Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32026R1913

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2026/1913 tal-31 ta’ Lulju 2026 dwar miżura eċċezzjonali temporanja ta’ distillazzjoni ta’ kriżi għall-indirizzar tad-disturb fis-suq fis-settur tal-inbid fil-Ġermanja fis-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2026/2027

C/2026/5537

ĠU L, 2026/1913, 3.8.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2026/1913/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2026/1913/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/1913

3.8.2026

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/1913

tal-31 ta’ Lulju 2026

dwar miżura eċċezzjonali temporanja ta’ distillazzjoni ta’ kriżi għall-indirizzar tad-disturb fis-suq fis-settur tal-inbid fil-Ġermanja fis-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2026/2027

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 219(1) flimkien mal-Artikolu 228 tiegħu,

Billi:

(1)

Is-suq tal-inbid tal-Unjoni ilu jiffaċċja diffikultajiet minħabba t-tnaqqis mgħaġġel fil-konsum fl-Unjoni u fis-swieq ewlenin ta’ pajjiżi terzi, l-inċertezzi dejjem jikbru kkawżati mis-sitwazzjoni ġeopolitika u ekonomika u t-tibdil fil-klima li jaffettwa l-produzzjoni. L-inbejjed ħomor u rożè f’xi reġjuni produtturi huma l-aktar affettwati.

(2)

Fiż-żoni Ġermaniżi tal-vitikultura ta’ Württemberg u Rheinhessen, l-evidenza disponibbli turi tnaqqis kbir fil-bejgħ u fil-prezzijiet tas-suq ta’ nbejjed ta’ kwalità b’denominazzjoni ta’ oriġini protetta, flimkien ma’ żieda drastika fil-kostijiet tal-produzzjoni (input, enerġija, pagi minimi), li jindika kriżi tas-suq li qed taffettwa lill-operaturi.

(3)

Il-volum ta’ nbejjed ħomor sottomessi għaċ-ċertifikazzjoni tal-inbid ta’ kwalità f’dawk iż-żewġ żoni, li huwa indikatur leali tal-volum ta’ nbid b’denominazzjoni ta’ oriġini protetta introdott fis-suq, naqas b’aktar minn 25 % f’Württemberg fl-2026, u b’25 % f’Rheinhessen fl-2025, meta mqabbel mal-medja tal-perjodu preċedenti ta’ 5 snin, u b’hekk segwa x-xejra ta’ tnaqqis tas-sena ta’ qabel. Xejriet simili huma osservati għall-inbid rożè li għalih, skont l-aktar data aġġornata disponibbli, il-bejgħ akkumulat fis-suq ta’ nbejjed b’denominazzjoni ta’ oriġini protetta naqas bi 19 % fl-2026 f’Württemberg u b’25 % fir-reġjun tal-vitikultura ta’ Rheinhessen fl-2025, meta mqabbel mal-medja tal-5 snin ta’ qabel. B’mod ġenerali, it-tnaqqis fiċ-ċertifikazzjoni kien ħafna akbar mit-tnaqqis fil-produzzjoni tal-inbid meta mqabbel mas-sena ta’ qabel, li jista’ jkun mistenni li żied aktar l-istokkijiet.

(4)

L-impatt ta’ din is-sitwazzjoni kien tnaqqis fil-prezzijiet tas-suq fiż-żewġ reġjuni. F’Rheinhessen, il-prezzijiet tal-inbejjed ħomor u rożè fl-2026 kienu rispettivament taħt is-27 % u d-29 % tal-medja tal-5 snin ta’ qabel (2021–2025). L-inbid aħmar tal-varjetà tal-għeneb Dornfelder, preżenti l-aktar fiż-żona tal-vitikultura ta’ Rheinhessen, ġie affettwat b’mod partikolari bi tnaqqis ta’ 37,5 %. F’Württemberg, il-prezzijiet medji għall-inbejjed ħomor u rożè jsegwu l-istess xejriet ta’ dawk ta’ Rheinhessen. Fl-2026 (Jannar-Mejju), il-prezzijiet medji rreġistrati tal-btieti huma 70 ċenteżmu/L u 60 ċenteżmu/L għall-inbejjed ħomor u rożè b’DOP rispettivament.

