet fil-Fiġi mmexxija mill-ex-ministru Ungeriż u MPE Szent Ivanyi bħala Kap Osservatur. Skond is-Sorveljanti ta' l-UE l-elezzjonijiet kienu kredibbli. M' hemm l-ebda dubju li l-Gvern ta' Qarase kellu leġittimità demokratika sħiħa kif ukoll maġġoranza kbira fil-parlament.

Il-kmandant ħa f'idejh il-poteri eżekuttivi minghand il-President Iloilo, keċċa lill-Prim Ministru Qarase, ħabbar stat ta' emerġenza, u bil-mod il-mod ikkonsolida l-poter ta' l-armata. Numru ta' persuni prominenti kienu miżmuma bil-forza, kienu interrogati u ħafna minnhom kienu meħlusa u mneħħija mill-karigi tagħhom, dawk li l-aktar li spikkaw kienu jinkludu l-Viċi President, L-aġent kummissarju tal-pulizija, kif ukoll is-CEO għall-Ministeru tal-Finanzi li hu wkoll l-Uffiċjal Nazzjonali Awtoritarju tal-Fond Ewropew ta' l-Iżvilupp fil-Fiġi.

Ex-tabib ta' l-armata u diplomatiku ta' 77 sena ħa l-ġurament bħala "prim ministru" interim . L-ewwel biċċa xogħol tiegħu kienet li jagħti parir lill-kmandant biex ixolji l-parlament, ħaġa li l-kmandant wettaq. Il-"Prim Ministru" interim irreżenja fl-4 ta' Jannar 2007. Sadanittant, il-Prim Ministru Qarase baqa' jsostni li hu l-Prim Ministru legali tal-Fiġi

II. Is-sitwazzjoni preżenti

Is-sitwazzjoni għadha mhix kompletament stabbli u qed tkompli tiżviluppa. L-armata għamlet avviżi fil-gazzetti lokali biex tħajjar kandidati ghall-karigi ministerjali Il-Kunsill il-Kbir tal-Kapijiet, li skond il-Kostituzzjoni tal-Fiġi jaħtar il-President u l-Viċi President, iltaqgħet fl-20-21 ta' Diċembru 2006, u rrikomandat li jittieħdu diversi passi, inkluż li l-armata għandha tirritorna fil-kwartieri tagħha. Il-kmandant ikkritika lill-Kunsill il-Kbir tal-Kapijiet u stqarr li fil-futur il-kunsill ikun jista' jiltaqa' biss meta jtih permess hu. Fil-bidu ta' Jannar 2007 is-siwazzjoni kompliet teħżien hekk kif il-President ħareġ jappoġġja lill-armata u ħatar lill-kmandant bħala l-prim ministru interim tiegħu. Aktar minn hekk, il-ġudikatura sfat taħt pressjoni. Il-midja tal-Fiġi fil-5 ta' Jannar 2007 irrapportat li raġel kien tilef ħajtu waqt li kien interrogat mill-armata.

Kien hemm oppożizzjoni konsiderevoli għall-kolp ta' stat. Dakinhar tal-kolp ta' stat il-President Iloilo ddikjara li la kien appoġġja u l-anqas ħafer l-azzjonijiet ta' l-armata, iżda fl-4 ta' Jannar 2007 biddel din il-pożizzjoni. Il-kapijiet tradizzjonali u l-knejjes ikkundannaw dan il-kolp ta' stat; l-imħallfin tal-Fiġi ddikjaraw li ser jirrispettaw il-liġijiet u l-Kostituzzjoni; l-aġent kummissarju tal-pulizija tal-Fiġi sejjaħ il-kolp ta' stat bħala tradiment, bil-konsegwenza li tneħħa mill-kariga tiegħu mill-armata. Il-Midja tkellmet fil-beraħ, iżda għandha pressjoni kbira mill-armata biex ma "xxewwixx". Kien hemm diversi każi ta' reżistenza passiva u diżubbidjenza ċivili, iżda l-oppożizzjoni għall-armata ma tidhirx li hi ċentraliżżata jew organiżżata. Minbarra dan, l-armata qed toħnoq kull oppożizzjoni u nuqqas ta' qbil intern billi tintimida. Madanakollu, il-frustrazzjoni tal-poplu tista' tiżbroffa u, skond xi tkun l-imġieba ta' l-armata, il-vjolenza mhix eskluża.

