Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007AE0071

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Lejn l-adozzjoni ta' Karta Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Konsumaturi ta' l-Enerġija COM(2007) 386 finali

OJ C 151, 17.6.2008, p. 27–34 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

17.6.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 151/27


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Lejn l-adozzjoni ta' Karta Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Konsumaturi ta' l-Enerġija

COM(2007) 386 finali

(2008/C 151/09)

Nhar il-5 ta' Lulju 2007, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità ma' l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar:

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Lejn l-adozzjoni ta' Karta Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Konsumaturi ta' l-Enerġija

Nhar il-25 ta' Settembru 2007 il-Bureau tal-Kumitat inkariga lis-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà ta' l-Informazzjoni sabiex tħejji l-ħidma dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-441 Sessjoni Plenarja tiegħu tas-16 u 17 ta' Jannar 2008 (fis-seduta tas-16 ta' Jannar) li jaħtar lis-Sur Iozia bħala rapporteur ġenerali, u adotta din l-opinjoni b'127 vot favur, vot wieħed kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Sinteżi tal-kummenti u r-rakkomandazzjonijiet tal-KESE

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iqis l-inizjattiva tal-Kummissjoni għal Karta Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Konsumaturi ta' l-Enerġija b'mod pożittiv.

1.2

Il-KESE jqis li l-Karta hija l-ewwel pass lejn it-tisħiħ u l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-konsumaturi, li m'humiex iggarantiti jekk jitħallew f'idejn il-mekkaniżmi tas-suq, kif tenfasizza, bir-raġun, il-Kummissjoni.

1.3

Il-KESE jemmen li safejn dan huwa possibbli l-leġislazzjoni non-vinkolanti għandha tiġi evitata. Il-KESE, bi qbil mar-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew, jemmen li hemm bżonn ta' leġislazzjoni vinkolanti li tiggarantixxi d-drittijiet taċ-ċittadini billi l-miżuri tas-soft law ma jippermettux li l-objettivi jintlaħqu bis-sħiħ. Fil-każ tad-drittijiet tal-passiġġieri, il-Kummissjoni ħarġet ir-Regolament KE 261/2004 tal-11 ta' Frar. Għaldaqstant m'hemm l-ebda raġuni għaliex id-drittijiet tal-klijenti ta' l-enerġija għandhom jiġu indirizzati minn dokument li ma jorbotx.

1.4

Il-KESE jirrakkomanda li, flimkien mad-Direttivi li qegħdin jiġu approvati attwalment, il-Kummissjoni teżamina l-possibbiltà li l-Karta tinbidel f'Regolament dwar id-drittijiet tal-konsumaturi Ewropej ta' l-enerġija.

1.5

Il-KESE jemmen li d-drittijiet imħarsa mid-Direttivi għandhom japplikaw għall-utenti finali kollha, b'mod partikulari għall-familji u l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju. Id-Direttiva dwar l-elettriku 2003/54 tħalli lill-Istati Membri jagħżlu jridux joffru s-servizz universali — jiġifieri d-dritt li jiġu pprovduti b'elettriku ta' kwalità speċifika għal prezz raġonevoli, faċilment kumparabbli u trasparenti — lill-intrapriżi ż-żgħar (b'inqas minn 50 impjegat u turnover li ma jaqbiżx l-EUR 10 miljun).

1.6

Il-KESE jemmen li din id-differenza fit-trattament m'hijiex iġġustifikata u li d-dritt għal servizz universali għandu jingħata mill-inqas lill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju fl-Unjoni kollha. Għal dan il-għan, fid-dawl tal-fatt li t-tielet pakkett ta' l-enerġija, li l-KESE qiegħed jeżamina bħalissa, jimmodifika d-Direttiva dwar l-elettriku 2003/54, il-KESE jirrakkomanda bis-sħiħ li l-Kummissjoni timmodifika l-Artikolu 2 f'din id-direzzjoni, jew li testendi l-applikazzjoni tagħha għall-klijenti non-domestiċi.

1.7

Il-KESE jqis li huwa indispensabbli li bil-kelma “konsumatur” wieħed jifhem il-konsumatur finali, jiġifieri l-klijent tal-fornitur ta' l-enerġija. Il-bidla fit-terminoloġija bejn il-Komunikazzjoni “Politika dwar l-enerġija għall-Ewropa” li ssemmi l-Karta tad-drittijiet tal-klijenti u l-proposta li qiegħda tiġi eżaminata għal Karta tad-drittijiet tal-konsumaturi ta' l-enerġija, toħloq ċerta inċertezza u xxekkel il-fehim. Ix-xewqa ta' l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju li s-settur kummerċjali jkollu l-garanzija li jirċievi b'mod kostanti l-enerġija suffiċjenti għall-attivitajiet produttivi tiegħu, jistħoqqilha l-istess ammont ta' attenzjoni, b'mod partikulari fir-reġjuni tal-konverġenza u l-koeżjoni.

1.8

Il-garanzija tas-servizz universali estiża għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, ir-rispett tar-rabtiet tas-servizz pubbliku, il-ħarsien tas-setturi ekonomikament żvantaġġati li jirriskjaw il-“faqar fl-enerġija”, il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, il-libertà kuntrattwali, id-dritt għall-informazzjoni, id-dritt li l-konnessjoni ssir malajr, li l-kuntratti jkunu ċari u l-prezzijiet raġonevoli, trasparenti u kumparabbli bejn id-diversi fornituri, il-garanzija ta' provvista kontinwa, l-għarfien dwar is-sorsi ta' enerġija użati: dawn kollha huma fatturi estremament rilevanti. Għalhekk il-Kummissjoni, bir-raġun, ġibdet l-attenzjoni lejn il-fatt li s-suq, waħdu, m'huwiex kapaċi jesprimi dan il-livell ta' “sensittività” soċjali, ambjentali u ekonomika. Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ lill-inizjattivi kollha li jsegwu din id-direzzjoni b'sempliċità u effikaċja u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tuża l-iktar għodda adattati.

1.9

Il-KESE jirrakkomanda li titqies l-opportunità li jiġu inklużi modifiki oħra tad-direttiva dwar l-elettriku fl-ambitu tat-tielet pakkett ta' l-enerġija, minbarra dawk li huma diġà ppjanati.

1.10

Fl-aħħar ta' l-2001 il-KESE kien diġà ssuġġerixxa li l-Grupp tar-regolaturi Ewropej għall-gass u l-elettriku (ERGEG) jinbidel f'Aġenzija. Il-KESE jilqa' bi pjaċir il-fatt li l-Kummissjoni issa implimentat dik il-proposta fl-ambitu tat-“tielet pakkett ta' l-enerġija” u jittama li fost il-kompiti tal-futura Aġenzija jkun hemm il-verifika ta' l-applikazzjoni tajba tad-drittijiet tal-konsumaturi, b'mod partikulari tal-konsumaturi vulnerabbli. Il-KESE jemmen li l-implikazzjoni ta' l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi, ta' l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, ta' l-industrija settorjali u tat-trade unions hija meħtieġa sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni u r-responsabbiltà konġunta, kif diġà sar fil-qasam tat-trasport. Ftehim Ewropew li jagħti lill-Aġenzija d-dritt ta' azzjoni u regolarizzazzjoni tar-rabtiet bejn il-produtturi u l-utenti finali jista' jgħin konsiderevolment sabiex jintlaħqu l-objettivi. Ir-regolaturi nazzjonali jkollhom jissorveljaw is-swieq fl-oqsma li jikkonċernawhom direttament.

