EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52006PC0125

Proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1673/2000, rigward l-għajnuna għall-ipproċessar tal-kittien u l-qanneb ikkultivati għall-fibra, u r-Regolament (KE) Nru 1782/2003, rigard il-qanneb eliġibbli għall-Iskema tal-Pagament Uniku

/* KUMM/2006/0125 finali - CNS 2006/0043 */

52006PC0125

Proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1673/2000, rigward l-għajnuna għall-ipproċessar tal-kittien u l-qanneb ikkultivati għall-fibra, u r-Regolament (KE) Nru 1782/2003, rigard il-qanneb eliġibbli għall-Iskema tal-Pagament Uniku /* KUMM/2006/0125 finali - CNS 2006/0043 */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 16.3.2006

KUMM(2006) 125 finali

2006/0043 (CNS)

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar is-settur tal-kittien u tal-qanneb

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1673/2000, rigward l-għajnuna għall-ipproċessar tal-kittien u l-qanneb ikkultivati għall-fibra, u r-Regolament (KE) Nru 1782/2003, rigard il-qanneb eliġibbli għall-Iskema tal-Pagament Uniku

(preżentata mill-Kummissjoni)

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar is-settur tal-kittien u tal-qanneb

L-Artikolu 15(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1673/2000 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-kittien u tal-qanneb imkabbra għall-ħjut jobbliga lill-Kummissjoni li tressaq rapport, u jekk ikun meħtieġ, proposti, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Ir-rapport " għandu jinkludi stima ta’ l-impatt ta' l-għajnuna għall-ipproċessar, b’mod partikolari dwar

— il-pożizzjoni tal-produtturi rigward iż-żoni miżrugħa u l-prezzijiet li jitħallsulhom,

— ix-xejriet tas-suq għall-ħjut tessili u l-iżilupp ta’ prodotti ġodda,

— l-industrija ta' l-ipproċessar.

Ir-rapport għandu jindika, fid-dawl ta’ produzzjoni alternattiva, jekk l-industrija tkunx kapaċi li tiffunzjona mal-linjigwida stabbiliti. Għandu jeżamina wkoll il-possibbiltà li titqiegħed fuq sisien permanenti, lil hinn mis-sena tas-suq 2005/2006, l-għajnuna għall-ipproċessar fuq kull tunnellata metrika ta’ ħjut qosra tal-kittien u ħjut tal-qanneb u għajnuna addizzjonali għal kull ettaru ta’ kittien."

L-għan ta' dan ir-apport huwa li jwieġeb dawn il-mistoqsijiet. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni qieset l-analiżi u r-riżultati fir-rapport ta' evalwazzjoni dwar is-settur tal-kittien u tal-qanneb, konkluż f'Ottubru 2005.

Żviluppi fis-settur tal-kittien u tal-qanneb

L-aħħar riforma ta' l-organizzazzoni komuni tas-suq ( CMO ) tal-kittien u tal-qanneb imkabbra għall-ħjut saret fl-2000. Daħħlet għajnuna għall-ipproċessar tat-tiben tal-kittien u tal-qanneb maħsub għall-produzzjoni tal-fibri. Dik l-għajnuna tingħata lill-proċessaturi, filwaqt li l-produtturi tat-tiben tal-kittien u tal-qanneb jibbenefikaw mill-iskema ta' l-għajnuna ġenerali għall-uċuħ kultivati. L-intenzjoni kienet li tiġi evitata l-kultivazzjoni spekulattiva, li taħt l-iskema ta' qabel kienet żdiedet, u li tinġieb 'il quddiem il-produzzjoni ta' fibri twal tal-kittien permezz ta' l-għoti ta' ammont akbar ta' għajnuna għaliha. Ir-riżultati kienu pożittivi ħafna: għebet il-produzzjoni bbażata fuq is-sussidji, u l-produzzjoni ta' fibri twal tal-kittien żdiedet b'mod sinifikanti. Il-baġit kurrenti tas- CMO għall-kittien u l-qanneb jilħaq total ta' madwar EUR 20 miljun.

L-għajnuna li tingħata lill-proċessaturi primarji awtorizzati hija bbażata fuq il-kwantità ta' fibri speċifiċi li fil-fatt jinkisbu minn tiben kopert minn kuntratt ta' bejgħ/xiri.

L-ammont ta' l-għajnuna huwa:

1. għall-fibra twila tal-kittien:

- EUR 160 it-tunnellata għas-snin tas-suq 2002/2003 sa 2005/2006,

- EUR 200 it-tunnellata mis-sena tas-suq 2006/2007 'il quddiem;

2. għall-fibra qasira tal-kittien u tal-qanneb (li ma jkunx fiha aktar minn 7,5% ta' impuraitajiet u skald):

- EUR 90 it-tunnellata għas-snin tas-suq 2001/2002 sa 2005/2006.

Taħt ċerti kundizzjonijiet, l-Istati Membri wkoll jitħallew jagħtu l-għajnuna għall-fibri qosra tal-kittien li jkun fihom bejn 7,5% u 15% ta' impuritajiet u skald, u għall-fibri tal-qanneb li jkun fihom bejn 7,5% u 25%.

L-għajnuna għall-ipproċessar tingħata fi ħdan kwantità massima ggarantita ( MGQ ) għal kull sena tas-suq ta' 80 823 tunnellata għall-fibra twila tal-kittien u 146 296 tunnellata għall-fibra qasira tal-kittien u tal-qanneb. Dawn l-ammonti jitqassmu bejn l-Istati Membri bħala kwantitajiet nazzjonali ggarantiti ( NGQ ). Jitħalla jsir it-tpartit ta' kwoti bejn il-fibri t-twal tal-kittien u l-fibri l-qosra, bl-applikazzjoni ta' koeffiċjenti ta' l-ekwivalenza li l-operazzjoni jżommha newtrali fir-rigward tal-baġit.

Sabiex tappoġġa l-produzzjoni tradizzjonali tal-fibra twila tal-kittien f'ċerti żoni ta' l-Olanda, il-Belġju u Franza, il-proċessaturi primarji awtorizzati jingħataw għajnuna addizzjonali tranżitorja.

Il-Kittien

L-artijiet miżrugħa u l-produzzjoni

Wara l-aħħar tkabbir, il-Komunità saret tirrappreżenta aktar minn 20% ta' l-artijiet iddedikati għall-kultivazzjoni tal-kittien madwar id-dinja (skond l- FAO , madwar 500 000 ettaru). Fl-2004, l-artijiet iddedikati għat-tkabbir tal-kittien kienu kkonċentrati f'ħames pajjiżi produtturi ewlenin: Franza (65%), il-Belġju (15%), il-Polonja (7%), ir-Repubblika Ċeka (4,4%) u l-Olanda (3,6%).

Mill-2001 'l hawn, l-erja ddedikata għall-kittien stabilizzat għal madwar 120 000 ettaru fl-UE-25, qrib il-livell li kien hemm qabel daħlet il-prattika tal-produzzjoni mmexxija mis-sussidji (fl-1999 l-artijiet miżrugħa kienu jlaħħqu 233 000 ettaru).

L-artijiet iddedikati għall-kittien żdiedu b'mod sinifikanti fi Franza (żieda ta' 25 000 ettaru), partikolarment fin-Normandija, kif ukoll fil-Belġju/l-Wallonja tat-Tramuntana (żieda ta' 6 500 ettaru). Fl-Olanda l-artijiet iddedikati għall-kultivazzjoni tal-kittien żdiedu bi ftit (b'500 ettaru).

Ix-xejra fit-tul tal-produzzjoni tat-tiben tal-kittien turi varjazzjonijiet kbar. Il-produzzjoni laħqet 775 000 tunnellata fl-2004, li 86% minnhom tkabbru fi Franza u l-Belġju. Is-sehem ta' l-Istati Membri l-ġodda għadu marġinali, b'madwar 10% tat-total (produzzjoni ta' 80 000 tunnellata fl-2004). Minkejja t-tnaqqis fl-erja totali ta' kultivazzjoni li seħħ wara r-riforma, il-produzzjoni tat-tiben qed tieħu xejra 'l fuq (żieda ta' 192 000 tunnellata bejn l-1999 u l-2004), xejra li tikkonferma l-għajbien tal-kultivazzjoni spekulattiva.

