EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52005DC0014

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament ewropew, il-Kumitat ekonomiku u soċjali ewropew u l-Kumitat tar-reġjuni - Abbozz ta' Rapport Konġunt dwar il-Ħarsien Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali {SEC(2005)69}

/* KUMM/2005/0014 finali */

52005DC0014

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament ewropew, il-Kumitat ekonomiku u soċjali ewropew u l-Kumitat tar-reġjuni - Abbozz ta' Rapport Konġunt dwar il-Ħarsien Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali {SEC(2005)69} /* KUMM/2005/0014 finali */


Brussel, 27.01.2005

KOM(2005)14 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, IL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Abbozz ta' Rapport Konġunt dwar il-Ħarsien Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali

{SEC(2005)69}

WERREJ

Daħla 3

1. Il-Ħarsien Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali: Rispons għat-Tibdil 3

2. Il-Promozzjoni ta' l-Inklużjoni Soċjali 5

3. Il-Pensjonijiet u x-Xjuħija Attiva 9

4. Messaġġi Politiċi Ewlenin 10

DAħLA

L-ISTRATEġIJA TA' LI żbona għandha l-għan li tippromwovi mudell ta' żvilupp sostenibbli għall-Unjoni li jgħolli l-istandard ta' l-għixien taċ-ċittadini kollha Ewropej billi jgħaqqad flimkien it-tkabbir ekonomiku ma' enfażi qawwi fuq il-koeżjoni soċjali u l-ħarsien ta' l-ambjent. Filwaqt li tagħmel dan, tisħaq fuq il-bżonn li jittejbu l-mekkaniżmi ta' koordinament fuq il-livell ta' l-UE sabiex jiġu promossi miżuri konsistenti u li jsaħħu lil xulxin fl-oqsma ta' l-ekonomija, l-impjiegi u soċjali.

Filwaqt li tkabbir ekonomiku u ta' l-impjiegi b'saħħtu huwa prerekwiżit essenzjali għas-sostenibbiltà tas-sistemi ta' ħarsien soċjali, il-progress fl-ilħiq ta' livelli ogħla ta' koeżjoni soċjali huwa, id f'id ma' sistemi effikaċi ta' edukazzjoni u taħriġ, fattur ewlieni fil-promozzjoni tat-tkabbir. F'dan il-kuntest, dan l-ewwel Rapport Konġunt dwar il-Ħarsien Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali jirrikkmanda li jsiru sforzi biex is-sistemi ta' ħarsien soċjali jiġu mmodernizzati permezz ta' strateġiji deċiżivi u kredibbli ta' riforma.

L-inklużjoni soċjali u l-istrateġiji nazzjonali għat-taqbida kontra l-faqar u l-eklużjoni soċjali jingħataw prominenza f'dan ir-rapport, fuq il-bażi ta' żewġ fażijiet ta' l-OMC dwar l-inklużjoni soċjali fuq il-livell ta' l-UE15, kif ukoll it-twessigħ b'suċċess tagħha għall-10 Stati Membri ġodda fl-2004. Jiġu indirizzati wkoll, għalkemm b'anqas prominenza, il-pensjonijiet. Il-bażi huwa r-Rapport Konġunt ta' l-2003 dwar pensjonijiet adegwati u sostenibbli. Xogħol iktar reċenti mill-Kumitat għall-Ħarsien Soċjali (SPC) jipprovdi iktar materjal, flimkien mar-riżultati miksuba mill-iskambji bilaterali li kienu saru bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri qabel l-adeżjoni ta' dawn ta' l-aħħar.

Dan ir-Rapport Konġunt maħsub biex jinqara flimkien mar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi u r-Rapport dwar l-Implimentazzjoni tal-Linji ta' Gwida Wiesgħa dwar il-Politika Ekonomika (BEPG) sabiex tingħata dehra bbilanċjata u integrata ta' l-isfidi ewlenin li għandhom quddiemhom l-Istati Membri jekk iridu jilħqu l-għanijiet ambizzjużi ta' Liżbona. Jerġa' jagħmel tiegħu ir-rikkmandazzjonijiet tar-Rapport tal-Grupp Għoli ta' Esperti Indipendenti (il-Grupp Kok) dwar il-ħtieġa għal enfażi msaħħaħ fuq it-Twettiq ta' l-għanijiet ta' Liżbona u impenn politiku aktar qawwi fil-livelli kollha.

1. Il-Ħarsien Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali: Rispons għat-Tibdil

Livell għoli ta' ħarsien soċjali jipprovdi lis-soċjetajiet bil-mezzi biex jaffaċċaw id-diffikultajiet u biex iwarrbu u jħarsu kontra l-forom l-iktar gravi u inumani ta' faqar. Is-sistemi ta' ħarsien soċjali li huma mfasslin sewwa jikkontribwixxu għall-iżvilupp ekonomiku billi jipprovdi ambjent favorevoli għat-tkabbir ekonomiku, li fih il-persuni u l-intrapriżi jistgħu jikkunsmaw u jinvestu bil-kunfidenza kollha; jiffaċilitaw it-tibdil strutturali billi jipproteġu lill-ħaddiema mill-effetti tar-ristrutturar; jistabilizzaw ukoll it-talba globali matul iċ-ċikli ekonomiċi u joħolqu kundizzjonijiet favorevoli għall-irkupru ekonomiku.

