Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32025R1331

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2025/1331 tad-9 ta’ Lulju 2025 li jemenda r-Regolament (UE) 2023/1803 rigward l-Istandards Internazzjonali ta’ Rapportar Finanzjarju 1, 7, 9 u 10, u l-Istandard Internazzjonali tal-Kontabbiltà 7

C/2025/4510

ĠU L, 2025/1331, 10.7.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/1331/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/1331/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1331

10.7.2025

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1331

tad-9 ta’ Lulju 2025

li jemenda r-Regolament (UE) 2023/1803 rigward l-Istandards Internazzjonali ta’ Rapportar Finanzjarju 1, 7, 9 u 10, u l-Istandard Internazzjonali tal-Kontabbiltà 7

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta’ standards internazzjonali tal-kontabbiltà (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/1803 (2), ġew adottati ċerti standards internazzjonali tal-kontabbiltà u interpretazzjonijiet li kienu jeżistu fit-8 ta’ Settembru 2022.

(2)

Fit-18 ta’ Lulju 2024, il-Bord tal-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà (“IASB”, International Accounting Standards Board) ħareġ Titjib Annwali għall-Istandards tal-Kontabbiltà — Volum 11 fil-qafas tal-proċess ta’ titjib regolari tiegħu. It-titjib annwali għandu l-għan li jissimplifika u jiċċara l-istandards eżistenti. L-objettiv tat-titjib annwali huwa li jiġu indirizzati kwistjonijiet mhux urġenti, iżda neċessarji, diskussi mill-IASB waqt iċ-ċiklu tal-proġett rigward oqsma ta’ inkonsistenza fl-Istandards tal-Kontabbiltà tal-IFRS jew fejn tkun meħtieġa kjarifika tat-test.

(3)

It-titjib annwali fih emendi żgħar tal-Istandard Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju (“IFRS”, International Financial Reporting Standard) 1 Adozzjoni għall-ewwel Darba tal-Istandards Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju, L-IFRS 7 Strumenti Finanzjarji: Divulgazzjonijiet, l-IFRS 9 Strumenti Finanzjarji u l-IFRS 10 Rapporti Finanzjarji Konsolidati u l-Istandard Internazzjonali tal-Kontabbiltà (“IAS”) 7 Rapport tal-Flussi ta’ Flus.

(4)

Wara l-konsultazzjoni mal-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rapportar Finanzjarju, l-EFRAG, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-emendi fl-IFRS 1, l-IFRS 7, l-IFRS 9, l-IFRS 10 u l-IAS 7 jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-adozzjoni stipulati fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002.

(5)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2023/1803 jiġi emendat skont dan.

(6)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Regolatorju dwar il-Kontabbiltà,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Anness tar-Regolament (UE) 2023/1803, dan li ġej huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament:

(a)

L-Istandard Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju (“IFRS”) 1 Adozzjoni għall-Ewwel Darba tal-Istandards Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju;

(b)

L-IFRS 7 Strumenti Finanzjarji: Divulgazzjonijiet;

(c)

L-IFRS 9 Strumenti Finanzjarji;

(d)

L-IFRS 10 Rapporti Finanzjarji Konsolidati;

(e)

L-Istandard Internazzjonali tal-Kontabbiltà (“IAS”) 7 Rapport tal-Flussi ta’ Flus.

Artikolu 2

Kull kumpanija għandha tapplika l-emendi msemmija fl-Artikolu 1, mhux aktar tard mid-data tal-bidu tal-ewwel sena finanzjarja tagħha li tibda fl-1 ta’ Jannar 2026 jew wara.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Lulju 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2002/1606/oj.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/1803 tat-13 ta’ Settembru 2023 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabbiltà f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 237, 26.9.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1803/oj).


ANNESS

Titjib Annwali fl-Istandards tal-Kontabbiltà tal-IFRS — Volum 11

Emendi tal-IFRS 1, l-IFRS 7, l-IFRS 9, l-IFRS 10 u l-IAS 7

Emendi tal-IFRS 1 Adozzjoni għall-Ewwel Darba tal-Istandards Internazzjoni tar-Rapportar Finanzjarju

Jiżdied il-paragrafu 39AK.