L-aħħar kolp ta' stat militari jidher li hu fundamentalment differenti minn dawk ta' qablu, għaliex mhux riflessjoni tat-tensjoni bejn in-nies idiġeni tal-Fiġi u l-Indo-Fiġjani, iżda hu aktar konflitt bejn l-indiġeni tal-Fiġi, li madanakollu kellhom impatt importanti għaż-żewġ komunitajiet ewlenin tal-pajjiż.

Id-dikjarazzjonijiet tal-kmandant qabel ma sar il-kolp ta' stat jirriflettu diversi lmenti politiċi importanti, li wħud minnhom għandhom l-appoġġ konsiderevoli tal-popolazzjoni. Kien hemm akkużi ta' preferenzi razzjali, kif jixhed l-abbozz tal-leġiżlazzjoni li jiffavorixxi b'mod esklussiv lill-indiġeni tal-Fiġi, kritika ta' kuntatti mill-qrib ma' xi personalitajiet li ngħataw karigi importanti mat-teħid tal-poter fis-sena 2000, kif ukoll għajdut mhux issostanzjati dwar korruzzjoni u nepotiżmu. Sa ċertu punt l-attitudni tal-kmandant ukoll tirrifletti l-oppożizzjoni għall-poteri tradizzjonali fil-Fiġi l-aktar lejn il-kapijiet u l-knejjes li l-pożizzjoni tagħhom qed tinqered bil-moderniżmu. l-oppożizzjoni tal-kamandant għall-Gvern ta' Qarase ukoll tidher li kienet influenzata mir-relazzjonijiet ħżiena bejn iż-żewġ persuni.

L-isforzi ta' medjazzjoni fin-New Zealand li kienu jinvolvu lill-Prim Ministru tal-Fiġi u l-kmandant, fuq inizzjattiva tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tan-New Zealand Winston Peters, irriżultaw f'konċessjonijiet importanti mill-Prim Ministru, li l-kmandant ma setax jew ma riedx jagħmel kompromess dwarhom u qieshom insuffiċjenti.

Il-kolp ta' stat mill-armata la kien legali u lanqas kostituzzjonali u huwa pass lura għad-demokrazija fil-Fiġi Dan kien ikkundannat b'mod universali, inkluża mill-UE li fil-11 ta' Diċembru 2006 stqarret: Il-Kunsill jikkundanna l-kolp ta' stat militari fil-Fiġi u t-tneħħija tal-Gvern elett demokratikament. Tiddeplora l-azzjonijiet tal-kmandant Bainimarama u l-Forzi Armati tar-Repubblika tal-Fiġi (RFMF li neħħew il-Prim Ministru u assumew il-kontroll eżekuttiv tal-pajjiż. Il-Kunsill jitlob li mill-aktar fis jerġa' jkun hemm id-demokrazija u tirritorna l-ordni ċivili." Fl-14 ta' Diċembru 2006 il-Parlament Ewropew ikkundanna bil-qawwa kollha l-kolp ta' stat mill-forzi armati, kif għamel fi stqarrija separata l-Kap Osservatur u l-MPE Istvan Szent Ivanyi. Il-Parlament talab lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex immedjatament jissospendu kull għajnuna mhux umanitarja lill-Fiġi, b'eċċezzjoni għall-programmi edukattivi, bil-patt li dawn ikunu operati mill-NGOs. Il-Kapijiet ta' l-Istat u l-Gvernijiet ta' l-ACD, fi stqarrija fit-8 ta' Diċembru 2006, ikkundannaw bil-qawwa kollha t-tneħħija bil-forza tal-gvern leġittimu u elett demokratikament. Kien hemm ukoll stqarrija mill-Kunsill tas-Sigurta tan-NU, u L-Fiġi qiegħda dejjem tħabbat wiċċha ma' iżolament internazzjonali u tneħħiet minn postha fil-Forum Paċifiku u kienet ukoll sospiża mill-kunsilli tal-Commonwealth.

Il-pajjiżi b'rabtiet mill-qrib mal-Fiġi, li jinkludu lil Franza u r-Renju Unit, issospendew il-kooperazzjoni militari. Numru ta' pajjiżi notevolment Franza, l-Awstralja u n-New Zealand imponew sanzjonijiet diretti, filwaqt li xi wħud mis-sieħba internazzjonali tal-Fiġi qegħdin jirrevedu u jnaqqsu l-kooperazzjoni ta' l-iżvilupp.