1.11

Il-KESE japprezza l-proposti li ressqet il-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni, billi dawn, jekk jiġu implimentati b'mod effikaċi, isaħħu d-drittijiet tal-konsumatur. B'mod partikulari jinnota li għandhom jiġu ggarantiti d-drittijiet tas-servizz pubbliku u tas-servizz universali, billi jiġi identifikat fornitur sostitut, li jista' jintervjeni fil-każ ta' kriżi ta' enerġija min-naħa tal-fornitur oriġinali ta' l-enerġija.

1.12

Regoli indaqs għas-suq uniku f'termini ta' kuntratti: trasparenza, modalitajiet ta' implimentazzjoni, ġestjoni ċara u mhux għalja tal-kunflitti, indennizzi uniformi li jiffavorixxu l-mobilità transkonfinali tal-konusmaturi u jiftħu s-suq Ewropew għall-konsumaturi finali wkoll.

1.13

Prezzi raġonevoli, trasparenti u kumparabbli. Kontijiet ċari, kompluti u bl-informazzjoni kollha utli għall-konsumaturi dwar is-sorsi ta' enerġija użati għall-produzzjoni ta' l-elettriku, l-emissjonijiet ta' CO2 u gassijiet oħra b'effett ta' serra, suġġerimenti għall-iffrankar ta' l-enerġija li jkunu koerenti mal-politiki Komunitarji.

1.14

Il-libertà li wieħed jagħżel il-fornitur tiegħu, jibdlu fi żmien qasir u mingħajr ħlas, l-applikazzjoni ta' dewmien limitat għall-kuntratti: dawn kollha huma drittijiet marbuta ma' l-iżvilupp sħiħ tas-suq tax-xogħol.

1.15

Informazzjoni korretta, sħiħa u ċara dwar il-kundizzjonijiet ta' aċċess u ta' użu, it-tariffi u l-prezzijiet u l-modifiki tagħhom.

1.16

Fir-rigward ta' l-ilmenti, ikun xieraq li tittieħed deċiżjoni favur soluzzjoni tal-kunflitti barra mill-qrati, bl-applikazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni 98/257 u 2001/310.

1.17

Id-dritt tar-rappreżentazzjoni għandu jissaħħaħ u jsir effettiv bil-għajnuna ta' l-għaqdiet tal-konsumaturi. Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitlaqqgħu f'sessjoni ta' djalogu miftuħ organizzata mill-aġenzija l-ġdida bil-għan li jinstabu soluzzjonijiet iktar adegwati għall-effettività tad-drittijiet tal-konsumaturi.

1.18

Il-faqar fl-enerġija jfisser esklużjoni minn ħajja dinjituża. Id-definizzjoni tal-konsumatur vulnerabbli u l-miżuri adottati favurih għandhom jiġu uniformizzati billi tiġi evitata l-interruzjoni fil-provvista permezz ta' garanzija ta' provvista bażika, iżda wkoll permezz tal-provvista ta' enerġija mingħajr ħlas. Il-prinċipju ta' responsabbiltà dejjem għandu jitħares.

1.19

Għandhom jittieħdu miżuri effettivi kontra l-prattiki kummerċjali żleali, billi jiġu aġġornati d-dispożizzjonijiet dwar dan fl-anness 1 tad-Direttiva 2005/29/KE tal-11 ta' Mejju 2005Prattiki żleali oħra jistgħu jiġu identifikati aħjar f'regolament milli permezz ta' modifiki tad-direttiva.

1.20

Il-KESE jissuġġerixxi li minbarra d-disa' suġġetti messqa mill-Kummissjoni, jiġu wkoll ikkunsidrati oħrajn meħudin minn ċerti Karti tad-drittijiet ta' kumpaniji li jipprovdu l-enerġija u għaqdiet tal-konsumaturi, kif diġà sar per eżempju f'ċerti Stati Membri ta' l-Unjoni: id-dritt “għall-ħin” tal-konsumatur, id-dritt għall-parteċipazzjoni u r-rappreżentazzjoni, id-dritt għall-kwalità u s-sigurtà, id-dritt għall-aqwa tariffa jew għat-tariffa l-iktar adattata għall-bżonnijiet tal-konsumatur, id-dritt għal rimborż tal-ħsara kkawżata u għal proċedura ta' konċiljazzjoni li toffri soluzzjoni effettiva fi żmien qasir.

2.   Introduzzjoni: id-dokument tal-Kummissjoni

2.1

Fil-komunikazzjonijiet ta' l-10 ta' Jannar 2007 (1), (2) il-Kummisjoni kienet ħabbret l-intenzjoni li toħroġ Karta tad-drittijiet tal-“klijenti” tal-kumpaniji li jipprovdu l-gass u l-enerġija, approvata mill-Kunsill tar-Rebbiegħa tat-8 u d-9 ta' Marzu. Fihom kienet talbet trattament aħjar tal-konsumaturi, per eżempju permezz ta' l-iżvilupp ta' Karta tal-klijenti ta' l-enerġija.

2.2

Il-Kummissjoni tagħraf li l-mekkaniżmi tas-suq waħedhom ma jistgħux jiggarantixxu r-rispett ta' l-interessi tal-konsumaturi u turi li d-direttivi eżistenti diġà jinkludu obbligi ta' servizz pubbliku u jiggarantixxu d-drittijiet tal-konsumaturi; il-Kummissjoni tħabbar azzjonijiet dwar is-sorveljanza ta' l-implimentazzjoni u r-rispett “effettiv” tad-drittijiet tal-konsumaturi fil-livell nazzjonali kif ukoll dwar it-tisħiħ u l-estensjoni ta' dawn id-drittijiet.

2.3

Il-fatt li l-proċess ta' liberalizzazzjoni tas-swieq Ewropej ta' l-enerġija u tal-gass intemm fl-1 ta' Lulju 2007 jirrappreżenta l-okkażjoni ideali għat-tnedija ta' kampanja ta' tagħrif adegwata mmirata lejn iċ-ċittadini u li tinvolvi l-għaqdiet tal-konsumaturi, dwar il-vantaġġi li għandha ġġib magħha l-opportunità li wieħed jagħżel fornitur u jkompli jgawdi l-istess drittijiet.

2.4

L-enerġija hija essenzjali għal kull Ewropew. It-titjib tal-ġestjoni u t-tisħiħ ta' l-interessi tal-konsumaturi, bħall-interessi tal-kumpaniji, huma kundizzjonijiet fundamentali ta' suq intern effikaċi.

2.5

Il-leġiżlazzjoni Ewropea eżistenti diġà tesiġi r-rispett għall-obbligi tas-servizz pubbliku, li huma conditio sine qua non tal-leġislazzjoni dwar l-enerġija. Il-prijorità ta' l-iżvilupp sostenibbli, il-ħarsien ta' l-ambjent, tal-konsumaturi u ta' l-iktar setturi vulnerabbli tas-soċjetà, fi kliem ieħor l-obbligi tas-servizz pubbliku, jirrappreżentaw element komplementarju neċessarju għall-kompetizzjoni. “L-obbligi tas-servizz pubbliku u universali b'mira preċiża għall-konsumaturi ta' l-enerġija għandhom jibqgħu fil-qalba tal-proċess għall-ftuħ fis-suq”.

2.6

Jeħtieġ li l-Unjoni Ewropea taħdem iktar sabiex tindirizza l-faqar fl-enerġija. Il-prezzijiet dejjem iktar għoljin tal-karburanti fis-swieq internazzjonali jwasslu għal prezzijiet ta' l-enerġija iktar għoljin, bir-riżultat li l-iktar faxex dgħajfa tas-soċjetà Ewropea jbatu dejjem iktar. Din il-kwistjoni ma ġietx indirizzata biżżejjed mill-Istati Membri. Ħames Stati Membri biss għandhom tariffi speċjali għall-utenti ekonomikament żvantaġġati. Il-Karta futura għandha tinkludi modalitajiet speċifiċi li jħarsu lill-iktar konsumaturi vulnerabbli.