Sabiex iwettqu r-rwol ewlieni tagħhaom fis-soċjetà u l-ekonomija Ewropea, is-sistemi ta' ħarsien soċjali jeħtiġilhom ikunu kapaċi jirrispondu għal xejriet soċjali usa'. It-totalità kumplessa ta' fatturi demografiċi, ekonomiċi u soċjali li fl-imgħoddi mexxew u li dejjem se jkomplu jmexxu 'l quddiem it-tibdil strutturali fl-UE tagħfas fuq is-sistemi ta' ħarsien soċjalibiex jadattaw u jimmodernizzaw irwieħhom.

Tibdiliet kbar fit-tqassim ta' l-etajiet fil-popolazzjoni se jkollu implikazzjonijiet importanti għall-firxa kollha kemm hi ta' miżuri soċjali. It-tnaqqis fil-għadd tal-grupp ta' età 0-14 jenfasizza l-importanza tal-ħolqien ta' ambjent li huwa favorevoli għat-tfal, inkluż is-sostenn adegwat għall-iżvilupp bikri u l-edukazzjoni bażika. It-tnaqqis fil-għadd ta' dawk bejn il-15 u d-29 sena jenfasizza l-importanza li l-bidla mill-iskola għax-xogħol issir bl-aħjar mod possibbli. It-tkabbir ta' malajr fil-għadd ta' persuni bejn il-50 u l-64 iqajjem l-importanza ta' ħajja attiva għal dawk li deħlin fix-xjuħija. Iż-żieda fil-għadd ta' dawk li għalqu l-65 turi kemm huwa urġenti li l-pensjonijiet adegwati jsiru sostenibbli. Fl-aħħar nett, l-espansjoni tal-grupp ta' dawk li laħqu l-età ta' 80 u 'l fuq se jkollu r-riżultat li kull ma jmur aktar tikber il-ħtieġa għal servizzi tas-saħħa u kura fit-tul relatati max-xjuħija.

Żieda netta fl-immigrazzjoni tista' tgħin biex jiġi indirizzat l-iżbilanċ li jinħoloq minn dan it-tibdil demografiku billi tpatti għal nuqqasijiet fil-għadd ta' ħaddiema disponibbli, u, fil-kuntest tar-riformi fil-pensjonijiet, ittejjeb is-sostenibbiltà ta' sistemi finanzjarji u ta' pensjoni. Iżda s-soċjetajiet ikunu jistgħu jaħsdu dawn il-benefiċċji potenzjali biss jekk joħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-integrazzjoni ta' l-immigrati fis-suq ta' l-impjiegi regolari u jekk jitgħallmu kif għandhom jiffaċċaw it-tensjonijiet bejn il-kulturi, u jkunu jistgħu jħottu l-ostakoli għall-integrazzjoni ekonomika u soċjali ta' l-immigrati. [1]

It-tibdiliet demografiċi huma kkumplikati aktar minn tibdil usa' fil-valuri kulturali, ir-relazzjonijiet soċjali, l-organizzazzjoni tal-familji u n-natura tax-xogħol.

Il-ħtiġijiet soċjali saru aktar sofistikati u ddiversifikati, b'talba dejjem tikber għall-kwalità tal-ħajja u għal bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħin liberu. Żdiedet l-importanza ta' l-għażla individwali. Id-diversità għandha dimensjoni etnika importanti, b'mod partikolari fiċ-ċentri urbani l-kbar. Ir-rwol dejjem jikber tan-nisa fis-suq tax-xogħol qed jiġi rifless f'talbiet soċjali ġodda (pereżempju għal servizzi ta' kura tat-tfal, tax-xjuħ u ta' persuni dipendenti) u fi tfassil ġdid tal-qsim tar-responsabbiltajiet fid-dar. Seħħew bidliet importanti fl-istrutturi tal-familji, sew f'dak li għandu x'jaqsam mat-tnaqqis fid-daqs tal-familji u d-diversità dejjem tikber – misjuqa 'l quddiem minn rati aktar baxxi ta' formazzjoni ta' koppji u rati ogħla ta' dissoluzzjoni. B'konsegwenza ta' dan, għadd akbar ta' nies qed ikollhom joqgħodu fuq mezzi alternattivi ta' sostenn. Fl-aħħar nett, l-ambjent tax-xogħol sar bil-wisq iktar imħallat u jinbidel malajr. It-talba dejjem tikber għal ħiliet avvanzati tinsab maġenb il-ħolqien ta' ħafna impjiegi ta' produttività baxxa.

F'dan il-kuntest dejjem jitbiddel, is-sistemi ta' ħarsien soċjali hemm bżonn li jitfasslu b'tali mod li jkunu jistgħu jirrispondu għall-ħtiġijiet ekonomiċi u soċjali tal-ġejjieni. Miżuri ta' inklużjoni soċjali, per eżempju, mhumiex biss importanti sabiex iħarsu kontra l-faqar u jikkumbattuh, imma jistgħu jgħinu fit-tkabbir ta' l-għadd ta' dawk li huma disponibbli għax-xogħol billi jżidu l-kapaċità ta' l-individwi għax-xogħol u permezz ta' użu meqjus tal-prinċipju "agħmel li x-xogħol irendi". Riformi maħsuba biex jiżguraw pensjonijiet adegwati u sostenibbli għandhom ifittxu li jipprovdu l-inċentivi meħtieġa sew sabiex il-ħaddiema jibqgħu attivi aktar fit-tul u għal dawk li jagħtu x-xogħol biex jimpjegaw u jżommu magħhom ħaddiema akbar fl-età. Sistemi tal-kura tas-saħħa li huma aċċessibbli, ta' kwalità u sostenibbli għandhom rwol essenzjali mhux biss fil-ġlieda kontra l-mard u l-vulnerabbiltà għall-esklużjoni soċjali, imma anki fiż-żamma ta' qawwa tax-xogħol produttiva.

