Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32025R0405

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/405 tat-13 ta’ Diċembru 2024 li jemenda r-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-prattiki enoloġiċi

C/2024/8692

ĠU L, 2025/405, 26.2.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/405/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/405/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/405

26.2.2025

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/405

tat-13 ta’ Diċembru 2024

li jemenda r-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-prattiki enoloġiċi

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 18(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2021/2117 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) emenda r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Fil-kuntest ta’ dik l-emenda, l-inbid dealkoħolizzat ġie miżjud mal-prodotti tas-settur tal-inbid elenkati fil-Parti XII tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u ġiet miżjuda Taqsima E ġdida relatata mal-proċessi tad-dealkoħolizzazzjoni mal-prattiki enoloġiċi stabbiliti fil-Parti I tal-Anness VIII ta’ dak ir-Regolament.

(2)

Peress li l-inbid dealkoħolizzat sar prodott tas-settur tal-inbid, jenħtieġ li japplikaw regoli speċifiċi dwar il-produzzjoni tas-settur tal-inbid stabbiliti fil-Parti VI tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/848 għall-produzzjoni tal-inbid organiku dealkoħolizzat.

(3)

Skont ir-Regolament (UE) 2018/848, l-inbid dealkoħolizzat ma jistax jiġi prodott b’mod organiku. Skont il-Parti VI tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/848, l-ebda wieħed mill-proċessi tad-dealkoħolizzazzjoni elenkati għas-settur tal-inbid fit-Taqsima E tal-Parti I tal-Anness VIII tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 ma huwa permess għall-produzzjoni organika. Il-punt 3.4 tal-Parti VI tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/848 jiddikjara li kwalunkwe emenda li tikkonċerna l-prattiki, il-proċessi u t-trattamenti enoloġiċi previsti fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tista’ tapplika għall-produzzjoni organika tal-inbid biss wara li dawk il-miżuri jkunu ġew inklużi kif permess fil-Parti VI tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/848 u, jekk meħtieġ, wara evalwazzjoni f’konformità mal-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2018/848.

(4)

F’konformità mal-proċedura prevista fl-Artikolu 24(7) tar-Regolament (UE) 2018/848, Stat Membru wieħed ippreżenta dossier lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar l-użu tad-distillazzjoni f’vakwu għall-produzzjoni ta’ nbejjed organiċi dealkoħolizzati fid-dawl tal-awtorizzazzjoni u l-inklużjoni tiegħu fil-punt 3.3 tal-Parti VI tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/848. Dak id-dossier ġie evalwat mill-Grupp ta’ Esperti għall-Parir Tekniku dwar il-Produzzjoni Organika (EGTOP) (4) u mill-Kummissjoni.

(5)

L-EGTOP irrakkomanda li jiġi emendat il-punt 3.3 tal-Parti VI tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/848, li jelenka t-tekniki ta’ evaporazzjoni bil-vakwu fost il-prattiki permessi, esklużivament għall-produzzjoni tal-inbid organiku totalment dealkoħolizzat, filwaqt li jiġu ssodisfati l-limitazzjonijiet f’termini ta’ temperatura (75 °C) u ta’ pori tal-filtrazzjoni (mhux iżgħar minn 0,2 mikrometri).

(6)

Dawk it-tekniki ta’ evaporazzjoni bil-vakwu jikkorrispondu għall-proċess tad-dealkoħolizzazzjoni “evaporazzjoni parzjali bil-vakwu” u “distillazzjoni”, kemm jekk użati waħedhom kif ukoll jekk flimkien, imsemmija fil-punti (a) u (c) tat-Taqsima E tal-Parti I tal-Anness VIII tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

(7)

Abbażi ta’ dan, jixraq li jiżdied l-użu tal-evaporazzjoni parzjali bil-vakwu fil-punt 3.3 tal-Parti VI tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/848 sabiex jiġu awtorizzati dawk l-użi fil-produzzjoni tal-inbid organiku dealkoħolizzat dment li l-inbid prodott ikollu qawwa alkoħolika skont il-volum li ma taqbiżx iż-0,5 % vol, it-temperatura użata ma taqbiżx il-75 °C, id-daqs tal-pori għall-filtrazzjoni ma jkunx iżgħar minn 0,2 mikrometri u li d-distillazzjoni tintuża f’vakwu.

(8)

Il-parti VI tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/848 tirreferi għar-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 606/2009 (5) u (KE) Nru 607/2009 (6). Dawk ir-Regolamenti tħassru rispettivament bir-Regolamenti Delegati tal-Kummissjoni (UE) 2019/934 (7) u (UE) 2019/33 (8). Fl-interess taċ-ċarezza, jenħtieġ li jiġu aġġornati r-referenzi legali għal dawk l-atti.