F'dak li jirrigwarda l-produzzjoni tal-fibra, bejn l-2000 u l-2004 l-volum tal-fibra twila tal-kittien fl-UE-15 żdied minn 93 500 tunnellata għal 136 000 tunnellata (60%) u dak tal-fibra qasira tal-kittien minn 41 000 tunnellata għal 60 000 tunnellata (65%)[1].

Ġeneralment, il-produzzjoni tal-fibri qosra tal-kittien hija prodott anċillari tal-produzzjoni tal-fibri twal tal-kittien. Ir-rapport ta' evalwazzjoni jinnota li fl-UE ma hemm l-ebda impjant ta' l-ipproċessar li huwa ddedikat esklussivament għall-produzzjoni tal-fibri qosra tal-kittien, għajr xi ftit unitajiet b'attività kummerċjali limitata ħafna, jiġifieri:

- żewġ unitajiet sperimentali fir-Renju Unit;

- żewġ impjanti fi Franza li jimmanifatturaw l-għaġna għal karti speċjali lil hinn mill-iskema ta' appoġġ (minħabba r-rati ta' l-impuritajiet);

- unità waħda fil-Ġermanja bi produzzjoni ta' anqas minn 150 tunnellata fis-sena.

Fl-Istati Membri l-ġodda, ix-xerrejja tal-fibri tal-kittien għadhom l-industrija tat-tessuti u l-użi tradizzjonali fil-manufattura tal-ħbula. Il-fibri qosra tal-kittien ma jiġux prodotti f'impjanti speċjalizzati, iżda huma prodott anċillari tal-manufattura tal-fibri twal tal-kittien. Huwa biss fis-Slovenja li l-kittien jiġi kkultivat għall-produzzjoni tal-fibri qosra tal-kittien (produzzjoni ta' madwar 100 tunnellata fl-2004, meta mqabbla ma' 400 tunnellata fl-2001).

Il-kwalità tal-fibra twila tal-kittien tvarja bil-kbir bejn l-Istati Membri.

Il-prezzijiet

Skond ir-rapport ta' evalwazzjoni, il-prezzijiet tat-tiben tal-kittien fi Franza kellhom medja ta' EUR 248 it-tunnellata fl-2001 u l-2003, imma telgħu għal EUR 272 it-tunnellata fl-2002.

Fis-suq tal-fibra twila tal-kittien, minkejja domanda kbira ta' l-esportazzjoni, il-prezzijiet naqsu meta rrelatati ma' l-apprezzament ta' l-ewro kontra d-dollaru Amerikan. Il-prezz għall-fibri twal tal-kittien niżel bi 30% matul il-perjodu mill-2000/2001 sa l-2003/2004, sa ma stabilizza fil-livell ta' EUR 1 600 it-tunnellata fl-2004.

Rigward il-prezzijiet tal-fibra qasira tal-kittien, bejn Lulju 2001 u Lulju 2004, ġiet irrapurtata waqgħa f'salt ta' bejn 25% u 30% fil-Belġju, Franza u l-Olanda. Madankollu, il-prezzijiet ivarjaw ħafna, skond id-destinazzjoni ekonomika tal-fibra:

- l-industrija tal-karta speċjali: EUR 170 it-tunnellata,

- il-fibri tessili: EUR 345 it-tunnellata,

- materjali mhux minsuġa: EUR 400 it-tunnellata,

- materjali komposti: EUR 500 it-tunnellata.

Bħala regola ġenerali, il-marġni gross għal kull ettaru kiber bejn l-1999 u l-2003. Anki jekk ir-riforma ta' l-2000 wasslet għal tnaqqis fis-sussidji, xejriet tas-suq pożittivi u qligħ tajjeb pattew għal dan it-tnaqqis.

Qabel ir-riforma, il-parti l-kbira tal-produtturi rċevew kwart ta' l-għajnuna skond l-għadd ta' ettari tal-kultivazzjoni tal-kittien tal-fibra, filwaqt li l-bqija (75%) tħallset lill-proċessatur. B'konsegwenza tar-riforma, is-sehem ta' l-operaturi agrikoli fis-sussidji kiber għal aktar minn 60%. Għaldaqstant, id-dħul tal-produtturi sar jiddependi anqas mit-tlugħ u l-inżul tal-prezzijiet.

Ix-xejriet tas-suq u l-industrija ta' l-ipproċessar

Il-produzzjoni Ewropea tal- fibra twila tal-kittien tintuża l-aktar fl-indistrija tat-tessuti. Il-proporzjonijiet tas-setturi xerrejja jidhru li baqgħu stabbli matul dawn l-aħħar ftit snin, bejn l-ilbies (50%), il-bjankerija domestika (20%) u l-moda tad-dar (13%), bil-bqija jmur għall-manufattura ta' prodotti bħall-ħbula u l-filters (17%).

Is-sena li għaddiet, ġie esportat 70% tal-fibra twila tal-kittien – l-aktar lejn iċ-Ċina (50%). It-talba għall-fibra twila tal-kittien tmexxiet mill-espansjoni ta' l-industrija Ċiniża tan-newl, u l-esportazzjoni lejn iċ-Ċina kibret b'medja ta' 20% fis-sena bejn l-1999 u l-2003. Sħab kummerċjali oħra inkludew ir-Russja u xi wħud mill-Istati Membri l-ġodda (il-Polonja, ir-Repubblika Ċeka u l-Litwanja).

It-talba l-kbira miċ-Ċina tidher li wasslet lill-produtturi Ewropej (speċjalment dawk minn Franza) biex jagħfsu fuq il-kwantità bi tnaqqis korrispondenti tal-kwalità.

Diffiċli li tikkwantifika preċiżament id-destinazzjoni finali tal-fibra tal-kittien wara li tgħaddi minn proċessar ulterjuri f'pajjiżi lil hinn mill-UE. Għadd ta' prodotti tessili rfinuti u semirfinuti li fihom il-fibra tal-kittien Ewropea jerġgħu jiġu esportati miċ-Ċina, speċjalment lejn l-Ewropa u l-Istati Uniti ta' l-Amerika. L-importazzjonijiet miċ-Ċina lejn l-UE ta' lbies magħmul mill-kittien kiber b'50% fis-sena bejn l-1999 u l-2003.

L-esportazzjonijiet ta' l-UE lejn l-Istati Uniti ta' l-Amerika ta' prodotti tessili manufatturati bejn l-1999 u l-2003 naqset b'10% għat- tissue u b'25% għall-ilbies.

Il-fatturat tas-settur tal-fibra twila tal-kittien stabilizza fil-livell ta' madwar EUR 200 miljun matul il-perjodu 2000–2004 (EUR 183,7 miljun fl-2003) b'riżultat ta' żieda fil-kwantitajiet mibjugħa flimkien ma' nżul kostanti fil-prezzijiet.

Fil-każ tal- fibra qasira tal-kittien , l-industrija tat-tessuti assorbiet madwar 40% tal-produzzjoni għal tessuti puri tal-kittien, jew materjali b'fibra mħallta bil-qoton jew il-fibri sintetiċi. L-iżviluppi ewlenin f'dan is-suq mill-1999 'l hawn kienu t-tnaqqir tan-newl Ewropew u ż-żieda fl-esportazzjoni lejn iċ-Ċina u l-Ħong Kong.

Mill-1999 'l hawn, is-suq tal-fibra qasira adatta ruħu għal applikazzjonijiet tekniċi ġodda. Il-produzzjoni tal-fibra użata għal dan il-għan kiber bi kważi erba' darbiet bejn l-1999 u l-2003, minn 4 800 tunnellata għal 18 500 tunnellata, ekwivalenti għal 9% u 25% rispettivament tal-produzzjoni kollha tal-fibra qasira.