2. Il-Promozzjoni ta' l-Inklużjoni Soċjali

2.1. Il-qagħda rigward l-inklużjoni soċjali fil-25 Stat Membru

Il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali tibqa' waħda mill-isfidi l-kbar għall-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha. L-għadd ta' dawk affettwati mill-faqar u l-esklużjoni soċjali fl-Unjoni huwa apprezzabbli sew, b'aktar minn 68 miljun ruħ jew 15% tal-popolazzjoni ta' l-UE jgħixu fir-riskju li jaqgħu fil-faqar fl-2002. Ivarjaw minn 10% jew anqas fir-Repubbblika Ċeka, l-Iżvezja, id-Danimarka, l-Ungerija u l-Islovenja sa 20% jew aktar fl-Irlanda, ir-Repubblika ta' l-Islovakkja, il-Greċja u l-Portugall.

Ir-riskju tal-faqar għandu tendenza jkun apprezzabbilment ogħla għan-nies qiegħda, għall- familji b'ġenitur wieħed (li x'aktarx tkun mara li trid tmexxi), nies imdaħħlin fiż-żmien u li jgħixu weħidhom (ukoll x'aktarx nisa) u familji b'ħafna dipendenti. It-tfal x'aktarx jesperjenzaw livelli ogħla ta' faqar: tfal li jikbru fil-faqar għandhom aktar probabbiltà li jbatu minn tnaqqis f'saħħithom, li jmorru anqas tajjeb minn ħaddieħor fl-edukazzjoni u li 'l quddiem ikunu qiegħda u jwettqu aġir anti anti-soċjali. Hemm ukoll ħjiel ta' konnessjoni bejn it-tniġġis ambjentali u l-privazzjoni soċjali.

Il-kejl tar-riskju tal-faqar jagħti biss parti mill-istampa, u tagħrif reċenti jikxef kemm hija mifruxa l-privazzjoni materjali, partikolarment f'dawk il-pajjiżi fejn l-għatba nazzjonali tal-faqar hija apprezzabbilment iktar baxxa.

Il-faqar u l-privazzjoni materjali ta' spiss ikomplu jitgħarrqu minn nuqqas ta' kapaċità għall-parteċipazzjoni sħiħa fil-ħajja soċjali, b'riżultat ta' aċċess inadegwat għall-impjiegi, edukazzjoni u taħriġ, akkommodazzjoni xierqa, trasport u kura tas-saħħa.

Ix-xogħol huwa fattur ewlieni għall-inklużjoni soċjali, mhux biss minħabba li jiġġenera d-dħul imma anki minħabba li jista' jippromwovi l-parteċipazzjoni soċjali u jikkontribwixxi biex jinżamm standard adegwat ta' għixien fis-snin tax-xjuħija billi jinġemgħu d-drittijiet għall-benefiċċji tal-pensjoni. Il-qlib mill-qgħad għall-impjieg inaqqas mhux ftit il-probabbiltà li dak li jkun jaqa' fir-riskju tal-faqar; barra minn hekk, l-għixien xieraq ta' nies qiegħda jew ta' dawk li ma jaħdmux minkejja li huma fl-età tax-xogħol aktar ikun mhedded jekk fil-familja ma jkunx hemm dħul mix-xogħol.

It-tagħrif statistiku disponibbli dwar il-faqar u l-esklużjoni soċjali fuq l-iskala ta' l-UE għad ma jkoprix uħud mill-gruppi li huma l-iktar esposti. Il-Pjanijiet Nazzjonali ta' Azzjoni (NAP) dwar l-inklużjoni juru biċ-ċar kif l-immigrati, il-minoranzi etniċi u r-Roma, persuni b'diżabilità, il-vittmi ta' l-itraffikar fin-nies, persuni fi jew ħerġin minn istituzzjonijiet ta' kura u bdiewa marġinali jħabbtu wiċċhom ma' riskji partikolari ħafna. Ta' importanza wkoll hija l-konċentrazzjoni ta' l-iżvantaġġ f'kommunitajiet u żoni ġeografiċi partikolari, sew fl-ibliet kif ukoll rurali, fejn in-nies iħabbtu wiċċhom ma' fatturi ta' esklużjoni b' għeruq sodi u fil-fond, li x'aktarx jintirtu minn ġenerazzjoni għall-oħra.

Fis-snin immedjatament qabel it-twaqqif ta' l-istrateġija l-ġdida, rajna xejra lejn it-tnaqqis fil-livell tal-faqar relattiv, bil-medja għall-UE (15-il Stat Membru) tinżel minn 18% fl-1995 sa 15% fl-2000. Dan nistgħu nqisuh bħala r-riżultat ta' titjib sostanzjali fil-qagħda tas-suq ta' l-impjiegi. Issa għandna quddiemna r-riskju ċar li t-tnaqqis reċenti fir-rata tat-tkabbir ekonomiku, flimkien ma' qgħad li qed jikber u anqas opportunitajiet għax-xogħol, se jpoġġi lil iktar nies fir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali u jgħawwar aktar il-qagħda ta' dawk li diġà huma milquta.

L-isfida terġa' hija ikbar f'ħafna mill-Istati Membri l-ġodda, fejn tkabbir ekonomiku mgħaġġel huwa bbażat fuq ristrutturar wiesa' fl-industrija u l-agrikoltura, li jekk ma jkunx akkumpanjat minn miżuri xierqa ta' inklużjoni soċjali jista' jirriżulta f'żieda fil-għadd ta' dawk li huma fir-riskju tal-faqar.

