EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007AR0177

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar is-sistema ta' ażil Komuni Ewropea tal-ġejjieni

OJ C 172, 5.7.2008, p. 24–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

5.7.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 172/24


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar is-sistema ta' ażil Komuni Ewropea tal-ġejjieni

(2008/C 172/05)

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali ser ikunu l-ewwel li jimplimentaw il-leġislazzjoni dwar is-sistema ta' ażil komuni Ewropea, u jaħseb li sistema ta' ażil komuni li tirrikjedi li kull Stat Membru jieħu r-responsabbiltà fi spirtu ta' appoġġ reċiproku għandha tiffaċilita l-ħidma ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali;

jirrakkomanda li, fejn hemm bżonn, jinħoloq mekkaniżmu ta' konsultazzjoni bejn l-istituzzjonijiet ċentrali, reġjonali u dawk lokali sabiex tinkiseb gvernanza integrata f'aktar minn livell wieħed;

jirrakkomanda li jitfassal regolament Ewropew li jiggverna, bejn l-Istati Membri: l-għarfien reċiproku tal-protezzjoni darba li tkun ingħatat; il-proċeduri għat-trasferiment u status uniformi li jkopri lir-refuġjati u lill-benefiċarji tal-protezzjoni sekondarja;

jikkonsidra li l-estensjoni tal-kontenut tad-direttiva 2003/109/KE, lil dawk li jgawdu minn xi tip ta' protezzjoni internazzjonali hu provvediment essenzjali, sabiex jiġu eliminati r-riskji eventuali ta' diskriminazzjoni, kif ukoll hi strument integranti ta' l-istess proċess komunitarju ta' armonizzazzjoni fil-qasam ta' l-ażil;

jirrakkomanda: li jkun hemm linji gwida komuni dwar kif, bil-parteċipazzjoni mifruxa ta' l-entitajiet lokali, jitwettqu interventi li jgħinu lil dawk li talbu l-ażil u lir-refuġjati biex jiksbu l-aċċess għas-servizzi soċjo-sanitari u għal dar, jiddaħħlu programmi ta' parteċipazzjoni fil-komunitajiet lokali, filwaqt li jiġu definiti regoli ċari u speċifiċi għall-għarfien tal-kwalifiki ta' l-istudju; ir-rikwalifikazzjoni vokazzjonali u ċ-ċertifikazzjoni tal-ħiliet, u jkunu allokati riżorsi ekonomiċi sabiex jappoġġjaw il-potenzjalitajiet tax-xogħol u/jew dawk maniġerjali fost ir-refuġjati;

jikkonsidra essenzjali li biex isseħħ l-integrazzjoni sħiħa tar-refuġjati, huma jridu jħossuhom parteċipi fil-kwistjonijiet tad-distretti, bliet, Stati fejn joqgħodu u ta' l-UE. Il-parteċipazzjoni fil-ħajja politika tat-territorji, ibda mid-dritt għall-parteċipazzjoni attiva jew ta' l-inqas passiva, fl-elezzjonijiet lokali, għandha valur konkret u qawwi ħafna li jmur lilhinn minn dak simboliku;

jirrakkomanda it-twaqqif ta' proċeduri ta' finanzjar u ta' sejħiet għall-offerti għat-tisħiħ tal-ħiliet ta' l-operaturi nazzjonali u lokali. B'konsiderazzjoni partikolari għall-aspett psikosoċjali, ta' l-identifikazzjoni u l-ġestjoni tas-sitwazzjonijiet ta' vulnerabbiltà.

Rapporteur

:

Is-Sur Antonio SANTARELLA (IT/UEN-AE), Sindku ta' Candela

Dokumenti ta' referenza

Green Paper dwar is-sistema ta' ażil komuni Ewropea tal-ġejjieni

COM(2007) 301 finali

Proposta ta' direttiva tal-Kunsill li temenda d-direttiva 2003/109/CE biex testendi l-ambitu ta' applikazzjoni għall-benefiċarji ta' protezzjoni internazzjonali

COM(2007) 298 finali

Rakkomandazzjonijiet ta' politika

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Iir-rwol ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali

1.

jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali ser ikunu l-ewwel li jimplimentaw il-leġislazzjoni dwar is-sistema ta' ażil komuni Ewropea. Ta' kuljum huma jilqgħu flussi imħallta ta' migranti, fosthom min qed ifittex ażil, u ħafna drabi jkunu jridu jipprovdu għajnuna medika u psikoloġika lil persuni li sofrew abbuż fiżiku jew mentali, inkluż it-tortura. Dawn is-servizzi, li normalment mhux dejjem huma provduti mill-awtoritajiet lokali u reġjonali jew mill-aġenziji tagħhom, jinħtieġu għajnuna speċjali sabiex jiġu użati ħiliet u strutturi xierqa;

2.

jinnota li sistema ta' ażil komuni li tirrikjedi li kull Stat Membru jieħu responsabbiltà fi spirtu ta' appoġġ reċiproku għandha tiffaċilita l-ħidma ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali. Bħalissa, l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom wisq responsabbiltajiet f'ċerti Stati Membri, parzjalment minħabba li ma teżistix sistema ta' ażil komuni;

3.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, fin-nuqqas ta' proġetti ta' akkoljenza u integrazzjoni u ta' impjieg stabbli, anke persuna bi dritt rikonoxxut li titlob l-ażil tista' tkun il-vittma ta' sfruttament u tal-kriminalità, u b'hekk tinħoloq kawża potenzjali ta' problemi għas-sigurtà u l-koeżjoni soċjali. Ir-riskju u t-tendenza li wieħed jispiċċa f'sitwazzjoni ta' sfruttament jew kriminalità jista' jitnaqqas jekk ikun possibbli li dak li jkun isib xogħol li għalih jitħallas matul il-perjodu meta qed jitlob ażil;

4.

jirrakkomanda li f'kull Stat Membru, tinħoloq sistema ta' netwerks ta' l-awtoritajiet lokali, sabiex toħloq proġetti lokali promossi mill-istess awtoritajiet, li jiżguraw l-integrazzjoni b'mod infurmat tar-refuġjati. Fl-Istati Membri fejn dawn in-netwerks ta' servizzi ġew stabbiliti, bil-ħidma tal-kummissjonijiet territorjali, tnaqqas iż-żmien ta' verifika tat-talbiet ta' l-ażil u tjiebu l-kondizzjonijiet ta' għajxien ta' dawk li talbu l-ażil. Dan għen l-integrazzjoni tagħhom fil-komunitajiet lokali ta' akkoljenza u wassal għal vantaġġi kbar fis-sigurtà u l-kwalità tal-ħajja;

5.

jirrakomanda għalhekk li r-riżorsi, Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali jikkumplimentaw lil xulxin u jipprovdu għajnuna konkreta lil dawn in-netwerks ta' servizzi fl-Istati Membri kollha, sabiex tinstab soluzzjoni għall-problemi ta' integrazzjoni ta' min qed ifittex ażil u r-refuġjati;

6.

jirrakkomanda li, fejn hemm bżonn, jinħoloq mekkaniżmu ta' konsultazzjoni bejn l-istituzzjonijiet ċentrali, reġjonali u dawk lokali sabiex tinkiseb gvernanza integrata f'aktar minn livell wieħed;

7.

jirrakomanda li l-parteċipazzjoni fis-sistema tan-netwerks għandha tkun fuq bażi volontarja, u l-formazzjoni ta' sħubijiet sabiex jaqsmu flimkien t-teħid ta' deċiżjonijiet u r-responsabbiltajiet fost l-atturi istituzzjonali, pubbliċi u privati varji fil-livell lokali sabiex ikunu ippjanati interventi dwar l-akkoljenza u l-integrazzjoni billi jiġi żviluppat il-potenzjal lokali tat-territorju. Dawn is-sħubijiet jistgħu jwasslu għat-tkabbir ta' l-għarfien u għaż-żieda fil-parteċipazzjoni informata ta' atturi li s'issa ma kellhomx x'jaqsmu mas-settur ta' l-ażil jew li jsibuha bi tqila sabiex jerfgħu responsabbiltajiet f'dan is-settur;

8.