III. Proposta.

L-Artikolu 9(2) tal-ftehim ta' Sħubija ta' l-ACP-KE ffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000 u rivedut fil-Lussemburgu fil-25 ta' Ġunju 2005 bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati ta' l-ACP, inkluża l-Fiġi jgħid x'inhuma l-elementi essenzjali li dwarhom hi bbażata s-sħubija. Ir-rispett lejn il-prinċipji demokratiċi, il-ħarsien tal-liġi u d-drittijiet umani jsejsu l-politika internazzjonali u domestika tal-Partijiet u jagħmlu parti mill-elementi essenzjali tal-Ftehim. F'konformità ma' dan l-artikolu u fid-dawl taċ-ċirkostanzi li fihom kien hemm bidla fil-poter fil-Fiġi, il-Kummissjoni tikkonsidra li d-djalogu mal-mexxejja l-ġodda tal-pajjiż hu meħtieġ sabiex jiġu ċċarati il-punti li ġejjin:

1. Ir-ritorn malajr u paċifiku tad-demokrazija fi ħdan il-legalità eżistenti u b'rispett sħiħ lejn il-Kostituzzjoni;

2. Li tistabbilixxi gvern li jkollu mandat mill-parlament u maġġoranza fil-parlament tal-Fiġi elezzjonijiet bikrin u ġusti, waqt li tevita perjodu twil bi gvern "interim"

3. pjan b'miri preċiżi li jgħid meta se jitwettaq dan li ssemma' aktar 'l fuq;

4. rispett sħiħ lejn id-drittijiet umani, b'mod speċjali l-libertà tal-kelma;

5. rispett sħiħ lejn l-istat tad-dritt.

Id-djalogu jista' jagħti lill-mexxejja l-ġodda tal-Fiġi l-opportunità li jiddefendu l-pożizzjoni tagħhom fuq il-punti msemmija aktar 'il fuq u tħalli lill-UE tevalwa jekk fuq dik il-bażi, tkunx tista' tappoġġja l-isforzi tal-pajjiż li josserva l-elementi essenzjali tal-Ftehim rivedut ta' Cotonou, jew li jieħu l-miżuri meħtieġa skond l-Artikolu 96. L-UE ser tkun qed iżżomm infurmati lis-sieħba tagħha u l-dawk kollha nvoluti.

Minħabba ċ-ċirkostanzi li fihom seħħet il-bidla fir-reġim tal-Fiġi u minħabba l-mod ta' organiżżazzjoni politika mħaddma mill-mexxejja l-ġodda, il-Kummissjoni tħares lejn dan il-każ bħala wieħed b'urġenza speċjali anke fid-dawl tal-fatt li l-Unjoni Ewropea wissiet lill-armata darbtejn fil-ġimagħtejn kritiċi ta' qabel il-kolp ta' stat, permezz ta' stqarrijiet pubbliċi mill-Presidenza ta' l-UE li f'demokrazija ma kellhiex sehem politiku.

Għaldaqstant skond l-Artikolu 96(1a) tal-Ftehim rivedut ta' Cotonou m'hemmx bżonn li d-djalogu politiku jiġi eżawrit skond l-Artikolu 8 ta' l-istess Ftehim. Wieħed jista' jinnota li qed jitkompla d-djalogu skond l-Artikolu 8 fl-interess li tinsab soluzzjoni bikrija u fid-dawl ta' l-importanza tal-kummerċ u ta' l-għajnuna fir relazzjonijiet bejn l-UE u l-Fiġi. Madanakollu, il-Kummissjoni Ewropea, tixtieq li jkollha konsultazzjonijiet formali mal-mexxejja l-ġodda biex jiddiskutu l-impenn tagħhom qabel ma tiddeċiedi x'miżuri xierqa għandhom jittieħdu.

Għaldaqstant il-Kummissjoni tipproponi li l-Kunsill jistieden lir-Repubblika tal-Gżejjer tal-Fiġi biex skond l-Artikolu 96 jinżammu konsultazzjonijet dwar il-Ftehim rivedut ta' Cotonou skond l-abbozz ta' l-ittra hawn mehmuża.