DATA EFFETTIVA

...

39AK

Permezz tat-Titjib Annwali fl-Istandards tal-Kontabbiltà tal-IFRS —Volum 11, maħruġ f’Lulju 2024, ġew emendati l-paragrafi B5–B6. Entità għandha tapplika dawk l-emendi għal perjodi ta’ rapportar annwali li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2026, jew wara. Hija permessa applikazzjoni aktar bikrija. Jekk entità tapplika dawk l-emendi għal perjodu aktar bikri, din għandha tiddivulga dak il-fatt.

Appendiċi B

Eċċezzjonijiet għall-applikazzjoni retrospettiva ta’ IFRSs oħra

Il-paragrafi B5–B6 huma emendati.

Kontabilità għall-iħħeġġjar

...

B5

Entità ma għandhiex tirrifletti fir-rapport tal-pożizzjoni finanzjarja tal-bidu tal-IFRSs tagħha, relazzjoni tal-iħħeġġjar ta’ tip li ma jikkwalifikax għall-kontabbiltà għall-iħħeġġjar f’konformità mal-IFRS 9 (pereżempju, ħafna relazzjonijiet għall-iħħeġġjar li fihom l-istrument għall-iħħeġġjar ikun opzjoni mibjugħa fuq bażi awtonoma jew opzjoni mibjugħa netta; jew li fihom l-entrata ħħeġġjata tkun pożizzjoni netta f’ħeġġ għall-fluss ta’ flus għal riskju ieħor li mhuwiex ir-riskju tal-munita barranija) (ara l-paragrafu 6.4.1(a) tal-IFRS 9). Madankollu, jekk entità tkun iddeżinjat pożizzjoni netta bħala entrata ħħeġġjata f’konformità mal-GAAP preċedenti, din tista’ tiddeżinja bħala entrata ħħeġġjata f’konformità mal-IFRSs entrata individwali f’dik il-pożizzjoni netta, jew pożizzjoni netta jekk tissodisfa r-rekwiżiti fil-paragrafu 6.6.1. tal-IFRS 9, bil-kundizzjoni li tagħmel dan mhux iktar tard mid-data ta’ tranżizzjoni għall-IFRSs.

B6

Jekk qabel id-data ta’ tranżizzjoni għall-IFRSs entità tkun iddeżinjat tranżazzjoni bħala ħeġġ iżda l-ħeġġ ma jkunx jissodisfa l-kriterji kwalifikanti tal-kontabbiltà għall-iħħeġġjar fil-paragrafu 6.4.1(b)-(c) tal-IFRS 9, l-entità għandha tapplika l-paragrafi 6.5.6 u 6.5.7 tal-IFRS 9 biex twaqqaf il-kontabbiltà għall-iħħeġġjar. It-tranżazzjonijiet li wieħed jidħol għalihom qabel id-data ta’ tranżizzjoni għall-IFRSs ma għandhomx jiġu deżinjati b’mod retrospettiv bħala ħeġġijiet.

Emendi tal-IFRS 7 Strumenti Finanzjarji: Divulgazzjonijiet

Jiżdied il-paragrafu 44NN.

DATA EFFETTIVA U TRANŻIZZJONI

...

44NN

Permezz tat-Titjib Annwali fl-Istandards tal-Kontabbiltà tal-IFRS—Volum 11, maħruġa f’Lulju 2024, il-paragrafu B38 ġie emendat. Entità għandha tapplika dawk l-emendi għal perjodi ta’ rapportar annwali li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2026, jew wara. Hija permessa applikazzjoni aktar bikrija. Jekk entità tapplika dawk l-emendi għal perjodu aktar bikri, din għandha tiddivulga dak il-fatt.

Appendiċi B

Gwida għall-applikazzjoni

Il-paragrafu B38 huwa emendat.

IRTIRAR TAR-RIKONOXXIMENT (IL-PARAGRAFI 42C–42H)

...

