EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52006SC1165

Commission staff working document - Accompanying document to the Communication from the Commission to the Council, the European Parliament, the European Economic and Social Committee and the Committee of the Regions - Thematic Strategy for Soil Protection - Summary of the impact assessment {COM(2006)231 final} {SEC(2006)620}

52006SC1165




[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussell, 22.9.2006

SEC(2006)1165

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TA' L-ISTAFF TAL-KUMMISSJONI Dokument li jakkumpanja L-KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, IL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Strateġija Tematika dwar il-Protezzjo ni tal-Ħamrija SOMMARJU TA’ L-EVALWAZZJONI TA’ L-IMPATT {COM(2006)231 finali}{SEC(2006)620}

SOMMARJU

L-ISFOND TAL-POLITIKA

Is-6 Programm ta' Azzjoni Ambjentali tal-Komunità[1] jesiġi l-iżvilupp ta' Strateġija Tematika dwar il-protezzjoni tal-ħamrija (minn hawn 'il quddiem 'l-istrateġija') "li tindirizza l-prevenzjoni ta’, inter alia , it-tniġġis, l-erożjoni [il-ġarr], id-deżertifikazzjoni, id-degradazzjoni ta’ l-art, it-teħid ta’ l-art u r-riskji idroġeoloġiċi, waqt li jingħata kont dovut lid-diversità reġjonali, li tinkludi speċifiċitajiet ta’ żoni tal-muntanja u aridi"[2].

Il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni "Lejn Strateġija Tematika dwar il-protezzjoni tal-ħamrija" fis-16 ta' April 2002[3]. Din intlaqgħet b'konklużjonijiet favorevoli min-naħa ta' l-istituzzjonijiet l-oħra ta' l-UE. Minn dak iż-żmien, sar xogħol dwar it-tħejjija ta' l-istrateġija. Bħala parti minn dan il-proċess, twettqet evalwazzjoni ta' l-impatt, li dan id-dokument jippreżentaha fil-qosor.

Din l-evalwazzjoni ta' l-impatt tibbaża primarjament, imma mhux esklussivament, fuq rapporti taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka ( JRC ) tal-Kummissjoni u l-Gruppi ta' Ħidma li twaqqfu biex jgħinu lill-Kummissjoni, kif ukoll fuq rapporti li saru għall-Kummissjoni li jevalwaw l-impatti ekonomiċi tad-degradazzjoni tal-ħamrija u l-impatti ekonomiċi, ambjentali u soċjali ta' miżuri differenti biex jipprevjenu d-degradazzjoni tal-ħamrija.

Id-daqs tal-problema u l-ispejjeż tad-degradazzjoni tal-ħamrija

Id-daqs tal-problema

L-informazzjoni disponibbli tindika li, matul l-aħħar għexieren ta' snin, kien hemm żieda sinifikanti fil-proċessi tad-degradazzjoni tal-ħamrija, u hemm evidenza li dawn il-proċessi se jkomplu jiżdiedu jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni. Il-proċessi tad-degradazzjoni tal-ħamrija huma kkaġunati jew intensifikati mill-attività tal-bniedem. Il-bidla fil-klima, flimkien ma' ġrajjiet individwali u estremi tat-temp, li qed jokkorru aktar ta' spiss, ukoll sejrin ikollhom effetti negattivi fuq il-ħamrija.

Il-proċessi tad-degradazzjoni tal-ħamrija jinkludu[4]:

- L-erożjoni : l- EEA tikkalkula li 115-il miljun ettaru, jew 12% ta' l-erja totali ta' l-artijiet Ewropej, huma affettwati mill-erożjoni mill-ilma, u li 42 miljun ettaru huma affettwati mill-erożjoni mir-rjieħ, u minnhom 2% huma affettwati gravement.

- It-tnaqqis fil-materja organika : il-materja organika fil-ħamrija ( SOM ) għandha rwol ewlieni fiċ-ċiklu tal-karbon fil-ħamrija. Tabilħaqq, il-ħamrija hija fl-istess waqt emittenti tal-gassijiet ta' l-effett tas-serra u ħażna ewlenija tal-karbon, li fiha 1 500 ġigatunnellata ta' karbon organiku u inorganiku. Madwar 45% tal-ħamrija fl-Ewropa għandha kontenut organiku baxx jew baxx ħafna (jiġifieri 0-2% ta' karbon organiku) u 45% għandhom kontenut medju (jiġifieri 2-6% ta' karbon organiku). Il-problema teżisti partikolarment fil-pajjiżi tan-Nofsinhar, imma hija preżenti wkoll f'partijiet ta' Franza, ir-Renju Unit, il-Ġermanja u l-Iżvezja.

