Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32026R0083

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2026/83 tal-4 ta’ Diċembru 2025 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2016/1675 biex il-Bolivja u l-Gżejjer Verġni Brittaniċi jiżdiedu mal-lista ta’ pajjiżi terzi b’riskju kbir li pprovdew impenn politiku ta’ livell għoli bil-miktub biex jindirizzaw in-nuqqasijiet identifikati u żviluppaw pjan ta’ azzjoni mal-FATF, u biex il-Burkina Faso, il-Mali, il-Mozambique, in-Niġerja, l-Afrika t’Isfel u t-Tanzanija jitneħħew minn dik il-lista

C/2025/8460

ĠU L, 2026/83, 9.1.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2026/83/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2026/83/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/83

9.1.2026

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/83

tal-4 ta’ Diċembru 2025

li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2016/1675 biex il-Bolivja u l-Gżejjer Verġni Brittaniċi jiżdiedu mal-lista ta’ pajjiżi terzi b’riskju kbir li pprovdew impenn politiku ta’ livell għoli bil-miktub biex jindirizzaw in-nuqqasijiet identifikati u żviluppaw pjan ta’ azzjoni mal-FATF, u biex il-Burkina Faso, il-Mali, il-Mozambique, in-Niġerja, l-Afrika t’Isfel u t-Tanzanija jitneħħew minn dik il-lista

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Unjoni hija obbligata li tipproteġi b’mod effettiv l-integrità u l-funzjonament xieraq tas-sistema finanzjarja tagħha u tas-suq intern mill-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Id-Direttiva (UE) 2015/849 tipprevedi li l-Kummissjoni għandha tidentifika ġuriżdizzjonijiet ta’ pajjiżi terzi li għandhom nuqqasijiet strateġiċi fir-reġimi nazzjonali tagħhom tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (AML/CFT) li joħolqu theddid sinifikanti għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni (“pajjiżi terzi b’riskju kbir”).

(2)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1675 (2) jidentifika l-pajjiżi terzi b’riskju kbir u li għandhom nuqqasijiet strateġiċi.

(3)

Minħabba l-livell għoli ta’ integrazzjoni tas-sistema finanzjarja internazzjonali, ir-rabta stretta tal-operaturi tas-suq, il-volum għoli ta’ tranżazzjonijiet transfruntiera lejn jew mill-Unjoni, u l-livell ta’ ftuħ tas-suq, kwalunkwe theddida tal-AML/CFT fuq is-sistema finanzjarja internazzjonali hija wkoll theddida għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni.

(4)

F’konformità mal-Artikolu 9(4) tad-Direttiva (UE) 2015/849, il-Kummissjoni qieset l-informazzjoni reċenti disponibbli, b’mod partikolari d-dikjarazzjonijiet pubbliċi tat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja (FATF) li saru f’Ġunju u f’Ottubru 2025, il-lista tal-FATF ta’ “Ġurisdizzjonijiet taħt Monitoraġġ Miżjud”, u r-rapporti tal-FATF tal-Grupp ta’ Rieżami tal-Kooperazzjoni Internazzjonali dwar ir-riskji ppreżentati minn pajjiżi terzi u ġuriżdizzjonijiet individwali.

(5)

Il-FATF aġġornat il-lista tagħha ta’ “Ġurisdizzjonijiet taħt Monitoraġġ Miżjud”. Fil-laqgħat plenarji tagħha f’Ġunju u f’Ottubru 2025, il-FATF żiedet il-Bolivja u l-Gżejjer Verġni Brittaniċi ma’ dik il-lista, u neħħiet lill-Burkina Faso, il-Mali, il-Mozambique, in-Niġerja, l-Afrika t’Isfel u t-Tanzanija minn dik il-lista.

(6)