Qligħ jew telf fl-irtirar tar-rikonoxximent (il-paragrafu 42G(a))

B38

Il-paragrafu 42G(a) jirrikjedi li entità tiddivulga l-qligħ jew telf fl-irtirar tar-rikonoxximent marbut ma’ assi finanzjarji li għalihom l-entità jkollha involviment kontinwu. L-entità għandha tiddivulga jekk qligħ jew telf fl-irtirar tar-rikonoxximent irriżultax minħabba l-valuri ġusti tal-komponenti tal-assi rikonoxxut preċedentement (jiġifieri l-imgħax fl-assi li għalih ġie rtirat ir-rikonoxximent u l-imgħax miżmum mill-entità) kienu differenti mill-valur ġust tal-assi rikonoxxut preċedentement kollu kemm hu. F’dik is-sitwazzjoni, l-entità għandha tiddivulga wkoll jekk il-kejl tal-valur ġust kienx jinkludi inputs li ma jkunux jistgħu ikunu osservati sinifikanti, kif deskritt fil-paragrafi 72–73 tal-IFRS 13.

Emendi tal-IFRS 9 Strumenti Finanzjarji

Kapitolu 2 Kamp ta’ applikazzjoni

Il-paragrafu 2.1(b)(ii) huwa emendat. Il-paragrafu 2.1(b)(i) mhuwiex emendat iżda huwa inkluż hawnhekk għal referenza faċli.

2.1.

Dan l-Istandard għandu jiġi applikat mill-entitajiet kollha għal kull tip ta’ strument finanzjarju minbarra:

...

(b)

drittijiet u obbligi taħt lokazzjonijiet li għalihom japplika l-IFRS 16 Lokazzjonijiet. Madankollu:

(i)

riċevibbli ta’ lokazzjoni finanzjarja (jiġifieri investimenti netti f’lokazzjonijiet finanzjarji) u riċevibbli ta’ lokazzjoni operatorja rikonoxxuta minn lokatur huma soġġetti għal rekwiżiti ta’ rtirar tar-rikonoxximent u ta’ indeboliment ta’ dan l-Istandard;

(ii)

obbligazzjonijiet ta’ lokazzjoni rikonoxxuti minn lokatarju huma soġġetti għal rekwiżiti ta’ rtirar tar-rikonoxximent fil-paragrafi 3.3.1 u 3.3.3 ta’ dan l-Istandard; u

...

Kapitolu 5 Kejl

Il-paragrafu 5.1.3 huwa emendat. Il-paragrafi 5.1.1–5.1.2 mhumiex emendati iżda huma inklużi hawnhekk għal referenza faċli.

5.1   KEJL INIZJALI

5.1.1.

Ħlief fil-każ ta’ riċevibbli tan-negozju fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-paragrafu 5.1.3, fir-rikonoxximent inizjali, entità għandha tkejjel assi finanzjarju jew obbligazzjoni finanzjarja fil-valur ġust tagħhom flimkien ma’ jew mingħajr, fil-każ ta’ assi finanzjarju jew obbligazzjoni finanzjarja mhux fil-valur ġust permezz ta’ profitt jew telf, kostijiet tat-tranżazzjoni li jkunu direttament attribwibbli għall-akkwiżizzjoni jew għall-ħruġ tal-assi finanzjarju jew tal-obbligazzjoni finanzjarja.

5.1.1 A

Madankollu, jekk il-valur ġust tal-assi finanzjarju jew tal-obbligazzjoni finanzjarja fir-rikonoxximent inizjali jvarja mill-prezz tat-tranżazzjoni, entità għandha tapplika l-paragrafu B5.1.2 A.

5.1.2.

Meta entità tuża kontabbiltà skont id-data tas-saldu għal assi li sussegwentement jitkejjel f’kost amortizzat, l-assi jiġi inizjalment rikonoxxut fil-valur ġust tiegħu fid-data tan-negozju (ara l-paragrafi B3.1.3–B3.1.6).

5.1.3.