- Il-kompattazzjoni: l-estimi taż-żoni li fihom hemm ir-riskju tal-kompattazzjoni tal-ħamrija jvarjaw bejniethom. Xi awturi jikklassifikaw madwar 36% tal-ħamrija ta' taħt l-art ta' l-Ewropa bħala suxxettibbli jew suxxettibbli ħafna għall-kompattazzjoni. Sorsi oħra jqisu 32% tal-ħamrija bħala vulnerabbli ħafna, u 18% bħala ħamrija moderatament affettwata.

- Is-salinizzazzjoni : hija l-akkumulazzjoni fil-ħamrija ta' mluħat solubbli, l-aktar tas-sodju, l-manjeżju u l-kalċju. Taffettwa madwar 3.8 miljun ettaru fl-Ewropa. L-aktar affettwati huma l-Campania fl-Italja, il-Wied ta' l-Ebro fi Spanja u l-Alföld il-Kbira fl-Ungerija, iżda wkoll żoni fil-Greċja, il-Portugall, Franza, is-Slovakkja u l-Awstrija.

- Iż-żerżiq minn ġnub l-għoljiet: ta' spiss jokkorri bi frekwenza akbar f'żoni b'ħamrija esposta ħafna għall-erożjoni, saffi ta' ħamrija taflija taħt l-art, pendili qawwija, preċipitazzjoni intensa u abbundanti u artijiet mitluqa, bħar-reġjuni ta' l-Alpi u tal-Mediterran. Sallum, għad ma hemm l-ebda data dwar l-erja totali affettwata fl-UE, imma din il-problema jista' jkun li hija dovuta għal żidiet fil-popolazzjoni, it-turiżmu tas-Sajf u x-Xitwa, l-uzu intensiv ta' l-art u t-tibdil fil-klima.

- Il-kontaminazzjoni : minħabba aktar minn mitejn sena ta' industrijalizzazzjoni, l-Ewropa għandha problema tal-kontaminazzjoni tal-ħamrija minħabba l-użu u l-preżenza, f'bosta proċessi ta' produzzjoni, ta' sustanzi perikolużi. Ġie stamt li 3.5 miljun sit jistgħu potenzjalment ikunu kontaminati, filwaqt li 0.5 miljun sit huma kkontaminati tassew u jeħtieġu r-rimedjazzjoni.

- Is-siġillar: fil-medja, l-erja ssiġillata, l-erja ta' wiċċ il-ħamrija miksija b'materjal impermeabbli, hija madwar 9% ta' l-erja totali ta' l-artijiet fl-Istati Membri[5]. Matul il-perjodu 1999-2000, l-erja ssiġillata fl-UE15 kibret b'6%[6], u qed tkompli tikber it-talba sew għal bini ġdid minħabba t-tifrix tal-bliet kif ukoll għall-infrastrutturi tat-trasport.

- It-tnaqqis fil-bijodiversità : il-bijodiversità fil-ħamrija ma tfissirx biss id-diversità ta' ġeni, speċijiet, ekosistemi u funzjonijiet, imma wkoll il-kapaċità metabolika ta' l-ekosistema. Il-bijodiversità fil-ħamrija tintlaqat mill-proċessi ta' degradazzjoni kollha msemmija hawn fuq, u l-forzi ta' kawżazzjoni msemmija japplikaw (ugwalment) għat-telf tal-bijodiversità fil-ħamrija.