Il-Bolivja ħadet impenn politiku ta’ livell għoli f’Ġunju 2025 biex taħdem mal-FATF u l-Grupo de Acción Financiera de Latinoamérica (GAFILAT), li huwa l-korp reġjonali tagħha tal-istil tal-FATF (FSRB), biex issaħħaħ l-effettività tar-reġim tal-AML/CFT tagħha. Minn meta ġie adottat ir-rapport ta’ evalwazzjoni reċiproka (MER, mutual evaluation report) tagħha f’Diċembru 2023, il-Bolivja għamlet progress sinifikanti f’ċerti azzjonijiet rakkomandati fl-MER, inkluż it-tisħiħ tal-fehim tar-riskju tagħha dwar il-ħasil tal-flus (ML, money laundering) u l-finanzjament tat-terroriżmu (TF, terrorism financing); it-tisħiħ tal-produzzjoni u t-tixrid ta’ intelligence finanzjarja operazzjonali u strateġika; it-tisħiħ tal-qbid u l-konfiska ta’ rikavat mill-kriminalità; żieda fil-kapaċità għall-investigazzjoni ta’ reati tat-TF; u t-titjib fil-proċess tagħha biex timplimenta sanzjonijiet finanzjarji mmirati fuq il-finanzjament tat-TF u finanzjament tal-proliferazzjoni (PF, proliferation financing). Il-Bolivja ser tkompli taħdem mal-FATF biex timplimenta l-pjan ta’ azzjoni tagħha tal-FATF billi tiżgura li fl-investigazzjonijiet tal-ML ikunu jistgħu jintużaw tekniki investigattivi speċjali rilevanti; l-implimentazzjoni ta’ superviżjoni bbażata fuq ir-riskju ta’ aġenti tal-proprjetà immobbli, avukati, kontabilisti u negozjanti ta’ metalli u ħaġar prezzjużi (DPMS); l-iżgurar li l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja tkun preċiża u aġġornata u li l-ksur tal-obbligi relatati jiġi sanzjonat; u ż-żieda fl-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet tal-ML. Filwaqt li tirrikonoxxi u tilqa’ l-impenn u l-progress li sar s’issa mill-Bolivja, u tinkoraġġixxi aktar sforzi, il-Kummissjoni tqis li l-Bolivja għadha ma indirizzatx bis-sħiħ in-nuqqasijiet strateġiċi li wasslu għaż-żieda tagħha mal-lista tal-FATF ta’ “Ġuriżdizzjonijiet taħt Monitoraġġ Miżjud”. Għalhekk, jenħtieġ li l-Bolivja titqies bħala pajjiż terz b’riskju kbir.

(7)

Il-Gżejjer Verġni Brittaniċi ħadu impenn politiku ta’ livell għoli f’Ġunju 2025 biex jaħdmu mal-FATF u t-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja tal-Karibew (CFATF), li hija l-FSRB tagħhom, biex tissaħħaħ l-effettività tar-reġim tal-AML/CFT tagħhom. Mill-adozzjoni tal-MER tagħha f’Novembru 2023, il-Gżejjer Verġni Brittaniċi għamlu progress sinifikanti f’ċerti azzjonijiet rakkomandati fl-MER, inkluż żieda fit-talbiet għal kooperazzjoni internazzjonali; l-istabbiliment ta’ strateġija tas-CFT u t-tisħiħ tal-proċessi analitiċi biex jiġu identifikati każijiet ta’ TF; it-twettiq ta’ valutazzjoni tar-riskju tas-settur tal-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ (NPO, non-profit organisations) u l-identifikazzjoni tal-NPOs speċifiċi f’riskju ta’ abbuż mit-TF; it-titjib tal-koordinazzjoni, is-sensibilizzazzjoni u t-taħriġ għall-implimentazzjoni ta’ sanzjonijiet finanzjarji mmirati relatati mat-TF u l-PF; u t-tisħiħ tas-superviżjoni u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta’ sanzjonijiet finanzjarji mmirati minn istituzzjonijiet finanzjarji u negozji u professjonijiet mhux finanzjarji deżinjati (DNFBPs, designated non-financial businesses and professions). Il-Gżejjer Verġni Brittaniċi se jkomplu jaħdmu mal-FATF biex jimplimentaw il-pjan ta’ azzjoni tal-FATF tagħhom billi jsaħħu s-superviżjoni bbażata fuq ir-riskju tal-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji u tal-kumpaniji (TCSPs, trust and company service providers), tan-negozji ta’ investiment u tal-fornituri ta’ servizzi tal-assi virtwali (VASPs, trust and company service providers); l-iżgurar li informazzjoni preċiża u aġġornata dwar is-sjieda benefiċjarja tkun disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti u li l-ksur tal-obbligi relatati jiġi sanzjonat; it-titjib tal-kwalità tar-rapporti ta’ attività suspetta (SARs, suspicious activity reports) u l-iżgurar li r-rappurtar ikun konformi mar-riskju; it-twettiq sistematiku ta’ investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet tal-ML f’konformità mar-riskju li joħolqu; iż-żieda fil-qbid u l-konfiska ta’ rikavat mill-kriminali; u l-operazzjonalizzazzjoni tal-qafas il-ġdid tal-ġestjoni tal-assi. Filwaqt li tirrikonoxxi u tilqa’ l-impenn u l-progress li saru s’issa mill-Gżejjer Verġni Brittaniċi, u tinkoraġġixxi aktar sforzi, il-Kummissjoni tqis li l-Gżejjer Verġni Brittaniċi għadhom ma indirizzawx bis-sħiħ in-nuqqasijiet strateġiċi li wasslu biex jiżdiedu mal-lista tal-FATF ta’ “Ġuriżdizzjonijiet taħt Monitoraġġ Miżjud”. Għalhekk, jenħtieġ li l-Gżejjer Verġni Brittaniċi jitqiesu bħala pajjiż terz b’riskju kbir.