2.2. Prijoritajiet ewlenin għall-politika

Riżultat pożittiv tal-proċess ta' inklużjoni soċjali kien li sar aktar evidenti x'inhuma l-prijoritajiet ewlenin għall-politika fil-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni, kif jidher mill-istrateġiji politiċi li qed jadottaw l-Istati Membri. Seba' prijoritajiet politiċi ewlenin jispikkaw fl-Unjoni

1. Li tiżdied il-parteċipazzjoni fis-suq ta' l-impjiegi: Fil-fehma ta' ħafna mill-Istati Membri, din hija l-iktar prijorità importanti, u tissarraf f'miżuri li jfittxu li attivament jespandu s-suq ta' l-impjiegi u l-iżgurar ta' konnessjonijiet iktar sodi bejn il-ħarsien soċjali, l-edukazzjoni ta' matul il-ħajja, u riformi fis-suq ta' l-impjiegi, b'tali mod li dawn isaħħu lil xulxin.

2. Li jiġu mmodernizzati s-sistemi ta' ħarsien soċjali: Dan ifisser li jrid jiġi żgurat li skemi sostenibbli tal-ħarsien soċjali jkunu adegwati u aċċessibbli għal kulħadd, u li l-benefiċċji maħsuba għal dawk li kapaċi jaħdmu jipprovdu inċentivi effettivi għall-impjieg kif ukoll biżżejjed sigurtà ħalli n-nies ikunu jistgħu jadattaw irwieħhom għall-bidliet.

3. Li jiġu indirizzati żvantaġġi fl-edukazzjoni u t-taħriġ: L-enfażi qed jaqa' fuq il-prevenzjoni mit-tluq bikri mill-edukazzjoni formali u mit-taħriġ; li tiġi ffaċilitata t-transizzjoni mill-iskola għax-xogħol, b'mod partikolari għal dawk li jħallu l-iskola bi kwalifiki baxxi; li jitjieb l-aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ għal gruppi żvantaġġati u l-integrazzjoni tagħhom fil-provvista ġenerali; li tiġi promossa l-edukazzjoni ta' matul il-ħajja, inkluż it-tagħlim elettroniku, għal kulħadd. Ħafna jagħrfu l-ħtieġa li ninvestu aktar, u b'effettività ikbar, fil-kapital uman ta' kull età.

4. L-eliminazzoni tal-faqar tat-tfal: Dan jidher li hu pass essenzjali fil-ġlieda biex il-faqar ma jibqax jintiret minn ġenerazzjoni għall-oħra. Attenzjoni partikolari tingħata lill-intervenzjoni minn kmieni u l-edukazzjoni bikrija b'sostenn ta' tfal żvantaġġati, u lit-titjib ta' supplimenti tad-dħul u għajnuniet lill-familji bit-tfal. Ħafna pajjiżi wkoll kull ma jmur qed iżidu l-enfażi fuq il-promozzjoni tad-drittijiet tat-tfal bħala bażi għall-iżvilupp ta' miżuri.

5. Li tiġi żgurata akkommodazzjoni xierqa : F'xi Stati Membri, qed tingħata attenzjoni għat-titjib ta' standards għar-residenzi, f'oħrajn, għall-ħtieġa li jiġi indirizzat in-nuqqas ta' akkommodazzjoni soċjali għal gruppi żvantaġġati. Bosta mill-Istati Membri qed jiżviluppaw strateġiji iktar integrati biex jikkumbattu l-fenomenu tal-persuni bla saqaf.

6. Li jitjieb l-aċċess għal servizzi ta' kwalità : Dan jinkludi t-titjib ta' l-aċċess għas-servizzi ta' kura tas-saħħa u kura fit-tul, servizzi soċjali, it-titjib ta' ambjenti lokali, kif ukoll l-investiment f'infrastruttura adegwata. Li nagħrfu nużaw il-potenzjal ta' mezzi tat-Teknoloġija ta' l-Informatika u l-Komunikazzjoni (ICT) għal kulħadd u li ma nħallux li sseħħ l-esklużjoni minn dawn il-mezzi, huwa punt ewlieni wkoll.

7. Li tingħeleb id-diskriminazzjoni u li tiżdied l-integrazzjoni ta' minoranzi etniċi u l-immigrati: Il-ġlieda kontra l-livelli għolja ta' esklużjoni li jesperjenzaw gruppi speċifiċi, b'mod speċjali r-Roma, tinvolvi taħlita bejn it-titjib ta' l-aċċess għal servizzi u opportunitajiet ġenerali, l-infurzar tal-leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni u l-iżvilupp ta' strateġiji partikolarizzati għal sitwazzjonijiet speċfiċi.

Fit-twettiq ta' dawn il-prijoritajiet, l-Istati Membri jeħtiġilhom jiżviluppaw strateġiji integrati u koordinati fuq il-livelli lokali u reġjonali, u b'mod speċjali f'dawk il-kommunitajiet ta' l-ibliet jew rurali li jħabbtu wiċċhom ma' aktar minn żvantaġġ wieħed. Strateġiji bħal dawn għandhom jadattaw il-miżuri għall-qagħda lokali u jinvolvu lill-aġenti kollha rilevanti. Jenħtieġ ukoll li jiġi żgurat li ż-żewġ sessi jiġu integrati bl-istess mod f'dawn il-prijoritajiet sabiex tiġi promossa l-ugwaljanza tas-sessi.