L-ispejjeż tad-degradazzjoni tal-ħamrija

Minkejja li diffiċli li tingħata stima tagħhom, l-ispejjeż annwali tad-degradazzjoni tal-ħamrija għas-soċjetà huma kkalkulati f'bosta studji fil-firxiet li ġejjin:

l-erożjoni: | €0.7 – 14.0 biljun[7], |

it-tnaqqis fil-materja organika: | €3.4 – 5.6 biljun, |

il-kompattazzjoni: | l-ebda stima mhija possibbli, |

is-salinizzazzjoni: | €158 – 321 biljun[8], |

iż-żerżiq minn ġnub l-għoljiet: | sa €1.2 biljun kull każ, |

il-kontaminazzjoni: | €2.4 – 17.3 biljun[9], |

is-siġillar: | l-ebda stima mhija possibbli |

it-tnaqqis fil-bijodiversità: | l-ebda stima mhija possibbli |

- Dawn l-ispejjeż ma jinkludux il-ħsara lill-funzjonijiet ekoloġiċi tal-ħamrija, minħabba li ma kienx possibbli li dawn jiġu kkwantifikati. Għaldaqstant, l-ispejjeż reali għad-degradazzjoni tal-ħamrija x'aktarx li jisbqu l-istimi li jidhru hawn fuq.

Bħalissa mhuma disponibbli l-ebda stimi ta' l-ispejjeż tal-kompattazzjoni, tas-siġillar tal-ħamrija u tat-tnaqqis fil-bijodiversità. L-ispejjeż totali tad-degradazzjoni tal-ħamrija li setgħu jiġu evalwati abbażi tad-data disponibbli għall-erożjoni, it-tnaqqis tal-materja organika, is-salinizzazzjoni, iż-żerżiq minn ġnub l-għoljiet u l-kontaminazzjoni jlaħħqu sa €38 biljun[10] kull sena għall-UE25. Dawn l-estimi neċessarjament jinfirxu fil-wisa', minħabba n-nuqqas ta' biżżejjed data kwantitattiva u kwalitattiva.

Mil-lat l-ieħor, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li dawn l-ispejjeż tad-degradazzjoni tal-ħamrija ma jqisux l-effett ta' l-istandards adottati f'Jannar 2005 taħt il-kundizzjonalità, jew l-effett ta' miżuri oħra li l-Istati Membri ħaduhom dan l-aħħar. Madankollu, minħabba li t-tibdiliet fil-ħamrija jsiru bil-mod ħafna, x'aktarx li l-istima kurrenti tad-daqs tal-problema hija referenza f'lokha.

L-evidenza turi li l-parti l-kbira ta' l-ispejjeż tħallashom is-soċjetà, fil-forma ta' ħsara lill-infrastrutturi kkawżata mill-iskular ta' sedimenti, żieda fil-ħtiġijiet għall-kura tas-saħħa ta' nies affettwati mill-kontaminazzjoni, it-trattament ta' l-ilma kkontaminat mill-ħamrija, ir-rimi ta' sedimenti, id-deprezzament ta' l-artijiet madwar siti kontaminati, aktar kontrolli tas-sikurezza ta' l-ikel, kif ukoll spejjeż relatati mal-funzjonijiet ekosistemiċi tal-ħamrija.

L-alternattivi ta' politika li tqiesu

L-alternattivi li ġejjin, elenkati mill-inqas sa l-aktar preskrittiva, tqiesu fl-evalwazzjoni ta' l-impatt:

1. L-Istati Membri huma mħeġġa jieħdu azzjoni taħt strateġija ġenerali u mhux obbligatorja ta' l-UE dwar il-ħamrija.

2. Strument ġuridiku flessibbli fis-sura ta' Direttiva ta' Qafas dwar il-Ħamrija, b'ambitu ambizzjuż iżda mhux preskrittiva ż-żejjed fil-kontenut tagħha.

3. Proposti leġiżlattivi għat-theddidiet differenti għall-ħamrija, li tistabbilixxi wkoll il-miri u l-mezzi kollha fuq il-livell ta' l-UE.

Biex jirnexxi, l-ilħiq tal-protezzjoni tal-ħamrija jirrikjedi azzjonijiet għall-protezzjoni tal-ħamrija fuq il-livelli sovranazzjonali, nazzjonali, reġjonali u saħansitra lokali. Madankollu, id-daqs tal-problema, l-effetti u l-ispejjeż marbuta magħha li jmorru lil hinn mis-siti u jaqsmu l-fruntieri, u li tħallas għalihom is-soċjetà, juru li l-approċċ frammentarju li tħaddem sallum fl-assenza ta' approċċ iffukat ta' politika ma kienx suffiċjenti biex jiġu indirizzati u miġġielda t-theddidiet identifikati. Huwa għalhekk li azzjoni mhux obbligatorja fuq il-livell ta' l-UE ma kenitx tkun suffiċjenti biex jiġu indirizzati l-problemi identifikati.