Is-sehem meħud mill-industrija tal-karta, inkluża l-karta tas-sigaretti u l-karti tekniċi, baqa' stabbli f'termini ta' volum (25 000 tunnellata kull sena), imma sehemha mill-produzzjoni totali tal-fibra naqas minn 45% għal 34%. Bl-istess mod, sofriet miż-żieda fil-kompetizzjoni mill-fibri ta' l-injam. Minkejja l-prezzijiet baxxi, l-industrija tal-karta tibqa' xerrejja attraenti għall-fibra qasira tal-kittien, minħabba li tista' tassorbi volumi kbar u ma titlobx fibra ta' kwalità għolja.

L-użi tekniċi l-ġodda għall-fibra qasira tal-kittien tirrappreżenta 25% tal-produzzjoni, li biss parti ċkejkna minnhom (2,5%) hija maħsuba għall-produzzjoni ta' materjali mhux minsuġa bħall-feltru ġeotessili, kisi ta' l-art fl-agrikoltura jew panewijiet ta' insulazzoni. Il-produzzjoni ta' materjali komposti għall-industrija tal-karozzi hija l-aktar suq ġdid avvanzat (speċjalment fil-Ġermanja), bl-użu ta' 16 500 tunnellata (23% tal-fibra qasira tal-kittien kollha). Għal dan il-għan, il-fibra tal-kittien tiġi pproċessata fit-termoplastika, bis-saħħa tal-piż ċkejken tagħha u r-reżistenza tajba tagħha għad-daqqiet. Dan is-suq jitqies li hu promettenti, kemmildarba minn naħa waħda jibqgħu stabbli l-prezzijiet tal-fibra tal-kittien, u, min-naħa l-oħra, ma jkunx hemm tnaqqis sinifikanti fil-prezzijiet tal-fibri eżotiċi (is-sisal, il-kenaf, il-ġuta, eċċ). Il-garanzija ta' provvista regulari ta' fibra hija kunsiderazzjoni importanti għall-industrija, u għalhekk il-kompetizzjoni mill-fibri eżotiċi hija serja. L-industrija tal-karozzi Ġermaniża ddeċidiet li tiddiversifika l-provvisti tagħha tal-fibri meta l-produzzjoni fl-Ewropa naqset minħabba kundizzjonijiet ħżiena tat-temp fl-2001.

Fuq il-bażi tal-prezzijiet medji, il-valur totali tas-suq tal-fibra qasira tal-kittien jista' jiġi stmat madwar EUR 25 miljun. L-użi tessili jirrappreżentaw l-għajn ewlenija tad-dħul (EUR 10 miljun), u warajhom il-materjali komposti għall-industrija tal-karozzi (EUR 8,5 miljun). L-industrija tal-karta tiġġenera biss EUR 4,2 miljun. Il-materjali mhux minsuġa jirrappreżentaw EUR 0,7 miljun.

Il-kapaċità għall-ipproċessar tal-fibri qosra tal-kittien kibret sostanzjalment mindu saret ir-riforma, minħabba l-użu aħjar tal-kapaċità eżistenti u l-bini ta' unitajiet ġodda tat-tindif.

Il-qanneb

L-artijiet miżrugħa u l-produzzjoni

L-UE għandha sehem relattivament importanti fil-produzzjoni dinjija tal-qanneb bi 15 000 ettaru (skond l- FAO , 29% tal-52 000 ettaru miżrugħ madwar id-dinja). L-artijiet iddedikati għall-qanneb baqgħu relattivament stabbli mill-2001 sallum, imma għadhom jirrpappreżentaw proporzjoni negliġibbli ta' l-uċuħ ikkultivati. Huma bil-wisq anqas milli kienu fl-1998, meta l-produzzjoni mmexxija mis-sussidji wasslet għal rekord ta' 40 000 ettaru.

Il-kultivazzjoni tal-qanneb hija kkonċentrata prinċipalment f'sitt Stati Membri li fl-2004 jirrappreżentaw 90% ta' l-artijiet iddedikati għall-kultivazzjoni tal-qanneb fl-UE-25. Franza (54%), Il-Ġermanja (11%), ir-Renju Unit (9%), il-Polonja (6%), l-Italja (6%) u Spanja (4%). L-Istati Membri l-ġodda jirrappreżentaw 11% ta' l-artijiet iddedikati għall-kultivazzjoni tal-qanneb fl-UE-25 (il-Polonja 6%, l-Ungerija 3% u r-Repubblika Ċeka 2%). Madankollu, ta' min jiġi nnutat li, fl-Ungerija, l-erja iddedikata għall-kultivazzjoni tal-qanneb kienet għolja ħafna fit-tmeninijiet (aktar minn 60 000 ettaru fl-1987, 55% ogħla minn dik fil-KEE kollha).

Il-produzzjoni ta' tiben tal-qanneb fl-UE tvarja ħafna, ħaġa li hija relatata mat-tlugħ u l-inżul tal-firxa ta' artijiet iddedikati għall-kultivazzjoni, speċjalment fi Franza. Mis-sena 2000 sa l-2004, il-produzzjoni tat-tiben tal-qanneb kellha medja ta' 86 000 tunnellata (b'massimu ta' 101 000 tunnellata fl-2003, li kienet tikkoinċidi mal-massimu ta' l-erja ta' artijiet ikkultivati ta' 18 000 ettaru).

Il-produzzjoni tal-fibra tal-qanneb turi xejra tielgħa, u waslet sa 28 000 tunnellata fl-2000 u madwar 31 000 tunnellata fl-2004[2].

Il-prezzijiet

Qabel ir-riforma ta' l-2000, l-għajnuna għal kull ettaru ta' qanneb kienet titħallas lill-operaturi agrikoli, kompletament. Bir-riforma, tnaqqsu sew l-appoġġ totali kif ukoll l-għajnuna direttament imħallsa lill-operaturi agrikoli. Madankollu, żdiedu l-prezzijiet tax-xiri mħallsa mill-proċessaturi lill-produtturi: fil-Ġermanja, il-prezzijiet tat-tiben kważi rduppjaw wara r-riforma (minn EUR 80 għal EUR 145 it-tunnellata); fir-Renju Unit, żdiedu bi 22% (minn GBP 90 it-tunnellata fl-2001 għal GBP 110 fl-2004). Matul dawn l-aħħar tliet snin, fi Franza l-proċessaturi tal-qanneb kienu qed jittrasferixxu lill-klijenti tagħhom iż-żieda fil-prezzijiet tat-tiben, permezz tal-bejgħ tal-fibri lill-industrija tal-karta. F'dan il-pajjiż, il-prezzijiet tat-tiben wara r-riforma żdiedu minn EUR 60 għal EUR 72 t-tunnellata.

Hemm differenzi kbar bejn il-prezzijiet tal-fibri użati fl-industrija tal-karta speċjali (fil-medja EUR 371 t-tunnellata fl-2003) u dawk għal użi tekniċi (EUR 500 t-tunnellata għal materjali mhux minsuġa u EUR 600 t-tunnellata għall-komposti tal-plastik). Bejn l-1999 u l-2003, il-prezzijiet tal-fibri għall-industrija tal-karta telgħu f'salt b'27%. Dan il-fatt jispjega ruħu l-aktar b'riferenza għall-ftehim bejn il-proċessaturi u l-industrija tal-karta li jikkompensaw għat-tnaqqis fl-għajnuna Komunitarja. Madankollu, anki jekk l-industrija tal-karta qablet li lill-proċessaturi tal-fibra tal-qanneb tħallashom prezzijiet ogħla, jidher li, fit-tul, il-kompetizzjoni minn fibri ta' l-injam, li huma tlieta jew erba' darbiet orħos, tista' taffettwa dan is-suq serjament, inkluż is-suq għall-karta speċjali.

Ix-xejriet tas-suq u l-industrija ta' l-ipproċessar

Wara tnaqqis fl-użu fl-industrija tal-karta matul l-2001 u l-2002, dan is-suq irkupra fl-2003, u reġa' għall-istess volum ta' fibra li kien intuża fl-1999: 86% tal-produzzjoni totali tal-fibra tal-qanneb (20 700 tunnellata).