2.7

L-għanijiet ewlenin. Dawn huma l-erba' objettivi li l-Kummissjoni diġà pproponiet (3):

li tgħin sabiex jiġu stabbiliti skemi bħala għajnuna għall-aktar ċittadini vulnerabbli ta' l-UE fil-konfront ta' żidiet fil-prezzijiet ta' l-enerġija;

li ttejjeb il-livell minimu ta' tagħrif disponibbli għaċ-ċittadini sabiex ikunu jistgħu jagħżlu bejn il-fornituri u l-għażliet tal-provvista,

li tnaqqas il-burokrazija meta l-klijenti jibdlu l-fornitur, u

li tħares il-konsumaturi minn prattiki ta' bejgħ żleali.

2.8

Il-Karta Ewropea futura dwar id-Drittijiet tal-Konsumaturi ta' l-Enerġija mhux ser tkun dokument legali vinkolanti. Għandha tinkludi:

(a)

l-istandards Komunitarji attwali li tagħti drittijiet lill-konsumaturi u timponi obbligi fuq il-fornituri ta' l-enerġija;

(b)

l-elementi li għandhom jiġu kkunsidrati mill-awtoritajiet ta' l-Istati Membri (gvernijiet jew awtoritajiet inkarigati mir-regolamentazzjoni) għall-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-leġislazzjoni;

(c)

l-elementi li jistgħu jiġu inklużi fid-drittijiet eżistenti u li jaqgħu taħt il-kompetenzi ta' l-Istati Membri;

(d)

l-elementi li jistgħu jiġi inklużi fid-drittijiet eżistenti u li jistgħu jintlaħqu permezz ta' awto-regolamentazzjoni min-naħa tal-partijiet interessati privati, jiġifieri l-industrija u l-għaqdiet tal-konsumaturi.

2.9

Id-disa' punti fundamentali li fuqhom hija bbażata l-Karta huma:

Konnessjoni

Kuntratti

Prezzijiet, tariffi u monitoraġġ

Għażla ħielsa tal-fornitur

Tagħrif

Ilmenti

Rappreżentazzjoni

Miżuri soċjali

Prattiki kummerċjali żleali

2.10

Skond il-prinċipju tar-“responsabbiltà konġunta”, il-partijiet interessati kollha: il-Komunità, l-Istati Membri, l-industrija ta' l-enerġija, irrappreżentata mill-imsieħba soċjali u l-għaqdiet tal-konsumaturi kollha, għandhom jagħtu l-kontribut tagħhom għas-suċċess ta' politika ta' l-enerġija favur iċ-ċittadini.

2.11

Fl-anness, għal kull punt fundamentali, ġew identifikati l-istandards attwali u l-inizjattivi li jistgħu jittieħdu mill-Kummissjoni u l-Istati Membri jew permezz ta' ftehimiet bejn il-partijiet interessati jew kodiċi ta' awto-regolamentazzjoni.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-KESE ser jeżamina: il-qafas legali, il-persuni milquta mill-Karta, l-effikaċja u l-proporzjonalità tal-proposta tal-Kummissjoni u l-possibbiltà li jintużaw strumenti oħra, ir-rwol ta' l-Aġenzija u regolaturi nazzjonali, proposti jew inizjattivi oħra ta' natura ġenerali jew speċifika.

Il-qafas legali

3.2

L-Artikolu 38 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea jistipula li f'termini ta' protezzjoni tal-konsumatur: “Il-politika ta' l-Unjoni għandha tiżgura livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur”. Dan l-Artikolu huwa bbażat fuq l-Artikolu 153 tat-Trattat li jagħti lill-Kummissjoni l-missjoni li tiżgura livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumaturi kif ukoll li tippromovi d-dritt tagħhom għall-informazzjoni u l-organizzazzjoni għall-ħarsien ta' l-interessi tagħhom stess. Barra minn hekk, l-eżiġenzi tal-protezzjoni tal-konsumaturi għandhom jiġu kkunsidrati fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta' politiki u attivitajiet Komunitarji oħra.

3.2.1

Bit-Trattat ta' Amsterdam, li mmodifika l-Artikolu 129 A il-qadim biex wasal għall-Artikolu 53 attwali, il-kompetenza Komunitarja fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi ġiet stabbilita definittivament (4).

3.2.2

Il-KESE jilqa' b'mod pożittiv ir-rieda tal-Kummissjoni li ssaħħaħ id-drittijiet tal-konsumaturi u tiġbor kemm il-miżuri attwalment proposti fil-leġislazzjoni Komunitarja (5) kif ukoll il-proposti għal inizjattivi futuri li jistgħu jiġu inklużi fid-diversi livelli tagħhom f'Karta dwar id-drittijiet tal-konsumaturi.

3.2.2.1

Madankollu jinnota li d-diversi forom ta' protezzjoni tal-konsumaturi adottati fl-Istati Membri individwali s'issa ma jiżgurawx li l-dispożizzjonijiet tad-direttivi fis-seħħ jitqiesu bħala drittijiet rikonoxxuti b'mod universali. Il-fatt li l-Karta hija msejħa mhux vinkolanti għalkemm tiġbor fiha elementi obbligatorji għal ċerti suġġetti b'għażliet ta' awto-regolamentazzjoni u “persważjoni morali” ta' l-Istati Membri u l-fornituri, jista' joħloq ċerta konfużjoni.

3.2.2.2

Fir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-4 ta' Settembru 2007 dwar l-implikazzjonijiet legali u istituzzjonali ta' l-użu ta' strumenti legali mhux vinkolanti (soft law), fil-“Billi” X hemm miktub li: “fejn il-Komunità għandha kompetenza leġiżlattiva iżda jidher li hija nieqsa mir-rieda politika li ddaħħal leġiżlazzjoni, l-użu ta' soft law jista' jevita l-korpi leġiżlattivi kompetenti, jista' juri disprezz lejn il-prinċipji tad-demokrazija u l-istat tad-dritt skond l-Artikolu 6 tat-Trattat UE, kif ukoll lejn dawk tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità skond l-Artikolu 5 tat-Trattat KE, u jista' jirriżulta fl-azzjoni ultra vires tal-Kummissjoni.”

3.2.2.3

Fil-punt 1 tar-riżoluzzjoni, ippreżentata mill-Membru Parlamentari Manuel Medina Ortega (6), il-Parlament “iqis li, fil-kuntest tal-Komunità, strument ta' soft law spiss ikun strument ambigwu u ineffettiv li għandu t-tendenza jkollu effett ta' ħsara fuq il-leġiżlazzjoni tal-Komunità u l-bilanċ istituzzjonali u għandu jintuża bi prudenza, anke fejn ikun hemm dispożizzjoni għalih fit-Trattat”. Fil-punt 8, b'mod iktar speċifiku, “jistieden lill-Kummissjoni biex tqis sew l-effett ta' soft law fuq il-konsumaturi u l-mezzi possibbli għalihom biex ifittxu rimedju qabel ma tiġi proposta xi miżura li tinvolvi strumenti ta' soft law”;

3.2.3

Il-KESE jissuġġerixxi li ssir distinzjoni bejn id-“drittijiet” li jistgħu jiġu implimentati u forom oħra ta' protezzjoni, b'distinzjoni ċara fil-Karta futura bejn id-drittijiet attwali u proposti ta' inizjattiva oħra li ser jittieħdu jew jistgħu jittieħdu fil-livelli kollha u li huma kkunsidrati bħala mixtieqa iżda mhux vinkolanti.