(5)

Meta wieħed iqis is-sitwazzjoni kurrenti tas-suq, il-volum żejjed tal-istokkijiet ta’ nbejjed ħomor u rożè f’dawk ir-reġjuni huwa stmat li huwa ta’ madwar 0,24 miljun ettolitru. It-tneħħija ta’ dan il-volum ta’ nbid f’Württemberg u Rheinhessen se tippermetti lill-Ġermanja tindirizza l-iżbilanċ tas-suq fis-segmenti tas-suq l-aktar milquta tal-inbejjed ħomor u rożè għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2026/2027 u tipprevjeni li d-disturbi kurrenti jinbidlu fi kriżi aktar severa jew imtawla u jinfirxu għas-swieq tal-inbid ta’ Stati Membri oħra.

(6)

Biex jiġi evitat kwalunkwe abbuż jew kumpens żejjed wara l-implimentazzjoni ta’ din il-miżura eċċezzjonali, id-distillazzjoni se tkun immirata esklużivament lejn l-inbejjed ħomor u rożè b’denominazzjoni ta’ oriġini protetta, li huma l-inbejjed li l-aktar jikkawżaw żbilanċ fis-suq fiż-żewġ reġjuni tal-vitikultura, u l-ammont ta’ kumpens li se jiġi stabbilit għall-inbid irtirat mis-suq se jkun ferm inqas mill-prezzijiet tas-suq riċenti rilevanti. Il-Ġermanja tikkunsidra li livell ta’ kumpens ta’ EUR 59 għal kull ettolitru għall-inbid kollu distillat (aħmar u rożè) jippermetti t-tneħħija ta’ 0,24 miljun ettolitru ta’ dawk l-inbejjed. Meta wieħed iqis li l-istima tal-kost tal-operazzjonijiet ta’ trasport u ta’ distillazzjoni hija ta’ EUR 16 għal kull ettolitru u li dan il-kost huwa inkluż fl-EUR 59 kull ettolitru, il-ħlas għall-irtirar tal-inbid ikun ta’ madwar 65 % tal-prezz medju tas-suq tal-inbid aħmar u rożè tad-DOP ġenerali rreġistrat fiż-żewġ reġjuni fl-2026.

(7)

Il-Ġermanja ddikjarat in-nuqqas ta’ kapaċità tagħha li tneħħi l-volum żejjed ta’ nbejjed ħomor u rożè mis-suq b’pagamenti nazzjonali kif previst fl-Artikolu 216 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Kwalunkwe miżura oħra disponibbli skont dak ir-Regolament tidher li ma hijiex biżżejjed jew li ma hijiex adattata biex tindirizza l-iżbilanċ kurrenti tas-suq fis-suq Ġermaniż. Għalhekk, huwa pertinenti li r-riżerva għall-agrikoltura tintuża biex tiġi implimentata distillazzjoni ta’ kriżi mmirata fil-Ġermanja, limitata għar-reġjuni tal-vitikultura ta’ Württemberg u Rheinhessen. Il-Ġermanja biħsiebha wkoll tipprevedi intervent ta’ qlugħ tad-dwieli skont il-Pjan Strateġiku tal-PAK tagħha, li ġie kkunsidrat fil-valutazzjoni tal-ħtieġa u l-proporzjonalità tad-distillazzjoni ta’ kriżi mmirata prevista minn dan ir-Regolament.

(8)

Biex tiġi evitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni, l-użu tal-alkoħol miksub jenħtieġ li ma jkunx permess għall-industrija tal-ikel u x-xorb u jkun limitat għal skopijiet industrijali, inklużi skopijiet ta’ diżinfezzjoni, farmaċewtiċi u enerġetiċi.

(9)

Jenħtieġ li l-Ġermanja tikkomunika lill-Kummissjoni informazzjoni dettaljata dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, biex l-Unjoni tkun tista’ tissorvelja l-effiċjenza tal-miżura introdotta fih.

(10)

Is-sitwazzjoni kurrenti tas-suq fil-Ġermanja teħtieġ intervent rapidu b’effett immedjat fuq is-suq sabiex jiġi evitat li d-disturbi jinfirxu għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni li ġejja. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġu żgurati monitoraġġ f’waqtu tal-baġit kif ukoll segwitu aġġornat u użu effiċjenti tar-riżerva għall-agrikoltura, u b’hekk tiġi massimizzata d-disponibbiltà tagħha u tissaħħaħ il-kapaċità ta’ rispons fil-pront għall-kriżijiet emerġenti. Għalhekk, l-Unjoni jenħtieġ li tiffinanzja n-nefqa mġarrba mill-Ġermanja biex timplimenta l-miżura prevista f’dan ir-Regolament biss jekk tali nefqa ssir sa ċerta data ta’ eliġibbiltà. Għalhekk, l-appoġġ għal din il-miżura eċċezzjonali jenħtieġ li jitħallas sal-31 ta’ Mejju 2027. Kwalunkwe pagament li jsir wara d-data tal-eliġibbiltà jenħtieġ li jitqies ineliġibbli għall-finanzjament tal-Unjoni.