Il-materjali komposti għall-industrija tal-karozzi telgħu minn 1 770 tunnellata għal 2 470 tunnellata (madwar 10%), filwaqt li 824 tunnellata intużaw fil-materjali mhux minsuġa għall-bini u l-insulazzjoni. Is-suq tal-materjali ta' l-insulazzjoni għadu ma laħaqx it-tkabbir mistenni, minħabba differenza mhux favorevoli fil-prezzijiet u prestazzjoni teknika li hija anqas minn dik tal-fibri li kontrihom qed jikkompeti. Baqa' pjuttost stabbli f'dak li huwa l-volum.

Il-fatturat tas-suq tal-fibra tal-qanneb joqrob lejn EUR 10 miljun. Il-parti l-kbira ta' din is-somma (EUR 7,7 miljun) kienet iġġenerata mill-industrija tal-karta. L-industrija tal-materjali komposti tiġġenera EUR 1,2 miljun, u l-materjali mhux minsuġa EUR 0,4 miljun. Meta dak li jkun iqis l-iżviluppi li seħħew fis-suq, it-tnaqqis fl-ammont ta' l-għajnuna ma affettwax il-kompetittività tal-prezzijiet tal-fibri tal-qanneb fil-konfront tal-prodotti li magħhom l-aktar jikkompetu (il-fibri qosra tal-kittien u l-fibri ta' l-injam). Dan jispjega ruħu bi tliet raġunijiet ewlenin:

- l-istabbiltà tal-marġnijiet, bis-saħħa tal-bejgħ ta' prodotti anċillari, li jirrappreżentaw madwar 50% tad-dħul tal-proċessaturi;

- il-fibra tal-qanneb (bħall-fibra qasira tal-kittien) tissodisfa ċerti talbiet speċifiċi, pereżempju l-industrija tat-tabakk trid li jkollha kompożizzjoni stabbli fil-provvisti tal-karta tagħha;

- industrija tal-karta li hija organizzata sew; xi proċessaturi tal-qanneb ikkonkludew kuntratti esklussivi tal-bejgħ mal-manufatturi tal-karta.

It-tkabbir tal-kapaċità tal-produzzjoni tal-fibra tal-qanneb kien pjuttost ċkejken, u dan wassal għas-saturazzjoni ta' l-unitajiet ewlenin tal-produzzjoni (speċjalment fi Franza), li issa qed jippjanaw investimenti ulterjuri biex ilaħħqu ma' l-espansjoni tas-swieq il-ġodda (il-fibri tekniċi). Il-kapaċità tal-produzzjoni għall-fibra tal-qanneb bħalissa hija ta' 35 000 tunnellata; fil-ġejjieni, tista' saħansitra togħla bi 23 000 tunnellata.

Il-kapaċità ewlenija għad-daqq tat-tiben tal-qanneb tinsab fi ftit jew wisq għaxar siti fi Franza, ir-Renju Unit, il-Ġermanja u l-Olanda. Il-kapaċità tad-daqq fl-UE-15 laħqet it-total ta' 107 000 tunnellata ta' tiben fl-2004/2005.

Konklużjonijiet dwar l-iżvilupp tas-settur

Fl-2003, kważi 90% tal-fatturat totali ta' EUR 216,5 miljun għall-fibri tal-kittien u l-qanneb kien f'bejgħ lis-suq tat-"tessuti". "Il-karta speċjali u teknika" rrappreżentat 8%, il-"materjali komposti" 4% u l-"materjali mhux minsuġa" 1%.

1. It-tessuti: mindu saret ir-riforma, il-bejgħ lis-settur tat-tessuti kiber b'mod sinifikanti, b'korrispondenza mat-talba miċ-Ċina.

L-għajnuna għall-ipproċessar kellha impatt iċken fl-istadji 'l isfel mill-industrija tat-tessuti Ewropea (in-newl u l-esportazzjoni). Il-kontribut ewlieni tagħha jinħass fl-istadji 'l fuq, fl-agrikoltura: l-għajnuna ssostni l-marġni gross għal kull ettaru, li l-kultivazzjoni tal-kittien u tal-qanneb żammha attraenti.

2. Il-karta: is-suq tal-karta speċjali u teknika huwa suq ewlieni għall-bejgħ tal-fibra tal-qanneb Ewropea, u huwa kollox għajr negliġibbli bħala suq għall-bejgħ tal-fibra qasira tal-kittien.

Ta' min isemmi li, bil-kontra tal-fibra twila tal-kittien li tissupplixxi l-aktar l-industriji lil hinn mill-UE, il-produzzjoni tal-fibra tal-qanneb u tal-fibra qasira tal-kittien issostni l-industrija Ewropea, li ta' spiss tkun sitwata qrib iż-żoni li fihom dawk il-fibri jiġu kkultivati.

3. Il-materjali komposti: dan is-suq, anki jekk huwa ta' valur u volum limitati, mill-2000 'l hawn ra żieda kbira, speċjalment għall-fibra qasira tal-kittien. Importanti li dak li jkun jinnota li l-għajnuna lill-ipproċessar lil dawk l-użi l-ġodda tathom kontribut li huwa kollox għajr negliġibbli, billi appoġġat fl-infiq għar-riċerka u l-iżvilupp kif ukoll għall-espansjoni kummerċjali. It-tneħħija bħalissa ta' l-iskema kurrenti tista' tkun theddida għall-eżistenza nnifisha ta' dan is-suq.

4. Il-materjali mhux minsuġa: Dan huwa suq żgħir għall-fibra tal-qanneb u dik qasira tal-kittien. Is-suq ewlieni huwa għall-produzzjoni tal-panewijiet ta' l-insulazzjoni. It-tkabbir tiegħu huwa limitat, minħabba li l-prodotti bbażati fuq il-fibri naturali jqumu iktar mill-fibri li kontrihom qed jikkompetu, u ta' livell anqas ta' kwalità teknika.

L-għajnuna għall-ipproċessar għall-fibri t-twal, flimkien mal-qagħda favorevoli tas-suq li nħolqot bit-talba miċ-Ċina, tat sehemha biex seħħ tkabbir spettakolari fil-produzzjoni tal-kittien. Din iż-żieda torbot ma' l-espansjoni tal-kapaċità ta' l-ipproċessar ta' l-impriżi eżistenti, u l-għajnuna ppermettiet xi investiment fit-tagħmir, ir-riċerka u l-promozzjoni.

F'dak li jirrigwarda l-qanneb, l-impatt pożittiv ta' l-għajnuna fuq il-bilanċ finanzjarju ta' l-impriżi ppermetta żieda fil-prezz tax-xiri għat-tiben tal-kittien, kif ukoll investiment fir-riċerka u l-iżvilupp u fis-swieq ġodda. Din l-għajnuna kkaġunat li l-provvisti lill-industriji aktar 'l isfel jiġu stabilizzati (jew imtejba xi ftit), sew għall-karta kif ukoll għas-swieq il-ġodda (l-għajnuna tikkostitwixxi fattur ta' stabilizzazzjoni, li lill-industriji jiżgurahom mis-sostenibbiltà tal-provvisti tagħhom).

Evalwazzjoni ta' l-għajnuna għall-ipproċessar

It-tagħrif disponibbli dwar ir-riżultati tar-riforma ta' l-2000 fl-Istati Membri ta' l-UE-15 huwa limitat minħabba li l-ipproċessar tat-tiben f'fibra jieħu 22 xahar, u l-figuri definittivi ma jinkisbux qabel ma jkunu għaddew sentejn minn wara l-bidu tas-sena tas-suq. Barra minn hekk, is-sena tas-suq 2001/2002 xejn ma tista' titqies li hija waħda rappreżentattiva, minħabba li l-produzzjoni ntlaqtet serjament minn kundizzjonjiet ħżiena tat-temp.

Xi Stati Membri ġodda għadhom ma rċevew l-ebda għajnuna għall-ipproċessar. Madankollu, il-proċessaturi f'dawk il-pajjiżi qed jinvestu biex jadattaw l-impjanti tagħhom għal-leġiżlazzjoni ta' l-UE.