3.2.3.1

Il-KESE jistaqsi lilu nnifsu jekk fid-dawl ta' l-esperjenza miġbura s'issa, li l-Kummissjoni stess tiddefinixxi bħala insodisfaċenti, u fid-dawl tas-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni mit-Trattati, ikunx aħjar li wieħed jaħseb f'regoli ġodda li jkunu ftit u ċari, bil-għan li jissaħħaħ il-ħarsien tal-konsumaturi, b'mod partikulari dawk vulnerabbli. Il-prinċipju ta' sussidjarjetà, imsemmi fl-Artikolu 5 tat-Trattat, li ta' spiss ġie kkwotat b'mod qarrieqi kontra l-inizjattivi Komunitarji, f'dan il-każ għandu jservi sabiex jittieħdu deċiżjonijiet favur il-konsumaturi fl-assenza ta' liġijiet nazzjonali effikaċi.

Min huma l-konsumaturi?

3.3

Il-KESE jagħmel enfasi fuq l-inċertezza tal-qafas legali ta' referenza fir-rigward ta' min hu kopert minn din il-Karta u d-drittijiet relatati fl-ambitu tad-diversi regolamentazzjonijiet Ewropej. Il-komunikazzjoni “Politika dwar l-enerġija għall-Ewropa” (7) tistqarr li “l-Kummissjoni se tiżviluppa Karta għall-Konsumaturi ta' l-Enerġija”.

3.3.1

Id-Direttiva 2003/54/KE tas-26 ta' Ġunju 2003 fl-Artikolu 2 punt 7 tiddefinixxi min huma l-“klijenti”: il-klijenti li jixtru bl-ingrossa u l-klijenti finali ta' l-enerġija elettrika, il-klijenti finali, il-klijenti li jixtru l-enerġija elettrika għall-użu personali, “il-klijenti domestiċi” li jixtru l-enerġija biex jużawha fid-dar u l-“klijenti non-domestiċi” li jixtru l-enerġija li m'hijiex iddestinata għall-użu domestiku, inklużi l-produtturi u l-klijenti li jixtru bl-ingrossa.

3.3.2

Id-Direttiva 2005/29/KE tal-11 ta' Mejju 2005 dwar il-prattiki kummerċjali żleali bejn il-kumpaniji u l-konsumaturi fis-suq intern, ikkwotata mill-Kummissjoni bħala sors legali ta' referenza fir-rigward tal-parti dwar il-Karta dwar id-dritt tal-konsumatur li jkollu relazzjoni ġusta u trasparenti mal-fornitur tiegħu, fl-Artikolu 2 punt a) tiddefinixxi l-“konsumatur” bħala kwalunkwe persuna fiżika li, fil-kuntest ta' prattiki kummerċjali koperti minn din id-Direttiva, taġixxi għal skopijiet li huma barra mill-kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni tagħha.

3.3.3

Il-KESE jemmen li d-drittijiet iggarantiti mid-Direttivi għandhom japplikaw għall-utenti finali kollha, b'mod partikulari għall-familji u għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju. Id-Direttiva dwar l-elettriku tħalli lill-Istati Membri jagħżlu jridux joffru s-servizz universali — jiġifieri d-dritt li jiġu pprovduti b'elettriku ta' kwalità speċifika għal prezz raġonevoli, faċilment kumparabbli u trasparenti — lill-intrapriżi ż-żgħar (b'inqas minn 50 impjegat u turnover li ma jaqbiżx l-EUR 10-il miljun).

3.3.4

Il-KESE jemmen li din id-differenza fit-trattament m'hijiex iġġustifikata u li d-dritt għal servizz universali għandu jingħata mill-inqas lill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju fl-Unjoni kollha. Għal dan il-għan, fid-dawl tal-fatt li t-tielet pakkett ta' l-enerġija, li l-KESE qiegħed jeżamina bħalissa, jimmodifika d-Direttiva dwar l-elettriku 2003/54, il-KESE jirrakkomanda bis-sħiħ li l-Kummissjoni timmodifika l-Artikolu 2 f'din id-direzzjoni, jew li testendi l-applikazzjoni tagħha għall-klijenti non-domestiċi.

3.3.5

Il-KESE jqis li huwa indispensabbli li bil-kelma “konsumatur” wieħed jifhem il-konsumatur finali, jiġifieri l-klijent tal-fornitur ta' l-enerġija. Il-bidla fit-terminoloġija bejn il-Komunikazzjoni “Politika dwar l-enerġija għall-Ewropa” li ssemmi l-Karta tad-drittijiet tal-klijenti u l-proposta li qiegħda tiġi eżaminata għal Karta tad-drittijiet tal-konsumaturi ta' l-enerġija, toħloq ċerta inċertezza u xxekkel il-ftehim. Ix-xewqa ta' l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju li s-settur kummerċjali jkollu l-garanzija li jirċievi b'mod kostanti l-enerġija suffiċjenti għall-attivitajiet produttivi tiegħu, jistħoqqilha l-istess ammont ta' attenzjoni, b'mod partikulari fir-reġjuni tal-konverġenza u l-koeżjoni.

L-effikaċja u l-proporzjonalità tal-proposta

3.4

Il-KESE jikkunsidra li l-proposta għal Karta dwar id-drittijiet tal-konsumaturi ta' l-enerġija hija importanti minħabba l-effett li jista' jkollha fuq l-opinjoni pubblika billi tiftaħ id-dibattitu simultanjament mal-ftuħ effettiv tas-suq intern u b'hekk ittejjeb l-għarfien ta' l-utenti dwar is-suq ta' l-enerġija. Madankollu dan l-istrument jidher li huwa dgħajjef meta mqabbel ma' dak li sar fil-qasam tat-trasport fejn il-Karta tad-drittijiet tal-passiġġieri tinkludi referenzi ċari għad-drittijiet u referenzi daqstant ċari għall-kumpens. Fil-proposta tal-Kummissjoni l-Karta m'hijiex ta' natura vinkolanti, ħlief f'dawk il-partijiet li jinsabu diġà f'direttivi preċedenti u għaldaqstant ser tkun lista ta' drittijiet iktar minn tisħiħ tad-drittijiet. Jista' jagħti l-każ li l-istennijiet maħluqa mill-istqarrijiet tal-Kummissarji Piebalgs u Kuneva fl-okkażjoni tal-preżentazzjoni tad-dokument li qiegħed jiġi eżaminat ma jiġux sodisfatti.

3.4.1

Il-Kummissarju inkarigat mill-enerġija, Andris Piebalgs, stqarr: “il-konsumaturi ta' l-UE qegħdin jitolbuna nressqu risposta Ewropea komuni għall-isfidi ta' l-enerġija u l-klima. Minbarra l-garanzija ta' provvista ta' l-enerġija sostenibbli, sikura u kompetittiva, iċ-ċittadini Ewropej qegħdin jistennew li l-UE titgħammar għall-ħarsien tad-drittijiet tagħhom bħala konsumaturi fi swieq liberalzzati li joffru għażla ikbar ta' fornituri. F'dawn il-każi, il-Karta tal-konsumaturi ta' l-enerġija ssir rilevanti.”

3.4.2

“Il-liberalizzazzjoni ta' dawn is-swieq tirrappreżenta sfida u opportunità għall-konsumaturi Ewropej,” iddikkjarat Meglena Kuneva, il-Kummissarju inkarigata mill-protezzjoni tal-konsumaturi. “Huwa biss meta jkun irnexxielna noħolqu suq trasparenti u effikaċi li fih id-drittijiet tal-konsumaturi jkunu ggarantiti bis-sħiħ u l-konsumaturi infurmati jużaw l-għarfien tagħhom biex jiksbu l-vantaġġi mill-offerti disponibbli, li nkunu nistgħu ngħidu li lħaqna l-għan tagħna.”