(11)

Peress li l-ebda pagament li jsir wara l-31 ta’ Mejju 2027 ma jrid jitqies eliġibbli fl-ebda ċirkostanza, l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/127 (2), li jipprevedi tnaqqis proporzjonali tal-pagamenti ta’ kull xahar li jsiru wara l-iskadenza, ma jridx japplika.

(12)

Biex jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istat Membru li japplika l-miżura eċċezzjonali ta’ distillazzjoni ta’ kriżi jridu jwettqu kontrolli biex jivverifikaw il-konformità mal-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament.

(13)

Għal raġunijiet imperattivi ta’ urġenza, meta wieħed iqis id-disturb fis-suq li jinsab għaddej kif ukoll il-ħin qasir disponibbli għall-Ġermanja biex tibda timplimenta l-miżura inkluża f’dan ir-Regolament qabel il-ħsad li ġej fl-2026, huwa meħtieġ li tittieħed azzjoni immedjata u jitneħħa l-eċċess tal-provvista mis-suq mill-aktar fis possibbli biex jiġi evitat aktar deterjorament tal-iżbilanċ tas-suq. Id-dewmien tal-azzjoni jista’ jwassal għal riskju li titnaqqas l-effikaċja tagħha biex tistabbilizza s-suq tal-inbid Ġermaniż.

(14)

Fid-dawl ta’ dawk ir-raġunijiet imperattivi ta’ urġenza, dan ir-Regolament jenħtieġ li jiġi adottat skont il-proċedura ta’ urġenza stabbilita fl-Artikolu 228 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

(15)

Fid-dawl tal-ħtieġa li tittieħed azzjoni immedjata, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Finanzjament tal-Unjoni u pagamenti nazzjonali

1.   L-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni li jammonta għal EUR 14 160 000 għandu jkun disponibbli għall-Ġermanja biex jappoġġa l-miżura eċċezzjonali ta’ distillazzjoni ta’ kriżi prevista fl-Artikolu 2 skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament.

2.   L-appoġġ finanzjarju msemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi allokat abbażi ta’ kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji u jiżgura li l-pagamenti li jirriżultaw ma jikkawżaw l-ebda distorsjoni tas-suq jew tal-kompetizzjoni.

3.   In-nefqa mġarrba mill-Ġermanja msemmija fil-paragrafu 1 u marbuta mal-pagamenti għall-miżura msemmija fl-Artikolu 2 għandha tkun eliġibbli għall-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni biss jekk dawk il-pagamenti jkunu saru sal-31 ta’ Mejju 2027.

Artikolu 2

Distillazzjoni ta’ kriżi tal-inbid temporanja

1.   Jista’ jingħata appoġġ għad-distillazzjoni ta’ nbejjed ħomor u rożè protetti minn denominazzjoni ta’ oriġini u prodotti fir-reġjuni tal-vitikultura ta’ Württemberg u Rheinhessen fit-territorju tal-Ġermanja.

2.   L-alkoħol li jirriżulta mid-distillazzjoni appoġġata msemmija fil-paragrafu 1 għandu jintuża esklużivament għal skopijiet industrijali, inklużi skopijiet ta’ diżinfezzjoni, farmaċewtiċi jew ta’ enerġija sabiex tiġi evitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni.

3.   Il-benefiċjarji tal-appoġġ imsemmi fil-paragrafu 1 għandhom ikunu intrapriżi tal-inbid li jipproduċu jew li jikkummerċjalizzaw il-prodotti tad-dwieli msemmija fl-Anness VII, il-Parti II, tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, organizzazzjonijiet tal-produtturi tal-inbid, kooperattivi tal-inbid, assoċjazzjonijiet ta’ żewġ produtturi jew aktar jew distillaturi tal-prodotti tad-dwieli.

4.   Huma biss il-kostijiet tal-provvista tal-inbid lid-distillaturi u tad-distillazzjoni ta’ dan l-inbid li għandhom ikunu eliġibbli għall-appoġġ. It-taxxa fuq il-valur miżjud ma għandhiex tkun eliġibbli għall-appoġġ. L-inbid li għandu jiġi ddistillat skont din il-miżura għandu jkun konformi mar-rekwiżiti li għandhom jiġu kkummerċjalizzati fl-Unjoni.