2.3. It-tisħiħ tal-proċess ta' l-inklużjoni soċjali

L-iżvilupp u t-twettiq ta' NAPs dwar l-inklużjoni mill-Istati Membri kollha turi b'mod ċar ir-rieda li jitqawwew l-isforzi biex jiġu indirizzati l-faqar u l-esklużjoni soċjali. B'mod partikolari, l-impenn qawwi politiku li wrew l-Istati Membri UE10 ta spinta ġdida lill-proċess u, b'mod iktar ġenerali, jenfasizza r-rilevanza tal-Metodu Miftuħ għall-Koordinament (OMC).

L-istrateġija adottata mill-Istati Membri tvarja ħafna, skond il-qagħdiet tal-bidu, ir-reġim ta' l-għajnuna soċjali u l-esperjenza miksuba fl-iżvilupp ta' strateġiji kontra l-faqar. Il-parti l-kbira ta' l-Istati Membri żviluppaw mezzi komprensivi biex jikkumbattu l-faqar u l-esklużjoni soċjali li jkopru firxa wiesgħa ta' oqsma politiċi. Qed jissaħħu arranġamenti istituzzjonalizzati sabiex il-kwestjonijiet ta' inklużjoni soċjali jiddaħħlu fit-tfassil nazzjonali ta' miżuri ġenerali. Qed tingħata aktar attenzjoni lill-koordinament bejn dipartimenti u livelli differenti tal-gvern sabiex ir-rispons ikun aktar integrat. Fl-aħħar nett, qed tingħata aktar attenzjoni biex titħeġġeġ il-parteċipazzjoni ta' dawk kollha li huma direttament milquta (l-imsieħba soċjali, Organizzazzjonijiet mhux tal-Gvern (NGOs) u intrapriżi).

Kollox ma' kollox, l-OMC dwar l-inklużjoni soċjali sal-lum tat kontribut siewi u tipprovdi bażi tajba għal aktar azzjoni. Il-programm ta' azzjoni fil-Komunità kontra l-esklużjoni soċjali ta kontribut apprezzabbli f'dan ir-rigward billi ppromwova studji, evalwazzjonijiet ta' pari, proġetti ta' skambju transnazzjonali u l-ħolqien ta' netwerks fuq l-iskala ta' l-UE. Iżda huwa ċar ukoll li jekk tassew se jitwettaq l-għan globali tal-proċess ta' l-inklużjoni soċjali li jsir impatt deċiżiv fuq il-qirda tal-faqar sa l-2010, jinħtieġ li jsir ħafna iktar sew fuq il-livell nazzjonali kif ukoll fuq dak ta' l-UE. F'dan ir-rigward, l-Istati membri għandhom:

- Jistabbilixxu rabtiet aktar sodi mal-politika ekonomika u ta' l-impjiegi : Rabtiet ta' dan it-tip jeħtieġ li jissaħħu, l-iktar permezz ta' l-introduzzjoni ta' trasparenza ikbar fir-rigward tar-riżorsi tal-baġit meħtieġa biex jitwettqu l-għanijiet u l-miri mniżżla fin-NAPs għall-inklużjoni u fir-rigward tal-mod kif qed jiġu utilizzati l-Fondi Strutturali biex jintlaħqu l-għanijiet fil-qasam ta' l-inklużjoni soċjali.

- Jsaħħu l-kapaċità tagħhom għat-twettiq : dan jinkludi t-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva u istituzzjonali – taħt dan jaqgħu sistemi ta' ħarsien soċjali, servizzi soċjali u strumenti biex tiġi evalwata l-inklużjoni ugwali tas-sessi –, koordinament aħjar bejn fergħat u livelli differenti tal-Gvern (jiġifieri nazzjonali, reġjonali, lokali), u t-titjib tal-mekkaniżmi biex jiġu involuti dawk kollha li jkunu kkonċernati.

- Jiffukaw fuq it-temi ewlenin u jimmiraw lejn għanijiet iktar ambizzjużi : Il-proċess jisaħħaħ apprezzabbilment jekk l-Istati Membri jidentifikaw it-temi li huma kruċjali għalihom u jiddeterminaw miri kwantifikati għal kull waħda minn dawn it-temi. Il-progress lejn it-twettiq tagħhom għandu jiġi mmonitorat u dwaru jsiru rapporti. L-istati Membri li jaqgħu lura f'xi aspetti jagħmlu sew jekk jieħdu bħala punt ta' riferiment kif ikun mexa l-Istat Membru li l-aktar li kellu suċċess.

- Jsaħħu l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-miżuri : Mezz ewlieni għall-azzjoni iktar effettiva jkun dak ta' l-introduzzjoni ta' arranġamenti iktar effettivi għall-monitoraġġ u evalwazzjoni ta' l-impatt tal-miżuri, li jkun jinvolvi lil kull min huwa kkonċernat, inkluċi l-imsieħba soċjali, u l-iżvilupp ta' tagħrif iktar f'waqtu u rilevanti.

Fil-livell ta' l-UE, il-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom:

- Jsaħħu l-integrazzjoni ta' l-għanijiet għall-inklużjoni soċjali fil-miżuri ta' l-UE kollha kemm huma : Huwa essenzjali li l-inklużjoni soċjali tibqa' quddiem għajnejn dawk li jfasslu u jimplimentaw il-miżuri ta' l-UE, sabiex jiżguraw li jsostnu l-isforzi nazzjonali biex tiġi promossa l-inklużjoni soċjali. F'dan ikun ta' għajnuna li jiġi mwessa' l-OMC ħalli jkopri l-kura tas-saħħa u l-kura fit-tul, bil-għan li jiżgura sistemi aċċessibbli, ta' kwalità u sostenibbli.