3.4.3

Il-KESE, bi qbil mar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew, jemmen li hemm bżonn ta' leġislazzjoni vinkolanti li tiggarantixxi d-drittijiet taċ-ċittadini billi l-miżuri tas-soft law ma jippermettux li l-objettivi jintlaħqu bis-sħiħ. Fil-każ tad-drittijiet tal-passiġġieri l-Kummissjoni ħarġet ir-Regolament KE 261/2004 tal-11 ta' Frar. Għaldaqstant m'hemmx raġuni għaliex id-drittijiet tal-klijenti ta' l-enerġija jiġu indirizzati minn dokument li ma jorbotx. Il-Karta qiegħda tiġi ppubblikata għax id-drittijiet attwalment iggarantiti m'humiex qegħdin jiġu rrispettati u l-leġislazzjoni nazzjonali, b'ċerti eċċezzjonijiet li jistħoqqilhom kull tifħir, għadha m'hijiex sodisfaċenti. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa u r-responsabbiltà li tieħu azzjoni konkreta iżda tippreferi strument mhux vinkolanti anke jekk taf li s-suq waħdu ma jistax jagħti risposti adegwati u suffiċjenti.

3.4.4

Ir-rapport tal-Kummissjoni (8) dwar l-implimentazzjoni tar-regolament dwar id-drittijiet tal-passiġġieri għandu jservi ta' spunt. Ir-rapport jgħid li sentejn wara d-daħla fis-seħħ tar-Regolament KE nru. 261/2004 jidher biċ-ċar li sar progress iżda għad hemm bżonn ta' titjib konsiderevoli sabiex nilħqu koerenza ikbar fir-rispett ta' l-istandards min-naħa tal-kumpaniji ta' l-ajru u l-applikazzjoni ta' dawn l-istandards mill-Istati Membri. Bil-kontra ta' dak li kien jiġri qabel, il-passiġġieri li jitħallew l-art illum-il-ġurnata għandhom drittijiet speċifiċi, iżda ħafna drabi jinsabu f'pożizzjoni dgħajfa meta mqabbla mal-kumpaniji ta' l-ajru. Huwa ovvju li anke meta l-obbligi jkunu vinkolanti, il-kumpaniji ta' l-ajru ma jirrispettawx id-dispożizzjonijiet tad-direttiva. Għaliex għandhom jirrispettawhom il-kumpaniji li jipprovdu l-gass u l-elettriku minħabba Karta li lanqas biss hija vinkolanti?

3.4.5

Fuq il-bażi ta' l-esperjenza miksuba f'dan is-settur u f'setturi oħra tal-ħajja ekonomika, il-KESE jirrakkomanda l-adozzjoni ta' miżuri legali li jiggarantixxu d-drittijiet tal-konsumaturi bis-sħiħ. Il-proporzjonalità ta' proposta hija bbażata fuq kemm tindirizza l-objettivi u fuq il-bżonn ta' leġislazzjoni. F'dan il-każ, minkejja l-fatt li għandha s-setgħa li tintervjeni permezz ta' regolamenti, il-Kummissjoni tippreferi tieħu approċċ differenti. Il-KESE jemmen li l-għażla ta' l-istrument hija oġġettivament inadegwata biex jintlaħqu l-objettivi ddefiniti. Il-Karta tista' tkun l-ewwel pass iżda l-impenn tal-leġislatur Ewropew għandu jkun immirat lejn it-tisħiħ tad-drittijiet.

3.4.6

Il-garanzija tas-servizz universali estiża għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, ir-rispett tar-rabtiet tas-servizz pubbliku, il-ġestjoni tas-setturi ekonomikament żvantaġġati li jirriskjaw il-“faqar fl-enerġija”, il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, il-libertà kuntrattwali, id-dritt għall-informazzjoni, li l-konnessjoni ssir malajr, li l-kuntratti jkunu ċari u l-prezzi raġonevoli, trasparenti u kumparabbli bejn id-diversi fornituri, il-garanzija ta' provvista kontinwa, l-għarfien dwar is-sorsi ta' enerġija użati: dawn kollha huma fatturi estremament rilevanti. Għalhekk il-Kummissjoni, bir-raġun, ġibdet l-attenzjoni lejn il-fatt li s-suq waħdu m'huwiex kapaċi jesprimi dan il-livell ta' “sensittività” soċjali, ambjentali u ekonomika. Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ lill-inizjattivi kollha li jsegwu din id-direzzjoni b'sempliċità u effikaċja u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tuża l-iktar għodda adattati.

Ir-rwol ta' l-Aġenzija u tar-Regolaturi Nazzjonali

3.5

Il-KESE jilqa' bi pjaċir il-proposta għal regolament li tinsab fit-tielet pakkett ta' l-enerġija, li twaqqaf Aġenzija ta' kooperazzjoni magħmula mir-regolaturi ta' l-enerġija (9). Fl-opinjoni tas-17 ta' Ottubru 2001 dwar it-tieni “pakkett” ta' l-enerġija (10), il-Kumitat kien issuġġerixxa li fil-ġejjieni u fuq il-bażi ta' l-esperjenzi ta' funzjonament rispettivi, tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li dan il-Kunsill (ERGEG) jinbidel f'Aġenzija Ewropea jew entità simili, b'kompetenzi fil-qasam tat-trasport internazzjonali ta' l-elettriku u l-gass naturali. Il-fatt li ssuġġerixxa l-ħolqien ta' din l-Aġenzija tant żmien qabel huwa ta' sodisfazzjon għall-Kumitat.

3.5.1

Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Prospettivi tas-suq intern tal-gass u l-elettriku” (11) tħabbar it-tisħiħ tad-direttivi li huma marbutin mas-setgħat tar-regolatur nazzjonali. Fil-punt 2.2.1 il-Kummissjoni tqis li r-regolaturi għandhom jingħataw setgħat ta' azzjoni ex ante f'diversi oqsma fosthom (vii) il-protezzjoni tal-konsumaturi, inkluż il-kontroll tal-prezzijiet imposti fuq il-klijent finali. B'xorti ħażina, fit-test tat-tielet pakkett ta' l-enerġija m'hemm l-ebda ħjiel ta' dan it-tisħiħ! Huwa minnu li ċerti setgħat ta' l-awtoritajiet regolatorji jissaħħu fil-kapitolu VII b tad-Direttiva l-ġdida dwar l-enerġija, u r-regolatur huwa mitlub jiggarantixxi servizz universali u pubbliku ta' kwalità għolja fis-settur ta' l-enerġija elettrika (u tal-gass), bl-iskop li jitħarsu l-klijenti vulnerabbli u li l-miżuri għall-protezzjoni tal-konsumaturi msemmija fl-anness A jkunu effikaċi, iżda dawn il-kompiti diġà kienu fost dawk ta' l-awtoritajiet regolatorji.

3.5.2

Il-Kummissjoni tipproponi wkoll li jiġi mmodifikat l-anness A tad-Direttiva l-ġdida dwar l-enerġija billi jiżdiedu tliet punti. L-ewwel punt jindirizza l-aċċess għad-data dwar il-konsum, it-tieni wieħed huwa dwar id-dritt għall-informazzjoni dwar il-konsum li jkun sar fix-xahar u l-ispejjeż relatati u t-tielet punt huwa dwar id-dritt li wieħed jibdel il-fornitur meta jrid. Il-KESE jilqa' l-proposta iżda jistaqsi lilu nnifsu għaliex il-Kummissjoni, li għandha s-setgħa li tuża inizjattivi iktar b'saħħithom, ma għażlitx l-istrument ewlieni tar-reviżjoni tad-direttiva biex tilħaq l-għan tagħha li huwa dak li ssaħħaħ id-drittijiet tal-konsumaturi.