jenfasizza li sistema bħal din tista' twassal biex istituzzjonijiet, intrapriżi, trejdunjins, assoċjazzjonijiet tat-tielet settur, istituzzjonjiiet ta' taħriġ, universitajiet u ovvjament l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiksbu rwol fis-sistema. Dan għandu jiġbed l-attenzjoni tas-soċjetà in ġenerali, filwaqt li jħalli lil kull parteċipant jwettaq sehemu, li naturalment jgħin biex itaffi jew imewwet it-tensjonijiet;

Strumenti leġislattivi

L-ipproċessar ta' l-applikazzjonijiet għall-ażil

9.

jikkonsidra li fl-applikazzjoni tal--proċedura tar-rikonoxximent tal-protezzjoni internazzjonali, l-Unjoni Ewropea qed tiffaċċja żewġ esiġenzi differenti, li iżda ma għandhomx jintużaw kontra xulxin:

il-protezzjoni effettiva għal min qiegħed ifittex għażil;

il-kontroll tal-fruntieri esterni;

10.

jipproponi l-armonizzar fil-livell ta' l-UE tal-proċeduri ta' identifikazzjoni, ta' ammissjoni fit-territorju u ta' aċċess għall-proċedura ta' l-ażil;

11.

jitlob li jiġu ddisinjati u ttestjati proċeduri komuni għall-identifikazzjoni ta' l-immigranti, applikabbli fi żmien qasir, b'miżuri speċifiċi, fir-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem u tad-dinjità tal-persuna;

12.

jikkonsidra bħala essenzjali li f'dak li għandu x'jaqsam mal-proċeduri ta' kontroll ta' l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, li jkunu individwati mezzi komuni li jistgħu jagħtu garanzija ta' unformità ta' valutazzjoni fl-Istati membri individwali li tippermetti l-implimentazzjoni effettiva tad-dispożizzjonijiettad-direttivi Ewropej (b'mod partikulari n-Nru 2005/85/KE);

13.

jipproponi ukoll li jkun hemm opportunitajiet regolari ta' taħriġ, aġġornament u monitoraġġ, kif ukoll fora għall-korpi kollha responsabbli mill-eżaminazzjoni ta' l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali sabiex jaqsmu u jqabblu l-esperjenzi tagħhom;

14.

jirrakkomanda li jitfassal programm ta' korsijiet ta' taħriġ u ta' aġġornament għall-forzi tal-pulizija tal-fruntiera u għad-dipartimenti inkarigati mid-difiża tal-fruntieri;

15.

jirrakkomanda l-proviżjoni ta' u appoġġ għal ċentri ta' assistenza u orjentament għal ċittadini barranin li qed jitolbu l-protezzjoni internazzjonali f'postijiet ta' dħul tal-fruntiera (ajruporti, marittimi u ta' l-art) u żoni tad-dħul;

Il-kondizzjonijiet ta' akkoljenza għal min ifittex ażil

16.

iħoss li fir-rigward tad-detenzjoni ta' min jitlob l-ażil, huwa tajjeb li jerġa jiġi enfasizzat li dawn ma jistgħux jinżammu biss bl-iskop li tiġi eżaminata t-talba tagħhom. Il-limitazzjonijiet tal-libertà ta' ċirkolazzjoni ma għandhomx jittawlu aktar miż-żmien neċessarju sabiex jitlestew il-proċeduri ta' identifikazzjoni, proċeduri, li għandhom bżonn ta' aktar armonizzazzjoni;

17.

jitlob sabiex l'Unjoni Ewropea taddotta karta li tirregola l-istatus ta' min jitlob protezzjoni internazzjonali u li jkollu limitazzjoni fuq il-libertà taċ-ċirkolazzjoni;

18.

jikkonsidra li l-movimenti sekondarji fl-Unjoni Ewropea huma kkawżati prinċipalment mis-sitwazzjonijiet ekonomiċi differenti u mis-soluzzjonijiet differenti li ngħataw mill-Istati Membri partikolari fir-rigward dawk il-persuni li qed jitolbu l-ażil;

19.

iħoss għalhekk li hemm bżonn li jsir studju li jiġbor fih l-esperjenzi tal-pajjiżi membri kollha tul dawn l-aħħar snin, speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-inklużjoni fid-dinja tax-xogħol, tal-post fejn jgħixu u tas-soċjetà;