Minkejja r-rekwiżit fil-paragrafu 5.1.1, fir-rikonoxximent inizjali, entità għandha tkejjel ir-riċevibbli tan-negozju fl-ammont iddeterminat bl-applikazzjoni tal-IFRS 15 jekk ir-riċevibbli tan-negozju ma jkunx fihom komponent ta’ finanzjament sinifikanti f’konformità mal-IFRS 15 (jew meta l-entità tapplika l-espedjent prattiku f’konformità mal-paragrafu 63 tal-IFRS 15).

Kapitolu 7 Data effettiva u tranżizzjoni

Jiżdiedu l-paragrafi 7.1.14 u 7.2.50 u s-subintestatura ta’ qabel il-paragrafu 7.2.50.

7.1   DATA EFFETTIVA

...

7.1.14.

Permezz tat-Titjib Annwali fl-Istandards tal-Kontabbiltà tal-IFRS—Volum 11, maħruġ f’Lulju 2024, ġew emendati l-paragrafu 2.1(b)(ii), il-paragraph 5.1.3 u l-Appendiċi A. Entità għandha tapplika dawk l-emendi għal perjodi ta’ rapportar annwali li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2026, jew wara. Hija permessa applikazzjoni aktar bikrija. Jekk entità tapplika dawk l-emendi għal perjodu aktar bikri, din għandha tiddivulga dak il-fatt.

...

7.2   TRANŻIZZJONI

...

Tranżizzjoni għal Titjib Annwali fl-Istandards tal-Kontabbiltà tal-IFRS — Volum 11

7.2.50.

Entità għandha tapplika l-emenda tal-paragrafu 2.1 (b)(ii) magħmula permezz tat-Titjib Annwali fl-Istandards tal-Kontabbiltà tal-IFRS—Volum 11 għal obbligazzjonijiet ta’ lokazzjoni li huma eżawriti fil-bidu tal-perjodu ta’ rapportar annwali, jew wara, fejn l-entità tapplika l-emenda għall-ewwel darba.

Appendiċi A

Termini definiti

L-aħħar paragrafu tal-Appendiċi A huwa emendat. In-noti f’qiegħ il-paġna tat-test mhumiex riprodotti.

...

It-termini li ġejjin huma definiti fil-paragrafu 11 tal-IAS 32, l-Appendiċi A tal-IFRS 7 jew l-Appendiċi A tal-IFRS 13 u jintużaw f’dan l-Istandard bit-tifsiriet speċifikati fl-IAS 32, fl-IFRS 7 jew fl-IFRS 13:

(a)

riskju ta’ kreditu;

(b)

strument ta’ ekwità;

(c)

valur ġust;

(d)

assi finanzjarju;

(e)

strument finanzjarju; u

(f)

obbligazzjoni finanzjarja.

Emendi tal-IFRS 10 Rapporti Finanzjarji Konsolidati

Il-paragrafu B74 huwa emendat. Il-paragrafi B73 u B75 mhumiex emendati iżda huma inklużi għall-faċilità ta’ referenza.

VALUTAZZJONI TAL-KONTROLL

...

Relazzjoni ma’ partijiet oħra

B73

Meta jivvaluta l-kontroll, investitur għandu jqis in-natura tar-relazzjoni tiegħu ma’ partijiet oħra u jekk dawk il-partijiet l-oħra jkunux qegħdin jaġixxu f’isem l-investitur (jiġifieri jkunu “aġenti de facto”). Id-determinazzjoni dwar jekk partijiet oħra jaġixxux bħala aġenti de facto teħtieġ ġudizzju għaqli, billi titqies mhux biss in-natura tar-relazzjoni iżda wkoll kif dawn il-partijiet jinteraġixxu ma’ xulxin u l-investitur.