5.   Il-Ġermanja tista’ tistabbilixxi kriterji ta’ prijorità għall-benefiċjarji ta’ din il-miżura. Tali kriterji ta’ prijorità għandhom ikunu oġġettivi u mhux diskriminatorji.

6.   Il-Ġermanja tista’ tipprovdi sa 80 % tal-appoġġ għal operazzjoni partikolari ta’ distillazzjoni ta’ kriżi, koperta minn applikazzjoni għal appoġġ aċċettata skont dan l-Artikolu, biex jingħata bil-quddiem lill-benefiċjarji, dment li l-benefiċjarju jkun iddepożita garanzija bankarja jew sigurtà ekwivalenti, mill-inqas ugwali għall-ammont ta’ dak l-avvanz, favur il-Ġermanja. Biex din l-operazzjoni tkun eliġibbli, il-pagament finali ta’ appoġġ għandu jsir qabel id-data msemmija fl-Artikolu 1(3).

7.   Il-Ġermanja għandha tistabbilixxi regoli dwar il-proċedura ta’ applikazzjoni għall-appoġġ imsemmi fil-paragrafu 1 u dwar il-kontroll tal-miżura, inkluż regoli dwar:

(a)

il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jistgħu jissottomettu l-applikazzjonijiet;

(b)

is-sottomissjoni u l-għażla tal-applikazzjonijiet, li għandhom jinkludu mill-inqas l-iskadenzi għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet, għall-eżami tal-adegwatezza ta’ kull operazzjoni proposta u għan-notifika tar-riżultati tal-proċedura tal-għażla lill-operaturi;

(c)

il-verifika tal-konformità mad-dispożizzjonijiet dwar il-prodotti eliġibbli u l-kostijiet imsemmija fil-paragrafu 4 u l-kriterji ta’ prijorità, meta jiġu applikati l-kriterji ta’ prijorità;

(d)

l-għażla tal-applikazzjonijiet, li għandha tal-anqas tkun tinkludi l-ponderazzjoni attribwita għal kull kriterju ta’ prijorità, meta jiġu applikati l-kriterji ta’ prijorità;

(e)

arranġamenti għall-ħlas tal-avvanzi u l-għoti ta’ garanziji;

(f)

il-monitoraġġ u l-kontroll tal-operazzjonijiet ta’ distillazzjoni, l-eliġibbiltà tal-inbejjed distillati u l-użu tal-alkoħol prodott.

8.   Il-Ġermanja għandha tiffissa l-ammont ta’ appoġġ lill-benefiċjarji abbażi ta’ kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji. L-ammont ta’ appoġġ ma għandux ikun ogħla minn EUR 59 għal kull ettolitru.

Artikolu 3

Notifiki u kontrolli

1.   Sal-31 ta’ Lulju 2027, il-Ġermanja għandha tinnotifika lill-Kummissjoni b’dan li ġej:

(a)

il-kwantitajiet ta’ nbid irtirati mis-suq għal kull reġjun u tip ta’ nbid eliġibbli, iddettaljati skont il-kulur;

(b)

il-volumi ta’ alkoħol prodotti mill-inbid ikkonsenjat u distillat f’konformità ma’ dan ir-Regolament;

(c)

l-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni mogħti f’konformità mal-Artikolu 1(1).

2.   In-notifika lill-Kummissjoni msemmija f’dan l-Artikolu għandha ssir f’konformità mar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1183 (3).

3.   Fir-rigward tad-distillazzjoni eċċezzjonali ta’ kriżi prevista f’dan ir-Regolament, l-awtoritajiet kompetenti tal-Ġermanja għandhom iwettqu kontrolli amministrattivi u fuq il-post f’konformità mal-Artikoli 59 u 60 tar-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), biex jivverifikaw l-eliġibbiltà tal-inbejjed u l-ħarsien tal-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti applikabbli kollha għall-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ distillazzjoni ta’ kriżi.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Lulju 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1308/oj.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/127 tas-7 ta’ Diċembru 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’regoli dwar l-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħrajn, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni tal-kontijiet, il-garanziji u l-użu tal-euro (ĠU L 20, 31.1.2022, p. 95, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2022/127/oj).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1183 tal-20 ta’ April 2017 li jissupplimenta r-Regolamenti (UE) Nru 1307/2013 u (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tan-notifiki lill-Kummissjoni ta’ informazzjoni u dokumenti (ĠU L 171, 4.7.2017, p. 100, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2017/1183/oj).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 (ĠU L 435, 6.12.2021, p. 187, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/2116/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2026/1913/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top