3.5.2.1

Il-proposta tal-Kummissjoni li timmodifika l-Artikolu 3 biż-żieda ta' punt 10 ġdid, li jimponi l-applikazzjoni tal-proċedura ta' komitoloġija għal ċerti partijiet tar-regolamentazzjoni, tista' tkun l-istrument adegwat għat-tisħiħ tad-drittijeit tal-konsumaturi billi d-deċiżjonijiet tal-Kumitati b'hekk jidħlu fis-seħħ minnufih fl-oqsma fejn ikunu ntalbu. Il-KESE jirrakkomanda li l-istituzzjonijiet Ewropej japprovaw dan il-punt tal-proposta tal-Kummissjoni.

3.5.2.2

L-anness tal-komunikazzjoni “Lejn Karta Ewropea tad-drittijiet tal-konsumaturi” jsemmi, flimkien mad-drittijiet eżistenti (li huma diffiċilment applikabbli), ċerti ipotesijiet futuri ta' drittijiet ġodda. It-tendenza tkun li l-introduzzjoni ta' dawn il-proposti ġodda fl-anness A tibda tagħmilhom obbligatorji u b'hekk titħejja t-triq għal regolament speċifiku ta' protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumaturi finali.

3.5.3

Il-KESE jemmen li fost il-kompiti futuri ta' l-Aġenzija Ewropea għandu jkun hemm ukoll is-sorveljanza tar-rispett tad-drittijiet tal-konsumaturi. Il-KESE jemmen li l-implikazzjoni ta' l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi, ta' l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, ta' l-industrija settorjali u tat-trade unions hija meħtieġa sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni u r-responsabbiltà konġunta, kif diġà sar fil-qasam tat-trasport. Ftehim Ewropew li jagħti lill-Aġenzija d-dritt ta' azzjoni u regolazzjoni tar-rabtiet bejn il-produtturi u l-utenti finali jista' jgħin konsiderevolment sabiex jintlaħqu l-objettivi.

3.5.3.1

Istituzzjonalment, l-Aġenzija għandu jkollha setgħat vinkolanti fil-limitu tal-kompetenzi tagħha. L-Aġenzija għandha tkun magħmula minn rappreżentanti ta' l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u għandu jkollha kumitati tekniċi li jinvolvu r-regolaturi nazzjonali kollha. Il-KESE jittama li l-protezzjoni tal-konsumaturi tiġi wkoll inkluża fil-kompetenzi ta' l-Aġenzija u li għal dan il-għan issir konsultazzjoni f'round table. Dan jippermetti intervenzjoni iktar effikaċi għat-twettiq ta' l-objettivi proposti mill-Kummissjoni fil-Karta tad-drittijiet. Fl-2001 il-KESE kien diġà enfasizza l-bżonn li dawn l-entitajiet jaħdmu b'mod iktar demokratiku permezz tal-parteċipazzjoni tad-diversi partijiet involuti fis-swieq ta' l-elettriku u tal-gass naturali (konsumaturi, ħaddiema u kumpaniji) (12).

3.5.3.2

Ir-regolatur nazzjonali, min-naħa l-oħra, jista' jikkollabora b'mod attiv sabiex titfassal strateġija ta' protezzjoni ġeneralizzata. Ir-regolatur għandu jkollu setgħa ikbar fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Fl-opinjoni tiegħu dwar id-Direttiva dwar l-enerġija ta' l-2001 (13), il-Kumitat laqa' l-fatt li l-Kummissjoni stqarret li wieħed mill-għanijiet fundamentali tagħha kien li jintlaħqu l-objettivi għas-servizz pubbliku u li dan kellu jinkludi l-adozzjoni ta' dispożizzjonijiet li jiggarantixxu livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumaturi, b'arranġamenti speċjali għall-iktar gruppi vulnerabbli, per eżempju miżuri soċjali sabiex ċerti gruppi jkollhom provvista ta' l-enerġija bi prezz ġust. B'xorti ħażina l-esperjenza f'dan il-qasam ma kenitx pożittiva.

4.2

Il-flussi transkonfinali ta' l-elettriku fl-Ewropa kibru modestament sena wara sena minn meta nfetaħ is-suq. Madankollu, bħala medja, 10 % ta' l-elettriku kkonsmat fl-UE biss jaqbeż il-fruntieri ta' l-Istati Membri (14).

4.3

Il-blackouts li ġarrbu l-Italja fl-2003 u l-UCTE (15) fl-2006 wrew kemm jista' jiswa kull inċident fin-netwerk Ewropew ta' trasmissjoni. Għalhekk huwa importanti li ż-żieda fin-negozju tkun akkumpanjata minn koordinazzjoni ikbar fl-operazzjonijiet tan-netwerk u mill-bini ta' infrastruttura ġdida, inkluża l-modernizzazzjoni tal-linji eżistenti, il-bini ta' linji ġodda u l-investiment f'komponenti oħra tan-netwerk, kull fejn ikun hemm bżonn. Is-suq Ewropew qiegħed jibbaża ruħu dejjem iktar fuq kunċett reġjonali, li inizjalment żviluppa b'mod naturali skond il-karatteristiċi fiżiċi tan-netwerk. Bl-introduzzjoni tar-reġjuni fil-linji gwida emendati dwar il-ġestjoni tal-konġestjoni u bl-iżvilupp ta' inizjattivi reġjonali għall-enerġija elettrika mill-ERGEG, l-approċċ reġjonali kiseb status uffiċjali (16).

4.4

Il-konsumaturi finali huma partikolarment interessati fil-provvista ta' enerġija mingħajr ħlas. Ir-rwol dejjem ikbar tar-reġjuni fis-settur ta' l-enerġija għandu jġib il-benefiċċji għad-distribuzzjoni u għall-iżvilupp ta' rabtiet iktar stretti b'mod partikulari bejn ir-reġjuni transkonfinali, li għandhom iwasslu għal żieda sinifikattiva fit-traffiku u l-flussi u b'hekk inaqqsu r-riskju ta' konġestjoni.

4.5

Il-miżuri ta' protezzjoni tal-konsumatur finali għandhom jinkludu d-dritt għal informazzjoni regolari dwar il-kwantità ta' enerġija trasmessa, l-oriġini ġeografika u s-sors tagħha, l-emissjonijiet tal-gass b'effett ta' serra għal kull Kwh, il-ftehimiet ta' kooperazzjoni Komunitarji u extra-Ewropej. Huwa fatt, per eżempju, li l-pajjiżi li ddeċidew li ma jużawx l-enerġija nukleari jixtru l-enerġija prodotta f'power stations nukleari. Informazzjoni ta' din ix-xorta għandha tingħata lill-konsumatur li jista' jiddeċiedi li jibdel il-fornitur jekk ma jaqbilx mat-taħlita enerġetika tal-kumpanija li tipprovdih bl-enerġija. Il-konsumatur illum m'għandux informazzjoni dwar dawn l-għażliet tal-produzzjoni.

4.6

Konnessjoni. Il-garanzija ta' servizz universali, il-kontinwità tal-provvista u ħinijiet ta' konnessjoni ggarantiti: dawn id-drittijiet bħalissa jinsabu fis-seħħ iżda ftit li xejn huma rrispettati. Għandu jkun hemm fornitur sostitut li jiggarantixxi l-kontinwazzjoni tas-servizz f'każ li l-fornitur oriġinali ma jkunx jista' jkompli jipprovdih.