F'dawn iċ-ċirkustanzi, wieħed jista’ jasal biss għal konklużjonjiet limitati dwar l-effikaċja tas-sistema ta' l-għajnuna għall-ipproċessar. Diffiċli li wieħed jeżamina jekk l-għajnuna għall-fibra l-qasira u l-għajnuna addizzjonali għal kull ettaru ta' kittien għandhomx jiġu estiżi lil hinn mis-sena tas-suq 2005/2006. Madankollu, xi konklużjonijiet jistgħu jintlaħqu fuq il-bażi tad- data disponibbli u l-informazzjoni mingħand l-operaturi.

L-importanza ta' l-għajnuna għall-industriji aktar 'l isfel fil-proċess

L-għajnuna għall-ipproċessar lis-settur tal-fibri ħallietu jiżviluppa, u wasslet għall-istabilizzazzjoni tas-swieq prinċipali.

Rigward il-kittien , is-swieq għall-fibri twal kibru sostanzjalment matul il-perjodu 2001–2004. Madankollu, din ix-xejra taf taqbad direzzjoni oħra jekk ikun hemm tnaqqis fit-talba min-naħa taċ-Ċina jew inżul fil-prezzijiet, rati tal-kambju mhux favorevoli, eċċ. Fil-qagħda favorevoli tal-preżent, huwa diffiċli li ssir stima tar-rwol ta' l-għajnuna nnifisha, għaliex is-suq irendi ħafna qligħ.

Fil-każ tal- qanneb , is-suq ewlieni huwa dak tal-karta speċjali. L-użi ġodda tekniċi (il-materjali komposti) għadhom ma waslux fil-fażi ta' l-iżvilupp fuq skala kbira. It-tneħħija bħalissa ta' l-għajnuna tista' thedded l-iżvilupp ulterjuri f'dan is-suq. Bl-istess mod, swieq oħra, bħal dak tal-panewijiet ta' l-insulazzjoni, ma żviluppawx kif kien mistenni fil-bidu, minħabba l-prezzijiet anqas kompetittivi tagħhom meta mqabbla ma fibri li qed jikkompetu magħhom, bħall- fibreglass u fibri sintetiċi oħra.

Għajnuna għall-fibra qasira

L-implimentazzjoni tas- CMO kurrenti tkun tfisser l-għajbien ta' l-għajnuna għall-ipproċessar għall-fibri qosra mis-sena tas-suq 2006/2007.

Fil-każ tal- fibra qasira tal-kittien , l-effett ta' l-għajnuna għall-ipproċessar ma jistax jiġi iżolat, għar-raġuni li kważi l-volumi kollha ġġenerati huma prodotti anċillari tad-daqq tal-fibri t-twal, u l-erja ta' l-artjiet iddedikati għall-kultivazzjoni tal-kittien speċifikatament għall-produzzjoni tal-fibra qasira għadha marġinali.

Għall- produtturi tal-qanneb , it-tneħħija ta' l-għajnuna tkun tfisser tnaqqis proporzjonali fil-prezzijiet. Li kellu jiġri hekk, il-marġni għall-produtturi tal-qanneb jitnaqqar bil-kbir, u jkun bil-wisq idjaq mill-marġni miksub mill-kultivazzjoni ta' uċuħ alternattivi. Ta' min jingħad li l-kultivazzjoni tal-qanneb tirrikjedi aktar xogħol minn uċuħ oħra tar-raba. Ikun mistenni li jkun hemm tnaqqis sinifikanti fl-erja ddedikata għall-kultivazzjoni tal-qanneb u b'konsegwenza nżul fil-provvisti tat-tiben tal-qanneb lill-industrija ta' l-ipproċessar primarju.

It-tabella li ġejja tqabbel il-marġni għal kull ettaru miksub għal uċuħ varji fi Franza u l-Ġermanja, u turi t-telf ta' kompetittività tal-kultivazzjoni tal-qanneb mingħajr it-trasferiment ta' stima ta' 80% ta' l-għajnuna għall-ipproċessar lill-operatur agrikolu.

Franza | Il-Ġermanja |

Qanneb | Qamħ | Żerriegħa tal-kolza | Qanneb | Xgħir | Qamħirrum |

Marġni (EUR/l-ettaru) | 554 | 442 | 490 | 486 | 553 | 499 |

Ħsad medju (tunnellata ta' fibra/l-ettaru) | 1,95 | – | – | 1,67 | – | – |

Għajnuna trasferita (EUR) – 80% | 140 | – | – | 120 | – | – |

Marġni mingħajr l-għajnuna (EUR/l-ettaru) | 414 | 442 | 490 | 366 | 553 | 499 |

Nota: Iċ-ċifri huma illustrattivi u ma jippermettux li jsir tqabbil immedjat bejn il-pajjiżi, minħabba differenzi fil-metodi tal-kalkolu. |

L-impatt ekonomiku fuq l-industrija tal-fibra qasira tal-kittien tat-tneħħija ta' l-għajnuna jittaffa miż-żieda maħsuba fl-għajnuna għall-fibra twila. Ikunu biss l-unitajiet ta' l-ipproċessar speċjalizzat, li jirrappreżentaw parti negliġibbli mis-settur, li jintlaqtu direttament minn tnaqqis fid-dħul.

B'kuntrast ma' dan, fil-każ tal-qanneb, it-tneħħija ta' l-għajnuna tista' taffettwa l-bilanċ finanzjarju ta' proċessaturi li għalihom l-għajnuna tirrappreżenta parti importanti mill-profitt nett tagħhom. Is-sopravivenza ta' proċessaturi li jiffukaw esklussivament fuq il-fibra ddestinata għall-użi tekniċi l-ġodda tkun mhedda, filwaqt li unitajiet "imħallta" li jipproduċu fibri għal-karta speċjali u għal swieq ġodda jerġgħu lura għall-attività tradizzjonali tagħhom (l-industrija tal-karta). Barra minn hekk, is-suq tradizzjonali (il-karta) jista' jkun mhedded fil-medda tan-nofs minn prodotti alternattivi orħos jew minn ċaqliq fis-siti tal-produzzjoni.

Għaldaqstant, ikun tajjeb li l-appoġġ għall-fibra qasira tal-kittien u l-fibra tal-qanneb jiġi estiż għas-sentejn tas-suq li ġejjin, bil-għan li l-industrija titħalla tikkonsolida s-swieq il-ġodda għal dawn il-fibri. Barra minn hekk, estensjoni bħal din tħalli aktar żmien għall-evalwazzjoni tajba tal-funzjonament tas- CMO fl-Istati Membri l-ġodda.

L-għajnuna addizzjonali

Jekk titneħħa l-għajnuna ta' EUR 120 l-ettaru għar-reġjuni fl-Olanda u l-Belġju, il-marġni gross għall-kittien ikun anqas minn dak għall-qamħ u x-xgħir. Minħabba li x-xogħol għal dan il-wiċċ huwa ikbar minn dak għaċ-ċereali, dan il-wiċċ ma jibqax aktar kompetittiv, u jkun mistenni li jseħħ tnaqqis kbir fl-erja ddedikata għall-kultivazzjoni tal-kittien fir-reġjun tal-Polders.

Tqabbil simili għaż-żoni fi Franza u l-Belġju li jikkwalifikaw għal għajnuna ta' EUR 50 l-ettaru ma jwassalx għall-istess konklużjonijiet. Minflok, it-tneħħija ta' l-għajnuna addizzjonali ma jkollhiex effett daqshekk drammatiku fuq il-livelli ta' dħul tal-produtturi. Madankollu, hemm xi inċertezza dwar il-ġejjieni tal-produzzjoni – speċjalment fi snin b'kundizzjonijiet tat-temp ħżiena.

Importanti li dak li jkun jinnota l-varjazzjonijiet annwali qawwija fid-dħul mill-kittien, b'kuntrast mal-parti l-kbira ta' l-uċuħ l-oħra. L-għajnuna ppermettiet li jittaffew l-effetti tar-rilokazzjoni lejn reġjuni oħra bi prezzijiet ta' l-art orħos u bi strutturi agrikoli aktar adattati.