20.

jipproponi li jkun miżjud appendiċi ma' l-opinjoni preżenti li jiġbor fih l-aħjar prattiċi li ġew adottati f'dawn l-oqsma u li saru b'kollaborazzjoni ma' l-entitajiet lokali u reġjonali Ewropej;

21.

jirrakkomanda li l-kunċett ta' “assistenza materjali” jinbidel f'wieħed ta' “akkoljenza integrata” (li jkun jinkludi fih is-servizzi ta' assistenza u gwida għall-persuna u l-bidu ta l-interventi għall-integrazzjoni soċjo-ekonomika);

L-għotja tal-protezzjoni

22.

ifakkar li għalkemm mill-1951 lil hawn, il-kuntest internazzjonali nbidel radikalment u miegħu anke it-tip ta' nies li jfittxu l-protezzjoni, il-kunċett ta' protezzjoni internazzjonali għadu marbut wisq mad-definizzjoni stretta ta' refuġjat, kif imsemmija fl-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra. Madankollu aktar ma jgħaddi ż-żmien, ir-refuġjati m'humiex biss dawk li qegħdin jaħarbu minn persekuzzjonijiet individwali iżda ukoll minn kuntesti ta' vjolenza ġġeneralizzata u ta' kunflitt armat, u l-kundizzjonijiet ambjentali u ta' l-għajxien għandhom parti dejjem aktar importanti;

23.

jinnota li fid-dawl ta' dan kollu, li wieħed ma jistax ma jaqbilx mad-dispożizzjonijiet li jinsabu fid-direttiva nru 2004/83/KE li tiddeskrivi u tagħti unformità lill-protezzjoni sussidjarja li għandha tingħata lil dawk li ma jaqgħux taħt id-definizzjoni ta' refuġjat skond il-Konvenzjoni ta' Ġinevra. Din il-protezzjoni għandha titqies bħala kumplimentari u mhux inferjuri jew ta' livell sekondarju għall-istatus ta' refuġjat;

24.

għalhekk japprezza l-isforz imwettaq mill-Kummissjoni Ewropea li tiddefinixxi l-istatus tal-persuna intitolata għall-protezzjoni sussidjarja, billi tinkorpora u żżid mad-dispożizzjonijiet imniżżla fil-Konvenzjoni ta' Ġinevra;

25.

jenfassizza b'din l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet komunitarji, li huwa possibbli li sabiex jikber in-numru ta' każijiet li ser jibbenefikaw mill-protezzjoni nnifisha, għandu jkun hemm żewġ forom ta' protezzjoni internazzjonali (ta' refuġjat u sussidjarja);

26.

jinsisti li dawn iż-żewġ tipi ta' protezzjoni internazzjonali li jiġu mogħtija minn Stat membru għandhom ukoll ikunu rikonoxxuti mill-Istati l-oħra ta' l-Unjoni Ewropea;

27.

jirrakkomanda għalhekk li, f'dan il-kuntest ġdid, tkun maħsuba l-possibilità ta' trasferiment tar-responsabilità bejn l-Istati membri, meta l-persuna li għandha d-dritt għall-protezzjoni internazzjonali tibdel ir-residenza tagħha minn Stat għall-ieħor, sabiex b'hekk tkun żgurata ċ-ċirkolazzjoni ħielsa (ukoll jekk direttament ikkontrollata u immonitorata) fit-territorju ta' l-Unjoni Ewropea;

28.

iħoss il-bżonn li l-Unjoni Ewropea tadotta strumenti (normattivi u operativi) li joffru l-possibbiltà ta' intervent fil-każijiet fejn m'hijiex possibbli t-tkeċċija mit-territorju komunitarju;

Kwistjonijiet trasversali

Rispons xieraq għal sitwazzjonijiet ta' vulnerabbiltà.