4.7

Kuntratt. Trasparenza, modalitajiet ta' implimentazzjoni, obbligi, indennizzi, ekwità, assenza ta' klawżoli inġusti, ġestjoni ċara u mhux għalja tal-kunflitti: dawn fit-teorija huma drittijiet rikonoxxuti, li kull Stat Membru kellu jintegra fil-leġislazzjoni nazzjonali bi traspożizzjoni tad-direttivi. Ir-realtà hija differenti ħafna. Il-Kummissjoni daħħlet xi emendi fl-anness A tat-tielet pakkett li jżidu l-obbligi għall-kumpaniji, iżda hemm ir-riskju li dawn qatt ma jiġu applikati, billi m'humiex akkumpanjati minn sistema effikaċi ta' sanzjonijiet la fil-livell Ewropew wisq inqas f'dak nazzjonali, bi ftit eċċezzjonijiet. F'dan il-qasam b'mod partikulari ikun xieraq li jkun hemm regoli ugwali għall-Unjoni kollha, iggarantiti minn strument regolatorju bħalma sar għad-drittijiet tal-passiġġieri.

4.8

Prezzijiet, tariffi u monitoraġġ. Trasparenza, loġika, kumparabilità, diversità fil-metodi ta' ħlas, użu iktar mifrux ta' miters ta' l-elettriku u l-gass “intelliġenti”, kontijiet ċari u li jinftiehmu faċilment, relatati mal-konsum effettiv. Il-KESE jemmen li huwa importanti ħafna li fil-kontijiet ta' l-elettriku jitniżżlu l-komponenti ta' l-ispejjeż tal-produzzjoni ta' l-enerġija (ix-xiri tal-karburanti, id-distribuzzjoni, il-manutenzjoni, il-ħlas tad-dejn, it-taxxi u l-imnut, il-persunal, spejjeż ġenerali), is-sorsi (fossili, idro-elettriċi, rinnovabbli, nukleari, imħallta), l-emissjonijiet tas-CO2, l-ammont ta' enerġija li ġiet iffrankata, paraguni ma' konsum preċedenti u mal-medja tal-konsum ta' utenti oħra bl-istess profil. Permezz ta' dan l-istrument informattiv, il-konsumatur jitħeġġeġ jikkunsidra l-bżonn li jikkontribwixxi bl-imġiba tiegħu għall-iffrankar ta' l-enerġija. Il-kont huwa strument ta' komunikazzjoni (għandu jintbagħat darba fix-xahar skond proposta reċenti tal-Kummissjoni) bejn il-kumpanija li tipprovdi l-enerġija u l-konsumatur, fejn jistgħu jiġu trasmessi għadd ta' messaġġi “pożittivi” li jippromovu l-politiki Ewropej.

4.9

Għażla ħielsa tal-fornitur. Il-possibbiltà li wieħed jibdel il-fornitur, ikun liema jkun iż-żmien tas-sena u b'xejn, mingħajr ħsara għad-drittijiet tiegħu. Għandha tingħata l-garanzija li l-bidla ssir fi żmien stabbilit. Xi kultant, il-kuntratti jinkludu klawżola ta' dewmien minimu. Il-KESE jemmen li f'każ bħal dan għandu jkun hemm limitu għal dan it-tip ta' dewmien sabiex il-konsumatur ikompli jgawdi d-dritt għall-għażla tal-fornitur mingħajr l-ixkiel li joħolqu klawżoli ta' dewmien twil iżżejjed jew penali relatati.

4.10

Informazzjoni. Korretta, sħiħa u ċara dwar il-kundizzjonijiet ta' aċċess u ta' użu, it-tariffi u l-prezzijiet u l-modifiki tagħhom. L-estensjoni tad-drittijiet tal-konsumaturi fir-rigward tal-ħlasijiet tas-servizz pubbliku u l-modalitajiet li jiggarantixxu s-servizz universali, b'mod partikulari l-kwalità u l-kontinwità tal-provvista ta' elettriku u gass, l-indennizzi f'każ ta' nuqqas ta' rispett ta' dawn id-drittijiet, modalitajiet ta' aċċess għal forom ta' ġestjoni ta' kunflitti mingħajr ħlas jew bi prezz baxx ħafna sabiex kulħadd ikollu l-istess drittijiet. Kull fornitur għandu jibgħat darba fis-sena, jew fil-każ tal-preżenza ta' fornitur ġdid, lista ta' operaturi li jaħdmu fir-reġjun. Il-kumpaniji li jipprovdu l-enerġija għandhom jgħarrfu l-klijenti tagħhom bil-miżuri finanzjarji, fiskali u noramattivi mmirati lejn l-appoġġ ta' inizjattivi li jikkontribwixxu għat-titjib ta' l-effiċjenza fl-enerġija u jagħtu suġġerimenti konkreti ta' kif il-konsumaturi jistgħu jiffrankaw fl-użu tagħhom ta' l-elettriku u l-gass.

4.11

Ilmenti. Fl-1998 il-Kummissarju Bonino tħabbtet ħafna affavur id-drittijiet tal-konsumaturi u l-Kummissjoni ħarġet rakkomandazzjoni (17) dwar il-korpi barra mill-qorti inkarigati mill- kunflitti fil-qasam tal-konsum. Fl-2001 (18) din ir-rakkomandazzjoni ġiet integrata f'rakkomandazzjoni oħra bil-għan li jkollha applikazzjoni iktar mifruxa. Fil-qasam tad-drittijiet tal-konsumaturi ta' l-enerġija, l-ilmenti, fl-istadju preliminari, għandhom jiġu indirizzati lil korp barra mill-qorti, sabiex tkun tista' tinstab soluzzjoni b'mod effikaċi u bi prezz baxx ħafna għall-konsumatur, dejjem sakemm il-korp ikun imparzjali u l-proċedura tkun effikaċi, pubblika u trasparenti. Billi l-kunflitti fil-qasam tal-provvista ta' l-enerġija huma ta' natura vasta ħafna, ma jkunx xieraq li l-konsumatur ikollu jġarrab id-dewmien u l-ispejjeż ta' każ fil-qorti.

4.12

Rappreżentazzjoni. Id-dritt għar-rappreżentazzjoni ta' l-għaqdiet tal-konsumaturi, anke jekk rikonoxxut mil-leġislazzjoni Ewropea, huwa diffiċilment applikabbli. In-nuqqas ta' qafas legali Komunitarju dwar l-azzjonijiet kollettivi, inkluż fir-rigward tas-servizzi jew l-attivitajiet ekonomiċi transkonfinali, ikompli jillimita d-dritt li wieħed jiftaħ każ il-qorti. Il-kostruzzjoni ta' l-Aġenzija Ewropea tista' tkun l-okkażjoni biex dan id-dritt isir realtà u biex titwaqqaf round table permanenti għad-djalogu bejn il-partijiet interessati kollha, kif diġà qiegħed isir per eżempju fl-applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-karozzi fis-settur tat-trasport, fejn ir-rappreżentanti ta' l-imsieħba soċjali u l-konsumaturi jinġabru bil-għan li jgħinu lill-korpi Komunitarji janalizzaw il-proposti. B'mod simili, fl-Istati Membri għandha titwaqqaf round table permamenti għall-konsultazzjoni tar-regolatur nazzjonali.

4.13

Miżuri soċjali. Il-Kumitat huwa ferm interessat fil-problemi tal-faqar fl-enerġija li jistgħu jwasslu għal qtugħ fil-provvista ta' l-enerġija f'każ ta' dewmien fil-ħlas. F'opinjoni reċenti l-KESE sostna (19) li: “Politika Ewropea ta' l-enerġija għandha tkun sostenibbli għall-gruppi soċjali kollha, sabiex ikunu trattati b'mod ugwali fir-rigward ta' l-aċċess għas-servizzi pprovduti mill-provedituri ta' l-enerġija”. Il-KESE ma jaqbilx li l-enerġija għandha tkun b'xejn għax dan iwassal għal imġiba negattiva fil-qasam ta' l-iffrankar ta' l-enerġija, iżda jemmen li l-problema għandha tiġi indirizzata permezz tat-tassazzjoni ġenerali. Il-kuntratti ta' servizz pubbliku għandhom jinkludu klawżola dwar riżerva ta' elettriku u gass bi prezz raġonevoli, bil-għan li l-bżonnijiet ta' l-iktar konsumaturi vulnerabbli jiġu kkunsidrati. Dawn il-konsumaturi għandhom ikunu jistgħu jiġu pprovduti b'ammont suffiċjenti ta' enerġija bi prezz li huwa adattat għas-sitwazzjoni tagħhom. Il-prinċipju ta' responsabbiltà dejjem għandu jitħares. Jiġri x'jiġri, id-definizzjoni ta' konsumatur vulnerabbli u l-miżuri li għandhom jiġu adottati favurih għandhom ikunu uniformi fl-Ewropea kollha, sabiex tiġi evitata kull forma ta' diskriminazzjoni u kwalunkwe distorsjoni fil-kompetizzjoni.

