Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32025R0846

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/846 tas-6 ta’ Mejju 2025 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tqabbil transfruntier tal-identità tal-persuni fiżiċi

C/2025/2618

ĠU L, 2025/846, 7.5.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/846/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/846/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/846

7.5.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/846

tas-6 ta’ Mejju 2025

li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tqabbil transfruntier tal-identità tal-persuni fiżiċi

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11a(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 jirrikjedi li l-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali (il-“kartieri”) u l-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika notifikati jkunu disponibbli bħala għażla għall-awtentikazzjoni biex jinkiseb aċċess għas-servizzi pubbliċi transfruntiera online pprovduti mill-Istati Membri. F’każijiet ta’ awtentikazzjoni transfruntiera bħal dawn, ir-rekords li jkun fihom informazzjoni li tappartjeni għall-utent tal-kartiera jew għall-utent ta’ mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika notifikati xi drabi jkunu diġà disponibbli għall-parti dipendenti permezz tar-reġistru tal-parti dipendenti stess jew ta’ reġistru estern, u spiss fil-forma ta’ kont tal-utent. F’dawn il-każijiet, ċerta informazzjoni li tappartjeni għall-utent, miksuba mill-kartieri jew mill-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika notifikati, tista’ titqabbel minn dik il-parti dipendenti jew inkella f’isimha. Pereżempju, dan jista’ jinkiseb bl-użu ta’ soluzzjoni ċentralizzata operata minn korp tas-settur pubbliku, abbażi tal-informazzjoni li tkun diġà nżammet minn dik il-parti dipendenti jew minn reġistru li fuqu tiddependi l-parti dipendenti, b’mod indikattiv, reġistru tal-popolazzjoni jew bażi tad-data b’informazzjoni dwar il-kontijiet tal-utenti.

(2)

Il-Kummissjoni tivvaluta b’mod regolari t-teknoloġiji, il-prattiki, l-istandards u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ġodda. Biex ikun żgurat l-ogħla livell ta’ armonizzazzjoni fost l-Istati Membri għall-iżvilupp u għaċ-ċertifikazzjoni tal-kartieri, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti f’dan ir-Regolament jiddependu fuq il-ħidma mwettqa skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/946 (2) u b’mod partikolari l-Arkitettura u l-Qafas ta’ Referenza li huma parti minnu. F’konformità mal-premessa 75 tar-Regolament (UE) 2024/1183 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), il-Kummissjoni jenħtieġ li tirrieżamina u, jekk ikun meħtieġ, taġġorna dan ir-Regolament biex iżżommu konformi mal-iżviluppi globali, mal-Arkitettura u mal-Qafas ta’ Referenza, u biex issegwi l-aħjar prattiki fis-suq intern.

(3)

Sabiex jiġi żgurat li l-proċess tat-tqabbil tal-identità jiffunzjona b’mod affidabbli fl-Istati Membri kollha, l-Istati Membri li jaġixxu bħala partijiet dipendenti, jenħtieġ li jwettqu t-tqabbil inizjali tal-identità meta persuna fiżika titlob għall-ewwel darba li tingħata aċċess għal servizz operat mill-parti dipendenti, abbażi jew tas-sett minimu tad-data kif stabbilit fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1501 (4) jew tas-sett tad-data tal-identifikazzjoni tal-persuna stabbilit fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2977 (5). Filwaqt li dan ir-Regolament jiffoka fuq l-Istati Membri li jaġixxu bħala partijiet dipendenti, ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 iħalli f’idejn l-Istati Membri biex jiddeċiedu jekk is-sistema tat-tqabbil tal-identità hijiex disponibbli wkoll għall-partijiet dipendenti privati. Meta l-Istati Membri jipprevedu t-tqabbil tal-identità għall-partijiet dipendenti li mhumiex il-korpi tas-settur pubbliku, jenħtieġ li kemm jista’ jkun japplikaw il-mekkaniżmi u l-proċeduri stabbiliti f’dan ir-Regolament.

(4)

Għall-fini tat-tqabbil transfruntier tal-identità meta jintużaw il-kartieri, l-informazzjoni użata għat-tqabbil inekwivoku tal-identità jenħtieġ li tkun l-identifikaturi obbligatorji tad-data tas-sett tad-data tal-identifikazzjoni tal-persuna kif stabbilit fit-Taqsima 1 tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/2977, flimkien ma’ kwalunkwe data fakultattiva meħtieġa biex jiġi żgurat li s-sett tad-data tal-identifikazzjoni tal-persuna jkun uniku.