B74

Relazzjoni bħal din mhux bilfors tinvolvi arranġament kuntrattwali. Parti tkun aġent de facto meta l-investitur ikollu l-kapaċità li jidderieġi lil dik il-parti biex taġixxi f’isem l-investitur. Parti tista’ tkun ukoll aġent de facto meta dawk li jidderieġu l-attivitajiet tal-investitur ikollhom il-kapaċità li jidderieġu lil dik il-parti biex taġixxi f’isem l-investitur. L-investitur għandu jqis id-drittijiet ta’ teħid tad-deċiżjonijiet tal-aġent de facto tiegħu u l-iskopertura, jew id-drittijiet, indiretti tiegħu, għal redditi varjabbli permezz tal-aġent de facto flimkien ma’ tiegħu stess meta jivvaluta l-kontroll ta’ destinatarja ta’ investiment.

B75

Dawn li ġejjin huma eżempji ta’ tali partijiet oħra li, min-natura tar-relazzjoni ta’ bejniethom, jistgħu jaġixxu bħala aġenti de facto għall-investitur:

(a)

il-partijiet relatati tal-investitur.

(b)

parti li tkun irċeviet l-interess tagħha fid-destinatarja ta’ investiment bħala kontribuzzjoni jew self mill-investitur.

(c)

parti li tkun qablet li ma tbigħx, tittrasferixxi jew taggrava l-interessi tagħha fid-destinatarja ta’ investiment mingħajr l-approvazzjoni minn qabel tal-investitur (ħlief għal sitwazzjonijiet li fihom l-investitur u l-parti l-oħra jkollhom id-dritt tal-approvazzjoni bil-quddiem u d-drittijiet ikunu bbażati fuq termini miftiehma b’mod reċiproku minn partijiet independenti li jaqblu).

(d)

parti li ma tistax tiffinanzja l-operazzjonijiet tagħha mingħajr appoġġ finanzjarju subordinat mingħand l-investitur.

(e)

destinatarja ta’ investiment li fiha l-maġġoranza tal-membri tal-korp ta’ tmexxija tagħha jew il-membri kruċjali tal-maniġment tagħha jkunu l-istess bħal dawk tal-investitur.

(f)

parti li jkollha relazzjoni kummerċjali mill-qrib mal-investitur, bħar-relazzjoni bejn fornitur ta’ servizz professjonali u wieħed mill-klijenti sinifikanti tiegħu.

Appendiċi C

Data effettiva u tranżizzjoni

Jiżdied il-paragrafu C1E.

DATA EFFETTIVA

...

C1E

Permezz tat-Titjib Annwali fl-Istandards tal-Kontabbiltà tal-IFRS—Volum 11, maħruġa f’Lulju 2024, il-paragrafu B74 ġie emendat. Entità għandha tapplika dawk l-emendi għal perjodi ta’ rapportar annwali li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2026, jew wara. Hija permessa applikazzjoni aktar bikrija. Jekk entità tapplika dawk l-emendi għal perjodu aktar bikri, din għandha tiddivulga dak il-fatt.

Emendi tal-IAS 7 Rapporti tal-Flussi ta’ Flus

Il-paragrafu 37 huwa emendat.

INVESTIMENTI F’SUSSIDJARJI, KUMPANIJI ASSOĊJATI U IMPRIŻI KONĠUNTI

37.

Meta jiġi kontabbilizzat investiment f’kumpanija assoċjata, f’impriża konġunta jew f’sussidjarja kontabbilizzat bl-użu tal-metodu tal-ekwità jew skont il-kost, investitur jirrestrinġi r-rapportar tiegħu fir-rapport tal-flussi ta’ flus għall-flussi ta’ flus bejnu u d-destinatarja ta’ investiment, pereżempju, għad-dividendi u l-avvanzi.

Jiżdied il-paragrafu 65.

DATA EFFETTIVA U TRANŻIZZJONI

...

65.

Permezz tat-Titjib Annwali fl-Istandards tal-Kontabbiltà tal-IFRS—Volum 11, maħruġ f’Lulju 2024, il-paragrafu 37 ġie emendat. Entità għandha tapplika dik l-emenda għal perjodi ta’ rapportar annwali li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2026 jew wara. Hija permessa applikazzjoni aktar bikrija. Jekk entità tapplika dik l-emenda qabel iż-żmien stipulat, din għandha tiddivulga dak il-fatt.

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/1331/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top