(9)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2018/848 jiġi emendat kif xieraq,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/848 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Diċembru 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 150, 14.6.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/848/oj.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2021/2117 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli, (UE) Nru 1151/2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel, (UE) Nru 251/2014 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, it-tikkettar u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti tal-inbid aromatizzat u (UE) Nru 228/2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni (ĠU L 435, 6.12.2021, p. 262, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/2117/oj).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1308/oj).

(4)  EGTOP final report on Wine II: https://agriculture.ec.europa.eu/farming/organic-farming/co-operation-and-expert-advice/egtop-reports_en.

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 606/2009 tal-10 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008 fir-rigward tal-kategoriji tal-prodotti tad-dwieli, il-prattiċi enoloġiċi u r-restrizzjonijiet applikabbli (ĠU L 193, 24.7.2009, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/606/oj).

(6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 607/2009 tal-14 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi ċerti regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008 fir-rigward tad-denominazzjonijiet tal-oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti, termini tradizzjonali, it-tikkettar u l-preżentazzjoni ta’ ċerti prodotti fis-settur tal-inbid (ĠU L 193, 24.7.2009, p. 60, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/607/oj).

(7)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/934 tat-12 ta’ Marzu 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li jirrigwarda ż-żoni ta’ vitikultura li fihom tista’ tiżdied il-qawwa alkoħolika, il-prattiki enoloġiċi awtorizzati u r-restrizzjonijiet applikabbli għall-produzzjoni u l-konservazzjoni tal-prodotti tad-dielja, il-persentaġġ minimu tal-alkoħol għall-prodotti sekondarji u r-rimi tagħhom, u l-pubblikazzjoni tal-fajls tal-OIV (ĠU L 149, 7.6.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2019/934/oj).

(8)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 tas-17 ta’ Ottubru 2018 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini, indikazzjonijiet ġeografiċi u termini tradizzjonali fis-settur tal-inbid, il-proċedura ta’ oġġezzjoni, ir-restrizzjonijiet tal-użu, l-emendi għall-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott, it-tħassir tal-protezzjoni, u t-tikkettar u l-preżentazzjoni (ĠU L 9, 11.1.2019, p. 2, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2019/33/oj).


ANNESS

Il-Parti VI tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/848 hija emendata kif ġej:

(1)

it-Taqsima 1.2. hija sostitwita b’dan li ġej:

“1.2.

Għandhom japplikaw ir-Regolamenti Delegati tal-Kummissjoni (UE) 2019/934* u (UE) 2019/33**, ħlief kif espliċitament previst mod ieħor f’din il-Parti.

*

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/934 tat-12 ta’ Marzu 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li jirrigwarda ż-żoni ta’ vitikultura li fihom tista’ tiżdied il-qawwa alkoħolika, il-prattiki enoloġiċi awtorizzati u r-restrizzjonijiet applikabbli għall-produzzjoni u l-konservazzjoni tal-prodotti tad-dielja, il-persentaġġ minimu tal-alkoħol għall-prodotti sekondarji u r-rimi tagħhom, u l-pubblikazzjoni tal-fajls tal-OIV, (ĠU L 149, 7.6.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2019/934/oj).

**

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 tas-17 ta’ Ottubru 2018 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini, indikazzjonijiet ġeografiċi u termini tradizzjonali fis-settur tal-inbid, il-proċedura ta’ oġġezzjoni, ir-restrizzjonijiet tal-użu, l-emendi għall-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott, it-tħassir tal-protezzjoni, u t-tikkettar u l-preżentazzjoni (ĠU L 9, 11.1.2019, p. 2, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2019/33/oj).”;

(2)

it-Taqsima 2.2. hija sostitwita b’dan li ġej:

“2.2.

Il-prodotti u s-sustanzi awtorizzati f’konformità mal-Artikolu 24 għall-użu fil-produzzjoni organika biss jistgħu jintużaw għall-fabbrikazzjoni ta’ prodotti tas-settur tal-inbid, inkluż waqt il-prattiki enoloġiċi, il-proċessi u t-trattamenti, soġġett għall-kundizzjonijiet u r-restrizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u r-Regolament Delegat (UE) 2019/934, u b’mod partikolari fil-Parti A tal-Anness I tar-Regolament imsemmi l-aħħar.”;

(3)

it-Taqsima 3.1. hija sostitwita b’dan li ġej:

“3.1.