29.

iħoss li l-vulnerabbiltà għandha tkun msejsa speċifikament fuq l-individwu u dak kollu li jkun għadda minnu; b'eċċezzjoni għal tipi patikolari ta' individwi li għandhom bżonn ta' miżuri speċifiċi ta' akkoljenza u protezzjoni (eż. minuri mhux akkumpanjati, nisa li jakkumpanjaw jew li jingħaqdu mal-familjari tagħhom u refuġjati nisa, nies b'diżabbiltà fiżika jew mentali), u li s-sitwazzjoni partikolari tagħhom għandha tiġi kkonsidrata sew fil-proċeduri u fid-deċiżjonijiet li jittieħdu (per eżempju, rispett tad-dritt għal ħajja privata u tal-familja, jew ir-ragruppament tal-familja);

30.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li b'mod speċjali fejn jidħlu l-vittmi tat-tortura l-miżuri ta' appoġġ u riabilitazzjoni jistgħu ma jkunux adegwati meta:

ma jiġux ikkumplimentati b'miżuri speċifiċi bl-iskop li jiggarantixxu l-akkoljenza, l-protezzjoni u l-integrazjoni soċjo-ekonomika;

ikunu implimentati esklużivament minn strutturi speċifiċi, li ma jintegrawx la ma' l-assistenza soċjali fil-livell nazzjonali u lokali u l-anqas mas-servizzi li għandhom l-iskop li jgħinu lil min talab ażil u r-refuġjati;

31.

għalhekk jirrakkomanda li fil-proċess għall-ħolqien ta' sistema komuni ta' ażil ikun maħsub dibattitu wiesa' u strutturat bil-għan li jinħolqu standards komuni għall-identifikazzjoni tal-każijiet individwali ta' vulnerabbiltà;

32.

jipproponi li fl-istrumenti li l-Unjoni Ewropea ser toħloq biex tgħin il-ħidma tal-persuni partikolari involuti fis-Sistema ta' Ażil (linji gwida, manwal, programmi formattivi, eċċ.) ikunu inklużi gwidi u indikaturi speċifiċi biex jgħinu ħalli jinkixfu s-sitwazzjonijiet ta' vulnerabbiltà u b'hekk tkun megħjuna il-ġestjoni tagħhom;

33.

jikkonsidra essenzjali, li wieħed jagħraf u jieħu azzjoni dwar persuni individwali f'każijiet ta' vulnerabbiltà. Għalhekk għandu jiġi pjjanat it-tisħiħ tal-kompetenzi tas-servizzi ta' l-assistenza soċjali lokali. F'dan ir-rigward jirrakkomanda li l-Unjoni Ewropea tintervjeni kemm permezz ta' finanzjar ta' riżorsi biex tgħin programmi speċifiċi ta' bini ta' kapaċità, kif ukoll bi programmi ta' formazzjoni u aġġornament li għandhom jiġu provduti fl-Istati Membri;

L-Integrazzjoni

34.

jenfassiza li, l-integrazzjoni hi proċess li għandu bħala l-għan prinċipali tiegħu li jilħaq livell ta' awtonomija tar-refuġjat. Il-proċess ta' integrazzjoni jinqasam f'livelli paralleli ta' integrazzjoni (tax-xogħol, tal-post fejn jgħixu u tas-soċjetà) u jsegwi rotot differenti (l-għarfien tat-territorju, l-aċċess għas-servizzi, il-parteċipazzjoni);

35.

jikkonsidra essenzjali li fil-ġbir ta' l-esperjenzi tad-diffikultajiet li jistgħu jgħixu immigranti tat-tieni ġenerazzjoni f'partijiet differenti ta' l-Ewropa fejn tidħol il-politiki ta' integrazzjoni, ir-refuġjati (b'mod speċifiku) ma jkunux dejjem ikkonsidrati bħala “barranin” jew bħala “mistednin”, u li b'sens ta'rikonoxxenza u rispett lejn il-pajjiż li lejh sejrin, kif ukoll il-liġijiet ta' l-Istat ikkonċernat, ma jkunux mistenni li huma jitbiegħdu mill-kulturi ta' l-oriġini;

36.

jikkonsidra essenzjali biex isseħħ integrazzjoni sħiħa tar-refuġjati, li huma jħossuhom parteċipi fil-kwistjonijiet tad-distretti, bliet, Stati fejn joqgħodu u ta' l-UE. Il-parteċipazzjoni fil-ħajja politika tat-territorji, ibda mid-dritt għall-parteċipazzjoni attiva jew passiva, ta' l-inqas, fl-elezzjonijiet lokali, għandha valur konkret barra milli simboliku qawwi ħafna;