- Jagħmlu użu aħjar mill-potenzjal li għandu l-OMC biex jikkontribwixxi għal azzjoni effettiva: Ma' l-iskambju ta' prattiċi tajba għandu jkun hemm ukoll l-identifikazzjoni trasparenti ta' prattiċi tajbin u ħżiena sabiex dan ikun effettivament utli għall-Istati Membri fit-tfassil tal-politika tagħhom. L-indikaturi komuni għandhom jilgħabu rwol ewlieni f'dan ir-rigward.

- Jiżguraw li l-Fondi Strutturali jkomplu jkollhom rwol ewlieni fil-promozzjoni ta' l-inklużjoni soċjali: Il-kontribut potenzjali tal-Fondi Strutturali biex jiġu indirizzati l-faqar u l-inklużjoni soċjali, b'mod speċjali tal-Fond Soċjali Ewropew (ESF), jeħtieġlu jittejjeb u jiġi sfruttat kompletament. Dan ir-rwol ewlieni se jkun jeħtieġlu jibqa' quddiem għajnejna fid-dibattitu dwar il-perspettivi finanzjarji tal-ġejjieni għall-2007-2013.

- Jiżviluppaw aktar l-indikaturi komuni u jtejbu s-sorsi tat-tagħrif : Minkejja t-titjib fl-indikaturi u l-kapaċità statistika tal-bażi, b'mod speċjali permezz tat-tnedija ta' l-Istatistika tal-Komunità dwar l-Introjtu u l-Kundizzjonijiet ta' Għixien (EU-SILC), għadhom jeżistu lakuni fid-disponibbiltà f'waqtha u r-rilevanza tat-tagħrif, ħaġa li ttellef l-analiżi komparattiva. B'mod partikolari, hemm bżonn li tinftiehem aħjar in-natura multi-dimensjonali ta' l-esklużjoni soċjali u l-faqar.

3. IL-PENSJONIJIET U X-XJUħIJA ATTIVA

3.1. L-isfida għas-sostenibbiltà u l-adegwatezza tas-sistemi tal-pensjoni

L-Istati Membri ilhom li għarfu l-konsegwenzi tal-bidliet demografiċi fuq is-sistemi kontributorji tal-pensjonijiet tagħhom, u issa qed jintebħu wkoll bl-isfidi li dan il-bidliet demografiċi jqajmu għal skemi kapitalizzati tal-pensjonijiet. Dan iġib miegħu l-ħtieġa ta' riformi kredibbli sabiex jiġu żgurati benefiċċji fil-ġejjieni b'mod li jkun finanzjarjament sostenibbli. Fil-kuntest ta' l-istrateġija ta' Liżbona, l-OMC fuq il-pensjonijiet ġiet żviluppata sabiex tippromwovi dawn it-tipi ta' sforzi għar-riforma ċċentrata fuq tliet linji komuni ta' mira: l-adegwatezza, is-sostenibbiltà finanzjarja u l-immodernizzar sabiex jintlaqa' għall-bidliet fis-soċjetà.

L-ewwel Rapport Konġunt fuq il-pensjonijiet adegwati u sostenibbli wera li l-parti l-kbira mill-Istati Membri UE15 diġà għamlu progress apprezzabbli fit-trażżin ta' xejriet futuri fl-infiq fuq il-pensjonjiet pubbliċi. Minn dakinhar 'l hawn, għadd ta' Stati Membri adottaw aktar riformi. Il-fażi li jmiss ta' rapporti dwar l-istrateġiji nazzjonali se jerġa' jevlwa l-progress li sar, inkluż fl-Istati Membri UE10.

Ir-Rapport Konġunt saħaq fuq il-fatt li s-sostenibbiltà u l-adegwatezza ma jistgħux jinfirdu minn xulxin. Sistemi tal-pensjonijiet tal-ġejjieni jistgħu (jkomplu) jipprovdu pensjonijiet adegwati biss jekk ikunu finanzjarjament sostenibbli u jekk ikunu adattati kif imiss għall-kuntest soċjali li qed jitbiddel; bil-maqlub, jekk is-sistemi ta' pensjoni ma jirnexxilhomx jagħtu dħul adegwat lil dawk li jkunu irtiraw mix-xogħol, tiżdied l-ispiża addizzjonali, pereżempju fis-sura ta' infiq miżjud fuq l-għajnuna soċjali. Sfida kbira se tkun, allura, dik li tintlaħaq is-sostenibbiltà finanzjarja filwaqt li tibqa' bla mittiefsa l-adegwatezza.

Ir-rapport konġunt innota li ħafna riformi mmirati lejn it-trażżin ta' żidiet fl-infiq fil-ġejjieni ukoll inkludew miżuri biex iwarrbu l-faqar billi jsaħħu l-garanziji ta' dħul minimu għax-xjuħ. Xi wħud mir-riformi se jissarrfu fi tnaqqis apprezzabbli fir-rati ta' sostituzzjoni mill-iskemi statutorji tal-pensjoni, li jista' jkollu implikazzjonijiet ta' problemi kbar ta' adegwatezza fil-ġejjieni biss jekk l-Istati Membri ma jirrispondux billi jħeġġu lin-nies biex jirtiraw ta' età akbar u billi jagħmlu aktar aċċessibbli skemi supplementari ta' pensjoni.