Fl-istess waqt, il-ħamrija hija varjabbli ħafna f'dawk li huma l-karatteristiċi ġenerali tagħha, imma wkoll rigward l-użu tagħha fil-kuntest soċjoekonomiku. Dan jagħmlu diffiċli ħafna li, b'ambitu ġenerali u mifrux fuq l-UE kollha kemm hi, jiġu stabbiliti standards ta' kwalità u miżuri biex jiġu indirizzati t-theddidiet kontra l-ħamrija. Għal din ir-raġuni, id-definizzjoni tal-miri u l-mezzi kollha fuq il-livell ta' l-UE fi proposti leġiżlattivi li jindirizzaw theddidiet differenti kontra l-ħamrija ma tqesitx kompatibbli mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

L-alternattiva magħżula

Il-Kummissjoni persważa li Direttiva ta' Qafas dwar il-Ħamrija hija l-aħjar għażla biex jiġu indirizzati t-theddidiet eżistenti kontra l-ħamrija. Direttiva ta' Qafas dwar il-Ħamrija ta' dan it-tip, b'ambitu ambizzjuż iżda mhux preskrittiva ż-żejjed fil-kontenut tagħha, sejra tagħti bidu għal proċess li jżid il-protezzjoni tal-ħamrija ma' l-UE kollha kemm hi.

Id-Direttiva proposta fiha dispożizzjonijiet preventivi ġenerali li jesiġu li l-Istati Membri jevitaw id-degradazzjoni tal-ħamrija. Lill-Istati Membri tobbligahom jidentifikaw iż-żoni ta' riskju għall-erożjoni, it-tnaqqis tal-materja organika, il-kompattazzjoni, is-salinizzazzjoni u ż-żerżiq minn ġnub l-għoljiet, jadottaw miri għat-tnaqqis tar-riskju u jistabbilixxu programmi ta' miżuri biex jilħquhom. L-Istati Membri jitqiegħdu fl-obbligu li jidentifikaw is-siti kontaminati fit-territorju nazzjonali tagħhom, bl-appoġġ ta' l-hekk imsejjaħ rapport dwar il-qagħda tal-ħamrija, u jistabbilixxu Strateġija Nazzjonali ta' Rimedju.

Analiżi ta' l-impatti

Fid-Direttiva proposta, hemm sensiela ta' obbligi speċifikati mmirati lejn l-għan komuni, li huwa l-identifikazzjoni tal-lok u d-daqs tal-problema tad-degradazzjoni tal-ħamrija u obbligu iktar ġenerali li tittieħed l-azzjoni dwar dan.

L-ispejjeż u l-benefiċċji tad-Direttiva huma marbuta prinċipalment ma’ żewġ partijiet tad-Direttiva:

4. l-identifikazzjoni tal-problema (l-identifikazzjoni taż-żoni ta' riskju u l-identifikazzjoni tas-siti kkontaminati), li sserraħ fuq obbligi speċifikati fid-Direttiva;

5. il-miżuri sussegwenti li jridu jiddeċiedu dwarhom u li jeħduhom l-Istati Membri biex jiġġieldu kontra l-problema.

L-ispejjeż u l-benefiċċji ta' l-identifikazzjoni tal-problema

L-ispejjeż

Għall- identifikazzjoni taż-żoni ta' riskju , ġew eżaminati tliet alternattivi. L-alternattiva li ntagħżlet hija monitoraġġ immirat, li jħalli li tintuża l-informazzjoni miksuba permezz ta' l-iskemi eżistenti tal-monitoraġġ. L-ispejjeż komprensivi x'aktarx li jkunu anqas minn €2 miljun fis-sena għall-UE25.