37.

jemmen li l-iżvilupp ta' dan is-sens ta' appartenenza huwa proċess li jrid jibda fl-iskejjel u li l-programmi ta' akkoljenza u integrazzjoni ta' l-istudenti refuġjati jistgħu jkunu żviluppati b'mod integrat fis-sistemi skolastiċi (u universitarji) kollha ta' l-Istati Membri;

38.

jirrakkomanda:

li jkun hemm linji gwida komuni dwar kif, bil-parteċipazzjoni mifruxa ta' l-entitajiet lokali, jitwettqu interventi li jgħinu lil dawk li talbu ażil u lir-refuġjati biex jiksbu l-aċċess għas-servizzi soċjo-sanitari u għal dar, u jinħolqu miżuri sabiex jiżviluppaw programmi ta' parteċipazzjoni fil-komunitajiet lokali,

li jkunu definiti regoli ċari u speċifiċi għall-għarfien tal-kwalifiki ta' l-istudju; ir-rikwalifikazzjoni vokazzjonali u iċ-ċertifikazzjoni tal-ħiliet,

li jkunu allokati riżorsi ekonomiċi sabiex jappoġġjaw il-potenzjalitajiet tax-xogħol u/jew dawk maniġerjali fost ir-refuġjati u jgħinu wkoll il-kollaborazzjoni ma' l-attivitajiet produttivi li jinsabu attwalment fit-territorju;

L-implimentazzjoni — miżuri ta' akkumpanjament

39.

jipproponi li jirregolarizza l-proċeduri komuni għall-identifikazzjoni taċ-ċittadini ta' Pajjiżi terzi li jitolbu l-protezzjoni internazzjonali;

40.

jipproponi t-tfassil ta' programmi strutturati ta' formazzjon jew aġġornament indirizzati lejn il-gwardjani tal-fruntieri u l-forzi tal-pulizija; l-NGOs; il-korpi maħsuba għall-eżaminazzjoni tat-talbiet ta' ażil; is-servizzi sanitarji u ta' l-għajnuna soċjali lokali; l-amministrazzjonijiet lokali u d-diriġenti ta' l-istituzzjonijiet nazzjonali;

41.

jissuġġerixxi t-twettiq ta' attivitajiet ta' laqgħa u skambju ta' idejat. Konferenza “plenarja” Ewropea dwar l-ażil, konferenzi regionali u l-attivazzjoni ta' programm ta' skambju tal-persunal, speċi ta' l-Erasmus għall-operaturi ta' l-Ażil;

42.

isejjaħ għal koordinazzjoni aħjar bejn l-Istati Membri dwar ċerti kwisjonijiet dwar l-ażil;

43.

jirrakkomanda li jitfassal regolament Ewropew li jiggverna, bejn l-Istati Membri: l-għarfien reċiproku tal-protezzjoni darba li tkun ingħatat; il-proċeduri għat-trasferiment u status uniformi li jkopri lir-refuġjati u lill-benefiċarji tal-protezzjoni sekondarja;

44.

jikkonsidra bħala essenzjali li jitwessgħu u jiġu żviluppati l-mezzi ta' konsultazzjoni ta' l-atturi varji — minn istituzzjonijiet nazzjonali sa l-amministraturi lokali, mill-pulizija sa l-NGOs — dwar l-implimentazzjoni ta' sistema ta' ażil komuni;

45.

jirrakkomanda l-programmazzjoni ta' strutturi ta' finanzjar u sejħiet għall-offerti għat-tisħiħ tal-ħiliet ta' l-atturi interessati nazzjonali u lokali. B'konsiderazzjoni partikolari għall-aspett psikosoċjali, ta' l-identifikazzjoni u l-ġestjoni tas-sitwazzjonijiet ta' vulnerabbiltà;

Is-solidarjeta u l-qsim tal-piżijiet

Solidarjetà finanzjarja

46.