3.2. Żewġ reazzjoniiet politiċi ewlenin: ħajjiet attivi itwal u żieda fil-provvista privata

L-immodernizzar ta' sistemi ta' ħarsien soċjali jista' jippromwovi l-irtirar f'età akbar. Importanti li l-pensjonijiet jitħallsu qabel l-età normali ta' l-irtirar jew qabel ma tkun mitmuma karriera standard ta' xogħol biss lil dawk il-persuni li tassew ma jkunux aktar kapaċi jaqilgħu l-għixien tagħhom jew li jkunu aċċettaw tnaqqis attawarju tal-pensjoni tagħhom. Fl-istess ħin, is-sistemi tal-pensjoni għandhom joffru opportunitajiet biex dak li jkun jaqla' drittijiet tal-pensjoni ogħla billi jdum jaħdem aktar fit-tul. B'hekk, iż-żieda fl-età effettiva ta' l-irtirar tirrapreżenta l-istrument ewlieni biex jiġu rrikonċiljati l-adegwatezza u s-sostenibbiltà finanzjarja.

Studju li sar mill-Kumitat għall-Programm ta' l-Istatistika (SPC) wera li l-modi ewlenin għall-waqfien bikri mix-xogħol – b'mod partikolari, skemi ta' rtirar bikri, benefiċċji tal-qgħad u benefiċċji ta' l-invalidità – qed jiġu riveduti kritikament fil-parti l-kbira ta' l-Istati Membri. Fl-istess ħin, qed jiġu offruti aktar opportunitajiet biex il-pensjonanti jdaħħlu introjtu akbar, billi jingħataw żiedet fil-pensjoni bi tpattija għall-posponiment ta' l-irtirar jew billi tingħata l-possibiltà li l-qligħ mix-xogħol jiżdied fuq il-pensjoni (irtirar gradwali jew xogħol sekondarju wara l-irtirar). Madankollu, għad baqa' ħafna riformi xi jsiru f'bosta mill-Istati Membri.

L-SPC qed jeżamina wkoll ir-rwol tal- provvista privata ta' pensjonijiet. Il-biċċa l-kbira mill-Istati Membri jipprevedu li l-provvista privata, permezz ta' skemi okkupazzjonali jew personali, jkollha rwol aktar importanti fil-ġejjieni, għalkemm l-iskemi pubbliċi se jibqgħu l-iktar sorsi ta' dħul importanti għall-pensjonanti fil-parti l-kbira ħafna mill-pajjiżi. Il-provvista privata tista' żżid il-kumplessità tas-sistemi tal-pensjoni, sew fuq livell globali kif ukoll fuq dak individwali. Dan se jirrikjedi l-iżvilupp ta' sistemi komprensivi ta' informazzjoni u monitoraġġ, b'tali mod li tiġi ċċarata r-rabta bejn il-provvista privata u l-finanzi pubbliċi, b'mod speċjali permezz ta' kif isir l-intaxxar ta' l-iskemi privati, u l-interazzjoni bejn il-benefiċċji tal-pensjonijiet privati u l-garanziji pubbliċi ta' dħul għall-pensjonanti. L-informazzjoni hija wkoll vitali għall-individwi, għax tħallihom jieħdu deċiżjonijiet diffiċli li jkollhom konsegwenzi fit-tul fuq id-dħul u l-istandard ta' l-għixien tagħhom.

3.3. L-Immodernizzar tas-sistemi tal-pensjoni

Pensjonijiet adegwati u ġusti għal kulħadd jintlaħqu biss jekk l-iskemi tal-pensjonijiet ikunu adattati għall-bżonnijet dejjem jevolvu ta' l-individwi. Jeħtiġilhom iqisu id-diversità akbar ta' mudelli ta' impjieg u x-xewqa għal aktar tqarrib lejn l-ugwaljanza bejn is-sessi. Barra minn hekk, jridu jitqiesu wkoll temi ta' ggvernar, b'mod partikolari l-bżonn li r-riformi jissejsu fuq tagħrif sod u kunsens solidu.

L-immodernizzar tal-pensjonijiet u, b'mod aktar ġenerali, tas-sistemi tal-ħarsien soċjali, jrid ukoll jinftiehem bħala element kruċjali sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta' l-istrateġija ta' Liżbona. Ir-rispons għall-isfidi tax-xjuħija jirrikjedu ħarsa mill-ġdid lejn il-mudelli tradizzjonali taċ-ċiklu tal-ħajja, bid-distinzjonijiet bejn fażijiet iddedikati għat-tagħlim, ix-xogħol u l-kura jsiru dejjem anqas ċari. Is-sistemi tal-ħarsien soċjali jridu jaħsbu għal tibdiliet bħal dawn, u jippermettu u jħeġġu lin-nies biex jieħdu kemm jistgħu vantaġġ mill-opportunitajiet iġġenerati minn ekonomija dinamika u suq ta' l-impjiegi.

4. MESSAġġI POLITIċI EWLENIN

- It-titjib fl-adegwatezza tal-ħarsien soċjali huwa essenzjali għat-tkabbir u l-impjiegi, kif ukoll għall-għaqda soċjali. L-estensjoni tas-snin tax-xogħol u t-tkabbir tal-livelli ta' l-impjiegi għandhom jibqgħu muturi ewlenin għall-imodernizzar tal-ħarsien soċjali. Bil-maqlub, billi jirrispondu għall-bżonnijiet ta' l-individwi hekk kif jevolvu matul iċ-ċiklu tal-ħajja, is-sistemi tal-ħarsien soċjali jħaffu l-immaniġġjar ta' riskji ġodda.