L-istabbiliment ta' inventarju ta' siti kkontaminati jirrikjedi għadd ta' passi: servej preliminari u investigazzjonijiet sussegwenti tas-sit biex jiddeterminaw jekk is-siti jkunux ikkontaminati jew le. Is-servej preliminari, li jgħandu jsir fi żmien ħames snin wara t-traspożizzjoni tad-Direttiva ta' Qafas dwar il-Ħamrija, jirrappreżenta l-bidunett tal-proċess ta' l-inventarju. L-ispejjeż għal dan l-ewwel stadju ta' ħames snin huma stmati madwar €51 miljun fis-sena għall-UE25. Wara l-ewwel stadju, tiġi sensiela ta' investigazzjonijiet (fil-post) biex jikkonkludu finalment jekk ikunx hemm tassew riskju sinifikanti għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent. Jekk iva, is-sit jiġi kklassifikat bħala sit ikkontaminat u jiddaħħal fl-inventarju. Minħabba li bħalissa mhuwiex magħruf l-għadd ta' siti kkontaminati għall-UE25, kellu jiġi stmat abbażi ta' xenarju. Permezz tax-xenarju, l-ispiża għall-UE25 għat-tlestija ta' l-inventarju tas-siti kkontaminati tiġi tqum sa €240 miljun kull sena fuq perjodu ta' 25 sena.

Dan l-ammont għandu jitqies bħala ċifra massima, minħabba li jibbaża fuq għadd kbir ħafna ta' siti potenzjalment ikkontaminati fix-xenarju kkunsidrat, u wkoll għar-raġuni li sew l-għadd tas-siti li fihom ikunu jridu jsiru investigazzjonijiet fil-post kif ukoll l-ispiża nnifisha ta' l-investigazzjoni tas-sit jonqsu mal-mogħdija taż-żmien, minħabba li l-investigazzjonijiet tas-siti jinġabru flimkien u minħabba l-iżvilupp ta' ġudizzju espert u l-progress teknoloġiku għall-investigazzjoni (pereżempju l-individwazzjoni remota).

Ir-rapport dwar il-qagħda tal-ħamrija , li għandu jiġi stabbilit meta ssir tranżazzjoni ta' l-artijiet f'sit li fih tkun qed issir jew saret attività li tniġġes il-ħamrija, huwa maħsub biex jikkontribwixxi għat-twaqqif ta' inventarju ta' siti kkontaminati u jħaffu 'l quddiem. Tranżazzjonijiet rigward il-ħamrija li jaqgħu fl-ambitu ta' din id-dispożizzjoni awtomatikament ifornu parti mit-tagħrif li jeħtiġuh l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri biex ilestu l-inventarju. Ġaladarba kwalunkwe investigazzjoni tal-ħamrija li ssir fi ħdan ir-rapport dwar il-qagħda tal-ħamrija kien ikollha ssir fi ħdan l-inventarju, ma tkunx meħtieġa valutazzjoni monetarja separata ta' l-ispejjeż tar-rapport dwar il-qagħda tal-ħamrija. Dawn l-ispejjeż ikunu diġà inklużi fl-ispejjeż ta' l-inventarju tas-siti kkontaminati. Mhuwa se jkun hemm l-ebda żieda fl-ispiża totali għall-ġestjoni tas-siti kkontaminati, minħabba l-istabbiliment ta' mekkaniżmu għall-finanzjament tar-rimedjazzjoni tas-siti orfni. Il-ħolqien ta' mekkaniżmu speċjali, madankollu, sejjer iwassal għal bidla fil-mod kif jitfassal il-baġit għall-ġestjoni tas-siti kkontaminati.

Il-Benefiċċji

Il-benefiċċji li joħorġu mill-implimentazzjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet ma setgħux jiġu kkwantifikati . Madankollu, mil-lat kwalitattiv , l-istabbiliment ta' sistema li tħalli lill-Istati Membri jidentifikaw il-problemi kkawżati mid-degradazzjoni tal-ħamrija sejra tippermettilhom jindirizzaw il-protezzjoni tal-ħamrija u jiġġieldu kontra t-theddidiet għall-ħamrija b'mod sistematiku, effikaċi u effiċjenti. Ikunu jistgħu jadottaw miżuri mmirati aħjar u aktar effiċjenti; jippjanaw għaż-żmien tan-nofs u fit-tul l-istrateġiji tagħhom biex jiġġieldu kontra d-degradazzjoni tal-ħamrija fit-territorji tagħhom filwaqt li jistimulaw l-użu sostenibbli tal-ħamrija. Din is-sistema se tippermettilhom jieħdu approċċ preventiv, biex b'hekk jipproteġu l-ekosistemi u jiffrankaw spejjeż li sallum kellha tħallashom is-soċjetà, f'livell ħafna ogħla mill-ispejjeż addizzjonali dovuti għad-Direttiva ta' Qafas dwar il-Ħamrija.