jilqa' il-Programm Qafas għas-solidarjetà u l-ġestjoni tal-flussi migratorji għall-perjodu 2007-2013 ppreżentat mill-Kummissjoni Ewropea: dan hu programm multiannwali bbażat fuq erba' pilastri u l-fondi korrispondenti li jipprovdu approċċ integrat għall-kwistjonijiet varji li joħorġu mill-migrazzjoni. Jesprimi sodisfazzjon partikolari dwar il-verżjoni l-ġdida tal-Fond Ewropew għar-Refuġjati (ERF) għall-2008-2013, u l-Fond Ewropew għar-Ritorn għar-refuġjati li jilħqu l-ħtiġijiet mniżżla mill-awtoritajiet lokali għal min talab ażil u għar-refuġjati;

47.

jemmen li l-armonizzazzjoni ta' l-istandards proċedurali, ta' akkoljenza, ta' integrazzjoni, ta' parteċipazzjoni fil-komunitajiet lokali huma l-ewwel deterrent għall-movimenti sekondarji ta' dawk li jfittxu jew li għandhom il-benefiċċju ta' protezzjoni internazzjonali fi ħdan it-territorju ta' l-Unjoni Ewropea;

48.

jenfasizza li l-isforz qawwi biex tintlaħaq din l-armonizzazzjoni huwa, fil--ħolqien ta' sistema effettiva ta' ażil Ewropew, strument prinċipali sabiex jinqasmu r-responsabiltajiet u l-kompetenzi bejn l-Istati Membri kollha ta' l-Unjoni Ewropea;

49.

ifakkar li t-twettiq ta' dan il-għan f'dak li għandu x'jaqsam mar-riżorsi ekonomiċi, umani u ta' ħin żgur li se jkun dispendjuż, iżda jikkonsidrah neċessarju biex jintlaħaq mudell ta' interventi li jista' jsolvi l-problemi li wieħed isib fl-Unjoni Ewropea kollha fil-ġestjoni tal-flussi migratorji mħalta;

50.

jenfasizza l-importanza għat-twettiq ta' l-interventi msemmija hawn fuq u sabiex ikun żgurat li dawn ikollhom impatt fuq l-Istati Membri individwali, li r-riżorsi maħsuba għall-politiki Ewropej ta' l-Ażil ikollhom parti diretta lejn il-livell komunitarju u parti oħra diretta lejn l-Istati Membri individwali;

51.

jirrakkomanda għalhekk li l-Istati fejn it-talbiet ta' ażil qegħdin jiżdiedu jew li jinsabu fuq livelli kostanti, kif ukoll dawk l-Istati li jinsabu fuq il-fruntiera, ikunu jistgħu jirċievu allokazzjoni finanzjarja proporzjonata ma' l-interventi li jridu jwettqu. L-attwazzjoni ta' Sistema ta' Ażil komuni ser ikollha bżonn ta' ħafna riżorsi ekonomiċi u fuq kollox, għall-ewwel ħames snin ser ikun neċessarju li jkun hemm deroga fuq ir-regola li tgħid li l-finanzjamenti Ewropej jridu jkunu kumplimentari għal dawk nazzjonali;

52.

fid-dawl ta' dan jitlob, li jiġi mfassal programm iddettaljat tar-riżorsi finanzjarji Ewropej, skond gwidi finanzjarji sabiex wieħed ikun jista' jaċċedi għalihom ħalli jwettaq interventi, l-aktar fir-rigward tal-formazzjoni, l-iskambju tal-persunal u l-parteċipazzjoni ta' l-interlokuturi lokali fil-proċess ta' konsultazzjoni Ewropea;

53.

bl-istess mod jirrakkomanda li jiġu allokati riżorsi adegwati — b'finanzjamenti supplimentari li jpattu għan-nuqqasijiet strutturali fil-livell nazzjonali, lill-pajjiżi li ssieħbu reċentement u l-Istati membri bi storja reċenti ta' immigrazzjonijiet. F'dan il-kuntest ikun inutli li wieħed jaħseb għal programmi ta' resettlement fi ħdan l-Unjoni Europea stess.