(5)

Għall-fini tat-tqabbil transfruntier tal-identità meta jintużaw il-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika notifikati, l-informazzjoni użata għat-tqabbil inekwivoku tal-identità jenħtieġ li tkun l-attributi obbligatorji tas-sett minimu tad-data għal persuna fiżika kif stabbilit fit-Taqsima 1 tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1501. Ir-referenza għall-attributi obbligatorji tas-sett minimu tad-data għal persuna fiżika jenħtieġ li tinftiehem fil-kuntest tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1501, li jiddeskrivi attribut bħala komponent tas-sett minimu tad-data tal-identifikazzjoni tal-persuna, għall-kuntrarju tad-definizzjoni tal-attributi stabbilita fl-Artikolu 3, il-punt (43), tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 kif emendat bir-Regolament (UE) 2024/1183.

(6)

Minħabba d-dipendenza fuq informazzjoni diġà eżistenti użata mill-parti dipendenti biex jiġi żgurat tqabbil inekwivoku tal-identità, il-proċess tat-tqabbil tal-identità jista’ ma jkunx ta’ suċċess fil-każijiet kollha. Sabiex jiġi pprovdut grad xieraq ta’ flessibbiltà għall-partijiet dipendenti, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu proċessi komplementari li jiksbu livell ekwivalenti ta’ fiduċja fl-eżitu tal-proċess tat-tqabbil tal-identità.

(7)

Meta l-proċess tat-tqabbil tal-identità jitqies li kien ta’ suċċess skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, il-parti dipendenti jew il-parti li taġixxi f’isimha, jew reġistru li fuqu jiddependu l-partijiet dipendenti jew is-sistema ċentralizzata jenħtieġ li jiżguraw li l-utent jiġi infurmat dwar ir-reġistrazzjoni b’suċċess, inkluż billi jintwera l-isem jew il-psewdonimu tal-utent u, meta jkun xieraq, fost l-oħrajn, dwar l-għażliet disponibbli għall-ħżin tar-riżultat tal-proċess tat-tqabbil tal-identità. Dawk l-għażliet jistgħu jinkludu l-ħżin ta’ assoċjazzjoni f’reġistru operat mill-parti dipendenti u/jew f’reġistru li fuqu tiddependi l-parti dipendenti u/jew il-ħruġ ta’ attestazzjoni elettronika ddedikata tal-attributi li jkun fihom assoċjazzjoni li tista’ terġa’ tintuża fil-futur u/jew bl-użu ta’ għażliet alternattivi pprovduti mill-parti dipendenti jew mill-parti li taġixxi f’isem il-parti dipendenti. Meta jkun applikabbli, jenħtieġ li l-utent ikun jista’ jagħżel bejn l-għażliet u jkollu ż-żmien taż-żamma taħt il-kontroll tiegħu biex jiġi żgurat li l-utenti jkunu jistgħu jerġgħu jużaw il-proċessi kompluti tat-tqabbil tal-identità fil-futur.

(8)

Sabiex jissaħħu t-trasparenza u l-kontroll tal-utent, meta l-utent ma jkunx jista’ jitqabbel b’suċċess, l-utent jenħtieġ li jingħata raġunijiet ċari għaliex it-tqabbil ma kienx ta’ suċċess. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-utent jiġi infurmat dwar kwalunkwe pass potenzjali li jmiss. Dik l-informazzjoni jenħtieġ li tinkludi l-informazzjoni li tkun intużat fil-proċess tat-tqabbil tal-identità u kwalunkwe diskrepanza li tkun instabet, filwaqt li tipprovdi spjegazzjonijiet u struzzjonijiet ċari lill-utenti dwar rimedji possibbli u proċessi komplementari.

(9)

Sabiex il-mekkaniżmi xierqa ta’ rikors jsiru disponibbli kull meta jsir it-tqabbil tal-identità, il-partijiet dipendenti jew il-partijiet li jaġixxu f’isimhom jew ir-reġistri li fuqhom jiddependu l-partijiet dipendenti jenħtieġ li jżommu reġistri xierqa dwar il-proċess tat-tqabbil tal-identità, l-informazzjoni użata għat-tqabbil u kwalunkwe dokumentazzjoni ta’ sostenn oħra pprovduta mill-persuna fiżika kif ukoll l-eżitu tal-proċess tat-tqabbil tal-identità. Dawn ir-reġistri jenħtieġ li jinżammu għal minimu ta’ 6 xhur u massimu ta’ 12-il xahar biex ikunu jistgħu jiġu rreġistrati u pproċessati l-ilmenti mill-utenti. Iż-żmien taż-żamma jista’ jiġi estiż jekk ikun meħtieġ mid-dritt tal-Unjoni jew dak nazzjonali.