L-ispejjeż u l-benefiċċji ta' miżuri possibbli li għandhom jeħduhom l-Istati Membri

Id-Direttiva proposta sejra tobbliga lill-Istati Membri jieħdu miżuri speċifiċi biex jindirizzaw it-theddidiet għall-ħamrija, imma lill-Istati Membri tħallilhom grad għoli ta' libertà f'kif jimplimentaw dan ir-rekwiżit. Dan ifisser li l-aċċettabbiltà tar-riskji, il-livell ta' ambizzjoni rigward il-miri li għandhom jiġu ffissati u l-għażla tal-miżuri għall-ilħiq ta' dawn il-miri qed jitħallew f'idejn l-Istati Membri, u b'hekk l-impatti tad-Direttiva proposta ma jistgħux jiġu evalwati għal kollox. Mil-lat kwalitattiv , l-impatti ambjentali, ekonomiċi u soċjali ta' miżuri possibbli jistgħu jkunu simili fl-Istati Membri kollha; madankollu, kwantitattivament , l-impatti ta' miżuri possibbli se jvarjaw bil-kbir, skond l-approċċ speċifiku (għas-sit) u l-miżuri li effettivament jittieħdu. Għaldaqstant, fl-ambitu ta' l-evalwazzjoni ta' l-impatt ma kienx possibbli li jiġu kkwantifikati l-impatti kollha partikolari ta' miżuri speċifiċi bħal dawn. Seta' jsir provvediment biss għall-evalwazzjoni aktar ġenerali u kwalitattiva ta' l-impatt ta' miżuri possibbli għall-ġlieda kontra d-degradazzjoni tal-ħamrija.

Madankollu, il-Kummissjoni ppruvat tikkwantifika l-impatti ambjentali, ekonomiċi u soċjali ta' miżuri possibbli billi vvalutat xenarji ipotetiċi varji li l-Istati Membri jistgħu jsegwuhom abbażi ta' l-informazzjoni limitata disponibbli. Għalhekk, l-ispejjeż ta' dawn ix-xenarji, ippreżentati fl-Anness I, huma illustrativi, u bl-ebda mod ma għandhom jitqiesu bħala spejjeż reali ta' l-implimentazzjoni tad-Direttiva ta' Qafas dwar il-Ħamrija.

Il-konklużjonijiet

L-analiżi fl-evalwazzjoni ta' l-impatt turi li strument ġuridiku flessibbli fil-forma ta' Direttiva ta' Qafas dwar il-Ħamrija, li jkollha ambitu ambizzjuż mingħajr ma tkun preskrittiva żżejjed fil-kontenut, trendi benefiċċji li lill-ispejjeż jisbquhom bil-kbir.

Teoretikament, il-benefiċċji ta' l-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva jikkonsistu fl-evitar ta' l-ispejjeż tad-degradazzjoni tal-ħamrija, u b'hekk il-benefiċċji għandhom jammontaw għal €38 biljun fis-sena (ara s-sezzjoni II). Madankollu, il-benefiċċji li jidderivaw minn kwalunkwe azzjoni għall-protezzjoni tal-ħamrija mhumiex se jkunu daqs l-ispejjeż totali tad-degradazzjoni tal-ħamrija, l-aktar minħabba l-fatt li, fir-realtà, huwa teknikament u ekonomikament diffiċli, jew saħansitra impossibbli li tevita għal kollox il-proċessi kollha tad-degradazzjoni tal-ħamrija, jew li ttaffi għal kollox l-effetti tagħhom. Barra minn hekk, l-Istati Membri sejrin jistabbilixxu livelli ta' ambizzjoni biex jindirizzaw id-degradazzjoni tal-ħamrija skond id-daqs tal-problema, il-perċezzjoni tagħhom ta' l-aċċettabbiltà tar-riskji involuti u s-sitwazzjonijiet politiċi, ekonomiċi u soċjali tagħhom.