Il-Kummissjoni tipproponi li waqt il-perjodu ta' konsultazzjoni għandhom jitkomplew l-attivitajiet ta' kooperazzjoni li għaddejjin bħalissa b'mod parikolari is-seba', it-tmien u d-disa' EDF bil-patt li Ftehim ta' Finanzjament jiġu osservati. Aktar minn hekk hu propost li għandhom ukoll jitkomplew l-attivitajiet ta' kooperazzjoni li jistgħu jgħinu biex tirritorna d-demokrazija.

Flimkien ma' dan, fid-dawl ta' l-importanza ta' l-industrija taz-zokkor għall-ekonomija, l-impjiegi u s-sitwazzjoni ta' faqar fil-Fiġi, il-Kummissjoni tipproponi li l-attivitajiet preliminari bil-finanzjament mill-miżuri li jakkumpanjaw ir-riforma taz-zokkor skond il-baġit ta' l-2006 għandhom jissoktaw waqt il-perjodu tal-konsultazzjoni u sakemm il-Kummissjoni tikkunsidra li l-kundizzjonijiet ikunu jippermettu.

ANNESS

Prim Ministru Interim tar-Repubblika tal-Gżejjer tal-Fiġi

Suva

Il-Fiġi

ABBOZZ TA' ITTRA

Għażiż Prim Ministru Interim,

Fil-11 ta' Diċembru l-Kunsill ta' l-UE addotta l-konklużjonijiet li ġejjin: "Il-Kunsill jikkundanna l-kolp ta' stat militari fil-Fiġi u t-tneħħija tal-Gvern elett demokratikament. Jiddeplora l-azzjonijiet tal-kmandant Bainimarama u r-Repubblika tal-Forzi Armati tal-Fiġi (RFMF) bit-tneħħija tal-Prim Ministru u li assumiet il-kontroll eżekuttiv tal-pajjiż. Il-Kunsill isejjaħ biex mill-aktar fis possibli tirritorna d-demokrazija sħiħa, u l-ħarsien tal-liġi. "barra dan, fl-14 ta' Diċembru il-Parlament Ewropew ikkundanna bil-qawwa kollha l-kolp ta' stat.

Minħabba ċ-ċirkostanzi li fih seħħet il-bidla fir-reġim fil-Fiġi u minħabba l-mod li fih qed tiżvolġi l-organiżżazzjoni politika mill-awtoritajiet il-ġodda, l-UE jidhrilha li kien hemm ksur ta' l-elementi essenzjali tal-Ftehim rivedut ta' Cotonou. Barra dan, l-UE tikkonsidra dan bħala "każ ta' urġenza speċjali" skond it-tifsira ta' l-Artikolu 96 (2b). Għaldaqstant skond l-Artikolu 96(1a) tal-Ftehim rivedut ta' Cotonou m'hemmx bżonn li l-possibilitajiet tad-djalogu politiku jiġu eżawriti skond l-Artikolu 8 ta' l-istess Ftehim.

Madanakollu, l-Unjoni Ewropea, tixtieq li jkollha konsultazzjonijiet formali mal-gvern qabel ma jittieħdu l-miżuri xierqa. Għaldaqstant, f'isem il-Komunità u l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea, bi pjaċir qed nistiednu lill-pajjiżkom għal konsultazzjonijiet skond l-Artikolu 96 tal-Ftehim rivedut ta' Cotonou bl-iskop li ssir analiżi profonda tas-sitwazzjoni u, jekk ikun hemm bżonn jittieħdu l-miżuri korrettivi meħtieġa.

Min-naħa tagħha, l-UE ser tieħu sehem f'dawn il-konsultazzjonijiet b'mod kostruttiv u miftuħ.

Il-konsultazzjonijiet għandhom jagħtu l-possibilità lill-Fiġi sabiex tkun aktar speċifika dwar ir-ritorn urġenti u paċifiku tad-demokrazija fil-qafas eżistenti tal-liġi u b'rispett sħiħ lejn il-Kostituzzjoni.

Nixtiequ nissuġġerixxu li dawn il-konsultazzjonijiet jinżammu fil-bini tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea fi Brussell, fil-futur qrib, f'data konvenjenti għaż-żewġ naħat,

Dejjem tiegħek,

Għall-Kunsill Għall-Kummissjoni

Top