(10)

Sabiex jiġi evitat li l-utenti tal-kartieri ma jkollhomx għalfejn iwettqu l-proċess tat-tqabbil tal-identità ripetutament, l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li s-sistemi tat-tqabbil tal-identità jkunu kapaċi joħorġu attestazzjoni elettronika tal-attributi b’rabta bejn l-utent tal-kartiera u reġistru li fih dak l-utent ikun irreġistrat bħala utent magħruf. B’mod alternattiv, l-Istati Membri jistgħu jaħżnu assoċjazzjoni bħala referenza għal reġistru li jkun aċċessibbli għall-parti dipendenti jew miżuri oħra ta’ assistenza.

(11)

Sabiex jiġi żgurat li l-kartieri li għandhom jiġu pprovduti f’konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 5a(1) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014, u l-iskemi ta’ identifikazzjoni elettronika notifikati jibbenefikaw mill-vantaġġi li jkollhom sistemi operazzjonali tat-tqabbil tal-identità, jeħtieġ li tiġi stabbilita skadenza itwal għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rispettivi ta’ dan ir-Regolament. Fir-rigward tal-kartieri, kull Stat Membru jenħtieġ li jipprovdi mill-inqas kartiera waħda fi żmien 24 xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikoli 5a(23) u 5c(6) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014. Għalhekk, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament dwar it-tqabbil tal-identità abbażi tal-kartieri jenħtieġ li tikkoinċidi mal-perjodu ta’ żmien ta’ hawn fuq. Fir-rigward tal-iskemi ta’ identifikazzjoni elettroniċi notifikati, jenħtieġ li jingħata biżżejjed żmien biex jiġu sostitwiti l-funzjonalitajiet għat-tqabbil tal-identità.

(12)

Peress li l-użu tal-kartiera għandu jkun volontarju, l-Istati Membri jenħtieġ li jipprovdu metodi alternattivi għall-utenti biex jiksbu aċċess għas-servizzi li jipprovdu meta jaġixxu bħala partijiet dipendenti.

(13)

Meta wieħed jipprova jawtentika f’servizz elettroniku, ir-reġistrazzjoni ġdida ta’ utent tista’ ssir bla xkiel, u għalhekk għall-utent tista’ tidher, viżwalment u teknikament, bħallikieku ilu juża s-servizz elettroniku u qed jerġa’ jidħol bħas-soltu. Għal dik ir-raġuni, jenħtieġ li reġistrazzjoni ġdida ta’ utent għal servizz elettroniku, għall-fini ta’ dan ir-Regolament, titqies bħala ekwivalenti għal proċess tat-tqabbil tal-identità b’suċċess.

(14)

L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-proċess tat-tqabbil tal-identità jiffunzjona mingħajr xkiel u li l-utent ma jesperjenzax diversi bidliet waqt is-sessjoni u passi ripetittivi anke jekk il-proċess tat-tqabbil tal-identità inizjalment ma jkunx ta’ suċċess u jitwettqu proċessi komplementari.

(15)

L-Istati Membri għandhom il-libertà li jfasslu l-interfaċċi tal-utenti u n-notifiki tagħhom b’mod li jaqbel mal-kuntest nazzjonali tagħhom, filwaqt li jqisu l-ispirtu tar-rekwiżiti li jinsabu f’dan ir-Regolament.

(16)

Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) u, meta rilevanti, id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) japplikaw għall-attivitajiet tal-ipproċessar tad-data personali skont dan ir-Regolament.

(17)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) u ta l-opinjoni tiegħu fil-31 ta’ Jannar 2025.

(18)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-kumitat stabbilit bl-Artikolu 48 tar-Regolament (UE) Nru 910/2014,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli għat-tqabbil transfruntier tal-identità tal-persuni fiżiċi mill-korpi tas-settur pubbliku jew mill-korpi li jaġixxu f’isem korp tas-settur pubbliku, li għandhom jiġu aġġornati fuq bażi regolari biex jibqgħu konformi mal-iżviluppi teknoloġiċi u fl-istandards u mal-ħidma mwettqa abbażi tar-Rakkomandazzjoni (UE) 2021/946, u b’mod partikolari l-Arkitettura u l-Qafas ta’ Referenza.

