Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32025R1127

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1127 tas-6 ta’ Ġunju 2025 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/1805 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-identifikazzjoni ta’ portijiet ġirien tat-trażbord tal-kontejners

C/2025/3550

ĠU L, 2025/1127, 10.6.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1127/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1127/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1127

10.6.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1127

tas-6 ta’ Ġunju 2025

li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/1805 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-identifikazzjoni ta’ portijiet ġirien tat-trażbord tal-kontejners

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2023/1805 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Settembru 2023 dwar l-użu ta’ karburanti rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fit-trasport marittimu, u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 2(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2023/1805 jipprevedi esklużjoni mid-definizzjoni ta’ “port tal-waqfa” għal waqfiet ta’ bastimenti tal-kontejners f’port ġar tat-trażbord tal-kontejners elenkat fl-att ta’ implimentazzjoni adottat skont l-Artikolu 2(2) ta’ dak ir-Regolament.

(2)

F’konformità mal-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) 2023/1805, port għandu jiġi elenkat bħala port ġar tat-trażbord tal-kontejners meta jissodisfa żewġ kriterji. L-ewwel, is-sehem tal-port mit-trażbord tal-kontejners, imkejjel f’unitajiet ekwivalenti ta’ 20 pied, għandu jaqbeż il-65 % tat-traffiku totali tal-kontejners ta’ dak il-port matul il-perjodu ta’ 12-il xahar l-aktar reċenti li għalih tkun disponibbli data rilevanti. It-tieni, il-port għandu jinsab barra mill-Unjoni iżda inqas minn 300 mil nawtiku minn port taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru. Barra minn hekk, il-portijiet li jinsabu f’pajjiż terz li għalih dak il-pajjiż terz effettivament japplika miżuri ekwivalenti għar-Regolament (UE) 2023/1805 ma għandhomx jiġu elenkati bħala port ġar tat-trażbord tal-kontejners.

(3)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2297 (2) li jidentifika portijiet ġirien tat-trażbord tal-kontejners skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Il-kriterji għall-identifikazzjoni tal-portijiet ġirien tat-trażbord tal-kontejners stabbiliti fl-Artikolu 3ga(2) tad-Direttiva 2003/87/KE huma identiċi għall-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) 2023/1805.

(4)

Għall-identifikazzjoni tal-portijiet ġirien tat-trażbord tal-kontejners f’dan ir-Regolament, intużaw l-istess data u analiżijiet bħal dawk għall-identifikazzjoni tal-portijiet ġirien tat-trażbord tal-kontejners fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2297 sabiex tinħoloq koerenza bejn iż-żewġ atti u jiġu ssimplifikati l-implimentazzjoni u l-konformità għall-kumpaniji tat-tbaħħir, għall-verifikaturi u għall-awtoritajiet tal-Istati Membri.

(5)

East Port Said jinsab inqas minn 300 mil nawtiku minn port taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru. Is-sehem ta’ East Port Said mit-trażbord tal-kontejners jaqbeż il-65 % tat-traffiku totali tal-kontejners ta’ dak il-port matul il-perjodu ta’ 12-il xahar l-aktar reċenti li għalih id-data rilevanti kienet disponibbli għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2297. L-Eġittu ma japplikax miżuri ekwivalenti għar-Regolament (UE) 2023/1805 għal East Port Said. Għaldaqstant, East Port Said jenħtieġ li jiġi elenkat bħala port ġar tat-trażbord tal-kontejners.

(6)

Tanger Med jinsab inqas minn 300 mil nawtiku minn port taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru. Is-sehem ta’ Tanger Med mit-trażbord tal-kontejners jaqbeż il-65 % tat-traffiku totali tal-kontejners ta’ dak il-port matul il-perjodu ta’ 12-il xahar l-aktar reċenti fejn id-data rilevanti għalih kienet disponibbli għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2297. Il-Marokk ma japplikax miżuri ekwivalenti għar-Regolament 2023/1805(UE) għal Tanger Med. Għaldaqstant, Tanger Med jenħtieġ li jiġi elenkat bħala port ġar tat-trażbord tal-kontejners.

(7)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Ibħra Protetti u l-Prevenzjoni ta’ Tniġġis minn Bastimenti,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-portijiet ġirien tat-trażbord tal-kontejners imsemmija fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) 2023/1805 huma elenkati fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Ġunju 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 234, 22.9.2023, p. 48, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1805/oj.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2297 tas-26 ta’ Ottubru 2023 li jidentifika portijiet ġirien tat-trażbord tal-kontejners skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L, 2023/2297, 27.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/2297/oj).

(3)  Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2003/87/oj).


ANNESS

Il-portijiet ġirien tat-trażbord tal-kontejners imsemmija fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) 2023/1805:

Nru

Isem il-port

Pajjiż

1.

EAST PORT SAID

L-EĠITTU

2.

TANGER MED

IL-MAROKK


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1127/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top