L-estensjoni lill-benefiċċarji tal-protezzjoni internazzjonali tal-firxa ta' l-applikazzjoni tad-direttiva 2003/109/KE

54.

jilqa' l-proposta ta' direttiva tal-Kunsill, li għandha l-għan li timmodifika id-direttiva preċedenti 2003/109/KE, billi tiġi estiża l-applikazzjoni fil-konfront ta' persuni li ngħataw il-protezzjoni internazzjonali (refuġjati jew persuni li għandhom id-dritt għall-protezzjoni sussidjarja);

55.

jikkonsidra li l-estensjoni tal-kontenut tad-direttiva 2003/109/KE, lil dawk li jgawdu minn xi tip ta' protezzjoni internazzjonali hu provvediment essenzjali, sabiex jiġu eliminati r-riskji eventuali ta' diskriminazzjoni, kif ukoll hi strument integranti ta' l-istess proċess komunitarju ta' armonizzazzjoni fil-qasam ta' l-ażil;

56.

jikkonsidra fondamentali li jiġi żgurat li l-benefiċarji tal-protezzjoni interazzjonali jistgħu jiksbu l-istatus ta' residenza fuq perjodu twil fl-istess Stat Membru li jkun irrikonoxxa d-dritt għall-protezzjoni kif ukoll id-dritt illi jgħixu fi Stat membru ieħor;

57.

jenfasizza li l-għotja ta' xi forma ta' protezzjoni internazzjonali għandha tiġi kkonsidrata bħala element essenzjali fil-valutazzjoni dwar il-konsegwenzi tat-tmiem eventwali ta' l-istatus ta' residenza fuq perjodu twil;

58.

għalhekk jilqa' dawk il-miżuri fil-proposta ta' direttiva li għandhom l-iskop li jisħqu fuq ir-rispett tal-prinċipju ta' non refoulement, (prinċipju li jipprojbixxi li persuna tintbagħat lura f'pajjiż, b'mod sfurzat fejn ħajjitha, jew il-libertà tagħha jinsabu f'perikolu), kif ukoll li jwasslu b'mod konkret għall-attwazzjoni tiegħu, b'konformità ma' l-istess normativa komunitarja u internazzjonali, madanakollu l-Kumitat mhux lest li jaċċetta aktar restrizzjonijiet eventwali fl-oqsma tat-tkeċċija u d-deportazzjoni;

59.

dejjem fir-rispett tal-prinċipju tan-non refoulement, iqis bħala essenzjali l-bżonn li l-awtoritajiet tat-tieni Stat membru għandhom ikunu informati li resident fuq perjodu twil — li jitlob li jirresjedi fit-territorju tagħhom- diġa' jkun kiseb il-protezzjoni internazzjonali minn Stat Membru ieħor. Din id-dispożizzjoni hija fondamentali sabiex tiggarantixxi l-kontinwità tal-protezzjoni f'każ ta' ħtieġa fit-tul tal- protezzjoni internazzjonali;

60.

jikkonsidra, għalhekk indispensabbli li — meta l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, għall-għarfien u r-revoka ta' l-istatus ta' protezzjoni internazzjonali huma differenti minn dawk li għandhom il-kompetenza ta' l-għarfien u r-revoka ta' l-istatus ta' residenza fuq perjodu twil –“is-sitwazzjoni preċedenti fil-qasam ta' protezzjoni” għandha dejjem tittieħed f'konsiderazzjoni;

61.

jilqa' b'sodisfazzjon dawk id-dispożizzjonijiet li għandhom il-għan li jiggarantixxu l-applikazzjoni sħiħa, tal-kondizzjonijiet maħsuba għall-użu tad-dritt ta' residenza fi Stat membru ieħor, anke fir-rigward ta' dawk li għandhom protezzjoni internazzjonali bi status ta' residenza fuq perjodu twil;

62.

fl-aħħarnett jirrakkomanda li tista' tiġi adottata, fl-aspett komunitarju, dixxiplina uniformi fil-qasam tal-konċessjoni ta' l-awtorizzazzjoni għar-refuġjati u ta' dawk li għandhom id-dritt ta' protezzjoni sussidjarja fi Stat Membru ieħor (minħabba xogħol jew kwistjonijiet familjari) u fuq kollox, li jitħalla t-trasferiment minn Stat membru għall-ieħor tar-responsabbiltà fuq il-protezzjoni internazzjonali mogħtija.

Brussell, id-9 ta' April 2008.

Il-President

tal-Kumitat tar-Reġjuni

Luc VAN DEN BRANDE


Top