Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32025R1153

Regolament (UE) 2025/1153 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2025 li jissospendi ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2015/478 fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ prodotti Ukreni fl-Unjoni

PE/7/2025/REV/1

ĠU L, 2025/1153, 5.6.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/1153/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/1153/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1153

5.6.2025

REGOLAMENT (UE) 2025/1153 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-5 ta’ Ġunju 2025

li jissospendi ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2015/478 fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ prodotti Ukreni fl-Unjoni

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra (2) (il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”) jikkostitwixxi l-bażi tar-relazzjoni bejn l-Unjoni u l-Ukrajna. F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/668/UE (3), it-Titolu IV tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, li jirrigwarda l-kummerċ u kwistjonijiet relatati mal-kummerċ, applika provviżorjament mill-1 ta’ Jannar 2016, u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2017, wara li ġie ratifikat mill-Istati Membri kollha.

(2)

Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jsaħħaħ u jwessa’ r-relazzjonijiet bejn il-Partijiet għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni (il-“Partijiet”) b’mod ambizzjuż u innovattiv, bl-għan li jiffaċilita u jikseb integrazzjoni ekonomika gradwali, u f’konformità mad-drittijiet u mal-obbligi li jirriżultaw mis-sħubija tal-Partijiet fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.

(3)

Ir-Regolament (UE) 2015/478 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jistabbilixxi regoli komuni għall-importazzjonijiet ta’ prodotti li joriġinaw fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi terzi, inkluża l-Ukrajna. Fih ukoll dispożizzjonijiet dwar is-sorveljanza u l-miżuri ta’ salvagwardja.

(4)

Il-gwerra ta’ aggressjoni mhux ipprovokata u mhux ġustifikata mir-Russja kontra l-Ukrajna mill-24 ta’ Frar 2022 kellha impatt profondament negattiv fuq il-kapaċità tal-Ukrajna li tinnegozja mal-bqija tad-dinja. Dan kien il-każ għas-settur tal-ħadid u tal-azzar, pereżempju, minħabba l-okkupazzjoni jew il-qerda tal-faċilitajiet tal-produzzjoni tal-ħadid u tal-azzar. Dan kien ukoll il-każ għal setturi oħra tal-ekonomija Ukrena.

(5)

F’dawk iċ-ċirkostanzi u sabiex jittaffa l-impatt ekonomiku negattiv tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, huwa xieraq, għall-benefiċċju tal-Ukrajna, li l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ prodotti li joriġinaw fl-Ukrajna jiġu eżentati mill-miżuri ta’ sorveljanza u ta’ salvagwardja tal-Unjoni. Għal dak il-għan, jeħtieġ li jiġu sospiżi ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2015/478 fir-rigward tal--importazzjonijiet mill-Ukrajna.

(6)

Sabiex ikunu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni biex tissospendi l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament temporanjament fir-rigward ta’ prodott speċifiku li joriġina fl-Ukrajna. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). It-tul ta’ żmien ta’ tali sospensjoni jenħtieġ li jkun twil biżżejjed biex jippermetti lill-Kummissjoni tipproponi, u biex l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jadottaw, regolament li jissospendi, jemenda jew iħassar dan ir-Regolament.

(7)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika għal tliet snin.

(8)

Fid-dawl tal-iskadenza fil-5 ta’ Ġunju 2025 tar-Regolament (UE) 2024/1392 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), li jipprovdi, inter alia, għal effetti ekwivalenti għall-effetti ta’ dan ir-Regolament, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ fis-6 ta’ Ġunju 2025,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ

L-applikazzjoni tal-Artikolu 2, l-Artikoli 4 sa 7, l-Artikoli 9 sa 17 u l-Artikoli 19, 20 u 21 tar-Regolament (UE) 2015/478 għandha tiġi sospiża fir-rigward tal-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' prodotti li joriġinaw fl-Ukrajna.

Artikolu 2

Sospensjoni temporanja

Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tissospendi l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament fir-rigward ta’ prodott speċifiku li joriġina fl-Ukrajna għal perjodu li ma għandux jaqbeż it-12-il xahar, jekk l-importazzjonijiet ta’ dak il-prodott jiżdiedu għal livell li jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għad-dannu serju jew għat-theddida ta’ dannu serju għall-produtturi tal-Unjoni ta’ prodotti simili jew li jikkompetu direttament. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 3(2).

Artikolu 3

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat dwar is-Salvagwardji stabbilit permezz tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2015/478. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-6 ta’ Ġunju 2025.

Għandu japplika mis-6 ta’ Ġunju 2025 sal-5 ta’ Ġunju 2028.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Ġunju 2025.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

A. SZŁAPKA


(1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta’ Mejju 2025 (għadha mhijiex ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2025 (għadha mhijiex ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali).

(2)   ĠU L 161, 29.5.2014, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2014/295/oj.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/668/UE tat-23 ta’ Ġunju 2014 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukraina, min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-Titolu III (bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw it-trattament ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi legalment impjegati bħala ħaddiema fit-territorju tal-Parti l-oħra) u t-Titoli IV, V, VI u VII tiegħu, kif ukoll l-Annessi u l-Protokolli relatati (ĠU L 278, 20.9.2014, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/668/oj).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2015/478 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2015 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjonijiet (ĠU L 83, 27.3.2015, p. 16, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2015/478/oj).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/182/oj).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2024/1392 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 dwar miżuri temporanji ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ li jissupplimentaw il-konċessjonijiet kummerċjali applikabbli għall-prodotti Ukreni skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra, (ĠU L, 2024/1392, 29.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1392/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/1153/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top