Artikolu 2

Rekwiżiti ġenerali

1.   Meta korp tas-settur pubbliku jaġixxi bħala parti dipendenti fil-kuntest ta’ servizz transfruntier online offrut minn dak il-korp tas-settur pubbliku jew inkella f’ismu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċess stabbilit fil-paragrafu 2 jintuża biex jiġi żgurat it-tqabbil inekwivoku tal-identità tal-persuni fiżiċi.

2.   It-tqabbil inekwivoku tal-identità għandu jsir mill-parti dipendenti jew inkella f’isimha, jew minn reġistru li fuqu jiddependu l-partijiet dipendenti, jew sistema ċentralizzata, billi tintalab, kif applikabbli, tiġi riċevuta u vvalidata l-awtentiċità tal-informazzjoni elenkata fil-paragrafi 3 jew 4.

3.   Meta d-dipendenza tkun fuq kartiera, l-informazzjoni li għandha tintuża għat-tqabbil inekwivoku tal-identità għandha tkun id-data obbligatorja tal-identifikazzjoni tal-persuna stabbilita fit-Taqsima 1 tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/2977, flimkien ma’ kwalunkwe data fakultattiva li tkun meħtieġa biex jiġi żgurat li s-sett tad-data ppreżentat ikun uniku u jinkludi, meta jkun xieraq, informazzjoni addizzjonali jew proċeduri komplementari.

4.   Meta d-dipendenza tkun fuq skema ta’ identifikazzjoni elettronika notifikata, l-informazzjoni li għandha tintuża għat-tqabbil inekwivoku tal-identità għandha tkun l-attributi obbligatorji tas-sett minimu tad-data għal persuna fiżika kif stabbilit fit-Taqsima 1 tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1501 inkluż, meta jkun xieraq, kwalunkwe informazzjoni addizzjonali jew proċedura komplementari.

5.   Meta jiġi ddeterminat jekk hemmx tqabbil inekwivoku tal-identità, il-parti dipendenti, jew il-parti li taġixxi f’isimha, għandha tqabbel l-informazzjoni pprovduta mill-utent ma’ dik li l-parti dipendenti jew parti li taġixxi f’isimha jew minn reġistru li fuqu jiddependu l-partijiet dipendenti, diġà jkunu rreġistraw.

6.   L-eżitu tal-proċess deskritt fil-paragrafu 5, sa fejn ikun possibbli, ma għandux jiġi affettwat mid-differenzi fit-trażlitterazzjoni, fl-ispazji vojta, fit-tagħqid tal-kliem b’sing qasir, fil-konkatenazzjoni, u fil-varjazzjonijiet ortografiċi simili li huma meħtieġa skont id-dritt tal-Unjoni jew id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru.

7.   Meta t-tqabbil ikun eżatt għall-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 u jkun relatat ma’ persuna fiżika waħda biss jew l-eżitu tal-proċess ikun iwassal għal reġistrazzjoni ġdida tal-utent li tkun ekwivalenti fil-funzjoni tiegħu għal proċess tat-tqabbil tal-identità b’suċċess, il-proċess tat-tqabbil tal-identità għandu jitqies li kien ta’ suċċess u li jirriżulta fi tqabbil inekwivoku tal-identità. Meta t-tqabbil ma jkunx eżatt jew ikun relatat ma’ aktar minn persuna fiżika waħda, jew il-parti li twettaq it-tqabbil tal-identità ma tkunx tista’ tiggarantixxi li t-tqabbil ikun inekwivoku, il-proċess tat-tqabbil tal-identità għandu jitqies li ma kienx ta’ suċċess.

8.   L-Istati Membri jistgħu jiddependu fuq sistemi ċentralizzati tat-tqabbil tal-identità, operati minn korp tas-settur pubbliku stabbilit f’dak l-Istat Membru, biex jiżguraw li l-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika notifikati jew il-kartieri minn Stat Membru ieħor ikunu jistgħu jitqabblu mar-reġistrazzjonijiet u mar-rekords eżistenti bl-użu ta’ proċeduri online.