Studji ta' analiżi ekonomika juru li l-għajnuna ta' EUR 120 l-ettaru għall-kittien prodott fl-Olanda u fil-Polders Belġjani kienet ta' siwi fiż-żamma, jew saħansitra t-tkabbir, ta' l-erja ta' l-artijiet fihom iddedikati għall-kultivazzjoni tal-kittien. Madankollu, dawn l-istudji ma jiddeterminawx il-livell ta' għajnuna li jkun f'loku għal dawn iż-żoni. Il-proposta hija li l-livell kurrenti ta' għajnuna jinżamm għal perjodu ta' sentejn.

Il-livelli ta' l-impuritajiet

F'dak li għandu x'jaqsam mal-livelli ta' l-impuritajiet, din il-miżura tmur lura sat-tieni nofs tad-disgħinijiet, jiġfieri il-perjodu li kien l-iktar ikkaratterizzat minn spekulazzjoni kbira. L-għan kien li jiddaħħal obbligu għat-tindif, għali, tal-fibri, u b'hekk tiġi skoraġġita l-produzzjoni ta' fibra ta' kwalità baxxa ħafna li lanqas biss ma tkun maħsuba għas-suq.

Madankollu, għall-karta, livell għoli ta' impuritajiet fil-fibra qasira fil-fatt hija meħtieġa għall-ipproċessar ulterjuri. L-ispiża tat-tindif tant hija għolja li tilħaq jew anki tisboq il-valur miżjud tal-prodotti.

Fil-każ ta' l-industrija tat-tessuti, jeħtieġ li jkun hemm livell baxx ta' impuritajiet. Madankollu, minħabba li l-prezzijiet tal-bejgħ huma ogħla, il-proċessaturi għandhom interess fit-tindif tal-fibra.

Fil-fibra teknika, għal ċerti swieq meħtieġ li jkun hemm livell baxx ta' impuritajiet.

Għalhekk, fil-prattika l-parti l-kbira ta' l-Istati Membri jużaw id-deroga mil-livell massimu ta' l-impuritajiet. Fis-sistema, huwa neċessarju li jiġi kkalkulat tnaqqis ta' l-għajnuna fuq il-bażi tal-livell ta' l-impuritajiet, ħaġa li toħloq piż amministrattiv, imma dan huwa l-uniku mod li tqassim ġust ta' l-għajnuna jista' jiġi żgurat.

Minħabba li s-swieq għall-fibra qasira għadhom qed jiżviluppaw u għad mhumiex stabbli, ikun tajjeb li jiġu estiżi d-dispożizzjonijiet kurrenti, inkluż it-tnaqqis ta' l-għajnuna proporzjonalment mal-livell ta' l-impuritajiet.

Sinteżi u konklużjonijiet

Dan ir-rapport tfassal b'risposta għat-talba tal-Kunsill għal evalwazzjoni ta' l-impatt ta’ l-għajnuna għall-ipproċessar tat-tiben tal-kittien u tal-qanneb f'fibri, introdotta mill-aħħar riforma ta' l-organizzazzjoni komuni tas-suq għal dan is-settur, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2001.

Fid-dawl ta' l-analiżi li twettqet, għandu jiġi propost li l-iskema eżistenti ta' għajnuna tiġi estiża. Dan jippermetti li tinkiseb aktar esperjenza, ħaġa li hija partikolarment meħtieġa fil-każ ta' l-Istati Membri l-ġodda. L-għajnuna għall-fibra qasira u l-għajnuna addizzjonali għall-kultivazzjoni tal-kittien f'ċerti żoni tradizzjonali ta' kultivazzjoni għaldaqstant għandha tiġi estiża fil-kundizzjonijiet kurrenti.

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

L-Artikolu 15(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1673/2002 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-kittien u l-qanneb jiddisponi li:

"Fis-sena 2005, il-Kommissjoni għandha tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-għajnuna għall-ipproċessar, jekk ikun meħtieġ akkumpanjat bi proposti.

Ir-rapport għandu jinkludi stima ta’ l-impatt ta' l-għajnuna għall-ipproċessar, b’mod partikolari dwar

- il-pożizzjoni tal-produtturi rigward iż-żoni miżrugħa u l-prezzijiet li jitħallsulhom,

- ix-xejriet tas-suq għall-ħjut tessili u l-iżilupp ta’ prodotti ġodda,

- l-industrija ta' l-ipproċessar.

Ir-rapport għandu jindika, fid-dawl ta’ produzzjoni alternattiva, jekk l-industrija tkunx kapaċi li tiffunzjona mal-linjigwida stabbiliti. Għandu jeżamina wkoll il-possibbiltà li titqiegħed fuq sisien permanenti, lil hinn mis-sena tas-suq 2005/2006, l-għajnuna għall-ipproċessar fuq kull tunnellata metrika ta’ ħjut qosra tal-kittien u ħjut tal-qanneb u għajnuna addizzjonali għal kull ettaru ta’ kittien, kif riferit fl-Artikolu 4."

L-evalwazzjoni globali ta' l-organizzazzjoni preżenti tas-settur tal-kittien u tal-qanneb[3] tidher pożittiva u tindika l-konklużjoni li l-organizzazzjoni komuni kurrenti tas-suq qiegħda taħdem sewwa. Il-konsegwenza l-aktar sinifikanti ta' l-introduzzjoni ta' l-għajnuna għall-ipproċessar tal-fibri kienet l-eliminazzjoni tal-produzzjoni spekulattiva. Ir-riforma li saret fl-2000 wasslet għal tnaqqis sinifikanti fl-infiq Komunitarju u għall-istabbilizzazzjoni tal-baġit għal madwar EUR 20 miljun. Barra minn hekk, ir-riforma rriżultat fit-tkabbir tas-swieq ekonomikament vijabbli, u ġeneralment, matul il-perjodu kkonċernat, issalvagwardjat id-dħul tal-produtturi, u f'xi każijiet saħansitra kabbritu.

L-għajnuna għall-ipproċessar appoġġat il-produzzjoni fl-UE tal-fibri tal-kittien u l-qanneb, materjali li għandhom impatt pożittiv fuq l-ambjent (il-konservazzjoni tal-bijodiversità). Barra minn hekk, l-għajnuna tas- CMO għall-ipproċessar għenet biex tikkonserva u toħloq il-postijiet tax-xogħol fir-reġjuni li tradizzjonaliment jipproduċu l-kittien u l-qanneb u fi nħawi oħra, u biex tappoġġa l-investimenti fl- R&D għat-titjib tal-metodi ta' produzzjoni u l-iżvilupp ta' prodotti ġodda li jkun fihom il-fibra veġetali.

Diffiċli li tevalwa l-impatt sħiħ tar-riforma ta' l-2000 u r-rwol preċiż ta' l-għajnuna għall-ipproċessar fil-produzzjoni ta' l-Istati Membri ta' l-UE-15. Definittivi huma biss il-figuri għas-snin tas-suq 2002/2003 u 2003/2004, u huma biss jistgħu jitqiesu rappreżentattivi, ġaladarba l-ħsad ta' l-2001/2002 kien intlaqat serjament mit-temp ikrah.

Fost l-Istati Membri l-ġodda li daħlu fl-Unjoni Ewropea fl-1 ta' Mejju 2004 hemm sitt produtturi tal-fibra tal-kittien u tliet produtturi tal-fibra tal-qanneb. Id- data li hija disponibbli bħalissa ma tippermettix analiżi dettaljata tax-xejriet tal-produzzjoni u ta' l-implimentazzjoni tas-sistema l-ġdida f'dawk l-Istati Membri ġodda.

F'dawn iċ-ċirkustanzi, qed tiġi proposta estensjoni ta’ sentejn, tas-sistema fis-seħħ matul is-sena tas-suq 2005/2006. Għalhekk, sas-sena tas-suq 2007/2008 l-għajnuna għall-fibra twila tal-kittien tibqa' fil-livell kurrenti ta' EUR 160 kull tunnellata, u l-għajnuna għall-fibra qasira tal-kittien u tal-qanneb tinżamm ta' EUR 90 kull tunnellata. Il-livelli tal-preżent ikomplu jgħoddu għall-kwantitajiet nazzjonali garantiti.