- Fuq il-livell ta' l-UE, it-twessigħ għall-kura tas-saħħa u l-issimplifikar tal-proċessi kollha tal-ħarsien soċjali u ta' l-inklużjoni soċjali fl-2006 għandu jiġi utilizzat biex isir aktar enfażi fuq l-implimentazzjoni u s-sinerġiji fil-qasam kollu kemm hu. Dan għandu jsir filwaqt li tiġi rrispettata l-ispeċifiċità ta' kull tema – l-inklużjoni, il-pensjonijiet, is-saħħa u l-kura fit-tul – fi ħdan l-OMC għall-ħarsien soċjali.

- Fil-qasam ta' l-inklużjoni soċjali, ir-riżultati li nkisbu sal-lum jagħtu ħjiel li hemm lok sew għall-perseveranza kif ukoll għall-ambizzjoni. Il-perseveranza se tkun meħtieġa, għaliex l-attakk fuq l-għeruq tal-faqar u l-esklużjoni se jirrikjedi sforz konċertat lil hinn mill-2010; l-ambizzjoni, għax il-proċess ta' azzjoni kollettiva minn dawk kollha li huma kkonċernati fl-UE kollha issa huwa ankrat fis-sod.

- Filwaqt li miżuri għall-inklużjoni soċjali jridu jiġu adattati għad-diversità ta' sfidi fl-Istati Membri, ir-rekwiżit ewlieni għal strateġiji multidimensjonali jibqa' prijoritarju. Ix-xogħol li sar sal-lum jikkonferma r-rilevanza ta' ħafna prijoritajiet politiċi ewlenin. Il-konċentrazzjoni fuq dawn għandha tgħin biex jiġu indirizzati l-iktar temi urġenti, bħat-twarrib tal-faqar tat-tfal, is-sostenn tal-kapaċità għall-kura li għandhom il-familji, l-għelbien tan-nuqqas ta' ugwaljanza bejn is-sessi, ħidma kontra l-fenomenu ta' nies bla saqaf fuq rashom u l-ftuħ ta' rotot ġodda għall-integrazzjoni tal-minoritajiet etniċi u l-immigrati.

- Il-proċess ta' evalwazzjoni li jmiss, li għandu jsir fl-2005, għandu jiffoka fuq it-twettiq sabiex issir it-tħejjija għal ċiklu ġdid ta' l-OMC wara l-2006. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom iqisu b'mod parikolari kif l-istrateġiji nazzjonali jistgħu jsiru aktar effettivi permezz ta' miri, punti ta' riferiment għat-twettiq u indikaturi, rbit aħjar ma' miżuri ekonomiċi u ta' l-impjiegi, monitoraġġ effettiv u mezzi ta' evalwazzjoni u l-użu tal-fondi strutturali, inkluż il-Fond Soċjali Ewropew. Għandha ssir reviżjoni wkoll ta' kemm l-istrateġiji nazzjonali rnexxielhom jinvolvu lil-livelli lokali u reġjonali tal-gvern, l-imsieħba soċjali u oħrajn li huma kkonċernati, u jkabbru l-għarfien ġenerali dwar it-tema kritika tal-faqar u l-esklużjoni soċjali.

- Li n-nies jitreġġgħu lura lejn l-impjiegi, li l-ħaddiema jinżammu fl-impjieg tagħhom, li tiżdied il-kapaċità ta' individwi għall-impjieg u l-parteċipazzjoni fis-suq ta' l-impjiegi huma ta' importanza ewlenija sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta' kompetittività, impjiegi u inklużjoni soċjali ta' l-istrateġija ta' Liżbona. Din ta' l-aħħar għad għandha quddiemha sfidi enormi f'Unjoni mwessgħa, fid-dawl tal-qagħda ta' dawk li huma l-aktar esklużi mis-suq ta' l-impjiegi. Fuq il-bażi ta' dak sar magħruf mill-OMC dwar l-inklużjoni u mill-Istrateġija Ewropea għall-Impjiegi, fl-2005 l-Kummissjoni għandha tikkonsulta ma' l-imsieħba soċjali, l-Istati Membri u dawk kollha li huma kkonċernati dwar jekk tistax tkun meħtieġa u kif tista' tittieħed aktar azzjoni fuq il-livell ta' l-UE sabiex jingħelbu dawk l-isfidi.

- Fil-qasam tal-pensjonijiet, iż-żamma fl-impjieg ta' ħaddiema li huma akbar fl-età hija sfida ewlenija fl-Unjoni Ewropea kollha kemm hi. Għandha tingħata prijorità fil-proċess ta' riforma sabiex jiġu żgurati għall-ġejjieni l-adegwatezza u s-sostenibbiltà finanzjarja tas-sistemi tal-pensjoni. Iż-żieda fil-għomor se tirrikjedi żieda fl-etajiet għall-ħruġ mis-suq ta' l-impjiegi, li ġġib magħha t-tneħħija progressiva ta' għadd ta' inċentivi għall-irtirar bikri. L-Istati Membri għandhom jevalwaw ir-rwol tas-sistemi tal-ħarsien soċjali fil-promozzjoni ta' ħajjiet itwal ta' xogħol.

[1] Ara l-proposta tal-Kummissjoni għal diskussjoni fil-fond dwar il-migrazzjoni ekonomika li dehret f'KUMM(2004)881, " Green Paper fuq il-perspettiva ta' l-UE dwar l-immaniġġar ta' l-immigrazzjoni ekonomika".

Top