9.   Meta l-Istati Membri jippermettu lill-partijiet dipendenti tal-kartiera, li ma jkunux korpi tas-settur pubbliku, iwettqu tqabbil tal-identità, għandhom japplikaw il-mekkaniżmi u l-proċeduri stabbiliti f’dan ir-Regolament, meta jkun applikabbli.

Artikolu 3

Obbligi tal-partijiet dipendenti fejn il-proċess tat-tqabbil tal-identità jkun ta’ suċċess

1.   L-ewwel darba li utent iwettaq il-proċess tat-tqabbil tal-identità u dan jitqies li kien ta’ suċċess skont l-Artikolu 2(7), il-parti dipendenti jew il-parti li taġixxi f’isimha, jew reġistru li fuqu jiddependu l-partijiet dipendenti jew is-sistema ċentralizzata għandhom jiżguraw li l-utent jiġi infurmat dwar il-fatt li jkun ingħata aċċess għas-servizz li jkun talab aċċess għalih.

2.   Meta jkun applikabbli, l-utent għandu jiġi infurmat ukoll jekk:

(a)

ikun ġie rreġistrat bħala utent ġdid;

(b)

ikun tqabbel b’suċċess ma’ utent wieħed eżistenti tal-parti dipendenti jew;

(c)

ikun tqabbel b’suċċess ma’ utent wieħed eżistenti f’reġistru li fuqu tiddependi l-parti dipendenti jew il-parti li taġixxi f’isimha;

(d)

jista’ jerġa’ juża l-proċessi kompluti tat-tqabbil tal-identità fil-futur billi jagħżel waħda mill-għażliet li ġejjin inkluż iż-żmien taż-żamma:

il-ħżin ta’ assoċjazzjoni f’reġistru operat mill-parti dipendenti jew f’reġistru li fuqu tiddependi l-parti dipendenti li jista’ jerġa’ jintuża f’talbiet futuri għall-aċċess;

il-ħruġ ta’ attestazzjoni elettronika ddedikata tal-attributi li jkun fiha assoċjazzjoni li tista’ terġa’ tintuża f’talbiet futuri għall-aċċess;

għażliet alternattivi pprovduti mill-parti dipendenti jew mill-parti li taġixxi f’isem il-parti dipendenti jew is-sistema ċentralizzata li jistgħu jerġgħu jintużaw f’talbiet futuri għall-aċċess.

Artikolu 4

Obbligi tal-partijiet dipendenti fejn il-proċess tat-tqabbil tal-identità ma jkunx ta’ suċċess

1.   Meta proċess tat-tqabbil tal-identità jitqies li ma kienx ta’ suċċess skont l-Artikolu 2(7), il-parti dipendenti jew il-parti li taġixxi f’isimha jew is-sistema ċentralizzata għandhom jiżguraw li l-utent ta’ mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika notifikati jew ta’ kartiera jiġi infurmat jekk:

(a)

id-data magħmula disponibbli ma kinitx imqabbla b’suċċess u b’mod inekwivoku ma’ kwalunkwe utent eżistenti tal-parti dipendenti jew f’reġistru li fuqu tiddependi l-parti dipendenti jew il-parti li taġixxi f’isimha;

(b)

għażliet oħra għat-tqabbil tal-identità disponibbli għall-utent jew metodi oħra biex jinkiseb aċċess għas-servizz ikunu disponibbli.

2.   L-għażliet jew metodi oħra msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (b) jistgħu jinkludu:

(a)

mezz ta’ identifikazzjoni elettronika notifikat differenti jew kartiera differenti;

(b)

aġġornament tal-informazzjoni diġà rreġistrata mal-parti dipendenti, mal-parti li taġixxi f’isimha jew ma’ reġistru li fuqu tiddependi l-parti dipendenti jew is-sistema ċentralizzata tat-tqabbil tal-identità;

(c)

informazzjoni addizzjonali pprovduta mill-parti dipendenti jew minn parti li taġixxi f’isimha għat-tqabbil tal-identità jew għas-sistema ċentralizzata.

3.   Meta l-metodi komplementari jirriżultaw fi tqabbil jew f’reġistrazzjoni b’suċċess u inekwivoka, l-eżitu għandu jsegwi l-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 3.

4.   Meta l-parti dipendenti jew is-sistema ċentralizzata tiddetermina, inizjalment jew wara li tkun wettqet mingħajr suċċess il-proċessi komplementari tat-tqabbil tal-identità, li l-utent ma jkunx ġie rreġistrat qabel, il-parti dipendenti jew is-sistema ċentralizzata tista’ tqis lil dak l-utent bħala utent ġdid u, meta jkun applikabbli, tirreġistra lill-utent f’konformità mad-dritt nazzjonali jew mal-prattiki amministrattivi.