F'dak li jirrigwarda l-kontenut massimu ta' impuritajiet u skald, fid-dawl tal-fatt li l-parti l-kbira mill-Istati Membri jagħmlu użu mid-derogi mil-limitu ta' 7.5%, u li ċerti utenti aħħarin jirrikjedu livell għoli ta' impuritajiet, is-sistema kurrenti għandha tinżamm biex tħalli lill-Istati Membri jagħtu għajnuniet għall-fibra qasira tal-kittien b'kontenut massimu ta' 15% ta' impuritajiet u skald, u għall-fibra tal-qanneb li jkun fiha massimu ta' 25%.

L-għajnuna addizzjonali mogħtija lill-proċessaturi primarji tal-fibra twila tal-kittien f'ċerti żoni ta' produzzjoni tradizzjonali fl-Olanda, il-Belġju u Franza tibqa' bla mittiefsa, jiġifieri għajnuna ta' EUR 120 l-ettaru fiż-żona I u EUR 50 l-etaru fiż-żona II, kif stabbilit fir-Regolament (KE) nru 1673/2000.

Din l-estensjoni tas-sistema kurrenti sejra tippermetti analiżi aktar fil-fond imsejsa fuq l-esperjenza miksuba sallum, u sejra wkoll tħalli biżżejjed żmien biex issir evalwazzjoni kumprensiva ta' l-impatt biex tiġi eżaminata l-possibbiltà li din l-iskema ta' l-għajnuna tiġi ssimplifikata permezz ta' l-integrazzjoni tagħha fil-qafas ġenerali tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa.

Fl-okkażjoni tar-reviżjoni ta' l-iskema tal-kittien u l-qanneb imkabbra għall-fibra, tajjeb li r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 jiġi emendat biex il-kultivazzjoni tal-qanneb issir kompatibbli ma' użi oħra għajr dawk tal-produzzjoni tal-fibri.

Skond l-Artikolu 52 tar-Regolament imsemmi hawn fuq, l-artijiet mogħtija għall-kultivazzjoni tal-qanneb huma eliġibbli taħt l-iskema tal-Pagament Uniku, sakemm il-varjetà tal-qanneb ikun fiha kontenut tat- tetrahydrocannabinol ( THC ) ma jaqbiżx 0.2% u l-produzzjoni mhux ipproċessata tintuża għall-ipproċessar tal-fibri tessili. It-tieni kundizzjoni, li toħroġ mir-relazzjoni ta' dari bejn is-sistema ta' l-uċuħ kultivabbli u l-għajnuna għall-industrija tal-fibra, ma għadhiex neċessarja taħt l-iskema tal-Pagament Uniku. Barra minn hekk, din il-kundizzjoni de facto tipprojbixxi l-użu tal-qanneb għal użi industrijali oħra, pereżempju għall-enerġija.

2006/0043 (CNS)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1673/2000, rigward l-għajnuna għall-ipproċessar tal-kittien u l-qanneb ikkultivati għall-fibra, u r-Regolament (KE) Nru 1782/2003, rigard il-qanneb eliġibbli għall-Iskema tal-Pagament Uniku

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari t-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 37(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[4],

Billi:

5. L-Artikolu 15(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1673/2000 tas-27 ta' Lulju 2000 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-kittien u l-qanneb imkabbra għall-ħjut[5] jiddisponi li l-Kummissjoni tressaq rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-għajnuna għall-iproċessar, jekk ikun hemm bżonn, flimkien ma' proposti. Fuq il-bażi tar-rapport, huwa f'loku li s-sistema kurrenti titkompla fis-seħħ sas-sena tas-suq 2007/2008, inklussivament.

6. L-għajnuna għall-ipproċessar għall-fibra qasira tal-kittien u l-fibra tal-qanneb li ma jkunx fihom aktar minn 7.5% ta' impuritajiet u skald tapplika sas-sena tas-suq 2005/2006. Madankollu, fid-dawl tax-xejriet favorevoli tas-suq għal dan it-tip ta' fibra taħt l-iskema kurrenti ta' l-għajnuna, u bil-għan li jingħata kontribut għall-konsolidament ta' prodotti innovattivi u s-swieq tagħhom, l-applikazzjoni ta' din l-għajnuna għandha tiġi estiża sa tmiem is-sena tas-suq 2007/2008.

7. Ir-Regolament (KE) Nru 1637/2000 jipprovdi għal żieda fil-livell ta' l-għajnuna għall-ipproċessar tal-fibra twila tal-kittien mis-sena tas-suq 2006/2007 'il quddiem. Ġaladarba l-għajnuna ta' l-ipproċessar għall-fibra qasira qed tinżamm sas-sena tas-suq 2007/2008, l-għajnuna ta' l-ipproċessar għall-fibra twila tal-kittien għandha tiġi llimitata għal-livell ta' llum sas-sena tas-suq 2007/2008.

8. Bil-għan li tiġi promossa l-produzzjoni ta' fibra qasira ta' kwalità għolja tal-kittien u tal-qanneb, l-għajnuna qed tingħata lil fibra li fiha massimu ta' 7.5% ta' impuritajiet u skald. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jidderogaw minn dan il-limitu u jagħtu għajnuna għall-ipproċessar tal-fibra qasira tal-kittien li jkun fiha perċentwal ta' impuritajiet u skald bejn 7.5% u 15%, u għall-fibra tal-qanneb li jkun fiha perċentwal ta' impuritajiet u skald bejn 7.5% u 25%. Ġaladarba din il-possibbiltà hija miftuħa biss sas-sena tas-suq 2005/2006, jeħtieġ li l-Istati Membri jingħataw il-possibbiltà li jidderogaw minn dak il-limitu għal sentejn oħra tas-suq.

9. Sabiex il-livelli raġunevoli ta' produzzjoni jkomplu jiġu żgurati fl-Istati Membri, jeħtieġ li jiġi estiż il-perjodu li fih japplikaw il-kwantitajiet nazzjonali garantiti.

10. Għajnuna addizzjonali ilha għal xi żmien tappoġġa l-issuktar tal-produzzjoni tradizzjonali tal-kittien f'ċerti reġjuni ta' l-Olanda, il-Belġju u Franza. Sabiex l-istrutturi ta' l-istabbilimenti agrikoli jitkomplew jitħallew jadattaw irwieħhom gradwalment għall-kundizzjonijiet il-ġodda tas-suq, jeħtieġ li din l-għajnuna tranżizzjonali tiġi estiża sas-sena tas-suq 2007/2008.

11. Il-Kummissjoni għandha tressaq rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill kmieni biżżejjed qabel il-bidu tas-sena tas-suq 2008/2009 biex tkun tista' ssir evalwazzjoni ta' jekk is-sistema tal-preżent jkollhiex titkompla jew tkunx teħtieġ li tiġi adattata.

12. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 tad-29 ta' Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001[6] jipprovdi li biss il-qanneb ikkultivat għall-fibra huwa eliġibbli għall-Iskema ta' Pagament Uniku stabbilit taħt it-Titolu III ta' dak ir-Regolament. Huwa f'loku li ssir eliġibbli wkoll il-kultivazzjoni tal-qanneb għal użi industrijali oħra.

13. Ir-Regolamenti (KE) Nru 1673/2000 u (KE) Nru 1782/2003 għandhom jiġu emendati f'dan is-sens,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolamenti (KE) Nru 1673/2000 huwa emendat kif ġej:

1) Fl-Artikolu 2, it-tielet paragrafu jinbidel b'dan li ġej:

“3. L-ammont ta' l-għajnuna għall-ipproċessar għal kull tunnellata ta' fibri għandu jiġi stabbilit kie ġej:

a) għall-fibra twila tal-kittien:

- EUR 100 għas-sena tas-suq 2001/2002,

- EUR 160 għas-snin tas-suq 2002/2003 sa 2007/2008,

- EUR 200 mis-sena tas-suq 2008/2009 'il quddiem;

b) għall-fibra qasira tal-kittien u għall-fibra tal-qanneb li ma fihiex aktar minn 7.5% ta' impuritajiet u skald: EUR 90 għas-snin tas-suq 2001/2003 sa 2007/2008,

Madankollu, għas-snin tas-suq 2001/2002 sa 2007/2008, l-Istat Membru jista', b'referenza għas-swieq tradizzjonali, jiddeċiedi li jagħti għajnuna:

- għall-fibra qasira tal-kittien li jkun fiha perċentwal ta' impuritajiet u skald bejn 7.5% u 15%,

- għall-fibra qasira tal-qanneb li jkun fiha perċentwal ta' impuritajiet u skald bejn 7.5% u 25%.