Mingħajr preġudizzju għat-Taqsimiet 1 u 2 ta’ din il-Parti u għal projbizzjonijiet u restrizzjonijiet speċifiċi previsti fit-Taqsimiet 3.2., 3.3. u 3.4., għandhom ikunu permessi biss il-prattiki, il-proċessi u t-trattamenti enoloġiċi, inkluż ir-restrizzjonijiet previsti fl-Artikolu 80 u l-Artikolu 83(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, fl-Artikoli 3, l-Artikoli 5 sa 9 u l-Artikoli 11 sa 13 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/934, u fl-Annessi ta’ dawk ir-Regolamenti użati qabel l-1 ta’ Awwissu 2010.”;

(4)

fit-Taqsima 3.2., il-punti (b), (c), (d) u (e) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(b)

l-eliminazzjoni tad-diossidu tal-kubrit permezz ta’ proċessi fiżiċi kif imsemmi fl-entrata 5 tat-Tabella 1 tal-Parti A tal-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2019/934;

(c)

trattament bl-elettrodijaliżi biex tiġi żgurata l-istabbilizzazzjoni tartarika tal-inbid kif imsemmi fl-entrata 10 tat-Tabella 1 tal-Parti A tal-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2019/934;

(d)

korrezzjoni tal-kontenut tal-alkoħol fl-inbid kif imsemmi fl-entrata 12 tat-Tabella 1 tal-Parti A tal-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2019/934;

(e)

trattament bi skambjaturi tal-katjoni għall-istabbilizzazzjoni tartarika tal-inbid kif imsemmi fl-entrata 13 tat-Tabella 1 tal-Parti A tal-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2019/934.”;

(5)

it-Taqsima 3.3. hija sostitwita b’dan li ġej:

“3.3.

L-użu tal-prattiki, il-proċessi u t-trattamenti enoloġiċi li ġejjin huwa permess bil-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

trattamenti bis-sħana kif imsemmi fl-entrata 2 tat-Tabella 1 tal-Parti A tal-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2019/934, dment li t-temperatura ma taqbiżx il-75 °C;

(b)

ċentrifugazzjoni u filtrazzjoni b’aġent filtranti inert jew mingħajru kif imsemmi fl-entrata 3 tat-Tabella 1 tal-Parti A tal-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2019/934, dment li d-daqs tal-pori ma jkunx iżgħar minn 0,2 mikrometri;

(c)

evaporazzjoni parzjali bil-vakwu kif imsemmi fil-punt (a) tat-Taqsima E tal-Parti I tal-Anness VIII tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, kemm jekk użata waħedha kif ukoll jekk flimkien mad-distillazzjoni kif imsemmi fil-punt (d) ta’ din it-Taqsima, dment li l-evaporazzjoni parzjali bil-vakwu tintuża biss għall-produzzjoni tal-inbid dealkoħolizzat b’qawwa alkoħolika skont il-volum li ma taqbiżx iż-0,5 % vol, u li t-temperatura użata ma taqbiżx il-75 °C u li d-daqs tal-pori għall-filtrazzjoni ma jkunx iżgħar minn 0,2 mikrometri;

(d)

distillazzjoni kif imsemmija fil-punt (c) tat-Taqsima E tal-Parti I tal-Anness VIII tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, kemm jekk użata waħedha kif ukoll jekk flimkien mal-evaporazzjoni parzjali bil-vakwu kif imsemmi fil-punt (c) ta’ din it-Taqsima, dment li d-distillazzjoni tintuża biss għall-produzzjoni tal-inbid dealkoħolizzat b’qawwa alkoħolika skont il-volum li ma taqbiżx iż-0,5 % vol. u li tintuża f’vakwu u li t-temperatura użata ma taqbiżx il-75 °C u li d-daqs tal-pori għall-filtrazzjoni ma jkunx iżgħar minn 0,2 mikrometri.”;

(6)

it-Taqsima 3.4. hija sostitwita b’dan li ġej:

“3.4.

Kull emenda introdotta wara l-1 ta’ Awwissu 2010, li tikkonċerna l-prattiki, il-proċessi u t-trattamenti enoloġiċi previsti fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jew fir-Regolament Delegat (UE) 2019/934 tista’ tapplika għall-produzzjoni organika tal-inbid biss wara li dawk il-miżuri jkunu ġew inklużi kif permess f’din it-Taqsima u, jekk meħtieġ, wara evalwazzjoni f’konformità mal-Artikolu 24 ta’ dan ir-Regolament.”.

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/405/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top