(8)

Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Bolivja u l-Gżejjer Verġni Brittaniċi jiżdiedu mal-Anness tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1675.

(9)

Il-Kummissjoni rrieżaminat il-progress li sar mill-Burkina Faso, il-Mali, il-Mozambique, in-Niġerja, l-Afrika t’Isfel u t-Tanzanija fl-indirizzar tan-nuqqasijiet strateġiċi fir-reġimi tal-AML/CFT rispettivi tagħhom. Dawk il-ġuriżdizzjonijiet huma elenkati bħala pajjiżi terzi b’riskju kbir bir-Regolament Delegat (UE) 2016/1675.

(10)

L-FATF laqgħet il-progress sinifikanti li sar mill-Burkina Faso, il-Mali, il-Mozambique, in-Niġerja, l-Afrika t’Isfel u t-Tanzanija fit-titjib tar-reġimi tal-AML/CFT tagħhom. L-FATF innotat ukoll li dawk il-ġurisdizzjonijiet stabbilew oqfsa legali u regolatorji biex jissodisfaw l-impenji fil-pjanijiet ta’ azzjoni rispettivi tagħhom dwar in-nuqqasijiet strateġiċi identifikati mill-FATF. Għalhekk, il-FATF neħħiet lill-Burkina Faso, il-Mali, il-Mozambique, in-Niġerja, l-Afrika t’Isfel u t-Tanzanija mil-lista tagħha ta’ “Ġuriżdizzjonijiet taħt Monitoraġġ Miżjud” f’Ġunju u f’Ottubru 2025. Konsegwentement, il-Burkina Faso, il-Mali, il-Mozambique, in-Niġerja, l-Afrika t’Isfel u t-Tanzanija ma għadhomx soġġetti għall-proċess ta’ monitoraġġ tal-FATF skont il-proċess ta’ konformità globali tagħha tal-AML/CFT li għaddej bħalissa u ser ikomplu jaħdmu mal-FSRBs tagħhom biex ikomplu jsaħħu r-reġimi tal-AML/CFT tagħhom.

(11)

Il-Burkina Faso, il-Mali, il-Mozambique, in-Niġerja, l-Afrika t’Isfel u t-Tanzanija saħħew l-effettività tar-reġimi tal-AML/CFT tagħhom u indirizzaw in-nuqqasijiet tekniċi biex jissodisfaw l-impenji fil-pjanijiet ta’ azzjoni tagħhom dwar in-nuqqasijiet strateġiċi identifikati mill-FATF. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-Burkina Faso, il-Mali, il-Mozambique, in-Niġerja, l-Afrika t’Isfel u t-Tanzanija ma għadx għandhom nuqqasijiet strateġiċi fir-reġimi tal-AML/CFT tagħhom. Għalhekk huwa xieraq li l-Burkina Faso, il-Mali, il-Mozambique, in-Niġerja, l-Afrika t’Isfel u t-Tanzanija jitneħħew mill-Anness tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1675.

(12)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2016/1675 jiġi emendat kif xieraq,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1675 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri f’konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Diċembru 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2015/849/oj.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1675 tal-14 ta’ Lulju 2016 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jidentifika pajjiżi terzi b’riskju kbir b’nuqqasijiet strateġiċi (ĠU L 254, 20.9.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2016/1675/oj).


ANNESS

Fl-Anness tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1675, fil-punt I, it-tabella hija sostitwita bit-tabella li ġejja:

“Nru

Pajjiż terz b’riskju kbir

1

L-Afganistan

2

L-Alġerija

3

L-Angola

4

Il-Bolivja

5

Il-Gżejjer Verġni Brittaniċi

6

Il-Kamerun

7

Il-Kosta tal-Avorju

8

Ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo

9

Il-Haiti

10

Il-Kenja

11

Il-Laos

12

Il-Libanu

13

Monaco

14

Il-Myanmar

15

In-Namibja

16

In-Nepal

17

Is-Sudan t’Isfel

18

Is-Sirja

19

Trinidad u Tobago

20

Vanuatu

21

Il-Venezwela

22

Il-Vjetnam

23

Il-Jemen”


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2026/83/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top