5.   Meta l-metodi komplementari ma jirriżultawx fi tqabbil b’suċċess u inekwivoku, il-parti li twettaq it-tqabbil tal-identità tista’ tivvaluta jekk l-utent kellux interazzjoni jew interazzjonijiet minn qabel mal-parti dipendenti jew ma’ reġistru li fuqu tiddependi l-parti dipendenti u għalhekk għandu jitqies bħala utent ġdid.

6.   Meta jkun hemm utent ġdid, il-partijiet dipendenti għandhom japplikaw il-proċess stabbilit fl-Artikolu 3. Il-partijiet dipendenti jistgħu jirreġistraw utenti ġodda f’konformità mad-dritt nazzjonali jew mal-prattiki amministrattivi.

Artikolu 5

Obbligi tal-partijiet dipendenti wara t-tlestija tal-proċess tat-tqabbil tal-identità

1.   Meta jitlesta proċess tat-tqabbil tal-identità kif stabbilit fl-Artikolu 2, kemm jekk b’suċċess kif ukoll jekk mingħajr suċċess, il-parti dipendenti jew il-parti li taġixxi f’isimha jew ir-reġistru li fuqu tiddependi l-parti dipendenti għandha żżomm ir-reġistri relatati mal-proċess tat-tqabbil tal-identità u mal-eżitu tiegħu, inkluż meta jkun disponibbli, ma’ dan li ġej:

(a)

il-valuri pprovduti mill-utent u mill-parti dipendenti li jintużaw biex jitwettaq il-proċess tat-tqabbil tal-identità;

(b)

id-data u l-ħin tal-proċess tat-tqabbil tal-identità;

(c)

kwalunkwe dokumentazzjoni rilevanti pprovduta bħala parti mill-metodi komplementari msemmija fl-Artikolu 4(1) u (2) meħtieġa għat-trattament tat-tilwim;

(d)

meta jkun applikabbli, kwalunkwe identifikatur jew numru ta’ kont użat mill-parti dipendenti, jew reġistru li fuqu jiddependu l-partijiet dipendenti, jew il-parti li taġixxi f’isimha, jew is-sistema ċentralizzata tat-tqabbil tal-identità li hija relatata mal-persuna fiżika.

2.   Il-partijiet dipendenti jew il-partijiet li jaġixxu f’isimhom, għandhom iqisu l-prinċipji tas-sigurtà u tal-privatezza mid-disinn relatati mar-reġistrazzjoni tal-informazzjoni inkluża fil-paragrafu 1.

3.   Il-partijiet dipendenti jew il-partijiet li jaġixxu f’isimhom, għandhom iżommu r-reġistri għal minimu ta’ 6 xhur u massimu ta’ 12-il xahar għal finijiet ta’ sigurtà. Għal finijiet oħra, inkluż biex jiġu ffaċilitati r-reġistrazzjoni u l-ipproċessar tal-ilmenti tal-utenti, iż-żmien taż-żamma jista’ jiġi estiż jekk ikun meħtieġ mid-dritt tal-Unjoni jew dak nazzjonali.

Artikolu 6

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-24 ta’ Diċembru 2026.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Mejju 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/910/oj.

(2)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/946 tat-3 ta’ Ġunju 2021 dwar Sett ta’ Għodod komuni tal-Unjoni għal approċċ koordinat lejn Qafas Ewropew għall-Identità Diġitali (ĠU L 210, 14.6.2021, p. 51, ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2021/946/oj).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2024/1183 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 910/2014 fir-rigward tal-istabbiliment tal-Qafas Ewropew għall-Identità Diġitali (ĠU L, 2024/1183, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1183/oj).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1501 tat-8 ta’ Settembru 2015 dwar il-qafas tal-interoperabbiltà skont l-Artikolu 12(8) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern (ĠU L 235, 9.9.2015, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/1501/oj).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2977 tat-28 ta’ Novembru 2024 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tad-data tal-identifikazzjoni tal-persuna u l-attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi maħruġa lill-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali (ĠU L, 2024/2977, 4.12.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2977/oj).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/679/oj).

(7)  Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika), (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2002/58/oj).

(8)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/846/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top