4.14

Prattiki kummerċjali żleali. Il-konsumatur huwa mħares kontra l-prattiki kummerċjali qarrieqa li jagħtu informazzjoni falza, iħallu barra informazzjoni rilevanti li hija meħtieġa sabiex il-konsumatur jieħu deċiżjoni infurmata, jew joħolqu ostakoli u jimponu ħlas mhux iġġustifikat f'każ ta' bidla tal-fornitur, bil-għan li jaqtgħu qalb il-konsumatur. Il-KESE jemmen li d-dritt tal-konsumatur kontra dawn il-prattiki għandu jissaħħaħ. Id-Direttiva 2005/29/KE tal-11 ta' Mejju 2005, Artikolu 3 punt 5, tirreferi għall-Anness 1 li jinkludi lista tal-prattiki li huma kkunsidrati żleali, iżda tgħid ukoll li din il-lista tista' biss tiġi mmodifikata permezz ta' reviżjoni tad-direttiva. Billi l-aġġornament ta' lista bħal din jinvolvi proċedura twila ħafna, ir-regolament li għandu jinkludi miżuri ta' protezzjoni tal-konsumaturi ta' l-enerġija huwa d-dokument ideali fejn jistgħu jiġu integrati d-drittijiet tal-konsumaturi ta' l-enerġija kontra prattiki kummerċjali żleali.

5.   Skambju ta' prattiki tajba

5.1

Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni teżamina wħud mill-Karti tad-drittijiet tal-konsumaturi li ġew iffirmati f'xi Stati Membri bejn l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u l-fornituri ta' l-enerġija, li rrikonoxxew id-drittijiet tal-klijenti b'mod iktar qawwi mid-dispożizzjonijiet mistennija fil-Karta tal-Kummissjoni. Per eżempju, fl-Italja, ADOC, organizzazzjoni tal-konsumaturi, u La220 s.p.a., kumpanija tas-suq ta' l-elettriku li tixtri bl-ingrossa u li ila ħafna snin attiva fil-qasam tar-responsabbiltà soċjali, iffirmaw karta tad-drittijiet tal-konsumatur b'dispożizzjonijie li jmorru iktar 'il bogħod minn dawk issuġġeriti mill-Kummissjoni. Per eżempju, din il-Karta tikkunsidra d-dritt “għall-ħin” tal-konsumatur, id-dritt għall-parteċipazzjoni u r-rappreżentazzjoni, id-dritt għall-kwalità u s-sigurtà, id-dritt għall-aqwa tariffa, id-dritt għar-rimborż tal-ħsara kkawżata u għal proċedura ta' konċiljazzjoni li toffri soluzzjoni effettiva fi żmien qasir. Kull sitt xhur issir verifika ta' l-applikazzjoni tal-Karta, li hija vinkolanti għall-kumpanija billi hija inkluża fil-kuntratt tal-klijenti.

5.2

Xi regolaturi nazzjonali ħadu azzjoni għall-ġestjoni tal-kunflitti billi stabbilew sistema ta' obbligi, kontrolli u penali li jirregolaw il-kontinwità tas-servizz ta' distribuzzjoni ta' l-enerġija (20). F'każ ta' turbulenzi fit-tensjoni, interruzzjonijiet jew blackouts fil-provvista ta' l-elettriku, m'hemmx dubju li l-fornitur għandu joffri kumpens għall-ħsara kkawżata minħabba li ma rrispettax l-obbligi ta' provvista stipulati fil-kuntratt, dejjem sakemm ma jirnexxilux jipprova li l-interruzzjoni ma kenitx marbuta ma' nuqqas min-naħa tiegħu (21).

Brussell, is-17 ta' Jannar 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Prospettivi tas-suq intern tal-gass u l-elettriku COM(2006) 841

(2)  Politika dwar l-enerġija għall-Ewropa COM(2007) 1

(3)  Politika dwar l-enerġija għall-Ewropa COM(2007)1, p. 10

(4)  It-Trattat ta' Amsterdam ta' l-4 ta' Ottubru 1997 jirrevedi t-test preċedenti li kien jagħti lill-Kummissjoni rwol ta' koordinazzjoni biss, subordinat għall-kompetenzi ta' l-Istati Membri f'termini ta' protezzjoni tal-konsumaturi.

(5)  Anness A tad-Direttiva dwar l-Elettriku u d-Direttiva dwar il-Gass

Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta' April 1993 dwar il-klawżoli abbużivi fil-kuntratti mal-konsumaturi

Artikolu 3 punti 3, 5 u 6 tad-Direttiva dwar l-Elettriku

Artikolu 3 punt 3 tad-Direttiva dwar il-Gass

Artikolu 13 punti 1 u 2 tad-Direttiva 2006/32/KE ta' l-4 ta' April 2006 dwar l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 98/257/KE dwar il-prinċipji applikabbli għall-korpi responabbli mis-soluzzjoni barra mill-qorti ta' kontroversji marbuta ma' kunflitti li jinvolvu l-konsumaturi

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2001/310/KE dwar il-prinċipji applikabbli għall-korpi barra mill-qorti inkarigati mis-soluzzjoni konsenswali ta' kunflitti li jinvolvu l-konsumaturi

Direttiva 98/27/KE tad-19 ta' Mejju 1998 dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni ta' l-interessi tal-konsumaturi

Direttiva 2005/729/KE tal-11 ta' Mejju 2005 dwar il-prattiki kummerċjali żleali tal-kumpaniji fir-rigward tal-konsumaturi

(6)  Riżoluzzjoni P6_TA(2007)0366 ta' l-4 ta' Settembru 2007

(7)  Punt 3.1.7. cit.

(8)  04/04/2007 COM(2007)0168 finali

(9)  19/09/2007 COM(2007)0530 finali

(10)  ĠU C 36/10, 08.02.2002 (rapporteur: Hernández Bataller)

(11)  10/01/2007 COM(2006)841 finali

(12)  Punt 6.7.4 c

(13)  Punti 6.4.2, 6.4.3.

(14)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 15.5.2007 COM(2007) 250 finali: Rapport dwar l-esperjenza miksuba mill-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1228/2003 Regolament dwar il-Bdil bejn il-Fruntieri fl-Elettriku.

(15)  Union for the Co-ordination of Transmission of Electricity (UCTE). Assoċjazzjoni ta' l-operaturi tas-sistemi ta' trasmissjoni.

(16)  15.5.2007 COM(2007) 250 finali.

(17)  98/257/KE tat-30 ta' Marzu 1998

(18)  2001/310/KE ta' l-4 ta' April 2001

(19)  KESE 1243/2007 Pjan ta' Azzjoni għall-Effiċjenza fl-Użu ta' l-Enerġija (rapporteur: is-Sur Iozia), mhux ippubblikat.

(20)  Awtorità għall-enerġija u l-gass, Deċiżjoni 202/99

(21)  Summa 188/April 2003, Giulio Disegni p. 22


Top