Id-Direttiva ma tistabbilixxix min għandu jħallas l-ispejjeż ta' l-implimentazzjoni tagħha, minħabba li dan se jiġi deċiż individwalment minn kull Stat Membru. Skond l-iskemi ta' finanzjament li l-Istati Membri sejrin jadottaw fil-Programmi ta' Miżuri u fl-Istrateġiji Nazzjonali ta' Rimedju tagħhom, l-ispejjeż sejrin jitħallsu fi gradi varji mill-utenti ta' l-artijiet, is-setturi ekonomiċi, il-baġits nazzjonali jew il-baġit ta' l-UE.

Importanti li tittieħed nota li:

- L-ispejjeż sejrin iqumu qabel ma jkunu jistgħu jinħasdu l-benefiċċji kollha.

- Il-benefiċċji sejrin jitgawdew parzjalment mill-utenti ta' l-artijiet, u bil-mod l-aktar sinifikanti, mis-soċjetà ġenerali.

- L-ispejjeż sejrin jonqsu, minħabba li xi theddidiet sejrin jgħibu għal kollox f'xi oqsma. Il-benefiċċji sejrin jikbru maż-żmien, hekk kif jiġu rrestawrati l-fertilità u l-funzjonijiet tal-ħamrija.

- Il-benefiċċji sejrin ukoll jitgawdew gradwalment, hekk kif il-miżuri meħuda jibdew ikollhom impatt pożittiv f'firxa ta' oqsma fejn bħalissa jinħassu l-ispejjeż kurrenti tad-degradazzjoni.

- Mhux l-ispejjeż kollha sejrin iqumu simultanjament, u l-ispejjeż mhumiex se jitqassmu l-istess fost l-Istati Membri. Dan minħabba li xi theddidiet huma aktar importanti f'ċerti Stati Membri milli f'oħrajn, u xi Stati Membri huma aktar avvanzati minn oħrajn fil-ġlieda kontra d-degradazzjoni tal-ħamrija.

[1] Id-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1600/2002/KE tat-22 ta' Lulju 2002 li tniżżel is-Sitt Programm ta’ Azzjoni tal-Komunità Ambjentali (ĠU L 242, 10.9.2002).

[2] L-Artikolu 6(2)(c).

[3] COM(2002) 179.

[4] Referenzi kompluti jingħataw fl-evalwazzjoni ta' l-impatt. Ta' min jinnota li, mill-proċessi tad-degradazzjoni tal-ħamrija li jissemmew fl-Artikolu 6(2)(c) tad-Deċiżjoni msemmija fin-nota ta' qiegħ il-paġna 1, ir-riskji idroloġiċi ġew indirizzati fi proposta separata għal Direttiva dwar l-evalwazzjoni u l-ġestjoni ta' l-għargħar (COM(2006) 15), u li d-deżertifikazzjoni hija kwistjoni li taffettwa aktar minn qasam wieħed u li tiġi indirizzata permezz tat-trattatament tat-theddidiet l-oħra għall-ħamrija (partikolarment l-erożjoni, it-tnaqqis tal-materja organika u s-salinizzazzjoni).

[5] Id-degradazzjoni tal-ħamrija fi: L-ambjent fl-Unjoni Ewropea fi tmiem is-seklu, Rapport ta' Evalwazzjoni Ambjentali Nru 2, EEA , 1999.

[6] Corine Land Cover.

[7] Din l-istima tkopri biss l-ispejjeż ta' l-erożjoni fi 13-il pajjiż, inklużi fl-Istati Membri ewlenija fejn tokkorri l-erożjoni. Ma hemmx data disponibbli għall-oħrajn.

[8] Din l-istima tkopri biss l-ispiża tas-salinizzazzjoni fi tliet pajjiżi, filwaqt li mhemmx data disponibbli għall-pajjiżi l-oħra.

[9] Studju indipendenti kkalkula li l-ispejjeż tal-kontaminazzjoni tal-ħamrija kull sena jistgħu jammontaw għal massimu ta' €208 biljun. Madankollu, din l-istima kellha grad għoli ta' inċertezza, u għalhekk ingħażel il-valur intermedju ta' €17.3 biljun fis-sena.

[10] Għal din l-istima, għall-kontaminazzjon intagħżel il-livell ta' limitu intermedju, filwaqt li l-livell ta' limitu superjuri ntagħżel għat-theddidiet l-oħra; ara t-taqsima 2.6.2 fl-evalwazzjoni ta' l-impatt.

Top