Fil-każijiet li dwarhom jipprovdi t-tieni subparagrafu, l-Istat Membru għandu jagħti l-għajnuna fir-rigward ta' kwantità li ma taqbiżx dik prodotta, fuq il-bażi ta' 7.5% ta' impuritajiet u skald.”

2) Fl-Artikolu 3(2), it-tieni subparagrafu jinbidel b'dan li ġej:

"Il-kwantitajiet nazzjonali garantiti għall-fibra qasira tal-kittien u għall-fibra tal-qanneb ma jibqgħux japplikaw mis-sena tas-suq 2008/2009."

3) Fl-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 4, "2005/2006" tinbidel b'"2007/2008".

4) L-Artikolu 12 jitħassar.

5) Fl-Artikolu 15, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“3. Il-Kummissjoni għandha tressaq rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, u jekk ikun hemm il-ħtieġa, flimkien ma' proposti, kmieni biżżejjed biex il-miżuri proposti jkunu jistgħu jiġu implimentati matul is-sena tas-suq 2008/2009.

Ir-rapport għandu jevalwa l-impatt ta' l-għajnuna ta' l-ipproċessar fuq il-produtturi, l-industrija ta' l-ipproċessar u s-suq tal-fibra tessili. Għandu jeżamina l-possibbiltà li jiġu estiżi lil hinn mis-sena tas-suq 2007/2008 l-għajnuna ta' l-ipproċessar għall-fibra qasira tal-kittien u għall-fibra tal-qanneb u l-għajnuna addizzjonali, kif ukoll il-possibbiltà li din l-iskema ta' għajnuna tiġi integrata fil-qafas ġenerali ta' appoġġ lill-operaturi agrikoli taħt il-politika agrikola komuni stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 1782/2003."

Artikolu 2

Fir-Regolament (KE) Nru 1782/2003, l-Artikolu 52 jinbidel b'li ġej:

“Artikolu 52Il-produzzjoni tal-qanneb

1. Fil-każ tal-produzzjoni tal-qanneb, il-varjetajiet użati għandu jkollhom kontenut ta' tetrahydrocannabinol li ma jaqbiżx 0.2%. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema għall-verifika tal-kontenut ta' tetrahydrocannabinol ta' l-uċuħ ikkultivati fuq talanqas 30% ta' l-artijiet mogħtija għall-kultivazzjoni tal-qanneb. Madankollu, jekk Stat Membru jdaħħal sistema ta' l-approvazzjoni bil-quddiem għal kultivazzjoni ta' dan it-tip, il-minimu għandu jkun 20%.

2. F'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 144(2), l-għoti ta' ħlasijiet sejjer isir suġġett għall-użu ta' żrieragħ iċċertifikati ta' ċerti varjetajiet."

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil- Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea .

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel,

Għall-Kunsill

Il-President

DIKJARAZZJONI FINANZJARJA |

1. | IL-LINJA TAL-BAĠIT 05 02 07 01 | KREDITI: EUR 24 miljun |

2. | L-INTESTATURA TAL-MIŻURA: Modifika tar-Regolament 1673/2000 – Għajnuna għall-ipproċessar tal-fibri twal, qosra u tal-qanneb |

3. | BAŻI LEGALI: L-Artikolu 37 tat-Trattat |

4. | L-GĦANIJIET TAL-MIŻURA: L-estensjoni tas-sistema fis-seħħ għal perjodu ta' sentejn. |

5. | IMPLIKAZZJONIJIET FINANZJARJI | PERJODU TA'12-IL XAHAR EUR miljuni | IS-SENA FINANZJARJA PREŻENTI 2006 EUR miljuni | IS-SENA FINANZJARJA LI ĠEJJA 2007 EUR miljuni |

5.0 | SPEJJEŻ LI JITĦALLSU – MILL-BAĠIT TAL-KE (RIFUŻJONIJIET/INTERVENTI) – MILL-BAĠITS NAZZJONALI – MINN SETTURI OĦRA | 4,84 | 0 | 2,9 |

5.1 | DĦUL – RIŻORSI PROPRJI TAL-KE (IMPOSTI/ĦLASIJIET DOGANALI) – FUQ IL-LIVELL NAZZJONALI | – | – | – |

2008 | 2009 |

5.0.1 | PREVIŻJONIJIET TA' L-INFIQ | EUR 4,84 m | EUR 1,94 m |

5.1.1 | PREVIŻJONIJIET TAD-DĦUL | – | – |

5.2 | METODU TAL-KALKOLU L-infiq totali għal din il-partita fl-2005 huwa EUR 20,045 m L-infiq totali għal din l-partita fl-2004 kienu EUR 17,893 m L-infiq – Is-sistema preżenti Is-sena finanzjarja 2002/2003: EUR 18,8 miljun li jinqasmu kif ġej: Fibri twal: 100 000t x EUR 160 = EUR 16 m Fibri qosra/tal-qanneb: 14 444 tonnes x EUR 90 = EUR 1,3 m Għajnuna supplimentari: EUR 1,5 m Is-sena finanzjarja 2003/2004: EUR 20,19 m Fibri twal: 101 125000t x EUR 160 = EUR 16,18 m Fibri qosra/tal-qanneb: 14 444 tonnes x EUR 90 = EUR 1,959 m Għajnuna supplimentari: EUR 2 m Stimi [pic] |

6.0 | IL-FINANZJAMENT LI JISTA' JSIR SKOND KREDITI MNIŻŻLA FIL-KAPITOLU KKONĊERNAT TAL-BAĠIT LI QED JIĠI ESEGWIT | IVA LE |

6.1 | IL-FINANZJAMENT LI JISTA' JSIR PERMEZZ TA' TRASFERIMENT BEJN IL-KAPITOLI TAL-BAĠIT LI QED JIĠI ESEGWIT | IVA LE |

6.2 | IL-ĦTIEĠA TA' BAĠIT SUPPLIMENTARI | IVA LE |

6.3 | KREDITI LI GĦANDHOM JITNIŻŻLU FIL-BAĠITS TAL-FUTUR | IVA LE |

OSSERVAZZJONIJIET: Skond ix-xejra, l-impatt prevedibbli huwa ta' EUR 4,84 m. Madankollu, ta' min wieħed jinnota li fil-każ li jintlaħqu l-Kwantitajiet Massimi Ggarantiti (MGQs) fit-tul u fil-qosor, l-impatt ikun EUR 11,94 m u l-infiq totali jkun EUR 28,10 m. |

[1] Il-kwantitajiet tal-fibri prodotti mhux bilfors jaqblu ma' dawk li qed jingħataw l-għajnuna ta' l-ipproċessar.

[2] Il-kwantitajiet tal-fibri prodotti mhux bilfors jaqblu ma' dawk li qed jingħataw l-għajnuna ta' l-ipproċessar.

[3] Ara r-Rapport ta' Evalwazzjoni ffinalizzat f'Ottubru 2005: "Evalwazzjoni ta' l-organizzazzjoni komuni tas-suq fis-settur tal-kittien u l-qanneb"http://europa.eu.int/comm/agriculture/eval/reports/lin/sum_mt.pdf.

[4] ĠU C..., ... p. ...

[5] ĠU L 193, 29.7.2000, p. 16. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 393/2004 (ĠU L 65, 3.3.2004, p. 4).

[6] ĠU L 270, 21.10.2003, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2183/2005 (ĠU L 347 , 30.12.2005, p. 56).

Top